This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62002CJ0361
Judgment of the Court (Third Chamber) of 1 July 2004.#Elliniko Dimosio v Nikolaos Tsapalos (C-361/02) and Konstantinos Diamantakis (C-362/02).#Reference for a preliminary ruling: Dioikitiko Efeteio Peiraios - Greece.#Directive 76/308/EEC - Mutual assistance for the recovery of customs duties - Application to claims which arose prior to the entry into force of the Directive.#Joined cases C-361/02 and C-362/02.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) ta' l-1 ta' Lulju 2004.
Elliniko Dimosio vs Nikolaos Tsapalos (C-361/02) u Konstantinos Diamantakis (C-362/02).
Talba għal deċiżjoni preliminari: Dioikitiko Efeteio Peiraios - il-Greċja.
Direttiva 76/308/KEE - Għajnuna reċiproka għall-irkupru ta' dazji doganali - Applikazzjoni għat-talbiet li nqalgħu qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva.
Każijiet Magħquda C-361/02 u C-362/02.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) ta' l-1 ta' Lulju 2004.
Elliniko Dimosio vs Nikolaos Tsapalos (C-361/02) u Konstantinos Diamantakis (C-362/02).
Talba għal deċiżjoni preliminari: Dioikitiko Efeteio Peiraios - il-Greċja.
Direttiva 76/308/KEE - Għajnuna reċiproka għall-irkupru ta' dazji doganali - Applikazzjoni għat-talbiet li nqalgħu qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva.
Każijiet Magħquda C-361/02 u C-362/02.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2004:401
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tielet Awla)
1 ta' Lulju 2004 (*)
"Direttiva 76/308/KEE – Għajnuna reċiproka għall-irkupru ta' dazji doganali – Applikazzjoni għat-talbiet li nqalgħu qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva"
Fil-kawżi magħquda C-361/02 u C-362/02,
li għandhom bħala suġġett talbiet indirizzati lill-Qorti tal-Ġustizzja, skond l-Artikolu 234 KE, mid-Dioikitiko Efeteio Peiraios (il-Greċja) u li huma intiżi sabiex jiksbu, fil-kawżi pendenti quddiem din il-qorti bejn
Elliniko Dimosio
u
Nikolaos Tsapalos (C-361/02),
Konstantinos Diamantakis (C-362/02)
deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 76/308/KE tal-15 ta' Marzu 1976 dwar l-għajnuna reċiproka għall-irkupru ta' talbiet li jirriżultaw minn ħidmiet li jiffurmaw parti mis-sistema li tiffinanzja l-Fond Agrikolu għall-Gwida u Garanzija, u ta' imposti agrikoli u dazji doganali (76/308/KEE) (ĠU L 73, p. 18), kif emendata bl-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta' l-adeżjoni tar-Repubblika ta' l-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju ta' l-Iżvezja u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU 1994, C 241, p. 21),
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tielet Awla),
komposta minn A. Rosas, President ta' l-Awla, R.Schintgen (Relatur) u N. Colneric, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: Múgica Arzamendi, Amministratur Prinċipali,
wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati bil-miktub:
- għal N Tsapalos, minn V. K. Koutoulakos, dikigoros,
- għal K Diamantakis, minnC. Kara-Sepetzoglou, dikigoros,
- għall-Gvern Grieg minn S. Spyropoulos, D. Kalogiros u P. Mylonopoulos, bħala aġenti,
- għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn X. Lewis u M. Konstantinidis, bħala agenti,
wara li rat ir-rapport għas-seduta,
wara li semgħet l-osservazzjonijiet orali tal-Gvern Elleniku, irrappreżentat minn S. Spyropoulos u M. Apessos, bħala agenti, u tal-Kummissjoni, irrappreżentata minn X. Lewis u M. Konstantinidis, fis-seduta tal-11 ta' Frar 2004,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali fis-seduta tad-19 ta' Frar 2004,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz ta' sentenzi tat-28 ta' Ġunju 2002, li waslu fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta' Ottubru ta' l-istess sena, id- Dioikitiko Efeteio Peiraios għamlet, skond l-Artikolu 234 KE, domanda preliminari dwar l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 76/308/KE tal-15 ta' Marzu 1976 dwar l-għajnuna reċiproka għall-irkupru ta' talbiet li jirriżultaw minn ħidmiet li jiffurmaw parti mis-sistema li tiffinanzja l-Fond Agrikolu għall-Gwida u Garanzija, u ta' imposti agrikoli u dazji doganali (76/308/KEE) (ĠU L 73, p. 18), kif emendata bl-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta' l-adeżjoni tar-Repubblika ta' l-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju ta' l-Iżvezja u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU 1994, C 241, p. 21, iktar 'il quddiem "id-Direttiva").
