Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CJ0533

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-17 ta’ Marzu 2015.
Auto- ja Kuljetusalan Työntekijäliitto AKT ry vs Öljytuote ry u Shell Aviation Finland Oy.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Työtuomioistuin.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 2008/104/KE – Xogħol temporanju – Artikolu 4(1) – Projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet rigward l-użu ta’ ħaddiema temporanji – Ġustifikazzjonijiet – Raġunijiet ta’ interess ġenerali – Obbligu ta’ eżami mill-ġdid – Portata.
Kawża C-533/13.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:173

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

17 ta’ Marzu 2015 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika soċjali — Direttiva 2008/104/KE — Xogħol temporanju — Artikolu 4(1) — Projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet rigward l-użu ta’ ħaddiema temporanji — Ġustifikazzjonijiet — Raġunijiet ta’ interess ġenerali — Obbligu ta’ eżami mill-ġdid — Portata”

Fil-Kawża C‑533/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-työtuomioistuin (il-Finlandja), permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Ottubru 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ Ottubru 2013, fil-proċedura

Auto- ja Kuljetusalan Työntekijäliitto AKT ry

vs

Öljytuote ry,

Shell Aviation Finland Oy,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts, Viċi President, R. Silva de Lapuerta, M. Ilešič, L. Bay Larsen, A. Ó Caoimh (Relatur), C. Vajda u S. Rodin, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász, A. Borg Barthet, J. Malenovský, E. Levits, C. G. Fernlund, J. L. da Cruz Vilaça u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Settembru 2014,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Auto- ja Kuljetusalan Työntekijäliitto (AKT) ry, minn A. Viljander u J. Hellsten, asianajajat,

għal Öljytuote ry u Shell Aviation Finland Oy, minn A. Kriikkula u M. Kärkkäinen, asianajajat,

għall-Gvern Finlandiż, minn J. Heliskoski, bħala aġent,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Möller, bħala aġenti,

għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas u R. Coesme, bħala aġenti,

għall-Gvern Ungeriż, minn K. Szíjjártó u M. Fehér, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Gvern Svediż, minn A. Falk u C. Hagerman, bħala aġenti,

għall-Gvern Norveġiż, minn I. Thue u D. Tønseth, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Enegren u I. Koskinen, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-20 ta’ Novembru 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-19 ta’ Novembru 2008, dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija (ĠU L 327, p. 9).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn l-Auto- ja Kuljetusalan Työntekijäliitto AKT ry (iktar ’il quddiem l-“AKT”), sindakat ta’ ħaddiema, u l-Öljytuote ry, assoċjazzjoni ta’ persuni li jimpjegaw, kif ukoll Shell Aviation Finland Oy (iktar ’il quddiem “SAF”), impriża membru ta’ din l-assoċjazzjoni, rigward ħaddiema temporanji impjegati minn din tal-aħħar.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Taħt il-Kapitolu I tad-Direttiva 2008/104, intitolat “Dispożizzjonijiet Ġenerali”, l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, intitolat “Reviżjoni [Eżami mill-ġdid] tar-restrizzjonijiet jew tal-projbizzjonijiet”, jipprovdi li:

“1.   Il-projbizzjonijiet jew ir-restrizzjonijiet fuq l-użu ta’ xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija għandhom ikunu ġġustifikati biss għal reġunijiet ta’ interess ġenerali li għandhom x’jaqsmu b’mod partikolari mal-protezzjoni tal-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija, ir-rekwiżiti tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol jew il-ħtieġa li jkun żgurat li s-suq tax-xogħol jaħdem tajjeb u jiġu prevenuti l-abbużi.

2.   Sal-5 ta’ Diċembru 2011, l-Istati Membri għandhom, wara li jikkonsultaw lill-imsieħba soċjali skond il-leġislazzjoni nazzjonali, l-istrumenti ta’ ftehim kollettivi u l-prattiki, jirrevedu kwalunkwe restrizzjoni jew projbizzjoni fuq l-użu ta’ xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija sabiex jivverifikaw jekk humiex iġġustifikati għar-raġunijiet imsemmija fil-paragrafu 1.

