This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62010CJ0310
Judgment of the Court (Fourth Chamber) of 7 July 2011.#Ministerul Justiţiei și Libertăţilor Cetăţenești v Ştefan Agafiţei and Others.#Reference for a preliminary ruling: Curtea de Apel Bacău - Romania.#Salary rights of judges - Discrimination on grounds of membership of a socio-professional category or place of work - Conditions for compensation for the harm suffered - Directives 2000/43/EC and 2000/78/EC - Inapplicability - Inadmissibility of the reference for a preliminary ruling.#Case C-310/10.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ir-Raba' Awla) tas-7 ta' Lulju 2011.
Ministerul Justiţiei și Libertăţilor Cetăţenești vs Ştefan Agafiţei et..
Talba għal deċiżjoni preliminari: Curtea de Apel Bacău - ir-Rumanija.
Drittijiet tal-paga tal-maġistrati - Diskriminazzjoni skont l-appartenenza għal kategorija soċjoprofessjonali jew tal-post tax-xogħol - Kundizzjonijiet għall-ħlas tad-dannu inkors - Direttivi 2000/43/KE u 2000/78/KE - Inapplikabbiltà - Inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari.
Kawża C-310/10.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ir-Raba' Awla) tas-7 ta' Lulju 2011.
Ministerul Justiţiei și Libertăţilor Cetăţenești vs Ştefan Agafiţei et..
Talba għal deċiżjoni preliminari: Curtea de Apel Bacău - ir-Rumanija.
Drittijiet tal-paga tal-maġistrati - Diskriminazzjoni skont l-appartenenza għal kategorija soċjoprofessjonali jew tal-post tax-xogħol - Kundizzjonijiet għall-ħlas tad-dannu inkors - Direttivi 2000/43/KE u 2000/78/KE - Inapplikabbiltà - Inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari.
Kawża C-310/10.
Ġabra tal-Ġurisprudenza 2011 I-05989
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2011:467
Kawża C-310/10
Ministerul Justiţiei și Libertăţilor Cetăţenești
vs
Ştefan Agafiţei et
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel Bacău)
“Drittijiet tal-paga tal-maġistrati — Diskriminazzjoni skont l-appartenenza għal kategorija soċjoprofessjonali jew tal-post tax-xogħol — Kundizzjonijiet għall-ħlas tad-dannu inkors — Direttivi 2000/43/KE u 2000/78/KE — Inapplikabbiltà — Inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari”
Sommarju tas-sentenza
Domandi preliminari — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja — Limiti — Talba għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li huma manifestament inapplikabbli fil-kawża prinċipali
(Artikolu 267 TFUE; Direttivi tal-Kunsill 2000/43, Artikolu 15, u 2000/78, Artikolu 17)
Ir-rifjut ta’ domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali jista’ b’mod partikolari jkun iġġustifikat jekk ikun manifest li d-dritt tal-Unjoni ma japplika, la direttament u lanqas indirettament, għaċ-ċirkustanzi tal-kawża inkwistjoni.
Dan huwa l-każ tat-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali dwar l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2000/43, li timplementa l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità, u l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2000/78 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, u li ma għandhiex l-għan li tivverifika jekk sitwazzjoni ta’ diskriminazzjoni salarjali skont il-kategorija soċjoprofessjonali taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet iżda li titlaq mill-preżunzjoni li dan huwa l-każ sabiex tintalab interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta madankollu l-imsemmija dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma jistgħu jiġu applikati la direttament u lanqas indirettament għaċ-ċirkustanzi inkwistjoni.
L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2000/43 u l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2000/78 manifestament ma jistgħux japplikaw għad-diskriminazzjoni salarjali skont il-kategorija soċjoprofessjonali jew il-post tax-xogħol.
Il-prinċipju ta’ trattament ugwali li jistabbilixxu l-imsemmija direttivi japplika fil-fatt skont motivi elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 1 tagħhom.
Meta leġiżlazzjoni nazzjonali tkun tikkonforma bis-soluzzjonijiet li toffri għal sitwazzjonijiet purament interni, l-istess soluzzjonijiet bħal dawk adottati fid-dritt tal-Unjoni sabiex, pereżempju, tiġi evitata diskriminazzjoni kontra ċittadini nazzjonali jew eventwali tgħawwiġ tal-kompetizzjoni, jew inkella sabiex tiżgura proċedura unika f’sitwazzjonijiet kumparabbli, jeżisti interess ċert li, sabiex jiġu evitati differenzi fl-interpretazzjonijiet futuri, id-dispożizzjonijiet jew il-kunċetti meħuda mid-dritt tal-Unjoni għandhom jirċievu interpretazzjoni uniformi, ikunu xi jkunu l-kundizzjonijiet fejn ikollhom japplikaw.
