EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019R0473

Regolament (UE) 2019/473 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Marzu 2019 dwar l-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (kodifikazzjoni)

PE/79/2018/REV/1

ĠU L 83, 25/03/2019, p. 18–37 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 09/01/2024

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/473/oj

25.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 83/18


REGOLAMENT (UE) 2019/473 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tad-19 ta' Marzu 2019

dwar l-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd

(kodifikazzjoni)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 768/2005 (3) ġie emendat kemm-il darba (4) b'mod sostanzjali. Għal iktar ċarezza u razzjonalità, dak ir-Regolament jenħtieġ li jiġi kkodifikat.

(2)

Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw kontroll, spezzjoni u infurzar tar-regoli tal-politika komuni tas-sajd ikunu effettivi u li jikkoperaw flimkien u ma' pajjiżi terzi għal dak il-għan.

(3)

Sabiex jitwettqu dawk l-obbligi, huwa meħtieġ li l-Istati Membri jikkoordinaw l-attivitajiet tagħhom ta' kontroll u spezzjoni fit-territorju tal-art tagħhom, f'ibħra tal-Unjoni u dawk internazzjonali, skont il-liġi internazzjonali u, b'mod partikolari, l-obbligi tal-Unjoni fil-qafas ta' organizzazzjonijiet tas-sajd reġjonali u taħt ftehim ma' pajjiżi terzi.

(4)

L-ebda skema ta' spezzjoni ma tista' tkun effettiva a paragun tan-nefqa mingħajr ma tipprovdi għal spezzjonijiet fuq l-art. Huwa għal dik ir-raġuni li territorju tal-art jenħtieġ li jkun kopert bi pjanijiet ta' skjerament konġunti.

(5)

Tali koperazzjoni, permezz tal-koordinazzjoni operattiva tal-attivitajiet ta' kontroll u spezzjoni, jenħtieġ li tkun ta' kontribut għall-isfruttar sostenibbli tar-riżorsi akwatiċi ħajjin kif ukoll tiżgura kundizzjonijiet indaqs għall-industrija tas-sajd involuta f'dan l-isfruttar u b'hekk tnaqqas id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni.

(6)

Il-kontroll u l-ispezzjoni effettiva tas-sajd huma kkunsidrati bħala essenzjali biex jiġi miġġieled sajd illegali, mhux rapportat u mhux regolat.

(7)

Mingħajr preġudizzju għar-reponsabbiltajiet tal-Istati Membri skont ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013, hemm bżonn ta' korp tekniku u amministrattiv tal-Unjoni sabiex jorganizza koperazzjoni u kordinazzjoni bejn l-Istati Membri rigward kontroll u spezzjoni tas-sajd.

(8)

L-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (“l-Aġenzija”) jenħtieġ li tkun f'pożizzjoni li tappoġġja l-implimentazzjoni uniformi tas-sistema ta' kontroll tal-politika komuni tas-sajd, biex tkun żgurata l-organizzazzjoni tal-koperazzjoni operattiva, biex tingħata assistenza lill-Istati Membri u tiġi stabbilita unità ta' emerġenza fejn jiġi identifikat riskju serju għall-politika komuni tas-sajd. Jenħtieġ ukoll li tkun tista' tipprovdi lilha nfisha bit-tagħmir neċessarju biex twettaq pjanijiet ta' skjerament konġunti u biex tikkoopera fl-implimentazzjoni tal-Politika Marittima Integrata tal-UE.

(9)

Huwa meħtieġ li l-Aġenzija, fuq talba tal-Kummissjoni, tkun kapaċi tassisti l-Unjoni u l-Istati Membri fir-relazzjonijiet tagħhom ma' pajjiżi terzi jew organizzazzjonjiet tas-sajd reġjonali jew it-tnejn, u li tikkopera mal-awtoritajiet kompetenti tagħhom fi ħdan il-qafas tal-obbligi internazzjonali tal- Unjoni.

(10)

Barra minn hekk, jenħtieġ li ssir ħidma lejn l-applikazzjoni effettiva tal-proċeduri ta' spezzjoni tal-Unjoni. Matul iż-żmien l-Aġenzija tista' ssir sors ta' referenza għall-għajnuna xjentifika u teknika għall-kontroll u l-ispezzjoni tal-attivitajiet tas-sajd.

(11)

Sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-politika komuni tas-sajd, li għandha tipprovdi għall-isfruttar sostenibbli tar-riżorsi akwatiċi ħajjin fil-kuntest ta' żvilupp sostenibbli, l-Unjoni tadotta miżuri li jikkonċernaw il-konservazzjoni, l-immaniġġar u l-sfruttar ta' riżorsi akwatiċi ħajjin.

(12)

Sabiex jiġi żgurat l-infurzar xieraq ta' tali miżuri, jenħtieġ li jiġu użati mezzi adegwati ta' kontroll u infurzar mill-Istati Membri. Sabiex tali kontroll u infurzar isir aktar effettiv u effiċjenti, huwa xieraq li l-Kummissjoni, skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 47(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, u flimkien mal-Istati Membri kkonċernati, tadotta programmi speċifiċi ta' kontroll u spezzjoni.

(13)

Il-kordinazzjoni mill-Aġenzija tal-koperazzjoni operattiva bejn l-Istati Membri jenħtieġ li ssir abbażi ta' pjanijiet ta' skjerament konġunti, li jorganizzaw l-użu tal-mezzi disponibbli ta' kontroll u spezzjoni tal-Istati Membri kkonċernati sabiex jagħtu effett lill-programmi ta' kontroll u spezzjoni. L-attivitajiet ta' kontroll u spezzjoni tal-attivitajiet tas-sajd mill-Istati Membri jenħtieġ li jitwettqu bi qbil mal-kriterji, prijoritajiet, punti ta' riferenza, u proċeduri komuni dwar l-attivitajiet ta' kontroll u spezzjoni abbażi ta' dawk il-programmi.

(14)

L-adozzjoni ta' programm ta' kontroll u spezzjoni jobbliga lill-Istati Membri biex jipprovdu effettivament ir-riżorsi meħtieġa biex jitwettaq il-programm. Huwa meħtieġ għall-Istati Membri li jinnotifikaw mill-ewwel lill-Aġenzija bil-mezzi ta' kontroll u spezzjoni li bihom għandhom l-intenzjoni li jeżegwixxu tali programm. Jenħtieġ li ma jinħolqu l-ebda obbligi addizzjonali, f'termini ta' kontroll, spezzjoni u infurzar jew fir-rigward ta' disponibbiltà ta' riżorsi meħtieġa f'dan il-kuntest, mill-pjanijiet skjerament konġunti.

(15)

Pjan ta' eżerċizzju konġunt jenħtieġ li jkun preparat mill-Aġenzija biss jekk ikun previst fil-programm ta' ħidma.

(16)

Il-programm ta' ħidma jenħtieġ li jiġi adottat mill-Bord Amministrattiv, li jiżgura li jintlaħaq konsensus suffiċjenti, inkluż fit-tqabbil tal-kompiti previsti għall-Aġenzija fil-programm ta' ħidma u r-riżorsi disponibbli għall-Aġenzija, abbażi tal-informazzjoni provduta mill-Istati Membri.

(17)

Il-kompitu prinċipali tad-Direttur Eżekuttiv jenħtieġ li jkun li jiżgura li fil-konsultazzjonijiet tiegħu mal-Membri tal-Bord u l-Istati Membri l-ambizzjonijiet stabbiliti fil-programm ta' ħidma għal kull sena jkunu jaqblu ma' riżorsi suffiċjenti biex jitwettaq il-programm ta' ħidma magħmula disponibbli għall-Aġenzija mill-Istati Membri.

(18)

Id-Direttur Eżekuttiv jenħtieġ, b'mod partikolari, ifassal pjanijiet ta' skjerament preċiżi, billi juża r-riżorsi notifikati mill-Istati Membri, għat-twettiq ta' kull programm ta' kontroll u spezzjoni u jirrispetta r-regoli u l-għanijiet imniżżla fil-programm speċifiku ta' kontroll u spezzjoni li fuqu huwa bbażat il-programm ta' skjerament konġunt, kif ukoll regoli relevanti oħra, bħal dawk relatati mal-Ispetturi tal-Unjoni.

(19)

F'dan il-kuntest, huwa meħtieġ li d-Direttur Eżekuttiv jamministra ż-żminijiet b'tali mod li jagħti lill-Istati Membri żmien biżżejjed biex jipprovdu l-kummenti tagħhom, jibnu fuq il-kompetenza operattiva tagħhom, filwaqt li jibqgħu fi ħdan il-pjan ta' ħidma tal-Aġenzija u t-termini perentorji previsti f'dan ir-Regolament. Huwa meħtieġ li d-Direttur Eżekuttiv jieħu kont tal-interess tal-Istati Membri konċernati fl-attivitajiet tas-sajd koperti minn kull pjan. Sabiex tiġi żgurata kordinazzjoni effiċjenti u fil-ħin tal-attivitajiet konġunti ta' kontroll u spezzjoni, huwa meħtieġ li tiġi provduta proċedura li tippermetti deċiżjoni dwar l-adozzjoni tal-pjanijiet meta ma jkunx jista' jintlaħaq ftehim bejn l-Istati Membri konċernati.

(20)

Il-proċedura għat-tfassil u l-adozzjoni ta' pjanijiet ta' skjerament konġunti barra ibħra tal-Unjoni jenħtieġ li tkun simili għal dik li tikkonċerna l-ibħra tal-Unjoni. Il-bażi għal tali pjanijiet ta' skjerament konġunti jenħtieġ li jkun programm internazzjonali ta' kontroll u spezzjoni li jagħti effett lill-obbligi internazzjonali relatati ma' kontroll u spezzjoni li jorbot lill-Unjoni.

