This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52016AE5280
Opinion of the European Economic and Social Committee on the ‘Proposal for a Council Regulation on jurisdiction, the recognition and enforcement of decisions in matrimonial matters and the matters of parental responsibility, and on international child abduction (recast)’ (COM(2016) 411 final — 2016/0190 (CNS))
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta' deċiżjonijiet fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta' responsabbiltà tal-ġenituri u dwar sekwestru internazzjonali ta' minuri (riformulazzjoni)” (COM(2016) 411 final – 2016/019 (CNS))
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta' deċiżjonijiet fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta' responsabbiltà tal-ġenituri u dwar sekwestru internazzjonali ta' minuri (riformulazzjoni)” (COM(2016) 411 final – 2016/019 (CNS))
ĠU C 125, 21.4.2017, p. 46–50
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
21.4.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 125/46 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta' deċiżjonijiet fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta' responsabbiltà tal-ġenituri u dwar sekwestru internazzjonali ta' minuri (riformulazzjoni)”
(COM(2016) 411 final – 2016/019 (CNS))
(2017/C 125/06)
Relatur: |
is-Sur Christian BÄUMLER |
Konsultazzjoni |
Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 20.7.2016 |
Bażi legali |
Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea |
Sezzjoni kompetenti |
għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza |
Adottata fis-sezzjoni |
10.1.2017 |
Adottata fil-plenarja |
26.1.2017 |
Sessjoni plenarja Nru |
522 |
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
116/0/1 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 |
Fil-fehma tal-KESE, il-linji gwida politiċi tal-Kummissjoni Juncker għandhom raġun jenfasizzaw li l-kooperazzjoni ġudizzjarja bejn l-Istati Membri għandha titjieb gradwalment u għandhom iżommu l-pass mal-fatt li hemm numru dejjem jikber ta’ ċittadini mobbli fl-UE, li qed jiżżewġu u jkollhom it-tfal |
1.2 |
Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-għan tal-proposta tal-Kummissjoni huwa li tieħu inkonsiderazzjoni l-aħjar interessi tat-tfal f’deċiżjonijiet dwar ir-ritorn. Il-KESE jappoġġja d-drittijiet tat-tfal u jenfasizza li r-rispett għal dawn id-drittijiet fl-oqsma kollha tal-politiki li jaffettwaw lit-tfal huma ta' importanza kbira. L-interessi tal-minuri għandu jkollhom prijorità ewlenija. |
1.3 |
Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni qed tipproponi bosta bidliet sinifikanti bl-għan li l-proċedura rigward ir-ritorn ta’ tfal sekwestrati ssir aktar effiċjenti. Fil-fehma tal-KESE, dan jista’ jinkludi l-adozzjoni ta’ standards minimi komuni, inkluża proċedura uniforma ta’ infurzar. |
1.4 |
Il-KESE jemmen li l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ċentrali f’każijiet speċifiċi relatati mar-responsabbiltà tal-ġenituri – imsemmija fl-Artikolu 55 – hija vitali, u jilqa’ b'sodisfazzjon l-emendi ta' dawn id-dispożizzjonijiet. |
1.5 |
Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Istati Membri huma obbligati jiġbru flimkien il-ġurisdizzjoni f’għadd limitat ta’ qrati b’konformità mal-istruttura tas-sistemi legali nazzjonali differenti ta’ kull pajjiż. |