2 Din id-domanda tqajmet fil-kuntest ta' żewġ kawżi bejn l-Elliniko Dimosio (Stat Elleniku) u s-Sur Tsapalos, minn naħa, u s-Sur Diamantakis, min-naħa l-oħra dwar l-irkupru ta' talbiet doganali tar-repubblika Taljana li nqalgħu qabel l-adozzjoni tad-Direttiva u d-dħul fis-seħħ tagħha fil-Greċja.
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni komunitarja
3 Id-Direttiva hija intiża sabiex telimina x-xkiel għat-twaqqif u t-tħaddim tas-suq komuni li jirriżulta mil-limitazzjonijiet territorjali tal-kamp ta' applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-irkupru, b'mod partikolari, ta' dazji doganali. Din is-sitwazzjoni, hekk kif jirriżulta mit-tieni premessa tad-Direttiva, hija tali li tiffaċilita "l-ħidmiet frawdolenti".
4 F'dan ir-rigward, id-Direttiva tistabbilixxi regoli komuni ta' għajnuna reċiproka fil-qasam ta' l-irkupru. Għaldaqstant, skond l-ewwel u t-tieni paragrafi ta' l-Artikolu 8 tagħha:
"Id-dokument li jippermetti l-infurzar tat-talba għandu, meta hu xieraq, u skond id-disposizzjonijiet fis-seħħ fl-Istat Membru li fih l-awtorità mitluba tkun tinsab, jkun aċċettat, rikonoxxut, miżjud, jew mibdul b’xi dokument li jawtorizza l-infurzar fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru.
Aċċettazzjoni, rikonoxximent, żjieda jew bdil bħal dawn jridu jseħħu kemm jista' jkun malajr wara d-data tal-wasla tat-talba għall-irkupru. Huma ma jistgħux jiġu miċħuda jekk id-dokument li jippermetti l-infurzar fl-Istat Membru li fih l-awtorità applikanti tkun tinsab ikun imfassal kif hu xieraq".
5 Skond l-Artikolu 2(c) u (f) tagħha, id-Direttiva hija partikolarment applikabbli għat-talbiet li għandhom x'jaqsmu mad-dazji doganali skond, b'mod partikolari, l-Artikolu 2(b) tad-Deċiżjoni 70/243/KEFA, KEE, Euratom tal-Kunsill tal-21 ta’ April 1970 dwar is-sostituzzjoni ta’ kontribuzzjonijiet finanzjarji ta' l-Istati Membri bir-riżorsi tal-Komunitajiet infushom (ĠU L 94, p. 19), kif ukoll għall-interessi u l-ispejjeż relatati mat-talbiet imsemmija f'dan l-Artikolu
6 Barra minn hekk, skond l-Artikolu 2 ta' l-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta' adeżjoni tar-Repubblika Ellenika u l-aġġustament għat-Trattati (ĠU 1979, L 291, p. 17, iktar 'il quddiem "l-att ta' l-adeżjoni"), l-atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet jorbtu lir-Repubblika Ellenika u huma applikabbli f'dan l-Istat mill-adeżjoni, jiġifieri mill-1 ta' Jannar 1981.