3.   Jekk dawn ir-restrizzjonijiet jew il-projbizzjonijiet huma stabbiliti bi strumenti ta’ ftehim kollettivi, ir-reviżjoni msemmija fil-paragrafu 2 tista’ titwettaq mill-imsieħba soċjali li jkunu nnegozjaw il-ftehim rilevanti.

4.   Il-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti nazzjonali fir-rigward tar-reġistrazzjoni, il-liċenzjar, iċ-ċertifikazzjoni, il-garanziji finanzjarji jew il-monitoraġġ ta’ l-aġenziji ta’ xogħol temporanju.

5.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bir-riżultat tar-reviżjoni msemmija fil-paragrafi 2 u 3 sal-5 ta’ Diċembru 2011”.

4

Skont l-Artikolu 11(1) tal-imsemmija direttiva, l-Istati Membri kellhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom ma’ din sa mhux iktar tard mill-5 ta’ Diċembru 2011, jew kellhom jiżguraw li l-imsieħba soċjali jintroduċu d-dispożizzjonijiet meħtieġa permezz ta’ ftehim.

Id-dritt Finlandiż

5

It-traspożizzjoni tad-Direttiva 2008/104 fid-dritt intern saret permezz tal-adozzjoni ta’ liġi li temenda l-liġijiet dwar il-kuntratt ta’ xogħol [Työsopimuslaki (55/2001)] u dwar il-ħaddiema kkollokati [Lähetyistä työntekijöistä annettu laki (1146/1999)].

6

Mill-elementi pprovduti lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tinkludi l-ebda dispożizzjoni dwar il-projbizzjonijiet jew ir-restrizzjonijiet fil-qasam tax-xogħol temporanju, bħal dawk stabbiliti fl-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva. L-espożizzjoni tal-motivi tal-abbozz ta’ liġi tal-gvern lill-parlament li temenda l-imsemmija liġijiet tistabbilixxi, f’dan ir-rigward, li “id-Direttiva [2008/104] tipprovdi li l-Istati Membri għandhom iwettqu eżami mill-ġdid tal-projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet tax-xogħol temporanju. Dan huwa rekwiżit amministrattiv speċifiku li jorbot lill-Istati Membri, li jirrevedu l-projbizzjonijiet u r-restrizzjonijiet tax-xogħol temporanju kollha u li jibagħtu rapport dwar ir-riżultati lill-Kummissjoni qabel ma jiskadi t-terminu għat-traspożizzjoni ta’ [din] id-direttiva. […] L-obbligu ta’ eżami mill-ġdid imsemmi fl-Artikolu 4 tal-[imsemmija] direttiva ma jimponix lill-Istati Membri li jimmodifikaw il-leġiżlazzjoni, anki jekk ma huwiex possibbli li tiġi ġġustifikata kwalunkwe restrizzjoni jew projbizzjoni relatata max-xogħol temporanju minħabba r-raġunijiet msemmija fl-Artikolu 4(1)”.

7

Il-Gvern Finlandiż, wara li wettaq l-eżami mill-ġdid impost minn din id-dispożizzjoni, ikkomunika lill-Kummissjoni r-riżultati ta’ dan l-eżami mill-ġdid fid-29 ta’ Novembru 2011.

8

Il-ftehim ġenerali konkluż fl-4 ta’ Ġunju 1997 bejn it-Teollisuuden ja Työnantajain Keskusliitto (TT, Federazzjoni ċentrali tal-industrija u tal-ħajja ekonomika), li saret l-Elinkeinoelämän keskusliitto (EK, Federazzjoni ċentrali tal-ħajja ekonomika), u s-Suomen Ammattiliittojen Keskusjärjestö (SAK, Organizzazzjoni ċentrali tal-assoċjazzjonijiet professjonali tal-Finlandja), jiddefinixxi, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet tal-użu ta’ ħaddiema esterni.

