Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R0432

    Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 432/2013 tat- 13 ta’ Mejju 2013 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 356/2010 li jimponi ċerti miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Somalja

    ĠU L 129, 14/05/2013, p. 15–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/432/oj

    14.5.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 129/15


    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 432/2013

    tat-13 ta’ Mejju 2013

    li jemenda r-Regolament (UE) Nru 356/2010 li jimponi ċerti miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Somalja

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

    Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/231/PESK tas-26 ta’ April 2010 dwar miżuri restrittivi kontra s-Somalja (1),

    Wara li kkunsidra l-proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 356/2010 (2) jimponi miżuri restrittivi kontra l-persuni, entitajiet u korpi identifikati fl-Anness I ta' dak ir-Regolament, kif previst fir-Riżoluzzjoni 1844 (2008) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.

    (2)

    Fis-6 ta’ Marzu 2013, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 2093 (2013) li aġġornat il-kriterji ta’ nominazzjoni applikati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà stabbiliti taħt ir-Riżoluzzjoni 751 (1992) dwar is-Somalja.

    (3)

    Fil-25 ta’ April 2013 il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2013/201/PESK (3), li temenda d-Deċiżjoni 2010/231/PESK u tipprovdi għal derogi ekwivalenti għal dawk previsti mir-Riżoluzzjoni 2093 (2013).

    (4)

    Din il-miżura taqa’ fil-kamp ta' applikazzjoni tat-Trattat u għalhekk teħtieġ azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni għall-finijiet tal-implimentazzjoni tagħha, partikolarment bil-għan li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħha mill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha.

    (5)

    Ir-Regolament (UE) Nru 356/2010 għandu għalhekk jiġi emendat kif meħtieġ,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Artikolu 2(3) tar-Regolament (UE) Nru 356/2010 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “3.   L-Anness I ikun jikkonsisti minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi identifikati mill-Kunsill tas-Sigurtà jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet bħala:

    (a)

    li huma involuti jew li jipprovdu appoġġ għal atti li jheddu l-paċi, is-sigurtà jew l-istabbiltà tas-Somalja, inklużi atti li jheddu l-proċess ta' paċi u rikonċiljazzjoni fis-Somalja, jew jheddu l-Gvern Federali tas-Somalja jew il-Missjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja (AMISOM) bil-forza;

    (b)

    li aġixxew bi ksur tal-embargo fuq l-armi jew tal-projbizzjoni kontra l-provvista ta' għajnuna relatata jew tar-restrizzjonijiet tal-bejgħ mill-ġdid u t-trasferiment tal-armi kif stipulat fil-paragrafu 34 tal-UNSCR 2093 (2013);

    (c)

    li jostakolaw l-għoti ta' għajnuna umanitarja lis-Somalja, jew l-aċċess jew distribuzzjoni fir-rigward tal-għajnuna umanitarja fis-Somalja;

    (d)

    li huma mexxejja politiċi jew militari li jirreklutaw jew jużaw tfal f’konflitti armati fis-Somalja bi ksur tal-liġi internazzjonali applikabbli;

    (e)

    li huma responsabbli għal ksur tal-liġi internazzjonali applikabbli fis-Somalja bil-fatt li jiġu mmirati persuni ċivili, inklużi tfal u nisa, f’sitwazzjonijiet ta’ kunflitti armati, inklużi qtil u mankament, vjolenza sesswali u dik ibbażata fuq il-ġeneru tal-persuna, attakki fuq skejjel u sptarijiet, u ħtif u spostament furzat.”.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Mejju 2013.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    E. GILMORE


    (1)  ĠU L 105, 27.4.2010, p. 17.

    (2)  ĠU L 105, 27.4.2010, p. 1.

    (3)  ĠU L 116, 26.4.2013, p. 10.


    Top