7 L-Artikolu 145 ta' l-att ta' adeżjoni jistipola li:
"Ir-Repubblika Ellenika għandha ddaħħal fis-seħħ il-miżuri li huma neċessarji għaliha sabiex tikkonforma ruħha, mill-adeżjoni tagħha, mad-dispożizzjonijiet tad-direttivi […], skond l-Artikolu 189 tat-Trattat KEE […], sakemm mhuwiex previst terminu ta' żmien fil-lista ta' tinsab fl-Anness XII jew f'dispożizzjonijiet oħra ta' dan l-Att".
8 F''dak li jikkonċerna d-direttiva, terminu bħal dan ma kienx ġie previst mill-att ta' adeżjoni.
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
9 Id-direttiva ġiet trasposta fis-sistema ġuridika Ellenika permezz ta' l-Artikoli 86 sa 98 (Kapitolu 1.A, intitolat "Għajnuna reċiproka għall-irkupru ta' talbiet") tal-Liġi Nru 1402/1983, dwar l-aġġustament tal-leġiżlazzjoni tad-dwana għad-Dritt tal-Komunitajiet Ewropej (KEE) (FEK A' 167, l-Ewwel Parti, iktar 'il quddiem "il-liġi Nru 1402/1983, u permezz tad-Digriet Nru 1243/319 tal-Ministeru tal-Finanzi, tas-26 ta' Marzu 1984 dwar il-modalitajiet ta' applikazzjoni tas-sistema ta' għajnuna reċiproka bejn l-Istati Membri għall-irkupru ta' talbiet (FEK A' 179, l-ewwel parti, iktar 'il quddiem "id-digriet ministerjali").
10 L-Artikolu 103 tal-liġi Nru 1402/1983 jistipola li "kemm il-darba ma jiġix ipprovdut xort'oħra f'din il-liġi, din għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1981".
11 Barra minn hekk, skond l-Artikolu 21(1) tad-digriet ministerjali:
"Kull talba li tkun s-suġġett ta' talba għall-irkupru jew ta' adozzjoni ta' miżuri konservatorji minn awtorità applikanti ta' Stat Membru ieħor għandha tkun ittrattata mill-awtoritàjiet tad-dwana kompetenti jew mit-Teżor bħala talba li nqalgħet fil-Greċja u l-irkupru tagħha għandu jkun irregolat mid-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni Griega, b'mod partikolari dawk tal-"Kodiċi għall-irkupru ta' talbiet pubbliċi" […]".
Il-kawżi prinċipali u d-domanda preliminari
12 Permezz ta' sentenza tat-8 ta' Ottubru 1970 tal-Corte d'appello di Catania (l-Italja), il-membri ta' l-ekwipaġġ ta' l-i"Ster", bastiment li jtajjar il-bandiera ta' Panama, fosthom il-konvenuti fil-kawża prinċipali, kienu ġew ikkundannati għal pieni ta' priġunerija u għall-ħlas ta' dazji tad-dwana u ta' taxxi oħra talli importaw tabakk illegalment fit-terrirtorju Taljan. Permezz ta' sentenza tal-31 ta' Jannar 1972, il-Corte suprema di cassazione (l-Italja) ċaħdet l-appell imressaq kontra l-imsemmija sentenza.
13 It-talba ta' l-awtoritàjiet Taljani intiża għall-irkupru tat-talbiet in kwistjoni, li kienet tammonta għal total ta' ITL 1 787 485 050, inklużi l-interessi u l-ispejjeż, ġiet trażmessa lill-awtoritajiet kompetenti Griegi (jiġifieri d-dipartiment speċjali ta' l-investigazzjonijiet doganali tad-Direttorat Ġenerali tad-dwana), li ddikjaraw, permezz ta' deċiżjonijiet tas-6 ta' Frar 1996, meħuda skond id-direttiva, il-liġi Nru 1402/1983 u d-digriet ministerjali, li t-titolu Taljan li jippermetti l-irkupru ta' l-imsemmija talbiet kien infurzabbli fit-territorju Grieg.
