Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CJ0372

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tal-25 ta’ Novembru 2021.
QY vs Finanzamt Österreich.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesfinanzgericht.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikoli 45 u 48 TFUE – Moviment liberu tal‑ħaddiema – Ugwaljanza fit-trattament – Benefiċċji tal-familja mogħtija lill‑ħaddiema umanitarji fil-qasam tal-iżvilupp li jieħdu lill-membri tal-familja tagħhom fil-pajjiż terz li fih huma jkunu ġew assenjati – Waqfien – It-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE – Atti ġuridiċi tal-Unjoni – Portata tar‑regolamenti – Leġiżlazzjoni nazzjonali li l-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tagħha huwa usa’ minn dak ta’ regolament – Kundizzjonijiet – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Artikolu 11(3)(a) u (e) – Kamp ta’ applikazzjoni – Ħaddiema impjegata ċittadina ta’ Stat Membru impjegata bħala ħaddiema umanitarja fil-qasam tal-iżvilupp minn persuna li timpjega stabbilita fi Stat Membru ieħor u mibgħuta fuq missjoni f’pajjiż terz – Artikolu 68(3) – Dritt tal‑applikant għal benefiċċji tal-familja li jressaq applikazzjoni unika quddiem l‑istituzzjoni tal-Istat Membru li għandu bi prijorità l-kompetenza jew l‑istituzzjoni tal-Istat Membru kompetenti b’mod sekondarju.
Kawża C-372/20.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:962

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It‑Tmien Awla)

25 ta’ Novembru 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikoli 45 u 48 TFUE – Moviment liberu tal‑ħaddiema – Ugwaljanza fit-trattament – Benefiċċji tal-familja mogħtija lill‑ħaddiema umanitarji fil-qasam tal-iżvilupp li jieħdu lill-membri tal-familja tagħhom fil-pajjiż terz li fih huma jkunu ġew assenjati – Waqfien – It-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE – Atti ġuridiċi tal-Unjoni – Portata tar‑regolamenti – Leġiżlazzjoni nazzjonali li l-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tagħha huwa usa’ minn dak ta’ regolament – Kundizzjonijiet – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Artikolu 11(3)(a) u (e) – Kamp ta’ applikazzjoni – Ħaddiema impjegata ċittadina ta’ Stat Membru impjegata bħala ħaddiema umanitarja fil-qasam tal-iżvilupp minn persuna li timpjega stabbilita fi Stat Membru ieħor u mibgħuta fuq missjoni f’pajjiż terz – Artikolu 68(3) – Dritt tal‑applikant għal benefiċċji tal-familja li jressaq applikazzjoni unika quddiem l‑istituzzjoni tal-Istat Membru li għandu bi prijorità l-kompetenza jew l‑istituzzjoni tal-Istat Membru kompetenti b’mod sekondarju”

Fil-Kawża C‑372/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesfinanzgericht (il-Qorti Federali tal‑Finanzi, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ Lulju 2020, li waslet fil‑Qorti tal-Ġustizzja fis‑6 ta’ Awwissu 2020, fil-proċedura

QY

vs

Finanzamt Österreich, li kienet Finanzamt für den 8., 16. und 17. Bezirk in Wien,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It‑Tmien Awla),

komposta minn J. Passer, President tas‑Seba’ Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tat‑Tmien Awla, F. Biltgen (Relatur) u N. Wahl, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Awstrijak, minn J. Schmoll, E. Samoilova u A. Posch, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn B.‑R. Killmann u D. Martin, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(2) u (3) TUE, tal-Artikolu 4(4) u tal-Artikoli 45, 208 u 288 TFUE, tal-Artikolu 7, tal‑Artikolu 11(3)(a) u (e), u tal-Artikoli 67 u 68 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il‑kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72), tal-Artikolu 11, tal-Artikolu 60(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004 (ĠU 2009, L 284, p. 1), kif ukoll tal-Artikolu 7(1) u (2) tar‑Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni (ĠU 2011, L 141, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, QY, u l-Finanzamt Österreich (l-Awtorità tat-Taxxa tal-Awstrija), li kienet Finanzamt für den 8., 16. und 17. Bezirk in Wien (l‑Uffiċċju tat-Taxxa għat‑8, għas‑16 u għas‑17‑il distrett ta’ Vjenna, l-Awstrija) (iktar ’il quddiem l-“Awtorità tat-Taxxa”), dwar ir-rifjut ta’ din tal-aħħar li tagħtiha allowances tal-familja.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Ir‑Regolament Nru 883/2004

3

Il-premessi 12 u 16 tar-Regolament Nru 883/2004 huma fformulati kif ġej:

“(12)

Fid-dawl ta’ proporzjonalità, għandha tingħata attenzjoni sabiex ikun assigurat li l-prinċipju ta’ assimilazzjoni ta’ fatti jew każijiet ma jwassalx għal riżultati li, b’mod oġġettiv, ma jkunux ġustifikati jew għall-overlapping ta’ benefiċċji ta’ l-istess tip għall-istess perjodu.

[…]

(16)

Fil-Komunità, bħala prinċipju, ma teżistix ġustifikazzjoni biex drittijiet ta’sigurtà soċjali jsiru dipendenti fuq il-post ta’ residenza tal-persuna konċernata; madanakollu, f’każijiet speċifiċi, b’mod partikolari fir-rigward ta’ benefiċċji marbuta mal-kuntest ekonomiku u soċjali tal-persuna involuta, il-post ta’ residenza jista’ jittieħed in konsiderazzjoni.”

4

Skont l-Artikolu 1(z) ta’ dan ir-regolament:

“‘[B]enefiċċju marbut mal-familja’ tfisser il-benefiċċji kollha in natura jew fi flus maħsuba biex jagħmlu tajjeb għall-ispejjeż tal-familja, minbarra għotjiet ta’ pagamenti għall-manteniment u allowances speċjali marbutin mat-twelid ta’ tarbija u ma’ adozzjoni msemmija fl-Anness I.”

5

L-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament, bit-titolu “Persuni koperti”, jipprovdi, fil‑paragrafu 1 tiegħu:

“Dan ir-Regolament għandhu japplika għal ċittadini ta’ Stat Membru, persuni mingħajr Stat u refuġjati li għandhom ir-residenza tagħhom fi Stat Membru li huma jew li kienu suġġetti għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru jew ta’ aktar minn Stat Membru wieħed, kif ukoll għall-membri tal-familji tagħhom u għas-superstiti tagħhom.”

6

L-Artikolu 3(1) tal-istess regolament jipprovdi:

“Dan ir-Regolament għandu japplika għal-leġislazzjoni kollha li tikkonċerna l-fergħat li ġejjin tas-sigurtà soċjali:

[…]

(j) benefiċċji marbuta mal-familja.”

7

L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004, bit-titolu “Trattament ugwali”, jipprevedi:

“Sakemm dan ir-Regolament ma jgħidx mod ieħor, persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom igawdu l-istess benefiċċji u għandhom ikunu suġġetti għall-istess obbligi taħt il-leġislazzjoni ta’ kull Stat Membru daqs li kieku kienu ċittadini ta’ dak l-Istat Membru.”

8

L-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, bit-titolu “Trattament ugwali ta’ benefiċċji, dħul, fatti u każijiet”, huwa fformulat kif ġej:

“Sakemm dan ir-Regolament ma jgħidx mod ieħor, u fid-dawl tad-disposizzjonijiet speċjali ta’ implimentazzjoni stabbiliti, għandu japplika dan li ġej:

(a)

meta, taħt il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru kompetenti, ir-riċeviment ta’ benefiċċji tas-sigurtà soċjali u ta’ dħul ieħor joħloq ċerti effetti legali, id-disposizzjonijiet rilevanti ta’ dik il-leġislazzjoni għandhom japplikaw ukoll għar-riċeviment ta’ benefiċċji ekwivalenti miksuba taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru ieħor u għal dħul miksub fi Stat Membru ieħor;

(b)

meta, taħt il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru kompetenti, jkunu attribwiti ċerti effetti legali meta jseħħu ċerti fatti jew każijiet, dak l-Istat Membru għandu jqis fatti u każijiet simili li jseħħu fi kwalunkwe Stat Membru bħallikieku seħħew fit-territorju tiegħu.”

9

L-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament huwa fformulat kif ġej:

“Sakemm dan ir-Regolament ma jgħidx mod ieħor, benefiċċji fi flus mogħtija taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru wieħed jew ta’ aktar minn Stat Membru wieħed jew taħt dan ir-Regolament, ma għandhomx ikunu suġġetti għal xi riduzzjoni, bidla, sospensjoni, waqfa jew sekwestru minħabba l-fatt li l-benefiċjarju jew il-membri tal-familja tiegħu jew tagħha jkollhom ir-residenza tagħhom fi Stat Membru ieħor u mhux fl-Istat Membru fejn tinstab l-istituzzjoni responsabbli għall-għoti ta’ benefiċċji.”

10

Skont l-Artikolu 11 tal-istess regolament, bit-titolu “Regoli ġenerali”:

“1.   Il-persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom ikunu suġġetti għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru wieħed biss. Din il-leġislazzjoni għandha tkun determinata skond dan it-Titolu.

[…]

3.   Bla ħsara għall-Artikolu 12 sa 16:

(a)

persuna li twettaq attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha fi Stat Membru għandha tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat Membru;

(b)

persuna impjegata maċ-ċivil għandha tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru li għalih hija suġġetta l-amministrazzjoni li timpjegah jew li timpjegaha;

(ċ)

persuna li tirċievi benefiċċji minħabba li ma taħdimx skond l-Artikolu 65 taħt il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru fejn għandha r-residenza tagħha, għandha tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat Membru;

(d)

persuna msejħa jew imsejħa mill-ġdid biex isservi fil-forzi armati jew biex tagħmel servizz maċ-ċivil fi Stat Membru, għandha tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat Membru;

(e)

kull persuna oħra li għaliha ma japplikawx is-subparagrafi (a) sa (d) għandha tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru fejn għandha r-residenza tagħha: dan iżda mingħajr ħsara għal disposizzjonijiet oħra ta’ dan ir-Regolament li jiggarantixxu benefiċċji taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru ieħor jew ta’ Stati Membri oħra.

