Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CJ0869

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-17 ta’ Mejju 2022.
    L vs Unicaja Banco SA.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Prinċipju ta’ ekwivalenza – Prinċipju ta’ effettività – Kuntratt ipotekarju – Natura inġusta tal-‘klawżola bażi’ prevista minn dan il-kuntratt – Regoli nazzjonali li jikkonċernaw il-proċedura ġudizzjarja ta’ appell – Limitazzjoni tal-effetti ratione temporis tad-dikjarazzjoni ta’ nullità tal-klawżola inġusta – Ħlas lura – Setgħa ta’ stħarriġ ex officio mill-qorti nazzjonali tal-appell.
    Kawża C-869/19.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:397

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

    17 ta’ Mejju 2022 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Prinċipju ta’ ekwivalenza – Prinċipju ta’ effettività – Kuntratt ipotekarju – Natura inġusta tal-‘klawżola bażi’ prevista minn dan il-kuntratt – Regoli nazzjonali li jikkonċernaw il-proċedura ġudizzjarja ta’ appell – Limitazzjoni tal-effetti ratione temporis tad-dikjarazzjoni ta’ nullità tal-klawżola inġusta – Ħlas lura – Setgħa ta’ stħarriġ ex officio mill-qorti nazzjonali tal-appell”

    Fil-Kawża C‑869/19,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ Novembru 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑28 ta’ Novembru 2019, fil-proċedura

    L

    vs

    Unicaja Banco S.A., li qabel kienet Banco de Caja España de Inversiones, Salamanca y Soria, SAU,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

    komposta minn K. Lenaerts, President, A. Arabadjiev, K. Jürimäe, C. Lycourgos, E. Regan, S. Rodin (Relatur) u I. Jarukaitis, Presidenti ta’ Awla, M. Ilešič, J.‑C. Bonichot, M. Safjan, F. Biltgen, P. G. Xuereb, N. Piçarra, L. S. Rossi u A. Kumin, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

    Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratriċi,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑26 ta’ April 2021,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal L, minn M. Pérez Peña, abogado,

    għal Unicaja Banco SA, li qabel kienet Banco de Caja España de Inversiones, Salamanca y Soria SAU, minn J. M. Rodríguez Cárcamo u A. M. Rodríguez Conde, abogados,

    għall-Gvern Spanjol, minn S. Centeno Huerta u J. Ruiz Sánchez, bħala aġenti,

    għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Vláčil u minn S. Šindelková, bħala aġenti,

    għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Rocchitta, avvocato dello Stato,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn N. Ruiz García, J. Baquero Cruz u minn C. Valero, bħala aġenti,

    għar-Renju tan-Norveġja, minn L.‑M. Moen Jünge, M. Nilsen u J. T. Kaasin, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑15 ta’ Lulju 2021,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn L u Banco de Caja España de Inversiones, Salamanca y Soria SAU, li fid-drittijiet tagħha ssuċċediet Unicaja Banco SA (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“istabbiliment bankarju”), dwar l-assenza ta’ eżami ex officio mill-qorti nazzjonali ta’ appell ta’ motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni.

    Il‑kuntest ġuridiku

    Id‑dritt tal‑Unjoni

    3

    L-erbgħa u għoxrin premessa tad-Direttiva 93/13 tistabbilixxi li “l-qrati jew l-awtoritajiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri għandu jkollhom għad-disposizzjoni tagħhom mezz adegwat u effettiv biex jipprevenu li jkomplu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti tal-konsumaturi”.

    4

    L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jipprevedi:

    “L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”

    Id‑dritt Spanjol

    5

    Skont l-Artikolu 1303 tal-Código Civil (il-Kodiċi Ċivili):

    “Meta obbligu jiġi ddikjarat null, il-kontraenti għandhom jirrestitwixxu reċiprokament l-oġġetti li kienu s-suġġett tal-kuntratt, il-profitt prodott minn dawn l-oġġetti u l-prezz flimkien mal-interessi, bla ħsara għall-artikoli li ġejjin.”