(21)

Għall-implimentazzjoni ta' pjanijiet ta' skjerament konġunti, l-Istati Membri konċernati jenħtieġ li jiġbru u jeżerċitaw il-mezzi ta' kontroll u spezzjoni li huma impenjaw għal tali pjanijiet. L-Aġenzija jenħtieġ li tivvaluta jekk il-mezzi ta' kontroll u spezzjoni disponibbli humiex biżżejjed u, fejn xieraq, tinforma lill-Istati Membri konċernati u lill-Kummissjoni li l-mezzi mhumiex biżżejjed biex jitwettqu l-kompiti meħtieġa taħt il-programm ta' kontroll u spezzjoni.

(22)

Filwaqt li l-Istati Membri jenħtieġ li jirrispettaw l-obbligi tagħhom relatati ma' spezzjoni u kontroll, b'mod partikolari taħt il-programm speċifiku ta' kontroll u spezzjoni adottat skont ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-Aġenzija jenħtieġ li ma jkollhiex s-setgħa li timponi obbligi addizzjonali permezz ta' pjanijiet ta' skjerament konġunti jew li tissanzjona Stati Membri.

(23)

L-Aġenzija jenħtieġ li tirrevedi perjodikament l-effettività tal-pjanijiet ta' skjerament konġunti.

(24)

Huwa xieraq li jiġi provdut għall-possibiltà li jiġu adottati regoli ta' implimentazzjoni speċifiċi għall-adozzjoni u l-approvazzjoni ta' pjanijiet ta' skjerament konġunti. L-użu ta' din il-possibbiltà jista' jkun utli ladarba l-Aġenzija tkun bdiet topera u jekk id-Direttur Eżekuttiv jikkunsidra li tali regoli jenħtieġ li jiġu stabbiliti fil-liġi tal-Unjoni.

(25)

L-Aġenzija jenħtieġ li jkollha d-dritt, meta hekk mitluba, li tipprovdi servizzi kuntrattwali relatati mal-mezzi ta' kontroll u spezzjoni li għandhom jintużaw fl-iskjerament konġunt mill-Istati Membru konċernati.

(26)

Għall-iskop tat-twettiq tal-kompiti tal-Aġenzija, il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-Aġenzija jenħtieġ li jiskambjaw informazzjoni rilevanti dwar il-kontroll u l-ispezzjoni permezz ta' network ta' informazzjoni.

(27)

L-istatus u l-istruttura tal-Aġenzija jenħtieġ li jaqblu man-natura oġġettiva tar-riżultati li hija maħsuba li tipproduċi u jenħtieġ li jippermettula li twettaq il-funzjonijiet tagħha f'koperazzjoni stretta mal-Istati Membri u mal-Kummissjoni. B'konsegwenza, l-Aġenzija jenħtieġ li tingħata awtonomija legali, finanzjarja u amministrattiva filwaqt li fl-istess ħin iżżomm rabtiet stretti mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-Istati Membri. Għal dak il-għan, huwa meħtieġ u xieraq li l-Aġenzija tkun korp tal-Unjoni b'personalità legali u teżerċita s-setgħat li huma mogħtija lilha minn dan ir-Regolament.

(28)

Għar-responsabbiltà kuntrattwali tal-Aġenzija, li hija regolata mil-liġi li tapplika għall-kuntratti finalizzati mill-Aġenzija, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jenħtieġ li jkollha ġurisdizzjoni bis-saħħa ta' kwalunkwe klawsola ta' arbitraġġ li tkun tinsab fil-kuntratt. Il-Qorti tal-Ġustizzja jenħtieġ li jkollha wkoll ġurisdizzjoni f'tilwim relatat mal-kumpens għal kwalunkwe dannu li joħroġ mir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Aġenzija skont il-prinċipji ġenerali li huma komuni għal-liġijiet tal-Istati Membri.

(29)

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu rappreżentati fi ħdan bord amministrattiv inkarigat li jiżgura t-tħaddim korrett u effettiv tal-Aġenzija.

(30)

Ladarba l-Aġenzija għandha twettaq l-obbligi tal-Unjoni u, fuq talba tal-Kummissjoni tikkopera ma' pajjiżi terzi u ma' organizzazzjonijiet tas-sajd reġjonali fi ħdan il-qafas tal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni, huwa xieraq li l-President tal-Bord Amministrattiv jenħtieġ li jkun elett minn fost ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni.

(31)

Arranġamenti dwar il-votazzjoni fil-Bord Amministrattiv jenħtieġ li jagħtu każ tal-interessi tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni fl-operat effettiv tal-Aġenzija.

(32)

Bord Konsultattiv jenħtieġ li jinħoloq sabiex jagħti parir lid-Direttur Eżekuttiv u jiżgura koperazzjoni stretta ma' partijiet interessati.

(33)

Huwa xieraq li ssir dispożizzjoni biex fid-deliberazzjonijiet tal-Bord Amministrattiv jipparteċipa rappreżentant tal-Bord Konsultattiv mingħajr drittijiet ta' votazzjoni.

(34)

Huwa meħtieġ li ssir dispożizzjoni għall-ħatra u r-revoka tad-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija, kif ukoll għar-regoli li jirregolaw it-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu.

(35)

Sabiex jiġi promoss tħaddim trasparenti tal-Aġenzija, ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) jenħtieġ li japplika għall-Aġenzija mingħajr restrizzjonijiet.

(36)

Fl-interess tal-ħarsien tal-privatezza tal-individwi, ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) jenħtieġ li japplika għal dan ir-Regolament.

(37)

Sabiex tkun garantita l-awtonomija funzjonali u l-indipendenza ta l-Aġenzija, jenħtieġ li tingħata baġit awtonomu li d-dħul tiegħu jiġi minn kontribut mill- Unjoni kif ukoll minn ħlasijiet għal servizzi kuntrattwali mogħtija mill-Aġenzija. Il-proċedura baġitarja tal-Unjoni jenħtieġ li tkun applikabbli safejn għandhom x' jaqsmu l-kontribut tal-Unjoni u kwalunkwe sussidju ieħor a karigu tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea. L-awditjar tal-kontijiet jenħtieġ li jsir mill-Qorti tal-Awdituri.

(38)

Sabiex jiġu miġġielda l-frodi, il-korruzzjoni, u attivitajiet illegali oħra, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) jenħtieġ li japplikaw mingħajr ebda restrizzjoni għall-Aġenzija, li jenħtieġ li taderixxi mal-Ftehim Inter-istituzzjonali tal-25 ta' Mejju 1999 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej fir-rigward ta' investigazzjonijiet interni mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) (9).

(39)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament jenħtieġ li jiġu adottati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10),

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

GĦAN U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Għan

Dan ir-Regolament jagħmel dispożizzjoni biex ikun hemm Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (“l-Aġenzija”), li l-għan tagħha huwa li torganizza l-kordinazzjoni operattiva tal-attivitajiet ta' kontroll u spezzjoni tas-sajd mill-Istati Membri u li tgħinhom jikkoperaw sabiex jikkonformaw mar-regoli tal-politika komuni tas-sajd sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva u uniformi tagħha.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-għanijiet ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“kontroll u spezzjoni” tfisser kwalunkwe miżura meħuda mill-Istati Membri, b'mod partikolari skont l-Artikoli 5, 11, 71, 91 u 117 u t-Titolu VII tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 (11) biex tikkontrolla u tispezzjona l-attivitajiet tas-sajd fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni tal-politika komuni tas-sajd, inklużi l-attivitajiet ta' sorveljanza u monitoraġġ, bħal sistemi satellitari ta' monitoraġġ tal-bastimenti u skemi ta' osservaturi;

(b)

“mezzi ta' kontroll u spezzjoni” tfisser il-bastimenti ta' sorveljanza, inġenji tal-ajru, vetturi u riżorsi materjali oħra kif ukoll spetturi, osservaturi u riżorsi umani oħra użati mill-Istati Membri għall-kontroll u l-ispezzjoni;

(c)

“pjan ta' eżerċizzju konġunt” tfisser pjan li jistabbilixxi arranġamenti operattivi għall-użu ta' mezzi disponibbli ta' kontroll u spezzjoni;

(d)

“programm internazzjonali ta' kontroll u spezzjoni” tfisser programm li jistabbilixxi għanijiet, prijoritajiet komuni u proċeduri għal attivitajiet ta' kontroll u spezzjoni biex jiġu implimentati obbligi internazzjonali tal-Kummissjoni relatati mal-kontroll u l-ispezzjoni;

(e)

“programm speċifiku ta' kontroll u spezzjoni” tfisser programm li jistabbilixxi għanijiet, prijoritajiet u proċeduri komuni għal attivitajiet ta' kontroll u spezzjoni stabbiliti bi qbil mal-Artikolu 95 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009;

(f)

“attività ta' sajd” tfisser l-attivitajiet ta' sajd kif definiti fil-punt 28 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;

(g)

“spetturi tal-Unjoni” tfisser l-ispetturi inklużi fil-lista msemmija fl-Artikolu 79 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.

