This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32021R0887
Regulation (EU) 2021/887 of the European Parliament and of the Council of 20 May 2021 establishing the European Cybersecurity Industrial, Technology and Research Competence Centre and the Network of National Coordination Centres
Regolament (UE) 2021/887 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 li jistabbilixxi ċ-Ċentru Ewropew ta’ Kompetenza Industrijali, Teknoloġika u tar-Riċerka fil-qasam taċ-Ċibersigurtà u n-Network ta’ Ċentri Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni
Regolament (UE) 2021/887 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 li jistabbilixxi ċ-Ċentru Ewropew ta’ Kompetenza Industrijali, Teknoloġika u tar-Riċerka fil-qasam taċ-Ċibersigurtà u n-Network ta’ Ċentri Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni
PE/28/2021/INIT
ĠU L 202, 8.6.2021, p. 1–31
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
8.6.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 202/1 |
REGOLAMENT (UE) 2021/887 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tal-20 ta’ Mejju 2021
li jistabbilixxi ċ-Ċentru Ewropew ta’ Kompetenza Industrijali, Teknoloġika u tar-Riċerka fil-qasam taċ-Ċibersigurtà u n-Network ta’ Ċentri Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 173(3) u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 188 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),
Billi:
(1) |
Il-parti l-kbira tal-popolazzjoni tal-Unjoni hija kkonnettjata mal-Internet. Il-ħajja ta’ kuljum tan-nies u l-ekonomiji qed isiru dejjem aktar dipendenti mit-teknoloġiji diġitali. Iċ-ċittadini u n-negozji qed isiru dejjem aktar esposti għal inċidenti ta’ ċibersigurtà serji u ħafna negozji fl-Unjoni qed ikollhom l-esperjenza tal-inqas ta’ inċident ta’ ċibersigurtà wieħed kull sena. Dan jissottolinja l-ħtieġa ta’ reżiljenza, ta’ titjib tal-abbiltajiet teknoloġiċi u industrijali, u tal-użu ta’ standards għolja u soluzzjonijiet olistiċi fil-qasam taċ-ċibersigurtà li jinvolvu lill-persuni, il-prodotti, il-proċessi u t-teknoloġija fl-Unjoni, kif ukoll il-ħtieġa ta’ tmexxija mill-Unjoni fl-oqsma taċ-ċibersigurtà u tal-awtonomija diġitali. Iċ-ċibersigurtà tista’ wkoll tittejjeb billi tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar it-theddid taċ-ċibersigurtà u billi jiġu żviluppati kompetenzi, kapaċitajiet u abbiltajiet fl-Unjoni kollha, filwaqt li jiġu kkunsidrati bir-reqqa l-implikazzjonijiet u t-tħassib soċjetali u etiċi. |
(2) |
L-Unjoni żiedet l-attivitajiet tagħha b’mod kostanti biex tindirizza sfidi dejjem akbar għaċ-ċibersigurtà skont l-istrateġija ta’ ċibersigurtà mressqa mill-Kummissjoni u mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (Rappreżentant Għoli) fil-komunikazzjoni konġunta tagħhom lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tas-7 ta’ Frar 2013 intitolata “L-istrateġija ta’ Ċibersigurtà tal-Unjoni Ewropea: Ċiberspazju Miftuħ, Sikur u Sigur” (l-“Istrateġija ta’ Ċibersigurtà tal-2013”). L-Istrateġija ta’ Ċibersigurtà tal-2013 kellha l-għan li trawwem ekosistema diġitali affidabbli, sikura u miftuħa. Fl-2016, l-Unjoni adottat l-ewwel miżuri fil-qasam taċ-ċibersigurtà bid-Direttiva (UE) 2016/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) dwar is-sigurtà tan-networks u tas-sistemi tal-informazzjoni. |
(3) |
F’Settembru 2017, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli ppreżentaw komunikazzjoni konġunta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill intitolata “Reżiljenza, Deterrenza u Difiża: Il-bini ta’ ċibersigurtà b’saħħitha għall-UE” biex ikomplu jissaħħu r-reżiljenza, id-deterrenza u r-rispons tal-Unjoni għall-attakki ċibernetiċi. |
(4) |
Il-Kapijiet ta’ Stat u ta’ Gvern fis-Summit Diġitali ta’ Tallinn, f’Settembru 2017, appellaw biex l-Unjoni ssir “mexxej globali fil-qasam taċ-ċibersigurtà sal-2025, sabiex tiżgura l-fiduċja, il-kunfidenza u l-protezzjoni taċ-ċittadini, il-konsumaturi u l-intrapriżi online u tippermetti li jkun hemm Internet ħieles, aktar sikur u regolat mil-liġi”, u ddikjaraw l-intenzjoni tagħhom li jagħmlu użu akbar minn soluzzjonijiet b’sors miftuħ u standards miftuħa meta (jerġgħu) jiġu żviluppati sistemi u soluzzjonijiet tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (ICT, Information and Communication Technology), b’mod partikolari billi jiġi evitat xkiel tal-bejjiegħa, inklużi dawk żviluppati jew promossi minn programmi tal-Unjoni għall-interoperabbiltà u l-istandardizzazzjoni, bħall-programm ISA2. |
(5) |
Jenħtieġ li ċ-Ċentru Ewropew ta’ Kompetenza Industrijali, Teknoloġika u tar-Riċerka fil-qasam iċ-Ċibersigurtà (iċ-“Ċentru ta’ Kompetenza”) stabbilit minn dan ir-Regolament jgħin biex tiżdied is-sigurtà tan-networks u tas-sistemi tal-informazzjoni, inkluż l-Internet u infrastrutturi oħra li huma kritiċi għall-funzjonament tas-soċjetà, bħat-trasport, is-saħħa, l-enerġija, l-infrastruttura diġitali, l-ilma, is-swieq finanzjarji u s-sistemi bankarji. |
(6) |
Id-disturb sostanzjali tan-network u tas-sistemi tal-informazzjoni jista’ jaffettwa lil Stati Membri individwali u lill-Unjoni kollha. Għas-soċjetà u għall-ekonomija huwa għalhekk essenzjali li jkun hemm livell għoli ta’ sigurtà tan-networks u tas-sistemi tal-informazzjoni fl-Unjoni kollha. Bħalissa, l-Unjoni tiddependi minn fornituri taċ-ċibersigurtà mhux Ewropej. Madankollu, huwa fl-interess strateġiku tal-Unjoni li tiżgura li żżomm u tiżviluppa kapaċitajiet essenzjali teknoloġiċi u ta’ riċerka fil-qasam taċ-ċibersigurtà biex in-networks u s-sistemi tal-informazzjoni taċ-ċittadini u tan-negozji jkunu siguri, u b’mod partikolari biex in-networks u s-sistemi tal-informazzjoni kritiċi jkunu protetti u jiġu pprovduti servizzi ewlenin taċ-ċibersigurtà. |
(7) |
Fl-Unjoni teżisti minjiera ta’ għarfien espert u esperjenza fil-qasam tar-riċerka, it-teknoloġija u l-iżvilupp industrijali fil-qasam taċ-ċibersigurtà, iżda l-isforzi tal-komunitajiet industrijali u ta’ riċerka huma frammentati, mhumiex allinjati u ma għandhomx missjoni komuni, u dan ixekkel il-kompetittività u l-protezzjoni effettiva tan-networks u tas-sistemi f’dak il-qasam. Tali sforzi u l-għarfien espert jenħtieġ li jinġabru, jitpoġġew f’network u jintużaw b’mod effiċjenti sabiex isaħħu u jikkomplementaw il-kapaċitajiet ta’ riċerka, dawk teknoloġiċi u industrijali, kif ukoll il-ħiliet eżistenti fil-livell tal-Unjoni u dak nazzjonali. Minkejja li s-settur tal-ICT iħabbat wiċċu ma’ sfidi importanti, bħall-ħtieġa li jissodisfa d-domanda tiegħu għal ħaddiema kwalifikati, huwa jista’ jibbenefika billi jirrappreżenta d-diversità tas-soċjetà b’mod ġenerali, jikseb rappreżentanza bilanċjata tal-ġeneri, diversità etnika u nondiskriminazzjoni fir-rigward ta’ persuni b’diżabilità, kif ukoll jiffaċilita l-aċċess għall-għarfien u t-taħriġ għal esperti taċ-ċibersigurtà futuri, inkluża l-edukazzjoni ta’ tali esperti f’kuntesti mhux formali, pereżempju fi proġetti ta’ software liberu u b’sors miftuħ, proġetti ta’ teknoloġija ċivika, negozji ġodda u mikrointrapriżi. |
(8) |
L-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs, small and medium-sized enterprises) huma partijiet ikkonċernati kruċjali fis-settur taċ-ċibersigurtà tal-Unjoni, u jistgħu jipprovdu soluzzjonijiet teknoloġikament avvanzati minħabba l-aġilità tagħhom. Madankollu, l-SMEs li mhumiex speċjalizzati fiċ-ċibersigurtà huma suxxettibbli wkoll li jkunu aktar vulnerabbli għal inċidenti ta’ ċibersigurtà minħabba rekwiżiti għoljin ta’ investiment u għarfien biex jiġu stabbiliti soluzzjonijiet effettivi taċ-ċibersigurtà. Għalhekk, jenħtieġ li ċ-Ċentru ta’ Kompetenza u n-Network ta’ Ċentri Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni (in-“Network”) jipprovdu appoġġ lill-SMEs billi jiffaċilitaw l-aċċess tal-SMEs għall-għarfien u permezz ta’ aċċess imfassal ad hoc għar-riżultati tar-riċerka u l-iżvilupp, sabiex l-SMEs ikunu jistgħu jiżguraw is-sikurezza tagħhom stess b’mod suffiċjenti u biex l-SMEs li huma attivi fiċ-ċibersigurtà jkunu jistgħu jkunu kompetittivi u jikkontribwixxu għall-faċilitazzjoni tat-tmexxija tal-Unjoni fil-qasam taċ-ċibersigurtà. |
(9) |
L-għarfien espert jeżisti barra mill-kuntesti industrijali u tar-riċerka. Il-proġetti mhux kummerċjali u prekummerċjali, imsejħa proġetti ta’ “teknoloġija ċivika”, jużaw standards miftuħa, data miftuħa, u software liberu u b’sors miftuħ, fl-interess tas-soċjetà u tal-ġid pubbliku. |
(10) |
Il-qasam taċ-ċibersigurtà huwa wieħed divers. Il-partijiet ikkonċernati rilevanti jinkludu partijiet ikkonċernati minn entitajiet pubbliċi, mill-Istati Membri u mill-Unjoni Ewropea, kif ukoll mill-industrija, is-soċjetà ċivili, bħat-trade unions, l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi, il-komunità ta’ software liberu u b’sors miftuħ u l-komunità akkademika u tar-riċerka, u entitajiet oħra. |
(11) |
Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill adottati f’Novembru 2017 appellaw lill-Kummissjoni biex tipprovdi b’mod rapidu valutazzjoni tal-impatt tal-għażliet possibbli biex jinħoloq network ta’ ċentri ta’ kompetenza fiċ-ċibersigurtà u ċentru Ewropew ta’ riċerka u ta’ kompetenza fil-qasam taċ-ċibersigurtà, u biex sa nofs l-2018 tipproponi l-istrument legali rilevanti sabiex jiġu istitwiti tali network u tali ċentru. |
(12) |
L-Unjoni għad ma għandhiex biżżejjed kapaċitajiet u abbiltajiet teknoloġiċi u industrijali biex b’mod awtonomu tagħmel sikuri l-ekonomija u l-infrastrutturi kritiċi tagħha u biex issir mexxej dinji fil-qasam taċ-ċibersigurtà. Hemm livell insuffiċjenti ta’ koordinazzjoni u kooperazzjoni strateġiċi u sostenibbli bejn l-industriji, il-komunitajiet tar-riċerka fil-qasam taċ-ċibersigurtà u l-gvernijiet. L-Unjoni tbati minn insuffiċjenza tal-investiment u minn aċċess limitat għal għarfien, ħiliet u faċilitajiet fil-qasam taċ-ċibersigurtà, u ftit huma r-riżultati tar-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam taċ-ċibersigurtà fl-Unjoni li jissarrfu f’soluzzjonijiet kummerċjabbli jew li jiġu implimentati b’mod mifrux fl-ekonomija. |