Dan ma huwiex il-każ fil-preżenza ta’ dispożizzjoni nazzjonali li tistabbilixxi, skont l-Artikoli 15 tad-Direttiva 2000/43 u 17 tad-Direttiva 2000/78, sistema ta’ ħlas ta’ dannu fir-rigward tal-ksur tar-regoli ta’ nondiskriminazzjoni, previsti mill-imsemmija direttivi meta l-imsemmija sistema tkun tapplika fil-fatt għall-ksur ta’ regoli ta’ nondiskriminazzjoni li jirriżultaw biss mid-dritt nazzjonali.
Barra minn hekk, għalkemm il-ħtieġa li tiġi żgurata interpretazzjoni uniformi tal-liġijiet tad-dritt tal-Unjoni tista’ tiġġustifika li l-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja testendi għall-kontenut ta’ tali liġijiet, inkluż fl-ipoteżi fejn dawn japplikaw biss b’mod indirett għal sitwazzjoni partikolari, minħabba referenza għalihom li ssir minn liġi tad-dritt nazzjonali, din l-istess kunsiderazzjoni ma tistax, min-naħa l-oħra, twassal, mingħajr il-ksur tal-qsim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, sabiex din l-imsemmija liġi tad-dritt tal-Unjoni tingħata s-supremazija fuq liġijiet interni ta’ livell superjuri li jkunu jirrikjedu, f’tali sitwazzjoni, li titwarrab l-imsemmija liġi tad-dritt nazzjonali jew l-interpretazzjoni tagħha.
(ara l-punti 28, 32-34, 39, 48 u d-dispożittiv)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
7 ta’ Lulju 2011 (*)
“Drittijiet tal-paga tal-maġistrati – Diskriminazzjoni skont l-appartenenza għal kategorija soċjoprofessjonali jew tal-post tax-xogħol – Kundizzjonijiet għall-ħlas tad-dannu inkors – Direttivi 2000/43/KE u 2000/78/KE – Inapplikabbiltà – Inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari”
Fil-Kawża C‑310/10,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, immressqa mill-Curtea de Apel Bacău (Roumanie), permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Ġunju 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Ġunju 2010, fil-proċedura
Ministerul Justiţiei și Libertăţilor Cetăţenești
vs
Ştefan Agafiţei,
Raluca Apetroaei,
Marcel Bărbieru,
Sorin Budeanu,
Luminiţa Chiagă,
Mihaela Crăciun,
Sorin-Vasile Curpăn,
Mihaela Dabija,
Mia-Cristina Damian,
Sorina Danalache,
Oana-Alina Dogaru,
Geanina Dorneanu,
Adina-Cătălina Galavan,
Gabriel Grancea,
Mădălina Radu (Hobjilă),
Nicolae Cătălin Iacobuţ,
Roxana Lăcătușu,
Sergiu Lupașcu,
Smaranda Maftei,
Silvia Mărmureanu,
Maria Oborocianu,
Simona Panfil,
Oana-Georgeta Pânzaru,
Laurenţiu Păduraru,
Elena Pîrjol-Năstase,
Ioana Pocovnicu,
Alina Pușcașu,
Cezar Ştefănescu,
Roxana Ştefănescu,
Ciprian Ţimiraș,
Cristina Vintilă,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, K. Schiemann (Relatur), L. Bay Larsen, A. Prechal u E. Jarašiūnas, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: Y. Bot,
Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ April 2011,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għall-Gvern Rumen, inizjalment irrappreżentat minn A. Popescu u V. Angelescu, u sussegwentement minn, R. H. Radu u R.-I. Munteanu, bħala aġenti,
– għall-Irlanda, minn D. O’Hagan, bħala aġent, assistit minn A. Collins, SC, u N. Travers, BL,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Enegren u L. Bouyon, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari hija dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE, tad-29 ta’ Ġunju 2000, li timplementa l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 20, Vol. 1, p. 33) u l-Artikolu 17 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79), kif ukoll f’każ ta’ kunflitt bejn l-imsemmija dispożizzjonijiet u leġiżlazzjoni nazzjonali jew deċiżjoni tal-Curtea Constituțională (qorti kostituzzjonali), dwar il-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw mis-supremazija tad-dritt tal-Unjoni.
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni
2 L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/43 jipprovdi:
“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jistabbilixxi qafas sabiex tiġi kkumbattuta d-diskriminazzjoni għar-raġunijiet ta’ l-oriġini tar-razza jew l-etniċità, bl-għan li jseħħ fl-Istati Membri l-prinċipju ta’ trattament ugwali.”
3 L-Artikolu 2(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:
“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, il-prinċipju ta’ trattament ugwali għandu jfisser illi ma għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta msejsa fuq l-oriġini tar-razza jew l-etniċità.”