KAPITOLU II

IL-MISSJONI U L-KOMPITI TAL-AĠENZIJA

Artikolu 3

Missjoni

Il-missjoni tal-Aġenzija għandha tkun:

(a)

li tikkordina l-kontroll u l-ispezzjoni minn Stati Membri li għandhom x'jaqsmu mal-obbligi ta' kontroll u spezzjoni tal-Unjoni;

(b)

li tikkordina l-użu tal-mezzi nazzjonali ta' kontroll u spezzjoni miġbura mill-Istati Membri kkonċernati skont dan ir-Regolament;

(c)

li tkun ta' assistenza għall-Istati Membri fir-rappurtar ta' informazzjoni dwar attivitajiet ta' sajd u attivitajiet ta' kontroll u spezzjoni lill-Kummissjoni u partijiet terzi;

(d)

li, fil-qasam tal-kompetenzi tagħha, tkun ta' assistenza għall-Istati Membri biex iwettqu l-kompiti u l-obbligi tagħhom skont ir-regoli tal-politika komuni tas-sajd;

(e)

li tkun ta' assistenza għall-Istati Membri u l-Kummissjoni fl-armonizzazzjoni tal-applikazzjoni tal-politika komuni tas-sajd f'kull parti tal-Unjoni;

(f)

li tagħti kontribut fix-xogħol tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni fil-qasam tar-riċerka u żvilupp ta' tekniki ta' kontroll u spezzjoni;

(g)

li tagħti kontribut għall-kordinazzjoni ta' taħriġ għal spetturi u l-iskambju ta' esperjenza bejn l-Istati Membri;

(h)

li tikkoordina l-operazzjonijiet biex jiġi miġġieled sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat (“IUU”) skont ir-regoli tal-Unjoni;

(i)

li tassisti fl-implimentazzjoni uniformi tas-sistema ta' kontroll tal-politika komuni tas-sajd, inkluż b'mod partikolari:

l-organizzazzjoni ta' koordinazzjoni operattiva tal-attivitajiet tal-kontroll mill-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta' programmi speċifiċi ta' kontroll u spezzjoni, programmi ta' kontroll relatati mas-sajd IUU u programmi internazzjonali ta' kontroll u spezzjoni;

l-ispezzjonijiet kif meħtieġa biex jitwetqu l-kompiti tal-Aġenzija skont l-Artikolu 19;

(j)

li tikkoopera mal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, stabbilita mir-Regolament (UE) 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12) u mal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima, stabbilita mir-Regolament (KE) Nru 1406/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13), kull waħda skont il-mandat tagħha, biex tappoġġa lill-awtoritajiet nazzjonali li jwettqu l-funzjonijiet tal-gwardja tal-kosta kif stabbilit fl-Artikolu 8 ta' dan ir-Regolament, billi tagħtihom servizzi, informazzjoni, tagħmir u taħriġ u billi tikkoordina operazzjonijiet li jaqdu aktar minn għan wieħed.

Artikolu 4

Kompiti relatati mal-obbligi internazzjonali tal- Unjoni relatati mal-kontroll u l-ispezzjoni

1.   L-Aġenzija għandha, fuq talba tal-Kummissjoni:

(a)

tkun ta' assistenza għall-Unjoni u l-Istati Membri fir-relazzjonijiet tagħhom ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet tas-sajd reġjonali internazzjonali li tagħhom l-Unjoni hija membru;

(b)

tikkopera mal-awtoritajiet kompetenti tal-organizzazzjonijiet tas-sajd internazzjonali reġjonali rigward l-obbligi ta' kontroll u spezzjoni tal- Unjoni fil-qafas ta' arranġamenti ta' ħidma konklużi ma' tali korpi.

2.   L-Aġenzija tista', fuq talba tal-Kummissjoni, tikkopera mal-awtoritajiet kompetenti ta' pajjiżi terzi fi kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma' kontroll u spezzjoni fil-qafas ta' ftehim konklużi bejn l-Unjoni u tali pajjiżi terzi.

3.   L-Aġenzija tista', fi ħdan il-qasam ta' kompetenza tagħha, twettaq, f'isem l-Istati Membri, il-kompiti li jaqgħu taħt ftehimiet internazzjonali dwar is-sajd li l-Unjoni tifforma parti minnhom.

Artikolu 5

Kompiti relatati mal-koordinazzjoni operattiva

1.   Il-koordinazzjoni operattiva mill-Aġenzija għandha tkopri l-kontroll tal-attivitajiet kollha koperti mill-politika komuni tas-sajd.

2.   Għal għanijiet ta' koordinazzjoni operattiva, l-Aġenzija għandha tistabbilixxi pjanijiet ta' skjerament konġunti u torganiżża kordinazzjoni operattiva ta' kontroll u spezzjoni mill-Istati Membri skont il-Kapitolu III.

3.   Għall-fini tat-tisħieħ tal-koordinazzjoni operattiva bejn l-Istati Membri, l-Aġenzija tista' tistabbilixxi pjanijiet operattivi mal-Istati Membri kkonċernati u tikkoordina l-implimentazzjoni tagħhom.

Artikolu 6

L-għoti ta' servizzi kuntrattwali lil Stati Membri

Fuq talba ta' Stati Membri, l-Aġenzija tista' tipprovdi servizzi kuntrattwali, li għandhom x'jaqsmu mal-kontroll u l-ispezzjoni f'relazzjoni mal-obbligi tagħhom rigward is-sajd fl-Unjoni u/jew f'ibħra internazzjonali, inkluż il-kiri, l-operat u l-għoti ta' persunal għall-pjattaformi ta' kontroll u spezzjoni u l-forniment ta' osservaturi għal operazzjonijiet konġunti mill-Istati Membri konċernati.

Artikolu 7

Assistenza lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri

L-Aġenzija għandha tassisti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiġi żgurat li jiġu ssodisfatti l-obbligi tagħhom fl-ogħla livell, uniformi u effikaċi, skont ir-regoli tal-politika komuni tas-sajd, inkluża rigward il-ġlieda kontra s-sajd IUU, u tassistihom fir-relazzjonijiet tagħhom ma' pajjiżi terzi. L-Aġenzija għandha b'mod partikolari:

(a)

tistabbilixxi u tiżviluppa kurrikulu ċentrali għat-taħriġ tal-għalliema fl-ispettorat tas-sajd tal-Istati Membri u tipprovdi korsijiet ta' taħriġ u seminars addizzjonali għal dawk l-uffiċjali u persunal ieħor involvuti fl-attivitajiet ta' kontroll u ta' spezzjoni;

(b)

tistabbilixxi u tiżviluppa kurrikulu ċentrali għat-taħriġ tal-ispetturi tal-Unjoni qabel l-ewwel skjerament tagħhom u tipprovdi taħriġ u seminars addizzjonali aġġornati fuq bażi regolari għal dawk l-uffiċjali;

(c)

fuq it-talba tal-Istati Membri, timpenja lilha nnifisha fl-akkwist konġunt tal-oġġetti u s-servizzi relatati mal-attivitajiet ta' kontroll u spezzjoni mill-Istati Membri kif ukoll tipprepara u tikoordina l-implimentazzjoni mill-Istati Membri tal-proġetti pilota konġunti;

(d)

tipprepara proċeduri operattivi konġunti relatati mal-attivitajiet ta' kontroll u ispezzjoni konġunti li jimpenjaw żewġ Stati Membri jew aktar;

(e)

telabora kriterji għall-iskambju tal-mezzi ta' kontroll u ta' spezzjoni bejn l-Istati Membri u bejn Stati Membri u pajjiżi terzi, u għall-provvista ta' dawk il-mezzi mill-tati Membri;

(f)

tagħmel analiżi tar-riskju abbażi ta' data tas-sajd dwar il-qabdiet, l-iżbarki u l-isforz tas-sajd, kif ukoll analiżi tar-riskju tal-iżbarki mhux rapportati inkluż fost l-oħrajn paragun tad-data dwar il-qabdiet u l-importazzjonijiet mad-data dwar l-esportazzjonijiet u dwar il-konsum nazzjonali;

(g)

fuq talba tal-Kummissjoni jew tal-Istati Membri, tiżviluppa metodoloġiji u proċeduri komuni ta' spezzjoni;

(h)

tassisti lill-Istati Membri, fuq it-talba tagħhom, biex jikkonformaw mal-obbligi tagħhom tal-Unjoni kif ukoll dawk internazzjonali, inkluża l-ġlieda kontra s-sajd IUU, u dawk li jirriżultaw fil-kuntest tal-organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd;

(i)

tippromwovi u tikkoordina l-iżvilupp ta' metodoloġiji uniformi ta' ġestjoni tar-riskju fil-qasam tal-kompetenza tagħha;

(j)

tikkoordina u tippromwovi l-koperazzjoni bejn l-Istati Membri, u l-istandards komuni għall-iżvilupp ta' pjani għat-teħid ta' kampjuni kif stipulat fir-Regolament (KE) Nru 1224/2009.

Artikolu 8

Koperazzjoni Ewropea dwar il-funzjonijiet tal-gwardja tal-kosta

1.   L-Aġenzija għandha, f'koperazzjoni mal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta u mal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima, tappoġġa lill-awtoritajiet nazzjonali li jwettqu funzjonijiet ta' gwardja tal-kosta fil-livell nazzjonali u tal-Unjoni, u, meta jkun xieraq, fil-livell internazzjonali permezz:

(a)

tal-kondiviżjoni, tal-fużjoni u tal-analiżi ta' informazzjoni disponibbli fis-sistemi ta' rapportar tal-bastimenti u sistemi oħra ta' informazzjoni ospitati minn jew aċċessibbli għal dawk l-aġenziji, f'konformità mal-bażijiet ġuridiċi rispettivi tagħhom u mingħajr preġudizzju għas-sjieda ta' data mill-Istati Membri;

(b)

tal-għoti ta' servizzi ta' sorveljanza u ta' komunikazzjoni bbażati fuq l-aħħar teknoloġija, inklużi l-infrastruttura fl-ispazju u fuq l-art u s-sensuri mmuntati fuq kwalunkwe tip ta' pjattaforma;

(c)

tal-bini tal-kapaċità billi tfassal linji gwida u rakkomandazzjonijiet u billi jiġu stabbiliti l-aħjar prattiki, kif ukoll billi tipprovdi taħriġ u skambju tal-persunal;

(d)

tat-tisħiħ tal-iskambju tal-informazzjoni u tal-koperazzjoni dwar il-funzjonijiet tal-gwardji tal-kosta inkluż permezz tal-analiżi tal-isfidi operazzjonali u r-riskji emerġenti fil-qasam marittimu;

(e)

tal-kondiviżjoni tal-kapaċitajiet permezz tal-ippjanar u l-implimentazzjoni ta' operazzjonijiet li jaqdu iktar minn għan wieħed, u l-kondiviżjoni ta' assi u kapaċitajiet oħra, sal-punt li dawk l-attivitajiet ikunu kkoordinati minn dawk l-aġenziji u jkun hemm qbil dwarhom mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati.

