Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0042

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-12 ta’ Jannar 2023.
Lietuvos geležinkeliai AB vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Kompetizzjoni – Abbuż minn pożizzjoni dominanti – Suq tat-trasport ferrovjarju ta’ merkanzija – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 102 TFUE – Aċċess minn impriżi terzi għall-infrastrutturi amministrati mill-kumpannija nazzjonali ferrovjarja tal-Litwanja – Żmantellament ta’ parti minn linja ferrovjarja – Kunċett ta’ abbuż – Esklużjoni effettiva jew probabbli ta’ kompetitur – Eżerċizzju mill-Qorti Ġenerali tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha – Tnaqqis tal-multa.
Kawża C-42/21 P.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:12

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

12 ta’ Jannar 2023 ( *1 )

“Appell – Kompetizzjoni – Abbuż minn pożizzjoni dominanti – Suq tat-trasport ferrovjarju ta’ merkanzija – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 102 TFUE – Aċċess minn impriżi terzi għall-infrastrutturi amministrati mill-kumpannija nazzjonali ferrovjarja tal-Litwanja – Żmantellament ta’ parti minn linja ferrovjarja– Kunċett ta’ ‘abbuż’ – Esklużjoni effettiva jew probabbli ta’ kompetitur – Eżerċizzju mill-Qorti Ġenerali tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha – Tnaqqis tal-multa”

Fil-Kawża C‑42/21 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fis‑27 ta’ Jannar 2021,

Lietuvos geležinkeliai AB, stabbilita f’Vilnjus (il-Litwanja), irrappreżentata minn K. Apel, W. Deselaers u P. Kirst, Rechtsanwälte,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Cleenewerck de Crayencour, A. Dawes, H. Leupold u G. Meessen, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

Orlen Lietuva AB, stabbilita f’Mažeikiai (il-Litwanja), irrappreżentata minn C. Conte, avvocato, u C. Thomas, avocat,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Jürimäe (Relatriċi), Presidenta tal-Awla, M. Safjan, N. Piçarra, N. Jääskinen u M. Gavalec, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Rantos,

Reġistratur: M. Longar, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑27 ta’ April 2022,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑7 ta’ Lulju 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, Lietuvos geležinkeliai AB (iktar ’il quddiem “LG”) titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑18 ta’ Novembru 2020, Lietuvos geležinkeliai vs Il‑Kummissjoni (T‑814/17, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2020:545), li permezz tagħha din tal-aħħar, minn naħa, ċaħdet ir-rikors tagħha sa fejn talbet l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 6544 final tat‑2 ta’ Ottubru 2017 dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE (Każ AT.39813 – Baltic Rail) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”), u, min-naħa l-oħra, tistabbilixxi l-ammont tal-multa imposta b’din id-deċiżjoni fuq LG għal EUR 20068650.

Il‑kuntest ġuridiku

Ir‑Regolament (KE) Nru 1/2003

2

Skont il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 23(2) u l-Artikolu 23(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).

“2.   Il-Kummissjoni tista’ b’deċiżjoni timponi multi fuq l-impriża u l-assoċjazzjoni tal-impriża meta, jew b’intenżjoni jew b’negligenza:

(a)

jiksru l-Artikolu [101] jew[102 TFUE], […]

[…]

3.   Fit-twaħħil ta’ l-ammont li jrid jiġi mmultat, rigward irrid jingħata lejn il-gravità u it-tul tal-ksur.”

3

L-Artikolu 31 ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“Il-Qorti tal-Ġustizzja ħa jkollha ġurisdizzjoni bla limitu għar-reviżjoni tad-deċiżjonijiet fejn il-Kummissjoni waħħlet multa jew perjodu ta’ pagamenti tal-pieni. Hi tista’ tħassar, tnaqqas jew jżid il-multa jew il-perjodu ta’ pagamenti tal-pieni imposti.”

Id‑Direttiva 2001/14/KE

4

Il-premessa 5 tad-Direttiva 2001/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2001 dwar l-allokazzjoni ta’ kapaċità ta’ infrastruttura tal-ferroviji u t-tqegħid ta’ piżijiet għall-użu ta’ infrastruttura tal-ferroviji u ċertifikazzjoni tas-sigurtà (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 404) hija fformulata kif ġej:

“Sabiex tiġi assigurata trasparenza u aċċess non-diskriminatorju għall-infrastruttura tal-ferroviji għall-impriżi kollha tal-ferroviji l-informazzjoni kollha neċessarja biex jintużaw id-drittijiet ta’ l-aċċess għandha tiġi ppubblikata f’dikjarazzjoni ta’ network.”

5

L-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Impriżi tal-ferroviji għandhom, fuq bażi mhux diskriminatorja, ikunu intitolati għall-pakkett miinimu ta’ aċċess u aċċess għall-binarji għal faċilitajiet tas-servizzi deskritti fl-Anness II. Il-provvista tas-servizzi msemmija fl-Anness II, il-punt 2, għandha tiġi pprovduta f’ mod mhux diskriminatorju u talbiet mill-impriżi tal-ferroviji jistgħu jiġu miċħuda biss jekk jeżistu alternattivi vijabbli fil-kunduzzjonijiet tas-suq. Jekk is-servizzi mhumiex offruti minn amministratur ta’ l-infrastruttura wieħed, il-fornitur ta’ l-infrastruttura ewlenija għandu juża l-isforzi kollha raġonevoli biex jiffaċilita l-fornitura ta’ dawn is-servizzi.”

6

L-Artikolu 29(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“F’każ ta’ disturbanza għall-movimenti tal-ferroviji kkawżati minn ħsarat tekniċi jew inċidenti, l-amministratur ta’ l-infrastruttura għandu jieħu l-passi kollha neċessarji biex iraġġa’ lura s-sitwazzjoni normali. Għal dak l-iskop, għandu jfassal pjan ta’ kontinġenza li jelenka l-korpi pubbliċi varji li għandhom jiġu informati fil-każ ta’ inċidenti serji jew disturbi serji għall-movimenti tal-ferroviji.”

Il‑fatti li wasslu għall‑kawża u d‑deċiżjoni kontenzjuża

7

Il-fatti li wasslu għall-kawża kif ukoll il-kontenut tad-deċiżjoni kontenzjuża huma esposti fil-punti 1 sa 48 tas-sentenza appellata. Għall-finijiet ta’ dan l-appell, jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

Il‑kuntest fattwali

8

LG hija l-kumpannija nazzjonali ferrovjarja tal-Litwanja, li s-sede tagħha tinsab f’Vilnjus (il-Litwanja). LG hija impriża pubblika, li l-azzjonist uniku tagħha huwa l-Istat Litwan. Bħala impriża integrata vertikalment, LG hija kemm amministratur tal-infrastrutturi ferrovjarji, li madankollu jibqgħu proprjetà tal-Istat Litwan, kif ukoll fornitur ta’ provvisti ta’ servizzi ta’ trasport ferrovjarju, ta’ merkanzija u ta’ passiġġieri, fil-Litwanja.

9

Orlen Lietuva AB (iktar ’il quddiem l-“Orlen”) hija impriża stabbilita f’Juodeikiai, fid-distrett ta’ Mažeikiai (il-Litwanja), speċjalizzata fir-raffinament taż-żejt mhux maħdum u fid-distribuzzjoni ta’ prodotti petroliferi raffinati. Orlen hija sussidjarja 100 % tal-impriża Pollakka PKN Orlen SA.

10

Bħala parti mill-attivitajiet tagħha, Orlen topera diversi installazzjonijiet fil-Litwanja, fosthom raffinerija importanti (iktar ’il quddiem ir-“raffinerija”), li tinsab f’Bugeniai, fid-distrett ta’ Mažeikiai, fil-Majjistral tal-Litwanja, qrib il-fruntiera mal-Latvja. Fl-aħħar tas-snin 2000, 90 % tal-produzzjoni tal-prodotti petroliferi raffinati minn dan ir-raffinerija kienet ittrasportata bil-ferrovija, u b’hekk kienet tagħmel lil Orlen waħda mill-ikbar klijenti ta’ LG.

11

F’dak iż-żmien, Orlen kienet tipproduċi, fi ħdan ir-raffinerija, madwar 8 miljun tunnellata ta’ prodotti petroliferi raffinati fis-sena. Tliet kwarti minn din il-produzzjoni kienet intiża għall-esportazzjoni, prinċipalment bil-baħar. B’hekk, 4.5 sa 5.5 miljun tunnellata ta’ prodotti petroliferi raffinati kienu ttrasportati mil-Litwanja, bil-ferrovija, lejn it-terminal marittimu ta’ Klaipėda (il-Litwanja).

12

Il-kumplament tal-produzzjoni esportata, jiġifieri madwar 1 sa 1.5 miljun tunnellata, kienet ittrasportata, ukoll permezz tal-ferrovija, lejn jew permezz tal-Latvja u kienet prinċipalment intiża għall-konsum fis-swieq interni Estonjani u Latvjani. Madwar 60 % ta’ din il-produzzjoni mibgħuta bil-ferrovija lejn jew permezz tal-Latvja kienet tuża l-linja ferrovjarja “Bugeniai-Mažeikiai-Rengė”, itinerarju li jibda mir-raffinerija, li tinsab qrib il-konnessjoni ferrovjarja ta’ Mažeikiai, sal-belt ta’ Rengė, fil-Latvja, li 34 km minnu kienu jinsabu fit-territorju Litwan (iktar ’il quddiem l-“itinerarju qasir lejn il-Latvja”). Il-kumplament ta’ din il-produzzjoni ttrasportata permezz tal-ferrovija lejn jew permezz tal-Latvja kienet tuża l-linja ferrovjarja “Bugeniai-Kužiai-Joniškis-Meitene”, itinerarju itwal, li 152 km minnu kienu jinsabu fit-territorju Litwan.

13

Sabiex tittrasporta l-prodotti tagħha fuq l-itinerarju qasir lejn il-Latvja, Orlen kienet tuża s-servizzi ta’ LG għall-parti Litwana tal-itinerarju, jiġifieri mir-raffinerija sal-fruntiera Latvjana. LG kienet għalhekk ikkonkludiet kuntratt ta’ subappalt ma’ Latvijas dzelzceļš, il-kumpannija nazzjonali ferrovjarja tal-Latvja (iktar ’il quddiem “LDZ”), għat-trasport fuq din il-parti Litwana tal-itinerarju. Peress li ma kellhiex l-awtorizzazzjonijiet leġiżlattivi neċessarji sabiex teżerċita l-attivitajiet tagħha b’mod indipendenti fit-territorju Litwan, LDZ kienet topera bħala subappaltatur ta’ LG. Ladarba tinqabeż il-fruntiera, LDZ kienet tkompli t-trasport tal-prodotti ta’ Orlen fit-territorju Latvjan.