4 L-Artikolu 1 tad-direttiva 2000/78 jipprovdi:
“L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplementa fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.”
5 L-Artikolu 2(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:
“Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1.”
6 L-Artikoli 3 tad-Direttivi 2000/43 u 2000/78, intitolati “Il-kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdu fil-paragrafi 1(c), li, fil-limiti tal-poteri mogħtija lill-Komunità, l-imsemmija direttivi japplikaw għall-persuni kollha, f’dak li għandu x’jaqsam mas-setturi pubbliċi u privati, inklużi l-korpi pubbliċi, f’relazzjoni mal-kondizzjonijiet tal-impjieg u l-kondizzjonijiet tax-xogħol, inkluzi t-tkeċċija u l-paga.”
7 L-Artikolu 14(a) tad-Direttiva 2000/43 u l-Artikolu 16(a) tad-Direttiva 2000/78 jipprovdu li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li tiġi abolita kull liġi, regolament u dispożizzjoni amministrattiva kuntrarji għall-prinċipju tat-trattament ugwali.
8 L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2000/43 jipprovdi:
“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar is-sanzjonijiet li japplikaw għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi jiġu applikati. Is-sanzjonijiet, li jistgħu jinkludu l-ħlas ta’ kumpens għall-vittma, iridu jkunu effettivi, pproporzjonati u diswassivi. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni mhux aktar tard mid-19 ta’ Lulju 2003 u għandhom jgħarrfuha mingħajr dewmien bl-emendi li jaffettwawhom [...]”
9 L-Artikolu 17 tad-Direttiva 2000/78 jipprovdi:
“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar sanzjonijiet applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżguraw li jiġu applikati. Is-sanzjonijiet, li jistgħu jinvolvu l-pagament ta’ kumpens lill-vittma, għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi [...]”
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
10 Id-Digriet tal-Gvern Nru 137/2000, dwar il-prevenzjoni u r-repressjoni ta’ kwalunkwe forma ta’ diskriminazzjoni (Monitorul Oficial al României, parti I, Nru 431, tat-2 ta’ Settembru 2000), tfittex b’mod partikolari li tiżgura t-traspożizzjoni fid-dritt intern tad-Direttivi 2000/43 u 2000/78.
11 Skont l-Artikolu 1(2)(e)(i) tad-Digriet Nru 137/2000:
“Il-prinċipju ta’ ugwaljanza bejn iċ-ċittadini u l-prinċipju ta’ nuqqas ta’ privileġġi u ta’ diskriminazzjoni huma ggarantiti b’mod partikolari fl-eżerċizzju tad-drittijiet segwenti:
[...]
e) id-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali, b’mod partikolari:
i) id-dritt għax-xogħol, għall-għażla ħielsa tax-xogħol, għall-kundizzjonijiet ta’ xogħol ekwi u sodisfaċenti, għall-protezzjoni kontra l-qgħad, għall-ugwaljanza fil-paga għall-istess xogħol, għal ħlas ekwu u sodisfaċenti”.
12 L-Artikolu 2(1) tal-imsemmi digriet jipprovdi:
“Skont dan id-digriet, tikkostitwixxi diskriminazzjoni kwalunkwe distinzjoni, esklużjoni, restrizzjoni jew preferenza bbażata fuq ir-razza, iċ-ċittadinanza, l-appartenenza għal etnija, il-lingwa, ir-reliġjon, il-kategorija soċjali, il-konvinzjonijiet, is-sess, l-orjentazzjoni sesswali, l-età, diżabilità, marda kronika li ma titteħidx, is-sjeropożitività, l-appartenenza għal kategorija żvantaġġata, kif ukoll kull kriterju ieħor li għandu l-għan jew l-effett li jillimita jew ineħħi r-rikonoxximent, l-użu jew l-eżerċizzju, fuq livell ta’ ugwaljanza, drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali jew tad-drittijiet irrikonoxxuti mil-liġi, fl-oqsma politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali jew fi kwalunkwe qasam ieħor fil-ħajja pubblika.”
13 L-Artikolu 27(1) tad-Digriet Nru 137/2000 jipprovdi:
“Kwalunkwe persuna li tqis li hija vittma ta’ diskriminazzjoni tista’ titlob, quddiem il-qorti, ħlas għad-dannu jew ir-ritorn għas-sitwazzjoni preċedenti għad-diskriminazzjoni jew l-annullament tas-sitwazzjoni li tirriżulta mid-diskriminazzjoni, skont id-dritt komuni. [...]”