2.   Il-forom preċiżi tal-koperazzjoni dwar il-funzjonijiet tal-gwardji tal-kosta bejn l-Aġenzija, l-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd u l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima għandhom jiġu ddeterminati f'arranġament ta' ħidma, f'konformità mal-mandati rispettivi tagħhom u mar-regoli finanzjarji applikabbli għal dawk l-aġenziji. Tali arranġament għandu jiġi approvat mill-Bord Amministrattiv tal-Aġenzija, mill-Bord Amministrattiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta u mill-Bord Amministrattiv tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima.

3.   Il-Kummissjoni għandha, f'koperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, l-Aġenzija, l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta u l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima, tagħmel disponibbli manwal prattiku dwar il-koperazzjoni Ewropea dwar il-funzjonijiet tal-gwardji tal-kosta. Dak il-manwal prattiku għandu jkun fih linji gwida, rakkomandazzjonijiet u l-aħjar prattiki għall-iskambju ta' informazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tadotta l-manwal fil-forma ta' rakkomandazzjoni.

KAPITOLU III

KOORDINAZZJONI OPERATTIVA

Artikolu 9

Implimentazzjoni ta' obbligi tal-Unjoni relatati ma' kontroll u spezzjoni

1.   L-Aġenzija għandha, fuq talba tal-Kummissjoni, tikkoordina attivitajiet ta' kontroll u spezzjoni minn Stati Membri abbażi tal-programmi internazzjonali ta' kontroll u spezzjoni billi tistabbilixxi pjanijiet ta' skjerament konġunti.

2.   L-Aġenzija tista' takkwista jew tikri (rent jew charter) t-tagħmir li hu meħtieġ għall-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta' skjerament konġunti msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 10

L-implimentazzjoni ta' programmi ta' spezzjoni u kontroll speċifiċi

1.   L-Aġenzija għandha tikkoordina l-implimentazzjoni tal-programmi ta' kontroll u spezzjoni speċifiċi stabbiliti skont l-Artikolu 95 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 permezz ta' pjanijiet ta' skjerament konġunti.

2.   L-Aġenzija tista' takkwista, tikri (rent jew charter) it-tagħmir li hu meħtieġ għall-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta' skjerament konġunti msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 11

Kontenut tal-pjanijiet ta' skjerament konġunti

Kull pjan ta' skjerament konġunt għandu:

(a)

iwettaq ir-rekwiżiti tal-programm rilevanti ta' kontroll u spezzjoni;

(b)

japplika l-kriterji, punti ta' referenza, prijoritajiet u proċeduri ta' spezzjoni komuni determinati mill-Kummissjoni fil-programmi ta' kontroll u spezzjoni;

(c)

ifittex li jqabbel il-mezzi eżistenti nazzjonali ta' kontroll u spezzjoni komunikati skont l-Artikolu 12(2), mal-ħtiġijiet, u jorganizza l-użu tagħhom;

(d)

jorganizza l-użu tar-riżorsi umani u materjali, fir-rigward tal-perijodi u żoni li fihom huma jridu jiġu użati, inkluż l-operat tat-timijiet ta' spetturi tal-Unjoni minn aktar minn Stat Membru wieħed;

(e)

jieħu kont tal-obbligi eżistenti tal-Istati Membri kkonċernati rigward pjanijiet ta' skjerament konġunti oħra, kif ukoll kwalunkwe restrizzjoni speċifika reġjonali jew lokali;

(f)

jistabbilixxi l-kondizzjonijiet li permezz tagħhom il-mezzi ta' kontroll u spezzjoni ta' Stat Membru jistgħu jidħlu fl-ibħra li jaqgħu taħt is-sovrenità u l-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru ieħor.

Artikolu 12

Notifika ta' mezzi ta' kontroll u spezzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom kull sena qabel il-15 ta' Ottubru, jgħarrfu lill-Aġenzija bil-mezzi ta' kontroll u spezzjoni li għandha disponibbli għall-iskop ta' kontroll u spezzjoni għas-sena ta' wara.

2.   Kull Stat Membru għandu jgħarraf lill-Aġenzija dwar il-mezzi li bihom għandu l-ħsieb iwettaq il-programm internazzjonali ta' kontroll u spezzjoni jew il-programm speċifiku ta' kontroll u spezzjoni li jikkonċernah, mhux aktar tard minn xahar min-notifika lill-Istati Membri bid-Deċiżjoni li tistabbilixxi kwalunkwe programm bħal dan.

Artikolu 13

Proċedura għall-adozzjoni ta' pjanijiet ta' skjerament konġunti

1.   Abbażi tan-notifiki previsti fl-Artikolu 12(2) u fi żmien tliet xhur minn meta jirċievi dawk in-notifiki, id-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija għandu jistabbilixxi abbozz ta' pjan ta' eżerċizzju kongunt b'konsultazzjoni mal-Istati Membri konċernati.

2.   L-abbozz tal-pjan ta' eżerċizzju konġunt għandu jidentifika l-mezzi ta' kontroll u spezzjoni li jistgħu jinġabru sabiex jiġi mplimentat il-programm ta' kontroll u spezzjoni li għalih jirreferi l-pjan, abbażi tal-interess tal-Istati Membri kkonċernati fl-attivita ta' sajd relevanti.

L-interess ta' Stat Membru f'attivita ta' sajd għandu jiġi stmat b'referenza għall-kriterji li ġejjin, li l-piż relattiv tagħhom għandu jiddependi fuq il-karatteristiċi speċifiċi ta' kull pjan:

(a)

l-ammont relattiv tal-ibħra soġġetti għas-sovranità u l-ġurisdizzjoni tiegħu, jekk jeżistu, li huma koperti mill-pjan ta' eżerċizzju konġunt;

(b)

il-kwantità ta' ħut imtella' l-art fuq it-territorju tiegħu f'perijodu ta' riferenza mogħti bħala proporzjoni tat-tlugħ l-art ta' ħut totali mill-attività ta' sajd li hija soġġetta għall-pjan ta' skjerament konġunt;

(c)

in-numru relattiv tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jtajru l-bandiera tiegħu (is-saħħa tal-magna u t-tunnellaġġ gross) li huma involuti fl-attività tas-sajd li hija soġġetta għall-pjan ta' skjerament konġunt fir-rigward tan-numru totali ta' bastimenti li huma involuti f'dik l-attivita ta' sajd;

(d)

id-daqs relattiv tal-allokazzjoni tal-kwota tiegħu jew, fin-nuqqas ta' kwota, il-qabda f'perijodu ta' referenza mogħti fir-rigward ta' dik l-attivita ta' sajd.

3.   Jekk, fil-proċess ta' tħejjija ta'abbozz ta' pjan ta' skjerament konġunt, jidher ċar li ma hemmx biżżejjed mezzi disponibbli ta' kontroll u spezzjoni biex jitwettqu l-ħtiġijiet tal-programm ta' kontroll u spezzjoni rilevanti, id-Direttur Eżekuttiv għandu mill-ewwel jinnotifika lill-Istati Membri konċernati u lill-Kummissjoni.

4.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jinnotifika l-abbozz tal-pjan ta' skjerament konġunt lill-Istati Membri konċernati u lill-Kummissjoni. Jekk, fi żmien ħmistax-il jum ta' xogħol minn dik in-notifika, l-Istati Membri konċernati jew il-Kummissjoni ma jqajmu l-ebda oġġezzjoni, id-Direttur Eżekuttiv għandu jadotta l-pjan.

5.   Jekk wieħed mill-Istati Membri konċernati jew aktar jew il-Kummissjoni jagħmlu oġġezzjoni, id-Direttur Eżekuttiv għandu jirreferi l-kwistjoni lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni tista' tagħmel kwalunkwe aġġustament meħtieġ għall-pjan u tadottah skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 47(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

6.   Kull pjan ta' eżerċizzju konġunt għandu jkun soġġett għal analiżi annwali mill-Aġenzija b'konsultazzjoni mal-Istati Membri konċernati biex jiġi kkunsidrat kwalunkwe programm ta' kontroll u spezzjoni ġdid li għalih l-Istati Membri kkonċernati huma soġġetti u kwalunkwe prijorità determinata mill-Kummissjoni fil-programmi ta' kontroll u spezzjoni.

Artikolu 14

Implimentazzjoni ta' pjanijiet ta' skjerament konġunti

1.   Attivitajiet ta' kontroll u spezzjoni konġunti għandhom jitwettqu abbażi tal-pjanijiet ta' skjerament konġunti.

2.   L-Istati Membri kkonċernati minn pjan ta' skjerament konġunt għandhom:

(a)

jagħmlu disponibbli dawk il-mezzi ta' kontroll u spezzjoni li huma marbuta mal-pjan ta' skjerament konġunt;

(b)

jaħtru punt wieħed nazzjonali ta' kuntatt/koordinatur, li għandu jingħata setgħa suffiċjenti biex iwieġeb fil-ħin għal talbiet mill-Aġenzija li għandhom x'jaqsmu mal-implimentazzjoni tal-pjan ta' skjrament konġunt, u jinnotifikaw lill-Aġenzija b'dan;

(c)

jiskjeraw il-mezzi kollettivi tagħhom ta' kontroll u spezzjoni skont il-pjan ta' skjerament konġunt u r-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 4;

(d)

jipprovdu lill-Aġenzija aċċess on-line għall-informazzjoni meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-pjan ta' skjerament konġunt;

(e)

jikkoperaw mal-Aġenzija fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-pjan ta' skjermanet konġunt;

(f)

jiżguraw li kwalunkwe mezz ta' kontroll u spezzjoni, assenjat lil pjan ta' skjerament konġunt tal-Unjoni, ijwettaq l-attivitajiet tiegħu skont ir-regoli tal-politika komuni tas-sajd.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri fi ħdan il-qafas ta' pjan ta' skjerament konġunt stabbilit taħt l-Artikolu 13, il-kmand u l-kontroll tal-mezzi ta' kontroll u spezzjoni li ġew impenjati għal pjan ta' skjerament konġunt għandhom ikunu r-responsabbiltà tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti skont il-liġi nazzjonali.