14 Is-Sinjuri Tsapalos u Diamantakis ikkontestaw l-imsemmija deċiżjonijiet quddiem id-Dioikitiko Protodikeio Peiraios (il-Greċja) li annulathom safejn dawn kienu jikkonċernaw lill-konvenuti fil-kawża prinċipali, minħabba li l-għajnuna reċiproka bejn ir-Repubblika Ellenika u l-Istati Membri l-oħra għall-irkupru ta' talbiet kienet tikkonċerna biss dawk it-talbiet li nqalgħu wara d-dħul fis-seħħ tal-ligi Nru 1402/1983. Issa, it-talba kontenzjuża ta' l-Istat Taljan inqalgħet fl-1968, sena li matulha ġie kkonstatat ir-reat ta' kontrabandu, u ġie kkonfermat mis-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq tal-Corte d'appello di Catania ta' l-1970 u tal-Corte suprema di cassazione ta' l-1972.
15 L-Elliniko Dimosio ressaq appell minn din is-sentenza quddiem id-Dioikitiko Efeteio Peiraios fejn sostna li d-dispożizzjonijiet tal-liġi Nru 1402/1983 kellhom jiġu interpretati fid-dawl ta' l-għan tad-direttiva, li l-Artikolu 1 tagħha jirreferi għall-irkupru ta' talbiet li jinqalgħu fi Stat Membru ieħor, b'tali mod li t-talbiet li nqalgħu qabel id-dħul fis-seħħ ta' dawn id-dispożizzjonijiet jaqgħu xorta waħda fil-kamp ta' applikazzjoni tagħhom.
16 Huwa f'dawn iċ-ċirkustanzi li d-Dioikitiko Efeteio Peiraios iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti, li hija fformulata bl-istess mod fiż-żewġ kawżi:
"L-Artikolu 1 tad-direttiva […] għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dispożizzjonijiet tad-direttiva japplikaw ukoll għat-talbiet li nqalgħu fi Stat Membru qabel id-dħul fis-seħħ ta' din id-direttiva u li huma s-suġġett ta' titolu li, bħal ma huwa l-każ f'din il-kawża tat-titolu eżekuttiv ta' l-Istat Taljan, kien ġie wkoll maħruġ mill-awtoritàjiet kompetenti qabel id-dħul fis-seħħ ta' din id-direttiva u li, konsegwentement, dawn it-talbiet, li baqgħu sospiżi u li ma setgħux jiġu rkuprati fi Stat Membru ieħor, jistgħu issa, wara d-dħul fis-seħħ tad-direttiva, wara l-iskadenza tal-perijodu ta' tranżizzjoni u wara li l-Istati Membri l-oħra kkonformaw ruħhom ma' l-obbligi tagħha billi adottaw id-dispożizzjonijiet neċessarji għall-implementazzjoni ta' din id-direttiva, jiġu rkuprati permezz ta' talba f'dan is-sens mill-"awtorità applikanti" lill-"awtorità mitluba" skond l-Artikolu 3 tad-Direttiva?"
17 Permezz ta' digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta' Diċembru 2002, iż-żewġ kawżi ġew maqgħuda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub, tal-proċedura orali kif ukoll tas-sentenza.
Fuq id-domanda preliminari
18 Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-direttiva għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tapplika għat-talbiet doganali li nqalgħu fi Stat Membru u li huma s-suġġett ta' titolu maħruġ minn dan l-Istat qabel id-dħul fis-seħħ tad-direttiva fl-Istat Membru l-ieħor, fejn l-awtorità mitluba għandha s-sede tagħha.
19 F'dan ir-rigward, hemm lok li jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, ir-regoli ta' proċedura għandhom ġeneralment japplikaw għall-kawżi pendenti kollha fil-mument li dawn jidħlu fis-seħħ, b'differenza mar-regoli sostantivi li huma ġeneralment interpretati bħala li japplikaw biss għal sitwazzjonijiet eżistenti qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom [ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta' Novembru 1981, Salumi et, 212/80 sa 217/80, Ġabra p. 2735, punt 9; tas-6 ta' Lulju 1993, CT Control (Rotterdam) u JCT Benelux vs il-Kummissjoni, C-121/91 u C-122/91, Ġabra p. I-3873, punt 22, u tas-7 ta' Settembru 1999, De Haan, C-61/98, Ġabra p. I-5003, punt 13].