[…]”.

11

L-Artikoli 12 sa 16 tar-Regolament Nru 883/2004 jipprevedu r-regoli speċifiċi applikabbli għall-persuni suġġetti għal kollokament (Artikolu 12), għall-persuni li jeżerċitaw attività f’żewġ Stati Membri jew iktar (Artikolu 13), għall-persuni li għażlu assigurazzjoni volontarja jew assigurazzjoni kontinwata mhux obbligatorja (Artikolu 14), għall-membri tal-persunal bil-kuntratt tal-istituzzjonijiet Ewropej (Artikolu 15), kif ukoll id-derogi mill-Artikoli 11 sa 15 ta’ dan ir-regolament (Artikolu 16).

12

L-Artikoli 67 u 68 tal-imsemmi regolament huma inklużi fil-Kapitolu 8, bit-titolu “Benefiċċji marbutin mal-familja”, tat-Titolu III tal-istess regolament. Taħt it‑titolu “Membri tal-familja li għandhom ir-residenza tagħhom fi Stat Membru ieħor”, dan l-Artikolu 67 jipprovdi:

“Persuna għandha tkun intitolata għal benefiċċji marbutin mal-familja skond il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru kompetenti, inklużi l-membri tal-familja tagħha li għandhom ir-residenza tagħhom fi Stat Membru ieħor, bħallikieku dawn kellhom ir-residenza tagħhom fl-Istat Membru kompetenti. Madanakollu, pensjonant għandu jkun intitolat għal benefiċċji marbutin mal-familja skond il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru kompetenti għall-pensjoni tiegħu.”

13

L-Artikolu 68 tar-Regolament Nru 883/2004, bit-titolu “Regoli dwar preċedenza fil-każ ta’ overlapping”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Meta, matul l-istess perjodu u għall-istess membri tal-familja, jingħataw benefiċċji taħt il-leġislazzjoni ta’ aktar minn Stat Membru wieħed, dawn ir-regoli dwar preċedenza għandhom japplikaw:

(a)

fil-każ ta’ benefiċċji li għandhom jitħallsu minn aktar minn Stat Membru wieħed fuq bażijiet differenti, l-ordni ta’ preċedenza għandha tkun kif ġej: l-ewwel nett, drittijiet mogħtija fuq il-bażi ta’ attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha, it-tieni nett, drittijiet mogħtija fuq il-bażi ta’ riċeviment ta’ pensjoni, u fl-aħħar nett, drittijiet miksuba fuq il-bażi ta’ residenza;

(b)

fil-każ ta’ benefiċċji li għandhom jitħallsu minn aktar minn Stat Membru wieħed fuq l-istess bażi, l-ordni ta’ preċedenza għandha tkun stabbilita b’referenza għal kriterji sussidjarji li ġejjin:

(i)

fil-każ ta’ drittijiet mogħtija fuq il-bażi ta’ attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha: il-post ta’ residenza tat-tfal, sakemm ikun hemm attività bħal din, u b’mod addizzjonali, fejn jixraq, l-akbar ammont ta’ benefiċċji mogħti mill-leġislazzjonijiet differenti. Fil-każ imsemmi l-aħħar, l-ispejjeż tal-benefiċċji għandhom jinqassmu skond il-kriterji stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni;

(ii)

fil-każ ta’ drittijiet mogħtija fuq il-bażi ta’ riċeviment ta’ pensjonijiet: il-post ta’ residenza tat-tfal, sakemm pensjoni hija pagabbli taħt il-leġislazzjoni ta’ dan il-post, u b’mod addizzjonali, fejn jixraq, l-itwal perjodu ta’ assigurazzjoni jew residenza taħt il-leġislazzjonijiet differenti;

(iii)

fil-każ ta’ drittijiet mogħtija fuq il-bażi ta’ residenza: il-post ta’ residenza tat-tfal.

2.   Fil-każ li jkun hemm overlapping bejn il-benefiċċji li għalihom hija intitolata persuna, benefiċċji marbutin mal-familja għandhom jingħataw skond il-leġislazzjoni indikata bħala l-leġislazzjoni li għandha preċedenza skond il-paragrafu 1. L-intitolar għal benefiċċji tal-familja taħt leġislazzjoni jew leġislazzjonijiet oħrajn li ma jaqblux għandu jkun sospiż sa’ l-ammont stabbilit mill-ewwel leġislazzjoni u għandu jingħata suppliment biex jagħmel tajjeb għad-differenza, jekk ikun meħtieġ, fis-somma li taqbeż dan l-ammont. Madanakollu, dan is-suppliment ma hemmx bżonn li jingħata fil-każ ta’ tfal li huma residenti fi Stat Membru ieħor meta l-persuna tkun intitolata għall-benefiċċju konċernat fuq il-bażi ta’ residenza biss.

3.   Jekk, taħt l-Artikolu 67, tkun sottomessa applikazzjoni għal benefiċċji marbutin mal-familja lill-istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru li l-leġislazzjoni tiegħu hija applikabbli, iżda mhux bi dritt ta’ preċedenza skond il-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu:

(a)

dik l-istituzzjoni għandha tibgħat dik l-applikazzjoni mingħajr dewmien lill-istituzzjoni kompetenti ta’ l-Istat Membru li l-leġislazzjoni tapplika bi preċedenza, tinforma lill-persuna konċernata u, mingħajr ħsara għad-disposizzjonijiet tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni dwar l-għoti proviżjonali ta’ benefiċċji, tagħti jekk ikun hemm bżonn is-suppliment li jagħmel tajjeb għad-differenza msemmi fil-paragrafu 2;

(b)

l-istituzzjoni kompetenti ta’ l-Istat Membru li l-leġislazzjoni tiegħu tapplika bi preċedenza għandha tipproċessa din l-applikazzjoni bħallikieku kienet sottomessa direttament lilha, u d-data li fiha din l-applikazzjoni kienet sottomessa lill-ewwel istituzzjoni għandha titqies bħala d-data ta’ meta saret it-talba lill-istituzzjoni li għandha preċedenza.”

Ir‑Regolament Nru 987/2009

14

L-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 987/2009 jipprovdi:

“(1)   Fejn hemm differenza fl-opinjonijiet bejn l-istituzzjonijiet ta’ żewġ Stati Membri jew aktar dwar id-determinazzjoni tar-residenza ta’ persuna li għaliha japplika r-[Regolament Nru 883/2004], dawn l-istituzzjonijiet għandhom jistabbilixxu bi ftehim komuni ċ-ċentru ta’ interessi tal-persuna kkonċernata, abbażi ta’ evalwazzjoni globali tal-informazzjoni kollha disponibbli relatata mal-fatti relevanti, li jistgħu jinkludu fejn ikun il-każ:

(a)

it-tul ta’ żmien u l-kontinwità tal-preżenza fit-territorju tal-Istati Membri kkonċernati;

(b)

is-sitwazzjoni tal-persuna, li tinkludi:

(i)

in-natura u l-karatteristiċi speċifiċi ta’ kwalunkwe attività li titwettaq, b’mod partikolari l-post fejn din l-attività normalment titwettaq, l-istabbiltà tal-attività u t-tul ta’ żmien ta’ kwalunkwe kuntratt tax-xogħol;

(ii)

l-istatus tal-familja u r-rabtiet tal-familja tagħha;

(iii)

it-twettiq ta’ kwalunkwe attività mingħajr ħlas;

(iv)

fil-każ ta’ studenti, is-sors tad-dħul tagħhom;

(v)

is-sitwazzjoni tad-dar domestika tagħha, partikolarment kemm hi permanenti;

(vi)

l-Istat Membru li fih il-persuna hija meqjusa li tirrisjedi għal finijiet ta’ tassazzjoni.

(2)   Fejn l-konsiderazzjoni tal-kriterji diversi bbażati fuq il-fatti relevanti kif stabbilit fil-paragrafu 1 ma twassalx għal qbil bejn l-istituzzjonijiet konċernati, l-intenzjoni tal-persuna, kif hi tidher minn tali fatti u ċirkostanzi, speċjalment ir-raġunijiet li wasslu lill-persuna biex tiċċaqlaq, għandhom jiġu kkunsidrati bħala deċiżivi meta jkun qed jiġi stabbilit il-Stat Membru ta’ residenza reali ta’ dik il-persuna.”

15

L-Artikolu 60 (2) u (3) tar-Regolament Nru 987/2009 jipprevedi:

“(2)   L-istituzzjoni li ssirilha applikazzjoni taħt il-paragrafu 1 għandha teżamina l-applikazzjoni abbażi tal-informazzjoni ddettaljata mogħtija mill-applikant, billi tikkunsidra s-sitwazzjoni de facto u legali ġenerali tal-familja tal-applikant.

Jekk dik l-istituzzjoni tikkonkludi li l-leġislazzjoni tagħha hija applikabbli bi dritt ta’ preċedenza taħt l-Artikolu 68(1) u (2) tar-[Regolament Nru 883/2004], hija għandha tipprovdi l-benefiċċji marbutin mal-familja konformement mal-leġislazzjoni li hi tapplika.

Jekk dik l-istituzzjoni jidhrilha li jista’ jkun hemm id-dritt għal supplement għad-differenza bis-saħħa tal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru ieħor taħt l-Artikolu 68(2) tar-[Regolament Nru 883/2004], dik l-istess istituzzjoni għandha tgħaddi l-applikazzjoni mingħajr dewmien lill-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru l-ieħor u tinforma lill-persuna kkonċernata; barra minn hekk, hija għandha tinforma lill-istituzzjoni tal-Istat Membru l-ieħor bid-deċiżjoni tagħha dwar l-applikazzjoni u bl-ammont ta’ benefiċċji marbutin mal-familja mħallas.