4.   Id-Direttur Eżekuttiv jista' jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-implimentazzjoni ta' pjan ta' skjerament konġunt adottat taħt l-Artikolu 13. Tali rekwiżiti għandhom jibqgħu fil-limiti ta' dak il-pjan.

Artikolu 15

Evalwazzjoni tal-pjanijiet ta' skjerament konġunti

L-Aġenzija għandha twettaq evalwazzjoni annwali tal-effikaċja ta' kull pjan ta' skjerament konġunt, kif ukoll analiżi, abbażi ta l- evidenza disponibbli, tal-eżistenza ta' riskju li l-attivitajiet ta' sajd ma jkunux konformi mal-miżuri ta' kontroll applikabbli. Tali evalwazzjonijiet għandhom jiġu komunikati minnufih lill-Parlament Ewropew, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.

Artikolu 16

Attivitajiet ta' sajd li mhumiex soġġetti għal programmi ta' kontroll u spezzjoni

Żewġ Stati Membri jew aktar jistgħu jitolbu lill-Aġenzija biex tikkoordina l-iskjerament tal-mezzi ta' kontroll u spezzjoni tagħhom f'dak li għandu x'jaqsam ma' attivita ta' sajd jew qasam li mhuwiex soġġett għal programm ta' kontroll u spezzjoni. Tali koordinazzjoni għandha sseħħ skont kriterji u prijoritajiet ta' kontroll u spezzjoni miftehma bejn l-Istati Membri kkonċernati.

Artikolu 17

Network ta' informazzjoni

1.   Il-Kummissjoni, l-Aġenzija u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jagħmlu skambju ta' informazzjoni rilevanti disponibbli għalihom rigward l-attivitajiet ta' kontroll u spezzjoni konġunti fi ħdan l-ibħra tal-Unjoni u dawk internazzjonali.

2.   Kull awtorità kompetenti nazzjonali għandha tieħu miżuri, skont il-leġislazzjoni rilevanti tal-Unjoni, biex tiżgura kunfidenzjalità xierqa tal-informazzjoni li tirċievi, skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu skont l-Artikoli 112 u 113 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.

Artikolu 18

Regoli dettaljati

Regoli dettaljati, għall-implimentazzjoni ta' dan il-Kapitolu jistgħu jiġu adottati skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 47(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

Dawn ir-regoli jistgħu jkopru, b'mod partikolari, l-proċeduri għat-tħejjija u l-adozzjoni tal-abbozz tal-pjanijiet ta' skjerament konġunti.

KAPITOLU IV

KOMPETENZA TAL-AĠENZIJA

Artikolu 19

Ħatra ta' uffiċjali tal-Aġenzija bħala spetturi tal-Unjoni

L-uffiċjali tal-Aġenzija jistgħu jiġu assenjati f'ilmijiet internazzjonali bħala spetturi tal-Unjoni skont l-Artikolu 79 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.

Artikolu 20

Miżuri tal-Aġenzija

L-Aġenzija għandha, fejn adatt:

(a)

toħroġ manwali dwar l-istandards armonizzati tal-ispezzjonijiet;

(b)

tiżviluppa materjal ta' gwida li jirrifletti l-aħjar prattiki fil-qasam tal-kontroll tal-politika komuni tas-sajd, inkluż dwar it-taħriġ ta' uffiċjali tal-kontroll, u taġġorna tali materjal fuq bażi regolari;

(c)

tipprovdi lill-Kummissjoni bl-appoġġ tekniku u amministrattiv meħtieġ biex twettaq il-kompiti tagħha.

Artikolu 21

Koperazzjoni

1.   L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jikkoperaw mal-Aġenzija u jagħtuha l-assistenza meħtieġa għall-qadi tal-missjoni tagħha.

2.   B'konsiderazzjoni tas-sistemi legali differenti fl-Istati Membri individwali, l-Aġenzija għandha tiffaċilita l-koperazzjoni bejn l-Istati Membri u bejnhom u l-Kummissjoni fl-iżvilupp ta' standards armonizzati għall-kontroll, skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u b'konsiderazzjoni tal-aqwa prattiki fl-Istati Membri u l-istandards internazzjonali maqbulin.

Artikolu 22

Unità ta' emerġenza

1.   Fejn il-Kummissjoni, fuq l-inizjattiva tagħha jew fuq it-talba ta' mill-anqas żewġ Stati Membri, tidentifika sitwazzjoni li tinvolvi riskju serju dirett, indirett jew potenzjali għall-politika komuni tas-sajd, u dak ir-riskju ma jistax jiġi pprevenut, eliminat jew imnaqqas b'mezzi eżistenti jew ma' jistax jiġi ġestit b'mod adegwat, l-Aġenzija għandha tiġi notifikata immedjatament.

2.   L-Aġenzija li taġixxi fuq notifika mill-Kummissjoni jew fuq l-inizjattiva tagħha stess għandha immedjatament twaqqaf unità ta' emerġenza u tinforma lill-Kummissjoni.

Artikolu 23

Kompiti tal-unità ta' emerġenza

1.   L-unità ta' emerġenza stabbilita mill-Aġenzija għandha tkun responsabbli għall-ġbir u l-evalwazzjoni tal-informazzjoni rilevanti kollha u l-identifikazzjoni tal-alternattivi disponibbli għall-prevenzjoni, l-eliminazzjoni jew it-tnaqqis tar-riskju għall-politika komuni tas-sajd bl-aktar mod effettiv u rapidu possibbli.

2.   L-unità ta' emerġenza tista' titlob l-assistenza ta' kwalunkwe awtorità pubblika jew persuna privata li tqis li l-esperjenza professjonali tagħhom hija neċessarja biex ikun hemm reazzjoni effikaċi għall-emerġenza.

3.   L-Aġenzija għandha tiżgura l-koordinazzjoni meħtieġa biex tirreaġixxi b'mod adegwat u opportun għall-emerġenza.

4.   L-unità ta' emerġenza, fejn adatt, għandha żżomm lill-pubbliku informat dwar ir-riskji involuti u l-miżuri meħudin.

Artikolu 24

Programm ta' ħidma pluriennali

1.   Il-programm ta' ħidma pluriennali tal-Aġenzija għandu jistabbilixxi l-għanijiet ġenerali, il-mandat, il-kompiti, l-indikaturi tar-rendiment u l-prijoritajiet għal kull azzjoni tal-Aġenzija għal perijodu ta' ħames snin. Għandu jinkludi preżentazzjoni tal-pjan ta' politika tal-persunal u stima tal-approprjazzjonijiet tal-baġit li għandhom ikunu disponibbli għall-kisba tal-għanijiet għal dak il-perjodu ta' ħames snin.

2.   Il-programm ta' ħidma pluriennali għandu jiġi ppreżentat skont is-sistema u l-metodoloġija tal-ġestjoni msejsa fuq l-attività żviluppata mill-Kummissjoni. Dan għandu jiġi adottat mill-Bord Amministrattiv.

3.   Il-programm ta' ħidma msemmi fl-Artikolu 32(2)(c) għandu jirreferi għall-programm ta' ħidma pluriennali. Dan għandu jindika b'mod ċar żidiet, bidliet jew tħassir li jsir meta mqabbel mal-programm ta' ħidma tas-sena preċedenti, u l-progress miksub fil-kisba tal-għanijiet ġenerali u l-prijoritajiet tal-programm ta' ħidma pluriennali.

Artikolu 25

Koperazzjoni fl-affarijiet marittimi

L-Aġenzija għandha tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Politika Marittima Integrata tal-UE, u b'mod partikolari tikkonkludi ftehimiet amministrattivi ma' entitajiet oħra fi kwistjonijiet li jidħlu fl-ambitu ta' dan ir-Regolament, wara l-approvazzjoni mill-Bord Amministrattiv. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jinforma lill-Kummissjoni u l-Istati Membri b'dan fi stadju bikri tan-negozjati.

Artikolu 26

Regoli dettaljati

Għandhom jiġu adottati regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' dan il-Kapitolu skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 47(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

Dawk ir-regoli jistgħu jkopru, b'mod partikolari, t-tħejjija tal-pjani ta' reazzjoni għall-emerġenzi, l-istabbiliment ta' unità ta' emerġenza u l-proċeduri prattiċi li għandhom jiġu applikati.

KAPITOLU V

STRUTTURA INTERNA U TĦADDIM

Artikolu 27

Status legali u l-uffiċċju prinċipali

1.   L-Aġenzija għandha tkun korp tal-Unjoni. Għandha jkollha personalità ġuridika.

2.   F' kull wieħed mill-Istati Membri, l-Aġenzija għandha tgawdi minn kompetenza legali l-aktar estensiva mogħtija lil persuni ġuridiċi taħt il-liġijiet tagħhom. Tista', b' mod partikolari, takkwista jew tiddisponi minn proprjetà mobbli u immobbli, u tista' tkun parti fi proċedimenti legali.

3.   L-Aġenzija għandha tkun rappreżentata mid-Direttur Eżekuttiv tagħha.

4.   Is-sede tal-Aġenzija għandha tkun f'Vigo, fi Spanja.

Artikolu 28

Persunal

1.   Ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta' Uffiċjali Oħra tal-Unjoni Ewropea kif stabbiliti bir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru. 259/68 (14) u r-regoli adottati b'mod konġunt mill-Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għall-iskopijiet tal-applikazzjoni ta' dawk ir-Regolamenti tal-Persunal u Kondizzjonjiet tal-Impjieg għandhom japplikaw għall-persunal tal-Aġenzija. Il-Bord Amministrattiv, fi ftehim mal-Kummissjoni, għandu jadotta r-regoli dettaljati meħtieġa ta' applikazzjoni.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 39, is-setgħat mogħtija lill-awtorità li taħtar mir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta' Uffiċjali Oħra għandhom ikunu eżerċitati mill-Aġenzija fir-rigward tal-persunal tagħha stess.

3.   Il-persunal tal-Aġenzija għandu jikkonsisti minn uffiċjali assenjati jew sekondati mill-Kummissjoni fuq bażi temporanja u minn persunal ieħor impjegat mill-Aġenzija kif meħtieġ biex iwettqu il-kompiti tagħha.