14

Ir-relazzjonijiet kummerċjali bejn Orlen u LG dwar is-servizzi ta’ trasport tagħha fuq in-network ferrovjarju Litwan, inklużi s-servizzi ta’ trasport fuq l-itinerarju qasir lejn il-Latvja, kienu rregolati minn ftehim iffirmat matul is-sena 1999 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim tal‑1999”).

15

Minbarra li jirregola t-tariffi applikati minn LG għas-servizzi ta’ trasport, il-Ftehim tal‑1999 kien jinkludi b’mod partikolari impenn speċifiku min-naħa ta’ LG li tittrasporta l-merkanzija ta’ Orlen fuq l-itinerarju qasir lejn il-Latvja għat-tul kollu tal-ftehim, jiġifieri sal‑2024.

16

Fil-bidu tal‑2008, qamet tilwima kummerċjali bejn LG u Orlen fir-rigward tat-tariffi mħallsa minn din tal-aħħar għat-trasport tal-prodotti petroliferi tagħha.

17

Minħabba din it-tilwima kummerċjali, Orlen ipprevediet il-possibbiltà li tikkuntratta direttament ma’ LDZ għas-servizzi ta’ trasport ferrovjarju tal-merkanzija tagħha fuq l-itinerarju qasir lejn il-Latvja kif ukoll li terġa’ teżerċita l-attivitajiet tagħha ta’ esportazzjoni marittimi minn Klaipėda, fil-Litwanja, lejn it-terminals marittimi ta’ Riga u ta’ Ventspils, fil-Latvja.

18

Fit‑12 ta’ Ġunju 2008, saret laqgħa bejn LG u Orlen, li matulha ssemma dan il-proġett ta’ riallokazzjoni tal-attivitajiet ta’ esportazzjoni ta’ Orlen. Barra minn hekk, peress li Orlen iddeċidiet unilateralment, mir-Rebbiegħa tal‑2008, li tapplika rata inferjuri għal dik mitluba minn LG u li żżomm il-ħlas tad-differenza, fis‑17 ta’ Lulju 2008, LG bdiet proċedura ta’ arbitraġġ kontra Orlen.

19

Fit‑28 ta’ Lulju 2008, LG informat lil Orlen bix-xoljiment tal-Ftehim tal‑1999 mill‑1 ta’ Settembru 2008.

20

Fit‑2 ta’ Settembru 2008, wara l-iskoperta ta’ deformazzjoni tal-linja ferrovjarja ta’ xi għexieren ta’ metri (iktar ’il quddiem id-“deformazzjoni”), LG, billi invokat prinċipalment raġunijiet ta’ sigurtà, issospendiet it-traffiku fuq parti tal-itinerarju qasir lejn il-Latvja, li fiha 19‑il km, li tinsab bejn Mažeikiai u l-fruntiera mal-Latvja (iktar ’il quddiem il-“linja ferrovjarja”).

21

Fit‑3 ta’ Settembru 2008, LG ħatret kumitat ta’ spezzjoni kompost minn diriġenti tas-sussidjarja lokali tagħha sabiex jinvestiga r-raġunijiet għad-deformazzjoni. Fil‑5 ta’ Settembru 2008, il-kumitat ta’ spezzjoni ppreżenta rapport ta’ investigazzjoni u rapport tekniku. Skont ir-rapport ta’ investigazzjoni, id-deformazzjoni kienet ġiet ipprovokata mid-deterjorament fiżiku ta’ diversi elementi li jikkomponu l-istruttura tal-linja ferrovjarja. Minn dan ir-rapport ta’ investigazzjoni jirriżulta wkoll li t-traffiku kellu jibqa’ sospiż “sakemm jintemmu x-xogħlijiet kollha ta’ ristorazzjoni [restawr] u ta’ tiswija”. L-osservazzjonijiet li jinsabu fl-istess rapport ta’ investigazzjoni ġew ikkonfermati minn dawk tar-rapport tekniku.

22

LDZ ippreżentat lil Orlen offerta għat-trasport tal-prodotti petroliferi tagħha fid‑29 ta’ Settembru 2008, wara laqgħa li saret fit‑22 ta’ Settembru 2008. Skont Orlen, din l-offerta kienet “konkreta u attraenti”.

23

Mit‑3 ta’ Ottubru 2008, LG bdiet l-iżmantellament sħiħ tal-linja ferrovjarja. Fl-aħħar tax-xahar ta’ Ottubru 2008, il-linja ferrovjarja kienet żmantellata totalment.

24

Fis‑17 ta’ Ottubru 2008, Orlen bagħtet ittra lil LDZ sabiex tikkonfermalha l-intenzjoni tagħha li tittrasporta madwar 4.5 miljun tunnellata ta’ prodotti petroliferi mir-raffinerija lejn it-terminals marittimi Latvjani, u wara saret laqgħa fl‑20 ta’ Frar 2009 u seħħew diskussjonijiet iktar avvanzati matul ir-rebbiegħa tas-sena 2009.

25

Fil-frattant, f’Jannar 2009, ġie konkluż ftehim ġenerali ġdid ta’ trasport bejn LG u Orlen għal perijodu ta’ ħmistax‑il sena, sal‑1 ta’ Jannar 2024. Dan il-ftehim issostitwixxa ftehim temporanju li kien ġie ffirmat fl‑1 ta’ Ottubru 2008.

26

In-negozjati bejn Orlen u LDZ komplew sal-aħħar tax-xahar ta’ Ġunju 2009, meta LDZ ippreżentat applikazzjoni sabiex tikseb liċenzja sabiex topera fuq il-parti Litwana tal-itinerarju qasir lejn il-Latvja.

27

Fl‑10 ta’ Novembru 2009, it-tribunal tal-arbitraġġ iddikjara li x-xoljiment unilaterali tal-Ftehim tal‑1999 minn LG kien illegali u li dan il-ftehim kellu jitqies bħala li kien fis-seħħ sal‑1 ta’ Ottubru 2008.

28

Skont Orlen, id-diskussjonijiet ma’ LDZ ġew interrotti f’nofs is-sena 2010, meta hija finalment qieset li LG ma kellhiex l-intenzjoni li ssewwi l-linja ferrovjarja fi żmien qasir. F’dan il-mument, LDZ irtirat l-applikazzjoni tagħha għal liċenzja sabiex topera fuq il-parti Litwana tal-itinerarju qasir lejn il-Latvja.

Il‑proċedura amministrattiva

29

Fl‑14 ta’ Lulju 2010, Orlen ressqet ilment formali quddiem il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1/2003.

30

Mit‑8 sal‑10 ta’ Marzu 2011, il-Kummissjoni, assistita mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni tar-Repubblika tal-Latvja u tar-Repubblika tal-Litwanja, wettqet spezzjonijiet, skont l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1/2003, fil-bini ta’ LG f’Vilnjus u f’dawk ta’ LDZ f’Riga.

31

Fis‑6 ta’ Marzu 2013, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibda proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE kontra LG.

32

Wara li bagħtet lil LG dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, imbagħad ittra dwar il-fatti, li dwarha l-partijiet ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom, il-Kummissjoni, fit‑2 ta’ Ottubru 2017, adottat id-deċiżjoni kontenzjuża.

Id‑deċiżjoni kontenzjuża

Definizzjoni tas‑swieq rilevanti u pożizzjoni dominanti ta’ LG f’dawn is-swieq

33

Fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni identifikat żewġt iswieq ikkonċernati mill-abbuż ta’ pożizzjoni dominanti li biha akkużata LG, jiġifieri, min naħa s-suq, upstream, tal-amministrazzjoni tal-infrastrutturi ferrovjarji, u, min-naħa l-oħra s-suq, downstream, tal-provvista ta’ servizzi ta’ trasport ferrovjarju ta’ prodotti petroliferi.

34

Is-suq ġeografiku inkwistjoni għall-amministrazzjoni tal-infrastrutturi ferrovjarji huwa kkunsidrat bħala s-suq nazzjonali Litwan. Fir-rigward tas-suq ġeografiku inkwistjoni għat-trasport ferrovjarju ta’ prodotti petroliferi, il-Kummissjoni qieset, abbażi tal-approċċ “punt ta’ oriġini – punt ta’ destinazzjoni”, imsejjaħ “approċċ O & D”, li dan kien is-suq tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija mir-raffinerija u lejn it-tliet terminals marittimi ta’ Klaipėda, ta’ Riga u ta’ Ventspils.

35

Il-Kummissjoni kkonstatat li, skont il-leġiżlazzjoni Litwana, LG kellha monopolju legali fis-suq, upstream, tal-amministrazzjoni tal-infrastrutturi ferrovjarji fil-Litwanja. Skont din il-leġiżlazzjoni, l-infrastrutturi ferrovjarji pubbliċi kienu jappartjenu lill-Istat Litwan u kienu fdati lil LG għall-amministrazzjoni tagħhom.

36

Il-Kummissjoni kkonstatat ukoll li LG kienet, bl-eċċezzjoni ta’ kwantitajiet żgħar ittrasportati minn LDZ, l-unika impriża attiva fis-suq, downstream, tal-provvista ta’ servizzi ta’ trasport ferrovjarju ta’ prodotti petroliferi, li, għaldaqstant, kien jagħtiha pożizzjoni dominanti f’dan is-suq.

Aġir abbużiv

37

Il-Kummissjoni qieset li LG kienet abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha, bħala amministratur tal-infrastrutturi ferrovjarji fil-Litwanja, billi neħħiet il-linja ferrovjarja, ħaġa li setgħet tipproduċi effetti antikompetittivi ta’ esklużjoni tal-kompetizzjoni fis-suq tal-provvista ta’ servizzi ta’ trasport ferrovjarju ta’ prodotti petroliferi bejn ir-raffinerija u t-terminals marittimi ġirien, billi ħolqot ostakoli għad-dħul fis-suq mingħajr ma teżisti ġustifikazzjoni oġġettiva.

38

B’mod partikolari, il-Kummissjoni qieset, fil-premessi 182 sa 201 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li, billi neħħiet il-linja ferrovjarja fl-intier tagħha, LG kienet użat metodi differenti minn dawk li kienu jirregolaw kompetizzjoni normali.

