Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CO0629

Digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzj tal-24 ta’ Mejju 2022.
Carles Puigdemont i Casamajó et vs Il-Parlament Ewropew.
Appell – Proċeduri għal miżuri provviżorji – Dritt istituzzjonali – Membri tal-Parlament Ewropew – Privileġġi u immunitajiet – Tneħħija tal-immunità parlamentari ta’ membru tal-Parlament – Fumus boni juris – Imparzjalità tar-relatur waqt l-eżami tat-talba għat-tneħħija tal-immunità parlamentari – Urġenza – Mandat ta’ arrest Ewropew – Allert dwar persuni mfittxija għal arrest għal finijiet ta’ konsenja – Eżerċizzju tal-mandat ta’ membru tal-Parlament – Bilanċ tal-interessi.
Kawża C-629/21 P(R).

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:413

 DIGRIET TAL-VIĊI PRESIDENT TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

24 ta’ Mejju 2022 ( *1 )

“Appell – Proċeduri għal miżuri provviżorji – Dritt istituzzjonali – Membri tal-Parlament Ewropew – Privileġġi u immunitajiet – Tneħħija tal-immunità parlamentari ta’ membru tal-Parlament – Fumus boni juris – Imparzjalità tar-relatur waqt l-eżami tat-talba għat-tneħħija tal-immunità parlamentari – Urġenza – Mandat ta’ arrest Ewropew – Allert dwar persuni mfittxija għal arrest għal finijiet ta’ konsenja – Eżerċizzju tal-mandat ta’ membru tal-Parlament – Bilanċ tal-interessi”

Fil-Kawża C‑629/21 P(R),

li għandha bħala suġġett appell skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 57 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fil‑11 ta’ Ottubru 2021,

Carles Puigdemont i Casamajó, residenti f’Waterloo (il-Belġju),

Antoni Comín i Oliveres, residenti f’Waterloo,

Clara Ponsatí i Obiols, residenti f’Waterloo,

irrappreżentati minn P. Bekaert u S. Bekaert, advocaten, kif ukoll minn G. Boye u J. Costa i Rosselló, abogados,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn N. Lorenz, N. Görlitz u J.-C. Puffer, bħala aġenti,

konvenut fl-ewwel istanza,

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn S. Centeno Huerta u A. Gavela Llopis, bħala aġenti,

intervenjent fl-ewwel istanza,

IL-VIĊI PRESIDENT TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali Szpunar,

tagħti l-preżenti

Digriet

1

Permezz tal-appell tagħhom, Carles Puigdemont i Casamajó u Antoni Comín i Oliveres kif ukoll Clara Ponsatí i Obiols jitolbu l-annullament tad-digriet tal-Viċi President tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑30 ta’ Lulju 2021, Puigdemont i Casamajó et vs Il-Parlament (T‑272/21 R, mhux ippubblikat, iktar ’il quddiem id-“digriet appellat”, EU:T:2021:497), li permezz tiegħu dan tal-aħħar ċaħad it-talba tagħhom għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-Deċiżjonijiet tal-Parlament Ewropew P9_TA(2021)0059, P9_TA(2021)0060 u P9_TA(2021)0061, tad‑9 ta’ Marzu 2021, dwar it-talbiet għat-tneħħija tal-immunità tagħhom (iktar ’il quddiem, flimkien, id-“deċiżjonijiet kontenzjużi”).

2

Permezz tal-appell inċidentali tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jitlob it-tneħħija tal-motivazzjoni li tinsab fil-punt 43 tad-digriet appellat.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI

3

Il-premessa 6 tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2002/584/ĠAI, tat‑13 ta’ Ġunju 2002, fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU L 17, 22.1.2009, p. 45), hija fformulata kif ġej:

“Il-mandat ta’ arrest Ewropew previst f’din id-Deċiżjoni Kwadru hi l-ewwel miżura konkreta fil-qasam tal-liġi kriminali li timplimenta l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku li l-Kunsill Ewropew irrefera għalih bħala l-’punt ta’ referenza’ tal-koperazzjoni ġudizzjarja.”

4

L-Artikolu 1(1) u (2) ta’ din id-deċiżjoni qafas huwa fformulat kif ġej:

“1.   Il-mandat ta’ arrest Ewropew hi deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u ċ-ċediment minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-iskopijiet tat-tmexxija ta’ prosekuzzjoni kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni.

2.   L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew fuq il-bażi tal-priċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u skond id-disposizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru.”

5

L-Artikoli 3 u 4 tal-imsemmija deċiżjoni qafas jistipulaw rispettivament ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorja u r-raġunijiet għan-nuqqas ta’ esekuzzjoni fakultattiva tal-mandat ta’ arrest Ewropew.

6

L-Artikolu 5 tal-istess deċiżjoni qafas jiddefinixxi l-garanziji li għandhom jingħataw mill-Istat Membru emittenti f’każijiet partikolari

7

L-Artikolu 11(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jipprovdi:

“Meta persuna rikjesta hi arrestata, l-awtorità ġudizzjarja li tesegwixxi kompetenti għandha, skond il-liġi nazzjonali tagħha, tinforma dik il-perusna [bil]-mandat ta’ arrest Ewropew u [bil]-kontenut tiegħu, u wkoll [bil]-possibbiltà li tikkunsenta għaċ-ċediment lill-awtorità ġudizzjarja li toħroġ il-mandat.”

8

L-Artikolu 12 ta’ din id-deċiżjoni qafas jipprevedi:

“Meta persuna hi arrestata fuq il-bażi ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, l-awtorità ġudizzjarja li tesegwixxi għandha tieħu deċiżjoni fuq jekk il-persuna rikjesta għandhiex tibqa’ fid-detenzjoni, skond il-liġi ta’ l-Istat Membru li jesgwixxi. Il-persuna tista’ tiġi rilaxxata proviżorjament fi kwalunkwe ħin in konformità mal-liġi domestika ta’ l-Istat Membru li jesegwixxi, [bil-kundizzjoni] li l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru msemmi jieħu l-miżuri kollha li jikkunsidra neċessarji biex jippreveni l-persuna milli tinħeba [taħrab].”

9

L-Artikolu 15(1) tal-imsemmija deċiżjoni qafas jippreċiża:

“L-awtorità ġudizzjarja li tesegwixxi għandha tiddeċiedi, fil-limiti tal-ħin u taħt il-kondizzjonijiet definiti f’din id- Deċiżjoni Kwadru, jekk il-persuna għandhiex tiġi ċeduta.”

10

L-Artikolu 17(1) sa (5) tal-istess deċiżjoni qafas jipprovdi:

“1.   Mandat ta’ arrest Ewropew għandu jiġi ttrattat bħala kwistjoni ta’ urġenza.

2.   F’każijiet fejn il-persuna rikjesta tagħti kunsens għaċ-ċediment tagħha, id-deċiżjoni finali fuq l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għandha tittieħed f’perjodu ta’ għaxart ijiem wara li l-kunsens ġie mogħti.

3.   F’kazijiet oħra, id-deċiżjoni finali fuq l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew għandha tittieħed f’perjodu ta’ 60-il ġurnata wara l-arrest tal-persuna rikjesta.

4.   Fejn f’każijiet speċifiċi l-mandat ta’ arrest Ewropew ma jistax jiġi esegwit fil-limiti tal-ħin stabbiliti fil-paragrafi 2 jew 3, l-awtorità ġudizzjarja li tesegwixxi għandha tinforma immedjatament l-awtorità ġudizzjarja li toħroġ il-mandat ta’ dan, u tagħti r-raġunijiet għad-dewmien. F’każ bħal dan, il-limiti tal-ħin jistgħu jiġu estiżi bi 30 ġurnata iżjed.

5.   Sakemm l-awtorità ġudizzjarja li tesegwixxi ma ħaditx deċiżjoni finali fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew, għandha tassigura li l-kondizzjonijiet materjali meħtieġa għaċ-ċediment effettiva tal-persuna jibqgħu milqugħa.”

Id‑Deċiżjoni 2007/533/ĠAI

11

L-Artikolu 24(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI, tat‑12 ta’ Ġunju 2007, dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-sistema ta’ informazzjoni Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (ĠU 2007, L 205, p. 63, rettifika fil-ĠU L 299, 17.10.2014, p. 33), jipprovdi:

“Fejn Stat Membru jikkonsidra li l-għoti ta’ effett lil allert imdaħħal skond l-Artikoli 26, 32 jew 36 huwa inkompatibbli mal-liġi nazzjonali tiegħu, l-obbligi internazzjonali tiegħu jew interessi nazzjonali essenzjali, dan jista’ sussegwentement jeħtieġ li tiżdied marka ma’ l-allert bir-riżultat li l-azzjoni li għandha tittieħed abbażi ta’ l-allert ma tittiħidx fit-territorju tiegħu. Il-marka għandha tinżdied mill-Uffiċċju SIRENE ta’ l-Istat Membru li daħħal l-allert.”

12

L-Artikolu 25 ta’ din id-deċiżjoni jipprovdi:

“1.   Fejn tapplika d-Deċiżjoni [Qafas 2002/584], marka li tipprevjeni l-arrest għandha tiżdied biss ma’ allert għal arrest għal finijiet ta’ konsenja fejn l-awtorità ġudizzjarja kompetenti taħt il-liġi nazzjonali għall-esekuzzjoni ta’ Mandat ta’ Arrest Ewropew tkun irrifjutat l-esekuzzjoni tiegħu abbażi ta’ raġuni għal non-esekuzzjoni u fejn tkun meħtieġa ż-żieda tal-marka.

2.   Madankollu, fuq it-talba ta’ awtorità ġudizzjarja kompetenti taħt il-liġi nazzjonali, jew abbażi ta’ istruzzjoni ġenerali jew f’każ speċifiku, jista’ jkun meħtieġ li tiġi miżjuda marka ma’ allert għal arrest għall-finijiet ta’ konsenja jekk ikun ovvju li l-esekuzzjoni tal-Mandat ta’ Arrest Ewropew ser ikollu jiġi rifjutat.”

13

L-Artikolu 26(1) tad-Deċiżjoni 2007/533 huwa fformulat kif ġej:

“Data dwar persuni mfittxijin għall-arrest għall-finijiet ta’ konsenja abbażi ta’ Mandat ta’ Arrest Ewropew jew imfittxijin għal arrest għal finijiet ta’ estradizzjoni għandha tiddaħħal fuq it-talba ta’ l-awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru li jkun qed joħroġ l-allert.”

14

L-Artikolu 27(1) ta’ din id-deċiżjoni jipprovdi:

“Jekk persuna tkun imfittxija għal arrest għal finijiet ta’ konsenja abbażi ta’ Mandat ta’ Arrest Ewropew, l-Istat Membru li jkun qed joħroġ l-allert għandu jdaħħal fis-SIS II kopja ta’ l-oriġinal tal-Mandat ta’ Arrest Ewropew.”

15

L-Artikolu 30 tal-imsemmija liġi huwa fformulat kif ġej:

“Jekk arrest ma jkunx jista’ jsir jew minħabba li Stat Membru li jkun intalab jirrifjuta skond il-proċeduri dwar l-immarkar stipulati fl-Artikoli 24 jew 25, jew minħabba li, fil-każ ta’ allert għal arrest għal finijiet ta’ estradizzjoni, ma tkunx tlestiet investigazzjoni, l-Istat Membru li jkun intalab għandu jqis l-allert bħala wieħed għall-finijiet tal-komunikazzjoni ta’ l-inħawi fejn tkun tinsab il-persuna kkonċernata.”

16

L-Artikolu 31(1) tal-istess deċiżjoni jipprevedi:

“Fejn din id-Deċiżjoni Kwadru tkun tapplika, allert imdaħħal fis-SIS II skond l-Artikolu 26 flimkien mad-data addizzjonali msemmija fl-Artikolu 27, għandu jikkostitwixxi u jkollu l-istess effett bħal Mandat ta’ Arrest Ewropew maħruġ skond id-Deċiżjoni Kwadru [2002/584],”

Il‑fatti li wasslu għall‑kawża

17

Il-fatti li wasslu għall-kawża huma esposti fil-punti 1 sa 20 tad-digriet appellat. Huma jistgħu, għall-finijiet ta’ din il-proċedura għal miżuri provviżorji, jinġabru fil-qosor kif ġej.

18

C. Puigdemont i Casamajó u A. Comín i Oliveres kif ukoll C. Ponsatí i Obiols kienu, rispettivament, President tal-Generalitat de Cataluña (il-Ġeneralità tal-Cataluña, Spanja) u membri tal-Gobierno autonómico de Cataluña (il-Gvern Awtonomu tal-Cataluña, Spanja) fil-mument tal-adozzjoni tal-Ley 19/2017 del Parlamento de Cataluña, reguladora del referéndum de autodeterminación (il-Liġi Nru 19/2017 tal-Parlament tal-Cataluña, li tirregola r-referendum tal-awtodeterminazzjoni), tas‑6 ta’ Settembru 2017 (DOGC no 7449A, tas‑6 ta’ Settembru 2017, p. 1), u tal-Ley 20/2017 del Parlamento de Cataluña, de transitoriedad jurídica y fundacional de la República (il-Liġi Nru 20/2017 tal-Parlament tal-Cataluña, ta’ trażizzjoni legali u konstituttiva tar-Repubblika), tat‑8 ta’ Settembru 2017 (DOGC no 7451A, tat‑8 ta’ Settembru 2017, p. 1), kif ukoll taż-żamma, fl‑1 ta’ Ottubru 2017, tar-referendum ta’ awtodeterminazzjoni stabbilit mill-ewwel minn dawn iż-żewġ liġijiet, li d-dispożizzjonijiet tagħhom kienu, sadanittant, ġew sospiżi permezz ta’ deċiżjoni tat-Tribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali, Spanja).

19

Wara l-adozzjoni tal-imsemmija liġijiet u ż-żamma tal-imsemmi referendum, il-Ministerio fiscal (l-Uffiċċju tal-Prosekutur, Spanja), l-Abogado del Estado (l-Avukat tal-Istat, Spanja) u l-Partido político VOX (il-Partit Politiku VOX) bdew proċedura kriminali kontra numru ta’ persuni, fosthom l-appellanti, billi qiesu li dawn kienu wettqu, b’mod partikolari, reati ta’ “sedizzjoni”.

20

Sussegwentement, l-appellanti ppreżentaw il-kandidatura tagħhom għall-elezzjonijiet tal-Membri tal-Parlament Ewropew. Fit‑13 ta’ Ġunju 2019, il-Junta Electoral Central (il-Kummissjoni elettorali ċentrali, Spanja) adottat id-deċiżjoni li kienet tipproklama lill-kandidati eletti fil-Parlament matul l-elezzjonijiet tas‑26 ta’ Mejju 2019, li fosthom kien hemm C. Puigdemont i Casamajó u A. Comín i Oliveres.

21

Fis‑17 ta’ Ġunju 2019, il-Kummissjoni Elettorali Ċentrali rrifjutat lill-appellanti l-possibbiltà li jieħdu l-ġurament jew il-wegħda li tiġi osservata l-Kostituzzjoni Spanjola meħtieġa mid-dritt Spanjol u nnotifikat lill-Parlament bil-lista tal-kandidati eletti fi Spanja, li fiha C. Puigdemont i Casamajó u A. Comín i Oliveres ma kinux inklużi. Fis‑27 ta’ Ġunju 2019, il-President tal-Parlament informa lil dawn li ma kienx f’pożizzjoni li jittrattahom bħala membri futuri tal-Parlament.

22

Inħarġu mandati ta’ arrest Ewropej mill-Imħallef inkwirenti tal-Awla Kriminali tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) kontra C. Puigdemont i Casamajó fl‑14 ta’ Ottubru 2019 u kontra A. Comín i Oliveres kif ukoll lil C. Ponsatí i Obiols fl‑4 ta’ Novembru 2019.

23

Fl‑10 ta’ Jannar 2020, il-President tat-Tieni Awla tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) bagħat talba lill-Parlament, li tirriżulta minn digriet tal-istess jum tal-imħallef inkwirenti tal-Awla Kriminali tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), li kellha bħala suġġett it-tneħħija tal-immunità parlamentari ta’ C. Puigdemont i Casamajó u ta’ A. Comín i Oliveres.

24

Waqt is-sessjoni plenarja tat‑13 ta’ Jannar 2020, il-Parlament ħa nota, wara s-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Junqueras Vies (C‑502/19, EU:C:2019:1115), tal-elezzjoni bħala deputati ta’ C. Puigdemont i Casamajó u ta’ A. Comín i Oliveres, b’effett mit‑2 ta’ Lulju 2019.

