This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32021R1163
Regulation (EU, Euratom) 2021/1163 of the European Parliament of 24 June 2021 laying down the regulations and general conditions governing the performance of the Ombudsman’s duties (Statute of the European Ombudsman) and repealing Decision 94/262/ECSC, EC, Euratom
Regolament (UE, Euratom) 2021/1163 tal-Parlament Ewropew tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi r-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tad-dmirijiet tal-Ombudsman (Statut tal-Ombudsman Ewropew) u li jħassar id-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom
Regolament (UE, Euratom) 2021/1163 tal-Parlament Ewropew tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi r-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tad-dmirijiet tal-Ombudsman (Statut tal-Ombudsman Ewropew) u li jħassar id-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom
ĠU L 253, 16/07/2021, p. 1–10
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Repeal | 31994D0262 | 05/08/2021 | |||
Implicit repeal | 32002D0262 | 05/08/2021 | |||
Implicit repeal | 32008D0587 | 05/08/2021 |
16.7.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 253/1 |
REGOLAMENT (UE, Euratom) 2021/1163 TAL-PARLAMENT EWROPEW
tal-24 ta’ Ġunju 2021
li jistabbilixxi r-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tad-dmirijiet tal-Ombudsman (Statut tal-Ombudsman Ewropew) u li jħassar id-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom
IL-PARLAMENT EWROPEW,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 228(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 106a(1) tiegħu,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (1),
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni Ewropea (2),
Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġiżlattiva speċjali,
Billi:
(1) |
Ir-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tad-dmirijiet tal-Ombudsman jenħtieġ li jiġu stabbiliti f’konformità mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b’mod partikolari il-punt (d) tal-Artikolu 20(2) u l-Artikolu 228 tiegħu, it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”). |
(2) |
Id-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom tal-Parlament Ewropew (3) ġiet emendata l-aħħar fl-2008. Wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona fl-1 ta’ Diċembru 2009, id-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom jenħtieġ li titħassar u tiġi sostitwita b’regolament adottat abbażi tal-Artikolu 228(4) tat-TFUE. |
(3) |
L-Artikolu 41 tal-Karta jirrikonoxxi d-dritt għal amministrazzjoni tajba bħala dritt fundamentali taċ-ċittadini tal-Unjoni. L-Artikolu 43 tal-Karta jirrikonoxxi d-dritt li wieħed jirreferi lill-Ombudsman Ewropew każijiet ta’ amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet tal-istituzzjonijiet, tal-korpi, tal-uffiċċji jew tal-aġenziji tal-Unjoni. Sabiex ikun żgurat li dawk id-drittijiet huma effettivi u sabiex tissaħħaħ il-kapaċità tal-Ombudsman biex iwettaq inkjesti bir-reqqa u b’mod imparzjali, u b’hekk tiġi sostnuta l-indipendenza tal-Ombudsman li fuqha jiddependu t-tnejn li huma, jenħtieġ li l-Ombudsman jingħata l-għodod kollha meħtieġa biex iwettaq b’suċċess id-dmirijiet tal-Ombudsman imsemmija fit-Trattati u f’dan ir-Regolament. |
(4) |
L-istabbiliment tal-kundizzjonijiet skont liema jista’ jitressaq ilment lill-Ombudsman jenħtieġ li jikkonforma mal-prinċipju ta’ aċċess sħiħ, liberu u faċli, b’kunsiderazzjoni xierqa tingħata lir-restrizzjonijiet speċifiċi li jirriżultaw minn proċedimenti ġudizzjarji u amministrattivi. |
(5) |
L-Ombudsman jenħtieġ li jaġixxi b’kunsiderazzjoni xierqa għall-kompetenzi tal-istituzzjonijiet, tal-korpi, tal-uffiċċji jew tal-aġenziji tal-Unjoni li huma s-soġġetti tal-inkjesti tiegħu. |
(6) |
Huwa meħtieġ li fejn l-inkjesti tal-Ombudsman jiżvelaw każijiet ta’ amministrazzjoni ħażina jiġu stabbiliti l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti. -Jenħtieġ li l-Ombudsman jissottometti rapport komprensiv lill-Parlament Ewropew fl-aħħar ta’ kull sessjoni annwali. L-Ombudsman jenħtieġ li jkun intitolat ukoll li f’dak ir-rapport annwali, jinkludi valutazzjoni tal-konformità mar-rakkomandazzjonijiet magħmula. |
(7) |
Sabiex jissaħħaħ ir-rwol tal-Ombudsman u jiġu promossi l-aħjar prattiki amministrattivi fl-istituzzjonijiet, fil-korpi, fl-uffiċċji u fl-aġenziji tal-Unjoni, ikun tajjeb li l-Ombudsman, mingħajr preġudizzju għad-dmir primarju tiegħu, li huwa li jittratta l-ilmenti, iwettaq inkjesti fuq inizjattiva proprja kull meta jsib raġunijiet, u b’mod partikolari f’każijiet ripetuti, sistemiċi jew partikolarment serji ta’ amministrazzjoni ħażina. |
(8) |
Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), kif ikkomplementat mir-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) jenħtieġ li japplika għal talbiet għal aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Ombudsman, bl-eċċezzjoni ta’ dawk miksuba matul inkjesta, li f’liema każ it-talbiet jenħtieġ li jiġu ttrattati mill-istituzzjoni, mill-korp, mill-uffiċċju jew mill-aġenzija tal-Unjoni tal-oriġini. |
(9) |
L-Ombudsman jenħtieġ li jingħata aċċess għall-elementi kollha meħtieġa għat-twettiq ta’ dmirijietu. Għal dak il-għan, l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni jenħtieġ li jipprovdu lill-Ombudsman bi kwalunkwe informazzjoni li huwa jitlob għall-finijiet ta’ inkjesta. Meta l-eżerċitar tad-dmirijiet tal-Ombudsman ikun jirrikjedi li l-Ombudsman jingħata informazzjoni kklassifikata miżmuma mill-istituzzjonijiet, mill-korpi, mill-uffiċċji u mill-aġenziji tal-Unjoni jew mill-awtoritajiet tal-Istati Membri, l-Ombudsman jenħtieġ li jkun jista’ jaċċessa tali informazzjoni, soġġett għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli għall-protezzjoni tagħha. |
(10) |
Jenħtieġ li l-Ombudsman u l-persunal tiegħu jkunu fid-dmir li jittrattaw b’kunfidenzjalità kwalunkwe informazzjoni li jkunu kisbu fil-qadi ta’ dmirijiethom; mingħajr preġudizzju għall-obbligu tal-Ombudsman li jinforma lill-awtoritajiet tal-Istati Membri dwar il-fatti li jista’ jkollhom x’jaqsmu ma’ reati kriminali u li jkun sar jaf bihom waqt inkjesta. Barra minn hekk, l-Ombudsman jenħtieġ li jkun jista’ jinforma lill-istituzzjoni, lill-korp, lill-uffiċċju jew lill-aġenzija tal-Unjoni kkonċernati dwar il-fatti li jqajmu dubju dwar l-imġiba ta’ membru tal-persunal tagħhom. L-obbligu tal-Ombudsman li jittratta b’mod kunfidenzjali kwalunkwe informazzjoni miksuba fil-qadi ta’ dmirijietu jenħtieġ li tkun mingħajr preġudizzju għall-obbligu tal-Ombudsman li jwettaq xogħlu b’mod kemm jista’ jkun miftuħ skont l-Artikolu 15(1) tat-TFUE. B’mod partikolari, sabiex iwettaq dmirijietu kif xieraq u sabiex jappoġġja s-sejbiet tiegħu, l-Ombudsman jenħtieġ li jkun jista’ jirreferi fir-rapporti tiegħu għal kwalunkwe informazzjoni aċċessibbli għall-pubbliku. |
(11) |
Fejn ikun meħtieġ għat-twettiq effettiv ta’ dmirijietu, l-Ombudsman jenħtieġ li jingħata l-possibbiltà li jikkoopera u jiskambja informazzjoni mal-awtoritajiet tal-Istati Membri, f’konformità mad-dritt nazzjonali u tal-Unjoni applikabbli, u ma’ istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji jew aġenziji oħra tal-Unjoni, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni applikabbli. |
(12) |
L-Ombudsman jenħtieġ li jiġi elett mill-Parlament Ewropew fil-bidu tal-leġiżlatura u għat-tul ta’ żmien tagħha, magħżul minn fost il-persuni li huma ċittadini tal-Unjoni u li joffru l-garanziji meħtieġa kollha ta’ indipendenza u kompetenza. Jenħtieġ ukoll li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet ġenerali fost l-oħrajn dwar il-waqfien tad-dmirijiet tal-Ombudsman, is-sostituzzjoni tal-Ombudsman, għall-inkompatibbiltajiet, ir-remunerazzjoni tal-Ombudsman u l-privileġġi u l-immunitajiet tal-Ombudsman. |
(13) |
Jenħtieġ li jiġi speċifikat li s-sede tal-Ombudsman jenħtieġ li tkun dik tal-Parlament Ewropew kif iddeterminat bil-punt (a) tal-uniku Artikolu tal-Protokoll Nru 6 dwar il-post tas-sede tal-istituzzjonijiet u ta’ ċerti korpi, uffiċċji, aġenziji u dipartimenti tal-Unjoni Ewropea, anness għat-Trattat tal-Unjoni Ewropea, għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika (il-“Protokoll Nru 6”). |
(14) |
L-Ombudsman jenħtieġ li jikseb parità bejn il-ġeneri fil-kompożizzjoni tas-segretarjat tiegħu, billi jagħti kunsiderazzjoni xierqa lill-Artikolu 1d(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni, stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (6) (ir-“Regolamenti tal-Persunal”). |
(15) |
Huwa f’idejn l-Ombudsman li jadotta d-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni għal dan ir-Regolament wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, mal-Kunsill u mal-Kummissjoni Ewropea. Fin-nuqqas ta’ opinjoni minn dawn l-istituzzjonijiet fil-perjodu ta’ żmien stabbilit b’mod raġonevoli mill-Ombudsman minn qabel, huwa jista’ jadotta d-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni kkonċernati. Sabiex tiġi garantita ċ-ċertezza legali u l-ogħla standards fil-qadi tad-dmirijiet tal-Ombudsman, jenħtieġ li l-kontenut minimu tad-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni li għandhom jiġu adottati jiġi stabbilit f’dan ir-Regolament, |
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Suġġett u prinċipji
1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tad-dmirijiet tal-Ombudsman (Statut tal-Ombudsman Ewropew).