L-Aġenzija tista' ukoll tħaddem uffiċjali sekondati mill-Istati Membri fuq bażi temporanja.

Artikolu 29

Privileġġi u Immunitajiet

Il-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea għandu japplika għall-Aġenzija.

Artikolu 30

Responsabbiltá

1.   Ir-responsabbiltà kuntrattwali tal-Aġenzija għandha tiġi regolata mil-liġi li tapplika għall-kuntratt ikkonċernat.

2.   Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha jkollha ġurisdizzjoni li tagħti ġudizzju skont kwalunkwe klawsola ta' arbitraġġ li tinsab fil-kuntratt finalizzat mill-Aġenzija.

3.   F'każ ta' responsabbiltà mhux kuntrattwali, l-Aġenzija għandha, skont il-prinċipji ġenerali, komuni għal-liġijiet tal-Istati Membri, tagħmel tajjeb għal kull ħsara kkawżata minnha jew mill-persunal tagħha fit-twettiq ta' dmirijiethom. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha jkollha ġurisdizzjoni f'kull tilwima relatata ma' kumpens għal tali ħsara.

4.   Ir-responsabbiltà personali tal-impjegati tagħha lejn l-Aġenzija għandha tiġi regolata mid-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal jew fil-Kondizzjonijiet ta' impieg applikabbli għalihom.

Artikolu 31

Lingwi

1.   Id-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill Nru 1 (15) għandhom japplikaw għall-Aġenzija.

2.   Is-servizzi ta' traduzzjoni meħtieġa għat-tħaddim tal-Aġenzija għandhom jiġu provduti miċ-Ċentru ta' Traduzzjoni tal-korpi tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 32

Ħolqien u setgħat tal-Bord Amministrattiv

1.   L-Aġenzija għandha jkollha Bord Amministrattiv.

2.   Il-Bord Amministrattiv għandu:

(a)

jaħtar u jirrevoka n-nomina tad-Direttur Eżekuttiv skont l-Artikolu 39;

(b)

jadotta, sat-30 ta' April ta' kull sena, ir-rapport ġenerali tal-Aġenzija għas-sena ta' qabel, u jgħaddih lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-Istati Membri. Ir-rapport għandu jkun pubbliku;

(c)

jadotta sal-31 ta' Ottubru ta' kull sena filwaqt li jqis l-opinjoni tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri, il-programm ta' ħidma tal-Aġenzija għas-sena ta' wara u jgħaddih lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.

Il-programm ta' ħidma għandu jkun fih il-prijoritajiet tal-Aġenzija. Għandu jagħti prijorità lid-dmirijiet tal-Aġenzija relatati ma' programmi ta' kontroll u sorveljanza. Għandu jiġi adottat mingħajr preġudizzju għall-proċedura annwali tal-baġit tal-Unjoni. Fejn il-Kummissjoni tesprimi, fi żmien 30 ġurnata mid-data tal-adozzjoni tal-programm ta' ħidma, in-nuqqas ta' qbil tagħha ma' dak il-programm, il-Bord Amministrattiv għandu jerġa jeżamina l-programm u jadottah, possibilment emendat, fi żmien xahrejn, fit-tieni qari;

(d)

jadotta l-baġit finali tal-Aġenzija qabel il-bidu tas-sena finanzjarja, jaġġustah, fejn meħtieġ, skont il-kontribut tal-Unjoni u kwalunkwe dħul ieħor tal-Aġenzija.

(e)

iwettaq dmirijietu fir-rigward tal-baġit tal-Aġenzija skont l-Artikoli 44, 45 u 47;

(f)

jeżerċita awtorità dixxiplinarja fuq id-Direttur Eżekuttiv;

(g)

jistabbilixxi r-regoli ta' proċedura tiegħu li jistgħu jipprovdu għat-twaqqif ta' sottokumitati tal-Bord Amminsitrattiv kif ikun meħtieġ;

(h)

jadotta l-proċeduri meħtieġa biex l-Aġenzija twettaq il-kompiti tagħha.

Artikolu 33

Kompożizzjoni tal-Bord Amministrattiv

1.   Il-Bord Amministrattiv għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri u sitt rappreżentanti tal-Kummissjoni. Kull Stat Membru għandu d-dritt jaħtar membru wieħed. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jaħtru sostituti għal kull membru li jirrappreżenta lill-membru fl-assenza tiegħu.

2.   Il-membri tal-bord għandhom jinħatru abbażi tal-livell tagħhom ta' esperjenza rilevanti u għarfien fil-qasam tal-kontroll u spezzjoni tas-sajd.

3.   Il-mandat ta' kull membru għandu jkun ta' ħames snin mid-data tal-ħatra. Il-mandat jista' jiġġedded.

Artikolu 34

Presidenza tal-Bord Amministrattiv

1.   Il-Bord Amministrattiv għandu jaħtar President minn fost ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni. Il-Bord Amministrattiv għandu jaħtar Deputat President minn fost il-membri tiegħu. Id-Deputat President għandu awtomatikament jieħu post il-President jekk hu ma jkunx jista' jwettaq id-doveri tiegħu.

2.   Il-mandati tal-President u tad-Deputat President għandhom ikunu ta' tliet snin u għandhom jiskadu meta ma jibqgħux membri tal-Bord Ammistrattiv. Il-mandat tagħhom għandu jkun jista' jiġġedded darba.

Artikolu 35

Laqgħat

1.   Il-laqgħat tal-Bord Amministrattiv għandhom jissejħu mill-President tiegħu. L-aġenda għandha tiġi determinata mill-President, li għandu jqis il-proposti tal-membri tal-Bord Amministrattiv u tad-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija.

2.   Id-Direttur Eżekuttiv u r-rappreżentant maħtur mill-Bord Konsultattiv għandu jieħu sehem fid-deliberazzjonijiet mingħajr id-dritt għal vot.

3.   Il-Bord Amministrattiv għandu jagħmel laqgħa ordinarja mill-inqas darba fis-sena. Barra minn hekk, għandu jiltaqa' fuq l-inizjattiva tal-President jew fuq talba tal-Kummissjoni jew ta' terz tal-Istati Membri rappreżentati fuq il-Bord Amministrattiv.

4.   Meta jkun hemm kwistjoni ta' kunfidenzjalità jew kunflitt ta' interess, il-Bord Amministrattiv jista' jiddeċiedi li jeżamina punti speċifiċi fl-aġenda tiegħu mingħajr il-preżenza tar-rappreżentant maħtur mill-Bord Konsultattiv. Regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' din id-dispożizzjoni jistgħu jiġu stabbiliti fir-regoli tal-proċedura.

5.   Il-Bord Amministrattiv jista' jistieden kwalunkwe persuna li l-fehma tagħha tista' tkun ta' interess biex tattendi għal-laqgħat bħala osservatur.

6.   Il-membri tal-Bord Amministrattiv jistgħu, soġġetti għad-dispożizzjonijiet tar-regoli ta' proċedura tiegħu, jkunu assistiti minn konsulenti jew esperti.

7.   Is-segretarjat tal-Bord Amministrattiv għandu jiġi pprovdut mill-Aġenzija.

Artikolu 36

Votazzjoni

1.   Il-Bord Amministrattiv għandu jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu permezz ta' maġġoranza assoluta tal-voti.

2.   Kull membru għandu jkollu vot wieħed. Fl-assenza ta' xi membru, is-sostitut tiegħu għandu jkun intitolat li jeżerċita d-dritt li jivvota.

3.   Ir-regoli ta' proċedura għandhom jistabbilixxu l-arranġamenti ta' votazzjoni aktar dettaljati, b'mod partikolari, il-kondizzjonijiet għal membru biex jaġixxi għan-nom ta' membru ieħor kif ukoll kwalunkwe ħtieġa għal quorum, fejn xieraq.

Artikolu 37

Dikjarazzjoni ta' interessi

Il-membri tal-Bord Amministrattiv għandhom jagħmlu dikjarazzjoni ta' interessi fejn jindikaw in-nuqqas ta' kwalunkwe interess li jista' jippreġudika l-indipendenza tagħhom, jew kwalunkwe interess dirett jew indirett li jista' jitqies ta' ħsara għall-indipendenza tagħhom. Dawk id-dikjarazzjonijiet għandhom isiru kull sena bil-miktub jew kull meta jista' jkun hemm konflitt ta' interess fir-rigward tal-punti ta' fuq l-aġenda. Fil-każ tal-aħħar, il-membru kkonċernat m'għandux ikollu d-dritt li jivvota fuq kwalunkwe minn dawk il-punti.

Artikolu 38

Dmirijiet u setgħat tad-Direttur Eżekuttiv

1.   L-Aġenzija għandha titmexxa mid-Direttur Eżekuttiv tagħha. Mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi rispettivi tal-Kummissjoni u tal-Bord Amministrattiv, id-Direttur Eżekuttiv m'għandux la jfittex u lanqas jieħu istruzzjonijiet minn kwalunkwe gvern jew korp ieħor.

2.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu, fit-twettiq ta' dmirijietu, jagħti effett lill-prinċipji tal-politika komuni tas-sajd.

