Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007CC0014

    Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Trstenjak - 29 ta' Novembru 2007.
    Ingenieurbüro Michael Weiss und Partner GbR vs Industrie- und Handelskammer Berlin.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Bundesgerichtshof - il-Ġermanja.
    Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili - Regolament (KE) Nru 1348/2000 - Notifika ta’ atti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji - Nuqqas ta’ traduzzjoni ta’ l-annessi ta’ l-att - Konsegwenzi.
    Kawża C-14/07.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2007:737

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    TRSTENJAK

    ippreżentati fid-29 ta’ Novembru 2007 ( 1 )

    Kawża C-14/07

    Ingenieurbüro Michael Weiss und Partner GbR

    vs

    Industrie- und Handelskammer Berlin

    “Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Regolament (KE) Nru 1348/2000 — Notifika ta’ atti ġudizzjarji u extra ġudizzjarji — Nuqqas ta’ traduzzjoni tal-annessi tal-att — Konsegwenzi”

    I — Introduzzjoni

    1.

    Din il-kawża tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar is-servizz [in-notifika] fl-Istati Membri ta’ dokumenti [atti] ġudizzjarji u extra ġudizzjarji fi kwistjonijiet [f’materji] ċivili jew kummerċjali (iktar ’il quddiem “ir-Regolament Nru 1348/2000”) ( 2 ) u l-kwistjoni partikolari dwar jekk destinatarju jistax jirrifjuta li jirċievi att promotur nnotifikat fil-kuntest ta’ proċeduri ċivili barranin meta dan ikun ġie tradott fil-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru indirizzat iżda d-dokumenti annessi ma’ dak l-att promotur ma jkunux ġew tradotti f’dik il-lingwa, u d-destinatarju jallega li ma jifhimx il-lingwa tal-Istat Membru tat-trażmissjoni minkejja li, fil-kuntest tat-twettiq tal-attività kummerċjali tiegħu, huwa jkun ikkonkluda kuntratt li fih ġie miftiehem li kellha tintuża l-lingwa tal-Istat Membru tat-trażmissjoni fil-korrispondenza, minn naħa, bejn il-partijiet, u min-naħa l-oħra, ma’ l-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet pubbliċi.

    2.

    Din it-talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-Bundesgerichtshof saret fil-kuntest ta’ kawża għad-danni ppreżentata mill-Industrie- und Handelskammer Berlin (iktar ’il quddiem l-“IHK Berlin”) kontra l-uffiċċju ta’ arkitetti Nicholas Grimshaw & Partners Ltd, kumpannija rregolata bil-liġi Ingliża, (iktar ’il quddiem “l-Uffiċċju Grimshaw”), għad-disinn difettuż ta’ bini. L-IHK Berlin ressqet kawża għal ksur ta’ garanzija kontra l-Uffiċċju Grimshaw. Punt inċidentali li qam fil-kawża jirrigwarda l-kwistjoni jekk l-att promotur ġiex innotifikat b’mod validu lill-Uffiċċju Grimshaw. L-uffiċċju ta’ inġiniera Weiss und Partner, stabbilit f’Aachen, (iktar ’il quddiem “l-Uffiċċju Weiss”), ġie kjamat fil-kawża.

    II — Il-kuntest ġuridiku

    3.

    It-8 u l-10 premessi tar-Regolament Nru 1348/2000 igħidu hekk:

    “(8)

    Biex tkun assigurata l-effettività ta’ dan ir-Regolament, il-possibbilità ta’ rifjut tas-servizz [notifika] ta’ dokumenti [atti] huwa limitat għal sitwazzjonijiet eċċezzjonali.

    (10)

    Għall-protezzjoni ta’ l-interessi ta’ min ikun indirizzat [tad-destinatarju], in-notifika għandha ssir fil-lingwa uffiċjali ta’ [jew f’]waħda mill-lingwi uffiċjali tal-post fejn għandha ssir jew fl-lingwa oħra ta’ l-Istat Membru li joriġina [ta’ oriġini] li min ikun indirizzat [d-destinatarju] jkun jifhem”.

    4.

    L-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1348/2000 jgħid:

    Rifjut ta’ aċċettazzjoni ta’ dokument [att]

    1.   L-aġenzija li tirċievi għandha tinforma lill-indirizzat [lid-destinatarju] li hu jew hi jistgħu jirrifjutaw li jaċċettaw id-dokument [l-att] li għandu jkun notifikat jekk dan ikun b’xi lingwa oħra apparti minn waħda minn dawn il-lingwi li ġejjin:

    (a)

    il-lingwa uffiċjali ta’ l-Istat Membru indirizzat jew, jekk ikun hemm diversi lingwi uffiċjali f’dak l-Istat Membru, il-lingwa uffiċjali jew waħda mill-lingwi uffiċjali tal-post fejn in-notifika għandha issir; jew

    (b)

    il-lingwa ta’ l-Istat Membru tat-trażmissjoni li l-indirizzat [d-destinatarju] ikun jifhem”.

    III — Il-fatti prinċipali, il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    5.

    L-IHK Berlin qed tfittex li l-Uffiċċju Grimshaw, kumpannija rregolata bil-liġi Ingliża u stabbilita f’Londra, jiġi ddikjarat responsabbli għad-danni minħabba disinn difettuż, fuq il-bażi ta’ kuntratt ta’ servizzi ta’ arkitett tas-16 ta’ Frar 1994. Permezz ta’ dan il-kuntratt, l-Uffiċċju Grimshaw kien intrabat li jipprovdi studji tekniċi fil-kuntest ta’ proġett ta’ kostruzzjoni f’Berlin. Fl-Artikolu 3.2.6 ta’ dan il-kuntratt ta’ servizzi ta’ arkitett kien stipulat:

    “Is-servizzi għandhom jiġu pprovduti bil-lingwa Ġermaniża. Il-korrispondenza bejn [l-IHK Berlin] u [l-Uffiċċju Grimshaw] u ma’ l-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet pubbliċi għandha ssir bil-lingwa Ġermaniża”.

    Fl-Artikolu 10.2 ta’ dan il-kuntratt huwa stipulat:

    “Il-qorti ta’ Berlin għandha ġurisdizzjoni esklużiva biex tieħu konjizzjoni ta’ tilwimiet”.

    Fl-Artikolu 10.4 tal-imsemmi kuntratt huwa stipulat:

    “Dan il-kuntratt huwa rregolat mil-liġi Ġermaniża”.

    6.

    Għall-finijiet ta’ notifika lill-Uffiċċju Grimshaw, l-IHK Berlin ippreżentat quddiem il-qrati Ġermaniżi kopji tal-att promotur u tad-dokumenti kollha li fuqhom hija bbażat ruħha f’dan l-att proċedurali. Dawn id-dokumenti jinkludu l-kuntratt ta’ servizzi ta’ arkitett konkluż bejn il-partijiet, ftehim suċċessivi għal dan il-kuntratt kif ukoll l-abbozzi tagħhom, silta mill-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u diversi ittri, uħud minnhom mill-Uffiċċju Grimshaw, dwar l-iskambju ta’ korrispondenza ma’ l-impriżi li ġew inkarigati biex jikkonstataw u jsewwu d-difetti allegati. Skont l-informazzjoni mogħtija mill-Bundesgerichsthof, l-Uffiċċju Grimshaw ma kienx jaf b’dawn id-dokumenti kollha qabel ma ġiet ippreżentata din il-kawża, u b’mod partikolari b’dawk relattivi għall-konstatazzjoni u t-tiswija tad-difetti u l-ispejjeż tagħhom. Barra minn hekk, il-kontenut prinċipali tad-dokumenti li fuqhom tibbaża ruħha l-IHK Berlin, huwa parzjalment riprodott fl-att promotur.

    7.

    L-att promotur tad-29 ta’ Mejju 2002, li permezz tiegħu l-IHK Berlin ressqet azzjoni għad-danni kontra l-Uffiċċju Grimshaw fuq il-bażi tal-kuntratt għal servizzi ta’ arkitett, kien diġà ġie nnotifikat lil dan tal-aħħar bil-Ġermaniż fl-20 ta’ Diċembru 2002. Wara li l-Uffiċċju Grimshaw inizjalment irrifjuta li jaċċetta l-att minħabba n-nuqqas ta’ traduzzjoni bl-Ingliż, l-att promotur bl-Ingliż bl-annessi tiegħu bil-Ġermaniż ġew ikkunsinnati lilu Londra fit-23 ta’ Mejju 2003.

    8.

    Permezz ta’ att ġudizzjarju tat-13 ta’ Ġunju 2003, l-Uffiċċju Grimshaw ikkontesta r-regolarità tan-notifika għar-raġuni li d-dokumenti annessi ma’ l-att promotur ma kinux ġew tradotti bl-Ingliż u, għal din ir-raġuni, irrifjuta li jaċċetta l-att promotur, li huwa kkunsidra li n-notifika tiegħu kienet irregolari, billi bbaża ruħu fuq l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1348/2000. Barra minn hekk, l-Uffiċċju Grimshaw eċċepixxa li l-azzjoni kienet preskritta u kkjama fil-kawża lill-Uffiċċju Weiss li pparteċipa, bħala intervenjent, fil-proċeduri quddiem il-qrati Ġermaniżi.

    9.

    Jirriżulta mid-digriet tar-rinviju li, permezz ta’ deċiżjoni preliminari, il-Landgericht Berlin ikkonstata li l-att promotur kien ġie nnotifikat b’mod validu fit-23 ta’ Mejju 2003. L-appell tal-Uffiċċju Grimshaw ġie miċħud b’sentenza tal-Kammergericht Berlin. Kien kontra din is-sentenza tal-Kammergericht Berlin li l-intervenjent — l-Uffiċċju Weiss — ippreżenta proċeduri ta’ “Reviżjoni” quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Bundesgerichtshof.

    10.

    Il-Bundesgerichtshof spjega li, skont il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Ġermaniż, att promotur li jirreferi għal dokumenti li jkunu annessi miegħu jikkostitwixxi ħaġa waħda mad-dokumenti annessi u li l-konvenut għandu jirċievi l-informazzjoni kollha ppreżentata mir-rikorrent li tkun meħtieġa għad-difiża tiegħu. Għaldaqstant, skont il-Bundesgerichtshof, ir-regolarità tan-notifika ta’ att promotur ma tistax tiġi evalwata indipendentement min-notifika tad-dokumenti annessi fuq il-premessa li l-informazzjoni essenzjali tirriżulta mill-att promotur u li d-dritt għal smigħ xieraq huwa ggarantit billi l-konvenut xorta jkollu opportunitajiet suffiċjenti biex jiddefendi ruħu matul il-proċeduri.

    11.

    Skont il-Bundesgerichtshof, tista’ ssir deroga minn dan il-prinċipju biss jekk il-ħtieġa tal-konvenut għall-informazzjoni ma tkunx ippreġudikata b’mod sinjifikattiv, pereżempju għaliex dokument mhux anness ma’ l-att promotur jkun intbagħat kważi fl-istess ħin li fih tressqet il-kawża jew inkella għaliex il-konvenut diġà kien jaf bid-dokumenti kollha qabel ma tressqet il-kawża. Il-qorti tar-rinviju tisħaq illi, f’din il-kawża, l-Uffiċċju Grimshaw ma kienx jaf bid-dokumenti kollha, b’mod partikolari dawk dwar il-konstatazzjoni u t-tiswija tad-difetti u l-ispejjeż tagħhom. Skont il-qorti tar-rinviju, dawk id-dokumenti ma jistgħux jitqiesu bħala dettalji insinjifikattivi peress li d-deċiżjoni li titressaq risposta għall-att promotur tista’ tiddependi mill-evalwazzjoni ta’ dawk id-dokumenti.

    12.

    Il-Bundesgerichtshof jispjega wkoll li ebda wieħed mill-korpi awtorizzati biex jirrappreżentaw lill-Uffiċċju Grimshaw ma jifhmu bil-Ġermaniż u jidhirlu li r-Regolament Nru 1348/2000 jista’ jiġi interpretat fis-sens li l-aċċettazzjoni tal-att ma tistax tiġi rrifjutata fuq il-bażi li d-dokumenti annessi ma jkunux ġew tradotti. Fil-fatt, l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1348/2000 ma jgħid xejn dwar ir-rifjut ta’ aċċettazzjoni tal-annessi. Barra minn hekk, skont il-formola standard prevista fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1348/2000 għal talbiet għal notifika fl-Istati Membri, huwa neċessarju li tingħata informazzjoni dwar in-natura u l-lingwa tal-att biss fir-rigward tal-att li għandu jiġi nnotifikat (ara l-punti 6.1 u 6.3 tal-formola standard) u mhux fir-rigward tad-dokumenti annessi, li fil-każ tagħhom huwa meħtieġ biss li jiġi indikat in-numru tagħhom (ara l-punt 6.4 tal-formola standard). Madankollu, skont il-Bundesgerichtshof, l-uniku fattur deċiżiv huwa jekk l-att inkwistjoni huwiex att li għandu jiġi nnotifikat, fis-sens tar-Regolament Nru 1348/2000, billi l-mod kif hija mfassla l-formola standard m’għandu ebda effett fuq din il-kwistjoni.

    13.

    Fil-każ li ma jkunx possibbli li tiġi rrifjutata l-aċċettazzjoni ta’ att għar-raġuni li l-annessi tiegħu ma jkunux ġew tradotti, il-Bundesgerichtshof jispjega li, fil-fehma tiegħu, il-kuntratt li permezz tiegħu r-rikorrenti u l-konvenut ftiehmu li jikkorrispondu bil-Ġermaniż mhuwiex biżżejjed sabiex il-konvenut jiġi mċaħħad mid-dritt li jirrifjuta l-aċċettazzjoni tal-att fuq il-bażi tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 1348/2000. Dik il-klawżola ma tfissirx li l-konvenut jifhem bil-Ġermaniż għall-finijiet tar-Regolament Nru 1348/2000.

    14.