25

Fis‑16 ta’ Jannar 2020, il-Viċi President tal-Parlament ikkomunika f’seduta plenarja t-talbiet għat-tneħħija tal-immunità ta’ C. Puigdemont i Casamajó u ta’ A. Comín i Oliveres u bagħathom lill-kumitat responsabbli, jiġifieri l-Kumitat għall-Affarijiet Legali tal-Parlament (iktar ’il quddiem il-“Kumitat JURI”).

26

Fl‑4 ta’ Frar 2020, il-President tat-Tieni Awla tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) bagħat talba lill-Parlament, li tirriżulta minn digriet tal-istess jum tal-imħallef inkwirenti tal-Awla Kriminali ta’ din il-qorti, li kellha bħala għan it-tneħħija tal-immunità ta’ C. Ponsatí i Obiols.

27

Fl‑10 ta’ Frar 2020, il-Parlament, wara l-irtirar tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea, li seħħ fil‑31 ta’ Jannar 2020, ħa nota tal-elezzjoni ta’ C. Ponsatí i Obiols bħala deputat b’effett mill‑1 ta’ Frar 2020.

28

Fit‑13 ta’ Frar 2020, il-Viċi President tal-Parlament ikkomunika f’seduta plenarja t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta’ C. Ponsatí i Obiols u bagħatha lill-Kumitat JURI.

29

Wara li l-appellanti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom lill-Parlament u nstemgħu mill-Kumitat JURI, dan tal-aħħar, fit‑23 ta’ Frar 2021, adotta r-rapporti A 9–0020/2021, A 9–0021/2021 u A 9–0022/2021, dwar it-talbiet għat-tneħħija tal-immunità tal-appellanti. Permezz tad-deċiżjonijiet kontenzjużi, il-Parlament neħħa l-immunità tal-appellanti bbażata fuq il-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll (Nru 7) dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2012, C 326, p. 266, iktar ’il quddiem il-“Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni”).

Ir‑rikors quddiem il‑Qorti Ġenerali u d‑digriet appellat

30

B’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑19 ta’ Mejju 2021, l-appellanti ppreżentaw appell intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.

31

Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑26 ta’ Mejju 2021, l-appellanti ressqu talba għal miżuri provviżorji intiża għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

32

Permezz tad-digriet tat‑2 ta’ Ġunju 2021, Puigdemont i Casamajó et vs Il-Parlament (T‑272/21 R, mhux ippubblikat), adottat abbażi tal-Artikolu 157(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-Viċi President tal-Qorti Ġenerali ordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet kontenzjużi sad-data tad-digriet li jtemm il-proċeduri għal miżuri provviżorji mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali.

33

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑24 ta’ Ġunju 2021, il-Viċi President tal-Qorti Ġenerali aċċetta li r-Renju ta’ Spanja jintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Parlament.

34

Permezz tad-digriet appellat, il-Viċi President tal-Qorti Ġenerali ċaħad it-talba għal miżuri provviżorji mressqa mill-appellanti.

35

Għal dan il-għan, fil-punt 38 ta’ dan id-digriet, il-Viċi President tal-Qorti Ġenerali qies li kellu jiġi eżaminat jekk il-kundizzjoni dwar l-urġenza kinitx issodisfatta.

36

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, hija ddeċidiet, fil-punt 42 tad-digriet appellat, li kellu jsir riferiment biss għall-effetti oġġettivi tad-deċiżjonijiet ikkontestati, iddeterminati fid-dawl tal-kontenut tagħhom, u li l-allegat nuqqas ta’ ċarezza ta’ dawn id-deċiżjonijiet ma setax ikun biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-gravità u n-natura irreparabbli tad-dannu allegat mill-appellanti.

37

Fit-tieni lok, il-Viċi President tal-Qorti Ġenerali qies, fil-punt 43 ta’ dan id-digriet, li l-appellanti ma setgħux jinvokaw allegat riskju li jiġu arrestati waqt ċaqliq intiż sabiex jipparteċipaw f’sessjoni parlamentari fi Strasbourg (Franza) jew sabiex jerġgħu lura, sa fejn tali tneħħija taqa’ taħt l-immunità prevista fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni, li l-appellanti għadhom jibbenefikaw minnha.

38

Fit-tielet lok, il-Viċi President tal-Qorti Ġenerali eżamina jekk il-kundizzjoni dwar l-urġenza setgħetx titqies bħala ssodisfatta minħabba, minn naħa, l-allegata eżistenza ta’ riskju ta’ arrest imminenti tal-appellanti, li jirriżulta mill-effett konġunt tad-deċiżjonijiet ikkontestati u, min-naħa l-oħra, tal-mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa kontra l-appellanti kif ukoll allerti dwar persuni rikjesti sabiex jiġu arrestati għall-finijiet ta’ konsenja li huma s-suġġett tagħhom l-appellanti (iktar ’il quddiem l-“allerti lis-SIS II”).

39

Fil-punt 45 tad-digriet appellat, il-Viċi President tal-Qorti Ġenerali enfasizza li l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għandhom, b’mod partikolari, il-possibbiltà, fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 3 u 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li jirrifjutaw l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew u li l-persuna rikjesta tista’ ma tagħtix kunsens għall-konsenja tagħha, b’tali mod li hija l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li għandha tiddeċiedi dwar l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew. Minn dan huwa ddeduċa li t-twettiq tad-dannu invokat mill-appellanti kien jiddependi mis-seħħ ta’ diversi fatturi.

40

Fil-punt 46 tad-digriet appellat, il-Viċi President tal-Qorti Ġenerali kkonstata li l-appellanti ma kinux urew li l-arrest tagħhom jew, a fortiori, il-konsenja tagħhom lill-awtoritajiet Spanjoli kienu prevedibbli bi grad ta’ probabbiltà suffiċjenti.

41

F’dan ir-rigward, dan qies, fil-punt 47 ta’ dan id-digriet, li l-appellanti ma kienu pproduċew ebda prova li turi li l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni, u b’mod partikolari dawk tal-Istat Membru ta’ residenza tagħhom, jiġifieri r-Renju tal-Belġju, kellhom l-intenzjoni jeżegwixxu l-mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa kontrihom b’tali mod li d-dannu allegat jista’ jseħħ b’mod suffiċjentement probabbli.

42

Wara li rrefera, fil-punti 48 sa 50 tad-digriet appellat, għall-assenza ta’ passi meħuda mill-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni wara l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati u għall-miżuri meħuda mill-awtoritajiet Belġjani, il-Viċi President tal-Qorti Ġenerali ppreċiża, fil-punti 51 u 53 ta’ dan id-digriet, li t-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) kienet ressqet talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE, irreġistrata bir-referenza C‑158/21, li kienet twassal għas-sospensjoni tal-proċedura nazzjonali sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi. Minn dan hija ddeduċiet, fil-punt 53 tal-imsemmi digriet, li l-eżekuzzjoni tal-mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa kontra l-appellanti kienet sospiża.

43

Barra minn hekk, il-Viċi President tal-Qorti Ġenerali qies, fil-punt 55 tad-digriet appellat, li l-appellanti ma kienu pproduċew ebda prova li tpoġġi indiskussjoni l-konstatazzjoni li tgħid li din l-eżekuzzjoni kienet sospiża u li, b’mod partikolari, il-fatt li r-Renju ta’ Spanja ma kienx neħħa l-allerti lis-SIS II ma kellux effett fuq din il-konstatazzjoni.

44

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, il-Viċi President tal-Qorti Ġenerali kkonkluda, fil-punt 58 tad-digriet appellat, li l-appellanti ma kinux urew li l-kundizzjoni dwar l-urġenza kienet issodisfatta peress li, attwalment, id-dannu gravi u irreparabbli invokat minnhom ma kienx jidher li jista’ jiġi kklassifikat bħala dannu ċert jew stabbilit bi grad ta’ probabbiltà suffiċjenti.

It‑talbiet tal‑partijiet

It‑talbiet tal‑partijiet

45

L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja:

tannulla d-digriet appellat;

tissospendi d-deċiżjonijiet ikkontestati fl-istennija ta’ deċiżjoni dwar ir-rikors ippreżentat fil-Kawża T‑272/21;

sussidjarjament, tibgħat lura l-kawża lill-Qorti Ġenerali; u

tirriżerva l-ispejjeż.

46

Il-Parlament jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell u

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż relatati mal-proċeduri għal miżuri provviżorji quddiem il-Qorti Ġenerali kif ukoll mal-proċedura tal-appell.

47

Ir-Renju ta’ Spanja jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

tikkonstata l-inammissibbiltà tal-appell sa fejn jinkludi fatti li seħħew wara d-digriet appellat jew titlob eżami mill-ġdid indebitu;

tiċħad l-appell, billi tissostitwixxi l-motivi tad-digriet appellat f’dak li jirrigwarda l-punt 43 tiegħu u l-ewwel sentenza tal-punt 52 tiegħu;

sussidjarjament, tiċħad l-appell, u

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

It‑talbiet tal‑appell inċidentali

48

Permezz tal-appell inċidentali tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tneħħi l-motivazzjoni li tinsab fil-punt 43 tad-digriet appellat.

49

L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja:

tiddikjara l-appell inċidentali inammissibbli;

sussidjarjament, tiċħad dan l-appell, u

tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja għall-ispejjeż.

50

Il-Parlament jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell inċidentali bħala inammissibbli, u

tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja għall-ispejjeż relatati mal-proċedura tal-appell.

Fuq l‑appell

51

Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jinvokaw żewġ aggravji bbażati fuq żbalji ta’ liġi li l-Viċi President tal-Qorti Ġenerali wettaq, minn naħa, billi injora l-fatt li seta’ jseħħ dannu gravi u irreparabbli qabel kull deċiżjoni finali dwar l-eżekuzzjoni tal-mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa kontra l-appellanti u, min-naħa l-oħra, meta kkonkluda li d-dannu allegat ma kienx prevedibbli b’livell ta’ probabbiltà suffiċjenti.

52

Barra minn hekk, ir-Renju ta’ Spanja u l-Parlament jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tissostitwixxi l-motivi.

Fuq l‑ammissibbiltà tal‑appell

L‑argumenti

53

Ir-Renju ta’ Spanja jikkontesta, preliminarjament, l-ammissibbiltà tal-appell.

54

F’dan ir-rigward, huwa jsostni, l-ewwel, li l-appellanti jinvokaw fatti li seħħew wara d-digriet appellat li ma jistgħux jiġu validament invokati fil-kuntest ta’ dan l-appell. It-tieni, huwa jsostni li t-talbiet tal-appellanti jmorru lil hinn mis-suġġett ta’ proċedura għal miżuri provviżorji, sa fejn dawn huma intiżi sabiex tinkiseb is-sospensjoni tal-mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa kontra l-appellanti. It-tielet, ċerti argumenti tal-appellanti għandhom l-għan li jpoġġu indiskussjoni evalwazzjonijiet ta’ fatti magħmula mill-Viċi President tal-Qorti Ġenerali. Ir-raba’, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-digriet appellat, hija għandha tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sa fejn din tkun eżaminat biss waħda mit-tliet kundizzjonijiet li għalihom huwa suġġett l-għoti ta’ miżuri provviżorji.

Evalwazzjoni

55

Għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li l-argumenti tar-Renju ta’ Spanja dwar l-invokazzjoni ta’ fatti li seħħew wara d-digriet appellat u l-kontestazzjoni ta’ evalwazzjonijiet tal-fatti mwettqa mill-Viċi President tal-Qorti Ġenerali ma jirrigwardawx l-appell kollu, iżda biss uħud mill-argumenti mressqa insostenn tiegħu.

56

F’dawn iċ-ċirkustanzi, dawn l-argumenti tar-Renju ta’ Spanja ma jistgħux, fi kwalunkwe każ, jiġġustifikaw l-inammissibbiltà ta’ dan l-appell fl-intier tiegħu.

57

Fit-tieni lok, peress li t-talbiet tal-appell huma intiżi biss għall-annullament tad-digriet appellat u, jekk ikun il-każ, għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet kontenzjużi, ma jistax jitqies li dan huwa intiż sabiex tinkiseb mill-Qorti tal-Ġustizzja s-sospensjoni tal-mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa kontra l-appellanti.

58

Fit-tielet lok, anki jekk jitqies li, kif isostni r-Renju ta’ Spanja, din il-kawża ma hijiex fi stat li tiġi deċiża f’każ ta’ annullament tad-digriet appellat, din iċ-ċirkustanza timplika, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li l-kawża għandha, f’dan il-każ, tiġi rrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija ċirkustanza ma tistax twassal għall-inammissibbiltà tal-appell ippreżentat mill-appellanti.

59

Konsegwentement, ma hemmx lok li l-appell jiġi miċħud bħala inammissibbli kollu kemm hu.

Fuq l‑ewwel aggravju

L‑argumenti

60

Permezz tal-ewwel aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Viċi President tal-Qorti Ġenerali wettaq żball ta’ liġi meta injora l-fatt li dannu gravi u irreparabbli seta’ jseħħ qabel kull deċiżjoni finali dwar l-eżekuzzjoni tal-mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa kontrihom.

61

B’mod prinċipali, l-appellanti jsostnu għalhekk li diversi punti tad-digriet appellat huma bbażati fuq is-suppożizzjoni li tgħid li hija biss il-konsenja tal-appellanti lir-Renju ta’ Spanja li tikkostitwixxi dannu gravi u irreparabbli.

62

Għalhekk, il-Viċi President tal-Qorti Ġenerali ħa inkunsiderazzjoni biss, fil-punt 45 tad-digriet appellat, id-dannu li jista’ jirriżulta mill-konsenja tal-appellanti lill-awtoritajiet Spanjoli. Issa, dannu gravi u irreparabbli jseħħ diġà fil-każ ta’ arrest tal-appellanti u taż-żamma taħt detenzjoni tagħhom, anki għal żmien limitat, iktar u iktar peress li tali riskju jeżisti f’kull ċaqliq fit-territorju ta’ Stat Membru. L-arrest tal-appellanti jista’ jseħħ sabiex jiġu eżegwiti l-mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa kontrihom jew abbażi tal-allerti lis-SIS II. Barra minn hekk, iż-żamma tagħhom f’detenzjoni tista’ sussegwentement tiġi ordnata mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, skont l-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. L-arrest u d-detenzjoni ta’ C. Puigdemont i Casamajó li seħħew f’Sardegna (l-Italja) fit‑23 ta’ Settembru 2021 jixhdu l-fondatezza tal-argumenti tal-appellanti.

63

Il-punti 47 sa 49, 56 u 57 tad-digriet appellat huma wkoll ibbażati fuq il-presuppost li jgħid li l-arrest tal-appellanti ma jistax jikkostitwixxi dannu gravi u irreparabbli. Bl-istess mod, fil-punt 60 ta’ dan id-digriet, tali arrest huwa deskritt bħala eżempju ta’ sitwazzjoni li fiha d-dannu allegat jista’ jseħħ u mhux bħala sitwazzjoni li fiha dan id-dannu diġà seħħ.

64

Sussidjarjament, l-appellanti jsostnu li l-konstatazzjonijiet dwar id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 magħmula fil-punt 45 tad-digriet appellat ma humiex ta’ natura li jistabbilixxu li d-dannu li jirriżulta minn arrest eventwali tal-appellanti kien jiddependi minn diversi fatturi.

65

Il-Parlament u r-Renju ta’ Spanja jitolbu li l-ewwel motiv jiġi miċħud.

66

Il-Parlament isostni, preliminarjament, li dan l-aggravju huwa bbażat, parzjalment, fuq argumenti li għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli sa fejn huma bbażati fuq fatti li seħħew wara d-digriet appellat jew li huma intiżi li jikkontestaw evalwazzjonijiet ta’ fatti mwettqa mill-Viċi President tal-Qorti Ġenerali. Ir-Renju ta’ Spanja jsostni wkoll li l-evalwazzjonijiet ikkontestati tal-Viċi President tal-Qorti Ġenerali jirrigwardaw l-evalwazzjoni tal-provi.

67

Barra minn hekk, l-ewwel aggravju huwa bbażat fuq qari żbaljat tad-digriet appellat, sa fejn il-Viċi President tal-Qorti Ġenerali ma ħax pożizzjoni fuq il-kwistjoni dwar jekk l-arrest tal-appellanti jew il-konsenja tagħhom lill-awtoritajiet Spanjoli kellux jiġi kklassifikat bħala “dannu gravi u irreparabbli”. Barra minn hekk, il-Viċi President tal-Qorti Ġenerali ddeċieda, ġustament, li t-twettiq tad-dannu allegat mill-appellanti kien jiddependi minn diversi fatturi. Fil-fatt, id-deċiżjonijiet ikkontestati ma jikkostitwixxux il-kawża determinanti ta’ dan id-dannu.