2. L-Ombudsman għandu jkun kompletament indipendenti fil-qadi ta’ dmirijietu u għandu jaġixxi mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel.
3. L-Ombudsman għandu jgħin biex jiżvela amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet tal-istituzzjonijiet, tal-korpi, tal-uffiċċji u tal-aġenziji tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li taġixxi fir-rwol ġudizzjarju tagħha, b’kunsiderazzjoni xierqa għall-punt (d) tal-Artikolu 20(2), u l-Artikolu 228 tat-TFUE u l-Artikolu 41 tal-Karta dwar id-dritt għal amministrazzjoni tajba.
L-ebda azzjoni minn xi awtorità jew persuna oħra ma tista’ tkun is-suġġett ta’ lment lill-Ombudsman.
4. Fejn xieraq, l-Ombudsman għandu jagħmel rakkomandazzjonijiet, proposti għal soluzzjonijiet u suġġerimenti għal titjib biex tiġi indirizzata l-kwistjoni.
5. Fil-qadi ta’ dmirijietu, l-Ombudsman ma jistax jikkontesta l-korrettezza ta’ deċiżjoni ta’ qorti jew il-kompetenza ta’ qorti li toħroġ deċiżjoni.
Artikolu 2
Ilmenti
1. Kull ċittadin tal-Unjoni jew persuna ġuridika jew naturali li tirrisjedi jew li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru tista’, direttament jew permezz ta’ membru tal-Parlament Ewropew, tressaq ilment lill-Ombudsman rigward amministrazzjoni ħażina.
2. Ilment għandu jagħmel referenza ċara għas-suġġett tiegħu u għall-identità tal-ilmentatur. Ilmentatur jista’ jitlob li l-ilment, jew partijiet minnu, jibqgħu kunfidenzjali.
3. Ilment għandu jitressaq fi żmien sentejn mid-data meta l-ilmentatur ikun sar jaf bil-fatti li fuqhom huwa bbażat l-ilment. Qabel ma jitressaq l-ilment, l-ilmentatur għandu jagħmel il-passi amministrattivi xierqa fir-rigward tal-istituzzjoni, tal-korp, tal-uffiċċju jew tal-aġenzija kkonċernata.
4. L-Ombudsman għandu jirrifjuta lment bħala inammissibbli jekk ma jkunx fl-ambitu tal-mandat tal-Ombudsman jew jekk ir-rekwiżiti proċedurali stabbiliti fil-paragrafi 2 u 3 ma jkunux issodisfati. Meta lment ma jkunx fl-ambitu tal-mandat tal-Ombudsman, huwa jista’ jagħti parir lill-ilmentatur biex jindirizzah lil awtorità oħra.
5. Jekk l-Ombudsman isib li l-ilment huwa manifestament infondat, huwa għandu jagħlaq il-fajl u jinforma lill-ilmentatur dwar dik is-sejba. F’każijiet fejn l-ilmentatur ikun informa lill-istituzzjoni, lill-korp, lill-uffiċċju jew lill-aġenzija tal-Unjoni kkonċernata dwar l-ilment, l-Ombudsman għandu jinforma wkoll lill-awtorità kkonċernata.
6. L-ilmenti li jikkonċernaw ir-relazzjonijiet industrijali bejn l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji tal-Unjoni u l-persunal tagħhom għandhom ikunu ammissibbli biss jekk il-persuna kkonċernata tkun eżawriet il-proċeduri amministrattivi interni kollha, b’mod partikolari dawk imsemmija fl-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal, u l-awtorità kompetenti tal-istituzzjoni, tal-korp, tal-uffiċċju jew tal-aġenzija tal-Unjoni kkonċernata tkun ħadet deċiżjoni jew il-limiti ta’ żmien għat-tweġiba tagħha jkunu skadew. L-Ombudsman għandu jkun intitolat ukoll li jivverifika l-miżuri adottati mill-awtorità kompetenti tal-istituzzjoni, tal-korp, tal-uffiċċju jew tal-aġenzija tal-Unjoni kkonċernata biex tiżgura l-protezzjoni tal-allegati vittmi ta’ fastidju u biex jerġa’ jkun hemm ambjent tax-xogħol tajjeb għas-saħħa u sikur li jirrispetta d-dinjità tal-persuni kkonċernati waqt li tkun għaddejja inkjesta amministrattiva, dment li l-persuni kkonċernati jkunu eżawrew il-proċeduri amministrattivi interni fir-rigward ta’ dawn il-miżuri.