(13) |
L-istabbiliment taċ-Ċentru ta’ Kompetenza u tan-Network, b’mandat biex isegwu miżuri b’appoġġ għat-teknoloġiji industrijali u fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni, huwa l-aqwa mod biex jitwettqu l-objettivi ta’ dan ir-Regolament filwaqt li jiġi pprovdut l-akbar impatt ekonomiku, soċjetali u ambjentali u jiġu mħarsa l-interessi tal-Unjoni. |
(14) |
Jenħtieġ li ċ-Ċentru ta’ Kompetenza ikun l-istrument prinċipali tal-Unjoni biex jinġabar l-investiment għar-riċerka, it-teknoloġija u l-iżvilupp industrijali fil-qasam taċ-ċibersigurtà u jiġu implimentati proġetti u inizjattivi rilevanti flimkien man-Network. Jenħtieġ li ċ-Ċentru ta’ Kompetenza jkun il-ġestur tal-appoġġ finanzjarju relatat maċ-ċibersigurtà mill-Orizzont Ewropa — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (Orizzont Ewropa) stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u mill-Programm Ewropa Diġitali stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/694 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u li jkun miftuħ għal programmi oħra fejn xieraq. Dan l-approċċ jenħtieġ li jikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ sinerġiji u għall-koordinazzjoni tal-appoġġ finanzjarju b’rabta mal-inizjattivi tal-Unjoni dwar ir-riċerka u l-iżvilupp, l-innovazzjoni, it-teknoloġija u l-iżvilupp industrijali fil-qasam taċ-ċibersigurtà u jenħtieġ li tiġi evitata d-duplikazzjoni bla bżonn. |
(15) |
Huwa importanti li jkunu żgurati r-rispett għad-drittijiet fundamentali u l-imġiba etika fil-proġetti tar-riċerka fil-qasam taċ-ċibersigurtà li jkunu appoġġati miċ-Ċentru ta’ Kompetenza. |
(16) |
Jenħtieġ li ċ-Ċentru ta’ Kompetenza ma jwettaqx kompiti operazzjonali taċ-ċibersigurtà, bħal kompiti assoċjati mal-Iskwadri ta’ Rispons għal Inċidenti relatati mas-Sigurtà tal-Kompjuters (CSIRTs, Kompjuter Security Incident Response Teams), inklużi l-monitoraġġ u t-trattament ta’ inċidenti taċ-ċibersigurtà. Madankollu, jenħtieġ li ċ-Ċentru ta’ Kompetenza jkun jista’ jiffaċilita l-iżvilupp ta’ infrastrutturi tal-ICT għas-servizz tal-industriji, b’mod partikolari l-SMEs, il-komunitajiet tar-riċerka, is-soċjetà ċivili u s-settur pubbliku, konsistentement mal-missjoni u l-objettivi stabbiliti f’dan ir-Regolament. Fejn is-CSIRTs u partijiet ikkonċernati oħra jfittxu sabiex jippromwovu r-rappurtar u d-divulgazzjoni ta’ vulnerabbiltajiet, jenħtieġ li ċ-Ċentru ta’ Kompetenza u l-membri tal-Komunità ta’ Kompetenza fiċ-Ċibersigurtà (il-“Komunità”) jkunu jistgħu jappoġġaw lil dawk il-partijiet ikkonċernati fuq it-talba tagħhom fil-limiti tal-kompiti rispettivi tagħhom u filwaqt li jevitaw kwalunkwe duplikazzjoni mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà (ENISA) kif stabbilita mir-Regolament (UE) 2019/881 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). |
(17) |
Iċ-Ċentru ta’ Kompetenza, il-Komunità u n-Network huma destinati li jibbenefikaw mill-esperjenza u r-rappreżentanza wiesgħa tal-partijiet ikkonċernati rilevanti miksuba permezz tas-sħubija pubblika-privata kuntrattwali fil-qasam taċ-ċibersigurtà bejn il-Kummissjoni u l-Organizzazzjoni Ewropea taċ-Ċibersigurtà (ECSO, European Cyber Security Organisation) matul id-durata tal-Orizzont 2020 — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020), stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), mit-tagħlimiet li nsiltu minn erba’ proġetti pilota mnedija kmieni fl-2019 taħt l-Orizzont 2020, jiġifieri CONCORDIA, ECHO, SPARTA u CyberSec4Europe, u mill-proġett pilota u l-azzjoni preparatorja dwar l-Awditi tas-Software Liberu u b’Sors Miftuħ (EU FOSSA, Free and Open Source Software Audits), għall-ġestjoni tal-Komunità u r-rappreżentanza tal-Komunità fiċ-Ċentru ta’ Kompetenza. |
(18) |
Fid-dawl tal-firxa tal-isfida taċ-ċibersigurtà u fid-dawl tal-investimenti li saru fil-kapaċitajiet u l-abbiltajiet taċ-ċibersigurtà f’partijiet oħra tad-dinja, l-Unjoni u l-Istati Membri jenħtieġ li jiġu mħeġġa jżidu l-appoġġ finanzjarju tagħhom għar-riċerka, l-iżvilupp u l-implimentazzjoni f’dan il-qasam. Sabiex iwettqu ekonomiji ta’ skala u jiksbu livell komparabbli ta’ protezzjoni fl-Unjoni kollha, l-Istati Membri jenħtieġ li jwettqu l-isforzi tagħhom f’qafas tal-Unjoni billi jikkontribwixxu b’mod attiv għall-ħidma taċ-Ċentru ta’ Kompetenza u tan-Network. |
(19) |
Sabiex jitrawmu l-kompetittività u standards għoljin tal-Unjoni fil-qasam taċ-ċibersigurtà fuq livell internazzjonali, jenħtieġ li ċ-Ċentru ta’ Kompetenza u l-Komunità jfittxu li jagħmlu skambji fir-rigward tal-iżviluppi fiċ-ċibersigurtà, inklużi dawk fi prodotti u proċessi, fi standards u fi standards tekniċi, mal-komunità internazzjonali, fejn rilevanti għall-missjoni, l-objettivi u l-kompiti -taċ-Ċentru ta’ Kompetenza. Għall-fini ta’ dan ir-Regolament, l-istandards tekniċi rilevanti jistgħu jinkludu l-ħolqien ta’ implimentazzjonijiet ta’ referenza, inklużi dawk ippubblikati taħt liċenzji standard miftuħa. |
(20) |
Is-sede taċ-Ċentru ta’ Kompetenza jinsab f’Bucharest. |
(21) |
Jenħtieġ li meta ċ-Ċentru ta’ Kompetenza jkun qed iħejji l-programm ta’ ħidma annwali tiegħu (il-programm ta’ ħidma annwali), huwa jinforma lill-Kummissjoni dwar il-ħtiġijiet ta’ kofinanzjament tiegħu abbażi tal-kontribuzzjonijiet ta’ kofinanzjament ippjanati tal-Istati Membri għal azzjonijiet konġunti, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tieħu kont tal-kontribuzzjoni korrispondenti tal-Unjoni fit-tħejjija tal-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena ta’ wara. |
(22) |
Fejn il-Kummissjoni tkun qed tħejji l-programm ta’ ħidma tal-Orizzont Ewropa għal materji relatati maċ-ċibersigurtà, inkluż fil-kuntest tal-proċess ta’ konsultazzjoni tagħha mal-partijiet ikkonċernati, u speċjalment qabel l-adozzjoni ta’ dak il-programm ta’ ħidma, il-Kummissjoni jenħtieġ li tieħu kont tal-kontribut taċ-Ċentru ta’ Kompetenza u jenħtieġ li tikkondividi dak il-kontribut mal-Kumitat tal-Programm tal-Orizzont Ewropa. |
(23) |
Sabiex iċ-Ċentru ta’ Kompetenza jkun jista’ jaqdi r-rwol tiegħu fil-qasam taċ-ċibersigurtà, u sabiex ikun iffaċilitat l-involviment tan-Network u jingħata rwol b’saħħtu ta’ governanza lill-Istati Membri, jenħtieġ li ċ-Ċentru ta’ Kompetenza jiġi stabbilit bħala korp tal-Unjoni b’personalità ġuridika li għalih għandu japplika r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/715 (8). Jenħtieġ li ċ-Ċentru ta’ Kompetenza jwettaq rwol doppju, billi jassumi kompiti speċifiċi fir-rigward tal-industrija, it-teknoloġija u r-riċerka fil-qasam taċ-ċibersigurtà kif stabbilit f’dan ir-Regolament u billi jiġġestixxi l-finanzjament relatat maċ-ċibersigurtà minn diversi programmi fl-istess ħin — partikolarment mill-Orizzont Ewropa u l-Programm Ewropa Diġitali, u possibbilment anke minn programmi oħra tal-Unjoni. Tali ġestjoni għandha tkun konformi mar-regoli applikabbli għal dawk il-programmi. Madankollu, meta jitqies li l-finanzjament għall-funzjonament taċ-Ċentru ta’ Kompetenza jkun ġej primarjament mill-Orizzont Ewropa u mill-Programm Ewropa Diġitali, jenħtieġ li ċ-Ċentru ta’ Kompetenza jitqies bħala sħubija għall-fini tal-implimentazzjoni tal-baġit, inkluż matul il-fażi ta’ programmazzjoni. |
(24) |
Bħala riżultat tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni, l-aċċess għar-riżultati tal-attivitajiet u l-proġetti taċ-Ċentru ta’ Kompetenza għandu jkun miftuħ kemm jista’ jkun u magħluq kemm ikun neċessarju, u l-użu mill-ġdid ta’ tali riżultati għandu jkun possibbli fejn xieraq. |
(25) |
Iċ-Ċentru ta’ Kompetenza jenħtieġ li jiffaċilita u jikkoordina l-ħidma tan-Network. Jenħtieġ li n-Network ikun magħmul minn ċentru nazzjonali ta’ koordinazzjoni wieħed, minn kull Stat Membru. Jenħtieġ li ċ-ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni li jkunu ġew rikonoxxuti mill-Kummissjoni bħala li jkollhom il-kapaċità meħtieġa sabiex jiġġestixxu l-fondi sabiex iwettqu l-missjoni u l-objettivi stabbiliti f’dan ir-Regolament jirċievu appoġġ finanzjarju dirett mill-Unjoni, inklużi għotjiet mogħtija mingħajr sejħa għal proposti, sabiex huma jwettqu l-attivitajiet tagħhom relattivament għal dan ir-Regolament. |
(26) |
Jenħtieġ li ċ-ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni jkunu entitajiet tas-settur pubbliku, jew entitajiet b’maġġoranza ta’ parteċipazzjoni pubblika, li jwettqu funzjonijiet amministrattivi pubbliċi skont il-liġi nazzjonali, inkluż permezz ta’ delega, u jenħtieġ li jkunu magħżula mill-Istati Membri. Jenħtieġ li l-funzjonijiet ta’ ċentru nazzjonali ta’ koordinazzjoni fi Stat Membru partikolari jkunu jistgħu jitwettqu minn entità li twettaq funzjonijiet oħra li jirriżultaw mil-liġi tal-Unjoni, bħal dawk ta’ awtorità kompetenti nazzjonali, punt uniku ta’ kuntatt fis-sens tad-Direttiva (UE) 2016/1148 jew kwalunkwe Regolament ieħor tal-Unjoni, jew hub ta’ innovazzjoni diġitali fis-sens tar-Regolament (UE) 2021/694. Jenħtieġ li entitajiet oħra tas-settur pubbliku jew entitajiet li jwettqu funzjonijiet amministrattivi pubbliċi fi Stat Membru jkunu jistgħu jgħinu liċ-ċentru nazzjonali ta’ koordinazzjoni f’dak l-Istat Membru fit-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu. |
(27) |
Iċ-ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni jenħtieġ li jkollhom il-kapaċità amministrattiva neċessarja, jenħtieġ li jkollhom għarfien espert industrijali, teknoloġiku u ta’ riċerka fil-qasam taċ-ċibersigurtà jew ikollhom aċċess għalihom u li jkunu f’pożizzjoni li jinvolvu lill-industrija, lis-settur pubbliku u lill-komunità tar-riċerka u jikkoordinaw b’mod effettiv magħhom. |
(28) |
L-edukazzjoni fl-Istati Membri jenħtieġ li tirrifletti l-importanza tal-pussess ta’ għarfien u ħiliet adegwati dwar iċ-ċibersigurtà. Għal dak il-għan, b’kont meħud tar-rwol tal-ENISA u mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tal-Istati Membri fir-rigward tal-edukazzjoni, iċ-ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni, flimkien mal-awtoritajiet pubbliċi rilevanti u l-partijiet ikkonċernati, jenħtieġ li jikkontribwixxu għall-promozzjoni u d-disseminazzjoni ta’ programmi edukattivi dwar iċ-ċibersigurtà. |