(3)   Fejn l-istituzzjoni li ssirilha l-applikazzjoni tikkonkludi li l-leġislazzjoni tagħha tkun applikabbli, iżda mhux bi dritt ta’ preċedenza taħt l-Artikolu 68(1) u (2) tar-[Regolament Nru 883/2004], hija għandha tieħu deċiżjoni provviżorja, mingħajr dewmien, dwar ir-regoli ta’ preċedenza li għandhom jiġu applikati u tibgħat l-applikazzjoni, taħt l-Artikolu 68(3) tar-[Regolament Nru 883/2004], lill-istituzzjoni tal-Istat Membru l-ieħor u għandha tinforma wkoll lill-applikant b’dan. Dik l-istituzzjoni għandha tieħu pożizzjoni dwar id-deċiżjoni provviżorja fi żmien xahrejn.

Jekk l-istituzzjoni li lilha ntbagħtet l-applikazzjoni ma tiħux pożizzjoni fi żmien xahrejn minn meta tirċievi l-applikazzjoni, għandha tapplika d-deċiżjoni provviżorja msemmija hawn fuq u l-istituzzjoni għandha tħallas il-benefiċċji previsti fil-leġislazzjoni tagħha u tinforma lill-istituzzjoni li saritilha l-applikazzjoni bl-ammont tal-benefiċċji mħallas.”

Ir‑Regolament Nru 492/2011

16

L-Artikolu 7(1) u (2) tar-Regolament Nru 492/2011 jipprovdi:

“1.   Ħaddiem ċittadin ta’ xi Stat Membru ma jistax, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, ikun trattat b’mod differenti minn ħaddiema nazzjonali minħabba ċ-ċittadinanza tiegħu fir-rigward ta’ kwalunkwe kondizzjoni tal-impjieg u tax-xogħol, partikolarment fir-rigward ta’ paga, tkeċċija u jekk hu jisfa’ mingħajr xogħol, ingaġġ mill-ġdid jew impjieg mill-ġdid.

2.   Huwa għandu jgawdi l-istess vantaġġi soċjali u ta’ taxxa bħall-ħaddiema nazzjonali.”

Id‑dritt Awstrijak

17

L-Artikolu 4(1) tal-Allgemeines Sozialversicherungsgesetz (il-Kodiċi Ġenerali tal-Assigurazzjonijiet Soċjali), tad‑9 ta’ Settembru 1955 (BGBl., 189/1955), fil‑verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprevedi:

“Huma affiljati (kompletament affiljati) fis-sens ta’ din il-liġi federali, mal‑assigurazzjoni għall-mard, mal-assigurazzjoni għall-inċidenti u mal-assigurazzjoni għall-pensjoni, meta l-impjieg ikkonċernat ma huwiex eskluż mill-affiljazzjoni sħiħa konformement mal-Artikoli 5 u 6 u lanqas ma jikkonferixxi biss affiljazzjoni parzjali skont l-Artikolu 7:

[…]

(9) il-persunal tal-kooperazzjoni fil-qasam tal-iżvilupp imsemmi fl-Artikolu 2 tal-[Bundesgesetz über den Personaleinsatz im Rahmen der Zusammenarbeit mit Entwicklungsländern (Entwicklungshelfergesetz) (il-Liġi dwar l-Iskjerament ta’ Persunal fil-Kuntest tal-Kooperazzjoni fil-Qasam tal-Iżvilupp (il-Liġi dwar l-Istatus tal-Ħaddiema Umanitarji fil-Qasam tal-Iżvilupp)), tal‑10 ta’ Novembru 1983 (BGBl., 574/1983)].”

18

Konformement mal-Artikolu 13(1) tal-Liġi dwar l-Istatus tal-Ħaddiema Umanitarji fil-Qasam tal-Iżvilupp, fis-seħħ sal‑31 ta’ Diċembru 2018 u sussegwentement imħassra:

“Il-membri tal-persunal u l-membri tal-familja tagħhom li jgħixu magħhom, sakemm dawn il-persuni jkunu ċittadini Awstrijaċi jew persuni assimilati magħhom taħt id-dritt tal-Unjoni, għandhom jiġu ttrattati, matul il-preparazzjoni u l-missjoni għal dak li jirrigwarda d-dritt għal benefiċċji mill-fond ta’ kumpens għall-allowances tal-familja u għall-kreditu ta’ taxxa għal wild dipendenti skont l-Artikolu 33(3) tal-[Einkommensteuergesetz 1988 (il-Liġi tal‑1988 dwar it-Taxxa fuq id-Dħul)] f’kull waħda mill-verżjonijiet applikabbli, bħallikieku huma ma kinux jirrisjedu b’mod permanenti fil-pajjiż tal-missjoni.”

19

L-Artikolu 26(1) u (2) tal-Bundesabgabenordnung (il-Kodiċi Federali tat-Taxxa), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il‑“BAO”), jipprovdi:

“1.   Fis-sens tad-dispożizzjonijiet fiskali, persuna jkollha domiċilju fil-post li fih hija tokkupa abitazzjoni f’ċirkustanzi li juru li hija ser iżżomm u ser tuża l‑abitazzjoni.

2.   Fis-sens tad-dispożizzjonijiet fiskali, persuna jkollha residenza abitwali fil‑post li fih hija tirrisjedi f’ċirkustanzi li juru li hija ma tirrisjedix sempliċement b’mod temporanju f’dan il-post jew f’dan il-pajjiż.

3.   Iċ-ċittadini Awstrijaċi impjegati minn organu rregolat mid-dritt pubbliku li huma assenjati barra mill-pajjiż (persunal estern), għandhom jiġu assimilati ma’ persuni li għandhom ir-residenza abitwali tagħhom fil-bini tad-direttorat tad‑dipartiment. L-istess japplika għall-konjuġi tagħhom sakemm il-koppja tgħix b’mod permanenti f’unità domestika, u għall-ulied minuri tagħhom li jifformaw parti mill-unità domestika tagħhom.”

20

Skont l-Artikolu 1 tal-Bundesgesetz betreffend den Familienlastenausgleich durch Beihilfen (il-Liġi dwar il-Kumpens għall-Ispejjeż tal-Familja Permezz ta’ Allowances), tal‑24 ta’ Ottubru 1967 (BGBl., 376/1967), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“FLAG”) il-benefiċċji previsti huma “mogħtija bil-għan li jikkumpensaw spejjeż fl-interessi tal-familja”.

21

Skont l-Artikolu 2(1) tal-FLAG, il-persuni li għandhom id-domiċilju tagħhom jew ir-residenza abitwali tagħhom fit-territorju Awstrijak għandhom dritt għall‑allowances tal-familja għall-ulied minorenni.

22

L-Artikolu 2(8) tal-FLAG jipprevedi li l-persuni għandhom dritt għall-allowances tal-familja biss jekk iċ-ċentru tal-interessi tagħhom ikun jinsab fit-territorju Awstrijak. Iċ-ċentru tal-interessi ta’ persuna jinsab fl-Istat li miegħu hija għandha l-eqreb rabtiet personali u ekonomiċi.

23

Skont l-Artikolu 5(3) tal-FLAG, l-ulied li jirrisjedu b’mod permanenti barra mill‑pajjiż ma jagħtux dritt għall-allowances tal-familja.

24

L-Artikolu 8 tal-FLAG jirregola l-ammonti tal-allowances tal-familja u jistabbilixxi, fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu, livell ibbażat fuq in-numru ta’ ulied u livell ibbażat fuq l-età tagħhom. L-allowances tal-familja jiżdiedu f’intervalli regolari permezz ta’ deċiżjoni tal-Verfassungsgerichtshof (il-Qorti Kostituzzjonali, l-Awstrija).

25

L-Artikolu 53 tal-FLAG jipprovdi kif ġej:

“(1)   Fil-kuntest ta’ din il-liġi federali, iċ-ċittadini tal-Partijiet fil-[Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat‑2 ta’ Mejju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 52, p. 3)] għandhom, sa fejn dan jirriżulta mill-Ftehim iċċitat iktar ’il fuq, jiġu assimilati maċ-ċittadini Awstrijaċi. F’dan il-kuntest, ir-residenza permanenti ta’ wild fi Stat taż-Żona Ekonomika Ewropea għandha, skont id-dispożizzjonijiet Komunitarji, tiġi assimilata ma’ residenza permanenti ta’ wild fl-Awstrija.

[…]

(4)   It-tieni sentenza tal-paragrafu 1 ma tapplikax għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 8a(1) sa (3).

(5)   L-Artikolu 26(3) tal-BAO […] għandu japplika sal‑31 ta’ Diċembru 2018 għal dak li jirrigwarda benefiċċji koperti minn din il-liġi federali. Mill‑1 ta’ Jannar 2019, l-Artikolu 26(3) tal-BAO għandu japplika għall-benefiċċji koperti minn din il-liġi federali biss għall-persuni assenjati barra mill-pajjiż li jeżerċitaw attività f’isem kollettività territorjali”.

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

26

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u t-tliet uliedha, l-erbgħa li huma ċittadini Ġermaniżi, għandhom id-domiċilju tagħhom irreġistrat fil-Ġermanja. Il-konjuġi tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li huwa missier it-tliet ulied, huwa ċittadin Brażiljan u qatt ma kellu domiċilju rreġistrat fil-Ġermanja.

27

Sa mis-sena 2002, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ħadmet bħala ħaddiema umanitarja fil-qasam tal-iżvilupp. Bejn is-sena 2013 u s-sena 2016, il-familja għexet b’mod alternattiv fil-Ġermanja u fil-Brażil, fejn il-konjuġi tar-rikorrenti fil‑kawża prinċipali għandu proprjetajiet immobbli u fejn huwa kien jaħdem bħala bidwi.