39

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni rrilevat, l-ewwel, li LG kienet taf bil-proġett ta’ Orlen sabiex iddur fuq it-terminals marittimi tal-Latvja billi tirrikorri għas-servizzi ta’ LDZ, it-tieni, li LG kienet neħħiet il-linja bl-għaġla kollha, mingħajr ma żgurat il-finanzjament neċessarju u mingħajr ma ħadet ebda waħda mill-miżuri preparatorji normali għar-rikostruzzjoni tagħha, it-tielet, li t-tneħħija tal-linja kienet tmur kontra l-prattiki kurrenti tas-settur, ir-raba’, li LG kienet taf bir-riskju ta’ telf ta’ kull attività ta’ trasport tal-prodotti ta’ Orlen f’każ ta’ rikostruzzjoni tal-linja ferrovjarja u, l-ħames, li LG ħadmet sabiex tikkonvinċi lill-Gvern Litwan biex ma jibnix mill-ġdid il-linja ferrovjarja.

40

Il-Kummissjoni osservat li l-linja ferrovjarja kienet tippermetti l-użu tal-iqsar itinerarju u l-inqas oneruż sabiex ir-raffinerija tkun konnessa ma’ terminal marittimu Latvjan. Fil-fehma tal-Kummissjoni, minħabba l-prossimità tagħha mal-Latvja u bil-bażi loġistika ta’ LDZ, dan l-itinerarju kien joffri wkoll lil LDZ il-possibbiltà, favorevoli ħafna, li tidħol fis-suq Litwan.

41

Fir-rigward tal-effetti antikompetittivi li jirriżultaw mill-aġir ta’ LG, il-Kummissjoni qieset, wara analiżi mwettqa fil-premessi 202 sa 324 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li t-tneħħija tal-linja ferrovjarja setgħet tipprekludi lil LDZ milli tidħol fis-suq tat-trasport ferrovjarju ta’ merkanzija Litwan jew, tal-inqas, kienet għamlet ħafna iktar diffiċli d-dħul tagħha fis-suq, u dan minkejja li, fl-opinjoni tal-Kummissjoni, qabel it-tneħħija tal-linja ferrovjarja, LDZ kellha opportunità kredibbli li tittrasporta l-prodotti petroliferi ta’ Orlen maħsuba għall-esportazzjoni marittima, mir-raffinerija lejn it-terminals marittimi Latvjani, permezz tal-itinerarju qasir lejn il-Latvja.

42

Skont il-Kummissjoni, bit-tneħħija tal-linja ferrovjarja, kull trasport ferrovjarju mir-raffinerija lejn terminal marittimu Latvjan kellu jieħu itinerarju ħafna itwal fit-territorju Litwan. B’mod partikolari, il-Kummissjoni qieset li, wara t-tneħħija tal-linja ferrovjarja, l-unika għażla għal LDZ sabiex tikkompeti ma’ LG kienet li tipprova topera fuq l-itinerarju lejn Klaipėda jew fuq l-itinerarju itwal lejn il-Latvja msemmi fil-punt 12 tas-sentenza preżenti. Minħabba dan, LDZ kienet kostretta twettaq l-attivitajiet tagħha ’l bogħod mill-bażi loġistika tagħha fil-Latvja u kienet dipendenti fuq is-servizzi ta’ amministrazzjoni tal-infrastrutturi tal-kompetitur tagħha, jiġifieri LG. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni qieset li, minn perspettiva ex ante, LDZ kienet esposta għal riskji kummerċjali kbar, li kienet inqas suxxettibbli li ssostni.

43

Il-Kummissjoni qieset ukoll, fil-premessi 325 sa 357 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li r-rikorrenti ma kienet ipprovdiet ebda ġustifikazzjoni oġġettiva dwar it-tneħħija tal-linja ferrovjarja, peress li l-ispjegazzjonijiet mogħtija ma kinux jaqblu bejniethom, xi drabi kienu jikkontradixxu lil xulxin u ftit kienu konvinċenti.

Multa u ordni

44

Filwaqt li applikat il-Linji Gwida għall-Kalkolu tal-Multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2), il-Kummissjoni, fid-dawl tal-gravità u tat-tul tal-ksur, imponiet fuq LG multa ta’ EUR 27873000.

45

Il-Kummissjoni ordnat ukoll lil LG sabiex ittemm il-ksur u tikkomunikalha, f’terminu ta’ tliet xhur min-notifika tad-deċiżjoni kontenzjuża, proposta ta’ miżuri f’dan is-sens.

Id‑dispożittiv tad‑deċiżjoni kontenzjuża

46

L-Artikoli 1 u 2 tad-deċiżjoni kontenzjuża huma fformulati kif ġej:

“Artikolu 1

[LG] kisret l-Artikolu 102 TFUE billi neħħiet il-linja ferrovjarja bejn Mažeikiai fil-Litwanja u l-fruntiera Latvjana. Il-ksur beda fit‑3 ta’ Ottubru 2008 u jkompli fid-data tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

Artikolu 2

Għall-ksur imsemmi fl-Artikolu [1] hija imposta multa ta’ EUR 27873000 [fuq LG].

[…]”

Il‑proċedura quddiem il‑Qorti Ġenerali u s‑sentenza appellata

47

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑14 ta’ Diċembru 2017, LG ressqet rikors intiż, prinċipalment, għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża u, sussidjarjament, għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuqha permezz ta’ din id-deċiżjoni.

48

B’digriet tal-President tat-Tielet Awla tal-Qorti Ġenerali tat‑13 ta’ Lulju 2018, Orlen ġiet ammessa tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Ċerti elementi li jinsabu fl-atti proċedurali tal-partijiet prinċipali kienu s-suġġett ta’ trattament kunfidenzjali fir-rigward ta’ Orlen.

49

Insostenn tat-talba tagħha għal annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża, LG invokat ħames motivi. Essenzjalment, dawn kienu bbażati, l-ewwel wieħed fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE f’dak li jirrigwarda n-natura abbużiva tal-aġir ta’ LG, it-tieni wieħed, fuq żbalji ta’ evalwazzjoni u ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-prattika inkwistjoni, it-tielet wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 296 TFUE u tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2003 minħabba insuffiċjenza ta’ prova u nuqqas ta’ motivazzjoni, ir-raba’ wieħed, fl-ewwel parti tiegħu biss, fuq żbalji fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multa u l-ħames wieħed, fuq żbalji marbuta mal-impożizzjoni ta’ miżura korrettiva.

50

Fil-kuntest tat-talba tagħha għal tnaqqis fl-ammont tal-multa, LG sostniet, permezz ta’ diversi lmenti u t-tieni parti tar-raba’ motiv, li dan l-ammont kien sproporzjonat u kkontestat, essenzjalment, fl-ewwel lok, il-perċentwali tal-valur tal-bejgħ meqjus mill-Kummissjoni bħala l-fattur ta’ gravità, fit-tieni lok, it-tul ta’ żmien tal-ksur u, fit-tielet lok, id-deċiżjoni li jiġi inkluż, fl-ammont bażiku, ammont addizzjonali bħala dissważjoni.

51

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motivi u l-argumenti kollha mqajma minn LG kemm insostenn tat-talba tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża kif ukoll insostenn tat-talba tagħha għat-tnaqqis fl-ammont tal-multa.

52

Il-Qorti Ġenerali madankollu naqqset, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, l-ammont tal-multa u stabbilixxietu għal EUR 20068650.

53

Hija ċaħdet il-kumplament tar-rikors.

Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja u t‑talbiet tal‑partijiet

54

Permezz tal-appell tagħha, LG titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata, totalment jew parzjalment, sa fejn din is-sentenza ċaħdet ir-rikors tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża;

tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża totalment jew parzjalment;

sussidjarjament, tannulla jew tnaqqas iktar l-ammont tal-multa impost fuq LG, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha relatati ma’ dawn il-proċeduri kif ukoll il-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali.

55

Il-Kummissjoni u Orlen jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell, u

tikkundanna lil LG għall-ispejjeż.

Fuq l‑appell

56

Insostenn tal-appell tagħha, LG tqajjem erba’ aggravji, li l-ewwel tlieta minnhom huma intiżi, essenzjalment, sabiex jikkontestaw l-evalwazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tal-eżistenza ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti u li r-raba’ wieħed jikkonċerna dik tal-multa li ġiet imposta fuqha.

Fuq l‑ammissibbiltà ta’ ċerti argumenti

57

Preliminarjament, għandu jiġi osservat li l-partijiet jippreċedu l-argumenti tagħhom b’ kunsiderazzjonijiet dwar il-kuntest fattwali ta’ din il-kawża.

58

Għaldaqstant, LG tesponi deskrizzjoni tal-fatti li jidhrilha li huma rilevanti. Il-Kummissjoni tosserva li din id-deskrizzjoni hija qarrieqa u żbaljata, filwaqt li Orlen tallega li, permezz tal-imsemmija deskrizzjoni, LG tipprova tikkontesta l-fatti kkonstatati mill-Qorti Ġenerali.

59

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tirreferi, fl-osservazzjonijiet preliminari tagħha, għal stqarrija għall-istampa tal-President Direttur Ġenerali ta’ LG, tat‑30 ta’ Diċembru 2019, li LG tikkontesta l-ammissibbiltà u r-rilevanza tagħha għall-ħtiġijiet ta’ dan l-appell.

60

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 256(1) TFUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-appell għandu jkun limitat għal punti ta’ dritt. Il-Qorti Ġenerali biss għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti kif ukoll sabiex tevalwa l-provi. Għaldaqstant, l-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi ma tikkostitwixxix, bla ħsara għall-każ ta’ żnaturament tagħhom, kwistjoni ta’ dritt suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2020, Prysmian u Prysmian Cavi e Sistemi vs Il‑Kummissjoni, C‑601/18 P, EU:C:2020:751, punt 126 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

61

Minn dan isegwi li d-diversi allegazzjonijiet u kontestazzjonijiet fattwali għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli.

Fuq l‑ewwel aggravju

L‑argumenti tal‑partijiet

62

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, LG tikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet żbalji ta’ liġi fil-punti 90 sa 99 tas-sentenza appellata, sa fejn hija rrifjutat, b’mod żbaljat, li tapplika t-test stabbilit fil-punt 41 tas-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569), sabiex tiddetermina l-eżistenza tal-allegata prattika abbużiva.