(29) |
Jenħtieġ li ċ-ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni jkunu jistgħu jirċievu għotjiet miċ-Ċentru ta’ Kompetenza sabiex jipprovdu appoġġ finanzjarju lil partijiet terzi fil-forma ta’ għotjiet. Jenħtieġ li l-kost dirett imġarrab miċ-ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni għall-għoti u l-amministrazzjoni ta’ appoġġ finanzjarju lil partijiet terzi jkun eliġibbli għal finanzjament taħt il-programmi rilevanti. |
(30) |
Iċ-Ċentru ta’ Kompetenza, in-Network u l-Komunità jenħtieġ li jgħinu fl-avvanz u d-disseminazzjoni tal-prodotti, servizzi u proċessi l-aktar reċenti fil-qasam taċ-ċibersigurtà. Fl-istess ħin, jenħtieġ li ċ-Ċentru ta’ Kompetenza u n-Network jippromwovu l-abbiltajiet tal-industrija min-naħa tad-domanda fil-qasam taċ-ċibersigurtà, b’mod partikolari billi jappoġġaw lill-iżviluppaturi u lill-operaturi f’setturi bħat-trasport, l-enerġija, is-saħħa, il-finanzi, il-gvern, it-telekomunikazzjonijiet, il-manifattura u l-ispazju, biex jgħinu lil tali żviluppaturi u operaturi jirriżolvu l-isfidi taċ-ċibersigurtà tagħhom, pereżempju bl-implimentazzjoni tas-sigurtà mit-tfassil. Jenħtieġ li ċ-Ċentru ta’ Kompetenza u n-Network jappoġġaw ukoll l-istandardizzazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ prodotti, servizzi u proċessi taċ-ċibersigurtà filwaqt li jippromwovu, fejn ikun possibbli, l-implimentazzjoni tal-qafas Ewropew taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà stabbilit mir-Regolament (UE) 2019/881. |
(31) |
Minħabba li jinbidlu spiss kemm in-natura tat-theddid ċibernetiku kif ukoll dik taċ-ċibersigurtà, jenħtieġ li l-Unjoni tkun tista’ tadatta malajr u b’mod kontinwu għal żviluppi ġodda fil-qasam. Għalhekk, jenħtieġ li ċ-Ċentru ta’ Kompetenza, in-Network u l-Komunità jkunu biżżejjed flessibbli biex jiżguraw l-abbiltà meħtieġa ta’ rispons għal tali żviluppi. Dawn jenħtieġ li jiffaċilitaw proġetti li jgħinu lill-entitajiet biex dejjem ikunu jistgħu jibnu l-abbiltajiet biex isaħħu r-reżiljenza tagħhom stess u tal-Unjoni. |
(32) |
Jenħtieġ li ċ-Ċentru ta’ Kompetenza jappoġġa lill-Komunità. Iċ-Ċentru ta’ Kompetenza jenħtieġ li jimplimenta l-partijiet rilevanti taċ-ċibersigurtà tal-Orizzont Ewropa u tal-Programm Ewropa Diġitali f’konformità mal-programm ta’ ħidma pluriennali taċ-Ċentru ta’ Kompetenza (programm ta’ ħidma pluriennali), mal-programm ta’ ħidma annwali u mal-proċess ta’ ppjanar strateġiku tal-Orizzont Ewropa billi jalloka għotjiet u forom oħra ta’ finanzjament, prinċipalment wara sejħa kompetittiva għal proposti. Jenħtieġ ukoll li ċ-Ċentru ta’ Kompetenza jiffaċilita t-trasferiment ta’ għarfien espert fin-Network u fil-Komunità u jenħtieġ li jappoġġa l-investiment konġunt mill-Unjoni, l-Istati Membri jew l-industrija. Jenħtieġ li jagħti attenzjoni partikolari biex jappoġġa lill-SMEs fil-qasam taċ-ċibersigurtà, kif ukoll lil azzjonijiet li jgħinu biex tingħeleb id-diskrepanza fil-ħiliet. |
(33) |
L-assistenza teknika għat-tħejjija tal-proġetti jenħtieġ li ssir b’mod kompletament oġġettiv u trasparenti li jiżgura li l-benefiċjarji potenzjali kollha jirċievu l-istess informazzjoni u għandha tevita konflitti ta’ interess. |
(34) |
Iċ-Ċentru ta’ Kompetenza jenħtieġ li jistimula u jappoġġa l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni strateġiċi fit-tul tal-attivitajiet tal-Komunità, li jkunu jinvolvu grupp kbir, miftuħ, interdixxiplinari u divers ta’ partijiet ikkonċernati Ewropej involuti fit-teknoloġija taċ-ċibersigurtà. Il-Komunità jenħtieġ li tinkludi entitajiet ta’ riċerka, industriji u s-settur pubbliku. Jenħtieġ li l-Komunità tipprovdi kontribut għall-attivitajiet taċ-Ċentru ta’ Kompetenza, għall-programm ta’ ħidma pluriennali u għall-programm ta’ ħidma annwali, b’mod partikolari permezz tal-Grupp Konsultattiv Strateġiku. Jenħtieġ li l-Komunità tibbenefika wkoll mill-attivitajiet tal-iżvilupp komunitarju taċ-Ċentru ta’ Kompetenza u tan-Network, iżda min-naħa l-oħra, jenħtieġ li ma tkunx privileġġata fir-rigward ta’ sejħiet għal proposti jew sejħiet għal offerta. Il-Komunità jenħtieġ li tkun magħmula minn korpi u organizzazzjonijiet kollettivi. Fl-istess ħin, sabiex jibbenefikaw mill-għarfien espert kollu dwar iċ-ċibersigurtà fl-Unjoni, jenħtieġ li ċ-Ċentru ta’ Kompetenza u l-korpi tiegħu jkunu jistgħu wkoll jirrikorru għall-għarfien espert ta’ persuni fiżiċi bħala esperti ad hoc. |
(35) |
Iċ-Ċentru ta’ Kompetenza jenħtieġ li jikkoopera u jiżgura sinerġiji mal-ENISA u jenħtieġ li jirċievi kontribut rilevanti mill-ENISA meta jiddefinixxi l-prijoritajiet ta’ finanzjament. |
(36) |
Sabiex jindirizza l-bżonnijiet min-naħa tad-domanda u min-naħa tal-provvista taċ-ċibersigurtà, il-kompitu taċ-Ċentru ta’ Kompetenza li jipprovdi għarfien u assistenza teknika fir-rigward taċ-ċibersigurtà lill-industriji jenħtieġ li jirreferi kemm għall-prodotti, il-proċessi u s-servizzi tal-ICT kif ukoll għall-prodotti u l-proċessi teknoloġiċi l-oħra kollha li fihom hija integrata ċ-ċibersigurtà. Meta jitlob dan, is-settur pubbliku jkun jista’ jibbenefika wkoll minn appoġġ miċ-Ċentru ta’ Kompetenza. |
(37) |
Sabiex jiġi stabbilit ambjent ta’ ċibersigurtà sostenibbli, huwa importanti li s-sigurtà mit-tfassil tintuża bħala prinċipju fil-proċess tal-iżvilupp, il-manutenzjoni, it-tħaddim u l-aġġornament tal-infrastrutturi, il-prodotti u s-servizzi, b’mod partikolari billi jiġu appoġġati metodi ta’ żvilupp siguri tal-ogħla livell ta’ żvilupp, ittestjar adegwat tas-sigurtà u awditi tas-sigurtà, billi jsiru disponibbli aġġornamenti li jirrimedjaw vulnerabbiltajiet jew theddidiet magħrufa mingħajr dewmien u, fejn possibbli, billi partijiet terzi jkunu jistgħu joħolqu u jipprovdu aġġornamenti lil hinn mit-tmiem tas-servizz rispettiv tal-prodotti. Jenħtieġ li s-sigurtà mit-tfassil tkun żgurata tul il-ħajja kollha tal-prodotti, is-servizzi u l-proċessi tal-ICT u permezz ta’ proċessi tal-iżvilupp li jevolvu l-ħin kollu biex jitnaqqas ir-riskju ta’ ħsara minn esplojtazzjoni malizzjuża. |
(38) |
Filwaqt li ċ-Ċentru ta’ Kompetenza u n-Network jenħtieġ li jistinkaw sabiex itejbu s-sinerġiji u l-koordinazzjoni bejn l-isferi ċivili u tad-difiża fil-qasam taċ-ċibersigurtà, il-proġetti taħt dan ir-Regolament li huma ffinanzjati mill-Orizzont Ewropa jenħtieġ li jiġu implimentati f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/695, li jipprevedi li l-attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni mwettqin taħt l-Orizzont Ewropa għandhom jiffokaw esklużivament fuq applikazzjonijiet ċivili. |
(39) |
Dan ir-Regolament japplika primarjament għal materji ta’ natura ċivili, iżda l-attivitajiet tal-Istati Membri taħt dan ir-Regolament jistgħu jirriflettu l-ispeċifiċitajiet tal-Istati Membri f’każijiet meta l-politika taċ-ċibersigurtà tiġi segwita minn awtoritajiet li jwettqu kompiti kemm ċivili kif ukoll militari, jenħtieġ li dawn jimmiraw lejn il-komplementarjetà u jevitaw duplikazzjoni mal-istrumenti ta’ finanzjament relatati mad-difiża. |
(40) |
Jenħtieġ li dan ir-Regolament jiżgura r-responsabbiltà u t-trasparenza taċ-Ċentru ta’ Kompetenza u ta’ dawk l-intrapriżi li jirċievu finanzjament, f’konformità mar-Regolamenti tal-programmi rilevanti. |
(41) |
It-twettiq ta’ proġetti ta’ implimentazzjoni, b’mod partikolari proġetti ta’ implimentazzjoni relatati ma’ infrastrutturi u abbiltajiet implimentati fil-livell tal-Unjoni jew permezz ta’ akkwist konġunt, jista’ jinqasam f’fażijiet differenti ta’ twettiq, bħal offerti separati għat-tfassil ta’ arkitettura ta’ hardware u software, il-produzzjoni tagħhom u t-tħaddim u l-manutenzjoni tagħhom, filwaqt li n-negozji jistgħu jipparteċipaw biss f’waħda mill-fażijiet, għal kull negozju, u, fejn xieraq, jistgħu jirrikjedu li l-benefiċjarji f’waħda, jew aktar, minn dawk il-fażijiet jissodisfaw ċerti kondizzjonijiet f’termini ta’ sjieda jew kontroll Ewropew. |
(42) |
Fid-dawl tal-għarfien espert tagħha fiċ-ċibersigurtà u l-mandat tagħha bħala punt ta’ referenza għal pariri u għarfien espert dwar iċ-ċibersigurtà għall-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni kif ukoll għal partijiet ikkonċernati rilevanti tal-Unjoni, u fid-dawl tal-ġbir minnha ta’ kontributi permezz tal-kompiti tagħha, l-ENISA jenħtieġ li jkollha parti attiva fl-attivitajiet taċ-Ċentru ta’ Kompetenza, inkluż fl-iżvilupp tal-Aġenda, filwaqt li tiġi evitata kwalunkwe duplikazzjoni tal-kompiti tagħhom, b’mod partikolari permezz tar-rwol tagħha bħala osservatur permanenti fil-Bord ta’ Tmexxija taċ-Ċentru ta’ Kompetenza. Fir-rigward tal-abbozzar tal-Aġenda, tal-programm ta’ ħidma annwali u tal-programm ta’ ħidma pluriennali, id-Direttur Eżekuttiv taċ-Ċentru ta’ Kompetenza u l-Bord ta’ Tmexxija jenħtieġ li jqisu kwalunkwe parir u kontribut strateġiku rilevanti pprovdut mill-ENISA, skont ir-regoli ta’ proċedura tal-Bord ta’ Tmexxija. |
(43) |
Fejn jirċievu kontribuzzjoni finanzjarja mill-baġit ġenerali tal-Unjoni, iċ-ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni u l-entitajiet li huma parti mill-Komunità jenħtieġ li jippubbliċizzaw il-fatt li l-attivitajiet rispettivi tagħhom ikunu qed jitwettqu fil-kuntest ta’ dan ir-Regolament. |
(44) |
Il-kostijiet li jirriżultaw mill-istabbiliment taċ-Ċentru ta’ Kompetenza u mill-attivitajiet ta’ amministrazzjoni u koordinazzjoni taċ-Ċentru ta’ Kompetenza jenħtieġ li jiġu ffinanzjati mill-Unjoni u mill-Istati Membri, b’mod proporzjonali għall-kontribuzzjonijiet volontarji mill-Istati Membri għall-azzjonijiet konġunti. Sabiex jiġi evitat finanzjament doppju, jenħtieġ li dawk l-attivitajiet ma jibbenefikawx simultanjament minn kontribuzzjoni minn programmi oħra tal-Unjoni. |
(45) |