7. L-Ombudsman għandu jinforma lill-istituzzjoni, lill-korp, lill-uffiċċju jew lill-aġenzija tal-Unjoni kkonċernata dwar ilment, malli dak l-ilment ikun ġie ddikjarat ammissibbli u tkun ittieħdet id-deċiżjoni li tinfetaħ inkjesta.
8. L-ilmenti mressqa lill-Ombudsman ma għandhomx jaffettwaw il-limiti ta’ żmien sabiex jiġu ppreżentati appelli fi proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji.
9. Fejn, minħabba proċeduri ġudizzjarji li jkunu għaddejjin jew ikunu ġew konklużi rigward il-fatti ppreżentati, l-Ombudsman jiddikjara li lment ikun inammissibbli jew jiddeċiedi li jieqaf jikkunsidrah, l-eżitu ta’ kwalunkwe inkjesta li l-Ombudsman ikun għamel sa dak iż-żmien għandu jiddaħħal f’fajl u dak il-fajl għandu jingħalaq.
10. L-Ombudsman għandu malajr kemm jista’ jkun jinforma lill-ilmentatur dwar l-azzjoni meħuda rigward l-ilment u, sa fejn ikun possibbli, ifittex soluzzjoni mal-istituzzjoni, mal-korp, mal-uffiċċju jew mal-aġenzija tal-Unjoni kkonċernata biex tiġi eliminata l-amministrazzjoni ħażina. L-Ombudsman għandu jinforma lill-ilmentatur dwar is-soluzzjoni proposta flimkien mal-kummenti, jekk ikun hemm, tal-istituzzjoni, tal-korp, tal-uffiċċju jew tal-aġenzija tal-Unjoni kkonċernata. L-ilmentatur jista’ jissottometti kummenti jew jipprovdi, fi kwalunkwe stadju, informazzjoni addizzjonali li ma kinitx magħrufa fil-mument tas-sottomissjoni tal-ilment.
Meta tinstab soluzzjoni aċċettata mill-ilmentatur u mill-istituzzjoni, mill-korp, mill-uffiċċju jew mill-aġenzija tal-Unjoni kkonċernata, l-Ombudsman jista’ jagħlaq il-fajl mingħajr ma jsegwi l-proċedura prevista fl-Artikolu 4.
Artikolu 3
Inkjesti
1. F’konformità ma’ dmirijietu, l-Ombudsman għandu jwettaq inkjesti li għalihom isib raġunijiet, fuq inizjattiva tiegħu stess jew wara lment.
2. L-Ombudsman għandu jinforma lill-istituzzjoni, lill-korp, lill-uffiċċju jew lill-aġenzija tal-Unjoni kkonċernata minn tali inkjesti mingħajr dewmien żejjed. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5, l-istituzzjoni, il-korp, l-uffiċċju jew l-aġenzija tal-Unjoni kkonċernata tista’, fuq inizjattiva proprja jew fuq talba tal-Ombudsman, tippreżenta kwalunkwe kumment jew evidenza utli.
3. L-Ombudsman jista’ jwettaq inkjesti fuq inizjattiva proprja kull meta jsib raġunijiet, u b’mod partikolari f’każijiet ta’ amministrazzjoni ħażina ripetuta, sistemika jew partikolarment serja sabiex jiġu indirizzati dawk il-każijiet bħala kwistjoni ta’ interess pubbliku. Fil-kuntest ta’ inkjesti bħal dawn, huwa jista’ wkoll jagħmel proposti u inizjattivi biex jippromwovi l-aħjar prattiki amministrattivi fl-istituzzjonijiet, fil-korpi, fl-uffiċċji u fl-aġenziji tal-Unjoni.
Artikolu 4
Interazzjoni bejn l-Ombudsman u l-istituzzjonijiet
1. Meta, wara inkjesta, jinstabu każijiet ta’ amministrazzjoni ħażina, l-Ombudsman għandu jinforma, mingħajr dewmien żejjed, lill-istituzzjoni, lill-korp, lill-uffiċċju jew lill-aġenzija tal-Unjoni kkonċernata bis-sejbiet tal-inkjesta u, fejn xieraq, għandu jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet.
2. L-istituzzjoni, il-korp, l-uffiċċju jew l-aġenzija tal-Unjoni kkonċernata għandha tibgħat opinjoni dettaljata lill-Ombudsman fi żmien tliet xhur. L-Ombudsman jista’, fuq talba motivata tal-istituzzjoni, tal-korp, tal-uffiċċju jew tal-aġenzija tal-Unjoni kkonċernata, jagħti estensjoni ta’ dik l-iskadenza. Dik l-iskadenza ma għandhiex tkun itwal minn xahrejn. Fejn ma tingħata l-ebda opinjoni mill-istituzzjoni, mill-korp, mill-uffiċċju jew mill-aġenzija tal-Unjoni kkonċernata sal-iskadenza oriġinali ta’ tliet xhur jew sal-iskadenza estiża, l-Ombudsman jista’ jagħlaq l-inkjesta mingħajr tali opinjoni.