63

Dan it-test huwa applikabbli għal din is-sentenza, li tqajjem il-problema ġuridika dwar jekk l-Artikolu 102 TFUE jimponix fuq LG l-obbligu legali li tagħti aċċess lil LDZ għal-linja ferrovjarja. Madankollu, il-kriterji relatati mal-imsemmi test ma humiex issodisfatti fil-każ ineżami.

64

B’mod konkret, billi ddeċidiet, fil-punti 90 sa 99 tas-sentenza appellata, li l-istess test ma kienx applikabbli fil-każ ineżami, il-Qorti Ġenerali wettqet erba’ żbalji ta’ liġi.

65

L-ewwel, kuntrarjament għal dak li rrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 90 tas-sentenza appellata, la fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u lanqas fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża li wasslet għas-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569), iċċitati mill-Qorti Ġenerali, ma teżisti regola li tgħid li l-kriterji li jirriżultaw minn din is-sentenza japplikaw biss jekk ikun hemm ħtieġa li jiġi protett l-inċentiv ta’ impriża dominanti li tinvesti fil-bini ta’ infrastrutturi essenzjali.

66

It-tieni, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punti 91 u 92 tas-sentenza appellata, ma teżisti ebda regola li l-kriterji Bronner ma humiex applikabbli meta l-qafas regolatorju fis-seħħ ikun diġà jimponi obbligu li jiġu pprovduti s-servizzi inkwistjoni.

67

Fil-fatt, l-ewwel nett, in-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ dan it-test f’każ bħal dan ikun jimplika li d-dritt nazzjonali, jew id-dritt sekondarju tal-Unjoni, jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt primarju tal-Unjoni, li jkun inkompatibbli mas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni u mar-rekwiżit ta’ applikazzjoni koerenti tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Imbagħad, il-kontroll ex post skont l-Artikolu 102 TFUE u l-leġiżlazzjoni ex ante tas-settur inkwistjoni jaqdu skopijiet differenti. Ikun kuntrarju għall-prinċipju ta’ ċertezza legali li l-impriżi fis-setturi rregolati jiġu suġġetti għal kriterji legali differenti skont l-Artikolu 102 TFUE. Fl-aħħar nett, fil-każ ineżami, fiż-żmien tat-tneħħija tal-linja ferrovjarja, LG ma kellha ebda obbligu li tagħti aċċess lil LDZ għal-linja ferrovjarja, peress LDZ la kienet talbet u lanqas kisbet liċenzja biex topera fil-Litwanja. Dan il-fatt jippermetti li ssir distinzjoni bejn din il-kawża u dawk li wasslu għas-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Slovak Telekom vs Il‑Kummissjoni (T‑851/14, EU:T:2018:929), u sussegwentement għas-sentenzi tal‑25 ta’ Marzu 2021, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni (C‑152/19 P, EU:C:2021:238), u tal‑25 ta’ Marzu 2021, Slovak Telekom vs Il‑Kummissjoni (C‑165/19 P, EU:C:2021:239).

68

F’dawn l-aħħar sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet distinzjoni bejn l-aċċess għall-infrastruttura u l-kundizzjonijiet għal tali aċċess. F’din il-kawża, l-abbuż ikkonstatat mill-Qorti Ġenerali jikkonċerna rifjut reali li jingħata aċċess minħabba t-tneħħija tal-linji tal-ferrovija. LG tippreċiża li dan ir-rifjut ta’ aċċess ma kienx jikkonċerna n-network ferrovjarju Litwan kollu, iżda biss il-linji tal-ferrovija. It-tneħħija ta’ din tal-aħħar ma tistax tiġi sseparata mill-kundizzjonijiet ta’ din it-tneħħija.

69

It-tielet, l-ebda waħda mid-dispożizzjonijiet imsemmija mill-Qorti Ġenerali fil-punti 96 u 97 tas-sentenza appellata ma timponi fuq amministratur ta’ infrastruttura, bħal LG, l-“obbligu legali assolut” li jagħti aċċess għal kull parti tal-linja ferrovjarja tan-network tiegħu, b’mod partikolari meta itinerarji alternattivi jkunu disponibbli. Ebda waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet lanqas ma timponi “obbligu assolut” ta’ restawr ta’ linja ferrovjarja dilapidata billi wieħed jirrikorri għal soluzzjoni li l-amministratur tal-infrastruttura jqis bħala ineffikaċi u ekonomikament irraġonevoli. F’dan is-sens, LG tirreferi, b’mod iktar speċifiku, għall-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/14, moqri fid-dawl tal-premessa 5 ta’ din tal-aħħar, kif ukoll għall-Artikolu 29(1) ta’ din id-direttiva.

70

Fir-raba’ lok, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punti 91 u 93 tas-sentenza appellata, ebda regola tad-dritt ma tindika li l-kriterji li jirriżultaw mis-sentenza tas-26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569), ma humiex applikabbli meta l-pożizzjoni dominanti tkun toriġina minn monopolju tal-Istat. Skont il-punt 23 tas-sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2012, Post Danmark (C‑209/10, EU:C:2012:172), iċċitata mill-Qorti Ġenerali, il-fatt li tali pożizzjoni toriġina minn monopolju legali preċedenti biss għandu jittieħed inkunsiderazzjoni.

71

Issa, fil-każ ineżami, ma hijiex kwistjoni li jiġi ddeterminat jekk LG kinitx obbligata tipprovdi aċċess għal network funzjonali mibni fil-passat b’fondi pubbliċi, iżda jekk kinitx obbligata, skont l-Artikolu 102 TFUE li tinvesti l-fondi proprji tagħha fit-tiswija u s-sostituzzjoni ta’ installazzjoni dilapidata sabiex tirrendi d-dħul fis-suq rilevanti inqas diffiċli u iktar vantaġġuż għal kompetitur downstream partikolari. L-ibbilanċjar tal-interessi ta’ dawn iż-żewġ kumpanniji jinsab fil-qalba tat-test stabbiliti fis-sentenza tas-26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569).

72

Il-Kummissjoni u Orlen jitolbu li l-ewwel aggravju jiġi miċħud bħala infondat.

L‑ewalwazzjoni tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

73

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, LG tikkritika b’mod partikolari l-punti 90 sa 99 tas-sentenza appellata, minħabba li l-Qorti Ġenerali, billi rrifjutat li tapplika l-kriterji stabbiliti fil-punt 41 tas-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569), għal din il-kawża, adottat kriterju ġuridiku żbaljat sabiex tevalwa l-eżistenza ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti.

74

Fil-punt 99 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li kien mingħajr ma wettqet żball li l-Kummissjoni kienet astjeniet milli tevalwa jekk l-aġir kontenzjuż, li kien jikkonsisti, kif jirriżulta mill-punt 84 ta’ dik is-sentenza, fit-tneħħija tal-linja ferrovjarja bħala tali, kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet marbuta mal-indispensabbiltà tas-servizz li l-aċċess għalih kien ġie rrifjutat u l-eliminazzjoni ta’ kull kompetizzjoni stabbiliti fil-punt 41 tas-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569), u li kien suffiċjenti, bla ħsara għal eventwali ġustifikazzjoni oġġettiva, li jintwera li kien aġir tali li jirrestrinġi l-kompetizzjoni u, b’mod partikolari, li jikkostitwixxi ostakolu għad-dħul fis-suq.

75

Fil-punti 90 sa 98 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali ġġustifikat din il-konklużjoni fid-dawl tal-għan taċ-ċirkustanzi eċċezzjonali stabbiliti fis-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569), li jikkonsisti f’li jiġi żgurat li l-obbligu impost fuq impriża dominanti li tipprovdi aċċess għall-infrastruttura tagħha ma jostakolax, finalment, il-kompetizzjoni billi tnaqqas l-inċentiv inizjali ta’ din l-impriża li tibni tali infrastruttura u li tinvesti f’infrastrutturi. Minn dan il-Qorti Ġenerali ddeduċiet, essenzjalment, li l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569), ma setgħetx tapplika meta, bħalma huwa l-każ hawnhekk, il-kuntest leġiżlattiv applikabbli jimponi diġà obbligu ta’ provvista lill-impriża dominanti jew meta l-pożizzjoni dominanti tirriżulta minn monopolju legali, u dan iktar u iktar meta l-infrastruttura inkwistjoni tkun tappartjeni lill-Istat u tkun ġiet mibnija u żviluppata permezz ta’ fondi pubbliċi.

76

Sabiex jiġi evalwat jekk dawn il-kunsiderazzjonijiet humiex, kif tallega LG, ivvizzjati bi żball ta’ liġi, għandu jitfakkar li l-Artikolu 102 TFUE jipprojbixxi, sa fejn il-kummerċ bejn l-Istati Membri jista’ jiġi affettwat, il-fatt li impriża waħda jew iktar jużaw b’mod abbużiv pożizzjoni dominanti fis-suq intern jew f’parti sostanzjali minnu. Għaldaqstant, hija l-impriża li jkollha pożizzjoni dominanti li għandha responsabbiltà partikolari li ma tippreġudikax, bl-aġir tagħha, il-kompetizzjoni effettiva u mhux distorta fis-suq intern (sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2021, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni, C‑152/19 P, EU:C:2021:238, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

77

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “użu abbużiv minn pożizzjoni dominanti” fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE huwa kunċett oġġettiv li jkopri l-aġir ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti li, f’suq fejn, preċiżament wara l-preżenza tal-impriża inkwistjoni, il-livell ta’ kompetizzjoni huwa diġà dgħajjef, għandu bħala effett li jostakola, bl-użu ta’ mezzi differenti minn dawk li jirregolaw kompetizzjoni normali ta’ prodotti jew ta’ servizzi fuq il-bażi ta’ servizzi tal-operaturi ekonomiċi, iż-żamma tal-livell ta’ kompetizzjoni li għadu jeżisti fis-suq jew l-iżvilupp ta’ din il-kompetizzjoni (sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2021, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni, C‑152/19 P, EU:C:2021:238, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

78

L-eżami tan-natura abbużiva ta’ prattika ta’ impriża dominanti skont l-Artikolu 102 TFUE għandu jsir billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi speċifiċi kollha tal-kawża (sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2021, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni, C‑152/19 P, EU:C:2021:238, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

79

Fir-rigward ta’ prattiki li jikkonsistu f’rifjut li jingħata aċċess għal infrastruttura żviluppata minn impriża dominanti għall-bżonnijiet tal-attivitajiet tagħha stess u miżmuma minnha, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li tali rifjut jista’ jikkostitwixxi abbuż minn pożizzjoni dominanti bil-kundizzjoni mhux biss li dan ir-rifjut jkun ta’ natura li jelimina kull kompetizzjoni fis-suq inkwistjoni min-naħa tal-applikant għal aċċess u ma jistax ikun oġġettivament iġġustifikat, iżda wkoll li l-infrastruttura fiha nnifisha tkun indispensabbli għall-eżerċizzju tal-attività tiegħu, fis-sens li ma jkun hemm ebda sostituzzjoni reali jew potenzjali għal din l-infrastruttura (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner, C‑7/97, EU:C:1998:569, punt 41, kif ukoll tal‑25 ta’ Marzu 2021, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni, C‑152/19 P, EU:C:2021:238, punti 4344).

