Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009D0969

Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/969/PESK tal- 15 ta’ Diċembru 2009 li testendi l-miżuri restrittivi kontra ċerti uffiċjali tal-Belarus imniżżla fil-Pożizzjoni Komuni 2006/276/PESK, u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2009/314/PESK

ĠU L 332, 17/12/2009, p. 76–76 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/969/oj

17.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 332/76


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2009/969/PESK

tal-15 ta’ Diċembru 2009

li testendi l-miżuri restrittivi kontra ċerti uffiċjali tal-Belarus imniżżla fil-Pożizzjoni Komuni 2006/276/PESK, u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2009/314/PESK

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Billi:

(1)

Fl-10 ta’ April 2006, il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni 2006/276/PESK dwar miżuri restrittivi kontra ċerti uffiċjali tal-Belarus (1).

(2)

Bil-Pożizzjoni Komuni 2009/314/PESK tas-6 ta’ April 2009 li temenda l-Pożizzjoni Komuni 2006/276/PESK (2) il-miżuri restrittivi ġew estiżi sal-15 ta’ Marzu 2010. Madankollu, ir-restrizzjonijiet ta’ vvjaġġar imposti fuq ċerti figuri ewlenin tal-Belarus, bl-eċċezzjoni ta’ dawk involuti fl-isparizzjonijiet li seħħew fl-1999 u fl-2000 u tal-President tal-Kummissjoni Elettorali Ċentrali, ġew sospiżi sal-15 ta’ Diċembru 2009.

(3)

Fis-17 ta’ Novembru 2009 l-Kunsill qabel li minħabba n-nuqqas ta’ progress tanġibbli fl-oqsma identifikati fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2008, il-miżuri restrittivi previsti bil-Pożizzjoni Komuni 2006/276/PESK għandhom jiġu estiżi sa Ottubru 2010, filwaqt li s-sospensjoni tar-restrizzjonijiet ta’ vvjaġġar imposti fuq ċerti figuri ewlenin tal-Belarus, bl-eċċezzjoni ta’ dawk involuti fl-isparizzjonijiet li seħħew fl-1999 u fl-2000 u tal-President tal-Kummissjoni Elettorali Ċentrali, għandhom ukoll jiġu estiżi sa Ottubru 2010. Fit-tmiem ta’ dak il-perijodu, il-Kunsill ser jirrevedi l-miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarus. Il-Kunsill jista’ jiddeċiedi li jerġa’ japplika jew ineħħi r-restrizzjonijiet ta’ vvjaġġar fi kwalunkwe ħin, fid-dawl ta’ azzjonijiet mill-awtoritajiet tal-Belarus fl-isfera tad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem.

(4)

Għalhekk il-Pożizzjoni Komuni 2009/314/PESK għandha titħassar,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-miżuri restrittivi previsti fil-Pożizzjoni Komuni 2006/276/PESK huma b’dan estiżi sal-31 ta’ Ottubru 2010.

Artikolu 2

1.   Il-miżuri msemmija fl-Artikolu 1(1)(b) tal-Pożizzjoni Komuni 2006/276/PESK, safejn japplikaw għas-Sur Yuri Nikolaïevitch Podobed, huma b’dan sospiżi sal-31 ta’ Ottubru 2010.

2.   Il-miżuri msemmija fl-Artikolu 1(1)(c) tal-Pożizzjoni Komuni 2006/276/PESK, huma b’dan sospiżi sal-31 ta’ Ottubru 2010.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi riveduta mill-ġdid qabel il-31 ta’ Ottubru 2010 fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarus.

Artikolu 4

Il-Pożizzjoni Komuni 2009/314/PESK hija b’dan imħassra.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppublikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Diċembru 2009.

Għall-Kunsill

Il-President

E. ERLANDSSON


(1)  ĠU L 101, 11.4.2006, p. 5.

(2)  ĠU L 93, 7.4.2009, p. 21.


Top