Jenħtieġ li l-Bord ta’ Tmexxija, li għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri u l-Kummissjoni, jiddefinixxi d-direzzjoni ġenerali tal-operazzjonijiet taċ-Ċentru ta’ Kompetenza u jenħtieġ li jiżgura li ċ-Ċentru ta’ Kompetenza jwettaq il-kompiti tiegħu f’konformità ma’ dan ir-Regolament. Il-Bord ta’ Tmexxija jenħtieġ li jadotta l-Aġenda. |
(46) |
Jenħtieġ li l-Bord ta’ Tmexxija jiġi fdat bis-setgħat meħtieġa biex jistabbilixxi l-baġit taċ-Ċentru ta’ Kompetenza. Jenħtieġ li jivverifika l-eżekuzzjoni tal-baġit, jenħtieġ li jadotta r-regoli finanzjarji adatti, u jenħtieġ li jistabbilixxi proċeduri ta’ ħidma trasparenti għat-teħid ta’ deċiżjonijiet miċ-Ċentru ta’ Kompetenza, inklużi dawk, li jirriflettu l-Aġenda, għall-adozzjoni tal-programm ta’ ħidma annwali u l-programm ta’ ħidma pluriennali. Il-Bord ta’ Tmexxija jenħtieġ li jadotta wkoll ir-regoli ta’ proċedura tiegħu, jenħtieġ li jaħtar lid-Direttur Eżekuttiv u jenħtieġ li jiddeċiedi dwar kwalunkwe estensjoni jew terminazzjoni tal-mandat tad-Direttur Eżekuttiv. |
(47) |
Il-Bord ta’ Tmexxija jenħtieġ li jissorvelja l-attivitajiet strateġiċi u ta’ implimentazzjoni taċ-Ċentru ta’ Kompetenza u jenħtieġ li jiżgura li dawk l-attivitajiet ikunu allinjati bejniethom. Jenħtieġ li fir-rapport annwali tiegħu, iċ-Ċentru ta’ Kompetenza jagħmel enfasi speċjali fuq l-għanijiet strateġiċi li jkun wettaq u, jekk ikun meħtieġ, jipproponi azzjonijiet għal aktar titjib fit-twettiq ta’ dawk l-għanijiet strateġiċi. |
(48) |
Sabiex iċ-Ċentru ta’ Kompetenza jiffunzjona b’mod korrett u effettiv, jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jiżguraw li l-persuni li jinħatru għall-Bord ta’ Tmexxija jkollhom l-għarfien espert u l-esperjenza professjonali xierqa f’oqsma funzjonali. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jenħtieġ li jagħmlu wkoll sforzi biex jillimitaw ir-rata tas-sostituzzjoni tar-rappreżentanti rispettivi tagħhom fil-Bord ta’ Tmexxija sabiex jiżguraw il-kontinwità tal-ħidma tiegħu. |
(49) |
Fid-dawl tal-istatus speċifiku taċ-Ċentru ta’ Kompetenza u r-responsabbiltà tiegħu għall-implimentazzjoni tal-fondi tal-Unjoni, b’mod partikolari dawk mill-Orizzont Ewropa u mill-Programm Ewropa Diġitali, il-Kummissjoni jenħtieġ li jkollha 26 % tal-voti totali fil-Bord ta’ Tmexxija fir-rigward ta’ deċiżjonijiet li jinvolvu fondi tal-Unjoni, sabiex jiġi massimizzat il-valur miżjud tal-Unjoni ta’ dawk id-deċiżjonijiet, filwaqt li jiġu żgurati li dawk id-deċiżjonijiet huma legali u allinjati mal-prijoritajiet tal-Unjoni. |
(50) |
Il-funzjonament bla xkiel taċ-Ċentru ta’ Kompetenza jirrikjedi li d-Direttur Eżekuttiv tiegħu jinħatar b’mod trasparenti, abbażi tal-mertu, ta’ ħiliet amministrattivi u maniġerjali dokumentati u ta’ kompetenza u esperjenza rilevanti għaċ-ċibersigurtà, u jenħtieġ li d-dmirijiet tad-Direttur Eżekuttiv jitwettqu b’indipendenza sħiħa. |
(51) |
Iċ-Ċentru ta’ Kompetenza jenħtieġ li jkollu Grupp Konsultattiv Strateġiku bħala korp konsultattiv. Il-Grupp Konsultattiv Strateġiku jenħtieġ li jipprovdi pariri fuq il-bażi ta’ djalogu regolari bejn iċ-Ċentru ta’ Kompetenza u l-Komunità, li jenħtieġ li jikkonsisti minn rappreżentanti tas-settur privat, ta’ organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, tal-akkademja u ta’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħra. Il-Grupp Konsultattiv Strateġiku jenħtieġ li jiffoka fuq kwistjonijiet li jkunu rilevanti għall-partijiet ikkonċernati u jġibhom għall-attenzjoni tal-Bord ta’ Tmexxija u tad-Direttur Eżekuttiv. Il-funzjonijiet tal-Grupp Konsultattiv Strateġiku jenħtieġ li jinkludu l-għoti ta’ pariri fir-rigward tal-Aġenda, il-programm ta’ ħidma annwali u l-programm ta’ ħidma pluriennali. Ir-rappreżentanza tal-partijiet ikkonċernati differenti fil-Grupp Konsultattiv Strateġiku jenħtieġ li tkun bilanċjata, b’attenzjoni partikolari lir-rappreżentanza tal-SMEs, sabiex ikun żgurat li l-partijiet ikkonċernati ikunu rappreżentati b’mod adegwat fil-ħidma taċ-Ċentru ta’ Kompetenza. |
(52) |
Il-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri għar-riżorsi taċ-Ċentru ta’ Kompetenza jistgħu jkunu finanzjarji jew in natura. Pereżempju, tali kontribuzzjonijiet finanzjarji jistgħu jikkonsistu minn għotja mogħtija minn Stat Membru lil benefiċjarju f’dak l-Istat Membru li tikkomplementa l-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni mogħti lil proġett taħt il-programm ta’ ħidma annwali. Min-naħa l-oħra, il-kontribuzzjonijiet in natura tipikament isiru fejn entità ta’ Stat Membru tkun hija stess il-benefiċjarju ta’ appoġġ finanzjarju mill-Unjoni. Pereżempju, jekk l-Unjoni tissussidja attività ta’ ċentru nazzjonali ta’ koordinazzjoni b’rata ta’ finanzjament ta’ 50 %, il-kostijiet li jibqgħu tal-attività jiġu kontabilizzati bħala kontribuzzjoni in natura. Bħala eżempju ieħor, jekk entità ta’ Stat Membru tirċievi appoġġ finanzjarju mill-Unjoni biex toħloq jew ittejjeb infrastruttura li għandha tiġi kondiviża bejn il-partijiet ikkonċernati f’konformità mal-programm ta’ ħidma annwali, il-kostijiet relatati li ma jkunux issussidjati jiġu kontabilizzati bħala kontribuzzjonijiet in natura. |
(53) |
F’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Delegat (UE) 2019/715 dwar il-konflitti ta’ interess, iċ-Ċentru ta’ Kompetenza jenħtieġ li jkollu stabbiliti regoli dwar il-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u r-riżoluzzjoni u l-ġestjoni ta’ konflitti ta’ interess fir-rigward tal-membri, il-korpi u l-persunal tiegħu, il-Bord ta’ Tmexxija, kif ukoll il-Grupp Konsultattiv Strateġiku u l-Komunità. L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw il-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, u r-riżoluzzjoni tal-konflitti ta’ interess fir-rigward taċ-ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni, skont il-liġi nazzjonali. Iċ-Ċentru ta’ Kompetenza jenħtieġ li japplika wkoll il-liġi rilevanti tal-Unjoni dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti kif stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9). Jenħtieġ li l-ipproċessar ta’ data personali miċ-Ċentru ta’ Kompetenza jkun soġġett għar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10). Iċ-Ċentru ta’ Kompetenza jenħtieġ li jikkonforma mad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni li huma applikabbli għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni, u mal-liġi nazzjonali fir-rigward tat-trattament tal-informazzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tat-trattament tal-informazzjoni sensittiva mhux klassifikata u informazzjoni klassifikata tal-UE. |
(54) |
L-interessi finanzjarji tal-Unjoni u tal-Istati Membri jenħtieġ li jiġu protetti permezz ta’ miżuri proporzjonati fiċ-ċiklu kollu tal-infiq, inkluż fil-prevenzjoni, is-sejbien u l-investigazzjoni ta’ irregolaritajiet, l-irkupru ta’ fondi mitlufa, imħallsa bi żball jew użati b’mod mhux korrett u, fejn xieraq, permezz ta’ penali amministrattivi u finanzjarji f’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) (ir-“Regolament Finanzjarju”). |
(55) |
Iċ-Ċentru ta’ Kompetenza jenħtieġ li jopera b’mod miftuħ u trasparenti. Jenħtieġ li huwa jipprovdi kull informazzjoni rilevanti fil-ħin u jenħtieġ li jippromwovi l-attivitajiet tiegħu, inkluż attivitajiet ta’ informazzjoni u disseminazzjoni għall-pubbliku ġenerali. Ir-regoli ta’ proċedura tal-Bord ta’ Tmexxija taċ-Ċentru ta’ Kompetenza u tal-Grupp Konsultattiv Strateġiku jenħtieġ li jkunu disponibbli għall-pubbliku. |
(56) |
L-awditur intern tal-Kummissjoni jenħtieġ li jeżerċita l-istess setgħat fuq iċ-Ċentru ta’ Kompetenza bħal dawk eżerċitati fir-rigward tal-Kummissjoni. |
(57) |
Il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Awdituri u l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi jenħtieġ li jingħataw aċċess għall-informazzjoni neċessarja kollha u għall-bini taċ-Ċentru ta’ Kompetenza biex iwettqu awditi u investigazzjonijiet dwar l-għotjiet, il-kuntratti u l-ftehimiet iffirmati miċ-Ċentru ta’ Kompetenza. |
(58) |
Minħabba li l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri t-tisħiħ tal kompetittività u tal-kapaċitajiet tal-Unjoni, iż-żamma u l-iżvilupp tal-kapaċitajiet teknoloġiċi u industrijali fir-riċerka tal-Unjoni fil-qasam taċ-ċibersigurtà, iż-żieda tal-kompetittività tal-industrija taċ-ċibersigurtà tal-Unjoni u l-użu taċ-ċibersigurtà bħala vantaġġ kompetittiv għal industriji oħra tal-Unjoni, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri waħedhom, minħabba l-fatt li r-riżorsi eżistenti u limitati huma mifruxin, u minħabba d-daqs tal-investiment meħtieġ, iżda jistgħu pjuttost, minħabba li trid tiġi evitata d-duplikazzjoni bla bżonn ta’ dawk l-isforzi, tingħata għajnuna biex tintlaħaq massa kritika ta’ investiment, jiġi żgurat li l-finanzjament pubbliku jintuża bl-aħjar mod u tiġi żgurata l-promozzjoni ta’ livell għoli ta’ ċibersigurtà fl-Istati Membri kollha, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet, |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I
Dispożizzjonijiet u prinċipji ġenerali taċ-Ċentru ta’ Kompetenza u tan-Network
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni
1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi ċ-Ċentru Ewropew ta’ Kompetenza Industrijali, Teknoloġika u tar-Riċerka fil-qasam taċ-Ċibersigurtà (iċ-“Ċentru ta’ Kompetenza”) u n-Network ta’ Ċentri Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni (in-“Network”). Huwa jistabbilixxi regoli għan-nominazzjoni ta’ ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni kif ukoll regoli għall-istabbiliment ta’ Komunità ta’ Kompetenza fiċ-Ċibersigurtà (il-“Komunità”).
2. Iċ-Ċentru ta’ Kompetenza għandu jkollu rwol essenzjali fl-implimentazzjoni tal-parti taċ-ċibersigurtà tal-Programm Ewropa Diġitali, b’mod partikolari fir-rigward ta’ azzjonijiet relatati mal-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2021/694, u għandu jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Orizzont Ewropa, b’mod partikolari fir-rigward tat-Taqsima 3.1.3. tal-Pilastru II tal-Anness I tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/764 (12).