68

Ir-Renju ta’ Spanja jipproponi li l-punt 45 tad-digriet appellat jiġi interpretat fis-sens li jindika li d-deċiżjonijiet kontenzjużi ma jikkostitwixxux il-kawża determinanti tad-dannu allegat mill-appellanti. Fir-realtà, dan id-dannu jirriżulta mid-deċiżjoni tagħhom li jaħarbu minn Spanja u minn miżuri nazzjonali adottati bħala konsegwenza ta’ din id-deċiżjoni.

Evalwazzjoni

69

Preliminarjament, għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tal-Parlament u tar-Renju ta’ Spanja intiżi sabiex jikkontestaw l-ammissibbiltà tal-ewwel motiv.

70

Minn naħa, għandu jitfakkar li mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jirriżulta li l-appell huwa limitat għall-punti ta’ liġi. Għaldaqstant, hija biss il-Qorti Ġenerali li hija kompetenti sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti kif ukoll il-provi ppreżentati quddiemha. L-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti u ta’ dawn il-provi għalhekk ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ tal-iżnaturament tagħhom, punt ta’ liġi suġġett, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (ara, b’analoġija, id-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑30 ta’ Novembru 2021, Land Rheinland-Pfalz vs Deutsche Lufthansa, C‑466/21 P-R, mhux ippubblikat, EU:C:2021:972, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

71

F’dan il-każ, l-argument sostnut prinċipalment mill-appellanti insostenn tal-ewwel aggravju tagħhom huwa intiż sabiex jistabbilixxi li d-digriet appellat huwa vvizzjat minn żball ta’ klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti sa fejn il-Viċi President tal-Qorti Ġenerali qies li l-eventwali arrest tagħhom ma jikkostitwixxix dannu gravi u irreparabbli. Sussidjarjament, l-appellanti essenzjalment isostnu li l-Viċi President tal-Qorti Ġenerali fehem ħażin, minħabba interpretazzjoni żbaljata tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, l-effetti mogħtija minn din id-deċiżjoni qafas għal mandat ta’ arrest Ewropew bħal dawk maħruġ kontrihom.

72

Minn dan isegwi li għandu jiġi miċħud l-argument li jgħid li l-ewwel aggravju għandu jitqies bħala inammissibbli sa fejn huwa intiż biex ipoġġi indiskussjoni l-evalwazzjonijiet tal-fatti mwettqa mill-Viċi President tal-Qorti Ġenerali.

73

Min-naħa l-oħra, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li, fil-kuntest ta’ appell, l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa limitat għall-evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali li ngħatat għall-motivi u għall-argumenti diskussi quddiem il-qrati tal-ewwel istanza, parti ma tistax tqajjem għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja aggravji jew argumenti li hija ma invokatx quddiem il-Qorti Ġenerali (digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Anglo Austrian AAB u Belegging-MaatschappijFar-East cs BĊE, C‑207/20 P(R), mhux ippubblikat, EU:C:2020:1057, punt 72 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata].

74

Għaldaqstant, l-appellanti ma jistgħux validament jinvokaw quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja argumenti bbażati fuq fatti sussegwenti għall-adozzjoni tad-digriet appellat. Minn dan isegwi li l-argument li jgħid li l-arrest u ż-żamma ta’ C. Puigdemont i Casamajó li seħħew f’Sardegna juru r-realtà tar-riskju li huma esposti għalih l-appellanti għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

75

Fir-rigward tal-eżami tal-mertu tal-ewwel aggravju, għandu jitfakkar, kif enfasizza l-Viċi President tal-Qorti Ġenerali fil-punti 39 u 40 tad-digriet appellat, li l-għan aħħari tal-proċedura għal miżuri provviżorji huwa li tiġi ggarantita l-effikaċja sħiħa tad-deċiżjoni definittiva futura, sabiex tiġi evitata lakuna fil-protezzjoni ġuridika żgurata mill-Qorti tal-Ġustizzja. Huwa sabiex jintlaħaq dan l-għan li l-urġenza għandha tiġi evalwata fil-konfront tal-ħtieġa li tingħata deċiżjoni provviżorja, sabiex jiġi evitat li jiġi kkawżat dannu gravi u irreparabbli lill-parti li titlob il-protezzjoni provviżorja. Hija din il-parti li għandha tippreżenta l-prova li hija ma tistax tistenna l-eżitu tal-proċedura fuq il-mertu mingħajr ma tbati dannu ta’ din in-natura. Għalkemm huwa minnu li, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ dan id-dannu, ma huwiex neċessarju li jiġi rikjest li l-okkorrenza u l-imminenza tiegħu jiġu stabbiliti b’ċertezza assoluta u li huwa biżżejjed li l-imsemmi dannu jkun prevedibbli bi grad ta’ probabbiltà suffiċjenti, xorta jibqa’ l-fatt li l-parti li titlob miżura provviżorja tibqa’ obbligata tipprova l-fatti li huma meqjusa li fuqhom hija bbażata l-perspettiva ta’ tali dannu (digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑16 ta’ Lulju 2021, Symrise vs ECHA, C‑282/21 P(R), mhux ippubblikata, EU:C:2021:631, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata].

76

Sabiex jiġi evalwat jekk il-kundizzjoni dwar l-urġenza kinitx issodisfatta, il-Viċi President tal-Qorti Ġenerali rrileva, fil-punt 45 tad-digriet appellat, li t-twettiq tad-“dannu invokat mill-appellanti” kien jiddependi mis-seħħ ta’ diversi fatturi.

77

Mill-punt 41 ta’ dan id-digriet jirriżulta espliċitament li d-dannu invokat mill-appellanti quddiem il-Qorti Ġenerali kien jirriżulta, skont dawn tal-aħħar, mir-riskju li dawn jiġu arrestati u mgħoddija lill-awtoritajiet Spanjoli. Barra minn hekk, il-punt 44 tal-imsemmi digriet jippreżenta l-argumentazzjoni tal-appellanti dwar dan id-dannu bħala li hija bbażata fuq il-fatt li ma setax jiġi eskluż li dawn jistgħu jkunu s-suġġett ta’ arrest imminenti.

78

F’dan il-kuntest, il-punt 45 tal-istess digriet għandu jinftiehem bħala li jafferma li l-arrest u l-konsenja tal-appellanti lill-awtoritajiet Spanjoli kienu suġġetti għall-eżistenza ta’ diversi fatturi.

79

Billi għamel tali konstatazzjoni, il-Viċi President tal-Qorti Ġenerali għalhekk bl-ebda mod ma eskluda li arrest eventwali tal-appellanti jista’ jikkawżalhom dannu gravi u irreparabbli.

80

Minn dan isegwi li l-argument ippreżentat b’mod prinċipali insostenn tal-ewwel aggravju huwa bbażat, sa fejn jirrigwarda l-punt 45 tad-digriet appellat, fuq qari żbaljat ta’ dan id-digriet u għandu, għal din ir-raġuni, jiġi miċħud.

81

L-istess jgħodd sa fejn dan l-argument jirrigwarda l-punti 47 sa 49, 56 u 57 tal-imsemmi digriet, peress li mill-punt 46 tiegħu jirriżulta li dawn il-punti huma intiżi b’mod partikolari sabiex jistabbilixxu li l-appellanti ma pprovawx li l-arrest tagħhom kien prevedibbli bi grad ta’ probabbiltà suffiċjenti.

82

Min-naħa l-oħra, jidher li l-punt 60 tad-digriet appellat jikkontradixxi r-raġunament adottat fil-punti 44 sa 58 tiegħu, billi jippreżenta arrest eventwali tal-appellanti bħala element li jindika mhux li d-dannu allegat twettaq, iżda biss li t-twettiq ta’ dan id-dannu huwa suffiċjentement probabbli.

83

Għaldaqstant, l-iżball hekk imwettaq mill-Viċi President tal-Qorti Ġenerali għandu jitqies bħala ineffettiv. Fil-fatt, il-punt 60 tad-digriet appellat huwa ta’ natura superfluwa, sa fejn ma huwiex intiż biex jiġġustifika d-deċiżjoni li tiġi miċħuda t-talba għal miżuri provviżorji, esposta fil-punt 59 ta’ dan id-digriet, iżda sempliċement biex ifakkar lill-appellanti li din id-deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà tagħhom li jressqu talba għal miżuri provviżorji ġdida bbażata fuq fatti ġodda.

84

Konsegwentement, l-argument ippreżentat prinċipalment insostenn tal-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment infondat u parzjalment ineffettiv.

85

Fir-rigward tal-argument ippreżentat sussidjarjament insostenn ta’ dan l-aggravju, għandu jiġi rrilevat li, sabiex jiġi kkonstatat, fil-punt 45 tad-digriet appellat, li t-twettiq tad-dannu invokat mill-appellanti kien jiddependi mis-seħħ ta’ diversi fatturi, il-Viċi President tal-Qorti Ġenerali bbaża ruħu, minn naħa, fuq is-setgħa li għandhom l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni li jirrifjutaw l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew u, min-naħa l-oħra, fuq il-fatt li l-konsenja tal-persuna rikjesta hija suġġetta għal deċiżjoni ta’ dawn l-awtoritajiet fil-każ fejn din il-persuna ma tagħtix il-kunsens għall-konsenja tagħha.

86

Sa fejn il-punt 45 tad-digriet appellat jirreferi għalhekk esklużivament għal ċerti mekkaniżmi previsti mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584, dan ma jistax, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-Parlament u r-Renju ta’ Spanja, jinftiehem bħala li jikkonstata li l-miżuri nazzjonali adottati minn dan l-Istat Membru, u mhux id-deċiżjonijiet ikkontestati, jikkostitwixxu l-kawża determinanti tad-dannu allegat mill-appellanti.

87

Għall-kuntrarju, mill-punt 78 ta’ dan id-digriet jirriżulta li l-punt 45 tad-digriet appellat għandu jinqara bħala li jafferma b’mod partikolari li l-mekkaniżmi previsti mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li dan il-punt isemmi, jimplikaw li l-okkorrenza tal-arrest tal-appellanti tiddependi minn fatturi differenti mit-tneħħija tal-immunità parlamentari tagħhom li tirriżulta mid-deċiżjonijiet ikkontestati.

88

Issa, mill-Artikolu 1(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas jirriżulta li l-mandat ta’ arrest Ewropew huwa deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru “bl-iskop ta’ l-arrest u l-konsenja” minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta.

89

Barra minn hekk, mill-Artikolu 11(1) u mill-Artikolu 17(3) tal-imsemmija deċiżjoni qafas jirriżulta li l-proċedura ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew normalment isseħħ wara l-arrest tal-persuna rikjesta mill-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.

90

Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mir-regola stabbilita fl-Artikolu 12 tal-istess deċiżjoni qafas, li jipprovdi li, meta persuna tiġi arrestata fuq il-bażi ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tiddeċiedi jekk għandhiex “tibqa’ fid-detenzjoni”.

91

Barra minn hekk, mill-Artikolu 12 u mill-Artikolu 17(5) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jirriżulta li, meta l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tiddeċiedi li ttemm id-detenzjoni tal-persuna rikjesta, hija għandha l-obbligu li tissuġġetta l-ħelsien provviżorju ta’ din il-persuna għal kull miżura li hija tqis neċessarja sabiex tevita li taħrab u li tiżgura ruħha li l-kundizzjonijiet materjali neċessarji għall-konsenja effettiva tagħha jibqgħu ssodisfatti sakemm ma tittieħed ebda deċiżjoni finali dwar l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, Lanigan, C‑237/15 PPU, EU:C:2015:474, punt 63).

92

Id-deċiżjoni dwar il-konsenja, li jirreferi għaliha l-punt 45 tad-digriet appellat, tapplika, min-naħa tagħha, konformement mal-Artikoli 15 u 17 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, fi tmiem il-proċedura ta’ eżekuzzjoni ta’ dan il-mandat ta’ arrest, jiġifieri wara l-arrest tal-persuna rikjesta, kif ukoll mal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet dwar iż-żamma tagħha taħt detenzjoni jew dwar il-ħelsien provviżorju tagħha.

93

Għaldaqstant, il-Viċi President tal-Qorti Ġenerali wettaq żball ta’ liġi meta ddeċieda li s-setgħat tal-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni msemmija f’dan il-punt 45 kienu jippermettu li jiġi stabbilit li l-arrest tal-appellanti kien jiddependi mis-seħħ ta’ diversi fatturi.

94

Għaldaqstant, l-ewwel aggravju għandu jintlaqa’ sa fejn jirrigwarda l-punt 45 tad-digriet appellat.

95

Madankollu, peress li l-motivi li jinsabu fil-punti 46 sa 57 tad-digriet appellat huma wkoll ta’ natura li jiġġustifikaw id-dispożittiv tiegħu, il-konstatazzjoni tal-iżball ta’ liġi li tivvizzja l-punt 45 ta’ dan id-digriet ma timplikax, waħedha, l-annullament tal-imsemmi digriet. Minn dan isegwi li t-tieni aggravju għandu jiġi eżaminat.

Fuq it‑tieni aggravju

L‑argumenti

96

It-tieni aggravju huwa maqsum f’ħames partijiet. L-ewwel nett, għandhom jiġu eżaminati flimkien l-ewwel tliet partijiet ta’ dan l-aggravju.

97

Permezz tal-ewwel parti tal-imsemmi motiv, l-appellanti jsostnu li l-eżistenza ta’ allerti lis-SIS II hija biżżejjed sabiex jiġi konkluż li huma kienu kkonfrontati b’riskju reali li jiġu arrestati u li jbatu, minħabba f’hekk, dannu gravi u irreparabbli. Fil-fehma tagħhom, l-awtoritajiet tal-pulizija tal-Istati Membri li ma waħħlux, skont l-Artikolu 25(2) tad-Deċiżjoni 2007/533, indikatur tal-validità fuq l-allerti lis-SIS II inkwistjoni jipproċedu, fil-fatt, għal tali arrest. Għaldaqstant, il-Viċi President tal-Qorti Ġenerali wettaq żball ta’ liġi meta ċaħad, fil-punt 55 tad-digriet appellat, ir-rilevanza tal-allerti lis-SIS II.

98

Permezz tat-tieni parti tat-tieni aggravju, l-appellanti jsostnu li l-Viċi President tal-Qorti Ġenerali impona livell ta’ prova għoli wisq billi eżiġa li huwa jippreżentaw provi tal-intenzjoni tal-Istati Membri li jipproċedu għall-arrest tagħhom, meta kien stabbilit li huma kienu s-suġġett ta’ allerti lis-SIS II. Fil-fatt, l-uniku “pass” li l-Istati Membri jistgħu jieħdu sabiex jeżegwixxu dawn l-allerti huwa preċiżament li jarrestaw lill-appellanti.

99

Permezz tat-tielet parti tat-tieni aggravju, l-appellanti jsostnu li l-fatt li l-eżekuzzjoni tal-mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa kontrihom hija sospiża ma jpoġġix indiskussjoni n-natura probabbli tar-riskju ta’ twettiq tad-dannu allegat. Il-Viċi President tal-Qorti Ġenerali bbaża ruħu fuq dak li għandhom jagħmlu l-awtoritajiet Spanjoli, filwaqt li kellu jibbaża ruħu fuq dak li effettivament għamlu. Issa, anki jekk dawn l-awtoritajiet kellhom jissospendu l-allerti lis-SIS II, il-fatt li dawn tal-aħħar kienu għadhom attivi huwa biżżejjed sabiex tiġi stabbilita n-natura probabbli tar-realizzazzjoni tad-dannu allegat. Komunikazzjonijiet tal-qorti istruttorja tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) lill-awtoritajiet Franċiżi u Taljani jikkonfermaw din l-analiżi.

100

Il-Parlament u r-Renju ta’ Spanja jitolbu li t-tieni aggravju jiġi miċħud, fl-ewwel tliet partijiet tiegħu.