3.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkollu d-drittijiet u s-setgħat li ġejjin:

(a)

għandu jħejji l-abbozz tal-programm ta' ħidma u jippreżentah lill-Bord Amministrattiv wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni u mal-Istati Membri. Għandu jieħu l-passi meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-programm ta' ħidma fi ħdan il-limiti stabbiliti minn dan ir-Regolament, mir-regoli ta' implimentazzjoni tiegħu u minn kwalunkwe liġi applikabbli oħra;

(b)

għandu jieħu l-passi meħtieġa, inkluż l-adozzjoni ta' istruzzjonijiet amministrattivi interni u l-pubblikazzjoni ta' avviżi, sabiex jiżgura l-organizzazzjoni u t-tħaddim tal-Aġenzija skont id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament;

(c)

għandu jieħu l-passi meħtieġa, inkluż l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet dwar ir-responsabbiltajiet tal-Aġenzija skont il-Kapitoli II u III, li jinkludu l-kiri u l-operat permezz ta' mezzi ta' kontroll u spezzjoni u t-tħaddim ta' network ta' informazzjoni;

(d)

għandu jwieġeb għal talbiet mill-Kummissjoni u talbiet għall-għajnuna minn Stat Membru, skont l-Artikoli 6, 7 u 16;

(e)

għandu jorganizza sistema effettiva ta' monitoraġġ biex ikun jista' jqabbel il-kisbiet tal-Aġenzija mal-għanijiet operattivi tagħha. Fuq din il-bażi, id-Direttur Eżekuttiv għandu jipprepara abbozz ta' rapport ġenerali kull sena u jissottomettih lill-Bord Amministrattiv. Għandu jistabbilixxi proċeduri ta' evalwazzjoni regolari li jilħqu standards professjonali rikonoxxuti;

(f)

għandu jeżerċita, fir-rigward tal-persunal is-setgħat stabbiliti fl-Artikolu 28(2);

(g)

għandu jfassal estimi tad-dħul u l-infiq tal-Aġenzija skont l-Artikolu 44, u għandu jimplimenta il-baġit skont l-Artikolu 45.

4.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun responsabbli mill-attivitajiet tiegħu lill-Bord Amministrattiv.

Artikolu 39

Ħatra u revoka tad-Direttur Eżekuttiv

1.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jinħatar mill-Bord Amministrattiv, skont il-mertu u l-esperjenza rilevanti dokumentata fil-qasam tal-politika komuni tas-sajd u l-kontroll u l-ispezzjoni ta' attivitajiet tas-sajd, minn lista ta' mill-inqas żewġ kandidati proposti mill-Kummissjoni wara proċedura ta' għażla, wara li jkun ġie ppubblikat avviż ta' sejħa għall-espressjoni ta' interess fuq Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, u xi mkien ieħor.

2.   Is-setgħa tar-revoka tan-nomina tad-Direttur Eżekuttiv għandha tkun f'idejn il-Bord Amministrattiv. Il-Bord għandu jiddelibera fuq tali punt fuq talba tal-Kummissjoni jew ta' terz tal-membri tagħha.

3.   Il-Bord Amministrattiv għandu jieħu d-deċiżjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 b'żewġ terzi tal-maġġoranza tal-membri.

4.   Il-mandat tad-Direttur Eżekuttiv għandu jkun ta' ħames snin. Il-mandat jista' jiġi estiż darba għal ħames snin oħra fuq proposta tal-Kummissjoni, u dik l-estensjoni għandha tkun approvata b'maġġoranza ta' żewġ terzi tal-membri tal-Bord Amministrattiv.

Artikolu 40

Il-Bord Konsultattiv

1.   Il-Bord Konsultattiv għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Kunsilli Konsultattivi Reġjonali previsti fl-Artikolu 43 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, abbażi ta' rappreżentant wieħed maħtur minn kull Kunsill Konsultattiv Reġjonali. Ir-rappreżentanti jistgħu jiġu mibdula bis-sostitwiti, maħtura fl-istess ħin.

2.   Il-membri tal-Bord Konsultattiv ma għandhomx ikunu membri tal-Bord Amministrattiv.

Il-Bord Konsultattiv għandu jaħtar wieħed mill-membri tiegħu biex jieħu sehem fid-deliberazzjonijiet tal-Bord Amministrattiv mingħajr id-dritt għal vot.

3.   Il-Bord Konsultattiv għandu, fuq talba tad-Direttur Eżekuttiv, jagħtih parir waqt it-twettiq ta' dmirijietu skont dan ir-Regolament.

4.   Il-Bord Konsultattiv għandu jkun presedut mid-Direttur Eżekuttiv. Għandu jiltaqa', fuq stedina tal-President, mhux inqas minn darba fis-sena.

5.   L-Aġenzija għandha tipprovdi l-appoġġ loġistiku xieraq meħtieġ għall-Bord Konsultattiv u tipprovdi segretarjat għal-laqgħat tiegħu.

6.   Il-membri tal-Bord Amministrattiv jistgħu jattendu l-laqgħat tal-Bord Konsultattiv.

Artikolu 41

Trasparenza u komunikazzjoni

1.   Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 għandu japplika għad-dokumenti miżmuma mill-Aġenzija.

2.   Il-Bord Amministrattiv għandu, fi żmien sitt xhur mid-data tal-ewwel laqgħa tiegħu, jadotta l-arranġamenti prattiċi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001.

3.   L-Aġenzija tista' tikkomunika fuq inizjattiva tagħha stess, fl-oqsma fi ħdan il-missjoni tagħha. Għandha tiżgura, b'mod partikolari, li l-pubbliku u kwalunkwe parti interessata jingħataw malajr tagħrif oġġettiv, affidabbli u li jiftiehem f'dak li għandu x'jaqsam max-xogħol tagħha.

4.   Il-Bord Amministrattiv għandu jistabbilixxi r-regoli interni meħtieġa għall-applikazzjoni tal-paragrafu 3.

5.   Id-Deċiżjonijiet meħuda mill-Aġenzija skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 jistgħu jagħtu lok għall-preżentazzjoni ta' ilment lill-Ombudsman Ewropew jew ikunu s-suġġett ta' azzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikoli 228 u 263 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

6.   L-informazzjoni miġbura mill-Kummissjoni u l-Aġenzija skont dan ir-Regolament għandha tkun soġġetta għar-Regolament (UE) 2018/1725.

Artikolu 42

Kunfidenzjalità

1.   Il-membri tal-Bord Amministrattiv, id-Direttur Eżekuttiv u l-membri tal-persunal tal-Aġenzija, anki wara li jkunu ntemmu d-dmirijiet tagħhom, għandhom ikunu soġġetti għall-ħtiġijiet ta' kunfidenzjalità skont l-Artikolu 339 tat-TFUE.

2.   Il-Bord Amministrattiv għandu jistabbilixxi r-regoli interni dwar l-arranġamenti prattiċi għall-implimentazzjoni tal-ħtiġijiet tal-kunfidenzjalità msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 43

Aċċess għall-informazzjoni

1.   Il-Kummissjoni għandu jkollha aċċess sħiħ għall-informazzjoni kollha miġbura mill-Aġenzija. L-Aġenzija għandha tagħti kwalunkwe informazzjoni u evalwazzjoni ta' dik l-informazzjoni lill-Kummissjoni meta din tal-aħħar titlobha u fil-forma speċifikata minnha.

2.   L-Istati Membri milquta bi kwalunkwe operat partikolari tal-Aġenzija għandhom ikollhom aċċess għall-informazzjoni miġbura mill-Aġenzija fir-rigward ta' dak l-operat, soġġett għall-kondizzjonijiet li jistgħu jiġu stabbiliti skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 47(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINANZJARJI

Artikolu 44

Baġit

1.   Id-dħul tal-Aġenzija għandu jkun magħmul minn:

(a)

kontribut mill- Unjoni mdaħħal fil-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea (sezzjoni tal-Kummissjoni);

(b)

ħlasijiet għal servizzi pprovduti mill-Aġenzija lill-Istati Membri skont l-Artikolu 6;

(c)

ħlasijiet għal pubblikazzjonijiet, taħriġ u/jew servizzi oħra pprovduti mill-Aġenzija.

2.   In-nefqa tal-Aġenzija għandha tinkludi l-ispejjeż tal-persunal u l-ispejjeż amministrattivi, infrastrutturali u operattivi.

3.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jfassal abbozz ta' dikjarazzjoni tal-istimi tad-dħul u l-infiq tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja ta' wara u għandu jgħaddih lill-Bord Amministrattiv, flimkien ma' abbozz ta' pjan ta' stabbiliment.

4.   Għandu jkun hemm bilanċ bejn id-dħul u l-infiq.

5.   Kull sena il-Bord Amministrattiv, abbażi ta' abbozz ta' dikjarazzjoni tal-istimi tad-dħul u l-infiq, għandu jagħmel dikjarazzjoni tal-istimi tad-dħul u l-infiq għall-Aġenzija għas-sena finanzjarja ta' wara.

6.   Id-dikjarazzjoni tal-istimi msemmija fil-paragrafu 5, li għandha tinkludi abbozz ta' pjan għall-istabbiliment, flimkien mal-programm ta' ħidma proviżorju, għandha, tingħadda mill-Bord Amministrattiv lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-31 ta' Marzu.

7.   Id-dikjarazzjoni tal-istimi għandhom jintbagħtu mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (“l-awtorità tal-baġit”) flimkien mal-abbozz preliminari ġenerali tal-baġit tal-Unjoni Ewropea.

8.   Abbażi tad-dikjarazzjoni tal-istimi, il-Kummissjoni, fl-abbozz preliminari tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea, għandha tinkludi l-istimi li tqis meħtieġa għall-pjan ta' stabbiliment u l-ammont tas-sussidju li għandu jiġi inkluż fil-baġit ġenerali, li għandha tpoġġi quddiem l-awtorità tal-baġit skont l-Artikolu 314 tat- TFUE.

9.   L-awtorità tal-baġit għandha tawtorizza l-approprjazzjonijiet għas-sussidju lill-Aġenzija. L-awtorità tal-baġit għandha tadotta l-pjan ta' stabbiliment għall-Aġenzija.

10.   Il-baġit għandu jiġi adottat mill-Bord Amministrattiv. Hu għandu jsir finali wara l-adozzjoni finali tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea. Fejn xieraq, għandu jiġi aġġustat b'konsegwenza.

11.   Il-Bord Amministrattiv għandu, kemm jista' jkun malajr, javża l-awtorità tal-baġit bl-intenzjoni tiegħu li jimplimenta kwalunkwe proġett li jista' jkollu implikazzjonijiet finanzjarji notevoli għal finanzjament tal-baġit, b'mod partikolari kwalunkwe proġett li għandu x'jaqsam ma' proprjetà, bħal kiri jew xiri ta' bini. Hu għandu jinforma kif xieraq lill-Kummissjoni.