1.6 |
Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-proposta tispeċifika d-dati ta’ skadenza għall-ħruġ ta’ ordni eżegwibbli ta’ ritorn u tqassar il-proċedura għar-ritorn lura għal total ta’ 18-il ġimgħa. |
1.7 |
Il-KESE jemmen li hija raġonevoli r-restrizzjoni għal appell wieħed fil-proċeduri ta’ ritorn. |
1.8 |
Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-qorti tal-oriġini tkun tista’ tiddikjara deċiżjoni bħala proviżorjament eżegwibbli anki jekk din il-possibilità ma teżistix fil-leġislazzjoni nazzjonali. |
1.9 |
Il-KESE huwa tal-fehma li l-adozzjoni ta’ standards minimi għas-smigħ tat-tfal tista’ tgħin biex tissaħħaħ l-aċċettazzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni. |
1.10 |
Il-KESE jappoġġja wkoll l-abolizzjoni tal-proċedura exequatur. Madankollu, il-KESE jemmen li l-mekkaniżmi ta’ salvagwardji għandhom jinżammu. |
1.11 |
Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon ukoll il-fatt li l-qorti tal-Istat Membru ta’ rifuġju għandha tkun tista’ tordna miżuri ta’ protezzjoni, fejn meħtieġ, bħala kwistjoni ta’ urġenza, jekk it-tfal jistgħu jkunu esposti għal riskju serju ta’ ħsara; |
1.12 |
Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-proposta tistipula li t-tqegħid tal-minuri ma’ familja taħt foster care jew f’istituzzjoni residenzjali fi Stat Membru ieħor, għandu, f’kull każ, ikun bil-kundizzjoni tal-approvazzjoni tal-awtorità ospitanti. |
1.13 |
Il-KESE jemmen li hemm bżonn ta’ kjarifika fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Brussell IIa. Anki jekk iż-żwieġ huwa definit skont kriterji “nazzjonali”, l-Istati Membri għandhom jirrispettaw l-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Il-KESE jipproponi li l-konformità mal-Artikolu 21 għandha tissemma f’waħda mill-premessi tar-Regolament. |
1.14 |
Il-KESE jqis li hemm il-ħtieġa għal regolament f’każijiet fejn ġenitur wieħed ikun ġej minn barra l-Unjoni Ewropea u jinkoraġġixxi l-konklużjoni ta’ ftehimiet bilaterali, b’mod partikolari ma’ pajjiżi li m’humiex parti mill-Konvenzjoni tal-Aja dwar is-sekwestru tal-minuri. |
2. Kunsiderazzjonijiet ġenerali
2.1 |
Fit-30 ta’ Ġunju 2016, il-Kummissjoni Ewropea ressqet proposti għal riforma tar-Regolament Brussell IIa. Ir-Regolament Brussell IIa huwa l-pedament tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet tal-familja fl-Unjoni Ewropea. Dan jistabbilixxi regoli uniformi ta’ ġurisdizzjoni f’każijiet ta’ divorzju, separazzjoni jew annullament taż-żwieġ, kif ukoll fi kwistjonijiet relatati mar-responsabbiltà tal-ġenituri f’sitwazzjonijiet transkonfinali. Dan jiffaċilita ċ-ċirkolazzjoni libera tas-sentenzi, tal-istrumenti awtentiċi u l-ftehimiet fl-Unjoni billi jistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar ir-rikonoxximent u l-infurzar tagħhom fi Stati Membri oħra. Ir-Regolament ilu japplika mill-1 ta’ Marzu 2005 fl-Istati Membri kollha, ħlief fid-Danimarka. |
2.2 |
Il-parti ta’ dan ir-Regolament li tittratta l-kwistjonijiet legali relatati mar-relazzjonijiet bejn il-ġenitur u l-wild issolvi kwistjonijiet ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali relatata ma’ kwistjonijiet bejn il-ġenitur u l-wild fl-Unjoni Ewropea u tirregola wkoll ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi dwar ir-relazzjonijiet bejn ġenitur u wild li ngħataw minn Stati Membri oħra. Barra minn hekk, ir-Regolament jistabbilixxi arranġamenti għar-ritorn tat-tfal trasferiti illegalment lejn, jew miżmuma illegalment fi Stat Membru ieħor. F’dan ir-rigward, ir-Regolament isaħħaħ il-mekkaniżmu ta’ ritorn taħt Konvenzjoni tal-Aja dwar il-ħtif ta’ minuri. |