    6

    Il-Ley 1/2000 de Enjuiciamiento Civil (il-Liġi 1/2000 dwar il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili), tas‑7 ta’ Jannar 2000 (BOE Nru 7, tat‑8 ta’ Jannar 2000, p. 575) (iktar ’il quddiem il-“LEC”), tipprevedi, fl-Artikolu 216 tagħha:

    “Il-qrati ċivili għandhom jiddeċiedu l-kawżi li jkunu jinsabu quddiemhom fid-dawl tal-fatti, tal-provi u tat-talbiet tal-partijiet, ħlief meta l-liġi tipprovdi mod ieħor f’każijiet partikolari.”

    7

    L-Artikolu 218(1) tal-LEC jipprevedi:

    “Id-deċiżjonijiet ġudizzjarji għandhom ikunu ċari u preċiżi u jikkorrispondu għat-talbiet u pretensjonijiet oħra tal-partijiet, li jkunu ġew ippreżentati fil-ħin matul il-proċeduri. Huma għandhom jinkludu d-dikjarazzjonijiet meħtieġa, għandhom jikkundannaw jew jilliberaw lill-konvenut u għandhom jiddeċiedu l-punti kontenzjużi kollha li jkunu ġew dibattuti.

    Mingħajr ma titbiegħed mill-kawża tal-azzjoni billi tilqa’ punti ta’ fatt u ta’ liġi differenti minn dawk li l-partijiet riedu jsostnu, il-qorti għandha tiddeċiedi skont ir-regoli applikabbli għall-kawża, anki jekk dawn ma jkunux ġew iċċitati jew invokati korrettament mill-partijiet fil-kawża.”

    8

    Skont l-Artikolu 465(5) tal-LEC:

    “Id-digrieti jew sentenzi mogħtija fl-appell għandhom jiddeċiedu biss fuq il-punti u l-kwistjonijiet imqajma fl-appell u, jekk ikun il-każ, fit-talbiet intiżi għaċ-ċaħda tal-appell jew fl-appell inċidentali msemmi fl-Artikolu 461. Id-deċiżjoni ġudizzjarja ma tistax tkun ta’ detriment għall-appellant, ħlief jekk id-dannu jirriżulta mill-fatt li jintlaqa’ l-appell inċidentali ppreżentat mill-konvenut inizjali.”

    Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari

    9

    Permezz ta’ kuntratt konkluż fit‑22 ta’ Marzu 2006, l-istabbiliment bankarju ta lil L self ipotekarju fl-ammont ta’ EUR 120000 intiż għall-finanzjament tax-xiri ta’ dar ta’ familja waħda. Dan is-self kien rimborsabbli bi 360 pagament fix-xahar. L-imsemmi self ġie sottoskritt bir-rata fissa ta’ 3.35 % għall-ewwel sena, imbagħad b’rata varjabbli għas-snin l-oħra, fejn din l-aħħar rata ġiet ikkalkolata billi ġie miżjud 0.52 % mar-rata Euribor f’sena. Dan il-kuntratt kien jipprevedi “klawżola bażi” li permezz tagħha r-rata varjabbli ma setgħetx tkun ta’ inqas minn 3 %.

    10

    Il-qorti tar-rinviju tindika li l-istabbiliment bankarju applika l-“klawżola bażi” għal L fl-2009, meta r-rata Euribor kienet naqset ħafna. Fix-xahar ta’ Jannar 2016, L ippreżentat rikors quddiem il-Juzgado de Primera Instancia de Valladolid (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Valladolid, Spanja) kontra dan l-istabbiliment, sabiex tikseb in-nullità ta’ din il-klawżola u l-ħlas lura tas-somom indebitament imħallsa b’applikazzjoni tagħha. L sostniet li, peress li ma ġietx informata b’mod adegwat bl-eżistenza tal-imsemmija klawżola u r-rilevanza tagħha fl-istruttura tal-kuntratt ta’ self inkwistjoni, din kellha tiġi ddikjarata inġusta minħabba n-nuqqas ta’ trasparenza tagħha. Bħala difiża, l-istabbiliment bankarju oġġezzjona bil-fatt li L kienet ġiet informata bl-inklużjoni ta’ din l-istess klawżola fil-kuntratt ta’ self.