    Finalment, fil-każ li klawżola kuntrattwali ma tistax titqies li tikkostitwixxi preżunzjoni li lingwa hija mifhuma, il-Bundesgerichtshof jistaqsi jekk l-aċċettazzjoni ta’ att tistax dejjem tiġi rrifjutata meta d-dokumenti annessi ma jkunux ġew tradotti jew jekk teżistix eċċezzjoni, pereżempju fil-każ fejn il-konvenut diġà jkollu traduzzjoni tad-dokument jew meta d-dokument ikun riprodott testwalment fl-att promotur u dan tal-aħħar ikun ġie tradott. Dan jista’ jkun ukoll il-każ meta d-dokument trażmess bħala anness ikun miktub b’lingwa li dwar l-użu tagħha jkun intlaħaq ftehim validu bejn il-partijiet fil-kuntratt. Il-Bundesgerichtshof jirreferi għall-każ ta’ kuntratti transkonfinali li permezz tagħhom partijiet iktar dgħajfa u li jistgħu jkunu jeħtieġu protezzjoni, bħal konsumaturi, ikunu aċċettaw li jikkorrispondu bil-lingwa tal-kummerċjant. Madankollu, f’din il-kawża, l-Uffiċċju Grimshaw ikkonkluda l-kuntratt fil-kuntest tat-twettiq tal-attività kummerċjali tiegħu. Għaldaqstant, skont il-qorti tar-rinviju, ma teżistix ħtieġa ta’ protezzjoni partikolari għall-Uffiċċju Grimshaw u, b’hekk, ma jidhirx li hemm il-ħtieġa li jingħata d-dritt li jirrifjuta l-aċċettazzjoni tal-att.

    15.

    Billi għandu dubji dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1348/2000, il-Bundesgerichtshof issospenda l-proċeduri u rrinvija d-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “1.

    L-Artikolu 8(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000 tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar is-servizz [in-notifika] fl-Istati Membri ta’ dokumenti [atti] ġudizzjarji u extra ġudizzjarji fi kwistjonijiet [f’materji] ċivili jew kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li d-destinatarju m’għandux dritt jirrifjuta l-aċċettazzjoni meta l-annessi biss ta’ att li għandu jiġi nnotifikat ma jkunux miktuba bil-lingwa tal-Istat Membru indirizzat jew b’lingwa tal-Istat Membru tat-trażmissjoni li d-destinatarju jkun jifhem?

    2.

    Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda:

     

    L-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 1348/2000 għandu jiġi interpretat fis-sens li d-destinatarju għandu jitqies li “jifhem” il-lingwa ta’ Stat Membru tat-trażmissjoni fis-sens ta’ dan ir-Regolament meta jkun ftiehem, f’kuntratt konkluż mar-rikorrent fil-kuntest tal-attività kummerċjali tiegħu, li l-lingwa għall-korrispondenza għandha tkun dik tal-Istat Membru tat-trażmissjoni?

    3.

    Fil-każ ta’ risposta negattiva għat-tieni domanda:

     

    L-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1348/2000 għandu jiġi interpretat fis-sens li d-destinatarju f’ebda każ ma jista’ jibbaża ruħu fuq din id-dispożizzjoni biex jirrifjuta l-aċċettazzjoni ta’ annessi ta’ att li ma jkunux miktuba bil-lingwa tal-Istat Membru indirizzat jew b’lingwa tal-Istat Membru tat-trażmissjoni li d-destinatarju jkun jifhem meta, fil-kuntest tal-attività kummerċjali tiegħu, huwa jkun ikkonkluda kuntratt li fih ikun ftiehem li l-lingwa għall-korrispondenza għandha tkun dik tal-Istat Membru tat-trażmissjoni, u meta l-annessi jkunu jirrigwardaw dik il-korrispondenza u jkunu miktuba bil-lingwa miftiehma?”

    16.

    Ħadu sehem fil-proċedura l-Uffiċċju Grimshaw, l-Uffiċċju Weiss, l-IHK Berlin, il-Gvernijiet ta’ Franza, tal-Italja, tas-Slovakkja u tar-Repubblika Ċeka kif ukoll il-Kummissjoni.

    17.

    Matul is-seduta li saret fl-24 ta’ Ottubru 2007, l-Uffiċċju Weiss, l-Uffiċċju Grimshaw, il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet orali u rrispondew għad-domandi tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    IV — L-argumenti tal-partijiet

    A — Fuq l-ewwel domanda preliminari

    18.

    Skont l-Uffiċċju Weiss, l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1348/2000 għandu jiġi interpretat fis-sens li, skont din id-dispożizzjoni, id-destinatarju għandu wkoll id-dritt jirrifjuta li jaċċetta l-att meta d-dokumenti annessi ma’ att li għandu jiġi nnotifikat ma jkunux miktuba bil-lingwa tal-Istat Membru indirizzat jew b’lingwa tal-Istat Membru tat-trażmissjoni li d-destinatarju jkun jifhem.

    19.

    L-Uffiċċju Grimshaw jitlaq mill-prinċipju li d-destinatarju għandu dritt jirrifjuta li jaċċetta l-att meta huma biss id-dokumenti annessi ma’ l-att promotur li jkollu jiġi nnotifikat li ma jkunux miktuba bil-lingwa tal-Istat Membru indirizzat jew b’lingwa tal-Istat Membru tat-trażmissjoni li d-destinatarju jkun jifhem. Skont it-termini nfushom tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1348/2000, mhux biss l-atti promoturi tal-proċeduri ġudizzjarji miktuba mill-avukati jikkostitwixxu atti iżda wkoll in-noti u d-dokumenti ta’ prova kollha li jkunu ġew ippreżentati għall-finijiet tan-notifika. L-ispirtu u l-għan tad-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikoli 5(1) u 8(1) tar-Regolament Nru 1348/2000 jimmilitaw b’mod deċiżiv favur l-argument li d-dokumenti annessi ma’ att promotur jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “dokument [att]”. L-Uffiċċju Grimshaw jirreferi wkoll għar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja (Artikolu 29(3)) u tal-Qorti tal-Prim’Istanza (Artikolu 35(3)), li minnhom jirriżulta li l-att promotur u d-dokumenti annessi għandhom jitqiesu bħala ħaġa waħda. It-tnejn li huma għandhom ikunu miktuba bl-istess lingwa, jiġifieri jekk ikun il-każ b’lingwa li l-konvenut ikun jifhem. Skont l-Uffiċċju Grimshaw, madankollu ma jeżisti ebda kriterju li joffri ċertezza legali suffiċjenti sabiex tiġi ddeterminata l-ħtieġa ta’ traduzzjoni li hija indispensabbli għad-difiża tal-konvenut. Għall-kuntrarju, id-dokumenti kollha għandhom jiġu tradotti peress li l-għarfien tagħhom jippermetti li wieħed jiddeċiedi, mhux biss jekk hemmx lok li jiddefendi ruħu, iżda wkoll b’liema mod u b’liema mezzi. Ċerti linji ta’ difiża jistgħu jitfaċċjaw biss fuq il-bażi ta’ dawn id-dokumenti u ma jkunux neċessarjament relatati ma’ elementi msemmija mir-rikorrent. Finalment, l-Uffiċċju Grimshaw isostni li n-nuqqas ta’ traduzzjoni tad-dokumenti kollha annessi ma’ att promotur jmur kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza peress li, fil-kuntest ta’ proċeduri purament nazzjonali fil-Ġermanja, id-dokumenti kollha jkunu disponibbli bil-Ġermaniż.

    20.

    L-IHK Berlin tenfasizza li l-Uffiċċju Grimshaw irċieva wkoll, fl-istess ħin ma’ l-att promotur, id-dokumenti li għalihom issir referenza f’dan l-att. L-IHK Berlin issostni li d-dritt tad-destinatarju li jirrifjuta l-aċċettazzjoni tal-att fuq il-bażi tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1348/2000 jirrigwarda biss l-atti ġudizzjarji, skont it-termini u l-istruttura tal-imsemmi Regolament. F’dan is-sens, l-annessi ma jikkostitwixxux atti. Fil-fatt, dawn pjuttost jikkostitwixxu dokumenti oħra li għandhom jiġu trażmessi. Skont l-IHK Berlin, mhuwiex neċessarju, sabiex jintlaħaq l-iskop li l-konvenut jiġi informat dwar is-suġġett u l-iskop tal-azzjoni, li jiġu tradotti dokumenti voluminużi li fihom klawżola waħda biss possibbilment tkun rilevanti. Il-prova tal-fatti allegati tingħata matul il-proċedura u, f’dak l-istadju, huwa possibbli f’kull mument f’dak l-istadju li jiġu tradotti ċerti dokumenti li ma jkunux ġew tradotti meta tressqet il-kawża. Jekk ir-rikorrent jiġi obbligat jittraduċi d-dokumenti kollha, dan jista’ jiswa għali ħafna u jmur kontra l-iskop ta’ ħeffa li r-Regolament ifittex li jilħaq.

    21.

    Il-Gvern Franċiż jinsisti dwar il-fatt li t-traduzzjoni tad-dokumenti kollha trażmessi b’lingwa li d-destinatarju jkun jifhem hija kundizzjoni neċessarja sabiex l-interessi tiegħu jiġu ssalvagwardati u sabiex jiġu ggarantiti d-drittijiet tad-difiża. Huwa jikkunsidra wkoll li d-dokumenti kollha kkonċernati min-notifika, kemm l-atti nfushom li jkunu jridu jiġu nnotifikati kif ukoll l-annessi, huma soġġetti għall-istess regoli ta’ trażmissjoni, u b’mod partikolari għall-istess obbligi ta’ traduzzjoni. Fil-fatt, l-annessi ta’ att jiffurmaw parti integrali minnu. Barra minn hekk, l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1348/2000 jipprovdi li, meta d-destinatarju jirrifjuta l-att li għandu jkun innotifikat, l-aġenzija li tirċievi għandha tibgħat lura lill-aġenzija li tittrażmetti d-dokumenti li t-traduzzjoni tagħhom tkun mitluba. Għalhekk jirriżulta mit-termini ta’ dan l-Artikolu li t-traduzzjoni tista’ tintalab għad-dokumenti kollha trażmessi, u mhux biss għall-att li għandu jkun innotifikat.

    22.

    Il-Gvern Taljan jidhirlu, b’riferiment għall-użu tan-nom fil-plural “dokumenti [atti]”, li l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1348/2000 għandu jiġi interpretat fis-sens li d-destinatarju jista’ jirrifjuta li jaċċetta l-att li għandu jkun innotifikat meta d-dokumenti annessi miegħu jkunu b’lingwa differenti mil-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru indirizzat jew minn lingwa tal-Istat Membru tat-trażmissjoni li d-destinatarju jkun jifhem. Konsegwentement, għandu jiġi rikonoxxut id-dritt tad-destinatarju tan-notifika li jirrifjuta l-att innifsu meta r-rekwiżiti dwar it-traduzzjoni stipulati fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1348/2000 ma jkunux sodisfatti biss fir-rigward ta’ dokument wieħed jew iktar.

    23.

    Il-Gvern Slovakk isostni, fid-dawl tas-sistema stabbilita mir-Regolament, b’mod partikolari fil-premessi tiegħu, li, għall-finijiet ta’ interpretazzjoni u applikazzjoni uniformi tar-Regolament Nru 1348/2000, l-espressjoni “dokument [att] li għandu jkun notifikat” għandha tinkludi mhux biss l-att prinċipali, iżda wkoll id-dokumenti li jkunu ġew innotifikati lid-destinatarju fl-istess ħin ma’ dak l-att. Sabiex id-destinatarju jkun jista’ jifhem b’mod dettaljat l-att innotifikat lilu f’din il-kawża u sabiex ikun jista’ jeżerċita d-drittijiet tiegħu b’mod effettiv quddiem il-qorti tal-Istat Membru tat-trażmissjoni, huwa indispensabbli li jkun jaf preċiżament il-kontenut tal-att sħiħ innotifikat. Għal din ir-raġuni, il-Gvern Slovakk jikkunsidra li l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1348/2000 għandu jiġi interpretat fis-sens li d-destinatarju għandu wkoll id-dritt jirrifjuta li jaċċetta att li għandu jkun innotifikat fuq il-bażi tal-Artikolu 8(1) meta jkunu biss id-dokumenti annessi ma’ l-att li għandu jkun innotifikat li ma jkunux bil-lingwa tal-Istat Membru indirizzat jew b’lingwa tal-Istat Membru tat-trażmissjoni li d-destinatarju jkun jifhem.

    24.

    Skont il-Gvern Ċek, id-dokumenti annessi ma’ l-att promotur għandhom jitqiesu li jifformaw ħaġa waħda miegħu u għandhom josservaw l-istess regoli lingwistiċi. Ir-raġuni prinċipali favur din l-interpretazzjoni hija li l-importanza li għandhom id-dokumenti annessi ma’ l-att promotur fil-kuntest tal-proċeduri għall-konvenut u għall-qorti, tiġġustifika l-interpretazzjoni tad-dritt għal smigħ xieraq fis-sens li jinkludi wkoll id-dritt li l-konvenut jiġi informat dwar il-kontenut tad-dokumenti annessi. Dawn għandhom ikunu tradotti anki meta r-rikorrent jikkwota s-siltiet prinċipali tagħhom fl-att promotur jew jagħmel referenza għalihom b’mod ieħor. Jeħtieġ li jintlaħaq bilanċ ġust bejn il-partijiet li, fil-kuntest ta’ kawża, ifisser li għandu jkun hemm ugwaljanza tal-armi. Meta r-rikorrent jehmeż dokument ma’ att promotur, wieħed jista’ jassumi li huwa jkun jaf il-kontenut tiegħu u għalhekk jeħtieġ li l-konvenut ikun fl-istess pożizzjoni. Il-fatt li jkun hemm referenzi għas-siltiet rilevanti fl-att promotur nnifsu b’ebda mod ma jaffetwa d-drittijiet tal-konvenut. L-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1348/2000 għandu jiġi interpretat fis-sens li d-destinatarju għandu dritt jirrifjuta li jaċċetta att anki meta jkunu biss id-dokumenti annessi ma’ dak l-att li jkunu b’lingwa li ma tkunx il-lingwa uffiċjali jew lingwa li d-destinatarju jkun jifhem.

    25.