14 Permezz tad-Deċiżjonijiet Nri 818 sa 820, tat-3 ta’ Lulju 2008, Nru 1325, tal-4 ta’ Diċembru 2008, u Nru 146, tal-25 ta’ Frar 2010, il-Curtea Constituțională ddikkjarat li diversi dispożizzjonijiet tad-Digriet Nru 137/2000, li fosthom jinsab l-Artikolu 27 tagħha, għandhom jiġu kkunsidrati bħala inkostituzzjonali fi kwalunkwe każ fejn jirriżulta mill-imsemmija dispożizzjonijiet li l-qrati huma kompetenti sabiex jannullaw jew jirrifjutaw l-applikazzjoni ta’ atti normativi li għandhom il-forza ta’ liġi meta huma kkunsidrati diskriminatorji u sabiex tissostitwihom b’normi elaborati b’mod ġudizzjarju jew permezz ta’ dispożizzjonijiet li jinsabu f’atti normativi oħra.
15 Skont l-Artikolu 11(1) u l-Anness 1A punti 6 sa 13, tad-Digriet ta’ urġenza tal-Gvern (Ordonanța de Urgență a Guvernului) Nru 27/2006, kif emendat u kkompletat permezz tal-liġi Nru 45/2007 (iktar ’il quddiem l-“OUG Nru 27/2006”), il-prokuraturi tad-Direcția Națională Anticorupție (Direttorat nazzjonali antikorruzzjoni, iktar ’il quddiem id-“DNA”) u d-Direcția de Investigare a Infracțiunilor de Criminalitate Organizată și Terorism (Direttorat ta’ investigazzjoni tal-ksur fil-qasam tal-kriminalità organizzata u tat-terroriżmu, iktar ’il quddiem id-“DIICOT”) jirċievu ħlas li jikkorrispondi għal dak tal-prokuraturi fi ħdan l-Înalta Curte de Casație și Justiție (qorti għolja tal-kassazzjoni u tal-ġustizzja).
16 Mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-aċċess għall-karigi ta’ prokuraturi fi ħdan l-Înalta Curte de Casație și Justiție u, għaldaqstant, l-għoti tal-ħlas marbut ma’ din il-funzjoni jeħtieġ, b’mod partikolari, li l-persuna interessata tissodisfa kundizzjoni ta’ anzjanità ta’ tmien snin fil-maġistratura, meta dan ma huwiex il-każ fir-rigward tal-karigi ta’ prokuraturi tad-DNA u tad-DIICOT.
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
17 Fl-ewwel istanza, ir-rikorrenti, li huma maġistrati, ressqu rikors quddiem it-Tribunalul Bacău kontra, b’mod partikolari din l-istess qorti, il-Curtea de Apel Bacău u l-Ministerul Justiţiei și Libertăţilor Cetăţenești, sabiex jiksbu ħlas għad-dannu li huma jikkunsidraw li sofrew minħabba t-trattament diskriminatoriju li kienu suġġetti għalih fil-qasam tal-ħlas minħabba l-istatut irriżervat, fuq dan il-livell, għall-prokuraturi tad-DNA u tad-DIICOT.
18 F’deċiżjoni tal-4 ta’ April 2008, it-Tribunalul Bacău kkunsidra li dawn ir-rikorrenti kienu vittmi ta’ diskriminazzjoni minħabba l-kategorija soċjoprofessjonali u l-post tax-xogħol, kriterji li jikkorrispondu għal dik ta’ “kategorija soċjali” msemmija fl-Artikolu 2(1) tad-Digriet Nru 137/2000, u li f’dan il-każ inkiser il-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 6(2) tal-kodiċi tax-xogħol (codul muncii), li jgħid li l-ħlas għall-istess xogħol għandu jkun l-istess.
19 Konsegwentement, it-Tribunalul Bacău laqa’ r-rikors li kellu quddiemu u, abbażi tal-Artikolu 27(1) tad-Digriet Nru 137/2000, ikkundanna lill-konvenuti jagħtu lill-imsemmija rikorrenti d-drittijiet għall-paga li jikkorrispondu għad-differenza bejn is-salarju li dawn diġà kienu jirċievu u dak previst mill-OUG Nru 27/2006 għall-prokuraturi tad-DNA u tad-DIICOT, u dan sa mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din l-aħħar leġiżlazzjoni.
20 Insostenn tal-appell li ppreżenta quddiem il-Curtea de apel Bacău kontra din id-deċiżjoni, il-Ministerul Justiţiei și Libertăţilor Cetăţenești jsostni b’mod partikolari li t-Tribunalul Bacău qabeż il-limiti tal-kompetenzi ġudizzjarji tiegħu billi attribwixxa kompetenzi leġiżlattivi bi ksur tad-deċiżjonijiet imsemmija iktar ’il fuq Nri 818 sa 820, Nru 1325 u Nru 146 tal-Curtea Constituțională.