    11

    Permezz ta’ sentenza tas‑6 ta’ Ġunju 2016, il-Juzgado de Primera Instancia de Valladolid (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Valladolid) laqgħet ir-rikors, filwaqt li kkonstatat in-natura inġusta tal-“klawżola bażi” minħabba li din tal-aħħar ma kinitx trasparenti. Għaldaqstant hija kkundannat lill-istabbiliment bankarju jirrimborsa lil L is-somom indebitament irċevuti abbażi tagħha, flimkien mal-interessi. Madankollu, hija ddeċidiet li r-rimbors kellu effett biss mid‑9 ta’ Mejju 2013, b’applikazzjoni tas-sentenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) Nru 241/2013, tad‑9 ta’ Mejju 2013 (iktar ’il quddiem is-“sentenza tad‑9 ta’ Mejju 2013”), li tillimita l-effetti ratione temporis tad-dikjarazzjoni ta’ nullità ta’ tali “klawżola bażi”. Din il-qorti kkundannat ukoll lill-istabbiliment bankarju għall-ispejjeż.

    12

    Fl‑14 ta’ Lulju 2016, l-istabbiliment bankarju appella minn din is-sentenza quddiem l-Audiencia Provincial de Valladolid (il-Qorti Provinċjali ta’ Valladolid, Spanja), sa fejn ikkundannatu għall-ispejjeż kollha. Huwa sostna li, peress li r-rikors ta’ L kien biss parzjalment milqugħ minħabba l-limitazzjoni tal-effetti ratione temporis tad-dikjarazzjoni ta’ nullità tal-klawżola kkonċernata, huwa ma kellux jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż kollha ta’ dik l-azzjoni.

    13

    Permezz ta’ sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2017, il-qorti tal-appell laqgħet ir-rikors u annullat is-sentenza tal-ewwel istanza sa fejn din ikkundannat lill-istabbiliment bankarju għall-ispejjeż. Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-qorti tal-appell ma emendatx id-dispożittiv ta’ dik is-sentenza sa fejn dan jirrigwarda l-effetti restitutorji tad-dikjarazzjoni ta’ nullità tal-imsemmija klawżola, peress li dawn ma kinux is-suġġett tal-appell. Hija żżid tgħid li, sabiex tannulla parzjalment is-sentenza tal-ewwel istanza, il-qorti tal-appell ma bbażatx ruħha fuq is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et (C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980), li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jipprekludi ġurisprudenza nazzjonali, bħal dik li tirriżulta mis-sentenza tad‑9 ta’ Mejju 2013, li tillimita ratione temporis l-effetti restitutorji, marbuta mad-dikjarazzjoni ġudizzjarja tan-natura inġusta ta’ klawżola ta’ kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur għas-somom biss indebitament imħallsa minn dan il-konsumatur wara l-għoti tad-deċiżjoni li ġudizzjarjament ikkonstatat in-natura inġusta ta’ din il-klawżola.