3. L-Istati Membri għandhom jikkontribwixxu b’mod kollettiv għall-ħidma taċ-Ċentru ta’ Kompetenza u tan-Network.
4. Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tal-Istati Membri fir-rigward tas-sigurtà pubblika, tad-difiża, tas-sigurtà nazzjonali u tal-attivitajiet tal-Istat f’oqsma tad-dritt kriminali.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-fini ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1) |
“ċibersigurtà” tfisser l-attivitajiet meħtieġa biex jiġu mħarsa n-networks u s-sistemi tal-informazzjoni, l-utenti ta’ tali sistemi, u persuni oħra milquta minn theddid ċibernetiku; |
(2) |
“network u sistema tal-informazzjoni” tfisser network u sistema tal-informazzjoni kif definiti fil-punt (1) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva (UE) 2016/1148; |
(3) |
“prodotti, servizzi u proċessi taċ-ċibersigurtà” tfisser prodotti, servizzi jew proċessi tal-ICT, kummerċjali u mhux kummerċjali, li jkollhom il-fini speċifiku li jipproteġu n-networks u s-sistemi tal-informazzjoni jew li jiżguraw il-kunfidenzjalità, l-integrità u l-aċċessibbiltà ta’ data li tiġi pproċessata jew maħżuna f’networks u f’sistemi tal-informazzjoni, kif ukoll iċ-ċibersigurtà tal-utenti ta’ tali sistemi u persuni oħra affettwati minn theddid ċibernetiku; |
(4) |
“theddida ċibernetika” tfisser kwalunkwe ċirkostanza, avveniment jew azzjoni potenzjali li li tista’ tkun ta’ ħsara għal, tfixkel jew b’xi mod ieħor ikollha impatt negattiv fuq in-networks u s-sistemi tal-informazzjoni, l-utenti ta’ tali sistemi u persuni oħra; |
(5) |
“azzjoni konġunta” tfisser azzjoni li tkun inkluża fil-programm ta’ ħidma annwali u li tirċievi appoġġ finanzjarju tal-Unjoni mill-Orizzont Ewropa, mill-Programm Ewropa Diġitali jew minn programmi oħra tal-Unjoni kif ukoll appoġġ finanzjarju jew in natura minn Stat Membru wieħed jew aktar, u li hija implimentata permezz ta’ proġetti li jinvolvu benefiċjarji li jkunu stabbiliti f’dawk l-Istati Membri u li jirċievu appoġġ finanzjarju jew in natura minnhom; |
(6) |
“kontribuzzjoni in natura” tfisser kostijiet eliġibbli mġarrba minn ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni u entitajiet pubbliċi oħra meta jipparteċipaw fi proġetti ffinanzjati permezz ta’ dan ir-Regolament, fejn dawk il-kostijiet mhumiex iffinanzjati minn kontribuzzjoni tal-Unjoni jew minn kontribuzzjonijiet finanzjarji minn Stati Membri; |
(7) |
“Hub ta’ Innovazzjoni Diġitali Ewropew ” tfisser Hub ta’ Innovazzjoni Diġitali Ewropew kif definit fil-punt (e) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2021/694; |
(8) |
“Aġenda” tfisser strateġija industrijali, teknoloġika u tar-riċerka fil-qasam taċ-ċibersigurtà, li tkun komprensiva u sostenibbli, li tistabbilixxi rakkomandazzjonijiet strateġiċi għall-iżvilupp u t-tkabbir tas-settur industrijali, teknoloġiku u tar-riċerka Ewropew fil-qasam taċ-ċibersigurtà u prijoritajiet strateġiċi għall-attivitajiet taċ-Ċentru ta’ Kompetenza u li ma tkunx vinkolanti fir-rigward ta’ deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu dwar il-programmi ta’ ħidma annwali; |
(9) |
“assistenza teknika” tfisser assistenza miċ-Ċentru ta’ Kompetenza liċ-ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni jew lill-Komunità fit-twettiq tal-kompiti tagħhom billi jiġi pprovdut għarfien jew jiġi ffaċilitat l-aċċess għal għarfien espert fil-qasam tar-riċerka, teknoloġija u industrija taċ-ċibersigurtà, billi jiġi ffaċilitat in-networking, ikun hemm sensibilizzazzjoni u tiġi promossa l-kooperazzjoni, jew tfisser assistenza miċ-Ċentru ta’ Kompetenza flimkien maċ-ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni lill-partijiet ikkonċernati fir-rigward tat-tħejjija ta’ proġetti relattivament għall-missjoni taċ-Ċentru ta’ Kompetenza u tan-Network u l-objettivi taċ-Ċentru ta’ Kompetenza. |
Artikolu 3
Missjoni taċ-Ċentru ta’ Kompetenza u tan-Network
1. Il-missjoni taċ-Ċentru ta’ Kompetenza u tan-Network hija li jgħinu lill-Unjoni biex:
(a) |
issaħħaħ it-tmexxija u l-awtonomija strateġika tagħha fil-qasam taċ-ċibersigurtà permezz taż-żamma u l-iżvilupp tal-kapaċitajiet u l-abbiltajiet ta’ riċerka, dawk akkademiċi, soċjetali, teknoloġiċi u industrijali fil-qasam taċ-ċibersigurtà li huma meħtieġa biex jittejbu l-fiduċja u s-sigurtà, inklużi l-kunfidenzjalità, l-integrità u l-aċċessibbiltà tad-data, fis-Suq Uniku Diġitali; |
(b) |
tappoġġa l-kapaċitajiet, l-abbiltajiet u l-ħiliet teknoloġiċi fl-Unjoni fir-rigward tar-reżiljenza u l-affidabbiltà tal-infrastruttura tan-networks u tas-sistemi tal-informazzjoni, inkluż infrastruttura kritika u hardware u software li jintużaw spiss fl-Unjoni; u |
(c) |
iżżid il-kompetittività globali tal-industrija taċ-ċibersigurtà tal-Unjoni, tiżgura standards għolja ta’ ċibersigurtà fl-Unjoni kollha u tittrasforma ċ-ċibersigurtà f’vantaġġ kompetittiv għal industriji oħra tal-Unjoni. |
2. Iċ-Ċentru ta’ Kompetenza u n-Network għandhom iwettqu l-kompiti tagħhom f’kollaborazzjoni mal-ENISA u mal-Komunità, skont il-każ.
3. Iċ-Ċentru ta’ Kompetenza għandu, f’konformità mal-atti leġiżlattivi li jistabbilixxu l-programmi rilevanti, b’mod partikolari l-Orizzont Ewropa u l-Programm Ewropa Diġitali, juża r-riżorsi finanzjarji rilevanti tal-Unjoni b’tali mod li jikkontribwixxi għall-missjoni stipulata fil-paragrafu 1.
Artikolu 4
Objettivi taċ-Ċentru ta’ Kompetenza
1. Iċ-Ċentru ta’ Kompetenza għandu jkollu l-objettiv globali li jippromwovi r-riċerka, l-innovazzjoni u l-implimentazzjoni fil-qasam taċ-ċibersigurtà sabiex iwettaq il-missjoni stipulata fl-Artikolu 3.
2. Iċ-Ċentru ta’ Kompetenza għandu jkollu l-objettivi speċifiċi li ġejjin:
(a) |
itejjeb il-kapaċitajiet, l-abbiltajiet, l-għarfien u l-infrastrutturi fil-qasam taċ-ċibersigurtà għall-benefiċċju tal-industrija, b’mod partikolari l-SMEs, il-komunitajiet tar-riċerka, is-settur pubbliku u s-soċjetà ċivili, skont kif ikun meħtieġ; |
(b) |
jippromwovi r-reżiljenza taċ-ċibersigurtà, l-adozzjoni tal-aħjar prattiki taċ-ċibersigurtà, il-prinċipju ta’ sigurtà sa mit-tfassil, u ċ-ċertifikazzjoni tas-sigurtà tal-prodotti u s-servizzi diġitali, b’mod li jikkomplementa l-isforzi ta’ entitajiet pubbliċi oħra; |
(c) |
jikkontribwixxi għal ekosistema Ewropea b’saħħitha taċ-ċibersigurtà li tlaqqa’ flimkien il-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha. |
3. Iċ-Ċentru ta’ Kompetenza għandu jimplimenta l-objettivi speċifiċi msemmija fil-paragrafu 2 billi:
(a) |
jistabbilixxi rakkomandazzjonijiet strateġiċi għar-riċerka, l-innovazzjoni u l-implimentazzjoni fiċ-ċibersigurtà f’konformità mal-liġi tal-Unjoni u jistipula prijoritajiet strateġiċi għall-attivitajiet taċ-Ċentru ta’ Kompetenza; |
(b) |
jimplimenta azzjonijiet taħt programmi ta’ finanzjament rilevanti tal-Unjoni f’konformità mal-programmi ta’ ħidma rilevanti u l-atti leġiżlattivi tal-Unjoni li jistabbilixxu dawk il-programmi ta’ finanzjament; |
(c) |
irawwem kooperazzjoni u koordinazzjoni fost iċ-ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni, mal-Komunità u fi ħdanha; u |
(d) |
fejn rilevanti u xieraq, jakkwista u jħaddem infrastruttura u servizzi tal-ICT fejn meħtieġ biex iwettaq il-kompiti stipulati fl-Artikolu 5 u f’konformità mal-programmi ta’ ħidma rispettivi stipulati fil-punt (b) tal-Artikolu 5(3). |
Artikolu 5
Kompiti taċ-Ċentru ta’ Kompetenza
1. Sabiex iwettaq il-missjoni u l-objettivi tiegħu, iċ-Ċentru ta’ Kompetenza għandu l-kompiti li ġejjin:
(a) |
kompiti strateġiċi; u |
(b) |
kompiti ta’ implimentazzjoni. |
2. Il-kompiti strateġiċi msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1 għandhom jikkonsistu milli:
(a) |
jiżviluppa u jissorvelja l-implimentazzjoni tal-Aġenda; |
(b) |
permezz tal-Aġenda u l-programm ta’ ħidma pluriennali, filwaqt li tiġi evitata kwalunkwe duplikazzjoni tal-attivitajiet mal-ENISA u b’kont meħud tal-ħtieġa li jinħolqu sinerġiji bejn iċ-ċibersigurtà u partijiet oħra tal-Orizzont Ewropa u l-Programm Ewropa Diġitali:
|
(c) |
jiżgura sinerġiji bejn, u kooperazzjoni ma’, istituzzjonijiet, korpi, uffiċji u aġenziji rilevanti tal-Unjoni, partikolarment l-ENISA, filwaqt li tiġi evitata kwalunkwe duplikazzjoni ta’ attivitajiet ma’ dawk l-istituzzjonijiet, korpi, uffiċji u aġenziji tal-Unjoni; |
(d) |
jikkoordina ċ-ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni permezz tan-Network u jiżgura skambju regolari ta’ għarfien espert; |
(e) |
jipprovdi, lill-Istati Membri fuq it-talba tagħhom, pariri esperti industrijali, teknoloġiċi u ta’ riċerka fil-qasam taċ-ċibersigurtà, inkluż fir-rigward tal-akkwist u l-implimentazzjoni ta’ teknoloġiji; |
(f) |
jiffaċilita l-kollaborazzjoni u l-kondiviżjoni ta’ għarfien espert fost il-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, b’mod partikolari l-membri tal-Komunità; |
(g) |
jattendi konferenzi, fieri u fora tal-Unjoni, nazzjonali u internazzjonali relatati mal-missjoni, l-objettivi u l-kompiti taċ-Ċentru ta’ Kompetenza bil-għan li jikkondividi fehmiet u jiskambja l-aħjar prattiki rilevanti ma’ parteċipanti oħra; |
(h) |
jiffaċilita l-użu ta’ riżultati minn proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni f’azzjonijiet relatati mal-iżvilupp ta’ prodotti, servizzi u proċessi taċ-ċibersigurtà, filwaqt li jfittex li jevita l-frammentazzjoni u d-duplikazzjoni tal-isforzi u li jirreplika prattiki tajba taċ-ċibersigurtà u prodotti, servizzi u proċessi taċ-ċibersigurtà, partikolarment dawk żviluppati minn SMEs u dawk bl-użu ta’ software b’sors miftuħ. |
3. Il-kompiti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1 għandhom jikkonsistu milli:
(a) |
jikkoordina u jamministra l-ħidma tan-Network u tal-Komunità sabiex titwettaq il-missjoni stipulata fl-Artikolu 3, b’mod partikolari billi jappoġġa lil negozji ġodda, SMEs, mikrointrapriżi, assoċjazzjonijiet u proġetti ta’ teknoloġija ċivika fil-qasam taċ-ċibersigurtà fl-Unjoni u jiffaċilita l-aċċess tagħhom għall-għarfien espert, il-finanzjament, l-investiment u s-swieq; |
(b) |
jistabbilixxi u jimplimenta l-programm ta’ ħidma annwali, f’konformità mal-Aġenda u mal-programm ta’ ħidma pluriennali, għall-partijiet taċ-ċibersigurtà ta’:
|
(c) |
jappoġġa, fejn xieraq, it-twettiq tal-Objettiv Speċifiku 4 — ‘Ħiliet Diġitali Avvanzati’ kif stabbilit fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2021/694, f’kooperazzjoni ma’ Hubs Ewropej tal-Innovazzjoni Diġitali; |
(d) |
jipprovdi parir espert dwar l-industrija, it-teknoloġija u r-riċerka fil-qasam taċ-ċibersigurtà lill-Kummissjoni meta l-Kummissjoni tħejji l-abbozzi ta’ programmi ta’ ħidma skont l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni (UE) 2021/764; |
(e) |
iwettaq jew jiffaċilita l-implimentazzjoni ta’ infrastruttura tal-ICT u jiffaċilita l-akkwist ta’ tali infrastruttura, għall-benefiċċju tas-soċjetà, l-industrija u s-settur pubbliku, fuq it-talba tal-Istati Membri, il-komunitajiet tar-riċerka u l-operaturi ta’ servizzi essenzjali, permezz, fost oħrajn, ta’ kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri u finanzjament tal-Unjoni għal azzjonijiet konġunti, f’konformità mal-Aġenda, mal-programm ta’ ħidma annwali u mal-programm ta’ ħidma pluriennali; |
(f) |
iżid is-sensibilizzazzjoni dwar il-missjoni taċ-Ċentru ta’ Kompetenza u tan-Network u dwar l-objettivi u l-kompiti taċ-Ċentru ta’ Kompetenza; |
(g) |
mingħajr preġudizzju għan-natura ċivili ta’ proġetti li għandhom jiġu ffinanzjati mill-Orizzont Ewropa, u f’konformità mar-Regolamenti (UE) 2021/695 u (UE) 2021/694, itejjeb is-sinerġiji u l-koordinazzjoni bejn is-settur ċivili u s-settur tad-difiża fil-qasam taċ-ċibersigurtà, billi jiffaċilita l-iskambju ta’:
|
4. Iċ-Ċentru ta’ Kompetenza għandu jwettaq il-kompiti stabbiliti fil-paragrafu 1 f’kooperazzjoni mill-qrib man-Network.
5. F’konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2021/695 u soġġett għal ftehim ta’ kontribuzzjoni kif definit fil-punt (18) tal-Artikolu 2 tar-Regolament Finanzjarju, iċ-Ċentru ta’ Kompetenza jista’ jiġi fdat bl-implimentazzjoni tal-partijiet taċ-ċibersigurtà tal-Orizzont Ewropa li mhumiex ikkofinanzjati mill-Istati Membri, b’mod partikolari fir-rigward tat-Taqsima 3.1.3. tal-Pilastru II tal-Anness I tad-Deċiżjoni (UE) 2021/764.
Artikolu 6
Nominazzjoni taċ-ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni
1. Sad-29 ta’ Diċembru 2021, kull Stat Membru għandu jinnomina entità waħda li tissodisfa l-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 5 biex taġixxi bħala ċ-ċentru nazzjonali ta’ koordinazzjoni tiegħu għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament. Kull Stat Membru għandu jinnotifika mingħajr dewmien lill-Bord ta’ Tmexxija dwar dik l-entità. Tali entità tista’ tkun entità diġà stabbilita f’dak l-Istat Membru.
L-iskadenza stabbilita fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandha tiġi estiża għall-perjodu li matulu l-Kummissjoni għandha tagħti l-opinjoni msemmija fil-paragrafu 2.
2. Fi kwalunkwe ħin, Stat Membru jista’ jitlob lill-Kummissjoni biex tagħtih opinjoni dwar jekk l-entità li l-Istat Membru jkun innomina jew li jkun biħsiebu jinnomina biex taġixxi bħala ċ-ċentru nazzjonali ta’ koordinazzjoni tiegħu għandhiex il-kapaċità meħtieġa biex tamministra fondi sabiex jitwettqu l-missjoni u l-objettivi stabbiliti f’dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha tagħti l-opinjoni tagħha lil dak l-Istat Membru fi żmien tliet xhur mit-talba tal-Istat Membru.
3. Abbażi tan-notifika minn Stat Membru ta’ entità kif imsemmija fil-paragrafu 1, il-Bord ta’ Tmexxija għandu jelenka dik l-entità bħala ċentru nazzjonali ta’ koordinazzjoni mhux aktar tard minn tliet xhur wara n-notifika. Iċ-Ċentru ta’ Kompetenza għandu jippubblika l-lista taċ-ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni.
4. Stat Membru jista’ fi kwalunkwe ħin jinnomina entità ġdida biex taġixxi bħala ċ-ċentru nazzjonali ta’ koordinazzjoni tiegħu għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament. Il-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom japplikaw għan-nominazzjoni ta’ kwalunkwe entità ġdida.
5. Iċ-ċentru nazzjonali ta’ koordinazzjoni għandu jkun entità tas-settur pubbliku jew entità, b’maġġoranza f’idejn l-Istat Membru, li twettaq funzjonijiet ta’ amministrazzjoni pubblika taħt il-liġi nazzjonali, inkluż permezz ta’ delega, u li jkollha l-kapaċità li tappoġġa liċ-Ċentru ta’ Kompetenza u lin-Network fit-twettiq tal-missjoni tagħhom kif stabbilita fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament. Huwa għandu jkollu fil-pussess tiegħu, jew ikollu aċċess għal, għarfien espert ta’ riċerka u teknoloġija fiċ-ċibersigurtà. Huwa għandu jkollu l-kapaċità li jinvolvi b’mod effettiv, u jikkoordina ma’, l-industrija, is-settur pubbliku, il-komunità akkademika u tar-riċerka u ċ-ċittadini, kif ukoll l-awtoritajiet maħtura taħt id-Direttiva (UE) 2016/1148.
6. Fi kwalunkwe ħin, iċ-ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni jistgħu jitolbu li jiġu rikonoxxuti bħala li għandhom il-kapaċità meħtieġa biex jiġġestixxu l-fondi sabiex jitwettqu l-missjoni u l-objettivi stabbiliti f’dan ir-Regolament, f’konformità mar-Regolamenti (UE) 2021/695 u (UE) 2021/694. Fi żmien tliet xhur minn tali talba, il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk iċ-ċentru nazzjonali ta’ koordinazzjoni għandux tali kapaċità u għandha toħroġ deċiżjoni.
Fejn il-Kummissjoni tkun tat opinjoni pożittiva lil Stat Membru f’konformità mal-proċedura stabbilita fil-paragrafu 2, dik l-opinjoni għandha titqies bħala deċiżjoni li tirrikonoxxi lill-entità rilevanti bħala li għandha l-kapaċità meħtieġa għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu.
Mhux aktar tard mid-29 ta’ Awwissu 2021, wara li tikkonsulta lill-Bord ta’ Tmexxija, il-Kummissjoni għandha toħroġ linji gwida dwar il-valutazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, inkluża speċifikazzjoni tal-kondizzjonijiet għar-rikonoxximent u kif isiru l-opinjonijiet u l-valutazzjonijiet.
Qabel ma toħroġ l-opinjoni msemmija fil-paragrafu 2 u d-deċiżjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, il-Kummissjoni għandha tqis kwalunkwe informazzjoni u kwalunkwe dokumentazzjoni pprovduti miċ-ċentru nazzjonali ta’ koordinazzjoni li jagħmel it-talba.
Kwalunkwe deċiżjoni li ma tirrikonoxxix ċentru nazzjonali ta’ koordinazzjoni bħala li għandu l-kapaċità meħtieġa biex jiġġestixxi l-fondi sabiex jitwettqu l-missjoni u l-objettivi stabbiliti f’dan ir-Regolament għandha tkun debitament raġunata, filwaqt li jiġu indikati r-rekwiżiti li ċ-ċentru nazzjonali ta’ koordinazzjoni li għamel it-talba jkun għadu ma ssodisfax u li jiġġustifikaw id-deċiżjoni kontra r-rikonoxximent. Kwalunkwe ċentru nazzjonali ta’ koordinazzjoni li t-talba tiegħu għar-rikonoxximent ġiet rifjutata jista’ jerġa’ jissottometti t-talba tiegħu b’informazzjoni addizzjonali fi kwalunkwe ħin.
L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni f’każ ta’ bidliet liċ-ċentru nazzjonali ta’ koordinazzjoni, bħall-kompożizzjoni taċ-ċentru nazzjonali ta’ koordinazzjoni, il-forma legali taċ-ċentru nazzjonali ta’ koordinazzjoni jew aspetti rilevanti oħra, li jaffettwaw il-kapaċità tiegħu li jiġġestixxi fondi sabiex jitwettqu l-missjoni u l-objettivi stabbiliti f’dan ir-Regolament. Malli tirċievi tali informazzjoni, il-Kummissjoni tista’ tirrevedi deċiżjoni li tikkonċedi jew ma tikkonċedix ir-rikonoxximent taċ-ċentru nazzjonali ta’ koordinazzjoni biex jiġġestixxi fondi skont il-każ.
7. In-Network għandu jkun kompost miċ-ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni kollha li jkunu ġew notifikati lill-Bord ta’ Tmexxija mill-Istati Membri.
Artikolu 7
Kompiti taċ-ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni
1. Iċ-ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni għandu jkollhom il-kompiti li ġejjin:
(a) |
jaġixxu bħala punti ta’ kuntatt fil-livell nazzjonali għall-Komunità biex jingħata appoġġ liċ-Ċentru ta’ Kompetenza fit-twettiq tal-missjoni u tal-objettivi, b’mod partikolari fil-koordinazzjoni tal-Komunità permezz tal-koordinazzjoni tal-membri tal-Komunità fl-Istati Membri tagħhom; |
(b) |
jipprovdu għarfien espert u jikkontribwixxu b’mod attiv għall-kompiti strateġiċi msemmija fl-Artikolu 5(2), b’kont meħud tal-isfidi nazzjonali u reġjonali rilevanti għaċ-ċibersigurtà f’setturi differenti; |
(c) |
jippromwovu, iħeġġu u jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili u tal-industrija, b’mod partikolari tan-negozji ġodda u l-SMEs, il-komunità akkademika u dik tar-riċerka u ta’ partijiet ikkonċernati oħrajn fil-livell nazzjonali fi proġetti transkonfinali u f’azzjonijiet taċ-ċibersigurtà ffinanzjati mill-programmi rilevanti kollha tal-Unjoni; |
(d) |
jipprovdu assistenza teknika lill-partijiet ikkonċernati billi jappoġġawhom fil-fażi tal-applikazzjoni għall-proġetti ġestiti miċ-Ċentru ta’ Kompetenza fir-rigward tal-missjoni u l-objettivi tiegħu, u f’konformità sħiħa mar-regoli ta’ ġestjoni finanzjarja tajba, speċjalment fir-rigward ta’ konflitti ta’ interess; |
(e) |
ifittxu li jistabbilixxu sinerġiji ma’ attivitajiet rilevanti fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali, bħal politiki nazzjonali dwar ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni fil-qasam taċ-ċibersigurtà, b’mod partikolari dawk il-politiki li huma ddikjarati fl-istrateġiji nazzjonali taċ-ċibersigurtà; |
(f) |
jimplimentaw azzjonijiet speċifiċi li għalihom ikunu ngħataw għotjiet miċ-Ċentru ta’ Kompetenza, inkluż bl-għoti ta’ appoġġ finanzjarju lil partijiet terzi f’konformità mal-Artikolu 204 tar-Regolament Finanzjarju taħt kondizzjonijiet speċifikati fil-ftehimiet dwar l-għotjiet ikkonċernati; |
(g) |
mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tal-Istati Membri fl-edukazzjoni u b’kont meħud tal-kompiti rilevanti tal-ENISA, jinvolvu ruħhom mal-awtoritajiet nazzjonali rigward kontributi possibbli għall-promozzjoni u d-disseminazzjoni ta’ programmi edukattivi dwar iċ-ċibersigurtà; |
(h) |
jippromwovu u jiddisseminaw l-eżiti rilevanti tal-ħidma tan-Network, tal-Komunità u taċ-Ċentru ta’ Kompetenza fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali; |
(i) |
jivvalutaw it-talbiet imressqin minn entitajiet stabbiliti fl-istess Stat Membru taċ-ċentru nazzjonali ta’ koordinazzjoni sabiex isiru parti mill-Komunità; |
(j) |
jappoġġaw u jippromwovu l-involviment ta’ entitajiet rilevanti fl-attivitajiet miċ-Ċentru ta’ Kompetenza, min-Network u mill-Komunità, u jimmonitorjaw, kif xieraq, il-livell ta’ involviment u l-ammont fir-fir-rigward tal-appoġġ finanzjarju pubbliku mogħti għar-riċerka, l-iżviluppi u l-implimentazzjoni fil-qasam taċ-ċibersigurtà. |
2. Għall-finijiet tal-punt (f) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-appoġġ finanzjarju lil partijiet terzi jista’ jingħata fi kwalunkwe waħda mill-forom ta’ kontribuzzjoni mill-Unjoni speċifikati fl-Artikolu 125 tar-Regolament Finanzjarju, inkluż f’forma ta’ somom f’daqqa.