80

L-impożizzjoni ta’ dawn il-kundizzjonijiet, fil-punt 41 tas-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569), kienet iġġustifikata miċ-ċirkustanzi proprji tal-kawża li wasslet għal din is-sentenza, li kienu jikkonsistu f’rifjut minn impriża dominanti li tagħti aċċess lil kompetitur għal infrastruttura li hija kienet żviluppat għall-bżonnijiet tal-attività tagħha stess, bl-esklużjoni ta’ kull aġir ieħor (sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2021, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni, C‑152/19 P, EU:C:2021:238, punt 45).

81

Issa, l-ewwel nett, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 78 sa 82 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-ipoteżi ta’ qerda, minn impriża dominanti, ta’ infrastruttura għandha tiġi distinta minn dik ta’ rifjut ta’ aċċess, fis-sens tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569).

82

Fil-fatt, mit-tfakkir li jippreċedi jirriżulta li din il-ġurisprudenza tkopri, essenzjalment, l-ipoteżi ta’ rifjut ta’ aċċess għal infrastruttura, li permezz tagħha, finalment, l-impriża dominanti tirriżera l-infrastruttura, li hija tiżviluppa, għall-użu tagħha stess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2021, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni, C‑152/19 P, EU:C:2021:238, punt 47). L-imsemmija ġurisprudenza tinvolvi, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali, b’mod partikolari fil-punt 80 tal-konklużjonijiet tiegħu, iż-żamma ta’ infrastruttura, li l-impriża dominanti tirriżerva l-użu tagħha fit-tfittxija ta’ profitt immedjat.

83

Huwa evidenti li, b’kuntrast, il-qerda ta’ infrastruttura tinvolvi s-sagrifiċċju ta’ assi permezz, jekk ikun il-każ, tal-ispejjeż marbuta ma’ din il-qerda. Minħabba l-qerda, l-infrastruttura ssir inevitabbilment inutilizzabbli mhux biss mill-kompetituri, iżda wkoll mill-impriża dominanti stess.

84

Għaldaqstant, din il-kawża ma tqajjimx, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet ta’ LG, “problema ta’ aċċess” għal infrastruttura fis-sens tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569).

85

Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li, kif barra minn hekk taqbel LG, l-aġir inkriminat kien jirrigwarda biss parti waħda min-network ferrovjarju Litwan u ma kienx jipprekludi lill-kompetitur potenzjali ta’ LG milli jkollu aċċess, skont il-każ, għal dan in-network permezz ta’ mezz ieħor.

86

It-tieni, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li l-kriterji stabbiliti fil-punt 41 tas-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569), huma intiżi sabiex jistabbilixxu bilanċ ġust bejn, minn naħa, ir-rekwiżiti ta’ kompetizzjoni mhux distorta u, min-naħa l-oħra, il-libertà li jiġu konklużi kuntratti u d-dritt għall-proprjetà tal-impriża dominanti. F’dan is-sens, dawn il-kriterji huma intiżi li japplikaw fil-każ ta’ rifjut għal aċċess għal infrastruttura li l-impriża dominanti hija l-proprjetarja tagħha u li hija żviluppat għall-bżonnijiet tal-attività tagħha, permezz ta’ investiment tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner, C‑7/97, EU:C:1998:569, punt 37, u tal‑25 ta’ Marzu 2021, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni, C‑152/19 P, EU:C:2021:238, punt 47).

87

Għaldaqstant, huwa mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, essenzjalment, fil-punti 90, 93 u 94 tas-sentenza appellata, li, fid-dawl tal-għan tagħhom, l-imsemmija kriterji ma humiex intiżi li japplikaw meta, f’sitwazzjoni bħal dik ta’ din il-kawża, l-infrastruttura inkwistjoni tkun ġiet iffinanzjata mhux permezz ta’ investiment stess tal-impriża dominanti, iżda ta’ fondi pubbliċi u meta din l-impriża ma tkunx il-proprjetarja ta’ din l-infrastruttura.

88

It-tielet, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li obbligu regolamentari jista’ jkun rilevanti sabiex jiġi evalwat aġir abbużiv, fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE. Għalkemm l-eżistenza ta’ obbligu regolamentari, għall-impriża dominanti, li tagħti aċċess għall-infrastruttura inkwistjoni ma tistax teżenta lill-Kummissjoni milli tistabbilixxi l-eżistenza ta’ “abbuż”, fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE, xorta jibqa’ l-fatt li l-impożizzjoni ta’ tali obbligu għandha l-konsegwenza li l-impriża dominanti ma tistax verament tirrifjuta li tagħti aċċess għal din l-infrastruttura, bla ħsara, jekk ikun il-każ, għall-awtonomija deċiżjonali tagħha fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ tali aċċess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2021, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni, C‑152/19 P, EU:C:2021:238, punti 5758 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

89

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punti 91 u 92 tas-sentenza appellata, li l-kriterji stabbiliti fis-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569), ma humiex intiżi li japplikaw meta l-impriża dominanti tkun suġġetta għal obbligu li tagħti aċċess għall-infrastruttura tagħha.

90

Issa, fil-każ ineżami, LG ma tikkontestax, bħala tali, l-issuġġettar tagħha għall-obbligu li tagħti l-aċċess għan-network ferrovjarju Litwan. Hija biss il-portata ta’ dan l-obbligu li hija kkontestata.

91

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li, bil-kontra tal-argumenti mressqa minn LG, il-qerda tal-linja ferrovjarja ma tistax tinftihem bħala rifjut ta’ aċċess, fis-sens tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tas-26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569), iżda għandha, skont il-każ, tinftiehem bħala forma awtonoma ta’ abbuż (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas‑17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige,C‑52/09, EU:C:2011:83, punti 55 sa 58; u tal-10 ta’ Lulju 2014, Telefónica u Telefónica de España vs Il‑Kummissjoni, C‑295/12 P, EU:C:2014:2062, punt 75). Għaldaqstant, il-kriterji stabbiliti fil-punt 41 tas-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569) ma humiex applikabbli sabiex jiġi evalwat l-aġir inkwistjoni.

92

Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali ġustament qieset, fil-punt 99 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma wettqitx żball meta naqset milli tevalwa jekk l-aġir inkwistjoni kienx jissodisfa dawn il-kriterji.

93

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq it‑tieni aggravju

L‑argumenti tal‑partijiet

94

Permezz tat-tieni aggravju tagħha, LG issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-Kummissjoni kienet stabbilixxiet suffiċjentement skont il-liġi li, fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, it-tneħħija tal-linja ferrovjarja kienet tikkostitwixxi “abbuż”, fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE u meta kklassifikat għalhekk, hija stess, din it-tneħħija bħala “prattika abbużiva”.

95

Skont LG, fil-punti 168, 170, 177, 197, 204 u 231 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, l-istess bħall-Kummissjoni, ibbażat din il-klassifikazzjoni fuq żewġ elementi kumulattivi, jiġifieri fuq il-fatt li din it-tneħħija saret “bil-għaġla kollha” u fuq dak li l-imsemmija tneħħija saret “mingħajr ma [LG] kisbet il-fondi neċessarji minn qabel”. Madankollu, l-ebda wieħed minn dawn iż-żewġ elementi ma jippermetti tali klassifikazzjoni.

96

L-ewwel, billi tirreferi għall-punti 148, 164 u 168 tas-sentenza appellata, LG tenfasizza li l-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet li setgħet tagħżel li tneħħi l-linja ferrovjarja, minflok ma tipproċedi sabiex twettaq tiswijiet parzjali li kienu jwasslu għas-sostituzzjoni sussegwenti tagħha. L-abbuż li qiegħed jiġi lmentat fil-konfront tagħha għalhekk jirrigwarda biss il-mument tat-tneħħija, mit‑3 ta’ Ottubru 2008. Issa, peress li l-mument tat-tneħħija msemmija ma għandux impatt fuq l-ispiża tagħha, id-deċiżjoni li tipproċedi għat-tneħħija immedjata kienet deċiżjoni ta’ amministrazzjoni razzjonali. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 197, 204 u 209 ta’ dik is-sentenza, li LG ma kellha ebda intenzjoni antikompetittiva.

97

It-tieni, LG tallega li hija kienet qed tistenna li tirċievi l-fondi għar-rikostruzzjoni tal-linja ferrovjarja, li kellhom ikunu disponibbli fil-mument li ssir il-parti l-kbira tax-xogħlijiet. Billi rreferiet għall-punti 152, 153, 160, 171, 174 sa 176 u 196 tal-imsemmija sentenza, LG issostni li hija kienet tabilħaqq talbet finanzjament fit‑2 ta’ Ottubru 2008, qabel ma bdiet ix-xogħlijiet għat-tneħħija tal-linja ferrovjarja, li l-fondi Ewropej kienu disponibbli f’dak il-mument u sussegwentement u li ma kinitx aġixxiet b’intenzjoni antikompetittiva.

98

Hija tenfasizza li ċ-ċirkustanzi identifikati mill-Qorti Ġenerali biex tikkonstata l-abbuż dehru essenzjalment wara t‑3 ta’ Ottubru 2008. F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali allegatament wettqet żball ta’ liġi meta imponitilha, fil-punti 164, 165, 170 u 178 tal-istess sentenza, tistabbilixxi jew tiġġustifika l-mument tat-tneħħija tal-linja ferrovjarja, meta kienet il-Kummissjoni li kellha tistabbilixxi l-abbuż.

99

Barra minn hekk, fil-punti 152 u 170 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali naqset milli twettaq analiżi konkreta tal-argument ta’ LG dwar il-ħażna ta’ partijiet tal-linja ferrovjarja li jistgħu jerġgħu jintużaw u l-użu mill-ġdid tagħhom għal linji oħra tan-network. Fi kwalunkwe każ, ma huwiex meħtieġ, sabiex ikunu jistgħu jibdew l-istadji preparatorji ta’ proġett, li qabel ikunu nkisbu l-fondi meħtieġa għall-proġett kollu.