101

Skont il-Parlament, l-ewwel tliet partijiet ta’ dan l-aggravju għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli, tal-inqas parzjalment, sa fejn, qabel kollox, huma intiżi sabiex jiksbu sempliċi eżami mill-ġdid tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, sussegwentement, huma jikkontestaw evalwazzjonijiet ta’ fatt magħmula mill-Viċi President tal-Qorti Ġenerali u, fl-aħħar nett, huma jibbażaw ruħhom fuq ċirkustanzi ta’ fatt li ma ġewx ippreżentati fl-ewwel istanza. Barra minn hekk, l-ewwel u t-tielet partijiet tal-imsemmi aggravju ma jirrigwardawx il-punti tad-digriet appellat li huma relatati magħhom.

102

Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-appellanti ma bbażawx ruħhom, fit-talba għal miżuri provviżorji, fuq it-twissijiet lis-SIS II jew fuq il-ħtieġa li jittieħed inkunsiderazzjoni r-riskju li dawn jiġu deċiżi fi Stat Membru differenti mir-Renju tal-Belġju, mir-Renju ta’ Spanja jew mir-Repubblika Franċiża. Għaldaqstant, huwa jqis li l-argumenti bbażati fuq dawn it-twissijiet jew fuq dan ir-riskju għandhom, minħabba f’hekk, jiġu miċħuda bħala inammissibbli. L-istess soluzzjoni għandha tiġi adottata fir-rigward tal-argumenti bbażati fuq il-komunikazzjonijiet tal-qorti istruttorja tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), li jinvokaw l-appellanti.

103

Ir-Renju ta’ Spanja jsostni, barra minn hekk, li r-regoli invokati mill-appellanti ma humiex tali li jinvalidaw il-konstatazzjoni tal-Viċi President tal-Qorti Ġenerali li tgħid li s-sospensjoni, mill-awtoritajiet Belġjani, tal-eżekuzzjoni tal-mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa kontra l-appellanti tippermetti li jiġi eskluż ir-riskju li huma jiġu kkonsenjati lill-awtoritajiet Spanjoli.

104

Barra minn hekk, il-Parlament u r-Renju ta’ Spanja jqisu li l-Viċi President tal-Qorti Ġenerali ma applikax standard ta’ prova wisq eżiġenti u li, għall-kuntrarju, huwa sempliċement applika l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li d-dannu allegat għandu jkun prevedibbli bi grad ta’ probabbiltà suffiċjenti.

105

Fi kwalunkwe każ, il-Parlament isostni li l-ewwel u t-tieni partijiet tat-tieni aggravju huma ineffettivi, peress li l-appellanti ma jikkontestawx il-kunsiderazzjonijiet tal-Viċi President tal-Qorti Ġenerali dwar is-sospensjoni tal-proċeduri kriminali mwettqa fi Spanja, meta dawn il-kunsiderazzjonijiet huma suffiċjenti sabiex jiġġustifikaw iċ-ċaħda tat-talba għal miżuri provviżorji.

Evalwazzjoni

106

Fir-rigward tal-argumenti tal-Parlament u tar-Renju ta’ Spanja intiżi sabiex jikkontestaw l-ammissibbiltà tal-ewwel tliet partijiet tat-tieni aggravju, għandu, fl-ewwel lok, jitfakkar li, skont l-Artikolu 256(1) TFUE, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 168(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkritikati tas-sentenza jew tad-digriet li qiegħed jintalab l-annullament tagħhom kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba. Appell li, mingħajr ma jinkludi argument intiż speċifikament sabiex jidentifika l-iżball ta’ liġi li bih ikunu vvizzjati s-sentenza jew id-digriet ikkontestati, sempliċement jirriproduċi l-motivi u l-argumenti li jkunu diġà ġew ippreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali, ma jissodisfax dan ir-rekwiżit. Fil-fatt, tali appell fil-verità jikkostitwixxi talba intiża sabiex jinkiseb sempliċi eżami mill-ġdid tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, li ma jaqax fil-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑10 ta’ Jannar 2018, Il-Kummissjoni vs RW, C‑442/17 P(R), mhux ippubblikat, EU:C:2018:6, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

107

F’dan il-każ, jidher li, permezz tal-ewwel tliet partijiet tat-tieni aggravju, l-appellanti jidentifikaw diversi żbalji li bihom huwa vvizzjat id-digriet appellat u jippreżentaw sensiela ta’ argumenti legali intiżi sabiex jistabbilixxu r-realtà ta’ dawn l-iżbalji. Minn dan isegwi li dawn l-ewwel tliet partijiet ma jistgħux jitqiesu bħala intiżi sabiex jinkiseb sempliċi eżami mill-ġdid tat-talba għal miżuri provviżorji mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali.

108

Għandu jiġi miċħud ukoll l-argument tal-Parlament li jgħid li l-ewwel u t-tielet partijiet tat-tieni aggravju għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli minħabba li ma jsemmux punti preċiżi tad-digriet appellat.

109

Minn naħa, mill-appell jirriżulta mingħajr ambigwità li l-ewwel parti tat-tieni aggravju tpoġġi indiskussjoni l-evalwazzjoni tal-Viċi President tal-Qorti Ġenerali, espressa fil-punti 46 sa 57 tad-digriet appellat, li tgħid li d-dannu allegat mill-appellanti ma kienx prevedibbli b’livell ta’ probabbiltà suffiċjenti, anki jekk dawn kienu s-suġġett ta’ allert lis-SIS II.

110

Min-naħa l-oħra, mill-appell jirriżulta b’mod ċar li t-tielet parti tat-tieni aggravju tirrigwarda l-punti 52 sa 56 tad-digriet appellat, li fihom il-Viċi President tal-Qorti Ġenerali espona l-effetti li għandhom jiġu rrikonoxxuti lis-sospensjoni tal-proċeduri kriminali mibdija fi Spanja.

111

Fit-tieni lok, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax, kif tfakkar fil-punt 70 ta’ dan id-digriet, tpoġġi indiskussjoni, waqt l-eżami ta’ appell, l-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi magħmula mill-Qorti Ġenerali, l-ewwel tliet partijiet tat-tieni aggravju ma jistgħux jitqiesu li huma intiżi sabiex jikkontestaw tali evalwazzjoni.

112

Minn naħa, permezz tal-ewwel u tat-tielet partijiet ta’ dan l-aggravju, l-appellanti jikkritikaw l-applikazzjoni, mill-Viċi President tal-Qorti Ġenerali, tar-rekwiżit marbut man-natura suffiċjentement probabbli tad-dannu allegat sabiex tiġi stabbilita l-urġenza. Tali argument, li ma jpoġġix indiskussjoni l-fatti stabbiliti fid-digriet appellat, għandu jitqies li jirrigwarda l-klassifikazzjoni legali ta’ dawn il-fatti fid-dawl tal-kriterji li jirregolaw l-applikazzjoni tal-kunċett ta’ urġenza fil-kuntest tal-proċeduri għal miżuri provviżorji (ara, b’analoġija, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad‑29 ta’ Marzu 2012, Golnisch vs Il-Parlament, C‑569/11 P(R), mhux ippubblikat, EU:C:2012:199, punt 27).

113

Min-naħa l-oħra, it-tieni parti tat-tieni motiv hija intiża sabiex tikkontesta l-livell ta’ prova li ġie impost fuq l-appellanti sabiex juru n-natura suffiċjentement probabbli tad-dannu invokat minnhom. Issa, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-ksur allegat tar-regoli applikabbli fil-qasam tal-prova jikkostitwixxi kwistjoni ta’ liġi li hija ammissibbli fl-istadju tal-appell (sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, EU:C:2008:392, punt 44 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

114

Fit-tielet lok, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 73 ta’ dan id-digriet jirriżulta li parti ma tistax tqajjem għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja motivi jew argumenti li hija ma invokatx quddiem il-Qorti Ġenerali.

115

Għaldaqstant, l-argumenti tal-partijiet ibbażati fuq l-arrest u d-detenzjoni ta’ C. Puigdemont i Casamajó li seħħew f’Sardegna kif ukoll fuq il-komunikazzjonijiet tal-qorti istruttorja tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) imsemmija fil-punt 99 ta’ dan id-digriet għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli, sa fejn dawn l-argumenti ma ġewx ippreżentati fl-ewwel istanza.

116

Min-naħa l-oħra, ma jistax jitqies li l-argumenti bbażati fuq l-eżistenza ta’ allerti lis-SIS II u fuq in-neċessità li jittieħed inkunsiderazzjoni r-riskju li l-appellanti jiġu arrestati fi Stat Membru differenti mir-Renju tal-Belġju, mir-Renju ta’ Spanja jew mir-Repubblika Franċiża ġew ippreżentati għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, fit-talba tagħhom għal miżuri provviżorji, l-appellanti kienu invokaw, diversi drabi, effetti prevedibbli tal-allerti lis-SIS II u kienu semmew, darbtejn, ir-riskju li jiġu arrestati mill-awtoritajiet ta’ kwalunkwe Stat Membru tal-Unjoni. Barra minn hekk, ir-realtà ta’ dan ir-riskju kienet ġiet esposta iktar fid-dettall fl-osservazzjonijiet magħmula mill-appellanti, fl-ewwel istanza, dwar in-nota ta’ intervent tar-Renju ta’ Spanja.

117

Għaldaqstant, għandha tiġi evalwata l-fondatezza tal-ewwel tliet partijiet tat-tieni motiv.

118

Mill-punti 46 sa 57 tad-digriet appellat jirriżulta li l-Viċi President tal-Qorti Ġenerali qies li l-eżistenza ta’ mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa kontra l-appellanti u tal-allerti lis-SIS II ma kinux biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li l-arrest tagħhom kien prevedibbli bi grad ta’ probabbiltà suffiċjenti.

119

B’mod partikolari, wara li eżamina l-miżuri adottati mill-awtoritajiet Belġjani sabiex jagħtu segwitu lill-mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa kontra l-appellanti u wara li qies li l-eżekuzzjoni ta’ dawn il-mandati ta’ arrest Ewropej kienet sospiża, il-Viċi President tal-Qorti Ġenerali qies, fil-punt 55 tad-digriet appellat, li l-fatt sostnut mill-appellanti li r-Renju ta’ Spanja ma kienx neħħa l-allerti lis-SIS II ma kienx ta’ natura li juri li l-proċedura kriminali inkwistjoni ma kinitx sospiża.

120

Fuq il-bażi, b’mod partikolari, ta’ dawn l-evalwazzjonijiet, il-Viċi President tal-Qorti Ġenerali ddeċieda, fil-punt 58 tal-imsemmi digriet, li d-dannu invokat mill-appellanti ma jidhirx li jista’ jiġi kklassifikat bħala dannu ċert jew stabbilit bi grad ta’ probabbiltà suffiċjenti u li, għaldaqstant, l-appellanti ma rnexxielhomx juru li l-kundizzjoni dwar l-urġenza kienet issodisfatta.

121

Issa, kif isostnu l-appellanti, l-eżistenza, fis-SIS II, ta’ allerti dwar persuni rikjesti għal arrest għall-finijiet ta’ konsenja timplika, bħala prinċipju, minnha nnifisha, obbligu li l-persuni kkonċernati minn tali twissijiet jiġu arrestati.

122

Fil-fatt, mill-Artikolu 31(1) tad-Deċiżjoni 2007/533, dwar l-eżekuzzjoni tal-aġir li għandu jittieħed mitlub f’tali allert, moqri flimkien mal-Artikolu 27 ta’ din id-deċiżjoni, jirriżulta li senjalazzjoni ta’ dan it-tip, flimkien mal-kopja tal-mandat ta’ arrest Ewropew li fuqu huwa bbażat, tikkostitwixxi u tipproduċi l-istess effetti bħal mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ konformement mad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, meta din tapplika.

123

Barra minn hekk, l-Artikolu 24(1) tad-Deċiżjoni 2007/533 jipprevedi li, jekk Stat Membru jqis li allert dwar persuni rikjesti intiż għall-arrest għall-finijiet ta’ konsenja ma huwiex kompatibbli mad-dritt nazzjonali tiegħu, mal-obbligi internazzjonali tiegħu jew mal-interessi nazzjonali essenzjali, huwa jista’ jeżiġi li jitwaħħal fuq dan l-allert indikatur ta’ validità intiż sabiex l-eżekuzzjoni tal-aġir li għandu jittieħed minħabba dan l-allert ma ssirx fit-territorju tiegħu.

124

Meta d-Deċiżjoni Qafas 2002/584 tkun tapplika, tali indikatur tal-validità jista’, skont l-Artikolu 25 tad-Deċiżjoni 2007/533, jitwaħħal fuq allert lis-SIS II biss jekk l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tkun irrifjutat l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew li għalih jirreferi dan l-allert, jew jekk awtorità ġudizzjarja kompetenti tkun talbet it-twaħħil ta’ dan l-indikatur ta’ validità jew abbażi ta’ istruzzjoni ġenerali jew jekk, f’każ partikolari, ikun evidenti li l-eżekuzzjoni ta’ dan il-mandat ta’ arrest Ewropew għandha tiġi rrifjutata.

125

Barra minn hekk, mill-Artikolu 30 tad-Deċiżjoni 2007/533 jirriżulta li, fil-każ fejn l-allert dwar persuni rikjesti bil-għan ta’ arrest għall-finijiet ta’ konsenja tkun inħarġet abbażi ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma jkunx ippreveda li ma kienx possibbli li jsir arrest ħlief fil-każ fejn indikatur ta’ validità jkun twaħħal konformement mal-proċeduri previsti fl-Artikoli 24 u 25 ta’ din id-deċiżjoni.

126

Minn dan isegwi li, ħlief sabiex jiġi stabbilit nuqqas sistematiku ta’ effettività tal-imsemmija deċiżjoni jew it-twaħħil ta’ indikatur ta’ validità minn kull wieħed mill-Istati Membri li l-persuna kkonċernata tista’ tmur fihom, liema ċirkustanzi ma ġewx ikkonstatati fid-digriet appellat, l-eżistenza, fis-SIS II, ta’ twissija dwar persuni rikjesti bil-għan ta’ arrest għall-finijiet ta’ konsenja timplika, fiha nnifisha, probabbiltà kbira ta’ arrest ta’ din il-persuna.

127

Peress li, kif tfakkar fil-punt 75 ta’ dan id-digriet, fil-kuntest ta’ proċeduri għal miżuri provviżorji, il-kundizzjoni dwar l-urġenza tista’ tiġi ssodisfatta mingħajr ma l-okkorrenza u l-imminenza tad-dannu allegat ma jkunu stabbiliti b’ċertezza assoluta, it-twettiq ta’ dannu allegat li jirriżulta minn arrest tal-persuni kkonċernati mill-allert li jikkonċerna lil persuni rikjesti bil-għan ta’ arrest għall-finijiet ta’ konsenja għandu, bħala prinċipju, f’tali sitwazzjoni, jitqies li huwa prevedibbli bi grad ta’ probabbiltà suffiċjenti.

128

Għaldaqstant, f’din is-sitwazzjoni, l-Imħallef għal miżuri provviżorji ma jistax validament jeżiġi mill-persuni kkonċernati minn dan l-allert li jippreżentaw provi addizzjonali sabiex tiġi stabbilita l-prevedibbiltà tal-arrest tagħhom.

129

B’mod partikolari, kuntrarjament għal dak li ddeċieda l-Viċi President tal-Qorti Ġenerali fil-punt 47 tad-digriet appellat, ma jistax jiġi mistenni minn dawn il-persuni li juru li awtoritajiet nazzjonali ta’ eżekuzzjoni għandhom l-intenzjoni li jikkonformaw ruħhom mal-obbligi tagħhom li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni.

130

Il-fatt li awtorità ġudizzjarja ta’ Stat Membru ma tkunx, matul perijodu determinat, segwiet mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra l-imsemmija persuni, kif ikkonstata l-Viċi President tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-appellanti fil-punti 48 sa 50 tad-digriet appellat, lanqas ma huwa ta’ natura li jirrendi insuffiċjentement probabbli arrest tal-istess persuni.

131

Fil-fatt, minn naħa, fl-assenza ta’ deċiżjoni definittiva, din iċ-ċirkustanza bl-ebda mod ma tippermetti li jiġi stabbilit li din l-awtorità ġudizzjarja finalment ma hijiex ser tikkonforma ruħha mal-obbligi tagħha li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, l-imsemmi fatt ma jagħti ebda indikazzjoni dwar l-attitudni li ser tiġi adottata mill-awtoritajiet ta’ Stati Membri oħra li l-persuni inkwistjoni jistgħu jmorru fihom.

132

Fir-rigward tas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa kontra l-appellanti, li jirreferu għaliha l-punti 51 sa 56 tad-digriet appellat, għandu jiġi kkonstatat li din ma għandha ebda konsegwenza fuq in-natura prevedibbli tal-arrest tal-appellanti skont l-allerti lis-SIS II, sakemm dawn ma jkunux ġew irtirati mill-awtoritajiet Spanjoli.