21 Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Curtea de apel Bacău ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri dwar l-imsemmi appell u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“1) L-Artikolu 15 tad-Direttiva [2000/43/KE] u l-Artikolu 17 tad-Direttiva [2000/78/KE] li t-tnejn li huma ġew trasposti fid-dritt intern permezz [tad-Digriet Nru 137/2000], kif ippubblikat mill-ġdid u emendat jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali jew sentenza tal-Curte Constituțională li tipprojbixxi lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali milli jirrikonoxxu lir-rikorrenti, li soffrew diskriminazzjoni, dritt għall-kumpens tad-danni materjali u/jew morali li jitqies adegwat fil-każijiet fejn il-kumpens għad-danni kkawżati minn diskriminazzjoni huwa marbut ma’ drittijiet fir-rigward tas-salarji previsti mil-liġi u mogħtija lil kategorija soċjoprofessjonali differenti minn dik li jagħmlu parti minnha r-rikorrenti? F’dan is-sens isir riferiment għas-sentenzi tal-Curte Constituțională tal-4 ta’ Diċembru 2008, Nru 1325, u tal-25 ta’ Frar 2010, Nru 146.
2) Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, il-qorti nazzjonali hija marbuta tistenna r-revoka jew l-emenda tad-dispożizzjonijiet ta’ liġi nazzjonali u/jew bdil tal-ġurisprudenza tal-Curte Constituțională, li huma, jekk ikun il-każ, kuntrarji għad-[dritt tal-Unjoni], jew tali qorti hija marbuta tapplika b’mod dirett u immedjat għall-kawżi pendenti quddiemha [d-dritt tal-Unjoni] kif interpretati, jekk ikun il-każ, mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li tinjora kwalunkwe dispożizzjoni tal-liġi nazzjonali jew kwalunkwe sentenza tal-Curte Constituțională li jkunu kuntrarji għad-[dritt tal-Unjoni]?”
Fuq is-suġġett tad-domandi preliminari
22 Moqrija fid-dawl tal-indikazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju, id-domandi preliminari huma essenzjalment, minn naħa dwar il-punt jekk, ladarba tiġi żgurata l-implementazzjoni fid-dritt intern tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2000/43 u l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2000/78, permezz, b’mod partikolari, ta’ dispożizzjoni bħall-Artikolu 27 tad-Digriet Nru 137/2000, l-imsemmija Artikoli 15 u 17 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu deċiżjonijiet tal-Curtea Constituțională milli jeskludu li l-imsemmija dispożizzjoni tad-dritt intern tista’ tiftaħ, favur persuni li jkunu sofrew diskriminazzjoni fil-paga minħabba l-kategorija soċjoprofessjonali jew tal-post tax-xogħol, dritt għal danni fil-forma ta’ drittijiet tal-paga previsti mil-liġi favur kategorija soċjoprofessjonali oħra. Fl-ipoteżi li dan ikun il-każ, l-imsemmija domandi jfittxu, min-naħa l-oħra, li jiġi ddeterminat jekk qorti nazzjonali hijiex għalhekk obbligata li teskludi tali dispożizzjoni mid-dritt intern jew il-ġurisprudenza kostituzzjonali inkwistjoni mingħajr ma għandha tistenna, f’dan ir-rigward, li l-imsemmija dispożizzjoni tiġi emendata mil-leġiżlatura jew li twassal għal interpretazzjoni ġdida min-naħa tal-qorti kostituzzjonali li tkun tali li tiżgura l-konformità mad-dritt tal-Unjoni.
Fuq l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari
23 L-ammissibbiltà tad-domandi preliminari ġiet ikkontestata mill-Gvern Rumen u mill-Irlanda fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, b’mod partikolari minħabba li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttivi 200/43 u 2000/78 u lanqas, b’mod iktar ġenerali, taħt dak tad-dritt tal-Unjoni.
24 Preliminarjament, jaqbel li jitfakkar, f’dan ir-rigward, li, skont l-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti sabiex tiddeċiedi, b’mod preliminari, dwar l-interpretazzjoni tat-trattati kif ukoll dwar l-atti meħuda mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni.
25 Skont ġurisprudenza stabbilita, il-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali. Minn dan jirriżulta li huma biss il-qrati nazzjonali li jkollhom quddiemhom il-kawża u li għandhom jassumu r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandhom jintervjenu sabiex jevalwaw, fir-rigward tal-partikolaritajiet ta’ kull kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex ikunu f’pożizzjoni li jagħtu d-deċiżjoni tagħhom kif ukoll ir-relevanza tad-domandi li jagħmlu lill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta’ Ottubru 1990, Dzodzi, C‑297/88 u C‑197/89, Ġabra p. I‑3763, punti 33 u 34; tas-17 ta’ Lulju 1997, Leur-Bloem, C‑28/95, Ġabra p. I‑4161, punt 24, kif ukoll tat-8 ta’ Settembru 2010, Winner Wetten, C‑409/06, p. I‑8015, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).