20 Issa, kif ġustament osservaw il-Gvern Elleniku u l-Kummissjoni, peress illi d-direttiva tirregola biss ir-rikonoxximent u l-infurzar ta' ċerti kategoriji ta' talbiet li jinqalgħu fi Stat Membru ieħor, mingħajr ma tistipola regoli relatati ma' kif jinqalgħu jew ma' l-iskop tagħhom, hemm lok li d-dispożizzjonijiet ta' din id-direttiva jiġu kkunsidrati bħala regoli ta' proċedura.
21 Barra minn hekk, ebda dispożizzjoni tad-direttiva ma tippermetti li jiġi kkunsidrat li l-leġiżlatur komunitarju kellu l-intenzjoni li jillimita l-applikazzjoni tar-regoli ta' proċedura biss għat-talbiet li nqalgħu qabel id-dħul fis-seħħ ta' din id-direttiva fl-Istat Membru fejn l-awtorità mitluba għandha s-sede tagħha.
22 Għall-kuntrarju, l-għan tad-direttiva, li huwa, hekk kif jirriżulta mit-tieni u mit-tielet premessi tagħha, li telimina l-ixkiel għat-twaqqif u għat-tħaddim tas-suq komuni li jirriżulta mid-diffikultajiet konnessi ma' l-irkupru transkonfinali tat-talbiet msemmija, kif ukoll li timpedixxi t-twettiq ta' ħidmiet frawdolenti , jxeqleb favur l-applikabbiltà tad-direttiva għat-talbiet li jkunu diġà nqalgħu fid-data tad-dħul fis-seħħ tagħha fl-Istat Membru fejn l-awtorità mitluba għandha s-sede tagħha.
23 F'dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li r-risposta għad-domanda magħmula tkun li d-direttiva għandha tiġi interpretata fis-sens li tapplika għat-talbiet doganali li nqalgħu fi Stat Membru u li huma s-suġġett ta' titolu maħruġ minn dan l-Istat qabel id-dħul fis-seħħ ta' l-imsemmija direttiva fl-Istat Membru l-ieħor, fejn l-awtorità mitluba għandha s-sede tagħha.
Fuq l-ispejjeż
24 L-ispejjeż sostnuti mill-Gvern Elleniku u mill-Kummissjoni għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti ma jistgħux jitħallsu lura. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tielet Awla),
fuq id-domanda li saritilha mid-Dioikitiko Efeteio Peiraios, permezz ta' sentenzi tat-28 ta' Ġunju 2002, taqta' u tiddeċiedi li:
Id-Direttiva tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 1976 dwar l-għajnuna reċiproka għall-irkupru ta' talbiet li jirriżultaw minn ħidmiet li jiffurmaw parti mis-sistema li tiffinanzja l-Fond Agrikolu għall-Gwida u Garanzija, u ta' imposti agrikoli u dazji doganali (76/308/KEE) kif emendata bl-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta' l-adeżjoni tar-Repubblika ta' l-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju ta' l-Iżvezja u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Europea, għandha tiġi interpretata fis-sens li tapplika għat-talbiet doganali li nqalgħu fi Stat Membru u li huma s-suġġett ta' titolu maħruġ minn dan l-Istat qabel id-dħul fis-seħħ ta' l-imsemmija direttiva fl-Istat Membru l-ieħor, fejn l-awtorità mitluba għandha s-sede tagħha.
Rosas |
Schintgen |
Colneric |
Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fl-1 ta' Lulju 2004.
R. Grass |
A. Rosas |
Reġistratur |
President |
* Lingwa tal-kawża: il-Grieg.