9

Skont l-Artikolu 8(3) tal-imsemmi ftehim:

“L-impriżi għandhom jillimitaw l-użu ta’ xogħol temporanju għall-perijodi ta’ żieda fix-xogħol jew ta’ twettieq ta’ xogħlijiet oħra, limitati fiż-żmien jew fin-natura tagħhom, li, għal raġunijiet ta’ urġenza, ta’ żmien limitat, ta’ kompetenzi professjonali, ta’ użu ta’ strumenti speċjalizzati jew ta’ raġunijiet oħra simili, ma jkunux jistgħu jitwettqu mill-persunal tagħhom stess.

L-impjieg ta’ ħaddiema hija prattika żleali jekk il-ħaddiema temporanji impjegati mill-impriżi li jirrikorru għal ħaddiema esterni jwettqu matul perijodu twil ix-xogħol normali tal-impriża, flimkien mal-ħaddiema permanenti tagħha, u jitqiegħdu taħt l-istess direzzjoni.

[…]”

10

L-Artikolu 29(1) tal-ftehim kollettiv tas-settur tat-tankers taż-żejt u tal-prodotti taż-żejt (iktar ’il quddiem il-“ftehim kollettiv applikabbli”), li l-Öljytuote ry u l-AKT huma partijiet firmatarji tiegħu, jinkludi dispożizzjoni li l-kontenut tagħha huwa l-istess bħal dak tal-imsemmija klawżola 8(3).

11

Skont l-Artikolu 7 tal-Liġi dwar il-ftehimiet kollettivi [Työehtosopimuslaki (436/1946)], il-ksur minn impriża li tuża ħaddiema temporanji ta’ ftehim kollettiv jista’ jwassal għall-kundanna għal sanzjoni finanzjarja ta’ ammont massimu ta’ EUR 29 500.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12

SAF hija impriża li tikkonsenja l-karburant f’diversi ajruporti fil-Finlandja. L-impjegati tagħha għandhom id-dover li jimlew it-tank tal-ajruplani kif ukoll li jwettqu kontroll ta’ kwalità u xogħlijiet oħra ta’ assistenza fuq l-ajruplani f’dawn l-ajruporti.

13

Abbażi ta’ kuntratt konkluż matul is-sena 2010 mal-impriża ta’ xogħol temporanju Ametro Oy, SAF kellha l-obbligu li tuża persunal temporanju impjegat minn din tal-aħħar sabiex tissostitwixxi l-ħaddiema tagħha li kienu fuq leave tal-mard jew sabiex taffronta żieda fix-xogħol. Qabel l-2010, SAF kienet użat persunal ta’ impriża oħra ta’ xogħol temporanju għat-twettiq ta’ dawn ix-xogħlijiet.

14

Permezz tar-rikors tagħha quddiem it-työtuomioistuin (qorti tax-xogħol), l-AKT titlob li l-Öljytuote ry u SAF jiġu kkundannati għall-ħlas tas-sanzjoni finanzjarja msemmija fl-Artikolu 7 tal-Liġi dwar il-ftehimiet kollettivi, minħabba l-ksur tal-Artikolu 29(1) tal-ftehim kollettiv applikabbli. L-AKT issostni li, SAF ilha sa mill-2008 timpjega b’mod permanenti u mingħajr interruzzjoni, ħaddiema temporanji sabiex iwettqu xogħol totalment identiku għal dak imwettaq mill-ħaddiema proprja tagħha, li jikkostitwixxi użu żleali ta’ ħaddiema temporanji fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni. Il-ħaddiema temporanji huma, fil-fatt, ikkollokati għal attivitajiet normali tal-impriża, ma’ ġenb ħaddiema permanenti ta’ din, u mqiegħda taħt l-istess direzzjoni, minkejja li ma għandhomx kompetenzi professjonali partikolari. Barra minn hekk, dawn il-ħaddiema temporanji jirrappreżentaw volum kunsiderevoli f’termini ta’ snin ta’ xogħol għal kull ħaddiem.