3. Meta tingħalaq inkjesta, l-Ombudsman għandu jibgħat rapport lill-istituzzjoni, lill-korp, lill-uffiċċju jew lill-aġenzija tal-Unjoni kkonċernata u, meta n-natura jew id-daqs tal-każ ta’ amministrazzjoni ħażina li jkun skopra jirrikjedi dan, lill-Parlament Ewropew. L-Ombudsman jista’ jagħmel rakkomandazzjonijiet fir-rapport. L-Ombudsman għandu jinforma lill-ilmentatur dwar l-eżitu tal-inkjesta, l-opinjoni mogħtija mill-istituzzjoni, mill-korp, mill-uffiċċju jew mill-aġenzija tal-Unjoni kkonċernata u kwalunkwe rakkomandazzjoni magħmula fir-rapport.
4. Fejn ikun xieraq fir-rigward ta’ inkjesta dwar l-attivitajiet ta’ istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija tal-Unjoni, l-Ombudsman jista’ jinstema’ quddiem il-Parlament Ewropew, fil-livell xieraq, fuq l-inizjattiva tiegħu stess jew fuq talba tal-Parlament Ewropew.
5. Fi tmiem kull sessjoni annwali, l-Ombudsman għandu jippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew dwar l-eżitu tal-inkjesti mwettqa minnu. Ir-rapport għandu jinkludi valutazzjoni tal-konformità mar-rakkomandazzjonijiet, mal-proposti għal soluzzjonijiet u mas-suġġerimenti tal-Ombudsman għal titjib. Ir-rapport għandu jinkludi wkoll, fejn rilevanti, l-eżitu tal-inkjesti tal-Ombudsman relatati ma’ fastidju, żvelar ta’ informazzjoni protetta u kunflitti ta’ interess fl-istituzzjonijiet, fil-korpi, fl-uffiċċji jew fl-aġenziji tal-Unjoni.
Artikolu 5
Għoti ta’ informazzjoni lill-Ombudsman
1. Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, “l-għoti ta’ informazzjoni” jinkludi l-mezzi fiżiċi u elettroniċi kollha li bihom l-Ombudsman u s-segretarjat tiegħu jingħataw aċċess għall-informazzjoni, inklużi dokumenti, indipendentement mill-forma tagħha.
2. “Informazzjoni klassifikata tal-UE” tfisser kwalunkwe informazzjoni jew materjal magħżul mill-klassifikazzjoni ta’ sigurtà tal-UE, li d-divulgazzjoni mhux awtorizzata tiegħu tista’ tikkawża gradi differenti ta’ preġudizzju għall-interessi tal-Unjoni jew għal dawk ta’ Stat Membru wieħed jew aktar.
3. Soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu, l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom, fuq talba tal-Ombudsman jew fuq inizjattiva tagħhom stess, u mingħajr dewmien żejjed, jipprovdu lill-Ombudsman kwalunkwe informazzjoni li jkun talab għall-finijiet ta’ inkjesta.
4. L-Ombudsman għandu jingħata informazzjoni klassifikata tal-UE għall-prinċipji u l-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a) |
l-istituzzjoni, il-korp, l-uffiċċju jew l-aġenzija tal-Unjoni li tipprovdi l-informazzjoni klassifikata tal-UE trid tkun lestiet il-proċeduri interni rilevanti tagħha u, meta l-oriġinatur ikun parti terza, din tal-aħħar trid tkun tat l-approvazzjoni tagħha bil-miktub minn qabel; |
(b) |
il-ħtieġa tal-għarfien tal-Ombudsman trid tkun ġiet stabbilita; |
(c) |
irid jkun żgurat li l-aċċess għal informazzjoni klassifikata CONFIDENTIEL UE/EU CONFIDENTIAL jew ogħla jingħata biss lil persuni li jkollhom approvazzjoni tas-sigurtà għal-livell ta’ sigurtà rilevanti f’konformità mad-dritt nazzjonali u awtorizzati mill-awtorità ta’ sigurtà kompetenti. |
5. Għall-għoti ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE, l-istituzzjoni, il-korp, l-uffiċċju jew l-aġenzija kkonċernata tal-Unjoni għandha tivvaluta jekk l-Ombudsman ikunx effettivament stabbilixxa regoli ta’ sigurtà interna kif ukoll miżuri fiżiċi u proċedurali biex tiġi protetta informazzjoni klassifikata tal-UE. Għal dan il-għan, l-Ombudsman u istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija tal-Unjoni jistgħu jidħlu wkoll f’arranġament li jistabbilixxi qafas ġenerali li jirregola l-għoti ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE.