28

Fis‑6 ta’ Settembru 2016, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kkonkludiet kuntratt ta’ xogħol ma’ organizzazzjoni mhux governattiva Awstrijaka. Bis-saħħa ta’ dan il‑kuntratt, il-post ta’ assenjazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali kien fi Vjenna (l-Awstrija) u l-membri tal-familja tagħha kif ukoll hija stess kienu jaqgħu għas-sigurtà soċjali taħt il-Wiener Gebietskrankenkasse (il-Fond ta’ Mard Lokali ta’ Vjenna, l-Awstrija). Wara li segwiet kors preparatorju fi Vjenna bejn its‑6 ta’ Settembru u l‑21 ta’ Ottubru 2016, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali bdiet missjoni fl-Uganda fil‑31 ta’ Ottubru 2016. Din il-missjoni, li matulha hija kienet akkumpanjata mill-familja tagħha, damet sal‑15 ta’ Awwissu 2019 u ġiet interrotta biss, bejn is‑17 ta’ Ottubru 2017 u s‑7 ta’ Frar 2018, minħabba t-twelid tat-tielet wild tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Matul din l-interruzzjoni, din tal‑aħħar għexet fi kmamar imqiegħda għad-dispożizzjoni tagħha fl-abitazzjoni tal-ġenituri tagħha fil-Ġermanja u rċeviet allowance tat-twelid imħallsa mill-Fond ta’ Mard Lokali ta’ Vjenna. Mill‑15 ta’ Awwissu sal‑15 ta’ Settembru 2019, jiġifieri l-aħħar xahar qabel it-tmiem tal-kuntratt ta’ xogħol tagħha, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali bbenefikat minn perijodu ta’ reintegrazzjoni fi Vjenna. Matul dan il-perijodu, l-istess bħal matul il-kors preparatorju tagħha, ir-rikorrenti fil‑kawża prinċipali kellha domiċilju fi Vjenna li kien tqiegħed għad-dispożizzjoni tagħha mill-persuna li timpjega taħt ċerti kundizzjonijiet, fis-sens li r-rikorrenti fil‑kawża prinċipali u l-familja tagħha setgħu jużawh biss matul il-perijodu ta’ taħriġ u l-perijodu ta’ reintegrazzjoni. Matul il-missjonijiet barra mill-pajjiż tar‑rikorrenti fil-kawża prinċipali, l-abitazzjoni inkwistjoni kienet tqiegħdet għad‑dispożizzjoni ta’ ħaddiema umanitarji fil-qasam tal-iżvilupp oħra. Matul dawn il-perijodi, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kif ukoll uliedha u żewġha kienu rreġistrati fl-Awstrija bħala d-domiċilju prinċipali tagħhom.

29

Meta r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet teżerċita l-funzjonijiet tagħha bħala ħaddiema umanitarja fil-qasam tal-iżvilupp, żewġha, li kien jakkumpanjaha fil‑missjonijiet tagħha barra mill-pajjiż, kien jieħu ħsieb ix-xogħlijiet tad-dar. Matul il-perijodu li fih hija kienet fuq missjoni, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet tqatta’ l-vaganzi tagħha fil-Ġermanja, fejn hija għandha kontijiet bankarji.

30

Sa Settembru 2016, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali bbenefikat minn allowance tal-familja mħallsa mill-awtorità kompetenti Ġermaniża għall-ewwel żewġ uliedha. Permezz ta’ deċiżjoni ta’ din l-awtorità tas‑26 ta’ Settembru 2016, din l‑allowance ġiet annullata, minħabba li r-Repubblika tal-Awstrija kienet kompetenti għall-benefiċċji tal-familja, fid-dawl tal-fatt li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet issa taħdem fl-Awstrija u li żewġha ma kienx jeżerċita attività professjonali fil-Ġermanja.

31

Fil‑5 ta’ Ottubru 2016, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqet applikazzjoni għal allowances tal-familja quddiem l-Awtorità tat-Taxxa għall-ewwel żewġ uliedha u, fit‑8 ta’ Jannar 2018, l-istess applikazzjoni għat-tielet wild tagħha. Hija sostniet li l-familja tagħha ma kellhiex residenza komuni fil-Ġermanja jew fil-Brażil, peress li l-membri kollha tagħha kienu normalment jakkumpanjawha fil-postijiet ta’ assenjazzjoni tagħha, waqt il-missjonijiet tagħha barra mill-pajjiż. Meta r‑rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqet dawn l-applikazzjonijiet, il-post ta’ assenjazzjoni tagħha kien l-Uganda.

32

L-Awtorità tat-Taxxa ċaħdet l-applikazzjonijiet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali minħabba li hija ma kellhiex dritt għall-benefiċċji tal-familja Awstrijaċi, peress li l-attività tagħha ta’ ħaddiema umanitarja fil-qasam tal-iżvilupp kienet eżerċitata f’pajjiż terz. Għaldaqstant, hija ma teżerċitax attività bħala persuna impjegata fl‑Awstrija, fis-sens tal-Artikolu 11(3)(a) tar-Regolament Nru 883/2004, u għaldaqstant ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. Barra minn hekk, l-appartament tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali fi Vjenna ma jikkostitwixxix “residenza”, u lanqas ma jippermetti “żjara”, fis-sens tal‑Artikolu 1(j) u (k) tal-imsemmi regolament, bil-konsegwenza li r-Repubblika tal-Awstrija ma hijiex l-Istat Membru ta’ residenza, fis-sens tal-Artikolu 11(3)(e) tal-istess regolament. Barra minn hekk, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali lanqas ma għandha dritt għall-benefiċċji tal-familja bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet nazzjonali.

33

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentat rikors kontra dawn id-deċiżjonijiet fejn sostniet li r-Repubblika tal-Awstrija hija l-Istat Membru li fih hija kienet teżerċita attività bħala persuna impjegata, fis-sens tal-Artikolu 11(3)(a) tar‑Regolament Nru 883/2004, peress li, skont il-kuntratt ta’ xogħol tagħha, Vjenna kienet il-post ta’ assenjazzjoni tagħha. Barra minn hekk, l-istruzzjonijiet tagħha kienu ngħatawlha meta hija telqet minn Vjenna u l-kors preparatorju kif ukoll ix-xahar ta’ reintegrazzjoni seħħew ukoll f’din il-belt. Barra minn hekk, hija rreġistrat lilha nnifisha fi Vjenna u ċ-ċentru tal-interessi tagħha kien jinsab hemmhekk.

34

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesfinanzgericht (il-Qorti Federali tal-Finanzi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)

L-Artikolu 11(3)(e) tar-Regolament [Nru 883/2004] għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri b’mod partikolari sitwazzjoni li fiha ħaddiema impjegata ċittadina ta’ Stat Membru fejn hija u uliedha għandhom ir-residenza tagħhom, li taġixxi bħala ħaddiema fil-qasam tal-iżvilupp f’relazzjoni ta’ xogħol ma’ persuna li timpjega li għandha s-sede tagħha fi Stat Membru ieħor, li taqa’ skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat tas-sede taħt is-sistema ta’ assigurazzjoni obbligatorja, li hija kkollokata mill-persuna li timpjegaha fi Stat terz mhux immedjatament wara r-reklutaġġ tagħha iżda fi tmiem perijodu ta’ taħriġ u li mbagħad tiġi lura fl-Istat tas-sede għal fażi ta’ reintegrazzjoni?

(2)

Dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali bħall-Artikolu 53(1) tal-[FLAG] li tistabbilixxi b’mod partikolari sistema awtonoma ta’ assimilazzjoni għaċ-ċittadini Awstrijaċi tikser il-projbizzjoni ta’ traspożizzjoni ta’ regolamenti fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE?

It-tielet u r-raba’ domandi jikkonċernaw il-każ fejn is-sitwazzjoni tar-[rikorrenti fil-kawża prinċipali] taqa’ taħt l-Artikolu 11(3)(e) tar-Regolament Nru 883/2004 u fejn id-dritt tal-Unjoni jobbliga esklużivament l-Istat ta’ residenza sabiex jipprovdi benefiċċji tal-familja.

(3)

Il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità stabbilit għall-ħaddiema impjegati fl-Artikolu 45(2) TFUE u, sussidjarjament, fl-Artikolu 18 TFUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regola nazzjonali bħall-Artikolu 13(1) tal-[Liġi dwar l-Istatus tal-Ħaddiema Umanitarji fil-Qasam tal-Iżvilupp], fil-verżjoni fis-seħħ sal‑31 ta’ Diċembru 2018, li tissuġġetta d-dritt għal benefiċċji tal-familja fl-Istat Membru li ma għandux kompetenza skont id-dritt tal-Unjoni għall-kundizzjoni li l-ħaddiem fil-qasam tal-iżvilupp kellu qabel il-bidu tal-impjieg iċ-ċentru tal-interessi tiegħu, jiġifieri r-residenza abitwali tiegħu, fit-territorju tal-Istat Membru tas-sede, filwaqt li jitqies li din il-kundizzjoni għandha tiġi ssodisfatta wkoll miċ-ċittadini Awstrijaċi?

(4)

L-Artikolu 68(3) tar-Regolament Nru 883/2004 u l-Artikolu 60(2) u (3) tar-Regolament [Nru 987/2009] għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-istituzzjoni tal-Istat Membru li r-[rikorrenti fil-kawża prinċipali] ppreżumiet li għandu bi prijorità l-kompetenza bħala Stat tal-impjieg u li fih tressqet l-applikazzjoni għal benefiċċji tal-familja, meta l-leġiżlazzjoni tiegħu la hija applikabbli b’mod prijoritarju u lanqas b’mod sekondarju, [u li fih] jeżisti madankollu dritt għal benefiċċji tal-familja fuq il-bażi ta’ regola sussidjarja tad-dritt tal-Istat Membru, għandha tapplika b’analoġija d-dispożizzjonijiet dwar l-obbligu li l-applikazzjoni tintbagħat, li l-parti kkonċernata tiġi informata, li tittieħed deċiżjoni provviżorja dwar ir-regoli ta’ prijorità applikabbli u dwar l-għoti ta’ benefiċċju ta’ flus provviżorju?

(5)

L-obbligu li tittieħed deċiżjoni provviżorja dwar ir-regoli ta’ prijorità applikabbli huwa impost biss fuq l-[Awtorità tat-Taxxa] bħala istituzzjoni jew huwa impost ukoll fuq il-qorti amministrattiva adita b’rikors?

(6)

F’liema mument hija l-qorti amministrattiva marbuta tieħu deċiżjoni provviżorja dwar ir-regoli ta’ prijorità applikabbli?