    Il-Kummissjoni tenfasizza fl-ewwel lok li, bħala regola ġenerali, id-dokumenti annessi ma’ att promotur huma intiżi biex jipprovdu informazzjoni addizzjonali jew biex jipprovaw l-eżattezza ta’ dak li jkun ġie ddikjarat f’dak l-att. Għaldaqstant, id-dokumenti annessi ma’ att promotur jifformaw parti integrali minnu. Barra minn hekk, l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1348/2000 jadotta kunċett ġeneriku fir-rigward ta’ atti li għandhom ikunu nnotifikati, li jindika li dan il-kunċett għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’ u jista’ jiġbor fih kemm l-att promotur nnifsu kif ukoll id-dokumenti annessi miegħu. Il-formola standard li tinsab fl-Anness tar-Regolament ma tixħet ebda dawl fuq il-kwistjoni ta’ x’inhu att li għandu jkun innotifikat.

    26.

    L-għaxar premessa tar-Regolament Nru 1348/2000 tispjega s-sistema lingwistika stabbilita fl-Artikolu 8(1) tal-imsemmi Regolament. Il-ħtieġa li jiġu tradotti d-dokumenti għandha tiġi evalwata b’referenza għall-effett tagħha fuq l-interessi tad-destinatarju tal-att promotur. Għaldaqstant mhuwiex indispensabbli li jiġu tradotti d-dokumenti meta l-kontenut tagħhom ikun riprodott fl-att promotur nnifsu. Min-naħa l-oħra, huwa importanti li d-destinatarju jkun jista’ jifhem id-dokumenti annessi sabiex jiġu ssalvagwardati l-interessi tiegħu, meta l-att promotur jkun jirreferi għal dokumenti annessi mingħajr ma jindika l-kontenut tagħhom. Meta d-dokumenti annessi jkun fihom informazzjoni neċessarja sabiex jiġu ssalvagwardati l-interessi tad-destinatarju li ma tkunx tinsab fl-att promotur, id-destinatarju jista’ jirrifjuta li jaċċettahom jekk dawn ma jkunux tradotti.

    B — Fuq it-tieni domanda

    27.

    L-Uffiċċju Weiss jenfasizza li ma jkunx konformi mar-Regolament Nru 1348/2000 li d-dritt li tiġi rrifjutata l-aċċettazzjoni ta’ att ikun dipendenti minn jekk id-destinatarju jkunx ikkonkluda kuntratt mal-kontroparti li permezz tiegħu jkun ġie miftiehem li l-korrispondenza għandha ssir bil-lingwa tal-Istat Membru tat-trażmissjoni. Klawżola ta’ dan it-tip ma tindikax li d-destinatarju tal-att li għandu jkun innotifikat jifhem effettivament il-lingwa tal-Istat Membru tat-trażmissjoni. Fil-fatt, huwa seta’ uża s-servizzi ta’ aġenzija tat-traduzzjoni għall-finijiet tal-iskambju ta’ korrispondenza. L-għażla tal-lingwa ta’ kuntratt ma tistax tiġi ekwiparata ma’ aċċettazzjoni li kawża ssir bil-lingwa tal-proċeduri korrispondenti. Fil-fatt, it-tmexxija ta’ kawża — anki sempliċement minħabba t-terminoloġija ġuridika speċifika użata — ġeneralment teħtieġ min-naħa tad-destinatarju għarfien lingwistiku ferm superjuri għal dak meħtieġ għall-finijiet tal-ġestjoni ta’ relazzjonijiet kuntrattwali fil-qasam ta’ speċjalizzazzjoni tiegħu.

    28.

    Skont l-Uffiċċju Grimshaw, l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1348/2000 ma jistax jiġi interpretat fis-sens li d-destinatarju “jifhem” il-lingwa tal-Istat Membru tat-trażmissjoni sempliċement minħabba li, fil-kuntest tat-twettiq tal-attività kummerċjali tiegħu, ikun ftiehem f’kuntratt konkluż mar-rikorrent li jikkorrispondi bil-lingwa tal-Istat Membru tat-trażmissjoni. Il-fatt li d-destinatarju ta’ att ikun, fil-kuntest tat-twettiq tal-attività kummerċjali tiegħu, ftiehem f’kuntratt konkluż mar-rikorrent li jikkorrispondi bil-lingwa tal-Istat Membru tat-trażmissjoni jikkostitwixxi biss indizju tal-għarfien lingwistiku tiegħu. Ikun hemm ksur tad-dritt għal smigħ xieraq jekk in-notifika tal-att promotur ssir fuq il-bażi ta’ indizji. Il-fatt li d-destinatarju jkun ftiehem f’kuntratt li jikkorrispondi bil-lingwa tal-Istat Membru tat-trażmissjoni ma jfissirx li huwa jkun effettivament jifhem dik il-lingwa. Lanqas ma jista’ jiġi ġġustifikat, fuq livell dommatiku, li ftehim kuntrattwali bejn persuni rregolati bid-dritt privat li, skont ir-rieda ta’ dawn il-partijiet, huwa intiż biex japplika biss għall-eżekuzzjoni regolari tal-kuntratt bejn dawn iż-żewġ persuni rregolati bid-dritt privat, jista’ jkollu effett restrittiv fuq dritt pubbliku suġġettiv, f’dan il-każ id-dritt għal smigħ xieraq, li jgawdi d-destinatarju fil-konfront tal-qrati bħala awtoritajiet pubbliċi.

    29.

    Skont l-IHK Berlin, ftehim bejn il-partijiet li permezz tiegħu għandha tintuża lingwa partikolari fil-kuntest tar-relazzjoni ġuridika, li sussegwentement tkun is-suġġett ta’ kontestazzjoni bejniethom, għandu jipprevali fuq l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 1348/2000. Tali ftehim joħloq il-preżunzjoni fattwali li d-destinatarju jifhem att li jkun jirrigwarda dik ir-relazzjoni ġuridika u li jkun miktub bil-lingwa miftiehma. Meta l-partijiet ikunu stabbilew il-lingwa li għandha tirregola r-relazzjoni ġuridika tagħhom, dan iservi biex jiffaċilita l-eżekuzzjoni bla xkiel tal-kuntratt, u jibqa’ importanti fil-każ ta’ tilwima li tista’ twassal għal azzjoni legali. Permezz ta’ tali ftehim, il-partijiet jirrinunzjaw reċiprokament li jirrikorru għall-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 1348/2000 fil-każ li jirċievu att miktub bil-lingwa tal-kuntratt.

    30.

    Skont il-Gvern Franċiż, fl-ewwel lok, huma l-qrati nazzjonali li għandhom jevalwaw, fid-dawl tal-fatti tal-kawża, jekk il-lingwa tal-Istat Membru tat-trażmissjoni tistax titqies li hija lingwa li d-destinatarju jifhem, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 1348/2000. F’dan ir-rigward, il-fatt li l-lingwa tal-Istat Membru tat-trażmissjoni tkun intgħażlet bħala l-lingwa għall-korrispondenza mill-partijiet kontraenti jista’ jikkostitwixxi element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni.

    31.

    Madankollu, dan il-fatt waħdu mhuwiex biżżejjed sabiex jitqies li l-lingwa tal-Istat Membru tat-trażmissjoni hija lingwa li d-destinatarju jifhem, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 1348/2000, b’mod li l-qorti nazzjonali tkun eżentata mill-ħtieġa li twettaq eżami in concreto. Fil-fatt, jekk il-lingwa tal-Istat Membru tat-trażmissjoni titqies li hija lingwa li d-destinatarju jifhem minħabba s-sempliċi fatt li klawżola kuntrattwali tistabbilixxi li l-lingwa għall-korrispondenza għandha tkun dik tal-Istat Membru tat-trażmissjoni, tiġi introdotta preżunzjoni legali li tmur ferm lil hinn minn dak li jipprovdi r-Regolament.

    32.

    Skont il-Gvern Taljan, l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1348/2000 għandu jiġi interpretat fis-sens li d-destinatarju għandu dritt jirrifjuta li jaċċetta att li għandu jkun innotifikat jew dokumenti annessi miegħu li ma jkunux bil-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru indirizzat jew b’lingwa tal-Istat Membru tat-trażmissjoni li d-destinatarju jkun jifhem. F’dan ir-rigward, il-lingwa tal-kuntratt magħżula mill-partijiet għall-finijiet ta’ korrispondenza hija irrilevanti, anki meta d-dokumenti annessi ma’ l-att ikunu ġew innotifikati lid-destinatarju bil-lingwa miftiehma kuntrattwalment. Id-dritt li jiġi rrifjutat att miktub b’lingwa li ma tkun dik li d-destinatarju tan-notifika ma jkunx jifhem ma jistax jiġi eliminat sempliċement minħabba li l-partijiet ikunu ftiehmu li jikkorrispondu b’dik il-lingwa. Huwa leġittimu li jiġi ddubitat kemm ftehim dwar l-għażla ta’ lingwa jista’ jorbot lill-kontraent fir-rigward tal-użu ta’ dik il-lingwa wkoll fl-istadju fejn jinqalgħu diffikultajiet fir-relazzjoni kuntrattwali, u b’mod partikolari meta t-tilwima bejn il-partijiet titressaq quddiem il-qrati.

    33.

    Skont il-Gvern Slovakk, l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 1348/2000 ma jistax jiġi interpretat fis-sens li d-destinatarju “jifhem” il-lingwa tal-Istat Membru tat-trażmissjoni sempliċement minħabba li huwa jkun ftiehem mar-rikorrent li jikkorrispondi, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-attività kummerċjali tagħhom, bil-lingwa tal-Istat Membru tat-trażmissjoni. Ir-Repubblika Slovakka tikkunsidra li ftehim privat bejn id-destinatarju u r-rikorrent dwar l-użu tal-lingwa tal-Istat Membru tat-trażmissjoni fil-korrispondenza skambjata fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-attività kummerċjali tagħhom mhuwiex rilevanti għall-finijiet li tkun iggarantita notifika regolari fis-sens tar-Regolament.

    34.

    Ir-Repubblika Ċeka hija tal-fehma li l-ftehim dwar l-użu ta’ lingwa partikolari fil-kuntest tal-attività kummerċjali ma jimplikax neċessarjament l-għarfien tal-lingwa għall-finijiet tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1348/2000. Il-ftehim bejn il-partijiet dwar l-użu ta’ lingwa partikolari jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni mill-qorti sabiex tevalwa jekk ir-rifjut ta’ aċċettazzjoni ta’ att jikkostitwixxix abbuż ta’ dritt, iżda fih innifsu ma jagħtix risposta ċara. Il-fatt li wieħed jaċċetta li juża lingwa partikolari għall-finijiet ta’ skambju ta’ korrispondenza bejn żewġ impriżi ma jfissirx fih innifsu li ż-żewġ partijiet jifhmu dik il-lingwa sa tali punt li jistgħu jiddefendu b’mod effettiv id-drittijiet tagħhom fi proċeduri li fihom l-att promotur u d-dokumenti annessi miegħu jkunu miktuba b’lingwa partikolari. Il-Gvern Ċek għalhekk jipproponi li t-tieni domanda għandha tingħata risposta negattiva.

    35.

    Il-Kummissjoni tenfasizza li, b’mod ġenerali fir-Regolament Nru 1348/2000 u b’mod partikolari fl-Artikolu 8(1), mhemm xejn li jindika li l-kwistjoni jekk id-destinatarju “jifhimx” il-lingwa tal-Istat Membru tat-trażmissjoni għandha tiġi evalwata fuq il-bażi ta’ sempliċi preżunzjoni jew inkella fuq il-bażi ta’ ħila effettiva. It-terminu “jifhem” jidher li jirreferi għal stat ta’ fatt konkret u mhux għal sempliċi suppożizzjoni, anki jekk din tal-aħħar tista’ tkun ibbażata fuq ċerti indizji — bħal pereżempju l-ftehim kuntrattwali dwar il-lingwa li għandha tintuża fl-iskambju ta’ korrispondenza. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li f’din il-kawża d-destinatarju, fil-kuntest tat-twettiq tal-attività kummerċjali tiegħu, kien qabel mar-rikorrenti li jikkorripondi bil-lingwa tal-Istat Membru tat-trażmissjoni jista’ jitqies biss bħala indikazzjoni li dik il-lingwa hija mifhuma. Madankollu, dan il-ftehim waħdu mhuwiex biżżejjed biex jiġi stabbilit li d-destinatarju jifhem effettivament il-lingwa tal-Istat Membru tat-trażmissjoni.

    C — Fuq it-tielet domanda

    36.

    L-Uffiċċju Weiss jenfasizza li, kieku d-dritt li tiġi rrifjutata l-aċċettazzjoni tad-dokumenti mhux tradotti kellu jkun dipendenti minn jekk dawn id-dokumenti humiex miktuba b’lingwa li l-partijiet ikunu qablu li għandha tirregola l-kuntratt u minn jekk dawn id-dokumenti jirrigwardawx is-suġġett tal-kuntratt, il-konvenut ikollu, fi żmien qasir, jiddeċiedi jekk għandux jeżerċita jew le d-dritt tiegħu li jirrifjuta l-aċċettazzjoni mingħajr ma jkun jista’ jevalwa, abbażi ta’ traduzzjoni, jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex issodisfatti, u b’mod partikolari, jekk teżistix rabta mar-relazzjoni kuntrattwali. Wieħed ma jistax jassumi li l-parti konvenuta kellha l-intenzjoni li tirrestrinġi d-dritt tagħha għal smigħ xieraq sa tali punt li tirrinunzja għad-dritt li tiġi mgħarrfa dwar is-suġġett ta’ kawża b’lingwa li hija tifhem (normalment), sempliċement għaliex hija tkun intrabtet li teżegwixxi l-kuntratt b’lingwa partikolari.

    37.