133

Barra minn hekk, anki jekk jitqies li l-evalwazzjoni magħmula mill-Viċi President tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 55 tad-digriet appellat, dwar ir-rilevanza tal-allerti lis-SIS II għandha tinqara fis-sens li timplika li r-Renju ta’ Spanja kien obbligat li jirtira dawn l-allerti wara t-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa fil-Kawża C‑158/21, għandu jiġi enfasizzat li l-grad ta’ probabbiltà li jseħħ dannu ma jistax, fid-dawl tas-suġġett tal-proċedura għal miżuri provviżorji, jiġi evalwat abbażi tal-preżunzjoni li deċiżjonijiet ta’ Stat Membru attwalment applikabbli ser jiġu rtirati minnu fil-qrib.

134

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, jidher li l-Viċi President tal-Qorti Ġenerali wettaq żball fir-rigward tal-klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti meta ddeċieda, fil-punt 46 tad-digriet appellat, li l-appellanti ma kinux urew li l-arrest tagħhom kien prevedibbli bi grad ta’ probabbiltà suffiċjenti.

135

Konsegwentement, l-ewwel tliet partijiet tat-tieni motiv għandhom jintlaqgħu.

136

Fir-rigward tal-konsegwenzi tal-iżbalji li bihom huma vvizzjati l-punti 45 u 46 tad-digriet appellat, għandu jitfakkar li mill-punt 41 ta’ dan id-digriet jirriżulta li l-appellanti invokaw dannu li jirriżulta miċ-ċaħda tal-libertà li tirriżulta kemm mill-arrest tagħhom kif ukoll mill-konsenja tagħhom lill-awtoritajiet Spanjoli.

137

Minn dan isegwi li l-evalwazzjoni tal-Viċi President tal-Qorti Ġenerali li tinsab fil-punt 58 ta’ dan id-digriet, li tgħid li l-appellanti ma rnexxilhomx jipprovaw li l-kundizzjoni dwar l-urġenza kienet issodisfatta, għandha neċessarjament tkun ibbażata fuq iċ-ċaħda tal-allegazzjoni tal-appellanti li tgħid li huma esposti għal riskju prevedibbli ta’ arrest li jista’ jikkawżalhom dannu gravi u irreparabbli.

138

Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Parlament, din l-evalwazzjoni ma tistax tkun ibbażata b’mod suffiċjenti fid-dritt fuq il-konstatazzjoni tal-Viċi President tal-Qorti Ġenerali li tgħid li r-riskju li l-appellanti jiġu kkonsenjati lill-awtoritajiet Spanjoli ma huwiex stabbilit bi grad suffiċjenti ta’ probabbiltà.

139

F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li l-motivi mogħtija fil-punti 42 u 43 tad-digriet appellat ma humiex relatati mar-riskju li l-appellanti jiġu arrestati fi Stat Membru differenti mir-Repubblika Franċiża, għandu jiġi kkonstatat li l-iżbalji li bihom huma vvizzjati l-punti 45 u 46 ta’ dan id-digriet iċaħħdu minn bażi suffiċjenti l-evalwazzjoni tal-Viċi President tal-Qorti Ġenerali li tinsab fil-punt 58 tal-imsemmi digriet.

140

Konsegwentement, jidher neċessarju li jiġi ddeterminat jekk is-sostituzzjonijiet tal-motivi proposti rispettivament mill-Parlament u mir-Renju ta’ Spanja jistgħux iservu ta’ bażi għad-dispożittiv tad-digriet ikkontestat.

Fuq it‑talba għal sostituzzjoni tal‑motivi tal‑Parlament

L‑argumenti

141

Il-Parlament, sostnut mir-Renju ta’ Spanja, jipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każ li hija tilqa’ l-motivi ppreżentati mill-appellanti, sostituzzjoni tal-motivi, billi tiddeċiedi li d-dannu marbut mar-riskju ta’ arrest invokat minnhom ma jikkostitwixxix dannu gravi u irreparabbli.

142

Huwa jsostni, f’dan ir-rigward, li l-approċċ propost mill-appellanti jmur kontra n-natura eċċezzjonali tal-miżuri provviżorji, billi jippermetti li jiġi stabbilit sistematikament li l-kundizzjoni ta’ urġenza hija ssodisfatta fil-każ fejn l-immunità ta’ membru tal-Parlament li jirrifjuta li jikkoopera mal-awtoritajiet nazzjonali titneħħa.

143

Barra minn hekk, peress li l-immunità parlamentari għandha l-għan li tevita kull ostakolu għall-funzjonament tajjeb tal-Parlament, l-appellanti kienu obbligati jistabbilixxu li d-deċiżjonijiet kontenzjużi kienu jirriskjaw li jostakolaw it-twettiq tal-missjonijiet tiegħu u li l-funzjonament tajjeb tal-Parlament kien jipprekludi kull ostakolu għall-eżerċizzju tal-mandat tagħhom. Issa, dawn bl-ebda mod ma stabbilixxew li l-miżuri koerċittivi li jistgħu jittieħdu minn Stat Membru kontra membru tal-Parlament jippreġudikaw l-indipendenza u l-funzjonament tajjeb ta’ din l-istituzzjoni.

144

L-appellanti jitolbu li t-talba għal sostituzzjoni tal-motivi ppreżentata mill-Parlament tiġi miċħuda.

Evalwazzjoni

145

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex talba għas-sostituzzjoni tal-motivi tkun ammissibbli, huwa meħtieġ li jkun hemm interess ġuridiku, fis-sens li din it-talba għandha tkun tali li, permezz tal-eżitu tagħha, tikseb vantaġġ għall-parti li tkun ressqitha. Dan jista’ jkun il-każ meta t-talba għas-sostituzzjoni ta’ motivi tkun tikkostitwixxi difiża kontra motiv imqajjem mill-appellanti (sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, Bernis et vs SRB, C‑364/20 P, mhux ippubblikata, EU:C:2022:115, punt 37 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

146

Kif tfakkar fil-punt 75 ta’ dan id-digriet, hija l-parti li titlob il-miżura provviżorja li għandha tippreżenta l-prova li hija ma tistax tistenna l-eżitu tal-proċedura fuq il-mertu mingħajr ma tbati dannu gravi u irreparabbli.

147

Għaldaqstant, minkejja li l-Viċi President tal-Qorti Ġenerali qies b’mod żbaljat li l-arrest tal-appellanti ma kienx prevedibbli bi grad ta’ probabbiltà suffiċjenti, l-evalwazzjoni li tgħid li l-kundizzjoni dwar l-urġenza ma kinitx issodisfatta għandha madankollu tiġi kkonfermata jekk dan l-arrest ma setax jikkawża dannu gravi u irreparabbli lill-appellanti.

148

It-talba għal sostituzzjoni tal-motivi mressqa mill-Parlament għandha għalhekk titqies li hija ammissibbli.

149

Kif ġustament irrilevat din l-istituzzjoni, l-immunità tal-membri tal-Parlament tingħata esklużivament fl-interess tal-Unjoni. Din l-immunità għandha l-għan iktar preċiż li tevita kull ostakolu għall-funzjonament tajjeb ta’ din l-istituzzjoni u għalhekk għall-kompetenzi tagħha. Konsegwentement, Membru tal-Parlament, ikkonfrontat b’deċiżjoni ta’ tneħħija tal-immunità tiegħu, ma jistax jinvoka b’mod utli, bħala dannu gravi u irreparabbli kkawżat lilu direttament minn din id-deċiżjoni, li l-preġudizzju li tikkawża l-imsemmija deċiżjoni jirrigwarda mhux biss lid-dritt tiegħu li jeżerċita b’mod liberu l-mandat tiegħu, iżda wkoll lill-funzjonament tajjeb tal-Parlament (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad‑29 ta’ Marzu 2012, Golnisch vs Il-Parlament, C‑569/11 P(R), mhux ippubblikat, EU:C:2012:199, punt 29).

150

Ir-riskju li jseħħ dannu gravi u irreparabbli għalhekk seta’ jiġi eskluż f’sitwazzjoni fejn it-tneħħija tal-immunità ta’ membru tal-Parlament seħħet fi stadju bikri ta’ proċedura kriminali mibdija kontrih, mingħajr ma jiġi stabbilit li l-iżvolġiment attwali jew previżjonali ta’ din il-proċedura jista’ jostakola b’mod konkret l-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ dan il-membru tal-Parlament, bħall-parteċipazzjoni tiegħu f’sessjonijiet, fi vvjaġġar parlamentari jew fir-redazzjoni ta’ rapporti, u li l-interessi marbuta mal-funzjonament tajjeb tal-Parlament jipprekludu l-eżerċizzju sħiħ tiegħu (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad‑29 ta’ Marzu 2012, Golnisch vs Il-Parlament, C‑569/11 P(R), mhux ippubblikat, EU:C:2012:199, punt 30).

151

Din is-soluzzjoni ma tistax tiġi trasposta għal sitwazzjoni li fiha l-proċedura kriminali li ġġustifikat it-tneħħija tal-immunità parlamentari tkun diġà wasslet għall-ħruġ, fil-konfront tal-membri kkonċernati tal-Parlament, ta’ mandati ta’ arrest Ewropej u ta’ twissijiet li jikkonċernaw lil persuni rikjesti sabiex jiġu arrestati għall-finijiet ta’ konsenja.

152

Fil-fatt, il-miżuri adottati b’dan il-mod huma ta’ natura, fil-każ tat-tneħħija tal-immunità parlamentari, li jwasslu, b’applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u tad-Deċiżjoni 2007/533, għall-arrest tal-membri kkonċernati tal-Parlament u għaż-żamma tagħhom f’detenzjoni, jekk ikun il-każ għal diversi ġimgħat, fl-istennija tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar il-konsenja tagħhom.

153

Tali ċaħda tal-libertà, li barra minn hekk tista’ tirrepeti ruħha diversi drabi u tintervjeni f’diversi Stati Membri, tista’ tostakola l-possibbiltà, għall-membri kkonċernati tal-Parlament, li jwettqu l-attivitajiet inerenti fl-eżerċizzju tal-mandat tagħhom, bħall-parteċipazzjoni fi vjaġġi parlamentari jew it-twettiq ta’ spostamenti neċessarji fil-kuntest tar-redazzjoni ta’ rapporti, u, għaldaqstant, li tippreġudika l-funzjonament tajjeb tal-Parlament. Fid-dawl tan-natura tal-attivitajiet ta’ membru parlamentari Ewropew u tal-vokazzjoni tiegħu li jwettaq dawn l-attivitajiet fl-Unjoni kollha, l-eżistenza ta’ tali ostakolu għall-eżerċizzju tal-mandat ta’ membru tal-Parlament għandha tiġi kkonstatata mingħajr ma l-persuna li tinvokaha ma tkun meħtieġa li tippreżenta provi preċiżi dwar l-attivitajiet konkreti li hija jista’ jkollha twettaq fi Stati Membri differenti minn dawk li fihom jiżvolġu s-sessjonijiet parlamentari.

154

Għandu jingħad ukoll li, peress li l-membri kkonċernati tal-Parlament ma kienx ikollhom, kieku ma kienx hemm sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet li titneħħa l-immunità tagħhom f’tali każ, il-possibbiltà li jwettqu b’mod sħiħ l-eżerċizzju tal-funzjoni tagħhom bħala Membru tal-Parlament Ewropew sat-tmiem tal-mandat tagħhom, id-dannu mġarrab b’dan il-mod għandu natura irreparabbli (ara, b’analoġija, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑31 ta’ Lulju 2003, Le Pen vs Il-Parlament, C‑208/03 P-R, EU:C:2003:424, punt 102).

155

Għaldaqstant, għandu jitqies li l-arrest ta’ membru tal-Parlament u ż-żamma tiegħu taħt detenzjoni, jekk ikun il-każ għal diversi ġimgħat, fl-istennija tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar il-konsenja tiegħu hija ta’ natura li tikkawżalu dannu gravi u irreparabbli.

156

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, it-talba għal sostituzzjoni ta’ motivi mressqa mill-Parlament għandha tiġi miċħuda.

Fuq it‑talba għas‑sostituzzjoni tal‑motivi tar‑Renju ta’ Spanja

L‑argumenti

157

Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-punt 43 tad-digriet appellat huwa vvizzjat bi żball ta’ liġi fir-rigward tal-portata tad-deċiżjonijiet kontenzjużi u jipproponi, konsegwentement, lill-Qorti tal-Ġustizzja, li tissostitwixxi l-motivi billi tħassar dan il-punt 43.

158

Prinċipalment, huwa jikkritika lill-Viċi President tal-Qorti Ġenerali talli eċċeda l-funzjoni ta’ imħallef għal miżuri provviżorji meta ta interpretazzjoni tad-deċiżjonijiet kontenzjużi li, essenzjalment, tgħid li għandha tittieħed deċiżjoni dwar wieħed mill-motivi mressqa mill-appellanti fil-kuntest tar-rikors għal annullament tagħhom.

159

Sussidjarjament, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li d-deċiżjonijiet kontenzjużi neħħew b’mod sħiħ l-immunità tal-appellanti u li ma jistax jitqies li dawn tal-aħħar għadhom jistgħu jinvokaw allegata “immunità ta’ traġitt”, li bl-ebda mod ma hija prevista mill-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni.

160

Barra minn hekk, ir-Renju ta’ Spanja jqis li huwa neċessarju li tiġi emendata l-ewwel sentenza tal-punt 52 tad-digriet appellat, sa fejn din is-sentenza tinkludi interpretazzjoni żbaljata tan-nota ta’ intervent tiegħu ppreżentata fl-ewwel istanza.

161

L-appellanti jitolbu li t-talba għas-sostituzzjoni tal-motivi ppreżentata mir-Renju ta’ Spanja tiġi miċħuda.

Evalwazzjoni

162

Kif tfakkar fil-punt 145 ta’ dan id-digriet, talba għas-sostituzzjoni tal-motivi hija ammissibbli biss jekk din tista’, bl-eżitu tagħha, tagħti benefiċċju lill-parti li tkun ressqitha.

163

F’dan il-każ, it-talba għas-sostituzzjoni tal-motivi ppreżentata mir-Renju ta’ Spanja hija intiża għat-tneħħija tal-punt 43 tad-digriet appellat u għall-emenda tal-ewwel sentenza tal-punt 52 ta’ dan id-digriet.

164

Fl-ewwel lok, fil-punt 43 tal-imsemmi digriet, il-Viċi President tal-Qorti Ġenerali, essenzjalment, iddeċieda li d-deċiżjonijiet kontenzjużi ma kinux neħħew l-immunità mogħtija mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni. Minn dan huwa ddeduċa li l-appellanti ma setgħux jinvokaw allegat riskju li jiġu arrestati waqt ċaqliq intiż biex jipparteċipaw f’sessjoni parlamentari fi Strasbourg jew sabiex jiġu lura.

165

Is-sostituzzjoni eventwali tal-motivi hekk magħżula mill-Viċi President tal-Qorti Ġenerali ma hijiex ta’ natura li tagħti benefiċċju lir-Renju ta’ Spanja fil-kuntest ta’ din il-proċedura.

166

Fil-fatt, li jitqies, kif jissuġġerixxi r-Renju ta’ Spanja, li d-deċiżjonijiet kontenzjużi neħħew l-immunità parlamentari b’mod sħiħ tal-appellanti, jew tal-inqas li ma jiġix eskluż li għandhom tali effett, iwassal sabiex jiġi kkonstatat li l-arrest tal-appellanti huwa wkoll probabbli fit-territorju tar-Repubblika Franċiża, u li d-dannu li dawn jistgħu jinvokaw huwa aggravat iktar bil-fatt li d-deċiżjonijiet ikkontestati jistgħu jikkostitwixxu ostakolu għall-parteċipazzjoni tagħhom fis-sessjonijiet parlamentari.

167

Min-naħa l-oħra, is-sostituzzjoni tal-motivi proposta mir-Renju ta’ Spanja ma hijiex ta’ natura li tissostitwixxi l-iżbalji mwettqa mill-Qorti Ġenerali fil-punti 44 u 45 tad-digriet appellat.

168

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-emenda tal-motiv stabbilit fl-ewwel sentenza tal-punt 52 tad-digriet appellat, għandu jiġi kkonstatat li din lanqas ma hija ta’ natura li tagħti benefiċċju lir-Renju ta’ Spanja.