15

Il-konvenuti fil-kawża prinċipali jqisu, min-naħa l-oħra, li l-użu ta’ ħaddiema temporanji huwa ġġustifikat minn raġunijiet leġittimi, peress li dan huwa intiż essenzjalment sabiex jiżgura s-sostituzzjoni ta’ ħaddiema matul il-perijodi ta’ leave annwali u ta’ leave tal-mard. Huma jsostnu wkoll li l-Artikolu 29(1) tal-ftehim kollettiv applikabbli ma huwiex konformi mal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2008/104. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tal-ftehim ma tikkonċerna la l-protezzjoni tal-ħaddiema temporanji u lanqas il-ħtiġiet ta’ saħħa u tas-sigurtà soċjali ta’ dawn tal-aħħar. Hija lanqas ma tiggarantixxi l-funzjonament fluwidu tas-suq tax-xogħol u ma tipprojbixxix il-prattiki abbużivi. Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni tinkludi projbizzjonijiet u restrizzjonijiet li jipprekludu l-possibbiltà għall-persuni li jħaddmu li jagħżlu l-aħjar forom ta’ reklutaġġ għall-attivitajiet tagħhom u tirrestrinġi l-possibbiltà, għall-kumpanniji ta’ xogħol temporanju, li jipproponu s-servizzi tagħhom lill-impriżi. Anki jekk din id-direttiva ma tipprovdix dan espressament, il-qrati nazzjonali għandhom jevitaw l-applikazzjoni ta’ projbizzjonijiet u ta’ restrizzjonijiet fil-qasam ta’ xogħol temporanju li huma kuntrarji għall-għanijiet tal-imsemmija direttiva.

16

It-työtuomioistuin tixtieq, qabel ma tiddeċiedi dwar il-kawża pendenti quddiemha, li l-portata tal-obbligu stabbilit fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2008/104 tiġi ppreċiżata mill-Qorti tal-Ġustizzja.

17

F’dan ir-rigward, din il-qorti tqis li tabilħaqq ma jistax jiġi eskluż li din id-dispożizzjoni, moqrija flimkien mal-obbligu ta’ eżami mil-ġdid msemmi fil-paragrafi tal-oħra tal-istess artikolu, hija limitata sabiex timponi sempliċi obbligu proċedurali ta’ eżami mill-ġdid uniku. Madankollu, mill-formulazzjoni ta’ din jirriżulta, pjuttost, li hija tipprekludi projbizzjonijiet fil-qasam tax-xogħol temporanju, sakemm ma jkunux iġġustifikati mir-raġunijiet ta’ interess ġenerali li huma msemmija fih. Bħala dispożizzjoni awtonoma, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2008/104 jimponi għalhekk lill-Istati Membri li jiżguraw li l-ordinamenti ġuridiċi tagħhom ma jinkludux tali projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet.

18

Skont l-imsemmija qorti, it-twettiq tal-għan imsemmi fl-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, li jikkonsisti fir-rikonoxximent tal-impriżi ta’ xogħol temporanju bħala persuni li jħaddmu, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-bżonn li jiġi stabbilit kuntest xieraq tal-użu tax-xogħol temporanju sabiex ikun hemm kontribut effettiv għall-ħolqien ta’ impjiegi u għall-iżvilupp ta’ forom flessibbli ta’ xogħol, jista’ jibqa’ biss fuq il-karta jekk l-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva ma jkollux din il-portata. Barra minn hekk, id-Direttiva 2008/104, skont il-premessa 22, għandha tinqara flimkien mal-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u dwar il-libertà ta’ stabbiliment. Issa, ir-restrizzjonijiet previsti fl-Artikolu 29(1) tal-ftehim kollettiv applikabbli, li huma dwar it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ħaddiema temporanji kemm minn impriża stabbilita fil-Finlandja kif ukoll minn impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor, jidhru kuntrarji għal dawn id-dispożizzjonijiet.

19

Jekk tintuża din l-aħħar interpretazzjoni, ikun neċessarju li jiġi vverifikat jekk l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2008/104 jipprekludix din ir-regola ta’ dritt nazzjonali u, fl-affermattiv, li jiġi eżaminat sa fejn, fl-assenza ta’ kwalunkwe miżura ta’ dritt intern li tittrasponi din id-dispożizzjoni tal-imsemmija direttiva, individwu jkun jista’ jinvoka kontra individwu ieħor l-inkompatibbiltà ta’ din id-dispożizzjoni nazzjonali ma din id-dispożizzjoni.