2.3 |
Bosta aspetti tar-regolament, li diġà kienu s-suġġett ta’ 24 sentenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, issa huma skedati li jiġu riformati. Il-proposta attwali tal-Kummissjoni beħsiebha tagħmel ir-regolament aktar effikaċi: hija tiffoka fuq il-parti tar-regolament li jittratta r-relazzjonijiet bejn il-ġenitur u l-wild u ma tindirizzax ir-regoli relatati mal-proċeduri ta’ divorzju. |
2.4 |
Fil-fehma tal-KESE, il-linji gwida politiċi tal-Kummissjoni Juncker għandhom raġun jenfasizzaw li l-kooperazzjoni ġudizzjarja bejn l-Istati Membri għandha titjieb gradwalment u għandhom iżommu l-pass mal-fatt li hemm numru dejjem jikber ta’ ċittadini mobbli fl-UE, li qed jiżżewġu u jkollhom it-tfal |
2.5 |
Il-KESE diġà enfasizza f’opinjonijiet preċedenti (1) li fit-Trattati u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE jiġu garantiti l-aċċess għall-ġustizzja u r-rispett lejn id-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari: id-dritt għall-proprjetà, l-ugwaljanza quddiem il-liġi, in-nondiskriminazzjoni, id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, id-dritt li dak li jkun jiżżewweġ u jistabbilixxi familja, u d-dritt għal proċess ġust. |
2.6 |
Il-Kummissjoni evalwat il-proċeduri prattiċi stabbiliti fir-regolament u f’April 2014 aottat ir-rapport ta’ implimentazzjoni tagħha (COM(2014) 225) (2) fejn qieset l-emendi neċessarji għal dan l-istrument. Din ir-reviżjoni twettqet fil-kuntest tal-Programm dwar l-Idoneità tar-Regolamentazzjoni (REFIT). |
2.7 |
L-għan tar-reviżjoni hu li tiġi żviluppata żona Ewropea ta’ ġustizzja u drittijiet fundamentali bbażata fuq il-fiduċja reċiproka, billi jitneħħew l-ostakoli li fadal għall-moviment liberu tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji f’konformità mal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u li l-aħjar interessi tat-tfal ikunu protetti aħjar billi jiġu ssemplifikati l-proċeduri u jsiru aktar effiċjenti. |
2.8 |
Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-għan tal-proposta tal-Kummissjoni huwa li tieħu inkonsiderazzjoni l-aħjar interessi tat-tfal f’deċiżjonijiet dwar ir-ritorn. Żieda fil-migrazzjoni tfisser li huma meħtieġa aktar kanali u strutturi ta’ kooperazzjoni għall-protezzjoni tat-tfal lil hinn mill-fruntieri nazzjonali; |
2.9 |
Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni qed tipproponi bosta bidliet sinifikanti bl-għan li l-proċedura rigward ir-ritorn ta’ tfal sekwestrati ssir aktar effiċjenti. F’każijiet ta’ ħtif tat-tfal mill-ġenituri, azzjoni bikrija hija vitali għas-suċċess tal-proċedura stabbilita fir-Regolament dwar ir-ritorn tal-minuri. |
2.10 |
Il-KESE jemmen li l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ċentrali f’każijiet speċifiċi relatati mar-responsabbiltà tal-ġenituri – imsemmija fl-Artikolu 55 – hija vitali biex jiġu appoġġjati l-ġenituri u t-tfal involuti fi proċedimenti transkonfinali relatati ma’ kwistjonijiet tat-tfal. |
2.11 |