169

Fil-fatt, din l-emenda tippermetti biss li jiġi kkoreġut żball li allegatament wettaq il-Viċi President tal-Qorti Ġenerali fl-interpretazzjoni tal-osservazzjonijiet bil-miktub tar-Renju ta’ Spanja, iżda ma taffettwax il-konstatazzjoni tal-fatti magħmula fid-digriet appellat jew fuq il-klassifikazzjoni tagħhom.

170

Minn dan isegwi li t-talba għas-sostituzzjoni tal-motivi ppreżentata mir-Renju ta’ Spanja għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli u, għaldaqstant, id-digriet appellat għandu jiġi annullat fl-intier tiegħu, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati r-raba’ u l-ħames partijiet tat-tieni aggravju.

Fuq l‑appell inċidentali

171

Peress li d-digriet appellat huwa annullat fl-intier tiegħu, l-appell inċidentali tilef l-iskop tiegħu u għalhekk ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni fuqu (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2022, Il-Kummissjoni vs European Food et, C‑638/19 P, EU:C:2022:50, punt 148 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

Fuq it‑talba għal miżuri provviżorji ppreżentata quddiem il‑Qorti Ġenerali

172

Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, hija tista’ jew tiddeċiedi definittivament il-kawża hija stess, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tagħti deċiżjoni. Din id-dispożizzjoni tapplika wkoll għall-appelli ppreżentati skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 57 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑10 ta’ Settembru 2020, Il-Kunsill vs Sharpston, C‑424/20 P(R), mhux ippubblikat, EU:C:2020:705, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

173

F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-elementi neċessarji sabiex tiddeċiedi definittivament dwar it-talba għal miżuri provviżorji mressqa mill-appellanti.

174

Fil-fatt, sa fejn il-partijiet setgħu, matul il-proċedura tal-ewwel istanza, jieħdu pożizzjoni b’mod komplet fuq it-tliet kundizzjonijiet li huwa suġġett għalihom l-għoti ta’ miżuri provviżorji, il-fatt li l-Viċi President tal-Qorti Ġenerali eżamina biss waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma jistax jipprekludi lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tiddeċiedi definittivament hija stess fuq it-talba għal miżuri provviżorji.

175

Għal dan il-għan, għandu jitfakkar li l-Artikolu 156(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jipprovdi li t-talbiet għal miżuri provviżorji għandhom jispeċifikaw is-suġġett tal-kawża, iċ-ċirkustanzi li jistabbilixxu l-urġenza, kif ukoll il-motivi ta’ fatt u ta’ liġi li jiġġustifikaw prima facie l-adozzjoni tal-miżura provviżorja mitluba. B’hekk, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni u l-miżuri provviżorji l-oħra jistgħu jingħataw mill-Imħallef għal miżuri provviżorji jekk jiġi stabbilit li l-għoti tagħhom ikun prima facie ġġustifikat fil-fatt u fil-liġi (fumus boni juris) u li huma jkunu urġenti, fis-sens li jkun neċessarju, sabiex jiġi evitat dannu gravi u irreparabbli għall-interessi tal-parti li tkun talbithom, li jiġu deċiżi u li jipproduċu l-effetti tagħhom sa minn qabel id-deċiżjoni dwar il-mertu. Dawn il-kundizzjonijiet huma kumulattivi, b’tali mod li t-talbiet għal miżuri provviżorji għandhom jiġu miċħuda jekk waħda minnhom ma tkunx issodisfatta. L-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu jagħmel ukoll, jekk ikun il-każ, ibbilanċjar tal-interessi involuti (digrieti tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑16 ta’ Lulju 2021, Symrise vs ECHA, C‑282/21 P(R), mhux ippubblikat, EU:C:2021:631, punt 26).

Fuq l‑ammissibbiltà tar‑rikors fil‑kawża prinċipali

L‑argumenti

176

Il-Parlament jesprimi “dubji serji” fir-rigward tal-ammissibbiltà tar-rikors fil-kawża prinċipali. Minn naħa, kull wieħed mit-tliet appellanti jista’ jitlob biss l-annullament tad-deċiżjoni li tikkonċernah u mhux ta’ dawk li jikkonċernaw lill-appellanti l-oħra. Min-naħa l-oħra, l-appellanti ma jispeċifikawx sa fejn kull wieħed mill-motivi li huma jqajmu japplika għal kull waħda mid-deċiżjonijiet ikkontestati.

Evalwazzjoni

177

Għandu jitfakkar li l-ammissibbiltà tar-rikors fil-kawża prinċipali ma għandhiex, bħala prinċipju, tiġi eżaminata fil-kuntest ta’ proċeduri għal miżuri provviżorji taħt piena ta’ preġudizzju fil-mertu tal-kawża. Madankollu, jekk titqajjem l-inammissibbiltà manifesta tar-rikors, huwa l-Imħallef għal miżuri provviżorji li għandu jistabbilixxi li, prima facie, ir-rikors għandu provi li jippermettu li tiġi konkluża, b’ċerta probabbiltà, l-ammissibbiltà tiegħu (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑26 ta’ Ġunju 2003, Il-Belġju u Forum 187 vs Il-Kummissjoni, C‑182/03 R u C‑217/03 R, EU:C:2003:385, punt 98).

178

F’dan il-każ, il-Parlament sempliċement indika “dubji serji” fir-rigward tal-ammissibbiltà tar-rikors fil-kawża prinċipali, essenzjalment dwar il-fatt li kull wieħed mill-appellanti ma għandux locus standi kontra d-deċiżjonijiet li jikkonċernaw lill-appellanti l-oħra u l-preżentazzjoni ta’ wħud mill-motivi tar-rikors għal annullament.

179

Għaldaqstant jidher li l-Parlament ma sostniex li r-rikors fil-kawża prinċipali huwa manifestament inammissibbli u li lanqas ma ppreżenta elementi li jippermettu, fil-kuntest tal-eżami sommarju tal-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors li għandu jagħmel l-Imħallef għal miżuri provviżorji, li jitqies li l-imsemmi rikors huwa probabbilment inammissibbli fl-intier tiegħu.

180

Minn dan isegwi li t-talba għal miżuri provviżorji ma tistax tiġi miċħuda minħabba l-inammissibbiltà tar-rikors fil-kawża prinċipali.

Fuq il‑fumus boni juris

L‑argumenti

181

Sabiex jistabbilixxu l-fumus boni juris, l-appellanti jinvokaw tmien motivi ppreżentati insostenn tar-rikors fil-kawża prinċipali.

182

Fl-argumenti tagħhom dwar it-tielet minn dawn il-motivi, li għandhom jiġu eżaminati qabel kollox, l-appellanti jsostnu b’mod partikolari li l-proċedura segwita għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet kontenzjużi kisret il-prinċipju ta’ imparzjalità li tirriżulta mill-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, moqri flimkien mal-Artikolu 39(2) tagħha.

183

Il-punt 8 tal-Komunikazzjoni lill-membri tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali tal-Parlament, tad‑19 ta’ Novembru 2019, li tistabbilixxi l-prinċipji applikabbli għall-applikazzjonijiet għat-tneħħija tal-immunità, jipprevedi li l-funzjoni ta’ relatur hija suġġetta għal rotazzjoni b’mod ugwali bejn il-gruppi politiċi, iżda jeskludi li dan jista’ jappartjeni għall-istess grupp politiku jew ikun ġie elett fl-istess Stat Membru bħall-membru tal-Parlament li l-immunità tiegħu tkun inkwistjoni.

184

Issa, ir-relatur tad-deċiżjonijiet ikkontestati kien membru tal-istess grupp politiku bħall-partit politiku VOX, li jeżerċita l-actio popolaris fil-proċeduri kriminali mmexxija kontra l-appellanti. Huwa ppreseda wkoll laqgħa ta’ dan il-partit politiku li matulha huwa sostna s-slogan “Puigdemont fil-ħabs”.

185

Barra minn hekk, il-President tal-Kumitat JURI u l-partit tiegħu wrew ostilità feroċi fir-rigward tal-appellanti u kienu wettqu strateġija intiża sabiex iwaqqfu lil dawn milli jipparteċipaw fil-Parlament wara l-elezzjoni tagħhom.

186

Il-Parlament isostni li proċedura dwar it-tneħħija tal-immunità ta’ membru ta’ din l-istituzzjoni hija ta’ natura politika u li għalhekk ma tistax tiġi rregolata mill-istess regoli bħal proċedura dixxiplinari jew ġudizzjarja. Konsegwentement, il-fatt li r-relatur u l-President tal-Kumitat JURI jappartjenu lil grupp politiku differenti minn dak tal-membru tal-Parlament ikkonċernat ma jikkostitwixxix fih innifsu ksur tal-prinċipju ta’ imparzjalità.

187

Għall-istess raġunijiet, il-fatt li r-relatur u l-President tal-Kumitat JURI allegatament għamlu dikjarazzjonijiet politiċi li jiddevjaw mill-programm politiku difiż mill-appellanti huwa irrilevanti. Barra minn hekk, l-allegazzjonijiet ta’ dawn tal-aħħar f’dan ir-rigward ma humiex sostnuti minn elementi tanġibbli.

Evalwazzjoni

188

Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kundizzjoni dwar il-fumus boni juris hija ssodisfatta meta mill-inqas wieħed mill-motivi invokati mill-parti li titlob il-miżuri provviżorji insostenn tar-rikors fuq il-mertu jidher, prima facie, li ma huwiex nieqes minn bażi serja. Dan huwa b’mod partikolari l-każ meta wieħed minn dawn il-motivi jiżvela l-eżistenza ta’ kwistjonijiet ta’ liġi kumplessi li s-soluzzjoni tagħhom ma hijiex ovvja u għalhekk timmerita eżami fil-fond, li ma jistax jitwettaq mill-Imħallef għal miżuri provviżorji, iżda għandu jkun is-suġġett tal-proċedura fuq il-mertu, jew meta d-diskussjoni bejn il-partijiet tiżvela l-eżistenza ta’ kontroversja legali importanti li s-soluzzjoni tagħha ovvjament ma tkunx evidenti (digriet tas‑17 ta’ Diċembru 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, C‑619/18 R, EU:C:2018:1021, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

189

Fl-ewwel lok, il-partijiet ma jaqblux dwar l-applikabbiltà stess tal-prinċipju ta’ imparzjalità għar-relatur u għall-President tal-Kumitat JURI, fil-kuntest ta’ proċedura dwar talba għat-tneħħija tal-immunità ta’ membru tal-Parlament.

190

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li dan il-punt ta’ liġi għadu ma ġiex deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja.

191

Barra minn hekk, l-applikazzjoni għal tali proċedura tar-rekwiżiti proċedurali kollha li jirregolaw, b’mod ġenerali, il-proċeduri amministrattivi ma tistax, fid-dawl tan-natura eminentement politika tal-proċeduri parlamentari, titqies li hija meħtieġa, prima facie, neċessarjament.

192

Madankollu, peress li d-deċiżjoni għat-tneħħija tal-immunità ta’ membru tal-Parlament iċċaħħdu minn element essenzjali tal-istatus ta’ membru tal-Parlament Ewropew, li jibbenefika lill-membri ta’ din l-istituzzjoni b’mod ugwali matul il-perijodu kollu tas-sessjonijiet ta’ leġiżlatura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Junqueras Vies, C‑502/19, EU:C:2019:1115, punt 78), il-proċedura li tista’ twassal għall-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni għandha neċessarjament tiżgura lill-membru parlamentari Ewropew ikkonċernat garanziji individwali suffiċjenti.

193

Barra minn hekk, l-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jipprovdi li kull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b’mod imparzjali mill-istituzzjonijiet, mill-korpi u mill-organi tal-Unjoni, mingħajr ma tagħmel distinzjoni bejn l-istituzzjonijiet ikkonċernati jew skont il-proċedura li fil-kuntest tagħha dawn il-kawżi jiġu ttrattati.

194

Għalkemm l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għal proċedura dwar siġġu vakanti fil-Parlament minħabba t-telf tal-mandat ta’ membru ta’ din l-istituzzjoni ċertament ġiet eskluża, din is-soluzzjoni ma kinitx ibbażata fuq in-natura politika ta’ din il-proċedura, iżda fuq l-assenza totali ta’ marġni ta’ diskrezzjoni li għandu l-Parlament fil-kuntest tagħha (digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑8 ta’ Ottubru 2020, Junqueras i Vies vs Il-Parlament, C‑201/20 P(R), mhux ippubblikat, EU:C:2020:818, punti 9394).

195

Issa, peress li la l-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni u lanqas ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament ma jiddefinixxu preċiżament f’liema każijiet l-immunità ta’ membru ta’ din l-istituzzjoni għandha titneħħa, il-Parlament għandu a priori setgħa diskrezzjonali wiesgħa meta jiddeċiedi dwar talba għat-tneħħija tal-immunità ta’ wieħed minn dawn il-membri.

196

Il-prinċipju stabbilit fil-punt 8 tal-Komunikazzjoni lill-membri tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali tal-Parlament, imsemmija fil-punt 183 ta’ dan id-digriet, li jgħid li r-relatur ma għandux jappartjeni għall-istess grupp politiku jew ikun ġie elett fl-istess Stat Membru bħall-membru tal-Parlament li l-immunità tiegħu hija inkwistjoni, juri wkoll li l-prattiki tal-Parlament huma intiżi preċiżament sabiex jiggarantixxu tal-inqas ċertu grad ta’ imparzjalità lir-relatur.

197

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, għandu jitqies li l-applikabbiltà tal-prinċipju ta’ imparzjalità għar-relatur u għall-President tal-Kumitat JURI fil-kuntest ta’ proċedura dwar talba għat-tneħħija tal-immunità ta’ membru tal-Parlament tikkostitwixxi kwistjoni li dwarha hemm kontroversja legali importanti li s-soluzzjoni tagħha ma hijiex ovvja.

198

Fit-tieni lok, fil-każ li tiġi stabbilita din l-applikabbiltà, l-eżami tat-tielet motiv tar-rikors fil-kawża prinċipali jimplika li jiġi ddeterminat jekk l-elementi mressqa mill-appellanti humiex suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit ksur tal-prinċipju ta’ imparzjalità.

199

Konformement ma’ dan il-prinċipju, huma l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni li għandhom jikkonformaw ruħhom mar-rekwiżit ta’ imparzjalità, fiż-żewġ komponenti tiegħu li huma, minn naħa, l-imparzjalità suġġettiva, li skontha ebda membru tal-istituzzjoni kkonċernata ma għandu juri li ħa pożizzjoni jew li għandu preġudizzju personali, u, min-naħa l-oħra, l-imparzjalità oġġettiva, li skontha din l-istituzzjoni għandha toffri garanziji suffiċjenti sabiex jiġi eskluż kull dubju leġittimu fir-rigward ta’ eventwali preġudizzju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2021, Dalli vs Il-Kummissjoni, C‑615/19 P, EU:C:2021:133, punt 112 u l-ġurisprudenza ċċitata).

200

F’dan il-każ, l-aġir tar-relatur u tal-President tal-Kumitat JURI li jirreferu għalih l-appellanti huma, prima facie, ta’ natura li juru li ttieħdet pożizzjoni jew li jeżisti preġudizzju personali sfavorevoli fil-konfront tagħhom.

201

Madankollu, hija l-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu li għandha tevalwa jekk ir-realtà ta’ dan l-aġir hijiex stabbilita, sa fejn il-Parlament isostni li d-dokumenti ppreżentati mill-appellanti ma jistabbilixxuhx, mingħajr madankollu ma jiċħad li l-aġir imsemmi kien jeżisti.

202

Barra minn hekk, ma huwiex ikkontestat li l-partit politiku VOX jinsab f’sitwazzjoni għal kollox partikolari, sa fejn huwa għandu rwol dirett fil-proċeduri kriminali mibdija kontra l-appellanti u sa fejn huwa jipparteċipa direttament, f’dan ir-rigward, fil-proċedura għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑158/21.

203

Bl-istess mod, kif indikat fl-annessi tat-talba għal miżuri provviżorji, mid-digriet tad‑19 ta’ Novembru 2020, Buxadé Villalba et vs Il-Parlament (T‑32/20, mhux ippubblikat, EU:T:2020:552), jirriżulta li membri tal-Parlament li jappartjenu lil dan il-partit ippreżentaw quddiem il-Qorti Ġenerali rikors intiż għall-annullament tal-adozzjoni tal-att, mill-Parlament, tal-elezzjoni bħala Membri Ewropej ta’ tnejn mill-appellanti.