6. F’konformità mal-paragrafi 4 u 5, l-aċċess għal informazzjoni klassifikata tal-UE għandu jiġi pprovdut fil-bini tal-istituzzjoni, tal-korp, tal-uffiċċju jew tal-aġenzija tal-Unjoni kkonċernata, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor mal-Ombudsman.
7. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw li jipprovdu lill-Ombudsman b’informazzjoni koperta mil-liġi nazzjonali dwar il-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata jew mid-dispożizzjonijiet li jipprevjenu l-komunikazzjoni tagħha.
Madankollu, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jipprovdi tali informazzjoni lill-Ombudsman soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti mill-awtorità kompetenti tiegħu.
8. Fejn l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji tal-Unjoni u l-awtoritajiet tal-Istati Membri jkunu beħsiebhom jipprovdu lill-Ombudsman b’informazzjoni klassifikata tal-UE jew kwalunkwe informazzjoni oħra li ma tkunx aċċessibbli għall-pubbliku, huma għandhom jagħtu lill-Ombudsman notifika minn qabel.
L-Ombudsman għandu jiżgura li tali informazzjoni tkun protetta b’mod adegwat u b’mod partikolari ma għandux jiżvela din l-informazzjoni lill-ilmentatur jew lill-pubbliku mingħajr l-approvazzjoni minn qabel tal-istituzzjoni, tal-korp, tal-uffiċċju jew tal-aġenzija tal-Unjoni jew tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat. Fir-rigward tal-informazzjoni klassifikata tal-UE, l-approvazzjoni għandha tingħata bil-miktub.
9. L-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji tal-Unjoni li jiċħdu l-aċċess għal informazzjoni klassifikata tal-UE għandhom jipprovdu lill-Ombudsman ġustifikazzjoni bil-miktub, li tindika, bħala minimu, ir-raġunijiet għar-rifjut.
10. L-Ombudsman għandu jżomm fil-pussess tiegħu l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 8 biss sakemm l-inkjesta tingħalaq b’mod definittiv.
L-Ombudsman jista’ jitlob lil istituzzjoni, lil korp, lil uffiċċju jew lil aġenzija tal-Unjoni, jew lil Stat Membru, biex iżomm tali informazzjoni għal perjodu ta’ mill-inqas ħames snin.
11. Jekk l-assistenza mitluba ma tkunx disponibbli meta tkun meħtieġa, l-Ombudsman għandu jinforma lill-Parlament Ewropew, li għandu jaġixxi kif xieraq.
Artikolu 6
Aċċess pubbliku għad-dokumenti miżmuma mill-Ombudsman
L-Ombudsman għandu jittratta t-talbiet għal aċċess pubbliku għad-dokumenti, bl-eċċezzjoni ta’ dawk miksuba matul inkjesta u miżmuma mill-Ombudsman għad-durata ta’ dik l-inkjesta jew wara l-għeluq tagħha, f’konformità mal-kundizzjonijiet u l-limiti previsti fir-Regolament (KE) Nru 1049/2001, kif ikkomplementat mir-Regolament (KE) Nru 1367/2006.
Artikolu 7
Smigħ ta’ uffiċjali u aġenti oħra
1. L-uffiċjali u aġenti oħra tal-istituzzjonijiet, tal-korpi, tal-uffiċċji u tal-aġenziji tal-Unjoni għandhom, fuq talba tal-Ombudsman, jinstemgħu, rigward il-fatti li jkollhom x’jaqsmu ma’ inkjesta li jkun qed jagħmel l-Ombudsman.
2. Dawk l-uffiċjali u aġenti oħra għandhom jitkellmu f’isem l-istituzzjoni, il-korp, l-uffiċċju jew l-aġenzija tagħhom. Huma għandhom jibqgħu marbuta mal-obbligi li jirriżultaw mir-regoli li jkunu soġġetti għalihom.
Artikolu 8
Inkjesti fil-kuntest tal-iżvelar ta’ informazzjoni protetta
1. L-Ombudsman jista’ jwettaq inkjesta biex jiżvela każijiet ta’ amministrazzjoni ħażina fit-trattament ta’ informazzjoni kif definit fl-Artikolu 22a tar-Regolamenti tal-Persunal li jkunu ġew divulgati lilu minn uffiċjal jew minn aġent ieħor f’konformità mar-regoli rilevanti stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal.
2. F’każijiet bħal dawn, l-uffiċjal jew aġent ieħor għandu jibbenefika mill-protezzjoni offruta mir-Regolamenti tal-Persunal kontra kwalunkwe effett ta’ preġudizzju min-naħa tal-istituzzjoni, tal-korp, tal-uffiċċju jew tal-aġenzija tal-Unjoni bħala riżultat tal-komunikazzjoni tal-informazzjoni.
3. L-Ombudsman jista’ jinvestiga wkoll jekk kienx hemm każ ta’ amministrazzjoni ħażina fit-trattament ta’ tali każ mill-istituzzjoni, mill-korp, mill-uffiċċju jew mill-aġenzija tal-Unjoni kkonċernata, inkluż fir-rigward tal-protezzjoni tal-uffiċjal jew ta’ aġent ieħor ikkonċernat.