100

Fir-replika tagħha, LG tippreċiża li hija bbażat dan il-motiv fuq l-uniċi żewġ elementi li l-Qorti Ġenerali sistematikament semmiet u li jirrigwardaw il-fatt li t-tneħħija tal-linja ferrovjarja saret “bil-għaġla kollha” u mingħajr ma LG kisbet, minn qabel, il-fondi neċessarji. Fi kwalunkwe każ, anki jekk kellhom jiġu inklużi l-erba’ jew il-ħames elementi kollha msemmija fil-punti 42 u 194 tas-sentenza appellata, il-konstatazzjoni ta’ abbuż ma tirriżultax. Fil-fatt, l-elementi addizzjonali, li huma aċċessorji jew mhux rilevanti, ma jistgħux jistabbilixxu tali abbuż.

101

Barra minn hekk, LG ressqet argumenti intiżi li jikkontestaw kull wieħed minn dawn il-ħames elementi matul is-seduta għas-sottomissjonijiet orali.

102

Il-Kummissjoni tqis li dan l-aggravju ma għandux bażi.

103

Orlen issostni li dan l-aggravju huwa ineffettiv u, fi kwalunkwe każ, inammissibbli, sa fejn jammonta għal kontestazzjoni tal-evalwazzjonijiet tal-fatti u tal-provi magħmula mill-Qorti Ġenerali.

L‑ewalwazzjoni tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

104

Permezz tat-tieni aggravju tagħha, LG takkuża lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi meta kkonfermat il-klassifikazzjoni, mill-Kummissjoni, tat-tneħħija tal-linja ferrovjarja bħala “abbuż minn pożizzjoni dominanti” fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE. Skont LG, din il-klassifikazzjoni hija bbażata, fil-punti 168, 170, 177, 197, 204 u 231 tas-sentenza appellata, fuq żewġ elementi kumulattivi, jiġifieri fuq il-fatt li din it-tneħħija saret “bil-għaġla kollha” u fuq dak li l-imsemmija tneħħija saret “mingħajr ma [LG] kisbet il-fondi neċessarji minn qabel”.

105

Sa fejn dan l-argument huwa bbażat fuq il-premessa li l-klassifikazzjoni tat-tneħħija tal-linji tal-ferrovija bħala “abbuż minn pożizzjoni dominanti” hija bbażata esklużivament fuq dawn iż-żewġ elementi, għandu jiġi kkonstatat li dan huwa bbażat fuq qari manifestament żbaljat tas-sentenza appellata.

106

Fil-fatt, minn qari tas-sentenza appellata kollha, u b’mod partikolari mill-punti 42, 83, 193, 194, 196 u 224 tagħha, jirriżulta mingħajr ekwivoku li l-Qorti Ġenerali enfasizzat li kien b’teħid inkunsiderazzjoni ta’ numru ta’ ċirkustanzi fattwali u ġuridiċi relatati mat-tneħħija tal-linja ferrovjarja li, fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni kienet waslet għall-konklużjoni li din it-tneħħija kienet tikkostitwixxi “abbuż minn pożizzjoni dominanti”, fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE.

107

Dawn iċ-ċirkustanzi, esposti fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, jirrigwardaw il-fatti li LG kienet taf bil-proġett ta’ Orlen li ddur lejn it-terminals marittimi tal-Latvja billi tirrikorri għas-servizzi ta’ LDZ, li hija kienet neħħiet il-linja ferrovjarja bl-għaġla kollha, mingħajr ma żgurat il-finanzjament neċessarju u mingħajr ma ħadet ebda waħda mill-miżuri preparatorji normali għar-rikostruzzjoni tagħha, li t-tneħħija tal-linja ferrovjarja kienet tmur kontra l-prattiki kurrenti tas-settur, li LG kienet taf bir-riskju ta’ telf ta’ kull attività ta’ trasport tal-prodotti ta’ Orlen fil-każ tar-rikostruzzjoni tal-linja ferrovjarja u li LG kienet ħadmet sabiex tikkonvinċi lill-Gvern Litwan sabiex ma jibnix mill-ġdid il-linja ferrovjarja.

108

Kien biss wara li ċaħdet l-argumenti kollha mqajma minn LG sabiex tikkontesta dawn l-evalwazzjonijiet li l-Qorti Ġenerali kkonfermat il-fondatezza tal-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni.

109

Il-fatt li l-Qorti Ġenerali rreferiet, fil-punti 168, 170, 177, 197, 204 u 231 tas-sentenza appellata, ikkontestati minn LG, għal tnejn biss mill-elementi esposti fil-punti 39 u 107 ta’ din is-sentenza, jiġifieri t-tneħħija tal-linja ferrovjarja bl-għaġla kollha u mingħajr garanzija tal-fondi neċessarji, ma huwiex ta’ natura li jinvalida dan il-qari tas-sentenza appellata. Fil-fatt, f’dawn il-punti, il-Qorti Ġenerali sempliċement eżaminat argumenti speċifiċi marbuta ma’ dawn iċ-ċirkustanzi, li kienu tressqu minn LG sabiex tikkontesta l-konstatazzjoni ta’ “abbuż minn pożizzjoni dominanti”, fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE.

110

Minn dan isegwi li dan l-aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat, mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati l-argumenti li jirrigwardaw, b’mod iktar speċifiku, dawn iż-żewġ elementi.

111

Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat, kif għamel l-Avukat Ġenerali fil-punti 99 sa 102 tal-konklużjonijiet tiegħu, li, permezz ta’ dawn l-argumenti, l-istess bħall-argumenti mqajma tardivament fir-replika u fis-seduta għas-sottomissjonijiet orali sabiex tikkontesta ċ-ċirkustanzi l-oħra li ġġustifikaw il-konstatazzjoni ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti, LG tipprova, fir-realtà, tikseb evalwazzjoni ġdida tal-fatti.

112

Fl-assenza ta’ invokazzjoni ta’ kwalunkwe żnaturament, l-imsemmija argumenti huma għalhekk inammissibbli, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 60 ta’ din is-sentenza.

113

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

Fuq it‑tielet aggravju

L‑argumenti tal‑partijiet

114

Permezz tat-tielet aggravju tagħha, LG tallega li, fil-punti 219 sa 233 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi meta kklassifikat it-tneħħija tal-linja ferrovjarja, bħala tali u indipendentement mis-sospensjoni preċedenti tat-traffiku fuq dan il-mezz, bħala “prattika li tista’ tirrestrinġi l-kompetizzjoni”.

115

L-ewwel, dan l-approċċ tal-Qorti Ġenerali huwa bbażat fuq premessa żbaljata, li tirriżulta mill-punti 223, 225 u 227 tas-sentenza appellata. Skont din il-premessa tal-Qorti Ġenerali, l-għażla li kienet tikkonsisti f’kumpensi inizjali mmirati segwiti minn rikostruzzjoni kompleta tal-linja ferrovjarja kollha f’terminu ta’ ħames snin, li LG tikklassifika bħala “għażla 1”, tifforma alternattiva rilevanti u ekonomikament raġonevoli għall-għażla li tikkonsisti f’rikostruzzjoni kompleta u immedjata tal-linja ferrovjarja, li LG tindika bħala l-“għażla 2”. Issa, il-Qorti Ġenerali ma ċaħditx il-pożizzjoni ta’ LG, miġbura fil-qosor fil-punti 150, 151 u 167 ta’ dik is-sentenza, li skontha l-għażla 2 kienet l-unika għażla rilevanti u ekonomikament raġonevoli, iżda għoġobha tħalli din id-domanda mingħajr risposta, fil-punt 168 ta’ dik is-sentenza. F’dawn iċ-ċirkustanzi, LG hija tal-fehma li, għall-finijiet ta’ dan l-appell, għandu jitqies li l-“għażla 2” kienet l-unika għażla rilevanti u ekonomikament raġonevoli. Minn dan hija tiddeduċi li l-punti 223, 225 u 227 tal-istess sentenza huma kontradittorji u inkompatibbli mat-teħid tal-għażla 2.

116

Barra minn hekk, il-punti 223, 225 u 227 tas-sentenza appellata huma bbażati fuq is-suppożizzjoni żbaljata li l-linja ferrovjarja setgħet terġa’ tiddaħħal fis-servizz “fi żmien qasir” bis-saħħa tat-tiswijiet inizjali tal-“għażla 1”. Issa, dan ma huwiex il-każ peress li, hekk kif LG sostniet quddiem il-Qorti Ġenerali, tali tiswijiet kienu jeħtieġu li jsegwu l-istess proċedura, b’mod partikolari għall-finijiet li jinkisbu fondi mir-Repubblika tal-Litwanja jew mill-Unjoni, bħall-“għażla 2”. Il-Qorti Ġenerali naqset milli tqis dan u għalhekk ikkontradixxiet lilha nnifisha.

117

It-tieni, il-Qorti Ġenerali kkontradixxiet lilha nnifisha meta ddeċidiet, fil-punt 225 tas-sentenza appellata, li l-ewwel stadju tal-“għażla 1” kien jimplika “tiswijiet lokali”, filwaqt li, kif irrikonoxxiet fil-punt 164 ta’ dik is-sentenza, huwa kien jinvolvi tiswijiet sinjifikattivi fuq it-tul kollu tal-linja ferrovjarja.

118

It-tielet, bil-kontra ta’ dak li ġie rrilevat mill-Qorti Ġenerali fil-punti 221 sa 223 tas-sentenza appellata, LG hija tal-fehma li ma hijiex suġġetta għal obbligu ġuridiku assolut li terġa’ tistabbilixxi mill-ġdid is-sitwazzjoni normali tal-linja ferrovjarja billi twettaq it-tiswijiet inizjali taħt l-“għażla 1” u li hija setgħet leġittimament tagħżel l-“għażla 2”. Din kienet tippermetti l-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni normali, filwaqt li jiġi speċifikat li l-mument tat-tneħħija tal-linja ferrovjarja, inevitabbli fl-implimentazzjoni tal-“għażla 2”, ikun irrilevanti f’dan ir-rigward.