Fil-fehma tal-KESE, l-ambigwità tat-test tal-Artikolu dwar l-assistenza li għandha tingħata mill-awtoritajiet ċentrali f’każijiet speċifiċi ta’ responsabbiltà tal-ġenituri hija kwistjoni kruċjali. Għall-awtoritajiet nazzjonali ta’ għadd ta’ Stati Membri din ma tipprovdix bażi legali suffiċjenti biex tittieħed azzjoni. |
2.12 |
Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-proposta tiċċara min jista’ jitlob liema għajnuna jew informazzjoni, mingħand min u taħt liema kundizzjonijiet. Barra minn hekk, huwa magħmul ċar li l-qrati u l-awtoritajiet għall-benessri tat-tfal jistgħu jitolbu l-assistenza tal-awtoritajiet ċentrali. Ir-riformulazzjoni tipprovdi bażi legali biex l-awtoritajiet għall-benessri tat-tfal jiksbu l-informazzjoni meħtieġa minn Stati Membri oħra permezz tal-awtoritajiet ċentrali. |
2.13 |
Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Istati Membri huma obbligati jiġbru flimkien il-ġurisdizzjoni f’għadd limitat ta’ qrati b’konformità mal-istruttura tas-sistemi legali nazzjonali differenti ta’ kull pajjiż. Dewmien fl-ipproċessar tal-każijiet iseħħ minħabba nuqqas ta’ speċjalizzazzjoni tal-qrati li jittrattaw applikazzjonijiet ta’ ritorn f’bosta Stati Membri. Konsegwentement, l-imħallfin huma inqas familjari mal-proċeduri u d-dispożizzjonijiet rilevanti involuti u għandhom inqas opportunità biex jikkoperaw b’mod frekwenti u regolari ma’ qrati oħra tal-UE b’mod li jkun jista’ jikkontribwixxi biex tinbena fiduċja reċiproka. |
2.14 |
Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-proposta tispeċifika d-dati ta’ skadenza għall-ħruġ ta’ ordni eżegwibbli ta’ ritorn u tqassar il-proċedura għar-ritorn lura għal total ta’ 18-il ġimgħa. |
2.15 |
Il-proposta ser tobbliga lill-awtoritajiet ċentrali biex jaħdmu fuq perjodu limitat ta’ sitt ġimgħat biex jirċievu u jittrattaw l-applikazzjoni, jillokalizzaw il-konvenut u l-minuri u jippromovu medjazzjoni, filwaqt li jiġi żgurat li dan ma jkunx se jdewwem il-proċedura. Bħalissa, ma hemm l-ebda data ta’ skadenza għall-awtoritajiet ċentrali. |
2.16 |
Huwa previst perjodu separat ta’ sitt ġimgħat għall-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’ Istanza u l-Qorti tal-Appell. Fil-fehma tal-KESE, dan iwassal għal skadenza ta’ żmien iktar realistika għall-qrati bl-għan li jiġi protett id-dritt tal-konvenut għal proċess ġust. Il-KESE jinsisti fuq il-ħtieġa li tkun żgurata l-konformità ma 'dawn it-termini f'kull sistema ġudizzjarja. |
2.17 |
Il-KESE jemmen li hija raġonevoli r-restrizzjoni għal appell wieħed fil-proċeduri ta’ ritorn. Il-biċċa l-kbira tal-kostituzzjonijiet tal-Istati Membri jippermettu biss id-dritt ta’ appell wieħed kontra kwalunkwe deċiżjoni tal-liġi pubblika. |
2.18 |
Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-qorti tal-oriġini tkun tista’ tiddikjara deċiżjoni bħala proviżorjament eżegwibbli anki jekk din il-possibilità ma teżistix fil-leġislazzjoni nazzjonali. Dan huwa utli f’sistemi fejn id-deċiżjoni ma tkunx infurzabbli sakemm tkun għadha soġġetta għal appell. B’hekk ġenitur jista’ jkollu d-dritt ta’ żjara għall-minuri fuq il-bażi ta’ deċiżjoni ddikjarata eżegwibbli provviżorjament matul it-twettiq tal-proċedura ta’ appell għad-deċiżjoni fuq talba tal-ġenitur l-ieħor. |
2.19 |