3. Abbażi ta’ deċiżjoni kif imsemmija fl-Artikolu 6(6) ta’ dan ir-Regolament, iċ-ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni jistgħu jirċievu għotja mill-Unjoni f’konformità mal-punt (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 195 tar-Regolament Finanzjarju relattivament għat-twettiq tal-kompiti stabbiliti f’dan l-Artikolu.
4. Iċ-ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni għandhom, fejn rilevanti, jikkooperaw permezz tan-Network.
Artikolu 8
Il-Komunità ta’ Kompetenza fiċ-Ċibersigurtà
1. Il-Komunità għandha tikkontribwixxi għall-missjoni taċ-Ċentru ta’ Kompetenza u tan-Network kif stabbilit fl-Artikolu 3 u għandha ttejjeb, tikkondividi u tiddissemina l-għarfien espert dwar iċ-ċibersigurtà fl-Unjoni kollha.
2. Il-Komunità għandha tkun magħmula mill-industrija, inklużi l-SMEs, organizzazzjonijiet akkademiċi u ta’ riċerka, assoċjazzjonijiet rilevanti oħra tas-soċjetà ċivili kif ukoll, kif xieraq, Organizzazzjonijiet Ewropej tal-Istandardizzazzjoni rilevanti, entitajiet pubbliċi u entitajiet oħra li jittrattaw kwistjonijiet operazzjonali u tekniċi taċ-ċibersigurtà u, fejn rilevanti, minn partijiet ikkonċernati f’setturi li għandhom interess fiċ-ċibersigurtà u li jiffaċċaw sfidi ta’ ċibersigurtà. Il-Komunità għandha tlaqqa’ flimkien lill-partijiet ikkonċernati prinċipali fir-rigward tal-kapaċitajiet teknoloġiċi, industrijali, akkademiċi u tar-riċerka fil-qasam taċ-ċibersigurtà fl-Unjoni. Għandha tinvolvi liċ-ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni, lill-Hubs Ewropej ta’ Innovazzjoni Diġitali, fejn rilevanti, kif ukoll lill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni li jkollhom għarfien espert rilevanti, bħall-ENISA.
3. Għandhom ikunu biss l-entitajiet li jkunu stabbiliti fl-Istati Membri li jiġu rreġistrati bħala membri tal-Komunità. Dawn għandhom juru li jistgħu jikkontribwixxu għall-missjoni u għandu jkollhom għarfien espert fil-qasam taċ-ċibersigurtà fir-rigward ta’ mill-inqas wieħed minn dawn l-oqsma:
(a) |
l-akkademja, ir-riċerka jew l-innovazzjoni; |
(b) |
l-iżvilupp industrijali jew ta’ prodotti; |
(c) |
it-taħriġ u l-edukazzjoni; |
(d) |
is-sigurtà tal-informazzjoni jew operazzjonijiet ta’ rispons għal inċidenti; |
(e) |
l-etika; |
(f) |
l-istandardizzazzjoni u l-ispeċifikazzjonijiet formali u tekniċi. |
4. Iċ-Ċentru ta’ Kompetenza għandu jirreġistra lill-entitajiet, fuq talba tagħhom, bħala membri tal-Komunità wara valutazzjoni li ssir miċ-ċentru nazzjonali ta’ koordinazzjoni tal-Istat Membru li fih ikunu stabbiliti dawk l-entitajiet biex jikkonferma li dawk l-entitajiet jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu. Dik il-valutazzjoni għandha tqis ukoll kwalunkwe valutazzjoni nazzjonali rilevanti li ssir għal raġunijiet ta’ sigurtà mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali. Tali reġistrazzjonijiet ma għandhomx ikunu limitati fiż-żmien iżda jistgħu jiġu revokati miċ-Ċentru ta’ Kompetenza fi kwalunkwe ħin jekk iċ-ċentru nazzjonali ta’ koordinazzjoni rilevanti jikkunsidra li l-entità kkonċernata m’għadhiex tissodisfa l-kriterji stipulati fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu jew taqa’ taħt l-Artikolu 136 tar-Regolament Finanzjarju, jew għal raġunijiet ta’ sigurtà ġustifikati. Fejn is-sħubija fil-Komunità tiġi revokata għal raġunijiet ta’ sigurtà, id-deċiżjoni ta’ revoka għandha tkun proporzjonata u raġunata. Iċ-ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni għandu jkollhom l-għan li jiksbu rappreżentanza bilanċjata tal-partijiet ikkonċernati fil-Komunità u għandhom jistimulaw b’mod attiv il-parteċipazzjoni, b’mod partikolari tal-SMEs.
5. Iċ-ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni għandhom jiġu mħeġġa jikkooperaw permezz tan-Network sabiex jarmonizzaw il-mod li bih japplikaw il-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 3 u l-proċeduri għall-valutazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-entitajiet imsemmija fil-paragrafu 4.
6. Iċ-Ċentru ta’ Kompetenza għandu jirreġistra lill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji rilevanti kollha tal-Unjoni bħala membri tal-Komunità wara li jagħmel valutazzjoni sabiex jikkonferma li dik l-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija tal-Unjoni jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu. Tali reġistrazzjonijiet ma għandhomx ikunu limitati fiż-żmien iżda jistgħu jiġu revokati miċ-Ċentru ta’ Kompetenza fi kwalunkwe ħin jekk dan iqis li l-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija tal-Unjoni ma jkunux għadhom jissodisfaw il-kriterji stipulati fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu jew jaqgħu taħt l-Artikolu 136 tar-Regolament Finanzjarju.
7. Ir-rappreżentanti tal-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni jistgħu jipparteċipaw fil-ħidma tal-Komunità.
8. Entità reġistrata bħala membru tal-Komunità għandha taħtar ir-rappreżentanti tagħha biex tiżgura djalogu effiċjenti. Dawk ir-rappreżentanti għandu jkollhom għarfien espert fir-rigward tar-riċerka, it-teknoloġija jew l-industrija fil-qasam taċ-ċibersigurtà. Ir-rekwiżiti jistgħu jiġu speċifikati aktar mill-Bord ta’ Tmexxija, mingħajr ma jiġu limitati bla bżonn l-entitajiet fil-ħatra tar-rappreżentanti tagħhom.
9. Il-Komunità għandha, permezz tal-gruppi ta’ ħidma tagħha u b’mod partikolari permezz tal-Grupp Konsultattiv Strateġiku, tipprovdi lid-Direttur Eżekuttiv u lill-Bord ta’ Tmexxija b’parir strateġiku dwar l-Aġenda, il-programm ta’ ħidma annwali u l-programm ta’ ħidma pluriennali, f’konformità mar-regoli ta’ proċedura tal-Bord ta’ Tmexxija.
Artikolu 9
Kompiti tal-membri tal-Komunità
Il-membri tal-Komunità għandhom:
(a) |
jappoġġaw liċ-Ċentru ta’ Kompetenza fit-twettiq tal-missjoni u l-objettivi tiegħu u, għal dak il-għan, għandhom jaħdmu mill-qrib maċ-Ċentru ta’ Kompetenza u maċ-ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni; |
(b) |
fejn rilevanti, jieħdu sehem f’attivitajiet formali jew informali u fil-gruppi ta’ ħidma msemmija fil-punt (n) tal-Artikolu 13(3) biex iwettqu attivitajiet speċifiċi kif previst mill-programm ta’ ħidma annwali; u |
(c) |
fejn rilevanti, jappoġġaw liċ-Ċentru ta’ Kompetenza u liċ-ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni fil-promozzjoni ta’ proġetti speċifiċi. |
Artikolu 10
Kooperazzjoni taċ-Ċentru ta’ Kompetenza ma’ istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji oħrajn tal-Unjoni u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali
1. Sabiex ikunu żgurati l-konsistenza u l-komplementarjetà filwaqt li tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-isforzi, iċ-Ċentru ta’ Kompetenza għandu jikkoopera mal-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji rilevanti tal-Unjoni, inklużi l-ENISA, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, id-Direttorat Ġenerali taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni, l-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għar-Riċerka, l-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Kunsill Ewropew tar-Riċerka u l-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għas-Saħħa u għall-Qasam Diġitali stabbiliti bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/173 (13), Hubs Ewropej rilevanti tal-Innovazzjoni Diġitali, iċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità fl-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi stabbilita bir-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14), l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża fir-rigward tal-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 5 ta’ dan ir-Regolament u entitajiet rilevanti oħra tal-Unjoni. Iċ-Ċentru ta’ Kompetenza jista’ jikkoopera wkoll ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, fejn rilevanti.
2. Il-kooperazzjoni kif imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu tista’ sseħħ fil-qafas ta’ arranġamenti ta’ ħidma. Dawk l-arranġamenti għandhom jitressqu għall-approvazzjoni tal-Bord ta’ Tmexxija. Kwalunkwe kondiviżjoni ta’ informazzjoni klassifikata għandha sseħħ fil-qafas tal-arranġamenti amministrattivi konklużi f’konformità mal-Artikolu 36(3).
KAPITOLU II
Organizzazzjoni taċ-Ċentru ta’ Kompetenza
Artikolu 11
Sħubija u struttura
1. Il-membri taċ-Ċentru ta’ Kompetenza għandhom ikunu l-Unjoni, irrappreżentata mill-Kummissjoni, u l-Istati Membri.
2. L-istruttura taċ-Ċentru ta’ Kompetenza għandha tiżgura li jitwettqu l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 4 u l-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 5, u għandha tinkludi:
(a) |
Bord ta’ Tmexxija; |
(b) |
Direttur Eżekuttiv; |
(c) |
Grupp Konsultattiv Strateġiku. |
Artikolu 12
Kompożizzjoni tal-Bord ta’ Tmexxija
1. Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jkun magħmul minn rappreżentant wieħed minn kull Stat Membru u żewġ rappreżentanti tal-Kummissjoni li jaġixxu f’isem l-Unjoni.
2. Kull membru tal-Bord ta’ Tmexxija għandu jkollu supplenti. Dak is-supplenti għandu jirrappreżenta lill-membru fl-assenza tal-membru.
3. Il-membri tal-Bord ta’ Tmexxija maħtura mill-Istati Membri u s-supplenti tagħhom għandhom ikunu impjegati tas-settur pubbliku fl-Istat Membru rispettiv tagħhom u għandhom jinħatru abbażi tal-għarfien tagħhom fil-qasam tar-riċerka, it-teknoloġija u l-industrija fil-qasam taċ-ċibersigurtà, tal-kapaċità tagħhom li jiżguraw il-koordinazzjoni ta’ azzjonijiet u pożizzjonijiet maċ-ċentru nazzjonali ta’ koordinazzjoni rispettiv tagħhom, jew abbażi tal-ħiliet maniġerjali, amministrattivi u baġitarji tagħhom. Il-Kummissjoni għandha taħtar il-membri tagħha tal-Bord ta’ Tmexxija u s-supplenti tagħhom abbażi tal-għarfien tagħhom fil-qasam taċ-ċibersigurtà, fit-teknoloġija, jew abbażi tal-ħiliet maniġerjali, amministrattivi u baġitarji rilevanti tagħhom u l-kapaċità tagħhom li jiżguraw il-koordinazzjoni, is-sinerġiji u, sa fejn ikun possibbli, inizjattivi konġunti bejn politiki differenti, settorjali jew orizzontali, tal-Unjoni, li jinvolvu ċ-ċibersigurtà. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jagħmlu sforzi biex jillimitaw ir-rata ta’ bdil tar-rappreżentanti rispettivi tagħhom fil-Bord ta’ Tmexxija, sabiex jiżguraw il-kontinwità fil-ħidma tal-Bord ta’ Tmexxija. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandu jkollhom l-għan li jiksbu rappreżentanza bilanċjata bejn l-irġiel u n-nisa fuq il-Bord ta’ Tmexxija.