204

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi eskluż, wara l-eżami sommarju li għandu l-Imħallef għal miżuri provviżorji, li l-appartenenza tar-relatur fi grupp politiku li fi ħdanu jinsabu l-membri parlamentari Ewropej tal-partit politiku VOX hija ta’ natura li toħloq dubju leġittimu dwar eventwali preġudizzju sfavorevoli għall-appellanti.

205

Konsegwentement, mingħajr ma tiddeċiedi f’dan l-istadju fuq il-fondatezza tat-tielet motiv, li jaqa’ taħt il-funzjoni tal-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu biss, jidher li dan ma jistax jitqies li huwa nieqes minn natura serja.

206

Peress li dan l-aggravju huwa ta’ natura, kieku kellu jintlaqa’ mill-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu, li jwassal għall-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati, għandu jitqies li l-kundizzjoni dwar il-fumus boni juris hija ssodisfatta.

Fuq l‑urġenza

L‑argumenti

207

Sabiex jiġi stabbilit li l-kundizzjoni dwar l-urġenza hija ssodisfatta, l-appellanti jsostnu li l-arrest probabbli tagħhom segwit, jekk ikun il-każ, mill-konsenja tagħhom lill-awtoritajiet Spanjoli, jikkawżalhom dannu gravi u irreparabbli, billi jippreġudikaw id-dritt tagħhom li jeżerċitaw il-funzjoni tagħhom bħala Membru tal-Parlament Ewropew.

208

Il-kombinazzjoni bejn id-deċiżjonijiet ikkontestati, minn naħa, u l-mandati ta’ arrest Ewropej kif ukoll l-allerti lis-SIS II maħruġa kontrihom, min-naħa l-oħra, tesponi lill-appellanti għal riskju kbir ta’ arrest u ta’ konsenja lill-awtoritajiet Spanjoli minħabba l-obbligi li dawn il-mandati ta’ arrest Ewropej u dawn l-allerti jimponu fuq l-awtoritajiet tal-Istati Membri kollha. Dan ir-riskju jista’ jseħħ waqt ċaqliq lejn Strasbourg sabiex jipparteċipaw fis-sessjonijiet parlamentari, iżda wkoll waqt diversi attivitajiet li l-appellanti huma msejħa jeżerċitaw fl-Unjoni kollha bħala Membri tal-Parlament Ewropej.

209

Jekk C. Puigdemont i Casamajó, fil-passat, seta’ jivvjaġġa f’diversi Stati Membri mingħajr ma ġie arrestat, din is-sitwazzjoni hija spjegata mill-fatt li dan ma kienx kopert minn mandat ta’ arrest Ewropew bejn ix-xahar ta’ Ottubru 2017 u l-elezzjoni tiegħu fil-Parlament Ewropew. Huwa ma vvjaġġax fi Stat Membru ieħor ħlief ir-Renju tal-Belġju filwaqt li kien ikkonċernat minn tali mandat ta’ arrest Ewropew biss fix-xahar ta’ Marzu 2018, u dan jispjega għalfejn huwa kien ġie interrogat mill-awtoritajiet Ġermaniżi.

210

L-argument imressaq mir-Renju ta’ Spanja li jgħid li l-eżekuzzjoni tal-mandati ta’ arrest Ewropej hija sospiża minħabba t-tressiq, mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), ta’ talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, għandu, barra minn hekk, jiġi miċħud. Fil-fatt, tali sospensjoni ma tirriżultax mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-awtoritajiet Spanjoli ddeċidew li jżommu l-allerti lis-SIS II, u b’hekk urew li huma għad għandhom l-intenzjoni li jiksbu l-eżekuzzjoni tal-mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa kontra l-appellanti.

211

Fl-aħħar nett, l-appellanti jqisu li annullament eventwali tad-deċiżjonijiet ikkontestati jseħħ tard wisq sabiex jipproteġihom kontra r-riskju li huma jinvokaw u għalhekk ma huwiex suffiċjenti sabiex jippermettilhom jeżerċitaw il-mandat tagħhom ta’ membru tal-Parlament Ewropew.

212

Il-Parlament Ewropew isostni, fl-ewwel lok, li d-deċiżjonijiet ikkontestati ma jikkostitwixxux il-kawża determinanti tad-dannu allegat mill-appellanti. Dan jirriżulta mid-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet Spanjoli, peress li d-deċiżjonijiet ikkontestati jillimitaw ruħhom li jeliminaw wieħed mill-ostakoli proċedurali għall-eżekuzzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet.

213

Fit-tieni lok, il-Parlament isostni li s-sitwazzjoni fil-Belġju tippreżenta rilevanza speċifika, peress li, minn naħa, minn tal-inqas tnejn mill-appellanti jidhru li jirrisjedu hemmhekk u, min-naħa l-oħra, il-Membri tal-Parlament Ewropew jaħdmu parzjalment hemmhekk. Issa, l-awtoritajiet ġudizzjarji Belġjani kontinwament ċaħdu l-eżekuzzjoni definittiva tal-mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa kontra l-appellanti, anki qabel ma kienu jibbenefikaw minn immunità parlamentari, u kontra persuni oħra mfittxija għal fatti konnessi. Bidla fil-pożizzjoni ta’ dawn l-awtoritajiet ġudizzjarji hija improbabbli ħafna sakemm tingħata d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C‑158/21.

214

Fit-tielet lok, filwaqt li d-deċiżjonijiet ikkontestati huma nieqsa minn effetti fi Spanja, l-appellanti ma jurux li huma effettivament jirriskjaw li jiġu arrestati u kkonsenjati lill-awtoritajiet Spanjoli minn Stati Membri differenti mir-Renju tal-Belġju, filwaqt li huma jivvjaġġaw regolarment fl-Unjoni. Ir-rabta bejn ċaqliq eventwali fi Stati Membri differenti mir-Renju tal-Belġju u l-funzjoni tagħhom bħala Membru tal-Parlament Ewropew lanqas ma hija stabbilita. B’mod partikolari, peress li l-immunità prevista fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni ma tneħħietx, huma jistgħu liberament imorru fi Strasbourg sabiex jipparteċipaw fis-sessjonijiet parlamentari.

215

Fir-raba’ lok, l-iżvolġiment regolari ta’ proċedura ġudizzjarja fi Stat Membru ma jistax, fi kwalunkwe każ, jikkostitwixxi forma ta’ dannu gravi u irreparabbli.

216

Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li d-deċiżjonijiet ikkontestati ma jikkostitwixxux il-kawża determinanti tad-dannu allegat mill-appellanti. Barra minn hekk, peress li l-appellanti jirrisjedu fil-Belġju u huma msejħa sabiex imorru Brussell (il-Belġju) u fi Strasbourg sabiex jeżerċitaw il-mandat tagħhom, ma jidhirx li l-eżerċizzju tal-mandat tagħhom bħala Membru tal-Parlament Ewropew jista’ jiġi ostakolat minn detenzjoni eventwali fi Spanja.

217

Barra minn hekk, ebda Stat Membru ma jidher li beda xi proċedura sabiex jeżegwixxi l-mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa kontra l-appellanti. Huwa improbabbli ħafna li Stat Membru jeżegwixxi dawn il-mandati ta’ arrest Ewropej sakemm il-proċedura għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑158/21 tkun pendenti. Il-preżentata ta’ talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE twassal, fil-fatt, għas-sospensjoni tal-proċedura nazzjonali, inkluża l-proċedura intiża sabiex tingħata deċiżjoni dwar l-imsemmija mandati ta’ arrest Ewropej.

Evalwazzjoni

218

Kif tfakkar fil-punt 75 ta’ dan id-digriet, l-urġenza għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-bżonn li tingħata deċiżjoni provviżorja, sabiex jiġi evitat li jkun hemm dannu gravi u irreparabbli kkawżat lill-parti li qed titlob il-protezzjoni provviżorja. Hija din il-parti li għandha tippreżenta l-prova li hija ma tistax tistenna l-eżitu tal-proċedura fuq il-mertu mingħajr ma tbati dannu ta’ din in-natura. Għalkemm huwa minnu li, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ dan id-dannu, ma huwiex neċessarju li jkun meħtieġ li l-okkorrenza u l-imminenza tiegħu jiġu stabbiliti b’ċertezza assoluta u li huwa biżżejjed li l-imsemmi dannu jkun prevedibbli bi grad ta’ probabbiltà suffiċjenti, xorta jibqa’ l-fatt li l-parti li titlob miżura provviżorja tibqa’ obbligata tipprova l-fatti li huma meqjusa li jiġġustifikaw il-perspettiva ta’ tali dannu.

219

F’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li kull wieħed mill-appellanti huwa s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ mill-awtoritajiet ġudizzjarji Spanjoli u li huma kkonċernati minn allerti dwar persuni rikjesti sabiex jiġu arrestati għall-finijiet ta’ konsenja.

220

Mill-punti 88 sa 92 ta’ dan id-digriet jirriżulta li l-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew minn awtorità ġudizzjarja ta’ Stat Membru jobbliga b’mod partikolari lill-Istati Membri l-oħra jipproċedu għall-arrest tal-persuna rikjesta u sabiex jiddeċiedu dwar iż-żamma tagħha f’detenzjoni sakemm tingħata deċiżjoni dwar il-konsenja.

221

Bl-istess mod, mill-punti 121 sa 125 ta’ dan id-digriet jirriżulta li l-eżistenza, fis-SIS II, ta’ twissija dwar persuni rikjesti bil-għan ta’ arrest għall-finijiet ta’ konsenja timplika, bħala prinċipju, fiha nnifisha, obbligu li tipproċedi għall-arrest tal-persuni koperti minn tali twissijiet, sakemm dawn ma jkunux is-suġġett tat-twaħħil ta’ indikatur ta’ validità.

222

Barra minn hekk, mandat ta’ arrest Ewropew ma jinkludix biss l-obbligu li tiġi arrestata l-persuna rikjesta, iżda wkoll l-obbligu li din il-persuna tiġi kkonsenjata lill-awtorità ġudizzjarja emittenti.

223

Għalhekk, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-Deċiżjoni Qafas 2002/584 hija intiża, permezz tal-ħolqien ta’ sistema ssimplifikata u effikaċi ta’ konsenja tal-persuni kkundannati jew issuspettati li kisru l-liġi kriminali, li tiffaċilita u tħaffef il-kooperazzjoni ġudizzjarja bil-għan li tikkontribwixxi sabiex jintlaħaq l-għan mogħti lill-Unjoni li ssir spazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja, billi tibbaża ruħha fuq il-livell għoli ta’ fiduċja li għandu jkun hemm bejn l-Istati Membri (sentenza tad‑29 ta’ April 2021, X (Mandat ta’ arrest Ewropew) – Ne bis in idem, C‑665/20 PPU, EU:C:2021:339, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

224

Fil-qasam irregolat mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584, il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li jikkostitwixxi, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 6 tagħha, il-“punt ta’ referenza” tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-qasam kriminali, huwa espress fl-Artikolu 1(2) ta’ din id-deċiżjoni qafas, li jistabbilixxi r-regola li skontha l-Istati Membri huma obbligati jeżegwixxu kull mandat ta’ arrest Ewropew abbażi tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u konformement mad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija deċiżjoni qafas (sentenza tad‑29 ta’ April 2021, X (Mandat ta’ arrest Ewropew – Ne bis in idem), C‑665/20 PPU, EU:C:2021:339, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

225

Minn dan isegwi li l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni jistgħu, bħala prinċipju, jirrifjutaw li jeżegwixxu tali mandat biss għar-raġunijiet, elenkati b’mod eżawrjenti, ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni previsti fid-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u li l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew tista’ tkun suġġetta biss għal waħda mill-kundizzjonijiet previsti b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 5 ta’ din id-deċiżjoni qafas. Konsegwentement, filwaqt li l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew tikkostitwixxi l-prinċipju, ir-rifjut ta’ eżekuzzjoni tiegħu huwa maħsub bħala eċċezzjoni li għandha tkun suġġetta għal interpretazzjoni stretta (sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Openbaar Ministerie (Indipendenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti), C‑354/20 PPU u C‑412/20 PPU, EU:C:2020:1033, punt 37 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

226

La l-Parlament u lanqas ir-Renju ta’ Spanja ma jsostnu li l-eżekuzzjoni tal-mandati ta’ arrest Ewropej inkwistjoni għandha tiġi rrifjutata b’applikazzjoni tar-raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni elenkati mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jew li l-allerti lis-SIS II kienu s-suġġett tat-twaħħil ta’ indikaturi ta’ validità.

227

Lanqas ma huwa allegat u lanqas, a fortiori, ma ntwera li d-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u d-Deċiżjoni 2007/533 ma humiex, b’mod ġenerali, ser jiġu applikati mill-Istati Membri.

228

Għalkemm il-Parlament isostni madankollu li l-Istati Membri jżommu lura manifestament milli jeżegwixxu l-mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa kontra l-appellanti, billi jibbaża ruħu fuq il-fatt li C. Puigdemont i Casamajó mar f’diversi Stati Membri mingħajr ma ġie arrestat minkejja li ma bbenefikax minn immunità parlamentari, għandu jiġi kkonstatat li din l-allegazzjoni ma hija sostnuta minn ebda prova u li hija formalment ikkontestata mill-appellanti.

229

Bl-istess mod, il-fatt li l-awtoritajiet Belġjani ma pproċedewx għall-konsenja tal-appellanti lill-awtoritajiet Spanjoli ma jistax jippermetti li tiġi skartata l-probabbiltà għolja ta’ arrest tagħhom, għar-raġunijiet indikati fil-punt 131 ta’ dan id-digriet.

230

L-argument imressaq mir-Renju ta’ Spanja li jgħid li d-dannu allegat mill-appellanti ma jistax iseħħ minħabba s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa kontrihom, li jirriżulta mit-tressiq ta’ talba għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑158/21 għandu wkoll jiġi miċħud.

231

Mill-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jirriżulta li l-qorti nazzjonali li tindirizza lill-Qorti tal-Ġustizzja talba għal deċiżjoni preliminari għandha tissospendi l-proċedura fil-kawża prinċipali.

232

Madankollu, mit-talba għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑158/21 jirriżulta li din it-talba hija intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk il-mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) kontra diversi persuni rikjesti, fosthom l-appellanti, għandhomx jinżammu jew jiġu rtirati u, fir-rigward b’mod iktar speċifiku tal-appellanti, sabiex tiġi identifikata l-informazzjoni addizzjonali li għandha tiġi trażmessa lill-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni sabiex tiffavorixxi l-konsenja tagħhom.

233

Minn dan isegwi li d-deċiżjoni li tiġi sospiża l-proċedura fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑158/21 timplika li t-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) ma għandhiex l-intenzjoni li tieħu deċiżjoni, qabel l-intervent tar-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi preliminari magħmula, dwar iż-żamma jew l-irtirar tal-mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa kontra l-appellanti.

234

Min-naħa l-oħra, fl-assenza ta’ deċiżjoni formali tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) f’dan ir-rigward, ma jistax jitqies li din riedet tikkontesta l-mandati ta’ arrest Ewropej diġà maħruġa jew li tissospendi l-eżekuzzjoni tagħhom. Tali sospensjoni, li barra minn hekk ma hijiex prevista mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584, ma tistax tipproċedi direttament mill-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li bl-ebda mod ma jipprevedi li l-eżekuzzjoni tal-miżuri adottati mill-qorti tar-rinviju fil-proċedura fil-kawża prinċipali qabel ma tingħata d-deċiżjoni preliminari hija neċessarjament sospiża sakemm tingħata din id-deċiżjoni.

235

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-appellanti wrew suffiċjentement skont il-liġi n-natura prevedibbli bi grad ta’ probabbiltà suffiċjenti tal-arrest u tal-konsenja tagħhom lill-awtoritajiet Spanjoli jekk l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet kontenzjużi ma tiġix sospiża.

236

Issa, mill-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 149 sa 155 ta’ dan id-digriet jirriżulta li arrest eventwali tal-appellanti b’applikazzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew jew ta’ senjalazzjoni dwar persuni rikjesti bil-għan ta’ arrest għall-finijiet ta’ konsenja tkun ta’ natura li tikkawżalhom dannu gravi u irreparabbli. L-istess japplika, a fortiori, għall-konsenja tal-appellanti lill-awtoritajiet Spanjoli, li tista’ twassal għal ċaħda tal-libertà fit-tul.

237

Għandu jingħad ukoll li l-argument imressaq mill-Parlament u mir-Renju ta’ Spanja, li jgħid li l-kundizzjoni dwar l-urġenza ma hijiex issodisfatta minħabba li d-deċiżjonijiet kontenzjużi ma jikkostitwixxux il-kawża determinanti tad-dannu li jistgħu jġarrbu l-appellanti, għandu jiġi miċħud.