26 Konsegwentement, peress li d-domandi preliminari magħmula mill-qrati nazzjonali huma dwar l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, bħala prinċipju, għandha l-obbligu li tiddeċiedi (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Dzodzi, punt 35; Leur-Bloem, punt 25, kif ukoll Winner Wetten, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).
27 Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat ukoll li, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, hija għandha teżamina l-kundizzjonijiet li fihom hija tiġi mitluba mill-qorti nazzjonali bil-għan li tiġi vverifikata l-kompetenza tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2006, Chacón Navas, C‑13/05, Ġabra p. I‑6467, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ir-rifjut li tiddeċiedi fuq domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha l-ebda relazzjoni mar-realtà jew is-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma tiddisponix mill-punti ta’ fatt u ta’ dritt neċessarji sabiex tirrispondi b’mod xieraq għad-domandi magħmula lilha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Chacón Navas, punt 33, kif ukoll Winner Wetten, punt 37 u l-ġursiprudenza ċċitata).
28 Għalhekk minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li r-rifjut ta’ domanda magħmula minn qorti nazzjonali jista’ b’mod partikolari jiġi ġġustifikat jekk huwa manifest li d-dritt tal-Unjoni ma japplikax, la direttament u lanqas indirettament, għaċ-ċirkustanzi tal-kawża (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Leur-Bloem, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).
29 F’dan il-każ, jaqbel li jiġi osservat, mall-ewwel, li l-qorti tar-rinviju ma tistaqsix lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-punt jekk sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttivi 2000/43 u 2000/78 u, b’mod partikolari, tal-Artikoli 15 u 17 tagħhom rispettivi, li jirreferu għalihom id-domandi preliminari.
30 Madankollu għandu jiġi rrelevat, f’dan ir-rigward, li, kif sostnew il-Gvern Rumen, l-Irlanda u l-Kummissjoni, dan ma huwiex il-każ.
31 Fil-fatt, l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78 jippreċiża li din għandha l-għan li tistabbilixxi qafas ġenerali sabiex tiġġieled, f’dak li jikkonċerna l-impjieg u x-xogħol, kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon jew il-konvinzjonijiet, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali. Min-naħa tagħha d-Direttiva 2000/43 għandha l-għan, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tagħha, li tistabbilixxi qafas sabiex tiġġieled kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq ir-razza jew l-oriġini etnika.
32 Madankollu mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-diskriminazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali bl-ebda mod ma hija bbażata fuq raġunijiet elenkati mill-imsemmija direttivi, iżda min-naħa l-oħra ssir abbażi tal-kategorija soċjoprofessjonali, fis-sens tal-liġi nazzjonali, li jaqgħu taħtha l-persuni interessati jew il-post tax-xogħol tagħhom.
33 Minn dan isegwi li sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma taqax taħt il-qafas ġenerali rispettivament stabbiliti mid-Direttivi 2000/43 u 2000/78 sabiex tiġi miġġielda ċerta diskriminazzjoni.
34 Fil-fatt, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-Artikolu 2(1) ta’ dawn l-istess direttivi, il-prinċipju ta’ trattament ugwali li jistabbilixxu japplika skont motivi elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 1 tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, Coleman, C‑303/06, Ġabra p. I‑5603, punti 38 u 46).
35 Barra minn hekk jaqbel li jitfakkar f’dan ir-rigward li l-Artikolu 13 KE li sar l-Artikolu 19 TFUE, li jinkludi biss leġiżlazzjoni dwar il-kompetenzi tal-Komunità u li abbażi tagħhom ġew adottati l-imsemmija direttivi ma jsemmix ukoll id-diskriminazzjoni abbażi tal-kategorija soċjoprofessjonali jew il-post tax-xogħol, minkejja li l-imsemmija Artikoli 13 KE jew 19 TFUE lanqas ma jistgħu jikkostitwixxu bażi ġuridika tal-miżuri tal-Kunsill intiżi sabiex jiġġieldu tali diskriminazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Chacón Navas, punt 55, u Coleman, punt 46).
36 Minn dak kollu li jippreċedi jirriżulta li sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma taqax taħt il-kuntest tal-miżuri adottati abbażi tal-Artikolu 13 KE u, b’mod partikolari, tad-Direttivi 2000/43 u 2000/78, minkejja li l-Artikoli 15 u 17 rispettivi ta’ dawn id-direttivi, li tirreferi għalihom id-domanda preliminari, ma jikkonċernawx tali sitwazzjoni (ara, b’analoġija, id-digriet tas-17 ta’ Marzu 2009, Mariano, C‑217/08, punt 27).