Il-KESE jaqbel li l-imħallfin huma mħeġġa b’mod attiv sabiex jeżaminaw jekk ordni ta’ ritorn għandhiex tkun eżegwibbli immedjatament. Dewmien wara ordni ta’ ritorn jaffettwaw b’mod negattiv ir-relazzjonijiet bejn il-ġenituri u t-tfal u l-aħjar interessi tat-tfal; Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-proposta tagħmel numru ta’ kjarifiki għal implimentazzjoni aħjar tar-regoli eżistenti; Din tobbliga lill-Istat Membru – li fih it-tfal kellhom ir-residenza abitwali tagħhom immedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma illegali tagħhom – biex jeżamina bir-reqqa l-aqwa interessi tat-tfal qabel ma tittieħed kwalunkwe deċiżjoni definittiva rigward il-kustodja, li jista’ jinvolvi r-ritorn tal-minuri. F’dan il-kuntest, matul din il-verifika tal-aqwa interessi tat-tfal, kwalunkwe tfal li jkunu kapaċi jifformaw l-opinjoni tagħhom għandhom id-dritt għal smigħ xieraq, anke jekk ma jkunux fiżikament preżenti, bl-użu ta’mezzi alternattivi xierqa, bħal vidjokonferenza. |
2.20 |
Il-KESE huwa tal-fehma li l-istandards minimi għas-smigħ tat-tfal jistgħu jgħinu biex tiġi evitata ċ-ċaħda ta’ rikonoxximent, eżegwibbiltà jew proċedura ta’ exequatur ta’ deċiżjoni minn Stat Membru ieħor tal-UE u b’hekk tista’ tissaħħaħ l-aċċettazzjoni tad-deċiżjoni miċ-ċittadini tal-UE. Xi eżempji jinkludi l-età minima tat-tfal għal seduta ta’ smigħ, iżda mhux il-kwistjonijiet proċedurali bħal pereżempju min ser jistaqsi l-mistoqsijiet lit-tfal. Din għandha tibqa’ f’idejn l-Istati Membri. Il-KESE jirrakkomanda li l-imħallfin inkarigati mis-smigħ tat-tfal jingħataw taħriġ soċjopedagoġiku addizzjonali. |
2.21 |
Il-KESE jappoġġja wkoll l-abolizzjoni tal-proċedura tal-exequatur għas-sentenzi kollha mogħtija fi Stat Membru (kif ukoll għall-istrumenti awtentiċi u l-ftehimiet) dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri. Dwar l-eżegwibbiltà, li hija kwistjoni għall-Istati Membri, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja l-applikazzjoni ta’ regoli nazzjonali għall-eżegwibbiltà ma għandhiex tippreġudika l-effett utli tar-regolament; |
2.22 |
Barra minn hekk, ir-rekwiżit ta’ exequatur iġġenera medja ta’ dewmien ta’ bosta xhur għal kull każ u spiża sa EUR 4 000 għaċ-ċittadini tal-UE (3). |
2.23 |
Madankollu, il-KESE jemmen li ċerti mekkaniżmi ta’ salvagwardji għandhom jinżammu. Dawn jinkludu ċertament it-trattament xieraq ta’ dokumenti, id-dritt ta’ smigħ tal-partijiet u tal-minuri ikkonċernati, b’mod partikolari fir-rigward ta’ sentenzi konfliġġenti, kif ukoll il-konformità ma’ ċerti dispożizzjonijiet proċedurali dwar it-tqegħid ta’ minuri f’pajjiż ieħor tal-UE, abbażi tal-Artikolu 56 tar-Regolament Brussell IIa. |
2.24 |
Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon ukoll il-fatt li l-qorti tal-Istat Membru ta’ rifuġju għandha tkun tista’ tordna miżuri ta’ protezzjoni, fejn meħtieġ, bħala kwistjoni ta’ urġenza, jekk it-tfal jistgħu jkunu esposti għal riskju serju ta’ ħsara jew inkella jitqiegħdu f’sitwazzjoni intollerabbli; B’hekk, pereżempju, il-qorti li quddiemha tkun pendenti proċedura ta’ ritorn, tista’ tagħti drittijiet ta’ aċċess lil wieħed mill-ġenituri, u d-deċiżjoni għandha tkun eżegwibbli fl-Istat Membru tar-residenza abitwali tal-minuri, sakemm il-qorti f’dak il-pajjiż tieħu deċiżjoni finali dwar l-aċċess għall-minuri. |
2.25 |