    14

    L ippreżentat appell quddiem it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) mis-sentenza tal-appell. Insostenn tal-appell tagħha, L tallega li, billi ma applikatx is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et (C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980), u billi ma ordnatx ex officio l-ħlas lura totali tas-somom imħallsa b’applikazzjoni tal-“klawżola bażi”, l-Audiencia Provincial de Valladolid (il-Qorti Provinċjali ta’ Valladolid) kisret, b’mod partikolari, l-Artikolu 1303 tal-Kodiċi Ċivili, li jirregola l-effetti restitutorji marbuta man-nullità tal-obbligi u tal-kuntratti, moqri flimkien mal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, li jipprevedi l-assenza ta’ natura vinkolanti tal-klawżoli inġusti għall-konsumatur. L-istabbiliment bankarju talab li l-appell jiġi miċħud, għar-raġuni li L ma appellatx mis-sentenza tal-ewwel istanza sa fejn kienet tillimita ratione temporis l-effetti restitutorji tad-dikjarazzjoni ta’ nullità tal-klawżola inġusta inkwistjoni, hija ma setgħetx tippreżenta appell li jirrigwarda l-limitazzjoni ta’ dawn l-effetti ratione temporis.

    15

    Il-qorti tar-rinviju tesponi li, fil-kawżi pendenti quddiem il-qrati Spanjoli fid-data li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et (C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980), li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jipprekludi l-ġurisprudenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) li tirriżulta mis-sentenza tad‑9 ta’ Mejju 2013 li tillimita ratione temporis l-effetti restitutorji tan-nullità tal-“klawżoli bażi” inklużi fil-kuntratti konklużi bejn il-konsumaturi u l-bejjiegħa jew fornituri, il-konsumaturi kienu llimitaw, konformement ma’ dik il-ġurisprudenza nazzjonali, ir-rikors tagħhom għar-rimbors tas-somom indebitament imħallsa wara d‑9 ta’ Mejju 2013. B’applikazzjoni ta’ diversi prinċipji tal-proċedura ċivili Spanjola, bħall-prinċipju ta’ delimitazzjoni tas-suġġett tal-kawża mill-partijiet, il-prinċipji ta’ korrelazzjoni bejn it-talbiet ifformulati fil-kuntest tar-rikors u d-deċiżjonijiet li jinsabu fid-dispożittiv u l-prinċipju ta’ projbizzjoni tar-reformatio in peius, l-Audiencia Provincial de Valladolid (il-Qorti Provinċjali ta’ Valladolid) b’hekk, f’dan il-każ, ma ordnatx il-ħlas lura totali tas-somom irċevuti abbażi tal-“klawżola bażi”, peress li L ma kinitx appellat is-sentenza mogħtija fl-ewwel istanza.

    16

    F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-prinċipju li l-klawżoli inġusti ma jorbtux lill-konsumaturi, previst fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, ma huwiex ta’ natura assoluta u jista’ għalhekk ikun suġġett għal limitazzjonijiet marbuta mal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, bħall-awtorità ta’ res judicata jew l-istabbiliment ta’ termini raġonevoli għall-preżentata ta’ rikorsi taħt piena ta’ dekadenza. Issa, ir-regola tad-dritt Spanjol li tgħid li, meta parti mid-dispożittiv ta’ sentenza ma tiġi kkontestata minn ebda waħda mill-partijiet, il-qorti tal-appell ma tistax tneħħilha l-effetti tagħha jew temendaha, tippreżenta ċertu xebh mal-awtorità ta’ res judicata.

    17

    Madankollu, din il-qorti għandha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-prinċipju ta’ delimitazzjoni tas-suġġett tal-kawża mill-partijiet, il-prinċipji ta’ korrelazzjoni bejn it-talbiet ifformulati fil-kuntest tar-rikors u d-deċiżjonijiet li jinsabu fid-dispożittiv, u l-prinċipju ta’ projbizzjoni tar-reformatio in peius, previsti mid-dritt nazzjonali, mal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13. B’mod iktar partikolari, hija tistaqsi dwar il-punt jekk, fid-dawl tas-sentenza tal‑21 ta’ Diċenbru 2016, Gutiérrez Naranjo et (C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980), qorti nazzjonali li jkollha quddiemha appell imressaq esklużivament mill-istabbiliment bankarju, u mhux mill-konsuamtur, għandhiex, minkejja dawn il-prinċipji, tordna l-ħlas lura totali tas-somom indebitament irċevuti abbażi tal-klawżola inġusta.