37 Peress li madankollu l-Curtea de Apel Bacău enfasizzat, kemm fil-motivi tad-deċiżjoni tar-rinviju kif ukoll fl-ewwel domanda preliminari tagħha, li d-Digriet Nru 137/2000 jiżgura t-traspożizzjoni fid-dritt intern tad-Direttivi 2000/43 u 2000/78, jaqbel ukoll li wieħed jistaqsi dwar il-kwistjoni jekk interpretazzjoni tal-imsemmija Artikoli 15 u 17 mill-Qorti tal-Ġustizzja tistax tiġi ġġustifikata, kif issostni l-Kummissjoni Ewropea, minħabba li dawn l-artikoli saru applikabbli għal ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, permezz tad-dritt nazzjonali minħabba r-rinviju li dan jagħmel għall-imsemmija artikoli.
38 F’dan ir-rigward, fil-fatt, hemm lok li jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diversi drabi, ddikkjarat lilha nfisha kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar talbiet għal deċiżjoni preliminari dwar id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni f’sitwazzjonijiet fejn il-fatti fil-kawża prinċipali jkunu jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan u li għalhekk jaqgħu biss taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, imma fejn l-imsemmija dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni kienu saru applikabbli mid-dritt nazzjonali minħabba rinviju minn dan tal-aħħar għall-kontenut tagħhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Leur-Bloem, iċċitati iktar ’il fuq, punti 25 u 27 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat-3 ta’ Diċembru 1998, Schoonbroodt, C‑247/97, Ġabra p. I‑8095, punti 14 u 15).
39 Il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod partikolari enfasizzat f’dan ir-rigward li meta leġiżlazzjoni nazzjonali tkun tikkonforma bis-soluzzjonijiet li toffri għal sitwazzjonijiet purament interni ma’ dawk li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni sabiex, pereżempju, tiġi evitata diskriminazzjoni kontra ċittadini nazzjonali jew eventwali tgħawwiġ tal-kompetizzjoni, jew inkella sabiex tiżgura proċedura unika f’sitwazzjonijiet kumparabbli, jeżisti interess ċert li, sabiex jiġu evitati differenzi fl-interpretazzjonijiet futuri, id-dispożizzjonijiet jew il-kunċetti meħuda mid-dritt tal-Unjoni għandhom jirċievu interpretazzjoni uniformi, ikunu xi jkunu l-kundizzjonijiet fejn ikollhom japplikaw (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Leur-Bloem, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas-17 ta’ Lulju 1997, Giloy, C‑130/95, Ġabra p. I‑4291, punt 28).
40 Madankollu dan ma huwiex il-każ f’din is-sitwazzjoni.
41 Kif għadu kemm tfakkar u kif ċertament jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, id-Digriet Nru 137/2000 għandu l-għan b’mod partikolari li jiżgura t-traspożizzjoni fid-dritt intern tad-Direttivi 2000/43 u 2000/78 u li l-Artikolu 27 tal-imsemmi digriet, li jipprovdi li d-diskriminazzjoni pprojbita minn din tal-aħħar trendi responsabbli l-awturi tagħha u tagħti lil dawk li huma vittmi d-dritt li jiksbu ħlas għad-dannu, tiżgura f’dan ir-rigward l-implementazzjoni tal-Artikoli 15 tad-Direttiva 2000/43 u 17 tad-Direttiva 2000/78. Għaldaqstant, ma jsegwix li l-interpretazzjoni tal-imsemmi Artikolu 27, meta dan tal-aħħar japplika fir-rigward tad-diskriminazzjoni pprojbita mid-dritt nazzjonali biss u ma tkun taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttivi, għandha tiġi kkundizzjonata mid-dispożizzjonijiet ta’ dawn tal-aħħar, jew b’mod iktar ġenerali, minn dawk tad-dritt tal-Unjoni.
42 Fil-fatt, imkien ma huwa stabbilit li jeżisti, f’dan il-każ, interess ċert sabiex tiġi ppreservata uniformità ta’ interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet jew tal-kunċetti meħuda mid-dritt tal-Unjoni, ikunu xi jkunu l-kundizzjonijiet li dawn ikunu japplikaw għalihom, b’tali mod li l-Qorti tal-Ġustizzja tinsab f’pożizzjoni li tista’ tirrispondi għad-domandi preliminari li huma magħmula lilha mill-qorti tar-rinviju.