    L-Uffiċċju Grimshaw isostni li, kieku l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1348/2000 kellu jiġi interpretat fis-sens li d-destinatarju f’ebda każ ma jista’ jibbaża ruħu fuq din id-dispożizzjoni biex jirrifjuta li jaċċetta l-att promotur peress li, fil-kuntest tal-attività kummerċjali tiegħu, huwa jkun ikkonkluda kuntratt li fih ikun ftiehem li jikkorrispondi bil-lingwa tal-Istat Membru tat-trażmissjoni, u d-dokumenti annessi trażmessi jkunu jirrigwardaw dak l-iskambju ta’ korrispondenza u jkunu miktuba bil-lingwa miftiehma, dan iwassal għall-introduzzjoni, fl-implementazzjoni tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1348/2000, ta’ ġudizzju ta’ valur dwar jekk hemmx komportament żleali min-naħa tal-konvenut. L-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1348/2000 m’għandux jiġi interpretat fis-sens li d-destinatarju f’ebda każ ma jista’ jirrifjuta, billi jibbaża ruħu fuq din id-dispożizzjoni, li jaċċetta dokumenti annessi ma’ att li ma jkunux miktuba bil-lingwa tal-Istat Membru indirizzat jew b’lingwa tal-Istat Membru tat-trażmissjoni li d-destinatarju jkun jifhem, meta fil-kuntest tat-twettiq tal-attività kummerċjali tiegħu, huwa jkun ikkonkluda kuntratt li fih ikun ftiehem li jikkorrispondi bil-lingwa tal-Istat Membru tat-trażmissjoni, u meta d-dokumenti trażmessi jkunu jirrigwardaw dak l-iskambju ta’ korrispondenza u jkunu miktuba bil-lingwa miftiehma.

    38.

    L-IHK Berlin hija tal-fehma li d-destinatarju ma jistax jirrifjuta, billi jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1348/2000, li jaċċetta d-dokumenti annessi ma’ att meta, fil-kuntest tat-twettiq tal-attività kummerċjali tiegħu, huwa jkun ftiehem b’kuntratt mal-mittent li jikkorrispondi bil-lingwa tal-Istat Membru tat-trażmissjoni u meta d-dokumenti mibgħuta jkunu jirrigwardaw dak l-iskambju ta’ korrispondenza u jkunu miktuba bil-lingwa miftiehma. F’dan il-każ, l-eżerċizzju tad-dritt li tiġi rrifjutata l-aċċettazzjoni huwa abużiv.

    39.

    Il-Gvern Franċiż, filwaqt li jibbaża ruħu fuq it-termini tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1348/2000, iqis li d-destinatarju għandu dritt jirrifjuta li jaċċetta att u l-annessi tiegħu meta dawn tal-aħħar ikunu miktuba bil-lingwa li biha l-partijiet ikunu ftiehmu li għandhom jikkorrispondu u meta dik il-lingwa ma tkunx lingwa tal-Istat Membru indirizzat jew lingwa tal-Istat Membru tat-trażmissjoni li d-destinatarju jkun jifhem. Għaldaqstant, ma tistax issir eċċezzjoni, direttament jew indirettament, għad-dritt li tiġi rrifjutata l-aċċettazzjoni ta’ att miktub b’lingwa oħra apparti l-lingwi previsti fl-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1348/2000. Interpretazzjoni differenti tippreġudika l-effettività sħiħa ta’ dan ir-Regolament.

    40.

    Il-Gvern Taljan isostni li r-rifjut ta’ aċċettazzjoni jista’ jitqies li huwa abużiv biss fil-każ fejn l-annessi jkunu riprodotti totalment fl-att ġudizzjarju tradott bil-lingwa tad-destinatarju jew meta d-destinatarju diġà jkollu għarfien sħiħ, indipendentement min-notifika, tal-kontenut kollu ta’ dawk l-annessi minħabba li dawn kollha jkunu inklużi fl-iskambju tal-korrispondenza bejn il-partijiet li, konformement mar-rieda tagħhom, ikun sar fil-lingwa tal-Istat Membru tat-trażmissjoni. Dawn il-kundizzjonijiet madankollu mhumiex sodisfatti f’din il-kawża. Ir-rifjut min-naħa tad-destinatarju li jirċievi l-att għandu għalhekk jista’ jitqies li huwa leġittimu. F’dan ir-rigward, it-tieni parti tat-tielet domanda li tippresupponi l-eżistenza ta’ ċirkustanzi fattwali li ġew esklużi mill-qorti tar-rinviju għandha titqies li hija inammissibbli peress li hija irrilevanti għall-finijiet tad-deċiżjoni.

    41.

    Skont il-Gvern Slovakk, l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1348/2000 għandu jiġi interpretat fis-sens li d-destinatarju għandu dritt jirrifjuta li jaċċetta att li għandu jkun innotifikat jew l-annessi tiegħu li ma jkunux bil-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru indirizzat jew b’lingwa tal-Istat Membru tat-trażmissjoni li d-destinatarju jkun jifhem, peress li l-lingwa tal-kuntratt magħżula mill-partijiet għall-iskambju ta’ korrispondenza bejniethom hija irrilevanti, anki meta l-annessi tal-att ikunu ġew innotifikati lid-destinatarju b’dik il-lingwa miftiehma kuntrattwalment.

    42.

    Fir-rigward tat-tielet domanda, il-Gvern Ċek jirreferi għall-argumenti mressqa fir-rigward tat-tieni domanda u jsostni li r-risposta għat-tielet domanda tinsab diġà f’dik mogħtija għat-tieni domanda.

    43.

    Il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq it-test tal-għaxar premessa tar-Regolament Nru 1348/2000 u targumenta wkoll li l-interessi tad-destinatarju ta’ att huma diġà protetti biżżejjed meta huwa jkollu, jew jista’ jkollu, għarfien tal-annessi mhux tradotti. Fil-kawża prinċipali, il-klawżola kuntrattwali dwar l-użu ta’ lingwa ma tirrigwardax biss l-iskambju ta’ korrispondenza bejn il-partijiet iżda wkoll dik ma’ l-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet pubbliċi. Dan jinkludi l-iskambju ta’ korrispondenza fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil dwar l-obbligi kuntrattwali u dak relattiv għal proċeduri ġudizzjarji. Il-Kummissjoni madankollu tispeċifika li jista’ jkun opportun li klawżola fi ftehim bejn parti dgħajfa u parti b’saħħitha, bħal kuntratt konkluż ma’ konsumatur, tiġi interpretata b’mod differenti.

    V — Evalwazzjoni tal-Avukat Ġenerali

    A — Rimarki introduttorji

    44.

    Ir-Regolament Nru 1348/2000 huwa intiż biex itejjeb u jħaffef it-trażmissjoni ta’ atti ġudizzjarji u extra ġudizzjarji f’materji ċivili u kummerċjali li jkollhom jiġu nnotifikati fi Stat Membru ieħor. Dik it-trażmissjoni mtejba u mħaffa tal-atti għandha tikkontribwixxi indirettament għall-“funzjonament tajjeb tas-suq intern” ( 3 ). Dan jgħodd għall-kawżi kollha f’materji ċivili u kummerċjali, bħal kawżi li jirriżultaw minn kuntratti bejn kummerċjanti, minn kuntratti konklużi minn konsumaturi kif ukoll minn aġir illegali. Għandu jiġi enfasizzat li l-kunċett ta’ materji ċivili u kummerċjali fis-sens tar-Regolament Nru 1348/2000 ma jikkorrispondix għal dak taħt il-liġi nazzjonali ( 4 ).

    45.

    F’din il-kawża, tressqu tliet domandi preliminari. L-ewwel waħda hija ta’ portata ġenerali fir-rigward tan-notifiki fil-kawżi kollha f’materji ċivili u kummerċjali. Min-naħa l-oħra, it-tieni u t-tielet domandi għandhom jiġu llimitati għall-qasam partikolari tan-notifiki li jirrigwardaw kuntratti konklużi bejn kummerċjanti.

    46.

    Skont id-duttrina, bil-għan li jinstab kompromess bejn l-interess tar-rikorrent għal notifika mwettqa b’ħeffa akbar u li tkun inqas għalja u l-interess tal-konvenut li jkun jista’ jifhem il-kontenut tal-azzjoni mressqa kontra tiegħu, ir-Regolament Nru 1348/2000 jirrinunzja għal traduzzjonijiet għaljin u li jikkawżaw telf ta’ żmien meta d-destinatarju jkun jifhem il-lingwa tal-Istat Membru tat-trażmissjoni ( 5 ).

    47.

    Għandu jiġi kkunsidrat li n-notifika ta’ atti għandha ssib bilanċ bejn ir-rekwiżiti kontradittorji tal-aċċess għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja, tal-protezzjoni ġudizzjarja [tal-konvenut] u tal-ekonomija tal-ġudizzju. It-twettiq tal-objettivi fuq imsemmija jidher li huwa problematiku fis-sens li t-tħaffif tan-notifika tal-atti jista’ jippreġudika l-protezzjoni ġudizzjarja [tal-konvenut] b’mod partikolari meta [huwa] ma jibqagħlux il-garanzija li jista’ jħejji b’mod effettiv id-difiża tiegħu — għal raġunijiet lingwistiċi jew ta’ żmien jew għal raġunijiet oħrajn. Min-naħa tagħha, il-protezzjoni tal-konvenut ma tistax iċċaħħad lir-rikorrent mid-dritt tiegħu għal qorti stabbilita bil-liġi — b’mod partikolari għaliex il-konvenut jista’ jostakola n-notifika ( 6 ). Għandu jiġi enfasizzat espressament li l-protezzjoni ġudizzjarja tal-konvenut u d-dritt tiegħu għal smigħ xieraq għandhom jipprevalu fuq l-ekonomija tal-ġudizzju. L-għażla li saret fir-Regolament Nru 1348/2000 favur metodu ssimplifikat għan-notifiki internazzjonali b’ebda mod m’għandha tbiddel il-garanziji ġuridiċi li minnhom għandu jgawdi l-konvenut, jiġifieri f’din il-kawża d-destinatarju ( 7 ).

    48.

    F’din il-kawża, tqum ukoll il-problema tal-għarfien mid-destinatarju fl-Istat Membru indirizzat tal-lingwa tal-Istat Membru tat-trażmissjoni. Fi studju li kienet għamlet, il-Kummissjoni diġà kienet ġibdet l-attenzjoni għall-problema tad-determinazzjoni tal-għarfien lingwistiku u kkonstatat li l-invokazzjoni tan-nuqqas ta’ għarfien tal-lingwa tal-Istat Membru tat-trażmissjoni tikkostitwixxi l-problema prinċipali fir-rigward tar-rifjut tan-notifika ( 8 ).

    49.

    Skont ir-Regolament Nru 1348/2000, in-notifika ta’ atti mhux tradotti mhijiex nulla ( 9 ). In-nuqqas ta’ traduzzjoni jista’ jiġi rrimedjat ( 10 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1348/2000 għandu jiġi interpretat fis-sens “li, meta d-destinatarju tad-dokument irrifjutah minħabba li dan ma ġiex miktub f’lingwa uffiċjali tal-Istat Membru indirizzat jew f’lingwa ta' l-Istat Membru tat-trażmissjoni li d-destinatarju jifhem, il-mittent għandu l-possibbiltà li jirrimedja billi jibgħat it-traduzzjoni” ( 11 ).

    50.

    Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1348/2000 għandu jiġi interpretat fis-sens “li, meta d-destinatarju ta’ dokument jirrifjutah minħabba li dan id-dokument ma ġiex miktub f’lingwa uffiċjali tal-Istat Membru indirizzat jew f’lingwa ta' l-Istat Membru tat-trażmissjoni li d-destinatarju jifhem, din is-sitwazzjoni tista’ tiġi rrimedjata billi tintbagħat it-traduzzjoni tad-dokument skont il-modalitajiet previsti mir-Regolament u mill-iktar fis possibbli; sabiex jiġu solvuti l-problemi marbuta mal-mod kif għandu jiġi rrimedjat in-nuqqas ta’ traduzzjoni, li mhuwiex previst mir-Regolament kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti nazzjonali għandha tapplika d-dritt proċedurali nazzjonali tagħha filwaqt li tiżgura l-effettività sħiħa tal-imsemmi Regolament, billi jiġi rrispettat l-għan tiegħu” ( 12 ).

    51.

    Il-Bundesgerichtshof spjega li, skont il-liġi Ġermaniża, l-att ġudizzjarju veru u proprju u d-dokumenti li għalihom jirreferi u li huma annessi miegħu jifformaw ħaġa sħiħa b’mod li l-annessi jifformaw ukoll parti mill-att promotur ( 13 ). Sabiex jiġi mħares id-dritt tiegħu għal smigħ xieraq, il-konvenut għandu jirċievi, fl-istess ħin man-notifika tal-att promotur, l-informazzjoni kollha li jeħtieġ sabiex jiddeċiedi jekk u b’liema mezzi għandu jiddefendi ruħu kontra dik l-azzjoni ( 14 ).

    B — Fuq l-ewwel domanda preliminari

    52.

    Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk id-dritt li tiġi rrifjutata l-aċċettazzjoni ta’ “dokument [att]”, previst fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1348/2000, jirrigwardax biss l-att promotur nnifsu jew jekk jestendix ukoll għall-annessi tiegħu.

    53.

    L-ewwel domanda hija fformulata f’termini ġeneriċi u tirrigwarda l-kawżi kollha f’materji ċivili u kummerċjali. Kif ġie kkonstatat iktar ’il fuq fil-punt 44, il-kunċett ta’ materji ċivili u kummerċjali, fis-sens tar-Regolament Nru 1348/2000, ma jikkorrispondix għal dak taħt il-liġi nazzjonali ( 15 ).

    54.

    Bl-eċċezzjoni tal-IHK Berlin, il-partijiet kollha jikkunsidraw li l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1348/2000 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ notifika ta’ att promotur fil-kuntest ta’ proċeduri ċivili, il-kunċett ta’ “dokument [att]” jinkludi l-annessi.

    55.

    Il-kunċett ġeneriku (genus) ta’ “dokument [att]” mhuwiex iddefinit f’dan ir-Regolament. Fid-dawl tad-digriet tar-rinviju, tal-kummentarji dutrinali ( 16 ), u tal-argument imressaq mill-Kummissjoni u mill-Gvern Slovakk, li minnhom jirriżulta li d-dritt proċedurali mhuwiex uniformi fl-Istati Membri, il-kunċett ta’ “dokument [att]”, fis-sens tar-Regolament Nru 1348/2000, għandu jingħata definizzjoni uniformi u awtonoma taħt id-dritt Komunitarju. Is-sistema ġuridika Komunitarja, bħala regola, ma tiddefinixxix il-kunċetti tad-dritt primarju u tad-dritt sekondarju abbażi ta’ sistema ġuridika nazzjonali jew ta’ diversi sistemi ġuridiċi fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni espressa f’dan is-sens ( 17 ). Issa l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1348/2000 ma fih ebda referenza għad-dritt proċedurali intern tal-Istati Membri. Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju li ma jkun fiha l-ebda referenza espressa għad-dritt tal-Istati Membri għal dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tat-tifsira tagħha u tal-portata tagħha għandha, bħala regola, tagħti lok għal interpretazzjoni awtonoma, li għandha tingħata wara li jkun ġie kkunsidrat il-kuntest tad-dispożizzjoni u l-iskop tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni ( 18 ).