238

Ċertament, fil-każ ta’ talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ att, l-għoti tal-miżura provviżorja mitluba huwa ġġustifikat biss jekk l-att inkwistjoni jikkostitwixxi l-kawża determinanti tad-dannu gravi u irreparabbli allegat [digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Diċembru 2020, Anglo Austrian AAB u Belegging-MaatschappijFar-East vs BĊE, C‑114/20 P(R), mhux ippubblikat, EU:C:2020:1059, punt 54 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata].

239

Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ att ma għandhiex tiġi deċiża meta d-dannu invokat ikun essenzjalment ikkawżat minn fatturi indipendenti minn dan l-att u meta l-kontribuzzjoni deċiżiva tiegħu għat-twettiq ta’ dan id-dannu ma tkunx stabbilita. F’tali każ, din is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ma tistax, fil-fatt, titqies li hija adatta sabiex tevita li dannu gravi u irreparabbli jiġi kkawżat lill-parti li titlobha.

240

F’dan il-każ, l-immunità parlamentari li kienu jibbenefikaw minnha l-appellanti qabel l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati kienet tikkostitwixxi ostakolu li ma jippermettix l-arrest u l-konsenja tagħhom b’applikazzjoni tal-mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa kontrihom u l-allerti lis-SIS II. Minn dan isegwi li d-deċiżjonijiet ikkontestati jikkostitwixxu kundizzjoni indispensabbli għat-twettiq tad-dannu invokat mill-appellanti u li, fil-każ ta’ sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet, din l-okkorrenza tista’ tiġi evitata.

241

Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-appellanti stabbilixxew li l-kundizzjoni dwar l-urġenza kienet sodisfatta.

Fuq l‑ibbilanċjar tal‑interessi

L‑argumenti

242

L-appellanti jsostnu li huwa fl-interess ġenerali, minn naħa, li l-kompożizzjoni tal-Parlament tirrifletti l-espressjoni libera tal-għażliet magħmula miċ-ċittadini tal-Unjoni fir-rigward tal-persuni li permezz tagħhom dawn għandhom l-intenzjoni li jkunu rrappreżentati u, min-naħa l-oħra, li l-membri tiegħu jkunu jistgħu jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom għat-tul kollu tal-mandat tagħhom. Minn dan isegwi li l-interess ġenerali u l-interess tal-appellanti, relatati b’mod partikolari mal-libertà individwali tagħhom u mal-moviment liberu tagħhom, jikkoinċidu.

243

Barra minn hekk, l-annullament tad-deċiżjonijiet kontenzjużi ma jippermettix li tiġi kkonfutata s-sitwazzjoni li tirriżulta mill-applikazzjoni tagħhom, sa fejn, fil-każ ta’ konsenja tal-appellanti lill-awtoritajiet Spanjoli, dawn ma jibqgħux iktar protetti mill-immunità prevista fil-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni.

244

Barra minn hekk, l-uniku effett tal-għoti tal-miżura provviżorja mitluba huwa li tiddewwem it-tkomplija tal-eżekuzzjoni tal-mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa kontra l-appellanti, li kienet diġà ġiet iddifferita minħabba l-irtirar f’żewġ okkażjonijiet ta’ mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa preċedentement fil-konfront tagħhom u minħabba ż-żmien twil li għadda qabel il-ħruġ ta’ mandati ta’ arrest Ewropej ġodda.

245

Il-Parlament isostni li l-immunitajiet parlamentari ma għandhomx l-għan li jdewmu l-proċeduri ġudizzjarji nazzjonali jew li joffru lill-membri tal-Parlament Ewropew mezz sabiex jevitaw il-ġustizzja, iżda li jiggarantixxu l-indipendenza tal-Parlament.

246

Hemm lok, konformement mal-Artikolu 4(2) u (3) TUE, li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi kostituzzjonali tar-Renju ta’ Spanja. Peress li l-Parlament iddeċieda b’mod inekwivoku favur it-tneħħija tal-immunità tal-appellanti, il-proċedura kriminali mibdija f’dan l-Istat Membru ma tinterferixxix mad-drittijiet istituzzjonali tal-Parlament.

247

Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-għoti tal-miżura provviżorja mitluba jqiegħed inkwistjoni l-bilanċ tal-interessi stabbilit fis-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Junqueras Vies (C‑502/19, EU:C:2019:1115). Fil-fatt, mill-punti 91 sa 94 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-qorti nazzjonali kompetenti tista’ tiddeċiedi li żżomm il-miżuri ta’ sigurtà diġà adottati u li titlob it-tneħħija tal-immunità tad-deputati Ewropej ikkonċernati. F’dan il-kuntest, ladarba l-Parlament ikun neħħa din l-immunità, is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tiegħu timplika sagrifiċċju eċċessiv tal-interess tal-ġustizzja u tar-rispett tal-istat tad-dritt, għal fatti manifestament preċedenti u mingħajr rabta mal-elezzjoni tal-appellanti fil-Parlament.

Evalwazzjoni

248

Jidher li, fil-biċċa l-kbira tal-proċeduri għal miżuri provviżorji, kemm l-għoti kif ukoll ir-rifjut li tingħata s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni mitluba jistgħu jipproduċu, sa ċertu punt, ċerti effetti definittivi u huwa l-Imħallef għal miżuri provviżorji, adit b’talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni, li għandu jibbilanċja r-riskji marbuta ma’ kull waħda mis-soluzzjonijiet possibbli. B’mod konkret, dan jimplika b’mod partikolari li jiġi eżaminat jekk l-interess tal-parti li titlob il-miżuri provviżorji li tikseb is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-att ikkontestat jipprevalix fuq l-interess li għandu l-applikazzjoni immedjata tiegħu. Matul dan l-eżami, għandu jiġi ddeterminat jekk l-annullament eventwali ta’ dan l-att mill-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu jippermettix il-qlib tas-sitwazzjoni li jkun ipprovokat mill-eżekuzzjoni immedjata tiegħu u, b’mod invers, sa fejn is-sospensjoni tkun ta’ natura li tostakola l-għanijiet imfittxija mill-att ikkontestat fil-każ li r-rikors fuq il-mertu jiġi miċħud (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑10 ta’ Jannar 2018, Il-Kummissjoni vs RW, C‑442/17 P(R), mhux ippubblikat, EU:C:2018:6, punt 60, u d-digriet tat‑8 ta’ April 2020, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, C‑791/19 R, EU:C:2020:277, punt 104 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

249

F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-interess marbut mal-għoti tal-miżuri provviżorji mitluba, mill-eżami tal-kundizzjoni dwar l-urġenza jirriżulta li, għalkemm ma hijiex sospiża l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati, l-appellanti jirriskjaw li ma jkunux iktar f’pożizzjoni li jeżerċitaw b’mod effettiv il-funzjoni tagħhom ta’ Membru tal-Parlament Ewropew.

250

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 10(1) TUE, il-funzjonament tal-Unjoni huwa bbażat fuq il-prinċipju ta’ demokrazija rappreżentattiva, li jikkonkretizza l-valur ta’ demokrazija msemmi fl-Artikolu 2 TUE. Billi jimplimenta dan il-prinċipju, l-Artikolu 14(3) TUE jipprevedi li l-membri tal-Parlament għandhom jiġu eletti b’vot dirett universali, liberu u sigriet, għal mandat ta’ ħames snin (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Junqueras Vies, C‑502/19, EU:C:2019:1115, punti 6364).

251

F’dan il-kuntest, l-immunitajiet mogħtija, b’mod ugwali, lill-membri tal-Parlament matul il-perijodu kollu tas-sessjonijiet ta’ leġiżlatura partikolari huma intiżi b’mod partikolari sabiex jippermettu lil dawn iwettqu l-missjonijiet tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Junqueras Vies, C‑502/19, EU:C:2019:1115, punti 7678).

252

Dawn l-immunitajiet għandhom ukoll l-għan, skont il-prinċipju ta’ demokrazija rappreżentattiva, li jiżguraw li l-kompożizzjoni tal-Parlament tirrifletti, b’mod fidil u komplet l-espressjoni libera tal-għażliet magħmula miċ-ċittadini tal-Unjoni, permezz ta’ vot dirett universali, fir-rigward tal-persuni li permezz tagħhom dawn għandhom l-intenzjoni li jkunu rrappreżentati matul leġiżlatura partikolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Junqueras Vies, C‑502/19, EU:C:2019:1115, punti 8283).

253

Minn dan isegwi li t-tneħħija tal-immunità ta’ membru tal-Parlament li sseħħ b’mod irregolari u li twassal għall-arrest jew għad-detenzjoni tiegħu hija ta’ natura li tippreġudika l-funzjonament tajjeb tad-demokrazija rappreżentattiva fi ħdan l-Unjoni.

254

Il-fatt li l-Parlament qies, permezz tad-deċiżjonijiet kontenzjużi, li l-immunità tal-appellanti setgħet titneħħa ma jistax jistabbilixxi li l-applikazzjoni immedjata ta’ dawn id-deċiżjonijiet ma tostakolax il-funzjonament tajjeb ta’ din l-istituzzjoni, peress li, minn naħa, ir-rikors fil-kawża prinċipali għandu l-għan li jevalwa l-legalità ta’ dawn id-deċiżjonijiet u, min-naħa l-oħra, peress li dan ir-rikors huwa bbażat fuq tal-inqas motiv wieħed li, prima facie, ma huwiex nieqes minn bażi serja.

255

Min-naħa l-oħra, ma hemmx lok li jittieħed inkunsiderazzjoni, waqt l-ibbilanċjar tal-interessi rilevanti, l-interess marbut maż-żamma tal-libertà individwali u tal-libertà ta’ moviment tal-appellanti, sa fejn, kif tfakkar fil-punt 149 ta’ dan id-digriet, membru tal-Parlament, ikkonfrontat b’deċiżjoni ta’ tneħħija tal-immunità tiegħu, ma jistax jinvoka b’mod utli li din id-deċiżjoni mhux biss tippreġudika d-dritt tiegħu li jeżerċita liberament il-mandat tiegħu, iżda wkoll il-funzjonament tajjeb tal-Parlament.

256

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-interess marbut mal-applikazzjoni immedjata tad-deċiżjonijiet ikkontestati, għandu jiġi enfasizzat li s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet tista’ tostakola t-tmexxija tal-proċeduri ġudizzjarji mibdija mill-awtoritajiet Spanjoli kontra l-appellanti, billi tipprekludi li dawn jiġu kkonsenjati lil dawn l-awtoritajiet.

257

Kuntrarjament għal dak li jsostni l-Parlament, din l-applikazzjoni immedjata madankollu ma hijiex meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-Artikolu 4(2) TUE, sa fejn l-immunità parlamentari bl-ebda mod ma tqiegħed indiskussjoni l-possibbiltà tal-Istati Membri li jibdew proċeduri kriminali fil-kuntest iddefinit mill-ordinament ġuridiku tagħhom, iżda sempliċement tiżgura bilanċ bejn din il-fakultà u l-prinċipju ta’ demokrazija rappreżentattiva stabbilit fl-Artikolu 10(1) TUE.

258

Fir-rigward, fit-tielet lok, tas-sitwazzjoni li ser tirriżulta mill-eżami tar-rikors fil-kawża prinċipali, għandu jiġi rrilevat li annullament eventwali tad-deċiżjonijiet ikkontestati ma huwiex ta’ natura li jikkonfuta s-sitwazzjoni li tirriżulta mill-eżekuzzjoni immedjata tagħhom, peress li dan l-annullament iseħħ tard wisq sabiex jiġi prekluż li l-membri tal-Parlament ikkonċernati jkunu ġew preklużi milli jeżerċitaw il-funzjoni tagħhom b’mod sħiħ matul parti sostanzjali tal-mandat tagħhom.

259

Barra minn hekk, fl-ipoteżi fejn l-appellanti jkunu ġew ikkonsenjati lill-awtoritajiet Spanjoli, l-istabbiliment mill-ġdid sussegwenti tal-immunità tagħhom li tirriżulta mill-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni jkun nieqes minn kull effett konkret, peress li din ma tibbenefikax lill-appellanti fit-territorju Spanjol.

260

Min-naħa l-oħra, fil-każ li r-rikors fil-kawża prinċipali jiġi finalment miċħud, mill-proċess ma jirriżultax li d-dewmien fit-twettiq tal-proċeduri kriminali mibdija kontra l-appellanti li jirriżulta mis-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati huwa ta’ natura li jostakola t-tlestija ta’ din il-proċedura.

261

Għandu jiġi enfasizzat ukoll li l-imsemmija proċedura ilha għaddejja mis-sena 2017 u li r-Renju ta’ Spanja ma kkontestax l-allegazzjoni tal-appellanti li tgħid li t-tul tagħha jifforma parzjalment parti mill-irtirar li seħħ darbtejn ta’ mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa preċedentement kontrihom kif ukoll mit-terminu twil li għadda qabel il-ħruġ ta’ mandati ta’ arrest Ewropej ġodda.

262

Barra minn hekk, peress li l-għoti tal-miżuri provviżorji mitluba jimplika biss li terġa’ tiġi stabbilita temporanjament l-immunità parlamentari tal-appellanti, fl-aħħar mill-aħħar dan jammonta biss għal li jinżamm, għal perijodu limitat, l-istatus quo li kien ilu jeżisti għal diversi snin (ara, b’analoġija, id-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑2 ta’ Marzu 2016, Evonik Degussa vs Il-Kummissjoni, C‑162/15 P-R, EU:C:2016:142, punt 114).

263

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, l-ibbilanċjar tal-interessi jxaqleb favur l-għoti tal-miżuri provviżorji mitluba mill-appellanti.

264

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandha tiġi sospiża l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

Fuq l‑ispejjeż

265

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

266

Fir-rigward tal-ispejjeż marbuta mal-proċedura tal-appell, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Issa, għalkemm il-Parlament u r-Renju ta’ Spanja tilfu, l-appellanti ma talbux li huma jiġu kkundannati għall-ispejjeż. Għaldaqstant, kull waħda mill-partijiet għandha tbati l-ispejjeż tagħha relatati mal-proċedura tal-appell.

267

Fir-rigward tal-ispejjeż relatati mal-appell inċidentali ppreżentat mir-Renju ta’ Spanja, skont l-Artikolu 142 tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184 tagħhom, l-ispejjeż huma, fil-każ li ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni, irregolati liberament mill-Qorti tal-Ġustizzja. F’dan il-każ, peress li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar l-appell inċidentali għall-annullament tad-digriet appellat wara l-appell ippreżentat mill-appellanti, għandu jiġi deċiż li kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha relatati mal-proċedura tal-appell inċidentali.

268

Fir-rigward tal-ispejjeż relatati mal-proċedura tal-ewwel istanza, għandu jiġi deċiż, minn naħa, skont l-Artikolu 137 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, li l-ispejjeż tal-Parlament u tal-appellanti huma rriżervati.

269

Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 140(1) tal-istess Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Konsegwentement, ir-Renju ta’ Spanja bħala intervenjent fl-ewwel istanza, għandu jbati l-ispejjeż tiegħu relatati mal-proċedura fl-ewwel istanza.

 

Għal dawn il-motivi, il-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja jordna:

 

1)

Id-digriet tal-Viċi President tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-30 ta’ Lulju 2021, Puigdemont i Casamajó et vs Il-Parlament (T‑272/21 R, mhux ippubblikat, EU:T:2021:497), huwa annullat.

 

2)

L-eżekuzzjoni tad-Deċiżjonijiet tal-Parlament Ewropew P9_TA(2021)0059, P9_TA(2021)0060 u P9_TA(2021)0061, tad-9 ta’ Marzu 2021, dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta’ Carles Puigdemont i Casamajó u Antoni Comín i Oliveres kif ukoll ta’ Clara Ponsatí i Obiols hija sospiża.

 

3)

C. Puigdemont i Casamajó u A. Comín i Oliveres, C. Ponsatí i Obiols u l-Parlament Ewropew għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess relatati mal-proċedura tal-appell.

 

4)

L-ispejjeż ta’ C. Puigdemont i Casamajó u A. Comín i Oliveres, ta’ C. Ponsatí i Obiols u tal-Parlament Ewropew relatati mal-proċedura fl-ewwel istanza huma rriżervati.

 

5)

Ir-Renju ta’ Spanja għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess relatati kemm mal-proċedura fl-ewwel istanza kif ukoll ma’ dik tal-appell.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top