119

Ir-raba’, ikun kontradittorju mal-konstatazzjonijiet magħmula fil-punti 24 u 25 tas-sentenza appellata li jiġi ddikjarat, fil-punt 225 ta’ dik is-sentenza, li effett ta’ esklużjoni kien ġej mill-fatt li, meta Orlen qieset li LG ma kellhiex l-intenzjoni li ssewwi l-linji ferrovjarja għal żmien qasir, LDZ irtirat l-applikazzjoni tagħha għal liċenzja sabiex topera fuq il-parti Litwana tal-itinerarju qasir lejn il-Latvja. F’dawn il-punti 24 u 25, il-Qorti Ġenerali stabbilixxiet li LDZ kienet ippreżentat applikazzjoni sabiex tikseb tali liċenzja “[fl]-aħħar tax-xahar ta’ Ġunju 2009”, jiġifieri wara t-tneħħija tal-linja ferrovjarja. Din it-tneħħija għaldaqstant ma kellha l-ebda influwenza fuq id-deċiżjoni li tiġi rtirata l-applikazzjoni għal-liċenzja, li fil-fatt hija spjegata mill-fatt li, f’nofs l‑2010, Orlen kienet waslet għall-konklużjoni li LG ma kellhiex l-intenzjoni li ssewwi l-linja ferrovjarja fi żmien qasir, hekk kif jirriżulta mill-punt 26 tas-sentenza appellata.

120

Il-ħames, fir-replika tagħha, LG iżżid tgħid li l-implementazzjoni fil-pront tat-tneħħija tal-linja ferrovjarja ma aggravax is-sitwazzjoni li kienet teżisti wara s-sospensjoni preċedenti tat-traffiku. Fil-fatt, fil-mument tal-fatti, jiġifieri fit‑3 ta’ Ottubru 2008, fin-nuqqas ta’ tneħħija tal-linja ferrovjarja, ma kien ikun hemm “kull possibbiltà li [l-linja ferrovjarja] tibda topera mill-ġdid fi żmien qasir”.

121

Il-Kummissjoni u Orlen jitolbu li dawn l-argumenti kollha jiġu miċħuda bħala, essenzjalment, infondati.

L‑ewalwazzjoni tal‑Qorti tal-Ġustizzja

122

Permezz tat-tielet aggravju tagħha, LG takkuża lill-Qorti Ġenerali li vvizzjat il-punti 219 sa 233 tas-sentenza appellata bi żbalji ta’ liġi.

123

F’dawn il-punti, il-Qorti Ġenerali eżaminat u ċaħdet l-argumenti ta’ LG intiżi sabiex jikkontestaw l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni, li jgħidu li t-tneħħija tal-linja ferrovjarja fiha nnifisha, indipendentement mis-sospensjoni minn qabel tat-traffiku fuqha, kienet tipproduċi effetti antikompetittivi ta’ esklużjoni mill-kompetizzjoni.

124

L-ewwel, l-argument ibbażat fuq kontradizzjoni bejn il-punt 168 tas-sentenza appellata u l-punti 223, 225 u 227 tagħha jirriżulta minn qari żbaljat tal-ewwel wieħed minn dawn il-punti.

125

Fil-fatt, fil-punt 168 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma kklassifikat l-“għażla 2”, li tinvolvi rikostruzzjoni kompleta u immedjata tal-linja ferrovjarja, bħala li hija l-unika għażla rilevanti u ekonomikament raġonevoli. Bil-kontra, il-kliem “jekk jitqies, kif tallega [LG], li l-għażla 2 kienet l-unika għażla rilevanti u ekonomikament raġonevoli”, li jinsab f’dan il-punt, jindika b’mod ċar li, kif barra minn hekk tammetti LG, il-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx il-kwistjoni dwar jekk din l-għażla kinitx, jew le, l-unika għażla rilevanti u ekonomikament raġonevoli, bl-esklużjoni, jekk ikun il-każ, tal-“għażla 1”. Minn dan isegwi li, kuntrarjament għall-pożizzjoni difiża minn LG, ma jistax jiġi ddikjarat manifestament li, għall-finijiet ta’ dan l-appell, hemm lok li jitqies li l-“għażla 2” kienet l-unika għażla rilevanti u ekonomikament raġonevoli.

126

Għaldaqstant, l-argument ibbażat fuq tali premessa u bbażat fuq kontradizzjoni tal-motivi għandu jiġi miċħud bħala infondat.

127

Barra minn hekk, sa fejn LG tikkontesta l-kunsiderazzjoni, fil-punti 223, 225 u 227 tas-sentenza appellata, li l-linja ferrovjarja setgħet tiddaħħal lura fis-servizz “għal żmien qasir” permezz ta’ tiswijiet inizjali, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, billi għamlet hekk, LG tfittex, fir-realtà u taħt il-pretest tal-invokazzjoni ta’ allegata kontradizzjoni, li tikkontesta l-evalwazzjonijiet fattwali tal-Qorti Ġenerali. Peress li LG ma tibbaża l-argument fuq ebda żnaturament ta’ dawn il-provi mill-Qorti Ġenerali, l-argument tagħha huwa inammissibbli, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 60 ta’ din is-sentenza.

128

It-tieni, fir-rigward tal-allegata kontradizzjoni bejn il-punti 164 u 225 tas-sentenza appellata, għandu jiġi osservat li, fil-punt 164 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali rrilevat li minn ittra mibgħuta fit‑18 ta’ Settembru 2008 mill-amministrazzjoni tal-infrastrutturi ferrovjarji ta’ LG lill-bord tal-ippjanar strateġiku tagħha jirriżulta li huwa biss 1.6 km tal-linji ferrovjarja li kellu jinbena immedjatament u li d-difetti misjuba fid‑19-il km tal-linja ferrovjarja kienu jimplikaw li din kellha “tiġi kompletament imsewwija f’terminu ta’ ħames snin”. Il-Qorti Ġenerali qieset li problemi li jikkonċernaw 1.6 km fuq 19-il km tal-linja ferrovjarja ma setgħux jiġġustifikaw it-tneħħija kompleta u immedjata tagħha. Hija kkonstatat ukoll li din l-ittra lanqas ma kienet tindika li tiswija totali f’terminu ta’ ħames snin kellha tinkludi tali tneħħija kompleta u immedjata.

129

Fir-rigward tal-punt 225 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat fih li l-ewwel stadju tal-“għażla 1” kien jikkonsisti fit-twettiq ta’ “tiswijiet lokali fil-postijiet tal-linja ferrovjarja li ma kinux jippermettu traffiku ferrovjarju sigur”.

130

Issa, din il-konstatazzjoni bl-ebda mod ma tidher f’kontradizzjoni mal-ħtieġa ta’ tiswijiet immedjati fuq parti mil-linji ferrovjarja u lanqas ma’ dik ta’ tiswija totali f’terminu, mhux itwal minn ħames snin.

131

L-argument ibbażat fuq kontradizzjoni bejn il-punti 164 u 225 tas-sentenza appellata għandu għalhekk jiġi miċħud bħala infondat.

132

It-tielet, fir-rigward tal-argumenti intiżi li jikkontestaw il-punti 221 sa 223 tas-sentenza appellata, għandu jiġi kkonstatat li dawn jirriżultaw minn qari iżolat u żbaljat ta’ dawn il-punti.

133

Fil-punti 221 u 222 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li LG, bħala operatur ta’ infrastrutturi ferrovjarji, minbarra obbligu regolamentari li tiggarantixxi s-sigurtà tat-traffiku, kellha l-obbligu regolamentari li timminimizza t-tfixkil u li ttejjeb is-servizzi tan-network ferrovjarju. Fil-punt 223 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali rrilevat li LG, bħala impriża dominanti fis-suq rilevanti, kellha wkoll responsabbiltà partikolari li ma tippreġudikax, bl-aġir tagħha, il-kompetizzjoni effettiva u mhux distorta. Skont il-Qorti Ġenerali, LG kellha tieħu dan inkunsiderazzjoni u tevita li telimina kull possibbiltà li linja ferrovjarja titqiegħed lura fis-servizz fi żmien qasir, permezz ta’ rikostruzzjoni fi stadji differenti. Fil-punt 224 tal-istess sentenza, il-Qorti Ġenerali ddeduċiet minn dan li, billi neħħiet il-linja ferrovjarja kollha, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, LG naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni din ir-responsabbiltà partikolari li kellha skont l-Artikolu 102 TFUE.

134

Barra minn hekk, mill-punti 225 u 229 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-konstatazzjoni li din it-tneħħija tal-linji tal-ferrovija setgħet tipproduċi effetti antikompetittivi ta’ esklużjoni mis-suq hija bbażata, minn naħa, fuq il-fatt li, permezz ta’ din it-tneħħija, LG aggravat is-sitwazzjoni li kienet tipprevali wara s-sospensjoni tat-traffiku fuq din il-linja u, min-naħa l-oħra, fuq il-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tal-“għażla 2”, u mhux l-għażla, bħala tali, ta’ din l-għażla minflok l-“għażla 1”.

135

Minn dawn l-elementi jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li ssostni LG, il-Qorti Ġenerali ma imponitilhiex “obbligu ġuridiku assolut” li terġa’ tistabbilixxi s-sitwazzjoni normali fuq il-linja ferrovjarja billi twettaq it-tiswijiet inizjali tal-“għażla 1”. Għall-kuntrarju, huma l-modalitajiet konkreti tal-implimentazzjoni tal-“għażla 2” u l-effetti tat-tneħħija tal-linja ferrovjarja li ġġustifikaw il-konstatazzjoni ta’ effetti antikompetittivi.

136

Għaldaqstant, dan l-argument għandu jitqies bħala infondat.

137

Ir-raba’, kif jindika l-użu tat-terminu “barra minn hekk”, fl-istruttura tal-aħħar sentenza tal-punt 225 tas-sentenza appellata, ir-riferiment, f’dan il-punt, għall-irtirar, minn LDZ, tal-applikazzjoni tagħha għal liċenzja sabiex topera fuq il-parti Litwana tal-itinerarju qasir lejn il-Latvja jikkostitwixxi kunsiderazzjoni superfluwa.

138

Minn dan isegwi li l-argument ta’ LG ibbażat fuq kontradizzjoni bejn dan il-punt u l-punti 24 u 25 ta’ din is-sentenza għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

139

Il-ħames, sa fejn, għall-ewwel darba fir-replika tagħha, LG tallega li l-implimentazzjoni fil-pront tat-tneħħija tal-linji ferrovjarja ma aggravax is-sitwazzjoni eżistenti wara s-sospensjoni tat-traffiku fuq dan il-mezz, l-argument tagħha huwa inammissibbli minħabba t-tardività tiegħu. Barra minn hekk, huwa intiż sabiex jikkontesta evalwazzjoni fattwali li ma taqax, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 60 ta’ din is-sentenza, fil-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-istadju tal-appell.