(7) Is-seba’ domanda tikkonċerna l-każ fejn is-sitwazzjoni tar-[rikorrenti fil-kawża prinċipali] taqa’ taħt l-Artikolu 11(3)(a) tar-Regolament Nru 883/2004 u fejn id-dritt tal-Unjoni jimponi fuq l-Istat tal-impjieg flimkien mal-Istat ta’ residenza l-obbligu li jipprovdu benefiċċji tal-familja.

(7)

L-espressjoni ‘dik l-istituzzjoni għandha tibgħat dik l-applikazzjoni’ li tinsab fl-Artikolu 68(3)(a) tar-Regolament Nru 883/2004 u l-espressjoni ‘hija għandha tibgħat (…) l-applikazzjoni’ li tinsab fl-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 987/2009 għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn id-dispożizzjonijiet jorbtu reċiprokament lill-istituzzjoni tal-Istat Membru b’kompetenza ta’ prijorità u lill-istituzzjoni tal-Istat Membru b’kompetenza sekondarja sal-punt li huma ż-żewġ Stati Membri li għandhom jissodisfaw konġuntament applikazzjoni WAĦDA (waħda biss) għall-benefiċċji tal-familja jew il-ħlas kumplimentari obbligatorju jekk ikun il-każ tal-istituzzjoni tal-Istat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu hija applikabbli f’livell sekondarju, għandu jintalab separatament mill-applikant b’mod li l-applikant għandu jressaq żewġ applikazzjonijiet fiżiċi (formoli) quddiem żewġ istituzzjonijiet ta’ żewġ Stati Membri, li fir-rigward tagħhom jiddekorru naturalment żewġ termini distinti?

It-tmien u d-disa’ domanda jikkonċernaw il-perijodu wara l‑1 ta’ Jannar 2019, data li fiha l-Awstrija introduċiet fl-istess ħin l-indiċjar tal-benefiċċji tal-familja u waqqfet l-għoti tagħhom lill-ħaddiema fil-qasam tal-iżvilupp billi ħassret l-Artikolu 13(1) tal-[Liġi dwar l-Istatus tal-Ħaddiema Umanitarji fil-Qasam tal-Iżvilupp].

(8)

L-Artikoli 4(4), 45, 208 TFUE, l-Artikolu 4(3) TUE u l-Artikoli 2, 3, 7 u t-Titolu II tar-Regolament Nru 883/2004 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu b’mod ġenerali lil Stat Membru milli jwaqqaf il-benefiċċji tal-familja għall-ħaddiem fil-qasam tal-iżvilupp li jieħu lill-membri tal-familja tiegħu fil-post assenjat lilu fl-Istat terz?

Sussidjarjament, id-disa’ domanda:

(9)

L-Artikoli 4(4), 45, 208 TFUE, l-Artikolu 4(3) TUE u l-Artikoli 2, 3, 7 u t-Titolu II tar-Regolament Nru 883/2004 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik tal-kawża prinċipali, jiggarantixxu, lil ħaddiem fil-qasam tal-iżvilupp li jkun diġà kiseb dritt għal benefiċċji tal-familja għal perijodi preċedenti, żamma individwali konkreta ta’ dan id-dritt għal perijodi [sussegwenti] minkejja li l-Istat Membru jkun ħassar l-għoti ta’ benefiċċji tal-familja għall-ħaddiema fil-qasam tal-iżvilupp?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel domanda

35

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 11(3)(a) tar-Regolament Nru 883/2004 għandux jiġi interpretat fis‑sens li ħaddiema impjegata ċittadina ta’ Stat Membru li hija stess u wliedha huma residenti tiegħu, li hija rreklutata fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ xogħol bħala ħaddiema umanitarja fil-qasam tal-iżvilupp minn persuna li timpjega li għandha s‑sede tagħha fi Stat Membru ieħor, li taqa’, skont il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor, taħt l-iskema ta’ sigurtà soċjali obbligatorja ta’ dan tal-aħħar, li hija assenjata f’pajjiż terz mhux immedjatament wara r-reklutaġġ tagħha, iżda fi tmiem perijodu ta’ taħriġ fl-imsemmi Stat Membru l-ieħor u li fih hija sussegwentement tirritorna għal fażi ta’ reintegrazzjoni, għandha titqies bħala li teżerċita attività bħala persuna impjegata fih, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jew jekk, fin-nuqqas ta’ dan, is-sitwazzjoni ta’ tali ħaddiema taqax taħt l‑Artikolu 11(3)(e) ta’ dan ir-regolament.

36

Bil-għan li tingħata risposta għal din id-domanda, jeħtieġ, qabel kollox, li jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-sempliċi fatt li l-attivitajiet ta’ ħaddiem jitwettqu barra mit-territorju tal-Unjoni ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi eskluża l-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar il-moviment liberu tal‑ħaddiema, u b’mod partikolari tar-Regolament Nru 883/2004, sakemm ir‑relazzjoni ta’ xogħol iżżomm rabta suffiċjentement stretta ma’ dan it-territorju (sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Inspecteur van de Belastingdienst, C‑631/17, EU:C:2019:381, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

Rabta suffiċjentement stretta bejn ir-relazzjoni ta’ xogħol inkwistjoni u t-territorju tal-Unjoni tirriżulta, b’mod partikolari, mill-fatt li ċittadin tal-Unjoni, residenti fi Stat Membru, ġie rreklutat minn impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor li f’isimha huwa jeżerċita l-attivitajiet tiegħu (sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Inspecteur van de Belastingdienst, C‑631/17, EU:C:2019:381, punt 23 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

38

F’dan il-każ, u fid-dawl tal-informazzjoni li tinsab fit-talba għal deċiżjoni preliminari, għandu jiġi kkonstatat li teżisti rabta suffiċjentement stretta bejn ir‑relazzjoni ta’ xogħol inkwistjoni fil-kawża prinċipali u t-territorju tal-Unjoni, b’mod iktar partikolari mat-territorju Awstrijak. Fil-fatt, il-persuna li timpjega lir‑rikorrenti fil-kawża prinċipali hija stabbilita fl-Awstrija u huwa f’dan l-Istat Membru li hija wettqet perijodu ta’ taħriġ qabel il-missjoni tagħha fl-Uganda kif ukoll perijodu ta’ reintegrazzjoni wara din tal-aħħar. Barra minn hekk, il-kuntratt ta’ xogħol ġie konkluż skont id-dritt Awstrijak, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali hija affiljata mal-iskema ta’ sigurtà soċjali Awstrijaka u hija twettaq il-funzjonijiet tagħha fil-kuntest tal-għajnuna għall-iżvilupp ipprovduta mir-Repubblika tal‑Awstrija. Din l-informazzjoni hija rilevanti wkoll għall-finijiet tal‑applikazzjoni tal-prinċipju ta’ uniċità tal-leġiżlazzjoni applikabbli stabbilit fl‑Artikolu 11 tar-Regolament Nru 883/2004.

39

Sussegwentement, fir-rigward, b’mod iktar preċiż, tal-kwistjoni dwar jekk persuna bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali għandhiex titqies bħala li eżerċitat l-attività tagħha bħala persuna impjegata “fi Stat Membru”, f’dan il-każ ir-Repubblika tal‑Awstrija, fis-sens tal-Artikolu 11(3)(a) tar-Regolament Nru 883/2004, jew jekk hija taqax taħt l-Artikolu 11(3)(e) ta’ dan ir-regolament, għandu jitfakkar li din l‑aħħar dispożizzjoni għandha n-natura ta’ regola residwa, intiża li tapplika għall‑persuni kollha li jkunu jinsabu f’sitwazzjoni li ma tkunx speċifikament irregolata minn dispożizzjonijiet oħra tal-imsemmi regolament, bil-għan li tiġi stabbilita sistema sħiħa ta’ determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Inspecteur van de Belastingdienst, C‑631/17, EU:C:2019:381, punt 31).

40

Fid-dawl ta’ din is-sussidjarjetà, għandu jiġi eżaminat jekk is-sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 11(3)(a) tar-Regolament Nru 883/2004 tikkorrispondix b’mod partikolari għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, filwaqt li huwa mifhum, qabelxejn, li dawk previsti fl-Artikolu 11(3)(b) sa (d) ma għandhom ebda konnessjoni ma’ tali sitwazzjoni.

41

F’dan ir-rigward, f’dan il-każ, għalkemm jidher, prima facie, li r-rikorrenti fil‑kawża prinċipali ma eżerċitatx l-attività tagħha “fi Stat Membru”, peress li hija kienet fuq missjoni fl-Uganda, xorta jibqa’ l-fatt li mill-fajl li għandha l-Qorti tal‑Ġustizzja jirriżulta li, qabel it-tluq tagħha fuq il-missjoni u wara din tal-aħħar, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ħadmet fit-territorju Awstrijak, fejn il-persuna li timpjegaha hija stabbilita, u li hemmhekk hija kellha wkoll akkomodazzjoni għall‑persunal. Barra minn hekk, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, uliedha u żewġha kellhom id-domiċilju prinċipali tagħhom fl-Awstrija matul il-perijodu tal‑kuntratt ta’ xogħol u huma kienu jibbenefikaw hemmhekk minn kopertura soċjali mill-Fond ta’ Mard Lokali ta’ Vjenna.

42

Anki jekk jitqies li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kellha, hekk kif sostniet l‑Awtorità tat-Taxxa quddiem il-qorti tar-rinviju, ir-residenza tagħha fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, sitwazzjoni hekk ikkaratterizzata tkun tixbah lil dik inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 1994, Aldewereld (C‑60/93, EU:C:1994:271), li tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 tal-Kunsill ta’ l‑14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni ta’ l-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1 p. 35), li r‑Regolament Nru 883/2004 ħassar u ssostitwixxa. Dik il-kawża kienet tikkonċerna lill-impjegat ta’ impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor li ma huwiex l-Istat ta’ residenza ta’ dan l-impjegat, li kien jeżerċita l-attivitajiet tiegħu barra mit-territorju tal-Unjoni. Issa, fil-punt 24 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, f’tali sitwazzjoni, il-“leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza tal‑ħaddiem ma tistax tiġi applikata, peress li din il-leġiżlazzjoni ma għandha l‑ebda konnessjoni mar-relazzjoni ta’ xogħol, kuntrarjament għal-leġiżlazzjoni tal‑Istat li fih il-persuna li timpjega hija stabbilita, li għandha, għaldaqstant, tapplika”.