    18

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

    “L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13/KEE, jipprekludi l-applikazzjoni tal-prinċipji proċedurali li huma l-prinċipju dispożittiv [prinċipju ta’ delimitazzjoni tas-suġġett tal-kawża mill-partijiet], il-prinċipju ta’ kongruwenza [prinċipju ta’ korrelazzjoni bejn it-talbiet ifformulati fil-kuntest tar-rikors u d-deċiżjonijiet li jinsabu fid-dispożittiv] u l-projbizzjoni tar-reformatio in peius, li jipprekludu lill-qorti adita bl-appell ippreżentat mill-bank kontra sentenza li tillimita ratione temporis il-ħlas lura tas-somom indebitament imħallsa mill-konsumatur abbażi ta’ ‘klawżola ta’ limitu minimu [klawżola bażi]’ ddikjarata nulla, tordna l-ħlas lura totali tas-somom imsemmija u b’dan il-mod tpoġġi fi żvantaġġ lill-appellant minħabba li din il-limitazzjoni ma ġietx ikkontestata mill-konsumatur?”

    Fuq id‑domanda preliminari

    19

    Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment qiegħda tistaqsi jekk l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ proċedura ġudizzjarja nazzjonali, li jgħidu li l-qorti nazzjonali, adita b’appell minn sentenza li tillimita ratione temporis il-ħlas lura tas-somom indebitament imħallsa mill-konsumatur bis-saħħa ta’ klawżola ddikjarata inġusta, ma tistax tqajjem ex officio motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ din id-dispożizzjoni u tordna l-ħlas lura totali tal-imsemmija somom.

    20

    Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li l-klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma’ konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur ma għandhomx jorbtu lill-konsumatur.

    21

    Barra minn hekk, id-Direttiva 93/13 timponi fuq l-Istati Membri, kif jirriżulta mill-Artikolu 7(1) tagħha, moqri flimkien mal-erbgħa u għoxrin premessa tagħha, li jipprovdu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri (sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2019, Addiko Bank, C‑407/18, EU:C:2019:537, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    22

    Fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni, il-modalitajiet proċedurali intiżi li jiżguraw il-ħarsien tad-drittijiet li l-individwi jisiltu mid-dritt tal-Unjoni jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku intern tal-Istati Membri skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali ta’ dawn tal-aħħar. Madankollu, dawn il-modalitajiet ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u lanqas ma għandhom jiġu applikati b’mod li, fil-prattika, l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni jsir impossibbli jew eċċessivament diffiċli (prinċipju ta’ effettività) (sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2019, Addiko Bank, C‑407/18, EU:C:2019:537, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    23

    Għal dak li jikkonċerna l-prinċipju ta’ ekwivalenza, kif fakkar l-Avukat Ġenerali fil-punt 44 tal-konklużjonijiet tiegħu, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika, fid-dawl tal-modalitajiet proċedurali tar-rimedji applikabbli fid-dritt intern, l-osservanza ta’ dan il-prinċipju fid-dawl tas-suġġett, tal-kawża u tal-elementi essenzjali tar-rimedji kkonċernati (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2018, EOS KSI Slovensko, C‑448/17, EU:C:2018:745, punt 40).

    24

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jitqies li jikkostitwixxi dispożizzjoni ekwivalenti għar-regoli nazzjonali li, fi ħdan l-ordinament ġuridiku intern, għandhom il-grad ta’ regoli ta’ ordni pubbliku (sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2018, Karel de Grote – Hogeschool Katholieke Hogeschool Antwerpen, C‑147/16, EU:C:2018:320, punt 35).