Artikolu 9
Segretezza professjonali
1. L-Ombudsman u l-persunal tiegħu ma għandhomx jiddivulgaw informazzjoni jew dokumenti li jiksbu matul l-inkjesta. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, huma ma għandhom, b’mod partikolari, jiddivulgaw l-ebda informazzjoni klassifikata tal-UE jew dokument intern tal-istituzzjonijiet, tal-korpi, tal-uffiċċji jew tal-aġenziji tal-Unjoni pprovduti lill-Ombudsman jew dokumenti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali. Huma ma għandhomx jiddivulgaw lanqas kwalunkwe informazzjoni li tista’ tagħmel ħsara lid-drittijiet tal-ilmentatur jew ta’ kwalunkwe persuna oħra involuta.
2. Mingħajr preġudizzju għall-obbligu ġenerali ta’ rapportar tal-istituzzjonijiet, tal-korpi, tal-uffiċċji u tal-aġenziji kollha tal-Unjoni lill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF), f’konformità mal-Artikolu 8 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), jekk il-fatti li jiġu magħrufa waqt inkjesta tal-Ombudsman jistgħu jikkostitwixxu jew ikunu relatati ma’ reat kriminali, l-Ombudsman għandu jirrapporta lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u, sa fejn il-każ jaqa’ fil-kompetenzi rispettivi tagħhom lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, skont l-Artikolu 24 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 (8) u lill-OLAF.
3. Jekk ikun il-każ, u bil-ftehim tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew jew tal-OLAF, l-Ombudsman għandu jinnotifika wkoll lill-istituzzjoni, lill-korp, lill-uffiċċju jew lill-aġenzija tal-Unjoni b’awtorità fuq l-uffiċjal jew fuq aġent ieħor ikkonċernat, li tista’ tibda l-proċeduri xierqa.
Artikolu 10
Il-kooperazzjoni mal-awtoritajiet tal-Istati Membri u mal-istituzzjonijiet, mal-korpi, mal-uffiċċji u mal-aġenziji tal-Unjoni
1. Fejn ikun meħtieġ għall-qadi ta’ dmirijietu, l-Ombudsman jista’ jikkoopera mal-awtoritajiet tal-Istati Membri, f’konformità mad-dritt nazzjonali u tal-Unjoni applikabbli.
2. Fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dmirijietu, l-Ombudsman jista’ jikkoopera wkoll ma’ istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji oħra tal-Unjoni, b’mod partikolari ma’ dawk inkarigati mill-promozzjoni u mill-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali. L-Ombudsman għandu jevita kwalunkwe duplikazzjoni jew sovrappożizzjoni mal-attivitajiet ta’ dawk l-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji jew aġenziji tal-Unjoni.
3. Il-komunikazzjoni indirizzata lill-awtoritajiet tal-Istati Membri għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandha ssir permezz tar-rappreżentanzi permanenti tagħhom għall-Unjoni, ħlief meta r-rappreżentanza permanenti kkonċernata taqbel li s-segretarjat tal-Ombudsman jista’ jikkuntattja direttament lill-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat.
Artikolu 11
Elezzjoni tal-Ombudsman
1. L-Ombudsman għandu jiġi elett, u eliġibbli għall-ħatra mill-ġdid, f’konformità mal-Artikolu 228(2) tat-TFUE minn kandidati magħżula wara proċedura trasparenti.
2. Wara l-pubblikazzjoni tas-sejħa għal nomini f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, l-Ombudsman għandu jintgħażel minn persuni li:
— |
huma ċittadini tal-Unjoni, |
— |
igawdu minn drittijiet ċivili u politiċi sħaħ, |
— |
joffru kull garanzija ta’ indipendenza, |
— |
jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa biex f’pajjiżhom iwettqu l-ogħla funzjonijiet ġuridiċi jew ikollhom il-kompetenza u l-kwalifiki meħtieġa biex jissodisfaw l-obbligi mistennija mill-Ombudsman, u |
— |
ma kinux membri ta’ gvernijiet nazzjonali jew membri tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill Ewropew, jew tal-Kummissjoni Ewropea fi żmien sentejn qabel id-data tal-pubblikazzjoni tas-sejħa għan-nomini. |
Artikolu 12
Waqfien tad-dmirijiet tal-Ombudsman
1. L-Ombudsman għandu jieqaf jeżerċita d-dmirijiet jew fl-aħħar tal-mandat tiegħu jew meta jirriżenja jew jitkeċċa.
2. Ħlief fil-każ ta’ tkeċċija, l-Ombudsman għandu jibqa’ fil-kariga sakemm jinħatar Ombudsman ġdid.
3. F’każ ta’ terminazzjoni qabel il-waqt, l-Ombudsman il-ġdid għandu fi żmien tliet xhur minn meta l-kariga ssir vakanti, jiġi elett għall-bqija ta’ dak il-mandat tal-Parlament Ewropew. Sakemm jinħatar Ombudsman ġdid, l-uffiċjal prinċipali msemmi fl-Artikolu 16(2) għandu jkun responsabbli għall-kwistjonijiet urġenti li jaqgħu taħt id-dmirijiet tal-Ombudsman.