20

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-työtuomioistuin iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva [2008/104] għandu jiġi interpretat fis-sens li jimponi fuq l-awtoritajiet nazzjonali, inklużi l-qrati, obbligu kontinwu li jiżguraw, permezz tal-miżuri għad-dispożizzjoni tagħhom, li ma jeżistux dispożizzjonijiet legali jew klawżoli ta’ ftehim kollettivi nazzjonali li jiksru r-regoli ffissati mi[nn din d]irettiva, jew, jekk jeżistu, li dawn ma jiġux applikati?

2)

L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva [2008/104] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li skont din l-impjieg ta’ ħaddiema provviżorji [temporanji] huwa awtorizzat biss f’ċerti każijiet preċiżi bħall-assorbiment ta’ żieda fix-xogħol jew xogħlijiet li impriża ma tkunx tista’ teżegwixxi permezz tal-impjegati tagħha stess? Huwa possibbli li jiġi kklassifikat bħala użu illegali tax-xogħol provviżorju [temporanju] r-reklutaġġ matul perijodu twil ta’ ħaddiema provviżorji [temporanji] għall-attivitajiet ordinarji tal-impriża, flimkien mal-impjegati tagħha stess?

3)

Jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali hija ddikjarata li tmur kontra d-Direttiva [2008/104], liema huma l-miżuri li qorti għandha sabiex twettaq l-għanijiet tal-[imsemmija direttiva], meta tkun inkwistjoni klawżola kollettiva li tapplika fir-relazzjonijiet bejn partijiet privati?”

Fuq id-domandi preliminari

21

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2008/104 għandux jiġi interpretat fis-sens li jimponi fuq l-awtoritajiet tal-Istati Membri, inkluż il-qrati nazzjonali, l-obbligu li jħallu mhux applikata kull dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tinkludi projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet li jikkonċernaw ir-rikors għall-ħaddiema temporanji li ma jkunux iġġustifikati minn raġunijiet ta’ interess ġenerali fis-sens tal-imsemmi Artikolu 4(1).

22

Skont il-konvenuti fil-kawża prinċipali u l-Gvern Ungeriż, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2008/104, b’mod partikolari tal-espressjoni “ikunu ġġustifikati biss”, jirriżulta li din id-dispożizzjoni tipprekludi l-projbizzjonijiet jew ir-restrizzjonijiet li jikkonċernaw l-użu ta’ ħaddiema temporanji, sakemm dawn ma jkunux iġġustifikati minn raġunijiet ta’ interess ġenerali, li joħolqu b’mod ċar bi profitt għal dawn il-ħaddiem, għall-impriżi ta’ xogħol provviżorju u għall-impriżi li jużawhom drittijiet li jistgħu jiġu invokati direttament quddiem l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali.

23

Għandu jiġi rrelevat, li huwa minnu, li mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-liġijiet nazzjonali li jinkludu projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet li jikkonċernaw l-użu ta’ ħaddiema temporanji għandhom jiġu ġġustifikati b’raġunijiet ta’ interess ġenerali relatati, b’mod partikolari, mal-protezzjoni tal-ħaddiema temporanji, mar-rekwiżiti ta’ saħħa u ta’ sigurtà fuq ix-xogħol jew mal-ħtieġa li jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq tax-xogħol u li jiġi pprojbit l-abbuż.

24

Madankollu, sabiex jiġi tiġi ddeterminata l-portata eżatta tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2008/104, għandu jsir qari globali ta’ dan l-Artikolu 4, billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li jaqa’ taħtu.

25

Issa, f’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-imsemmi Artikolu 4, intitolat, “Reviżjoni tar-restrizzjonijiet jew tal-projbizzjonijiet”, jinsab fil-kapitolu li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet ġenerali tad-Direttiva 2008/104.

26

B’hekk, minn naħa, il-paragrafi 2 u 3 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/104 jipprovdu li l-Istati Membri, wara konsultazzjoni tal-imsieħba soċjali, jew ta’ dawn tal-aħħar, meta l-projbizzjonijiet jew ir-restrizzjonijiet li jikkonċernaw ir-rikors għall-ħaddiema temporanji jkunu previsti minn ftehimiet kollettivi li jkunu nnegozjaw huma, għandhom, sa mhux iktar tard mill-5 ta’ Diċembru 2011, jirrevedu dawn il-projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet “sabiex jivverifikaw jekk humiex iġġustifikati għar-raġunijiet imsemmija fil-paragrafu 1”.

