Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R0075

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 75/2013 tal- 25 ta’ Jannar 2013 li jidderoga mir-Regolament (KE) Nru 951/2006 fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ prezzijiet rappreżentattivi u dazji addizzjonali tal-importazzjoni ta’ ċerti prodotti tas-settur taz-zokkor, u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 892/2012 li jistabbilixxi l-prezzijiet rappreżentattivi u l-ammonti tad-dazji addizzjonali għall-importazzjoni ta’ ċerti prodotti tas-settur taz-zokkor għas-sena tas-suq 2012/2013

ĠU L 26, 26/01/2013, p. 19–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 01/10/2022

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2013/75/oj

26.1.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 26/19


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 75/2013

tal-25 ta’ Jannar 2013

li jidderoga mir-Regolament (KE) Nru 951/2006 fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ prezzijiet rappreżentattivi u dazji addizzjonali tal-importazzjoni ta’ ċerti prodotti tas-settur taz-zokkor, u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 892/2012 li jistabbilixxi l-prezzijiet rappreżentattivi u l-ammonti tad-dazji addizzjonali għall-importazzjoni ta’ ċerti prodotti tas-settur taz-zokkor għas-sena tas-suq 2012/2013

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 143 flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-prezzijiet rappreżentattivi u d-dazji addizzjonali applikabbli għall-importazzjoni taz-zokkor abjad, taz-zokkor mhux raffinat u ta’ ċerti ġuleppijiet ġew stabbiliti għas-sena tas-suq 2012/2013 bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 892/2012 (2).

(2)

L-Artikolu 141(2) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 jistabbilixxi li ma għandhomx jiġu imposti dazji addizzjonali ta’ importazzjoni fejn l-importazzjonijiet ma jfixklux is-suq Komunitarju, jew fejn l-effetti jkunu sproporzjonati għall-objettiv maħsub.

(3)

Għal perjodu ta’ żmien sinifikanti, il-prezzijiet taz-zokkor fis-suq tal-Unjoni kienu ferm ogħla mill-prezz ta’ referenza u, abbażi tat-tbassir attwali tas-suq, mhuwiex mistenni li l-prezz tas-suq dinji taz-zokkor jonqos għal tali livelli li, meta jitqiesu t-tariffi attwali tal-importazzjoni, l-importazzjonijiet taz-zokkor jistgħu jiddisturbaw is-suq taz-zokkor tal-UE fin-nuqqas ta’ dazji addizzjonali. F’dawn iċ-ċirkostanzi ta’ prezzijiet relattivament għoljin fis-suq dinji taz-zokkor, l-importazzjonijiet ta’ prodotti taz-zokkor koperti mill-Artikolu 36(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 951/2006 tat-30 ta’ Ġunju 2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 318/2006 dwar il-kummerċ ma’ pajjiżi terzi fis-settur taz-zokkor (3) mhumiex mistennija jfixklu s-suq tal-Unjoni u għalhekk l-ebda dazji addizzjonali fuq dawn l-importazzjonijiet ma għandhom jiġu imposti. Fid-dawl tal-bażi tas-swieq taz-zokkor dinjija u tal-Unjoni, din is-sitwazzjoni probabbli mhix se tgħaddi minn tibdil sinifikanti fis-sentejn tas-suq li ġejjin, jiġifieri sal-aħħar tar-reġim tal-kwota tal-Unjoni. Il-Kummissjoni tissorvelja s-suq taz-zokkor kontinwament, u jekk ikun meħtieġ se tieħu kwalunkwe miżura xierqa.

(4)

Sakemm ma jiġux imposti dazji addizzjonali, ma hemmx il-ħtieġa ta’ ffissar ta’ prezzijiet rappreżentattivi li huma użati biex jikkalkulawhom.

(5)

Għalhekk huwa xieraq li jkun hemm deroga mill-applikazzjoni tal-Artikolu 36 tar-Regolament (KE) Nru 951/2006 sa tmiem is-sena tas-suq 2014/2015.

(6)

Għalhekk ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 892/2012 għandu jitħassar.

(7)

Il-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli ma ressaqx opinjoni fil-limitu taż-żmien stabbilit mill-President tiegħu,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 36 tar-Regolament (KE) Nru 951/2006, id-dazji addizzjonali tal-importazzjoni ma għandhomx japplikaw għall-prodotti msemmija f’dak l-Artikolu sat-30 ta’ Settembru 2015.

Artikolu 2

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 892/2012 huwa mħassar. Madankollu, għandu jibqa’ japplika għal dazji addizzjonali imposti qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament preżenti.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Jannar 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 263, 28.9.2012, p. 37.

(3)  ĠU L 178, 1.7.2006, p. 24.


Top