Il-KESE jinnota li l-proposta tal-Kummissjoni tistipula li t-tqegħid tal-minuri ma’ familja taħt foster care jew f’istituzzjoni residenzjali fi Stat Membru ieħor, għandu, f’kull każ, ikun bil-kundizzjoni tal-approvazzjoni tal-awtorità tal-pajjiż ospitanti. Dan ir-rekwiżit fil-fatt jiggarantixxi li l-minuri jiġi assistit b’mod immirat fil-pajjiż ospitanti. Il-KESE jirrakkomanda wkoll li għandha tkun prijorità li t-tfal jitqiegħdu fi ħdan il-familja tagħhom stess; jekk dan ma jkunx possibbli jew mhuwiex fl-aħjar interess tal-mionorenni, għandha tiġi pprovduta kura ma’ familja alternattiva taħt foster care jew kura bbażata fil-komunità. |
2.26 |
Il-KESE jinnota li xi drabi jieħu bosta xhur wara r-rapport ta’ applikazzjoni sakemm ma jiġi stabbilita jekk, f’każ partikolari, il-kunsens huwiex meħtieġ. Kull meta jkun meħtieġ il-kunsens, il-proċedura ta’ konsultazzjoni għandha tkun segwita, li ukoll tieħu fit-tul peress li ma hemmx skad li fiha l-awtoritajiet li ssirilhom it-talba jridu jwiġbu. Bħala riżultat, ħafna awtoritajiet li qed jittrattaw applikazzjonijiet jordnaw t-tqegħid tat-tfal u jibagħtuhom fil-pajjiż ospitanti, waqt li l-proċedura ta’ konsultazzjoni tkun għadha għaddejja jew qabel din tiġi implimentata minħabba li huma jikkunsidraw akkomodazzjoni tat-tfal bħala urġenti u huma konxju tat-tul tal-proċedura. Dan iqiegħed lit-tfal f’sitwazzjoni ta’ inċertezza legali. |
2.27 |
Il-KESE jqis li l-proposta għandha tipprevedi għall-introduzzjoni ta’ perijodu massimu ta’ tmien ġimgħat li matulu l-Istat Membru jrid jieħu deċiżjoni dwar l-applikazzjoni; L-aċċelerazzjoni tal-proċedura sservi l-aħjar interessi tat-tfal. |
2.28 |
Il-KESE jaċċetta li, skont il-Konvenzjoni tal-Aja, il-qorti tal-Istat fejn it-tifel jew tifla huma preżenti għandha l-ġurisdizzjoni. Il-KESE, madankollu, jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li f’ħafna każijiet ta’ sekwestru tat-tfal il-qorti kompetenti tkun dik tas-sekwestratur. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni li r-regolament Brussell IIa diġà jipprevedi servizzi ta’ konsulenza bla ħlas għall-ġenituri li jiġu minn pajjiż ieħor minn dak ta’ residenza attwali tat-tfal. |
2.29 |
Il-KESE jappoġġja b’mod sħiħ l-adozzjoni ta’ standards minimi komuni, inklużi proċedimenti ta’ infurzar uniformi, biex jitħaffu l-proċeduri għar-ritorn. |
3. Kummenti speċifiċi
3.1 |
Il-KESE jqis li hemm il-ħtieġa għal regolament f’każijiet fejn ġenitur wieħed ikun ġej minn barra l-Unjoni Ewropea. Il-migrazzjoni u l-iskambju globali ta’ prodotti u servizzi qed iwasslu għal żieda f’dawn il-każijiet. Il-KESE huwa tal-fehma li għandhom jiġu konklużi l-ftehimiet bilaterali, b’mod partikolari ma’ dawk il-pajjiżi li m’humiex parti mill-Konvenzjoni tal-Aja dwar is-sekwestru tal-minuri. |
3.2 |
Il-KESE jemmen li hemm bżonn ta’ kjarifika fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Brussell IIa. Fl-abbozz imressaq mill-Kummissjoni mhuwiex ċar jekk forom ġodda ta’ żwieġ u divorzju humiex koperti minn dan ir-Regolament. X’inhu mfisser bi żwieġ, mhuwiex definit, iżda jibbaża fuq supponiment. Anki jekk iż-żwieġ huwa definit skont kriterji “nazzjonali”, l-Istati Membri għandhom jirrispettaw l-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali li jipprojbixxi d-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-orjentazzjoni sesswali. Il-KESE jipproponi li l-konformità mal-Artikolu 21 għandha tissemma f’waħda mill-premessi tar-Regolament. |
Brussell, is-26 ta’ Jannar 2017
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Georges DASSIS
(1) ĠU C 376, 22.12.2011, p. 87.
(2) COM(2014) 225 final.
(3) COM(2016) 411/2, p. 8.