    56.

    L-argumenti bbażati fuq l-ittra u l-ispirtu tar-Regolament jimmilitaw favur interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett inkwistjoni ta’ “dokument [att]” fil-kuntest ta’ proċedura ċivili nazzjonali u favur l-eżistenza ta’ dritt tad-destinatarju li jirrifjuta l-aċċettazzjoni tiegħu fuq il-bażi tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1348/2000 anki meta jkunu biss l-annessi ta’ att ġudizzjarju li għandu jkun innotifikat li ma jkunux bil-lingwa tal-Istat Membru indirizzat jew b’lingwa tal-Istat Membru tat-trażmissjoni li d-destinatarju jkun jifhem.

    57.

    Minnu nnifsu, l-użu fir-Regolament tal-kunċett ġeneriku ta’ “dokument [att]”, mingħajr l-inqas restrizzjoni, għandu jimmilita — u fuq dan il-punt naqbel ma’ l-osservazzjonijiet tal-Uffiċċju Weiss, tal-Uffiċċju Grimshaw, u tal-Gvernijiet tar-Repubblika Ċeka, ta’ Franza, tal-Italja u tas-Slovakkja — favur interpretazzjoni wiesgħa ta’ dan il-kunċett fil-kuntest ta’ proċeduri ċivili, u għaldaqstant favur l-argument li, tal-inqas fil-prinċipju, ir-Regolament ried jinkludi fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu mhux biss l-atti ġudizzjarji, iżda wkoll id-dokumenti kollha annessi ma’ l-att promotur fil-kuntest ta’ proċeduri ċivili ( 19 ). Fil-fatt, fir-Regolament ma jissemmiex il-kunċett ta’ “att ġudizzjarju”.

    58.

    L-għan tan-notifika fil-kuntest ta’ proċeduri ċivili huwa li d-destinatarju jiġi mgħarraf bil-kontenut ta’ att sabiex jiġi ssalvagwardat il-ħarsien tad-drittijiet tad-difiża. Dan ifisser li d-destinatarju għandu jkun f’pożizzjoni li jkun jista’ jifhem l-att ( 20 ). Issa peress li ma teżistix lingua franca moderna, minkejja l-predominanza tal-Ingliż fir-relazzjonijiet kummerċjali u ġuridiċi internazzjonali, jeħtieġ li man-notifika formali ta’ att promotur flimkien ma’ l-annessi tiegħu tintbagħat ukoll traduzzjoni li permezz tagħha d-destinatarju jikseb l-għarfien neċessarju tal-kontenut tal-att li għandu jkun innotifikat ( 21 ). Minn din il-perspettiva, l-annessi ta’ att promotur huma aċċessorji għalih u huma suġġetti għall-prinċipju legali ġenerali accessio cedit principali ( 22 ).

    59.

    Dan ma jistax jitqiegħed fid-dubju mir-referenza għall-formola standard li tinsab fl-Anness tar-Regolament Nru 1348/2000. Din il-formola tirreferi għan-“Numru ta’ dokumenti” fil-punt 6.4 li jinsab taħt il-punt 6 “Dokumenti li għandhom ikunu nnotifikati”. Kif osservat ġustament il-Kummissjoni, dan jista’ jikkostitwixxi indikazzjoni li l-kunċett ta’ “dokument [att]” għandu jinftiehem b’mod wiesa’ minħabba li, b’dan il-mod, id-dokumenti annessi huma marbuta mill-qrib mal-mod kif fil-prattika jiġi ttrattat l-att li għandu jkun innotifikat. L-Uffiċċju Weiss enfasizza, ġustament, li fil-prattika, fil-proċeduri ċivili, id-dokumenti annessi ma jiġux riprodotti totalment fl-att promotur u li għall-kuntrarju tissemma’ biss is-sustanza tagħha u ssir biss referenza għalihom fl-att. Għal din ir-raġuni, il-prinċipju tad-dritt għad-difiża jeħtieġ li d-dokumenti annessi jiġu tradotti wkoll, għaliex fin-nuqqas l-argumenti sħaħ imressqa minn parti fil-kuntest ta’ proċeduri ċivili ma jkunux jistgħu jinftiehmu.

    60.

    Il-Qorti tal-Prim’Istanza diġà ddeċidiet li, fil-kuntest ta’ proċeduri mressqa b’rikors dirett, “id-dokumenti kollha annessi man-noti tal-partijiet l-oħrajn, inklużi l-intervenjenti, għandhom bħala regola jiġu tradotti fil-lingwa tal-kawża. L-għan ta’ dawn id-dispożizzjonijiet huwa, inter alia, li tiġi protetta l-pożizzjoni ta’ parti li tkun beħsiebha tikkontesta l-legalità ta’ att amministrattiv adottat mill-istituzzjonijiet Komunitarji, irrispettivament mil-lingwa użata għal dan l-iskop mill-istituzzjoni kkonċernata, b’mod partikolari matul il-proċedura prekontenzjuża” ( 23 ).

    61.

    It-traduzzjoni tal-atti, li fil-kuntest ta’ proċeduri ċivili jinkludu kemm l-att promotur nnifsu kif ukoll id-dokumenti annessi miegħu, tassigura l-protezzjoni ġudizzjarja tal-konvenut. Madankollu, id-dokumenti annessi jistgħu jkunu twal ħafna u jista’ ma jkunx opportun li tiġi rikjesta t-traduzzjoni ta’ dokumenti volumunużi annessi ma’ att promotur. Fil-każ fejn atti jew dokumenti voluminużi jkunu annessi ma’ att ġudizzjarju, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 29(3) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jispeċifika: “Madankollu, fil-każ ta’ atti jew dokumenti voluminużi, jistgħu jiġu ppreżentati traduzzjonijiet ta’ estratti. Il-Qorti tista’, f’kull ħin, ex officio jew fuq talba ta’ xi parti, tordna li ssir traduzzjoni iktar kompluta jew sħiħa”.

    62.

    Din is-soluzzjoni hija ġustifikabbli wkoll fir-rigward tan-notifiki transkonfinali f’materji ċivili u kummerċjali. Meta jkun hemm dokumenti voluminużi li ma jkunux miktuba bil-lingwa tal-Istat Membru indirizzat jew b’lingwa tal-Istat Membru tat-trażmissjoni li d-destinatarju jkun jifhem, it-traduzzjoni tista’ tkun limitata għas-siltiet li għalihom jirreferi l-att promotur. Soluzzjoni paragunabbli ġiet adottata fl-Artikolu 52(2) tal-Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen tal-14 ta’ Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom ( 24 ). Fid-dawl tad-dritt tal-konvenut għal smigħ xieraq u, b’mod ġenerali, tad-drittijiet tad-difiża, jidhirli li din is-soluzzjoni mhijiex adattata fir-rigward tan-notifiki f’materji ċivili u kummerċjali. Wieħed faċilment jista’ jimmaġina l-każ ta’ kuljum ta’ konsumatur li jkun ikkonkluda f’pajjiż ieħor tal-Komunità kuntratt li jkun fih klawżola ta’ ġurisdizzjoni abużiva ( 25 ) u li fuqu tkun ġiet imposta l-lingwa tal-kummerċjant. Wieħed ma jistax jippretendi li l-konsumatur medju jkun jaf il-lingwa ta’ dak l-Istat Membru ieħor.

    63.

    Id-dritt tad-destinatarju li jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu traduzzjonijiet tal-atti madankollu ma jista’ f’ebda każ jiġi interpretat b’mod li jmur kontra l-għan tar-Regolament Nru 1348/2000, jiġifieri li tiġi mtejba u mħaffa t-trażmissjoni ta’ atti ġudizzjarji u extra ġudizzjarji f’materji ċivili u kummerċjali li jkollhom jiġu nnotifikati fi Stat Membru ieħor ( 26 ).

    64.

    Kif diġà ntqal, in-nuqqas ta’ traduzzjoni tal-att, li in concreto jinkludi taħt il-liġi proċedurali Ġermaniża kemm l-att promotur kif ukoll id-dokumenti annessi miegħu, jista’ jiġi rrimedjat, billi tiġi nnotifikata a posteriori traduzzjoni tad-dokumenti annessi jew inkella, jekk dawn id-dokumenti jkunu voluminużi, billi tiġi nnotifikata a posteriori traduzzjoni tas-siltiet li għalihom issir referenza espressa fl-att promotur sabiex jiġu sostanzjati l-argumenti mressqa fih ( 27 ).

    65.

    Fuq il-bażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, nipproponi li tingħata r-risposta segwenti għall-ewwel domanda preliminari: l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1348/2000 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ notifika ta’ att li jkun jinkludi annessi, id-destinatarju għandu wkoll id-dritt jirrifjuta l-aċċettazzjoni anki meta jkunu biss l-annessi tal-att li għandu jkun innotifikat li ma jkunux miktuba bil-lingwa tal-Istat Membru indirizzat jew b’lingwa tal-Istat Membru tat-trażmissjoni li d-destinatarju jkun jifhem.

    C — Fuq it-tieni domanda preliminari

    66.

    Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk jistax jiġi preżunt li d-destinatarju “jifhem” il-lingwa tal-Istat Membru tat-trażmissjoni, fis-sens tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1348/2000, meta jkun ġie miftiehem f’kuntratt konkluż fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ attività kummerċjali li tintuża dik il-lingwa fil-korrispondenza reċiproka kif ukoll fil-korrispondenza ma’ l-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet pubbliċi.

    67.

    Skont id-duttrina Ġermaniża, l-espressjoni użata fl-Artikolu 8(1)(c) tar-Regolament Nru 1348/2000, jiġifieri li d-destinatarju jista’ jirrifjuta li jirċievi l-att li għandu jkun innotifikat jekk dan ma jkunx b’lingwa tal-Istat Membru tat-trażmissjoni li d-destinatarju jkun jifhem, toffri biss ftit elementi konkreti għall-finijiet ta’ interpretazzjoni ( 28 ).

    68.

    In-notifiki jinsabu f’żona ta’ tensjoni bejn l-aċċess għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja, il-protezzjoni ġudizzjarja tal-konvenut u l-ekonomija tal-ġudizzju. Fil-kuntest ta’ proċeduri ċivili, dawn jagħtu lir-rikorrent aċċess għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja. Fil-fatt, f’ċerti sistemi legali, in-notifika tal-att promotur tista’ twassal għal-lis alibi pendens u sservi biex jiġu ssalvagwardati t-termini. Min-naħa tiegħu, il-konvenut jiġi informat bil-ftuħ tal-proċeduri billi jiġi kkunsinnat l-att promotur — u b’hekk jiġi ssalvagwardat id-dritt tiegħu għal smigħ xieraq ( 29 ). Ir-regoli dwar in-notifiki għandhom jiggarantixxu bilanċ bejn dawn id-drittijiet proċedurali fundamentali ( 30 ). Għaldaqstant, huwa indispensabbli li, minn naħa, ir-regoli dwar in-notifiki ma jwasslux biex jippreġudikaw b’mod sproporzjonat il-protezzjoni ġudizzjarja tal-konvenut filwaqt li fl-istess ħin jippermettu li l-proċeduri jimxu b’ħeffa. Min-naħa l-oħra, il-protezzjoni ġudizzjarja tal-konvenut m’għandhiex testendi sal-punt li tagħmilha impossibbli għar-rikorrent li jmexxi l-proċeduri ġudizzjarji b’mod li, fl-aħħar mill-aħħar, huwa jiġi miċħud mill-aċċess għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja ( 31 ).

    69.

    F’din il-kawża, ġew imressqa żewġ argumenti opposti. Skont l-IHK Berlin, il-ftehim kuntrattwali dwar l-għażla tal-lingwa Ġermaniża, jiġifieri l-lingwa tal-Istat Membru tat-trażmissjoni, joħloq il-preżunzjoni fattwali li d-destinatarju jifhem l-att meta dan jirrigwarda r-relazzjoni ġuridika konkreta u jkun miktub bil-lingwa miftiehma. Min-naħa l-oħra, il-Gvern Franċiż huwa tal-fehma li dan il-fatt fih innifsu mhuwiex biżżejjed biex ikun jista’ jitqies li l-lingwa tal-Istat Membru tat-trażmissjoni hija lingwa mifhuma mid-destinatarju, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament 1348/2000. Fil-fatt, jekk il-lingwa tal-Istat Membru tat-trażmissjoni titqies li hija lingwa li d-destinatarju jifhem minħabba s-sempliċi fatt li klawżola kuntrattwali tistabbilixxi li l-lingwa għall-korrispondenza għandha tkun dik tal-Istat Membru tat-trażmissjoni, tiġi introdotta preżunzjoni legali li tmur ferm lil hinn minn dak li jipprovdi r-Regolament.

    70.

    Fid-duttrina, ġie propost l-argument li, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-għarfien lingwistiku fil-każ ta’ notifika f’pajjiż barrani, l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1348/2000 jgħaqqad flimkien kriterji oġġettivi u suġġettivi ( 32 ). Skont din id-duttrina, il-kriterju oġġettiv jikkonsisti fil-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru indirizzat u l-kriterju suġġettiv fl-għarfien mid-destinatarju tal-lingwa tal-Istat Membru tat-trażmissjoni ( 33 ).

    71.

    Fid-digriet tar-rinviju tiegħu, il-Bundesgerichsthof osservat li ebda wieħed mill-korpi awtorizzati biex jirrappreżentaw lill-Uffiċċju Grimshaw ma jifhmu bil-Ġermaniż. Min-naħa l-oħra, mhuwiex ikkontestat li l-kuntratt li huwa s-suġġett tal-proċeduri u l-korrispondenza kienu bil-Ġermaniż u li ġiet miftiehma klawżola ta’ ġurisdizzjoni favur il-qrati ta’ Berlin.

    72.