43

Minn dan isegwi li, minkejja l-fatt li, fil-prattika, ix-xogħol li għalih ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ġiet irreklutata mill-persuna Awstrijaka li timpjegaha twettaq barra mit-territorju tal-Unjoni u hija żammet rabtiet fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha, jiġifieri r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, billi kellha hemmhekk akkomodazzjoni mqiegħda għad-dispożizzjoni mill-ġenituri tagħha, għandu jitqies li l-Artikolu 11(3)(a) tar-Regolament Nru 883/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jindika l-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru tal-persuna li timpjegaha, jiġifieri l‑leġiżlazzjoni Awstrijaka, bħala l-unika leġiżlazzjoni li din ir-rikorrenti għandha tkun suġġetta għaliha, mingħajr il-ħtieġa ta’ rikors għar-regola sussidjarja stabbilita fl-Artikolu 11(3)(e).

44

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l‑Artikolu 11(3)(a) tar-Regolament Nru 883/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li ħaddiema impjegata ċittadina ta’ Stat Membru li hija stess u wliedha huma residenti tiegħu, li hija rreklutata fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ xogħol bħala ħaddiema umanitarja fil-qasam tal-iżvilupp minn persuna li timpjega li għandha s-sede tagħha fi Stat Membru ieħor, li taqa’, skont il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor, taħt l-iskema ta’ sigurtà soċjali obbligatorja ta’ dan tal-aħħar, li hija assenjata f’pajjiż terz mhux immedjatament wara r-reklutaġġ tagħha, iżda fi tmiem perijodu ta’ taħriġ fl-imsemmi Stat Membru l-ieħor u li fih hija sussegwentement tirritorna għal fażi ta’ reintegrazzjoni, għandha titqies bħala li teżerċita attività bħala persuna impjegata fih, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Fuq it‑tieni domanda

45

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-adozzjoni, minn Stat Membru, ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li l-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tagħha huwa usa’ minn dak tar-Regolament Nru 883/2004, inkwantu din tipprevedi assimilazzjoni taċ-ċittadini tal-Istati Partijiet fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea maċ-ċittadini tiegħu stess.

46

Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tqis li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali, bħall‑Artikolu 53(1) tal-FLAG, inkwantu, hekk kif jirriżulta mill-punt 11 tas‑sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 1973, Variola (34/73, EU:C:1973:101), tali dispożizzjoni nazzjonali tista’ taħbi mill-partijiet fil-kawża d-dritt tal-Unjoni direttament applikabbli u b’hekk tikkomprometti effettivament il-monopolju ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mogħti lill-Qorti tal-Ġustizzja.

47

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja, għalkemm, minħabba n-natura tagħhom stess u l-funzjoni tagħhom fis-sistema tas-sorsi tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjonijiet tar-regolamenti għandhom, bħala regola ġenerali, effett immedjat fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali, mingħajr ma huwa meħtieġ li l-awtoritajiet nazzjonali jadottaw miżuri ta’ applikazzjoni, uħud mid-dispożizzjonijiet tagħhom jistgħu jeħtieġu, madankollu, għall-implimentazzjoni tagħhom, l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ applikazzjoni mill-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Danske Svineproducenter, C‑316/10, EU:C:2011:863, punti 3940 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48

L-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri ta’ applikazzjoni ta’ regolament jekk dawn ma jostakolawx l-applikabbiltà diretta tiegħu, jekk dawn ma jaħbux in‑natura Komunitarja tiegħu u jekk dawn jippreċiżaw l-eżerċizzju tal-marġni ta’ diskrezzjoni mogħtija lilhom minn dan ir-regolament filwaqt li jibqgħu fil‑parametri tad-dispożizzjonijiet tiegħu (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Danske Svineproducenter, C‑316/10, EU:C:2011:863, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49

F’dan il-każ, u mingħajr ma hemm lok għall-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq il-punt dwar jekk dispożizzjoni bħall-Artikolu 53(1) tal-FLAG tistax tiġi analizzata bħala miżura ta’ implimentazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004 jew le, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, fi kwalunkwe każ, l-applikabbiltà diretta ta’ dan ir-regolament għandha l-effett li tippermetti lill-qrati nazzjonali jistħarrġu l‑konformità tal-miżura nazzjonali mal-kontenut tal-imsemmi regolament (ara, f’dan is-sens, tas‑27 ta’ Settembru 1979, Eridania‑Zuccherifici nazionali u Società italiana per l’industria degli zuccheri, 230/78, EU:C:1979:216, punt 34), u, jekk ikun il-każ, iħallu l-imsemmija miżura inapplikata sabiex tiġi żgurata s‑supremazija tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri, fil-każ tal-kawża prinċipali, dik tar‑Regolament Nru 883/2004.

50

Għaldaqstant, id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix l-adozzjoni ta’ dispożizzjoni bħall-Artikolu 53(1) tal-FLAG, bil-kundizzjoni, madankollu, li din id‑dispożizzjoni nazzjonali tiġi interpretata b’mod konformi mal-Artikolu 4 tar‑Regolament Nru 883/2004 u li s-supremazija ta’ dan tal-aħħar ma tiġix ikkontestata.

51

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix l-adozzjoni, minn Stat Membru, ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li l-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tagħha huwa usa’ minn dak tar-Regolament Nru 883/2004, inkwantu din tipprevedi assimilazzjoni taċ‑ċittadini tal-Istati Partijiet fil-Ftehim dwar iż-Żona Ewropea maċ-ċittadini tiegħu stess, bil-kundizzjoni li din il-leġiżlazzjoni tiġi interpretata b’mod konformi ma’ dan ir-regolament u li s-supremazija ta’ dan tal-aħħar ma tiġix ikkontestata.

Fuq it‑tielet u r‑raba’ domanda

52

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet u għar-raba’ domanda.

Fuq il‑ħames u s‑sitt domanda

53

Permezz tal-ħames u tas-sitt domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-obbligu previst fl-Artikolu 60(3) tar-Regolament Nru 987/2009 li tittieħed deċiżjoni provviżorja f’dak li jirrigwarda l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli bi prijorità huwiex impost biss fuq l-istituzzjoni nazzjonali kompetenti li quddiemha titressaq l-applikazzjoni għal benefiċċji tal-familja jew huwiex impost ukoll fuq il-qorti nazzjonali adita b’rikors f’dan il-kuntest u, fl-affermattiv, f’liema mument din għandha tieħu tali deċiżjoni.

54

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal‑Ġustizzja, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest legali u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir‑responsabbiltà tagħha, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il‑Qorti tal-Ġustizzja tista’ biss tirrifjuta li tiddeċiedi fuq talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali jekk ikun jidher b’mod manifest li l‑interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda relazzjoni mar‑realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et, C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 25 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

55

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju diġà ħadet deċiżjoni provviżorja li tordna lill-istituzzjoni Awstrijaka kompetenti tibgħat l-applikazzjoni għal benefiċċji tal-familja inkwistjoni fil-kawża prinċipali lill-kontroparti Ġermaniża tagħha u tibda proċedura ta’ djalogu ma’ din tal-aħħar.

56

Din id-deċiżjoni hija manifestament ibbażata fuq applikazzjoni b’analoġija tal‑Artikolu 60(3) tar-Regolament Nru 987/2009, filwaqt li jirriżulta paradossalment mit-talba għal deċiżjoni preliminari li dik il-qorti tqis, minn naħa, li hija ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tadotta tali deċiżjoni provviżorja u, min‑naħa l-oħra, li ma teżistix dispożizzjoni applikabbli fil-każ ta’ rikors bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

57

Issa, peress li l-qorti tar-rinviju diġà ħadet din id-deċiżjoni u peress li din tista’ tipproduċi l-effetti kollha tagħha, anki jekk provviżorjament, il-ħames domanda saret irrilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali u hija, għaldaqstant, ipotetika.

58

Din il-konstatazzjoni hija kkorroborata mill-fatt li, hekk kif jirriżulta mir-risposta għall-ewwel domanda, ir-Repubblika tal-Awstrija għandha, f’dan il-każ, titqies bħala l-Istat Membru li għandu bi prijorità l-kompetenza, skont l-Artikolu 68(1)(a) tar-Regolament Nru 883/2004, sabiex jagħti l-benefiċċji tal-familja inkwistjoni fil‑kawża prinċipali, b’tali mod li l-awtoritajiet Awstrijaċi ma għandhomx l‑obbligu jieħdu, abbażi tal-Artikolu 60(3) tar-Regolament Nru 987/2009, deċiżjoni provviżorja fir-rigward tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli bi prijorità. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kwistjoni dwar jekk il-qorti tar-rinviju għandhiex tieħu tali deċiżjoni “provviżorja” minflok l-awtoritajiet Awstrijaċi hija ta’ natura ipotetika u għandha, għaldaqstant, tiġi ddikjarata inammissibbli.

59

L-inammissibbiltà tal-ħames domanda twassal għal dik tas-sitt domanda, peress li din tal-aħħar hija bbażata fuq il-premessa ta’ risposta fl-affermattiv għall-ħames domanda.

60

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-ħames u s-sitt domanda għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli.

Fuq is‑seba’ domanda

61

Permezz tas-seba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 68(3)(a) tar-Regolament Nru 883/2004 u l-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 987/2009 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li dawn jorbtu reċiprokament lill-istituzzjoni tal-Istat Membru li għandu bi prijorità l-kompetenza u lill‑istituzzjoni tal-Istat Membru kompetenti b’mod sekondarju, b’tali mod li l‑applikant għal benefiċċji tal-familja għandu jressaq biss applikazzjoni waħda quddiem waħda minn dawn l-istituzzjonijiet u sussegwentement huma dawn iż‑żewġ istituzzjonijiet li għandhom jipproċessaw flimkien l-imsemmija applikazzjoni jew jekk l-applikant għandux iressaq żewġ applikazzjonijiet distinti quddiem kull waħda minn dawn iż-żewġ istituzzjonijiet.