    25

    Minn dan isegwi li, konformement mal-prinċipju ta’ ekwivalenza, meta taħt id-dritt intern, il-qorti nazzjonali fl-istadju tal-appell jkollha l-possibbiltà jew l-obbligu li tevalwa ex officio l-legalità ta’ att legali fid-dawl tar-regoli nazzjonali ta’ ordni pubbliku, hija għandha jkollha wkoll il-possibbiltà jew l-obbligu, anki meta l-kwistjoni tal-legalità ta’ dan l-att fid-dawl ta’ dawn ir-regoli ma tkunx tqajmet fl-ewwel istanza, li tevalwa ex officio l-legalità ta’ tali att fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni tad-Direttiva 93/13. Għaldaqstant, f’tali sitwazzjoni, meta l-atti fil-proċess quddiem il-qorti nazzjonali tal-appell iwasslu għal dubju dwar in-natura eventwalment inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, din il-qorti hija obbligata tevalwa ex officio l-legalità ta’ din il-klawżola fid-dawl tal-kriterji stabbiliti minn din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2013, Jőrös, C‑397/11, EU:C:2013:340, punt 30).

    26

    Il-partijiet li ppreżentaw quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja osservazzjonijiet bil-miktub f’din il-proċedura ma jaqblux fir-rigward tal-eżistenza ta’ ġurisprudenza tat-Tribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali, Spanja) jew tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), li tipprovdi li l-applikazzjoni ex officio tar-regoli ta’ ordni pubbliku tikkostitwixxi eċċezzjoni għall-prinċipji tal-proċedura ġudizzjarja inkwistjoni. Peress li l-Artikolu 6 tad-Direttiva 93/13 jikkostitwixxi dispożizzjoni ekwivalenti għal regola nazzjonali ta’ ordni pubbliku, isegwi li, jekk, skont il-ġurisprudenza nazzjonali, tali regoli ta’ ordni pubbliku jitqiesu li huma eċċezzjoni għall-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ proċedura ġudizzjarja inkwistjoni, il-qorti nazzjonali adita bl-appell għandha tkun tista’ tqajjem ex officio motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13.

    27

    Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika l-eżistenza ta’ tali ġurisprudenza nazzjonali. Jekk l-eżistenza ta’ din il-ġurisprudenza tiġi kkonfermata, il-qorti tar-rinviju tkun obbligata, skont il-prinċipju ta’ ekwivalenza, li tħalli dawn il-prinċipji ta’ proċedura ġudizzjarja mhux applikati u, jew tippermetti lill-konsumatur jeżerċita d-dritt li huwa jislet mid-Direttiva 93/13 u d-dritt tiegħu li jinvoka l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew tagħmel dan ex officio.

    28

    Għal dak li jikkonċerna l-prinċipju ta’ effettività, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li kull każ fejn tqum il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tirrendix impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi analizzat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rwol ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura kollha, l-iżvolġiment tagħha u l-karatteristiċi partikolari tagħha meħuda kollha f’daqqa, kif ukoll, jekk ikun il-każ, prinċipji li fuqhom huwa bbażat l-ordinament ġuridiku nazzjonali, bħall-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura (sentenza tat‑22 ta’ April 2021, Profi Credit Slovakia, C‑485/19, EU:C:2021:313, punt 53). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-ħtieġa li jiġi osservat il-prinċipju ta’ effettività ma tistax tasal sabiex tirrimedja għal kollox il-passività totali tal-konsumatur ikkonċernat (sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2015, ERSTE Bank Hungary, C‑32/14, EU:C:2015:637, punt 62).