    Id-duttrina tenfasizza li ma jirriżultax b’mod ċar mill-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1348/2000 liema persuna għandha jkollha l-għarfien lingwistiku meħtieġ fil-każ ta’ notifika ta’ att lil persuna ġuridika ( 34 ). Fil-preżent, l-unika soluzzjoni prattikabbli sabiex tkun tista’ tingħata risposta għal din id-domanda tidher li hija li s-sede tal-persuna ġuridika tittieħed bħala l-kriterju ta’ konnessjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-għarfien lingwistiku tal-persuna ġuridika ( 35 ). Dan iwassal għall-konklużjoni li l-lingwa applikabbli hija l-Ingliż peress li s-sede tal-Uffiċċju Grimshaw tinsab f’Londra. Madankollu, f’dan il-każ speċifiku, sar ftehim fil-kuntratt ta’ servizzi ta’ arkitett tas-16 ta’ Frar 1994 li l-lingwa għall-korrispondenza għandha tkun il-Ġermaniż.

    73.

    Barra minn hekk, għandu jiġi eżaminat jekk l-għażla fil-kuntratt ta’ lingwa partikolari tistax twassal għall-preżunzjoni li dik il-lingwa hija magħrufa mill-partijiet u li b’hekk għandu jiġi eskluż id-dritt li tiġi rrifjutata l-aċċettazzjoni tal-att ( 36 ).

    74.

    Huwa diffiċli li jiġi ddeterminat jekk destinatarju huwiex f’pożizzjoni, fid-dawl tal-għarfien lingwistiku tiegħu, li jifhem att li ma jkunx miktub bil-lingwa tal-Istat Membru indirizzat. Il-fatt jekk persuna tifhimx lingwa barranija jew le, fl-aħħar mill-aħħar, jiddependi mill-evalwazzjoni personali tagħha ( 37 ). Għarfien lingwistiku elementari mhuwiex biżżejjed biex wieħed jifhem atti ġudizzjarji. Għaldaqstant, l-għarfien lingwistiku għandu jkun ta’ livell tajjeb biżżejjed sabiex wieħed ikun jista’ jifhem essenzjalment il-kontenut ta’ dokumenti ġuridiċi ( 38 ). Dan jista’ jkun il-każ meta, bħal f’din il-kawża, id-destinatarju jkun ftiehem permezz ta’ kuntratt li jikkorrispondi bil-lingwa tal-Istat Membru tat-trażmissjoni ma’ l-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet pubbliċi tal-imsemmi Stat Membru. Il-kunċett ta’ istituzzjoni pubblika jagħti lok għall-preżunzjoni li ntlaħaq ftehim li l-lingwa għall-korrispondenza tal-partijiet għandha tintuża għall-korrispondenza ma’ l-organi kollha tal-Istat, li jinkludu mhux biss l-eżekuttiv iżda wkoll il-qrati ( 39 ).

    75.

    Huwa għal din ir-raġuni li, safejn huwa possibbli, għandhom jintużaw biss kriterji ġenerali u oġġettivi, fosthom l-iskambju ta’ korrispondenza bil-lingwa tal-Istat Membru tat-trażmissjoni. Id-determinazzjoni tal-għarfien lingwistiku individwali toħloq diffikultajiet enormi għall-partijiet kollha, ħlief għad-destinatarju ( 40 ). Fil-każ ta’ kontestazzjoni dwar jekk id-destinatarju jifhimx il-lingwa tal-Istat Membru tat-trażmissjoni, dan il-punt jista’ jiġi ddeterminat biss permezz ta’ miżuri istruttorji quddiem il-qorti nazzjonali li tkun qed tisma’ l-kawża. B’hekk ikun jista’ jiġi stabbilit li d-destinatarju tal-att jifhem il-lingwa tal-Istat Membru tat-trażmissjoni li biha jkun miktub l-imsemmi att ( 41 ).

    76.

    L-għażla tal-lingwa tal-kuntratt isservi biex jiġu evitati jew limitati l-problemi ta’ komunikazzjoni bejn partijiet li ma jkunux jitkellmu bl-istess lingwa ( 42 ). Meta l-partijiet f’kuntratt jagħżlu li jużaw il-lingwa tal-kuntratt fir-relazzjonijiet ġuridiċi internazzjonali tagħhom, dan jikkostitwixxi indikazzjoni li ż-żewġ kontraenti jifhmu dik il-lingwa. Meta fir-relazzjonijiet ġuridiċi internazzjonali, ikun ġie stipulat f’kuntratt li l-qrati tal-Istat Membru tat-trażmissjoni għandhom ġurisdizzjoni internazzjonali jew li l-liġi applikabbli hija dik tal-Istat Membru tat-trażmissjoni ( 43 ), tali aċċettazzjoni kuntrattwali li kawża titmexxa bil-lingwa tal-Istat Membru tat-trażmissjoni tista’ titqies bħala indikazzjoni addizzjonali tal-għarfien lingwistiku. Fil-każ speċifiku ta’ din il-kawża, ġiet miftiehma, fil-punt 10.2 tal-kuntratt ta’ servizzi ta’ arkitett, klawżola ta’ ġurisdizzjoni favur il-qrati ta’ Berlin.

    77.

    Huwa ċertament possibbli li jkun hemm sitwazzjoni fejn waħda mill-partijiet kontraenti ma tkunx tifhem effettivament il-lingwa tal-kuntratt. Madankollu, dik il-parti kontraenti li meta tirċievi n-notifika tinvoka n-nuqqas ta’ għarfien lingwistiku, permezz tal-ftehim kuntrattwali validu dwar il-lingwa tal-kuntratt, tkun immanifestat li hija għandha għarfien lingwistiku suffiċjenti ( 44 ). Mill-perspettiva tal-parteċipant in bona fede fir-relazzjonijiet ġuridiċi, hija tkun oġġettivament tat l-impressjoni li tifhem il-lingwa tal-Istat Membru tat-trażmissjoni.

    78.

    Bil-fatt li tkun ftehmet fil-kuntratt dwar il-lingwa tal-kuntratt u l-liġi applikabbli u b’mod speċjali dwar klawżola ta’ ġurisdizzjoni, parti kontraenti tagħti wkoll lill-parti kontraenti l-oħra l-aspettattiva li hija tabilħaqq għandha għarfien suffiċjenti tal-lingwa tal-Istat Membru tat-trażmissjoni ( 45 ). Dan japplika iktar u iktar meta jkun ġie stipulat fil-kuntratt li l-lingwa tal-Istat Membru tat-trażmissjoni għandha tkun il-lingwa għall-korrispondenza bejn il-partijiet u ma’ l-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet pubbliċi ( 46 ).

    79.

    Permezz ta’ tali ftehim kuntrattwali, il-parti kontraenti turi li hija għandha, fir-rigward tal-korrispondenza ma’ l-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet pubbliċi, għarfien lingwistiku suffiċjenti. F’dan il-każ, għandu għaldaqstant jiġi kkunsidrat li huwa ġġustifikat l-preżunzjoni konfutabbli (praesumption iuris tantum) li, għall-finijiet tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 1348/2000, id-destinatarju għandu għarfien lingwistiku suffiċjenti biex jifhem ukoll it-terminoloġija speċifika tal-lingwaġġ amministrattiv, inkluż il-lingwaġġ ġudizzjarju użat fid-dritt proċedurali. L-eżerċizzju tad-dritt li tiġi rrifjutata l-aċċettazzjoni ta’ att fuq il-bażi tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1348/2000 jista’ jiġi eskluż f’dan il-każ ( 47 ). Madankollu, peress li din il-preżunzjoni hija biss waħda konfutabbli, tibqa’ l-possibbiltà għad-destinatarju li jikkonfutaha skont ir-regoli dwar il-provi tal-Istat Membru li fih ikunu għaddejjin il-proċeduri ċivili.

    80.

    F’dan l-istadju, nixtieq niġbed ukoll l-attenzjoni għal digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Fil-kawża Hensotherm vs UASI, T-366/04 ( 48 ), li kienet tirrigwarda impriża Żvediża li kienet għażlet l-Ingliż bħala l-lingwa tal-każ quddiem l-UASI u kienet hija stess ippreżentat noti b’dik il-lingwa, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li l-argument ta’ din l-impriża li, bħala operatur ekonomiku Żvediż fil-kummerċ internazzjonali, hija ma kellhiex għarfien suffiċjenti tal-lingwa Ingliża, ma kienx konvinċenti.

    81.

    Minn dan isegwi li l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 1348/2000 għandu jiġi interpretat fis-sens li teżisti preżunzjoni konfutabbli li d-destinatarju ta’ att jifhem il-lingwa tal-Istat Membru tat-trażmissjoni, fis-sens tal-imsemmi regolament, meta fil-kuntest tat-twettiq tal-attività kummerċjali tiegħu, huwa jkun ftiehem f’kuntratt li l-lingwa għall-korrispondenza, minn naħa, bejn il-partijiet, u, min-naħa l-oħra, ma’ l-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet pubbliċi, għandha tkun dik tal-Istat Membru tat-trażmissjoni. Madankollu, peress li din il-preżunzjoni hija biss waħda konfutabbli, tibqa’ l-possibbiltà għad-destinatarju li jikkonfutaha skont ir-regoli dwar il-provi tal-Istat Membru li fih ikunu għaddejjin il-proċeduri ċivili.

    82.

    Dan ma jistax japplika b’mod ġenerali għall-kuntratti konklużi minn konsumaturi peress li, skont kriterji oġġettivi, il-korrispondenza ta’ konsumatur mhux speċjalizzat ma tistax titqiegħed fuq l-istess livell bħall-aġir u l-korrispondenza ta’ kummerċjant. Huwa għal din ir-raġuni li r-risposta mogħtija għat-tieni domanda għandha tkun limitata għall-każ partikolari fejn professjonist, fl-eżerċizzju tal-attività kummerċjali tiegħu, ikun ftiehem f’kuntratt li l-lingwa għall-korrispondenza, minn naħa, bejn il-partijiet, u, min-naħa l-oħra, ma’ l-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet pubbliċi, għandha tkun dik tal-Istat Membru tat-trażmissjoni.

    D — Fuq it-tielet domanda

    83.

    Permezz tat-tielet domanda tiegħu, il-Bundesgerichtshof jistaqsi essenzjalment jekk id-destinatarju jistax fil-prinċipju jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1348/2000 għal nuqqas ta’ traduzzjoni tal-annessi meta, fil-kuntest tat-twettiq tal-attività kummerċjali tiegħu, huwa jkun ikkonkluda kuntratt li fih ikun ftiehem li l-lingwa għall-korrispondenza għandha tkun dik tal-Istat Membru tat-trażmissjoni.

    84.

    Jirriżulta mit-tmien premessa tar-Regolament Nru 1348/2000 li, “[b]iex tkun assigurata l-effettività ta’ dan ir-Regolament, il-possibbilità ta’ rifjut tas-servizz [notifika] ta’ dokumenti [atti] huwa limitat għal sitwazzjonijiet eċċezzjonali”. Fid-dritt Komunitarju, l-eċċezzjonijiet għandhom jiġu interpretatati b’mod restrittiv: singularia non sunt extendenda ( 49 ).

    85.

    Huwa minnu li l-Uffiċċju Grimshaw jirreferi fl-osservazzjonijiet tiegħu dwar it-tieni domanda għall-impossibbiltà, mill-perspettiva dommatika, li jiġi ġġustifikat għalfejn ftehim kuntrattwali bejn żewġ persuni privati li, skont ir-rieda tal-partijiet, huwa intiż biex japplika biss għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt, jista’ jkollu effetti restrittivi fir-rigward tad-dritt pubbliku suġġettiv għal smigħ xieraq.

    86.

    Kontra interpretazzjoni daqstant estensiva tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1348/2000 jimmilitaw fuq kollox il-punti 10.2 u 10.4 tal-kuntratt ta’ servizzi ta’ arkitett fejn ġie miftiehem li “il-qorti ta’ Berlin għandha ġurisdizzjoni esklużiva biex tieħu konjizzjoni ta’ tilwimiet” u li l-kuntratt ta’ servizzi ta’ arkitett huwa rregolat mil-liġi Ġermaniża. Din il-klawżola kuntrattwali, flimkien mal-klawżola dwar il-lingwa, li permezz tagħha ġie miftiehem li l-korrispondenza ma’ l-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet pubbliċi ( 50 ) tal-Istat Membru tat-trażmissjoni għandha ssir bil-lingwa tal-Istat Membru tat-trażmissjoni, tikkostitwixxi rinunzja valida u konkreta għal dritt fundamentali ( 51 ). Dan ifisser konkretament f’din il-kawża li l-aċċettazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru tat-trażmissjoni tammonta wkoll fl-istess ħin għall-aċċettazzjoni tal-użu, fi proċeduri ċivili speċifiċi, tal-lingwa tal-qrati applikabbli f’dak l-Istat Membru. L-istess japplika għall-klawżoli ta’ arbitraġġ li permezz tagħhom il-partijiet f’kuntratti internazzjonali jiddeterminaw minn qabel il-lingwa li għandha tintuża fil-proċeduri ta’ arbitraġġ.

    87.

    Kif osservat ġustament il-Kummissjoni ( 52 ), il-klawżola kuntrattwali dwar l-użu tal-lingwa Ġermaniża li ġiet miftiehma bejn l-Uffiċċju Grimshaw u l-IHK Berlin tikkostitwixxi element tal-kuntratt li huwa determinanti fir-rigward tal-eżekuzzjoni ta’ kuntratt. Dan l-element tal-kuntratt ma jirrigwardax biss l-iskambju ta’ korrispondenza relatata ma’ l-eżekuzzjoni tal-kuntratt iżda jestendi wkoll għall-korrispondenza fil-każ ta’ diverġenzi dwar l-obbligi kuntrattwali kif ukoll għall-korrispondenza relatata ma’ proċeduri ġudizzjarja dwar dawk id-diverġenzi.

    88.