62

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 68(3) tar-Regolament Nru 883/2004, jekk applikazzjoni għal benefiċċji tal-familja titressaq quddiem l‑istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu hija applikabbli, iżda ma hijiex prijoritarja abbażi tal-Artikolu 68(1) u (2) ta’ dan l-artikolu, “dik l‑istituzzjoni għandha tibgħat dik l-applikazzjoni mingħajr dewmien lill‑istituzzjoni kompetenti ta’ l-Istat Membru li l-leġislazzjoni tapplika bi preċedenza, tinforma lill-persuna konċernata u, mingħajr ħsara għad‑disposizzjonijiet tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni dwar l-għoti proviżjonali ta’ benefiċċji, tagħti jekk ikun hemm bżonn is-suppliment li jagħmel tajjeb għad-differenza msemmi fil-paragrafu 2” u “l-istituzzjoni kompetenti ta’ l‑Istat Membru li l-leġislazzjoni tiegħu tapplika bi preċedenza għandha tipproċessa din l-applikazzjoni bħallikieku kienet sottomessa direttament lilha, u d-data li fiha din l-applikazzjoni kienet sottomessa lill-ewwel istituzzjoni għandha titqies bħala d-data ta’ meta saret it-talba lill-istituzzjoni li għandha preċedenza”.

63

Il-formulazzjoni tal-Artikolu 68(3) tar-Regolament Nru 883/2004 tistabbilixxi għaldaqstant b’mod ċar li, meta applikazzjoni għal benefiċċji tal-familja titressaq quddiem l-istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu ma hijiex prijoritarja, din għandha tibgħat l-applikazzjoni mingħajr dewmien lill‑istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu hija applikabbli bi prijorità u għandha tinforma lill-applikant b’dan. F’każ bħal dan, din it-tieni istituzzjoni għandha l-obbligu li tittratta l-applikazzjoni inkwistjoni daqslikieku din kienet ġiet ippreżentata lilha direttament fid-data li fiha din ġiet ippreżentata quddiem l-ewwel istituzzjoni.

64

Mill-formulazzjoni tal-Artikolu 60(2) u (3) tar-Regolament Nru 987/2009 jirriżulta wkoll b’mod ċar li, jekk l-istituzzjoni li quddiemha tiġi ppreżentata applikazzjoni skont l-Artikolu 60(1) tikkonkludi “li l-leġislazzjoni tagħha hija applikabbli bi dritt ta’ preċedenza taħt l-Artikolu 68(1) u (2) tar-[Regolament Nru 883/2004], hija għandha tipprovdi l-benefiċċji marbutin mal-familja konformement mal-leġislazzjoni li hi tapplika” u li, jekk hija tqis li l-leġiżlazzjoni tagħha hija applikabbli, iżda ma hijiex prijoritarja, “hija għandha tieħu deċiżjoni provviżorja, mingħajr dewmien, dwar ir-regoli ta’ preċedenza li għandhom jiġu applikati u tibgħat l-applikazzjoni, taħt l-Artikolu 68(3) tar-Regolament [Nru 883/2004], lill-istituzzjoni tal-Istat Membru l-ieħor” u “għandha tinforma wkoll lill-applikant b’dan”.

65

Għaldaqstant, kemm mill-Artikolu 68(3)(a) tar-Regolament Nru 883/2004 kif ukoll mill-Artikolu 60(2) u (3) tar-Regolament Nru 987/2009 jirriżulta li l‑applikant għandu jressaq biss applikazzjoni waħda quddiem istituzzjoni kompetenti waħda. Din tal-aħħar, skont jekk tqisx li hija kompetenti b’mod prijoritarju jew sekondarju, għandha l-obbligu, fl-ewwel każ, li tagħti hija stess il‑benefiċċji tal-familja mitluba u, fit-tieni każ, li tibgħat l-applikazzjoni inkwistjoni lill-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru li hija tqis kompetenti b’mod prijoritarju, dan kollu bil-għan li jiġi żgurat l-ipproċessar immedjat ta’ tali applikazzjoni għal benefiċċji tal-familja.

66

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għas-seba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 68(3)(a) tar-Regolament Nru 883/2004 u l‑Artikolu 60(2) u (3) tar-Regolament Nru 987/2009 għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jorbtu reċiprokament lill-istituzzjoni tal-Istat Membru li għandu bi prijorità l-kompetenza u lill-istituzzjoni tal-Istat Membru kompetenti b’mod sekondarju, b’tali mod li l-applikant għal benefiċċji tal-familja għandu jressaq biss applikazzjoni waħda quddiem waħda minn dawn l-istituzzjonijiet u sussegwentement huma dawn iż-żewġ istituzzjonijiet li għandhom jipproċessaw flimkien l-imsemmija applikazzjoni.

Fuq it‑tmien u d‑disa’ domanda

67

Permezz tat-tmien u tad-disa’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(4) u l-Artikoli 45 u 208 TFUE, l‑Artikolu 4(3) TUE kif ukoll l-Artikoli 2, 3, 7 u d-dispożizzjonijiet tat-Titolu II tar-Regolament Nru 883/2004 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li Stat Membru jwaqqaf, b’mod ġenerali, il-benefiċċji tal-familja li huwa kien jagħti sa dak iż-żmien lill-ħaddiema umanitarji fil-qasam tal-iżvilupp li jieħdu lill‑membri tal-familja tagħhom fil-pajjiż terz li fih huma jkunu ġew assenjati.

68

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jitfakkar, fir-rigward tal‑Artikolu 45 TFUE, minn naħa, li kull ċittadin tal-Unjoni, indipendentement mill-post ta’ residenza tiegħu u min-nazzjonalità tiegħu, li għamel użu mid-dritt ta’ moviment liberu tal-ħaddiema u li eżerċita attività professjonali fi Stat Membru differenti minn dak ta’ residenza, jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2002, de Groot, C‑385/00, EU:C:2002:750, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

69

Għalkemm l-Artikolu 45 TFUE jipprekludi kull miżura li, anki jekk applikabbli mingħajr diskriminazzjoni marbuta man-nazzjonalità, tista’ tfixkel jew tirrendi inqas attraenti l-eżerċizzju, miċ-ċittadini tal-Unjoni, tal-libertà fundamentali ta’ moviment iggarantita minn dan l-artikolu, l-imsemmi artikolu ma jagħtix lil ħaddiem li jiċċaqlaq lejn Stat Membru differenti mill-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu d-dritt li jgawdi, fl-Istat Membru ospitanti, mill-istess kopertura soċjali bħal dik li huwa kien jibbenefika minnha fl-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu konformement mal-leġiżlazzjoni ta’ dan l-aħħar Stat (sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2019, van den Berg et, C‑95/18 u C‑96/18, EU:C:2019:767, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

70

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-Artikolu 48 TFUE, li jipprevedi sistema ta’ koordinazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri, u mhux l-armonizzazzjoni tagħhom, id-differenzi sostantivi u proċedurali bejn l-iskemi ta’ sigurtà soċjali ta’ kull Stat Membru u, għaldaqstant, fid-drittijiet tal-persuni msieħba magħhom ma humiex affettwati minn din id-dispożizzjoni, fejn kull Stat Membru jibqa’ kompetenti sabiex jiddetermina fil-leġiżlazzjoni tiegħu, b’osservanza tad-dritt tal‑Unjoni, il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-benefiċċji ta’ skema ta’ sigurtà soċjali (sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2019, van den Berg et, C‑95/18 u C‑96/18, EU:C:2019:767, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

71

Għandu jingħad ukoll li r-Regolament Nru 883/2004 lanqas ma jistabbilixxi skema komuni ta’ sigurtà soċjali, iżda jħalli jissussistu skemi nazzjonali distinti u għandu bħala għan uniku li jiżgura koordinazzjoni bejn dawn tal-aħħar sabiex jiġi ggarantit l-eżerċizzju effettiv tal-moviment liberu tal-persuni. Għalhekk, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Istati Membri jżommu l‑kompetenza tagħhom sabiex jorganizzaw l-iskemi ta’ sigurtà soċjali tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2020, Bundesagentur für Arbeit, C‑29/19, EU:C:2020:36, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

72

Madankollu, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-Istati Membri għandhom josservaw id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tat‑Trattat FUE relatati mal-libertà rrikonoxxuta lil kull ċittadin tal-Unjoni li jiċċaqlaq u li jirrisjedi fit-territorju tal-Istati Membri (sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2020, Bundesagentur für Arbeit, C‑29/19, EU:C:2020:36, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

73

F’dan il-każ, għandu għalhekk jiġi eżaminat jekk ir-Repubblika tal-Awstrija kisritx dawn id-dispożizzjonijiet meta ddeċidiet li twaqqaf id-dritt għall-benefiċċji tal-familja li hija kienet tagħti sa dak iż-żmien lill-ħaddiema umanitarji fil-qasam tal-iżvilupp li jieħdu lill-membri tal-familja tagħhom fil-pajjiż terz li fih huma jkunu ġew assenjati.

74

F’dan ir-rigward, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li dan il-waqfien deċiż mil-leġiżlatur Awstrijak huwa ta’ natura ġenerali u japplika mingħajr distinzjoni kemm għall-benefiċjarji ċittadini ta’ dan l-Istat Membru kif ukoll għaċ‑ċittadini tal-Istati Membri l-oħra, fatt li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

75

Għaldaqstant, ma jidhirx li l-imsemmi waqfien, li seħħ mill‑1 ta’ Jannar 2019, joħloq diskriminazzjoni diretta bbażata fuq in-nazzjonalità.