140

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

Fuq ir‑raba’ aggravju

L‑argumenti tal‑partijiet

141

Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, LG tikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet żbalji ta’ liġi fil-kuntest tal-eżami tagħha tal-multa imposta fuqha.

142

F’dan ir-rigward, LG tenfasizza li mill-punti 98, 196, 204 u 209 tas-sentenza appellata jirriżulta li, skont il-Qorti Ġenerali, id-deċiżjoni kontenzjuża u l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni ma kinux ibbażati fuq il-konstatazzjoni ta’ intenzjoni antikompetittiva min-naħa ta’ LG.

143

Issa, fil-kuntest tal-eżami, fl-istadju tal-istħarriġ tal-multa, tal-argumenti bbażati fuq in-natura ġdida tat-teorija ġuridika adottata fid-deċiżjoni kontenzjuża u tal-gravità tal-ksur allegat fil-konfront ta’ LG, il-Qorti Ġenerali għamlet riferiment għal tali intenzjoni. Dan jixhdu l-kliem, fil-punti 339, 368 u 374 tas-sentenza appellata, li jgħid li l-aġir inkriminanti “[kien] intiż sabiex iżomm il-kompetituri remoti mis-suq” jew twettaq “bil-għan li jinżammu l-kompetituri ’il bogħod mis-suq”.

144

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali allegatament ikkontradixxiet lilha nnifisha. Din il-kontradizzjoni tal-motivi kellha impatt fuq l-evalwazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tan-neċessità li tiġi imposta multa u, jekk ikun il-każ, tal-ammont xieraq tagħha, kif ukoll tal-gravità tal-ksur. Fin-nuqqas ta’ din il-kontradizzjoni, il-Qorti Ġenerali kellha taċċetta n-natura ġdida tat-teorija ġuridika sottostanti għad-deċiżjoni kontenzjuża u setgħet tadotta approċċ ieħor dwar il-gravità tal-ksur fin-nuqqas ta’ intenzjoni antikompetittiva u, għalhekk, f’dak li jirrigwarda l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha.

145

Fir-replika tagħha, LG iżżid tgħid, f’dan l-aħħar rigward, li, peress li l-konstatazzjoni ta’ tali intenzjoni hija vvizzjata bi żball, l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali tista’ tinbidel, indipendentement mill-fatturi l-oħra meqjusa minnha. Fi kwalunkwe każ, ma jistax jiġi eskluż li l-ammont tal-multa ffissat mill-Qorti Ġenerali kien ikun inqas li kieku din tal-aħħar ma kinitx ibbażat ruħha fuq raġunament kontradittorju u fuq l-allegata intenzjoni ta’ LG li żżomm il-kompetituri mbegħda mis-suq.

146

Fis-seduta għas-sottomissjonijiet orali, LG żiedet tgħid ukoll li, fl-istadju tal-kalkolu tal-multa, fil-punt 399 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni l-gravità tal-ksur, li huwa bbażat fuq l-intenzjoni antikompetittiva. Billi rreferiet għall-intenzjoni antikompetittiva bħala element ta’ evalwazzjoni tal-gravità, il-Qorti Ġenerali bidlet l-elementi li jikkostitwixxu l-ksur ikkonstatat mill-Kummissjoni u, għaldaqstant, eċċediet il-ġurisdizzjoni tagħha.

147

Il-Kummissjoni ttenni li dan l-aggravju huwa inammissibbli.

L‑ewalwazzjoni tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

148

Permezz tar-raba’ aggravju, LG takkuża lill-Qorti Ġenerali b’kontradizzjoni tal-motivi. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali, minn naħa, warrbet espliċitament, fil-punti 169, 204 u 209 tas-sentenza appellata, l-eżistenza ta’ intenzjoni antikompetittiva fl-istħarriġ tagħha tal-konstatazzjoni ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti. Min-naħa l-oħra, hija, madankollu, għamlet riferiment għal tali intenzjoni fil-punti 339, 368 u 374 ta’ dik is-sentenza u ħaditha inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-ammont tal-multa fil-punti 397 sa 406 tal-imsemmija sentenza. Din il-kontradizzjoni u t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ intenzjoni antikompetittiva fl-istadju tal-kalkolu tal-multa kellhom effett fuq l-eżerċizzju, mill-Qorti Ġenerali, tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha u, konsegwentement, fuq l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha.

149

Dan l-aggravju huwa ineffettiv. Fil-fatt, anki jekk jitqies li l-Qorti Ġenerali kkontradixxiet lilha nnifisha, kif tallega LG, tali kontradizzjoni la hija ta’ natura li tiġġustifika l-annullament tas-sentenza appellata u lanqas li twassal għal evalwazzjoni mill-ġdid, mill-Qorti tal-Ġustizzja, tal-ammont tal-multa.

150

Fil-fatt, wara li ċaħdet il-motivi kollha ta’ legalità intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża u l-ilmenti kollha mqajma minn LG insostenn tat-talba tagħha intiża għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa, il-Qorti Ġenerali wettqet, fil-punti 389 sa 406 tas-sentenza appellata, evalwazzjoni mill-ġdid tal-ammont tal-multa. Wara din l-evalwazzjoni mill-ġdid, il-Qorti Ġenerali stabbilixxiet din il-multa għal EUR 20068650, ammont kunsiderevolment inqas minn dak ikkunsidrat mill-Kummissjoni, mingħajr ma talludi għal intenzjoni antikompetittiva.

151

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 261 TFUE u mal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, il-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni sħiħa f’dak li jirrigwarda l-multi ffissati mill-Kummissjoni.

152

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali hija awtorizzata, lil hinn mis-sempliċi stħarriġ tal-legalità ta’ dawn il-multi, li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni b’dik tagħha u, konsegwentement, li tikkanċella, tnaqqas jew iżżid il-multa imposta (sentenzi tat‑22 ta’ Novembru 2012, E.ON Energie vs Il‑Kummissjoni, C‑89/11 P, EU:C:2012:738, punt 124 u l-ġurisprudenza ċċitata kif ukoll tat‑18 ta’ Marzu 2021, Pometon vs Il‑Kummissjoni, C‑440/19 P, EU:C:2021:214, punt 136).

153

Għall-kuntrarju, ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta hija tiddeċiedi fuq kwistjonijiet ta’ liġi fil-kuntest ta’ appell, li tissostitwixxi, għal raġunijiet ta’ ekwità, l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali b’dik tagħha billi tiddeċiedi, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, fuq l-ammont tal-multi imposti fuq impriżi minħabba l-ksur, min-naħa tagħhom, tad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, huwa biss sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-livell tas-sanzjoni huwa mhux biss mhux xieraq, iżda wkoll eċċessiv, tant li huwa sproporzjonat, li jkun hemm lok li jiġi kkonstatat żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali, minħabba n-natura mhux xierqa tal-ammont ta’ multa (sentenzi tat‑22 ta’ Novembru 2012, E.ON Energie vs Il‑Kummissjoni, C‑89/11 P, EU:C:2012:738, punti 125126 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑18 ta’ Marzu 2021, Pometon vs Il‑Kummissjoni, C‑440/19 P, EU:C:2021:214, punt 137).

154

Barra minn hekk, hija ġurisprudenza stabbilita li l-Qorti Ġenerali għandha, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, ċerti obbligi, li fosthom hemm l-obbligu ta’ motivazzjoni, li huwa impost fuqha bis-saħħa tal-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-Qorti Ġenerali bis-saħħa tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess statut, kif ukoll il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Diċembru 2014, Il‑Kummissjoni vs Parker Hannifin Manufacturing u Parker‑Hannifin, C‑434/13 P, EU:C:2014:2456, punt 77 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑18 ta’ Marzu 2021, Pometon vs Il‑Kummissjoni, C‑440/19 P, EU:C:2021:214, punt 138).

155

F’dan il-każ, konformement mal-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, l-evalwazzjoni tal-ammont tal-multa mill-Qorti Ġenerali kienet iggwidata, kif jirriżulta mill-punti 394, 395, 397 u 404 tas-sentenza appellata, mit-teħid inkunsiderazzjoni tal-gravità tal-ksur imwettaq u tat-tul tiegħu. Fil-punti 399 sa 402 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, fid-dawl tal-gravità tal-ksur inkwistjoni, ħadet inkunsiderazzjoni n-natura ta’ dan il-ksur, is-sitwazzjoni ta’ LG fis-swieq rilevanti u l-portata ġeografika tal-imsemmi ksur.

156

Mill-motivi li jinsabu fil-punti 398 sa 406 tas-sentenza appellata jirriżulta b’mod inekwivoku li, kif ikkonstata wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punti 151 u 153 sa 155 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-evalwazzjoni mill-ġdid tal-ammont tal-multa bl-ebda mod ma hija bbażata fuq it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ kwalunkwe intenzjoni antikompetittiva.

157

Minn dan isegwi li, anki jekk jitqies li, fl-evalwazzjoni tal-argumenti mressqa minn LG insostenn tat-talbiet tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża u ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa, il-Qorti Ġenerali kkontradixxiet lilha nnifisha fir-rigward tal-eżistenza jew le ta’ intenzjoni antikompetittiva, tali kontradizzjoni, fi kwalunkwe każ, tibqa’ mingħajr effett fuq l-evalwazzjoni mill-ġdid, mill-Qorti Ġenerali, tal-ammont tal-multa.

158

Għaldaqstant, l-argumenti ta’ LG ibbażati fuq kontradizzjoni tal-motivi li jivvizzjaw is-sentenza appellata huma, fi kwalunkwe każ, ineffettivi.

159

Barra minn hekk, sa fejn LG tixtieq titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tistħarreġ l-eżerċizzju, mill-Qorti Ġenerali, tas-setgħa ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 153 ta’ din is-sentenza, LG baqgħet ma pproduċietx provi ta’ natura li jindikaw li l-livell tal-multa, kif imnaqqas mill-Qorti Ġenerali, mhux biss ma huwiex xieraq, iżda wkoll eċċessiv, sal-punt li huwa sproporzjonat.

160

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

161

Peress li ebda aggravju insostenn ta’ dan l-appell ma ntlaqa’, l-appell għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

Fuq l‑ispejjeż

162

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tal-istess Regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu.

163

Peress li LG tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti mill-Kummissjoni u minn Orlen kif mitlub minnhom.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Lietuvos geležinkeliai AB hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea u minn Orlen Lietuva AB.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top