    F’każ bħal dan, in-neċessità li att bil-lingwa tal-Istat Membru tat-trażmissjoni jiġi tradott fil-lingwa tal-Istat Membru indirizzat ma tistax tiġi bbażata iktar fuq il-ħtieġa li jiġu protetti l-interessi tad-destinatarju. Min f’kuntratt konkluż bejn kummerċjanti jkun ftiehem minn jeddu mal-parti kontraenti l-oħra li juża lingwa partikolari għall-korrispondenza, ma jistax sussegwentement isostni l-argument li l-interessi leġittimi tiegħu ma ġewx protetti bil-fatt li ntużat dik il-lingwa. Dan ikun jammonta għal venire contra factum proprium ( 53 ). F’każ bħal dan, il-ħtieġa ta’ traduzzjoni tal-annessi fil-lingwa tal-Istat Membru indirizzat ma taqax iktar taħt l-għan ta’ protezzjoni tad-dritt li tiġi rrifjutata l-aċċettazzjoni tal-att, stabbilit fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1348/2000; l-aċċettazzjoni ta’ tali lingwa tal-kuntratt tammonta għall-affermazzjoni tan-nuqqas ta’ interess li tinkiseb traduzzjoni bil-lingwa tal-Istat Membru indirizzat u b’hekk id-dritt li tiġi rrifjutata l-aċċettazzjoni skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1348/2000 jitlef kull ġustifikazzjoni.

    89.

    Li kieku ma kienx hekk, kien ikun meħtieġ li l-att jiġi tradott fil-lingwa tal-Istat Membru indirizzat ( 54 ) anki meta: fl-ewwel lok, ikun jeżisti kuntratt konkluż bejn il-partijiet fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-attività kummerċjali tagħhom li permezz tiegħu jkun ġie miftiehem li l-korrispondenza ma’ l-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet pubbliċi tal-Istat Membru tat-trażmissjoni għandha ssir bil-lingwa tal-Istat Membru tat-trażmissjoni; fit-tieni lok, il-qrati tal-Istat Membru tat-trażmissjoni jkunu ngħataw ġurisdizzjoni; u fit-tielet lok, il-liġi tal-Istat Membru tat-trażmissjoni tkun intgħażlet bħala l-liġi applikabbli. Madankollu, tali riżultat imur kontra l-għan tar-Regolament Nru 1348/2000 ( 55 ).

    90.

    Bħala kumment finali, nixtieq intenni li tali soluzzjoni mhijiex adattata fir-rigward ta’ kuntratti transkonfinali konklużi minn konsumaturi. F’dan il-każ, l-iktar parti b’saħħitha, pereżempju impriża, tkun tista’ timponi fuq parti iktar dgħajfa, pereżempju konsumatur, lingwa li dan tal-aħħar ma jkunx jifhem. Fil-każ fejn konsumatur ma jkunx jifhem il-lingwa “imposta” mill-impriża, ikun ġustifikat li jingħata d-dritt li jirrifjuta l-aċċettazzjoni ta’ annessi mhux tradotti ( 56 ).

    91.

    Ir-risposta għat-tielet domanda għaldaqstant għandha tkun li l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1348/2000 għandu jiġi interpretat fis-sens li d-destinatarju ma jistax jibbaża ruħu fuq din id-dispożizzjoni biex jirrifjuta l-aċċettazzjoni tad-dokumenti annessi ma’ att promotur li ma jkunux miktuba bil-lingwa tal-Istat Membru indirizzat iżda li jkunu miktuba bil-lingwa tal-Istat Membru tat-trażmissjoni li tkun intgħażlet bħala l-lingwa għall-korrispondenza ma’ l-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet pubbliċi tal-Istat Membru tat-trażmissjoni f’kuntratt konkluż bejn il-partijiet fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-attività kummerċjali tagħhom, meta huwa jkun ikkonkluda, fil-kuntest tat-twettiq tal-attività kummerċjali tiegħu, kuntratt li fih ikun ftiehem li jikkorrispondi ma’ l-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet pubbliċi tal-Istat Membru tat-trażmissjoni bil-lingwa tal-imsemmi Stat u d-dokumenti trażmessi jkunu jirrigwardaw dan l-iskambju ta’ korrispondenza u jkunu miktuba bil-lingwa miftiehma.

    VI — Konklużjoni

    92.

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi skont kif ġej għat-talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-Bundesgerichtshof:

    “1.

    L-Artikolu 8(1) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1348/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar is-servizz [in-notifika] fl-Istati Membri ta’ dokumenti [atti] ġudizzjarji u extra ġudizzjarji fi kwistjonijiet [f’materji] ċivili jew kummerċjali għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ notifika ta’ att li jkun jinkludi annessi, id-destinatarju għandu wkoll id-dritt jirrifjuta l-aċċettazzjoni anki meta jkunu biss l-annessi tal-att li għandu jkun innotifikat li ma jkunux miktuba bil-lingwa tal-Istat Membru indirizzat jew b’lingwa tal-Istat Membru tat-trażmissjoni li d-destinatarju jkun jifhem.

    2.

    L-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 1348/2000 għandu jiġi interpretat fis-sens li teżisti preżunzjoni konfutabbli li d-destinatarju ta’ att jifhem il-lingwa tal-Istat Membru tat-trażmissjoni, fis-sens tal-imsemmi regolament, meta fil-kuntest tat-twettiq tal-attività kummerċjali tiegħu, huwa jkun ftiehem f’kuntratt li l-lingwa għall-korrispondenza, minn naħa, bejn il-partijiet u, min-naħa l-oħra, ma’ l-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet pubbliċi, għandha tkun dik tal-Istat Membru tat-trażmissjoni. Madankollu, peress li din il-preżunzjoni hija biss waħda konfutabbli, tibqa’ l-possibbiltà għad-destinatarju li jikkonfutaha skont ir-regoli dwar il-provi tal-Istat Membru li fih ikunu għaddejjin il-proċeduri ċivili.

    3.

    L-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1348/2000 għandu jiġi interpretat fis-sens li d-destinatarju ma jistax jibbaża ruħu fuq din id-dispożizzjoni biex jirrifjuta l-aċċettazzjoni tad-dokumenti annessi ma’ att promotur li ma jkunux miktuba bil-lingwa tal-Istat Membru indirizzat iżda li jkunu miktuba bil-lingwa tal-Istat Membru tat-trażmissjoni li tkun intgħażlet bħala l-lingwa għall-korrispondenza ma’ l-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet pubbliċi tal-Istat Membru tat-trażmissjoni f’kuntratt konkluż bejn il-partijiet fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-attività kummerċjali tagħhom, meta huwa jkun ikkonkluda, fil-kuntest tat-twettiq tal-attività kummerċjali tiegħu, kuntratt li fih ikun ftiehem li jikkorrispondi ma’ l-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet pubbliċi tal-Istat Membru tat-trażmissjoni bil-lingwa tal-imsemmi Stat u d-dokumenti trażmessi jkunu jirrigwardaw dan l-iskambju ta’ korrispondenza u jkunu miktuba bil-lingwa miftiehma.”


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

    ( 2 ) ĠU L 160, p. 37.

    ( 3 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Stix-Hackl tat-28 ta’ Ġunju 2005 fil-kawża C-443/03, Leffler (Ġabra p. I-9611, punt 19).

    ( 4 ) Ara Rijavec, “Pomen sodb Sodišča ES za opredelitev pojma civilne ali gospodarske zadeve z mednarodnim elementom”, Podjetje in Delo — PiD 32 (2007), p. 1151 et seq, Mayr/Czernich, Europäisches Zivilprozessrecht, eine Einführung, 2006, p. 55 et seq. Il-Qorti tal-Ġustizzja tistabbilixxi b’mod awtonomu mir-Regolament it-tifsira tal-kunċett ta’ materji ċivili u kummerċjali. Għaldaqstant, il-kunċett ta’ materji ċivili u kummerċjali għandu jitqies bħala kunċett awtonomu li għandu jiġi interpretat b’referenza, minn naħa, għall-objettivi u għas-sistema tal-Konvenzjoni u, min-naħa l-oħra, għall-prinċipji ġenerali li jirriżultaw mis-sistemi legali nazzjonali kollha (ara s-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2002, Gemeente Stenbergen, C-271/00, Ġabra p. I-1489, punt 28), li jfisser li l-interpretazzjoni tiegħu ma tiddependix mid-dritt intern ta’ wieħed mill-Istati Membri. Tista’ ssir referenza għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi u għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 2001, L 12, p. 1) biex jiġi stabbilit jekk il-kwistjoni tirrigwardax materja ċivili jew kummerċjali [Ara Jastrow, “Europäische Zustellungsverordnung”, f’: Gebauer/Wiedmann, Zivilrecht unter europäischem Einfluss, 2005. p. 1284 u Heiderhoff, “Verordnung (EG) Nr. 1348/2000 des Rates vom 29. Mai 2000 über die Zustellung gerichtlicher und außergerichtlicher Schriftstücke in Zivil- oder Handelssachen in den Mitgliedstaaten”, f’: Rauscher: Europäisches Zivilprozessrechts, Kommentar, Volum 2, it-tieni edizzjoni, 2006, p. 1185].

    ( 5 ) Ara Stadler, “Neues europäisches Zustellungsrecht”, IPRax, 21 (2001), p. 514 sa 517. Din id-dispożizzjoni tista’ titqies bħala evoluzzjoni essenzjali tad-dritt Komunitarju dwar in-notifiki. Il-ħtieġa ta’ traduzzjoni bil-lingwa tal-Istat Membru indirizzat ta’ atti ppreżentati b’lingwa barranija hija spjegata taħt id-dritt internazzjonali klassiku mis-sovranità tal-Istat fejn ikollha ssir in-notifika (Ara Bajons, “Internationale Zustellung und Recht auf Verteidigung”, f’: Wege zur Globalisierung des Rechts: Festschrift für Rolf A. Schütze zum 65. Geburtstag, 1999, p.  49).

    ( 6 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Stix-Hackl tat-28 ta’ Ġunju 2005, iċċitati iktar ’il fuq, punt 20.

    ( 7 ) Ara Bajons, op. cit., p. 67. L-awtur jenfasizza li l-prinċipju tad-dritt reċiproku tal-partijiet li jingħataw smigħ xieraq jimplika, min-naħa tal-konvenut, li jkun jista’ jifhem il-kontenut tal-att trażmess. Sabiex dan ikun jista’ jsir, jeħtieġ li tal-inqas ikun f’pożizzjoni li jifhem x’tip ta’ att hu.

    ( 8 ) Ara l-Kummissjoni, Study on the application of Council Regulation 1348/2000 on the service of judicial and extra judicial documents in civil or commercial matters, 2000, p. 41 et seq.

    ( 9 ) Ara Sujecki, “Das Übersetzungserfordernis und dessen Heilung nach der Europäischen Zustellungsverordnung: Entscheidung des Europäischen Gerichtshofes vom 8. November 2005”, ZEuP, 15 (2007), p. 359, li jirreferi għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Stix-Hackl tat-28 ta’ Ġunju 2005, fil-kawża Leffler (C-443/03, Ġabra p. I-9611, punt 36). Ara wkoll Rösler, Siepmann, “Zum Sprachenproblem im Europäischen Zustellungsrecht”, NJW, 2006, p. 476 u De Leval/Lebois, “Signifier en Europe sur la base du Règlement 1348/2000; bilan après un an et démi d’application” f’: Imperat lex: liber amicorum Pierre Marchal, 2003, p. 274.

    ( 10 ) Ara s-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2005, Leffler (C-443/03, Ġabra p. I-9611, punti 38, 39 u 53). Ara wkoll, fir-rigward tan-notifika taħt il-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, Gaudemet-Tallon, Compétence et exécution des jugements en Europe: règlement no. 44/2001: Conventions de Bruxelles et de Lugano, it-tielet edizzjoni, 2003, p. 338.

    ( 11 ) Sentenza Leffler (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna10, punt 53). Din hija waħda mill-kawżi rari dwar l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1348/2000. Id-duttrina kkonstatat, ġustament, li l-eżerċizzju tad-dritt li tiġi rrifjutata l-aċċettazzjoni ta’ att ma jikkawżax in-nullità tan-notifika mwettqa (ara Rösler, Siepmann, op. cit., 2006, p. 476).

    ( 12 ) Sentenza Leffler (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punt 71). Ara wkoll il-kummenti dwar in-nullità tan-notifika u l-possibbiltà li tiġi rrimedjata f’Eckelmans, “Signification et notification”, Revue de droit commercial belge, 2006, p. 367.

    ( 13 ) Ara wkoll Sujecki, “Das Annahmeverweigerungsrecht im europäischen Zustellungsrecht”, EuZW, 18 (2007), p. 364.

    ( 14 ) Ara d-digriet tar-rinviju tal-Bundesgerichtshof, Kawża VII ZR 164/05, punti 13 et seq li tinsab fuq is-sit Internet www.bundesgerichtshof.de. F’dak id-digriet issir referenza għall-Artikoli 131 u 253 tal-Kodiċi Ġermaniż ta’ Proċedura Ċivili (ZPO).

    ( 15 ) Ara Rijavec, op. cit., p. 1151 et seq, Mayr/Czernich, op. cit., p. 55 et seq, Jastrow, op. cit., p. 1284 u Heiderhoff, op. cit., p. 1185.

    ( 16 ) Ara Sujecki, “Das Annahmeverweigerungsrecht im europäischen Zustellungsrecht”, p. 364 u Lebois, “L’amorce d’un droit procédural européen: les règlements 1348/2000 et 1206/2001 en matière de signification, notification et de preuves face au procès social”, f’: de Leval, Hubin, Espace judiciaire et social européen: actes du colloque des 5 et 6 ta’ Novembru 2001, p. 339 et seq. F’dan l-aħħar artikolu, ġie enfasizzat li, fir-regoli tal-proċedura ċivili ta’ ċerti Stati Membri (ir-Renju ta’ Spanja, ir-Renju Unit, ir-Renju tal-Belġju, ir-Renju tal-Olanda), jeżistu differenzi fil-proċedura ċivili quddiem il-qrati ordinarji u l-qrati industrijali f’dak li jirrigwarda l-kontenut u l-portata tal-atti ġudizzjarji li permezz tagħhom jitressqu l-proċeduri u tal-annessi tagħhom.

    ( 17 ) Ara s-sentenza tal-14 ta’ Jannar 1982, Corman (64/81, Ġabra p. 13, punt 8) u tat-2 ta’ April 1998, EMU Tabac et (C-296/95, Ġabra p. I-1605, punt 30). Il-kunċetti tad-dritt Komunitarju ma jistgħux jiġu ddefiniti b’referenza għal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri (ara s-sentenza tat-23 ta’ Marzu 1982, Levin [53/81, Ġabra p. 1035, punti 10 et seq] u Schütz/Bruha/König, Casebook Europarecht, 2004, p. 451 et seq).