76

Fir-rigward ta’ eventwali diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq in-nazzjonalità tal-ħaddiema kkonċernati, skont l-Istat Membru tar-residenza tagħhom jew tal‑membri tal-familja tagħhom, għandu jiġi kkonstatat li la d-dispożizzjonijiet tar‑Regolament Nru 883/2004, b’mod iktar partikolari l-Artikoli 7 u 67 tiegħu li huma intiżi li jimpedixxu li Stat Membru jkun jista’ jissuġġetta l-għoti jew l‑ammont tal-benefiċċji tal-familja għar-residenza tal-membri tal-familja tal‑ħaddiem fl-Istat Membru li jagħti l-benefiċċji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 1995, Imbernon Martínez, C‑321/93, EU:C:1995:306, punt 21) u lanqas l-Artikolu 45 TFUE ma jipprevedu li d-dritt ta’ moviment liberu tal‑ħaddiema japplika barra mit-territorju tal-Unjoni. Għall-kuntrarju, mill‑formulazzjoni ċara tal-Artikolu 45 TFUE jirriżulta li l-moviment liberu tal‑ħaddiema “[g]ħandu jkun żgurat […] fi ħdan l-Unjoni”.

77

Il-waqfien tal-benefiċċji tal-familja għall-ħaddiema umanitarji fil-qasam tal‑iżvilupp li jirrisjedu mal-familja tagħhom f’pajjiż terz ma jistax għalhekk jikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta fit-territorju tal-Unjoni jekk, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, it-trattament applikat għal dawn il‑membri tal-persunal mill-1 ta’ Jannar 2019 fil-qasam tal-benefiċċji tal-familja ma huwiex differenti skont jekk huma eżerċitawx jew le d-dritt tagħhom ta’ moviment liberu billi telqu mill-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom sabiex jistabbilixxu ruħhom fl-Awstrija, iżda jiddependi esklużivament mill-punt dwar jekk l-ulied tal-ħaddiema umanitarji fil-qasam tal-iżvilupp kkonċernati jirrisjedux f’pajjiż terz jew fi Stat Membru ieħor, inkluż fl-Awstrija.

78

Din il-konstatazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-fatt li ħaddiema umanitarji fil‑qasam tal-iżvilupp li diġà kisbu dritt għal benefiċċji tal-familja għal perijodi fil-passat tilfu dan id-dritt wara d-dħul fis-seħħ, fl‑1 ta’ Jannar 2019, tal‑leġiżlazzjoni l-ġdida, peress li ma jidhirx li t-telf ta’ dan id-dritt huwa dovut għall-eżerċizzju tad-dritt tagħhom ta’ moviment liberu, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

79

F’dan ir-rigward, għandu jingħad ukoll, minn naħa, li ebda tagħlim rilevanti għar‑risposta għal dawn id-domandi ma jista’ jinsilet mis-sentenzi tat‑12 ta’ Ġunju 1980, Laterza (733/79, EU:C:1980:156), u tas‑26 ta’ Novembru 2009, Slanina (C‑363/08, EU:C:2009:732), peress li l-kawżi li taw lok għal dawk is‑sentenzi ma humiex paragunabbli, la fid-dritt u lanqas fil-fatt, mas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hekk kif deskritta fit-talba għal deċiżjoni preliminari. Fil-fatt, dawk il-kawżi kienu jirrigwardaw modifiki ta’ drittijiet miksuba wara l-eżerċizzju, fit-territorju tal-Unjoni, tad-dritt ta’ moviment liberu minn ċittadin tal-Unjoni. Issa, f’dan il-każ, l-emenda leġiżlattiva tikkonċerna lill‑ħaddiema umanitarji fil-qasam tal-iżvilupp li huma assenjati u li wliedhom jirrisjedu magħhom barra mit-territorju tal-Unjoni.

80

Min-naħa l-oħra, il-possibbiltà, imsemmija mill-qorti tar-rinviju, li l-waqfien tal‑allowances tal-familja għall-ħaddiema umanitarji fil-qasam tal-iżvilupp jista’ jostakola l-moviment liberu tal-ħaddiema u, jekk ikun il-każ, jirrendih inqas attraenti, jew iwassal għal tnaqqis fid-domanda għall-professjoni ta’ “ħaddiem umanitarju fil-qasam tal-iżvilupp”, anki jekk kellha tiġi vverifikata fil-prattika, ma tistax, fi kwalunkwe każ, tkun l-oriġini ta’ sitwazzjoni li tmur kontra l-Artikoli 45 u 48 TFUE. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-punti 71 u 72 ta’ din is-sentenza, dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprevedux armonizzazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali tal-Istati Membri, fejn dawn tal-aħħar iżommu l-kompetenza tagħhom sabiex jorganizzaw, b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni, l-iskemi ta’ sigurtà soċjali tagħhom u t-Trattat FUE ma jiggarantixxix lil ħaddiem li l-estensjoni tal-attivitajiet tiegħu f’iktar minn Stat Membru wieħed jew it-trasferiment tagħhom fi Stat Membru ieħor ikunu newtrali fil-qasam tas-sigurtà soċjali. Fid-dawl tad-differenzi bejn il‑leġiżlazzjonijiet tas-sigurtà soċjali tal-Istati Membri, tali estensjoni jew tali trasferiment jistgħu, skont il-każijiet, ikunu iktar jew inqas vantaġġużi jew żvantaġġużi għall-ħaddiem fil-livell tal-protezzjoni soċjali. Minn dan jirriżulta li, anki fil-każ fejn l-applikazzjoni tagħha tkun għaldaqstant inqas favorevoli, tali leġiżlazzjoni tibqa’ konformi mal-Artikoli 45 u 48 TFUE jekk din ma tpoġġix fi żvantaġġ lill-ħaddiem ikkonċernat meta pparagunat ma’ dawk li jeżerċitaw l‑attivitajiet kollha tagħhom fl-Istat Membru li fih din tapplika jew meta pparagunat ma’ dawk li diġà preċedentement kienu suġġetti għaliha u jekk din ma twasslux purament u sempliċement iħallas kontribuzzjonijiet soċjali mingħajr ebda ritorn (sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2019, Vester, C‑134/18, EU:C:2019:212, punt 32 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

81

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta għat-tmien u għad-disa’ domanda għandha tkun li l-Artikoli 45 u 48 TFUE għandhom jiġu interpretati fis‑sens li ma jipprekludux li Stat Membru jwaqqaf, b’mod ġenerali, il-benefiċċji tal-familja li huwa kien jagħti sa dak iż-żmien lill-ħaddiema umanitarji fil-qasam tal-iżvilupp li jieħdu lill-membri tal-familja tagħhom f’pajjiż terz li fih huma jkunu ġew assenjati, sakemm, minn naħa, dan il-waqfien japplika mingħajr distinzjoni kemm għall-benefiċċjarji ċittadini ta’ dan l-Istat Membru kif ukoll għall-benefiċċjarji ċittadini tal-Istati Membri l-oħra u, min-naħa l-oħra, l-imsemmi waqfien jimplika differenza fit-trattament bejn il-ħaddiema umanitarji fil-qasam tal-iżvilupp ikkonċernati mhux skont jekk huma eżerċitawx jew le d-dritt tagħhom ta’ moviment liberu qablu jew warajh, iżda skont jekk uliedhom jirrisjedux magħhom fi Stat Membru jew f’pajjiż terz.

Fuq l‑ispejjeż

82

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It‑Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 11(3)(a) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali għandu jiġi interpretat fis-sens li ħaddiema impjegata ċittadina ta’ Stat Membru li hija stess u wliedha huma residenti tiegħu, li hija rreklutata fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ xogħol bħala ħaddiema umanitarja fil-qasam tal-iżvilupp minn persuna li timpjega li għandha s-sede tagħha fi Stat Membru ieħor, li taqa’, skont il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor, taħt l-iskema ta’ sigurtà soċjali obbligatorja ta’ dan tal-aħħar, li hija assenjata f’pajjiż terz mhux immedjatament wara r-reklutaġġ tagħha, iżda fi tmiem perijodu ta’ taħriġ fl-imsemmi Stat Membru l-ieħor u li fih hija sussegwentement tirritorna għal fażi ta’ reintegrazzjoni, għandha titqies bħala li teżerċita attività bħala persuna impjegata fih, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

 

2)

It-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE għandu jiġi interpretat fis‑sens li ma jipprekludix l-adozzjoni, minn Stat Membru, ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li l-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tagħha huwa usa’ minn dak tar-Regolament Nru 883/2004, inkwantu din tipprevedi assimilazzjoni taċ-ċittadini tal-Istati Partijiet fil-Ftehim dwar iż-Żona Ewropea, tat‑2 ta’ Mejju 1992, maċ-ċittadini tiegħu stess, bil-kundizzjoni li din il-leġiżlazzjoni tiġi interpretata b’mod konformi ma’ dan ir-regolament u li s-supremazija ta’ dan tal-aħħar ma tiġix ikkontestata.

 

3)

L-Artikolu 68(3)(a) tar-Regolament Nru 883/2004 u l-Artikolu 60(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall‑implimentazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004 għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jorbtu reċiprokament lill-istituzzjoni tal‑Istat Membru li għandu bi prijorità l-kompetenza u lill-istituzzjoni tal‑Istat Membru kompetenti b’mod sekondarju, b’tali mod li l‑applikant għal benefiċċji tal-familja għandu jressaq biss applikazzjoni waħda quddiem waħda minn dawn l-istituzzjonijiet u sussegwentement huma dawn iż-żewġ istituzzjonijiet li għandhom jipproċessaw flimkien l-imsemmija applikazzjoni.

 

4)

L-Artikoli 45 u 48 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li Stat Membru jwaqqaf, b’mod ġenerali, il-benefiċċji tal‑familja li huwa kien jagħti sa dak iż-żmien lill-ħaddiema umanitarji fil-qasam tal-iżvilupp li jieħdu lill-membri tal-familja tagħhom f’pajjiż terz li fih huma jkunu ġew assenjati, sakemm, minn naħa, dan il‑waqfien japplika mingħajr distinzjoni kemm għall-benefiċċjarji ċittadini ta’ dan l-Istat Membru kif ukoll għall-benefiċċjarji ċittadini tal-Istati Membri l-oħra u, min-naħa l-oħra, l-imsemmi waqfien jimplika differenza fit-trattament bejn il-ħaddiema umanitarji fil‑qasam tal-iżvilupp ikkonċernati mhux skont jekk huma eżerċitawx jew le d-dritt tagħhom ta’ moviment liberu qablu jew warajh, iżda skont jekk uliedhom jirrisjedux magħhom fi Stat Membru jew f’pajjiż terz.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top