27

Min-naħa l-oħra, l-Istati Membri kellhom, skont il-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu 4, jinformaw lill-Kummissjoni, sa mhux iktar tard mill-istess data, bir-riżultat ta’ dan l-eżami mill-ġdid.

28

Minn dan jirriżulta, b’hekk, li l-paragrafu 1 tal-imsemmi Artikolu 4, moqri flimkien mal-paragrafi l-oħra ta’ dan l-istess artikolu, japplika biss għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, billi jimponilhom l-obbligu li jirrevedu l-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, sabiex jiżguraw li l-projbizzjonijiet jew ir-restrizzjonijiet li jikkonċernaw l-użu tal-ħaddiema temporanji jibqa’ ġġustifikat għal raġunijiet ta’ interess ġenerali, kif ukoll l-obbligu li jinfurmaw lill-Kummissjoni bir-riżultat ta’ dan l-eżami mill-ġdid. Tali obbligi ma jistgħux jiġu żgurati mill-qrati nazzjonali.

29

Skont ir-riżultat ta’ dan l-eżami mill-ġdid, li kellha titlesta sa data li tikkorrispondi għal dik tal-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2008/104 previst fl-Artikolu 11(1) tagħha, l-Istati Membri, li huma obbligati jikkonformaw b’mod sħiħ mal-obbligi li għandhom skont l-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva, setgħu jiġu obbligati jemendaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom dwar ix-xogħol temporanju.

30

Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li l-imsemmija Stati huma liberi, għal dan il-għan, jew li jħassru l-projbizzjonijiet jew ir-restrizzjonijiet li ma setgħux jiġu ġġustifikati taħt din id-dispożizzjoni, jew jadattaw dawn tal-aħħar sabiex ikunu jistgħu, skont il-każ, jiġu ġġustifikati taħt l-imsemmija dispożizzjoni.

31

Minn dan isegwi li, ikkunsidrat fil-kuntest tiegħu, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2008/104 għandu jinftiehem li jiddelimita l-kuntest li għandha ssir fih l-attività regolamentari tal-Istati Membri fil-qasam ta’ projbizzjonijiet jew ta’ restrizzjonijiet li jikkonċernaw l-użu tal-ħaddiema temporanji u mhux li timponi l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni partikolari fil-qasam.

32

Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2008/104 għandu jiġi interpretat fis-sens:

li japplika biss għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, billi jimponi fuqhom l-obbligu ta’ eżami mill-ġdid sabiex tiġi żgurata n-natura ġġustifikata tal-eventwali projbizzjonijiet u restrizzjonijiet li jikkonċernaw l-użu ta’ xogħol temporanju, u, għalhekk,

li ma jimponix fuq il-qrati nazzjonali l-obbligu li ma jħallux mhux applikata kull dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tinkludi projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet li jikkonċernaw l-użu ta’ ħaddiema temporanji li ma jkunux iġġustifikati minn raġunijiet ta’ interess ġenerali fis-sens tal-imsemmi Artikolu 4(1).

33

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex meħtieġ li tingħata risposta għat-tieni u għat-tielet domanda.

Fuq l-ispejjeż

34

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-19 ta’ Novembru 2008, dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija, għandu jiġi interpretat fis-sens:

 

li japplika biss għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, billi jimponilhom obbligu ta’ eżami mill-ġdid sabiex tiġi żgurata n-natura ġġustifikata tal-eventwali projbizzjonijiet u restrizzjonijiet li jikkonċernaw l-użu ta’ xogħol temporanju, u, għalhekk,

 

li ma jimponix fuq il-qrati nazzjonali l-obbligu li ma jħallux mhux applikata kull dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tinkludi projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet li jikkonċernaw l-użu ta’ ħaddiema temporanji li ma jkunux iġġustifikati minn raġunijiet ta’ interess ġenerali fis-sens tal-imsemmi Artikolu 4(1).

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż.

Top