43 L-ewwel nett, id-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludix indikazzjoni biżżejjed preċiża minn fejn jista’ jiġi dedott li, billi ssottometta għall-istess sistema ta’ dannu l-ksur ta’ regoli ta’ nondiskriminazzjoni previsti mid-Direttivi 2000/43 u 2000/78 u l-ksur ta’ regoli ta’ nondiskriminazzjoni li jirriżultaw biss mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, il-leġiżlatur intern kellu, fir-rigward ta’ dan l-aħħar ksur, jirrinvija għall-kontenut ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jew jikkonforma mas-soluzzjonijiet adottati minn dawn id-dispożizzjonijiet.
44 Sussegwentement, għandu jiġi osservat, minn naħa, li sistema ta’ sanzjonijiet bħal dik li l-Istati Membri għandhom jimplementaw skont l-Artikoli 15 tad-Direttiva 2000/43 u 17 tad-Direttiva 2000/78 hija aċċessorju tar-regoli materjali ta’ nondiskriminazzjoni li jistabbilixxu l-imsemmija direttivi u li għandhom jiżguraw l-effettività tagħha. Issa, kif ġie enfasizzat fil-punti 31 sa 36 ta’ din is-sentenza, l-imsemmija direttivi ma jinkludu l-ebda regola ta’ nondiskriminazzjoni li hija fondata, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fuq il-kategorija soċjoprofessjonali.
45 Min-naħa l-oħra, l-Artikoli 15 tad-Direttiva 2000/43 u 17 tad-Direttiva 2000/78 sempliċement jobbligaw lill-Istati Membri jistabbilixxu sistema ta’ sanzjonijiet applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont dawn id-direttivi, billi jindikaw f’dan ir-rigward li l-imsemmija sanzjonijiet għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi u li jistgħu jinkludu l-ħlas ta’ danni. Minn dan isegwi li l-miżuri konkreti varjabbli li jeħtieġu l-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni kkonċernati diffiċilment jistgħu jiġu kkunsidrati, meta huma intiżi sabiex japplikaw fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn l-aħħar dispożizzjonijiet, bħala li jirreferu għal kunċetti li jinsabu f’dawn l-istess dispożizzjonijiet jew li jikkonformaw għal soluzzjonijiet bħal dawk adottati minn dawn id-dispożizzjonijiet, li għandhom jiġu interpretati b’mod uniformi, ikunu xi jkunu ċ-ċirkustanzi li japplikaw għalihom.
46 Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li, f’dan il-każ, id-domandi preliminari huma intiżi essenzjalment, iktar milli sabiex tingħata interpretazzjoni tal-kontenut materjali tal-Artikoli 15 tad-Direttiva 2000/43 u 17 tad-Direttiva 2000/78, sabiex jiġi ddeterminat il-punt dwar jekk il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni jipprekludix liġi interna kostituzzjonali kif interpretata mill-qorti kostituzzjonali tal-Istat Membru kkonċernat li, fi preżenza ta’ sitwazzjoni li ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, jeħtieġx li ma jiġux applikati l-liġijiet interni li fil-fatt jiżguraw it-traspożizzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jew li din il-liġi interna tiġi interpretata b’mod li huwa kuntrarju għal dawn id-dispożizzjonijiet jekk l-imsemmija sitwazzjoni taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom.
47 F’dan ir-rigward, għalkemm il-ħtieġa li tiġi żgurata interpretazzjoni uniformi tal-liġijiet tad-dritt tal-Unjoni tista’, kif tfakkar iktar ’il fuq, tiġġustifika li l-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-interpretazzjoni testendi għall-kontenut ta’ tali liġijiet, inkluż fl-ipoteżi fejn dawn japplikaw biss b’mod indirett għal sitwazzjoni partikolari, minħabba referenza għalihom li ssir minn liġi tad-dritt nazzjonali, din l-istess kundsiderazzjoni ma tistax, min-naħa l-oħra, twassal, mingħajr il-ksur tal-qsim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, sabiex din l-imsemmija liġi tad-dritt tal-Unjoni tingħata s-supremazija fuq liġijiet interni ta’ livell superjuri li jkunu jirrikjedu, f’tali sitwazzjoni, li titwarrab l-imsemmija liġi tad-dritt nazzjonali jew l-interpretazzjoni tagħha.
48 Minn dak kollu li jippreċedi jirriżulta li d-domandi preliminari magħmula mill-Curtea de Apel Bacău, li ma għandhomx bħala suġġett il-verifika ta’ jekk sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 15 tad-Direttiva 2000/43 u 17 tad-Direttiva 2000/78 imma jitilqu mill-preżuppost li dan huwa l-każ sabiex tintalab interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, minkejja li, għaldaqstant, l-imsemmija dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma jistgħux manifestament jiġu applikati, la direttament u lanqas indirettament għall-fatti f’dan il-każ, għandhom jiġu kkunsidrati bħala inammissibbli.
Fuq l-ispejjeż
49 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
It-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel Bacău (ir-Rumanija) hija inammissibbli.
Firem
*Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.