    ( 18 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi tat-3 ta’ Mejju 2007, Zefeser (C-62/06, Ġabra p. I-11995, punt 32).

    ( 19 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano tal-20 ta’ Settembru 2001 fil-kawża Leitner (sentenza tat 12-ta’ Marzu 2002C-168/00, Ġabra, p. I-2631, punt 29) li waslu għal soluzzjoni simili fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 90/314/KEE tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 1990 dwar il-vjaġġi kollox kompriż (package travel), il-vaganzi kollox kompriż u t-tours kollox kompriż (ĠU L 158, p. 59). F’dik il-kawża, il-kunċett li kellu jiġi interpretat kien dak ta’ “dannu”. Fil-punt 29 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Avukat Ġenerali kkonkluda: “Minnu nnifsu, l-użu fid-Direttiva tat-terminu ġenerali ‘danni’, mingħajr l-inqas restrizzjoni, għandu jimmilita — u fuq dan il-punt naqbel ma’ l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni u tal-Gvern Belġjan — favur interpretazzjoni wiesgħa ta’ dan il-kunċett, u għaldaqstant favur l-argument li, tal-inqas fil-prinċipju, id-Direttiva riedet tinkludi fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha kull forma ta’ dannu li għandu rabta kawżali man-nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew ma’ l-eżekuzzjoni ħażina tal-kuntratt”.

    ( 20 ) Ara Heß, “Neue Formen der Rechtshilfe in Zivilsachen im europäischen Justizraum”, f’: Recht der Wirtschaft und der Arbeit in Europa: Gedächtnisschrift für Wolfgang Blomeyer, 2004, p. 629, li saħansitra jirreferi għal traduzzjoni mandatorja bil-lingwa tal-post tan-notifika tal-att u tal-informazzjoni annessa miegħu.

    ( 21 ) Ara Schütze, “Übersetzungen im europäischen und internationalen Zivilprozessrecht — Probleme der Zustellung”, RIW, 2006, p. 355.

    ( 22 ) F’ċerti sistemi ġuridiċi, minflok il-massima accessio cedit principali, tintuża l-massima accessorium sequitur principale. It-tifsira taż-żewġ massimi hija li l-oġġett aċċessorju neċessarjament jaqsam l-istess destin bħall-oġġett prinċipali (ara Benke/Meissel, Juristenlateien, it-tieni edizzjoni, 2002, Vjenna, p. 4).

    ( 23 ) Digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-26 ta’ Ġunju 1996, BP Chemicals vs Il-Kummissjoni (T-11/95, Ġabra p. II-599, punt 9). Il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet it-talba taż-żewġ intervenjenti Taljani sabiex jiġi tradotti fil-lingwa tal-kawża, jiġifieri l-Ingliż, l-annessi tan-nota ta’ intervent tagħhom.

    ( 24 ) ĠU 2000, L 239, p. 19. L-Artikolu 52(2) ta’ din il-Konvenzjoni jgħid hekk: “Fejn ikun hemm raġuni biex wieħed jemmen li d-destinatarju ma jifhimx il-lingwa li biha huwa miktub id-dokument, id-dokument — jew għall-inqas il-partijiet importanti tiegħu — irid jiġi tradott f’(waħda mil-) lingwa(i) tal-Parti Kontraenti li fit-territorju tagħha d-destinatarju jkun qiegħed joqgħod. Jekk l-awtorità li tibgħat id-dokument tkun taf li d-destinatarju jifhem biss xi lingwa oħra, id-dokument — jew għall-inqas il-partijiet importanti tiegħu — irid jiġi tradott f’dik il-lingwa l-oħra”.

    ( 25 ) Dwar il-klawżoli ta’ ġurisdizzjoni abbużivi, ara s-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2000, Océano Grupo Editorial (C-240/98 sa C-244/98, Ġabra p. I-4941).

    ( 26 ) Ara iktar ’il fuq, punt 44.

    ( 27 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenza Leffler (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punti 38 sa 53) kif ukoll Sujecki, “Das Annahmeverweigerungsrecht im europäischen Zustellungsrecht”, p. 364, li madankollu ma jindirizzax il-problema ta’ dokumenti voluminużi u l-kwistjoni tal-ekonomija tal-ġudizzju (tul ta’ żmien u spejjeż tat-traduzzjonijiet) li hija marbuta magħha.

    ( 28 ) Ara Lindacher, “Europäisches Zustellungsrecht — die VO (EG) Nr. 1348/2000: Fortschritt, Auslegungsbedarf, Problemausblendung”, Zeitschrift für Zivilprozeß, volum 114 (2001), p. 187. L-awtur jipproponi li wieħed m’għandux jibbaża ruħu, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 1348/2000, fuq l-għarfien lingwistiku individwali sabiex il-kriterju jkun wieħed prattikabbli u prevedibbli. Għall-kuntrarju, għandhom jiġu stabbiliti kriterji fissi u ġenerali. Skont dan l-approċċ, fi kwalunkwe każ għandu jitqies li hemm lingwa tal-Istat Membru ta’ oriġini li d-destinatarju jifhem meta dan tal-aħħar ikun huwa stess ċittadin tal-Istat Membru tat-trażmissjoni. L-istess jgħodd meta huwa jkun ċittadin ta’ Stat li l-lingwa uffiċjali tiegħu tkun l-istess bħal dik tal-Istat Membru tat-trażmissjoni.

    ( 29 ) Ara Heß, “Die Zustellung von Schriftstücken im europäischen Justizraum”, NJW, 2001, p. 15.

    ( 30 ) Ara Sujecki, “Das Annahmeverweigerungsrecht im europäischen Zustellungsrecht”, p. 365.

    ( 31 ) Ibid.

    ( 32 ) Ara Malan, “La langue de la signification des actes judiciaires ou les incertitudes du règlement sur la signification et la notification des actes judiciaires et extrajudiciaires”, Les petites affiches — LPA 392 (2003), Nru 77, p. 6 u Sladič, “Vročanje v civilnih in gospodarskih zadevah”, Podjetje in Delo — PiD, 31 (2005), p. 1147.

    ( 33 ) Iċ-ċittadinanza ta’ persuna fiżika ma tistax titqies bħala kriterju oġġettiv. Meta d-destinatarju tan-notifika jkollu ċ-ċittadinanza tal-Istat Membru tat-trażmissjoni iżda ma jkunx jifhem sew il-lingwa, huwa jista’ jirrifjuta li jaċċetta l-att innotifikat. Wieħed jista’ jaħseb, pereżempju, f’każijiet fejn in-nazzjonalità tkun ġiet akkwistata biż-żwieġ jew bin-naturalizzazzjoni f’dak li jirrigwarda l-atleti (ara Schütze, “§ 1068” f’Wieczork/Schütze, Zivilprozessordnung und Nebengesetze, Großkommentar, p. 9, punt 12). Iżda wieħed jista’ jargumenta wkoll diversament. Għandu jiġi kkunsidrat li d-destinatarju jifhem il-lingwa tal-Istat Membru tat-trażmissjoni meta huwa jkollu ċ-ċittadinanza ta’ Stat li l-lingwa uffiċjali tiegħu tkun l-istess bħal dik tal-Istat Membru tat-trażmissjoni (ara Heiderhoff, op. cit., p. 1221).

    ( 34 ) Ara Sujecki, “Das Übersetzungserfordernis und dessen Heilung nach der Europäischen Zustellungsverordnung: Entscheidung des Europäischen Gerichtshofes vom 8 November 2005”, p. 359, u Sujecki, “Das Annahmeverweigerungsrecht im europäischen Zustellungsrecht”, p. 364.

    ( 35 ) Ara Sujecki, “Das Übersetzungserfordernis und dessen Heilung nach der Europäischen Zustellungsverordnung: Entscheidung des Europäischen Gerichtshofes vom 8 November 2005”, p. 359.

    ( 36 ) Ara Sujecki, “Das Annahmeverweigerungsrecht im europäischen Zustellungsrecht”, p. 364.

    ( 37 ) Ara Mayr/Czernich, op. cit., p. 182. Id-diffikultà biex jiġi stabbilit l-għarfien lingwistiku individwali tapplika kemm għall-aġenzija li tittrażmetti kif ukoll għall-aġenzija li tirċievi.

    ( 38 ) Ara Jastrow, op. cit., p. 1306.

    ( 39 ) Ara Badura, Staatsrecht, it-tielet edizzjoni, 2003, p.  658 und Maurer, Staatsrecht I, ir-raba’ edizzjoni, 2005, p. 6. Badura jispjega li l-organu tal-Istat li jeżerċita l-funzjoni ġudizzjarja huwa l-qorti.

    ( 40 ) Ara Heiderhoff, op. cit., p.  1222.

    ( 41 ) Ara s-sentenza Leffler (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 52).

    ( 42 ) Nirreferi wkoll għas-sentenza tal-14 ta’ Mejju 1998, Finnboard vs Il-Kummissjoni (T-338/94, Ġabra p. II-1617, punti 48 sa 55). F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li, meta ebda lingwa uffiċjali tal-Komunità ma tkun espressament applikabbli, skont il-leġiżlazzjoni Komunitarja, fir-relazzjonijiet bejn il-Kummissjoni u impriża stabbilita f’pajjiż terz li tkun ipparteċipat fi ksur tar-regoli Komunitarji dwar il-kompetizzjoni, il-Kummissjoni tista’ tagħżel bħala lingwa għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u għad-deċiżjoni l-lingwa użata mill-impriża fil-korrispondenza tagħha mal-kumpanniji sussidjarji tagħha fl-Istati Membri tal-Komunità u mhux il-lingwa tal-Istat Membru fejn ikun residenti l-mandatarju tagħha.

    ( 43 ) Klawżola ta’ dan it-tip tista’ tkun ifformulata b’dan il-mod: “Dan il-kuntratt u l-interpretazzjoni tiegħu huma rregolati mil-liġi tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Il-qrati ta’ Berlin għandhom ġurisdizzjoni esklużiva”.

    ( 44 ) Ara Sujecki, “Das Annahmeverweigerungsrecht im europäischen Zustellungsrecht”, p. 365 et seq. Fil-kummenti li għamel dwar id-digriet tar-rinviju f’din il-kawża, l-awtur ma jindirizzax il-kwistjoni tal-klawżola ta’ ġurisdizzjoni u tal-liġi applikabbli.

    ( 45 ) Ara Sujecki, “Das Annahmeverweigerungsrecht im europäischen Zustellungsrecht”, p. 366. Tista’ ssir ukoll analoġija mat-teorija [Ġermaniża] dwar l-atti ġuridiċi li skontha l-effetti ta’ manifestazzjoni tar-rieda huma ddeterminati kemm b’referenza għall-“Willenstheorie” kif ukoll b’referenza għall-“Erklärungstheorie”.

    ( 46 ) Ara, iktar ’il fuq, il-punt 5, fejn huma riprodotti l-klawżoli kuntrattwali rilevanti.

    ( 47 ) Ara Sujecki, “Das Annahmeverweigerungsrecht im europäischen Zustellungsrecht”, p. 366. Soluzzjoni differenti tagħti lid-destinatarju tal-att possibbiltà wisq wiesgħa li jostakola n-notifika. Barra minn hekk, soluzzjoni kuntrarja jkollha l-effett li, fl-aħħar mill-aħħar, anki f’dawk il-każijiet, l-att ikollu jiġi tradott bil-lingwa tal-Istat Membru indirizzat. L-awtur jenfasizza wkoll li n-neċessità ta’ traduzzjoni tmur kontra l-objettivi li jftittex li jilħaq ir-Regolament Nru 1348/2000 li, filwaqt li jieħu inkunsiderazzjoni l-protezzjoni tad-destinatarju tan-notifika, huwa intiż preċiżament biex jillimita l-ħtieġa għal traduzzjonijiet minħabba l-ispejjeż għoljin tagħhom u ż-żmien li jieħdu u għalhekk biex jissimplifika u jħaffef b’mod ġenerali l-proċess ta’ notifika.

    ( 48 ) Digriet tas-6 ta’ Settembru 2006 (T-366/04, punti 43 u 44).

    ( 49 ) Ara s-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2003, Jaeger (C-151/02, Ġabra p. I-8389, punt 89). F’dik il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, bħala eċċezzjonijiet għas-sistema Komunitarja dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol stabbilita mid-Direttiva tal-Kunsill 93/104/KE, tat-23 ta’ Novembru 1993, dwar xi aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU L 307, p. 18), id-derogi previsti fl-Artikolu 17 ta’ din tal-aħħar għandhom jiġu interpretati b’mod li l-portata tagħhom tkun limitata għal dak li huwa strettament neċessarju sabiex jiġu ssalvagwardati l-interessi li dawk id-derogi jippermettu li jiġu protetti.

    ( 50 ) Nenfasizza x-xebh bejn il-kunċett ta’ “istituzzjoni pubblika” u dak ta’ “organu tal-Istat”. Ara iktar ’il fuq, punt 39.

    ( 51 ) Skont P. Fischinger, “Der Grundrechtverzicht”, JuS 2007, p. 808, “rinunzja għal dritt fundamentali” [“Grundrechtverzicht”] għandha tinftiehem li tirreferi għall-fatt li d-detentur ta’ dritt fundamentali jawtorizza ksur konkret tad-drittijiet fundamentali.

    ( 52 ) Ara l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni, punti 31 u 32.

    ( 53 ) B’mod speċjali fis-sistemi ġuridiċi bbażati fuq id-dritt Ruman, tintuża iktar il-massima nemo auditur suam propriam turpitudinem allegans.

    ( 54 ) Ara Sujecki, “Das Annahmeverweigerungsrecht im europäischen Zustellungsrecht”, p. 366.

    ( 55 ) Ara iktar ’il fuq, punt 44.

    ( 56 ) Ara Sujecki, “Das Annahmeverweigerungsrecht im europäischen Zustellungsrecht”, p. 336, li jara f’każ bħal dan ħtieġa partikolari ta’ protezzjoni tad-destinatarju/konsumatur li madankollu ma teżistix fil-każ ta’ kuntratt konkluż bejn partijiet fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-attività kummerċjali tagħhom.

    Top