Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016TN0289

Kawża T-289/16: Rikors ippreżentat fit-3 ta’ Ġunju 2016 – Inox Mare vs Il-Kummissjoni

ĠU C 270, 25.7.2016, p. 63–64 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

25.7.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 270/63


Rikors ippreżentat fit-3 ta’ Ġunju 2016 – Inox Mare vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-289/16)

(2016/C 270/69)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Inox Mare Srl (Rimini, l-Italja) (rappreżentant: R. Holzeisen, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla r-Rapport Finali OF/2013/0086/B1 THOR (2015) 40189 – 26/11/2015 minħabba fl-illegalitajiet serji li huwa vvizzjat bihom;

u, konsegwentement, tannulla r-rakkomandazzjoni dwar l-azzjoni li trid tittieħed wara l-investigazzjoni tal-OLAF THOR (2015) 4257 – 09.12.2015;

tikkundanna għall-ispejjeż lill-parti avversarja

Motivi u argumenti prinċipali

Dan ir-rikors qed jiġi ppreżentat kontra l-miżuri kkontestati sa fejn huma jikkonstataw li, matul numru ta’ snin, ir-rikorrenti evitat tħallas id-dazji doganali u d-dazji antidumping. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li hija importat kwantitajiet importanti ta’ prodotti ta’ qfieli tal-azzar inossidabbli, billi bbażat lilha nnifisha fuq dak li ġie ċċertifikat bil-massa mill-awtorità doganali tal-Filippini fir-rigward tal-allegata oriġini Filippina tal-prodotti pprovduti minn żewġ kumpanniji Filippini, sakemm hija saret taf bil-ftuħ, mill-Unjoni Ewropea, ta’ proċedura kontra l-evażjoni fil-konfronti tal-Filippini abbażi ta’ suspett skont liema l-merkanzija indikata iktar il fuq kienet fir-realtà merkanzija li ġejja mit-Tajwan u għalhekk sempliċement mibgħuta mill-ġdid fl-Unjoni Ewropea mit-Tajwan, via l-Filippini.

Insostenn tar-rikors tagħha r-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

1.

L-ewwel motiv jirrigwarda, preliminarjament, in-natura kontestabbli tal-miżuri li huma s-suġġett tar-rikors abbażi tal-Artikolu 263 TFUE.

Huwa sostnut f’dan ir-rigward li l-miżuri kkontestati, minkejja l-fatt li d-denominazzjoni tagħhom tista’ tfisser il-kuntrarju, għandhom sostanzjalment effett vinkolanti fuq l-awtorità doganali Taljana u jipproduċu direttament effetti legali li jiksru l-interessi u d-drittijiet personali u effettivi tar-rikorrenti, billi jbiddlu s-sitwazzjoni legali tagħha, u dan fir-rigward ta’ (1) in-natura tad-drittijiet doganali li jaqgħu taħt “Riżorsi proprji tal-Unjoni” u l-obbligi li jirriżultaw minnhom tal-Istati Membri, li huma biss responsabbli li jiġbru dawn id-dazji doganali, (2) in-natura tal-OLAF bħala korp ta’ investigazzjoni amministrattiva li jissostitwixxi lill-Kummissjoni Ewropea għall-investigazzjonijiet esterni, (3) ir-rwol tal-Kummissjoni Ewropea bħala istituzzjoni li għandha funzjonijiet eżekuttivi fl-applikazzjoni tal-kodiċi doganali tal-Unjoni Ewropea.

Ir-rifjut f’dan il-kuntest legali tan-natura direttament kontestabbli skont l-Artikolu 263 TFUE tal-miżuri tal-OLAF, ikkontestati mir-rikorrenti jwassal għaċ-ċaħda tad-dritt fundamentali tagħha għal rimedju effettiv u għalhekk għall-ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u tal-Artikolu 13 KEDB.

2

It-tieni motiv jirrigwarda l-illegalitajiet tal-miżuri kkontestati.

F’dan ir-rigward huwa sostnut li r-Rapport Finali OF/2013/0086/B1 – THOR (2015) 40189 ma jinkludi l-ebda informazzjoni essenzjali mandatorja prevista mil-leġiżlatur fir-Regolament (UE, EURATOM) Nruo883/2013, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Settembru 2013 (1), bir-riżultat li huwa assolutament illegali u nieqes minn valur probatorju.

Il-miżura kkontestata hija vvizzjata bl-illegalitajiet segwenti: nuqqas ta’ informazzjoni dwar garanziji proċedurali, il-persuni implikati fl-investigazzjoni, is-seduta tar-rappreżentanti legali tar-rikorrenti; ksur tal-obbligu ta’ kwalifikazzjoni legali preliminari, ċaħda mhux motivata u kontradittorja tar-responsabbiltà tal-awtoritajiet kompetenti, ksur minn OLAF tal-obbligu li jwettaq l-investigazzjonijiet tiegħu b’mod oġġettiv u imparzjali u fl-osservanza tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, u anki informazzjoni inkorretta minħabba nuqqas ta’ investigazzjoni preliminari fir-Rapport finali.

Minħabba fl-illegalitajiet kollha esposti hawn fuq, ir-rakkomandazzjoni indirizzata mid-Direttorat Ġenerali tal-OLAF lill-Agenzia delle Dogane e dei Monopoli della Repubblica italiana li tirrigwarda l-adozzjoni tal-miżuri kollha neċessarji għall-irkupru tad-dazju doganali mingħand ir-rikorrenti hija nieqsa totalment minn kull bażi u għaldaqstant illegali.


(1)  Regolament (EU, Euratom) Nru 883/2013, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Settembru 2013, dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU 2013, L 248, p. 1).


Top