Artikolu 13
It-tneħħija
Meta l-Parlament Ewropew ikollu l-intenzjoni li jitlob it-tkeċċija tal-Ombudsman f’konformità mal-Artikolu 228(2) tat-TFUE, huwa għandu jisma’ lill-Ombudsman qabel ma jagħmel talba bħal din.
Artikolu 14
L-eżerċitar tad-dmirijiet tal-Ombudsman
1. Fit-twettiq tad-dmirijiet, l-Ombudsman għandu jaġixxi f’konformità mal-Artikolu 228(3) tat-TFUE. L-Ombudsman ma għandux jagħmel atti li jkunu inkompatibbli man-natura ta’ dawk id-dmirijiet.
2. Meta jieħu l-kariga, l-Ombudsman għandu jagħmel impenn solenni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li se jwettaq id-dmirijiet imsemmija fit-Trattati u f’dan ir-Regolament b’indipendenza u imparzjalità kompluta u li se jirrispetta l-obbligi li jirriżultaw matul u wara l-mandat tiegħu. L-impenn solenni għandu b’mod partikolari jinkludi d-dmir li jġib ruħu b’integrità u diskrezzjoni fir-rigward tal-aċċettazzjoni ta’ ċerti ħatriet jew benefiċċji wara t-tmiem tal-mandat.
3. Tul iż-żmien tal-Ombudsman fil-kariga, l-Ombudsman ma jista’ jeżerċita l-ebda funzjoni politika jew amministrattiva oħra, jew kwalunkwe kariga oħra, la bi ħlas u lanqas mingħajru.
Artikolu 15
Remunerazzjoni, privileġġi u immunitajiet
1. L-Ombudsman għandu jkollu l-istess remunerazzjoni, allowances u pensjoni bħal dawk tal-imħallfin tal-Qorti tal-Ġustizzja.
2. L-Artikoli 11 sa 14 u l-Artikolu 17 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika għandhom japplikaw għall-Ombudsman u għall-uffiċjali u aġenti oħra tas-segretarjat tiegħu.
Artikolu 16
Is-Segretarjat tal-Ombudsman
1. L-Ombudsman għandu jingħata baġit adegwat, biżżejjed biex jiżgura l-indipendenza tal-Ombudsman u t-twettiq tad-dmirijiet tiegħu.
2. L-Ombudsman għandu jiġi assistit minn segretarjat. L-Ombudsman għandu jaħtar l-uffiċjal prinċipali tas-segretarjat.
3. L-uffiċjali u aġenti oħra tas-segretarjat tal-Ombudsman għandhom ikunu soġġetti għar-Regolamenti tal-Persunal. In-numru tal-membri tal-persunal tas-segretarjat għandu jiġi adottat kull sena bħala parti mill-proċedura baġitarja.
4. Meta l-uffiċjali tal-Unjoni jiġu ssekondati mas-segretarjat tal-Ombudsman, dak is-sekondar għandu jitqies bħala sekondar fl-interessi tas-servizz f’konformità mal-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 37 u l-Artikolu 38 tar-Regolamenti tal-Persunal.
Artikolu 17
Is-sede tal-Ombudsman
Is-sede tal-Ombudsman għandha tkun dik tal-Parlament Ewropew kif iddeterminata bil-punt (a) tal-uniku Artikolu tal-Protokoll Nru 6.
Artikolu 18
Dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni
L-Ombudsman għandu jadotta d-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni għal dan ir-Regolament, wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, mal-Kunsill u mal-Kummissjoni Ewropea. Dawk għandhom ikunu f’konformità ma’ dan ir-Regolament u għandhom, bħala minimu, jinkludu tal-inqas dispożizzjonijiet dwar:
(a) |
id-drittijiet proċedurali tal-ilmentatur u tal-istituzzjoni, tal-korp, tal-uffiċċju jew tal-aġenzija tal-Unjoni kkonċernata; |
(b) |
il-wasla, l-ipproċessar u l-għeluq ta’ lmenti; |
(c) |
l-inkjesti fuq inizjattiva proprja; u |
(d) |
l-inkjesti ta’ segwitu. |
Artikolu 19
Dispożizzjonijiet finali
1. Id-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom hija mħassra.
2. Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Ġunju 2021.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
D. M. SASSOLI
(1) Approvazzjoni tat-18 ta’ Ġunju 2021 (għada mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(2) Opinjoni tat-18 ta’ Ġunju 2021 (għada mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(3) Id-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom tal-Parlament Ewropew tad-9 ta’ Marzu 1994 rigward ir-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tal-obbligi tal-Ombudsman (ĠU L 113, 4.5.1994, p. 15).
(4) Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).
(5) Ir-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU L 264, 25.9.2006, p. 13).
(7) Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).
(8) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1).