    29

    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-obbligu għall-Istati Membri li jiżguraw l-effettività tad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni jimplika, b’mod partikolari għad-drittijiet li jirriżultaw mid-Direttiva 93/13, rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, affermat mill-ġdid fl-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva u stabbilit ukoll fl-Artikolu 47 tal-Karta, li japplika, fost oħrajn, għad-definizzjoni tal-modalitajiet proċedurali relatati mal-azzjonijiet ġudizzjarji bbażati fuq tali drittijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, BNP Paribas Personal Finance, C‑776/19 sa C‑782/19, EU:C:2021:470, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    30

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fl-assenza ta’ stħarriġ effettiv tan-natura potenzjalment inġusta tal-klawżoli tal-kuntratt ikkonċernat, ir-rispett tad-drittijiet mogħtija mid-Direttiva 93/13 ma jistax jiġi ggarantit (sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2020, Kancelaria Medius, C‑495/19, EU:C:2020:431, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    31

    Minn dan isegwi li l-kundizzjonijiet stabbiliti mid-drittijiet nazzjonali, li għalihom jirreferi l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, ma jistgħux jippreġudikaw is-sustanza tad-dritt li l-konsumaturi jisiltu minn din id-dispożizzjoni li ma jkunux marbuta minn klawżola meqjusa inġusta (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et, C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980, punt 71, kif ukoll tas‑26 ta’ Jannar 2017, Banco Primus, C‑421/14, EU:C:2017:60, punt 51).

    32

    Fid-dawl ta’ dan, għandha titfakkar l-importanza li għandu, kemm fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni kif ukoll fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali, il-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità tippreċiża li, sabiex tiżgura kemm l-istabbiltà tad-dritt u tar-relazzjonijiet ġuridiċi kif ukoll tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa importanti li d-deċiżjonijiet ġudizzjarji li jkunu saru finali wara li jiġu eżawriti r-rimedji ġudizzjarji disponibbli jew wara l-iskadenza tat-termini previsti għall-eżerċizzju ta’ dawn ir-rimedji ma jkunux jistgħu jiġu iktar ikkontestati (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2009, Asturcom Telecomunicaciones, C‑40/08, EU:C:2009:615, punti 3536, kif ukoll tas‑26 ta’ Jannar 2017, Banco Primus, C‑421/14, EU:C:2017:60, punt 46).

    33

    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-protezzjoni tal-konsumatur ma hijiex assoluta. B’mod partikolari, hija qieset li d-dritt tal-Unjoni ma jimponix fuq qorti nazzjonali li ma tapplikax ir-regoli proċedurali interni li jagħtu l-awtorità ta’ res judicata lil deċiżjoni, anki jekk dan jippermetti li jingħata rimedju għal ksur ta’ dispożizzjoni, irrispettivament min-natura tagħha, inkluża fid-Direttiva 93/13 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2009, Asturcom Telecomunicaciones, C‑40/08, EU:C:2009:615, punt 37, kif ukoll tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et, C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980, punt 68), bla ħsara, madankollu, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 22 ta’ din is-sentenza, għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

    34

    Fil-punt 72 tas-sentenza tagħha tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et (C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, għaldaqstant, li l-limitazzjoni ratione temporis tal-effetti legali li jirriżultaw mill-konstatazzjoni tan-nullità tal-“klawżoli bażi” li għamlet it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) fis-sentenza tagħha tad‑9 ta’ Mejju 2013, twassal biex iċċaħħad, b’mod ġenerali, lil kull konsumatur li qabel din id-data kkonkluda kuntratt ta’ self ipotekarju li jinkludi tali klawżola mid-dritt li jikseb il-ħlas lura totali tas-somom li huwa jkun indebitament ħallas lill-istabbiliment bankarju abbażi ta’ din il-klawżola matul il-perijodu ta’ qabel id‑9 ta’ Mejju 2013.