12.   Fejn parti mill-awtorità tal-baġit tkun avżat li għandha l-intenzjoni li tagħti opinjoni, din għandha tibgħat l-opinjoni tagħha lill-Bord Amministrattiv fi żmien sitt ġimgħat mid-data tal-avviż dwar il-proġett.

Artikolu 45

Implimentazzjoni u kontroll tal-baġit

1.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jimplimenta l-baġit tal-Aġenzija.

2.   Sa mhux aktar tard mill-1 ta' Marzu wara kull sena finanzjarja, l-uffiċjal kontabbli tal-Aġenzija għandu jikkomunika l-kontijiet proviżorji lill-uffiċjal kontabbli tal-Kummissjoni flimkien ma' rapport dwar l-immaniġġar tal-baġit u dak finanzjarju għal dik is-sena finanzjarja. L-uffiċjal kontabbli tal-Kummissjoni għandu jikkonsolida l-kontijiet proviżorji tal-istituzzjonijiet u tal-korpi deċentralizzati skont l-Artikolu 245 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16) (ir-“Regolament Finazjarju”).

3.   Sa mhux aktar tard mill-31 ta' Marzu wara kull sena finanzjarja, l-uffiċjal kontabbli tal-Kummissjoni għandu jgħaddi l-kontijiet proviżorji tal-Aġenzija lill-Qorti tal-Awdituri, flimkien ma' rapport dwar l-amministrazzjoni tal-baġit u dik finanzjarja għal dik is-sena finanzjarja. Ir-rapport dwar l-amministrazzjoni tal-baġit u dik finanzjarja għal dik is-sena finanzjarja għandu wkoll jintbagħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

4.   Malli jirċievi l-osservazzjonijiat tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet provviżorji tal-Aġenzija, skont l-Artikolu 246 tar-Regolament Finanzjarju, id-Direttur Eżekuttiv għandu jħejji l-kontijiet finali tal-Aġenzija b'responsabbiltà tiegħu u jgħaddihom lill-Bord Amministrattiv għal opinjoni.

5.   Il-Bord Amministrattiv għandu jagħti opinjoni dwar il-kontijiet finali tal-Aġenzija.

6.   Sa mhux aktar tard mill-1 ta' Lulju tas-sena ta' wara, id-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħat il-kontijiet finali, flimkien mal-opinjoni tal-Bord Amministrattiv, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri.

7.   Il-kontijiet finali għandhom jiġu ppubblikati.

8.   L-Aġenzija għandha tistabbilixxi funzjoni ta' verifika interna ta' kontijiet li għandha titwettaq skont l-istandards internazzjonali rilevanti.

9.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħat lill-Qorti tal-Awdituri tweġiba għall-osservazzjonijiet tagħha sa mhux aktar tard mit-30 ta' Settembru. Hu għandu jibgħat ukoll dik it-tweġiba lill-Bord Amministrattiv.

10.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jippreżenta lill-Parlament Ewropew, fuq talba ta' dan tal-aħħar, kull tagħrif meħtieġ għall-applikazzjoni mingħajr xkiel tal-proċedura tal-approvazzjoni tas-sena finanzjarja inkwistjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 261(3) tar-Regolament Finanzjarju.

11.   Il-Parlament Ewropew, wara rakkomandazzjoni mill-Kunsill, għandu, qabel it-30 ta' April tat-tieni sena ta' wara, jagħti l-approvazzjoni lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija għall-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena kkonċernata.

Artikolu 46

Ġlieda kontra l-frodi

1.   Għall-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u attivitajiet illegali oħra, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 għandhom japplikaw mingħajr restrizzjoni għall-ġenzija.

2.   L-Aġenzija għandha tidħol fil-Ftehim Interistituzzjonali tal-25 ta' Mejju 1999 dwar l-investigazzjonijiet interni tal-OLAF u għandha toħroġ, mingħajr dewmien, id-dispożizzjonijiet xierqa applikabbli għall-persunal kollu tagħha.

3.   Id-deċiżjonijiet dwar il-finanzjament u l-implimentazzjoni tal-ftehim u l-istrumenti relatati magħhom għandhom jistipulaw espliċitament li l-Qorti tal-Awdituri u l-OLAF jistgħu jwettqu, jekk meħtieġ, kontrolli fuq il-post fost dawk li jirċievu fondi tal-Aġenzija u l-aġenti responsabbli li jallokawhom.

Artikolu 47

Dispożizzjonijiet finanzjarji

Il-Bord Amministrattiv, għandu jadotta r-regoli finanzjarji tal-Aġenzija wara li jirċieva l-qbil tal-Kummissjoni u l-opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri. Dawn ma għandhomx jiddevjaw mir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 (17), sakemm mhuwiex meħtieġ speċifikament għall-operat tal-Aġenzija u bil-kunsens minn qabel tal-Kummissjoni.

KAPITOLU VII

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 48

Evalwazzjoni

1.   Fi żmien ħames snin mid-data li fiha l-Aġenzija tkun bdiet taqdi dmirijietha, u minn hemm 'il quddiem kull ħames snin, il-Bord Amministrattiv għandu jikkummissjona evalwazzjoni esterna indipendenti tal-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Aġenzija kwalunkwe informazzjoni li l-Aġenzija tqis rilevanti għall-valwazzjoni.

2.   Kull evalwazzjoni għandha tivvaluta l-impatt ta' dan ir-Regolament, l-utilità, ir-rilevanza u l-effikaċja tal-Aġenzija u l-prattiki tax-xogħol tagħha, u kemm tikkontribwixxi għall-kisba ta' livell għoli ta' konformità mar-regoli li jkunu saru taħt il-politika komuni tas-sajd. Il-Bord Amministrattiv għandu joħroġ termini ta' riferenza speċifiċi bi qbil mal-Kummissjoni, wara l-konsultazzjonijiet mal-partijiet involuti.

3.   Il-Bord Amministrattiv għandu jirċievi l-evalwazzjoni u jagħti rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar bidliet f'dan ir-Regolament, fl-Aġenzija u l-prattiki tax-xogħol tagħha. Kemm ir-riżultati tal-evalwazzjoni kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet għandhom jintbagħtu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill mill-Kummissjoni u għandhom isiru pubbliċi.

Artikolu 49

Tħassir

Ir-Regolament (KE) Nru 768/2005 huwa mħassar.

Referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skont it-tabella ta' korrelazzjoni fl-Anness II.

Artikolu 50

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Marzu 2019.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

G. CIAMBA


(1)  Għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Frar 2019 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-5 ta' Marzu 2019.

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 768/2005 tas-26 ta' April 2005 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2847/93 li jistabbilixxi sistema ta' kontroll li tapplika għall-Politika Komuni tas-Sajd (ĠU L 128, 21.5.2005, p. 1).

(4)  Ara Anness I.

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).

(6)  Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(7)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(8)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).

(9)  ĠU L 136, 31.5.1999, p. 15.

(10)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(11)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1).

(12)  Ir-Regolament (UE) 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Settembru 2016 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jemenda r-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 863/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/267/KE (ĠU L 251, 16.9.2016, p. 1).

(13)  Ir-Regolament (KE) Nru 1406/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2002 li jistabbilixxi l-Aġenziji Marittima Ewropea tas-Sigurtà [Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima] (ĠU L 208, 5.8.2002, p. 1).

(14)  (ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1.

(15)  Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 1 tal-15 ta' April 1958 li jistabbilixxi r-reġim lingwistiku tal-Komunitá Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU 17, 6.10.1958, p. 385/58).

(16)  Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

(17)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42).


ANNESS I

Regolament imħassar u elenku tal-emendi suċċessivi tiegħu

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 768/2005

(ĠU L 128, 21.5.2005, p. 1)

 

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009

(ĠU L 343, 22.11.2009, p. 1)

L-Artikolu 120 biss

Regolament (UE) 2016/1626 tal-Parlament Ewropew u tal- Kunsill

(ĠU L 251, 16.9.2016, p. 80)

 


ANNESS II

Tabella ta' Korrelazzjoni

Regolament (KE) Nru 768/2005

Dan ir-Regolament

Artikoli 1 sa 7

Artikoli 1 sa 7

Artikolu 7a

Artikolu 8

Artikolu 8

Artikolu 9

Artikolu 9

Artikolu 10

Artikolu 10

Artikolu 11

Artikolu 11

Artikolu 12

Artikolu 12

Artikolu 13

Artikolu 13

Artikolu 14

Artikolu 14

Artikolu 15

Artikolu 15

Artikolu 16

Artikolu 16

Artikolu 17

Artikolu 17

Artikolu 18

Artikolu 17a

Artikolu 19

Artikolu 17b

Artikolu 20

Artikolu 17c

Artikolu 21

Artikolu 17d

Artikolu 22

Artikolu 17e

Artikolu 23

Artikolu 17f

Artikolu 24

Artikolu 17g

Artikolu 25

Artikolu 17h

Artikolu 26

Artikolu 18

Artikolu 27

Artikolu 19

Artikolu 28

Artikolu 20

Artikolu 29

Artikolu 21

Artikolu 30

Artikolu 22

Artikolu 31

Artikolu 23

Artikolu 32

Artikolu 24

Artikolu 33

Artikolu 25

Artikolu 34

Artikolu 26

Artikolu 35

Artikolu 27

Artikolu 36

Artikolu 28

Artikolu 37

Artikolu 29

Artikolu 38

Artikolu 30

Artikolu 39

Artikolu 31

Artikolu 40

Artikolu 32

Artikolu 41

Artikolu 33

Artikolu 42

Artikolu 34

Artikolu 43

Artikolu 35

Artikolu 44

Artikolu 36

Artikolu 45

Artikolu 37

Artikolu 46

Artikolu 38

Artikolu 47

Artikolu 39

Artikolu 48

Artikolu 40

Artikolu 41

Artikolu 49

Artikolu 42

Artikolu 50

Anness I

Anness II


Top