    35

    Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li ġurisprudenza nazzjonali, bħal dik li tirriżulta mis-sentenza tad‑9 ta’ Mejju 2013 tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), dwar il-limitazzjoni ratione temporis tal-effetti legali li jirriżultaw mid-dikjarazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, tippermetti li tiġi żgurata biss protezzjoni limitata għall-konsumaturi li jkunu ffirmaw kuntratt ta’ self ipotekarju li jinkludi “klawżola bażi” qabel id-data tal-għoti tad-deċiżjoni li tkun ikkonstatat b’mod ġudizzjarju din in-natura inġusta, fejn tali protezzjoni tirriżulta, għaldaqstant, inkompleta u insuffiċjenti u ma tikkostitwixxi mezz la adegwat u lanqas effettiv sabiex ma jibqgħux jintużaw dan it-tip ta’ klawżoli, bil-kontra ta’ dak li jipprevedi l-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et, C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980, punt 73).

    36

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi ġurisprudenza nazzjonali li tillimita ratione temporis l-effetti restitutorji marbuta mad-dikjarazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola f’kuntratt konkluż ma’ konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur, biss għas-somom imħallsa indebitament b’applikazzjoni ta’ tali klawżola wara l-għoti tad-deċiżjoni li tkun ikkonstatat b’mod ġudizzjarju din in-natura inġusta (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et, C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980, punt 75).

    37

    Fil-kawża prinċipali, huwa stabbilit li l-konsumatur ma ressaqx appell jew ippreżenta appell inċidentali mis-sentenza tal-ewwel istanza li timponi limitazzjoni ratione temporis tal-effetti restitutorji għas-somom irċevuti bis-saħħa tal-klawżola inġusta.

    38

    Madankollu għandu jiġi enfasizzat li, fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, il-fatt li l-konsumatur ma ppreżentax rikors f’terminu xieraq jista’ jiġi imputat għall-fatt li, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tat is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et (C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980), it-terminu li fih kien possibbli li jsir appell jew li jiġi ppreżentat appell inċidentali skont id-dritt nazzjonali kien diġà skada. F’tali ċirkustanzi, ma jistax jitqies li l-konsumatur wera passività totali fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, billi ma kkontestax quddiem qorti tal-appell ġurisprudenza sa dakinhar stabbilita tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema).

    39

    Minn dan jirriżulta li l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ proċedura ġudizzjarja nazzjonali inkwistjoni, billi ċċaħħad lill-konsumatur mill-mezzi proċedurali li jippermettulu jinvoka d-drittijiet tiegħu taħt id-Direttiva 93/13, hija tali li tirrendi impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-protezzjoni ta’ dawn id-drittijiet, u b’hekk tippreġudika l-prinċipju ta’ effettività.

    40

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta għad-domanda preliminari magħmula għandha tkun li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-applikazzjoni ta’ prinċipji ta’ proċedura ġudizzjarja nazzjonali, li permezz tagħhom qorti nazzjonali, adita b’appell minn sentenza li tillimita ratione temporis il-ħlas lura tas-somom indebitament imħallsa mill-konsumatur bis-saħħa ta’ klawżola ddikjarata inġusta, ma tkunx tista’ tqajjem ex officio motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ din id-dispożizzjoni u tordna l-ħlas lura totali tal-imsemmija somom, meta l-assenza ta’ kontestazzjoni ta’ din il-limitazzjoni ratione temporis mill-konsumatur ikkonċernat ma tkunx tista’ tiġi imputata lill-passività totali tiegħu.

    Fuq l‑ispejjeż

    41

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-applikazzjoni ta’ prinċipji ta’ proċedura ġudizzjarja nazzjonali, li permezz tagħhom qorti nazzjonali, adita b’appell minn sentenza li tillimita ratione temporis il-ħlas lura tas-somom indebitament imħallsa mill-konsumatur bis-saħħa ta’ klawżola ddikjarata inġusta, ma tkunx tista’ tqajjem ex officio motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ din id-dispożizzjoni u tordna l-ħlas lura totali tal-imsemmija somom, meta l-assenza ta’ kontestazzjoni ta’ din il-limitazzjoni ratione temporis mill-konsumatur ikkonċernat ma tkunx tista’ tiġi imputata lill-passività totali tiegħu.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

    Top