4. Il-mandat tal-membri tal-Bord ta’ Tmexxija u s-supplenti tagħhom għandu jkun ta’ erba’ snin. Dak il-mandat għandu jkun jista’ jiġġedded.
5. Il-membri tal-Bord ta’ Tmexxija għandhom jiżguraw li l-missjoni, l-objettivi, l-identità u l-awtonomija taċ-Ċentru ta’ Kompetenza jkunu salvagwardjati u li l-azzjonijiet tiegħu jkunu konsistenti ma’ dik il-missjoni u ma’ dawk l-objettivi, b’mod indipendenti u trasparenti.
6. Il-Bord ta’ Tmexxija jista’ jistieden osservaturi biex jieħdu sehem fil-laqgħat tiegħu kif xieraq, inklużi rappreżentanti tal-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji rilevanti tal-Unjoni, u lill-membri tal-Komunità.
7. Rappreżentant mill-ENISA għandu jkun osservatur permanenti fil-Bord ta’ Tmexxija. Il-Bord ta’ Tmexxija jista’ jistieden rappreżentant mill-Grupp Konsultattiv Strateġiku biex jattendi għal-laqgħat tiegħu.
8. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jieħu sehem fil-laqgħat tal-Bord ta’ Tmexxija iżda ma għandu jkollu ebda dritt tal-vot.
Artikolu 13
Kompiti tal-Bord ta’ Tmexxija
1. Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jkollu r-responsabbiltà globali għall-orjentazzjoni strateġika u għall-operazzjonijiet taċ-Ċentru ta’ Kompetenza, għandu jissorvelja l-implimentazzjoni tal-attivitajiet tiegħu u għandu jkun responsabbli għal kwalunkwe kompitu li mhuwiex speċifikament allokat lid-Direttur Eżekuttiv.
2. Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu. Dawk ir-regoli ta’ proċedura għandhom jinkludu proċeduri speċifiċi biex jiġu identifikati u evitati l-konflitti ta’ interess u għandhom jiżguraw il-kunfidenzjalità ta’ kull informazzjoni sensittiva.
3. Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jieħu deċiżjonijiet strateġiċi meħtieġa, b’mod partikolari fir-rigward ta’:
(a) |
l-iżvilupp u l-adozzjoni tal-Aġenda u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tagħha; |
(b) |
ir-riflessjoni tal-prijoritajiet ta’ politika tal-Unjoni u tal-Aġenda, l-adozzjoni tal-programm ta’ ħidma pluriennali li jinkludi prijoritajiet komuni industrijali, teknoloġiċi u ta’ riċerka li jkunu bbażati fuq il-ħtiġijiet identifikati mill-Istati Membri f’kooperazzjoni mal-Komunità u li jirrikjedu l-attenzjoni tal-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni, inklużi teknoloġiji u oqsma ewlenin għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet proprji tal-Unjoni fiċ-ċibersigurtà; |
(c) |
l-adozzjoni tal-programm ta’ ħidma annwali għall-implimentazzjoni tal-fondi rilevanti tal-Unjoni, b’mod partikolari l-partijiet taċ-ċibersigurtà tal-Orizzont Ewropa, sa fejn dawn ikunu kofinanzjati b’mod volontarju mill-Istati Membri, u tal-Programm Ewropa Diġitali, f’konformità mal-programm ta’ ħidma pluriennali taċ-Ċentru ta’ Kompetenza u l-proċess ta’ ppjanar strateġiku tal-Orizzont Ewropa; |
(d) |
l-adozzjoni tal-kontijiet annwali, tal-karta ta’ bilanċ u tar-rapport annwali tal-attività taċ-Ċentru ta’ Kompetenza, abbażi ta’ proposta mid-Direttur Eżekuttiv; |
(e) |
l-adozzjoni tar-regoli finanzjarji speċifiċi taċ-Ċentru ta’ Kompetenza f’konformità mal-Artikolu 70 tar-Regolament Finanzjarju; |
(f) |
bħala parti mill-programm ta’ ħidma annwali, l-allokazzjoni ta’ fondi mill-baġit tal-Unjoni għal temi għal azzjonijiet konġunti bejn l-Unjoni u l-Istati Membri; |
(g) |
bħala parti mill-programm ta’ ħidma annwali, u f’konformità mad-deċiżjonijiet imsemmija fil-punt (f) ta’ dan is-subparagrafu kif ukoll f’konformità mar-Regolamenti(UE) 2021/695 u (UE) 2021/694, id-deskrizzjoni tal-azzjonijiet konġunti msemmija fil-punt (f) ta’ dan is-subparagrafu u l-iffissar tal-kondizzjonijiet għall-implimentazzjoni ta’ tali azzjonijiet konġunti; |
(h) |
l-adozzjoni ta’ proċedura għall-ħatra tad-Direttur Eżekuttiv u għall-ħatra, it-tneħħija u l-estensjoni tal-mandat, tad-Direttur Eżekuttiv kif ukoll għall-għoti ta’ gwida lid-Direttur Eżekuttiv u għall-monitoraġġ tal-prestazzjoni tiegħu; |
(i) |
l-adozzjoni ta’ linji gwida għall-valutazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ entitajiet bħala membri tal-Komunità; |
(j) |
l-adozzjoni tal-arranġamenti ta’ ħidma msemmija fl-Artikolu 10(2); |
(k) |
il-ħatra tal-Uffiċjal tal-Kontabbiltà; |
(l) |
l-adozzjoni tal-baġit annwali taċ-Ċentru ta’ Kompetenza, inkluż il-pjan korrispondenti ta’ stabbiliment li jindika l-għadd ta’ postijiet temporanji skont il-grupp ta’ funzjoni u skont il-grad, bl-għadd ta’ persunal ikkuntrattat u l-għadd ta’ esperti nazzjonali ssekondati espressi f’ekwivalenti ta’ full-time; |
(m) |
l-adozzjoni ta’ regoli ta’ trasparenza għaċ-Ċentru ta’ Kompetenza u regoli għall-prevenzjoni u l-ġestjoni ta’ konflitti ta’ interess, inkluż fir-rigward tal-membri tal-Bord ta’ Tmexxija, f’konformità mal-Artikolu 42 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/715; |
(n) |
l-istabbiliment ta’ gruppi ta’ ħidma fi ħdan il-Komunità, fejn rilevanti b’kont meħud tal-parir mogħti mill-Grupp Konsultattiv Strateġiku; |
(o) |
il-ħatra ta’ membri tal-Grupp Konsultattiv Strateġiku; |
(p) |
l-adozzjoni ta’ regoli dwar ir-rimborż ta’ spejjeż għall-membri tal-Grupp Konsultattiv Strateġiku; |
(q) |
l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu ta’ monitoraġġ biex jiġi żgurat li l-implimentazzjoni tal-fondi rispettivi ġestiti miċ-Ċentru ta’ Kompetenza ssir f’konformità mal-Aġenda, mal-missjoni, mal-programm ta’ ħidma pluriennali u mar-regoli tal-programmi li jkunu s-sors tal-fondi rilevanti; |
(r) |
l-iżgurar ta’ djalogu regolari u l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni effettiv mal-Komunità; |
(s) |
l-istabbiliment tal-politika ta’ komunikazzjoni taċ-Ċentru ta’ Kompetenza abbażi ta’ rakkomandazzjoni tad-Direttur Eżekuttiv; |
(t) |
fejn ikun xieraq, l-istabbiliment ta’ regoli li jimplimentaw ir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-oħra tal-Unjoni, stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (15) (‘Regolamenti tal-Persunal’ u ‘Kondizzjonijiet tal-Impjieg’), f’konformità mal-Artikolu 30(3) ta’ dan ir-Regolament; |
(u) |
fejn ikun xieraq, l-istabbiliment ta’ regoli dwar l-issekondar ta’ esperti nazzjonali għaċ-Ċentru ta’ Kompetenza u dwar l-użu ta’ trainees f’konformità mal-Artikolu 31(2); |
(v) |
l-adozzjoni ta’ regoli ta’ sigurtà għaċ-Ċentru ta’ Kompetenza; |
(w) |
l-adozzjoni ta’ strateġija kontra l-frodi u kontra l-korruzzjoni li tkun proporzjonata għar-riskji ta’ frodi u korruzzjoni, kif ukoll l-adozzjoni ta’ miżuri komprensivi, f’konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni, sabiex jiġi protetti persuni li jirrappurtaw ksur tal-liġi tal-Unjoni, b’kont meħud ta’ analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji tal-miżuri li għandhom jiġu implimentati; |
(x) |
jekk ikun meħtieġ, l-adozzjoni tal-metodoloġija biex tiġi kkalkulata l-kontribuzzjoni volontarja finanzjarja u in natura mill-Istati Membri kontribwenti f’konformità mar-Regolamenti (UE) 2021/695 u (UE) 2021/694, jew ma’ kwalunkwe leġiżlazzjoni applikabbli oħra; |
(y) |
fil-kuntest tal-programm ta’ ħidma annwali u l-programm ta’ ħidma pluriennali, l-iżgurar ta’ koerenza u sinerġiji ma’ dawk il-partijiet tal-Programm Ewropa Diġitali u l-Orizzont Ewropa li mhumiex ġestiti miċ-Ċentru ta’ Kompetenza, kif ukoll ma’ programmi oħra tal-Unjoni; |
(z) |
l-adozzjoni tar-rapport annwali ta’ implimentazzjoni tal-għanijiet u l-prijoritajiet strateġiċi taċ-Ċentru ta’ Kompetenza, jekk meħtieġ b’rakkomandazzjoni għal titjib fit-twettiq ta’ dawk l-għanijiet u prijoritajiet. |
Sa fejn il-programm ta’ ħidma annwali jkun fih azzjonijiet konġunti, dan għandu jkun fih informazzjoni dwar il-kontribuzzjonijiet volontarji tal-Istati Membri għal azzjonijiet konġunti. Fejn xieraq, il-proposti, b’mod partikolari l-proposta għall-programm ta’ ħidma annwali, għandhom jivvalutaw il-ħtieġa li jiġu applikati regoli ta’ sigurtà kif stipulat fl-Artikolu 33 ta’ dan ir-Regolament, inkluża l-proċedura ta’ awtovalutazzjoni tas-sigurtà f’konformità mal-Artikolu 20 tar-Regolamenti(UE) 2021/695.
4. Fir-rigward tad-deċiżjonijiet imsemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-paragrafu 3, id-Direttur Eżekuttiv u l-Bord ta’ Tmexxija għandhom iqisu kwalunkwe parir u kontribut strateġiku rilevanti pprovdut mill-ENISA, f’konformità mar-regoli ta’ proċedura tal-Bord ta’ Tmexxija.
5. Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jkun responsabbli li jiżgura li jingħata segwitu adegwat għar-rakkomandazzjonijiet kontenuti fir-rapport ta’ implimentazzjoni u l-valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 38(2) u (4).
Artikolu 14
President u laqgħat tal-Bord ta’ Tmexxija
1. Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jeleġġi President u Viċi President minn fost il-membri tiegħu, kull wieħed għal perjodu ta’ tliet snin. Il-mandati tal-President u tal-Viċi President jistgħu jiġu estiżi darba, fuq deċiżjoni mill-Bord ta’ Tmexxija. Jekk, madankollu, is-sħubija tal-President jew tal-Viċi President fil-Bord ta’ Tmexxija tintemm fi kwalunkwe żmien matul il-mandati tagħhom, il-mandati tagħhom għandhom jiskadu awtomatikament f’dak il-mument. Il-Viċi President għandu jissostitwixxi ex officio lill-President jekk dan tal-aħħar ma jkunx jista’ jwettaq id-doveri tiegħu. Il-President għandu jieħu sehem fil-votazzjoni.
2. Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jagħmel laqgħat ordinarji tal-inqas tliet darbiet fis-sena. Huwa jista’ jagħmel laqgħat straordinarji fuq talba tal-Kummissjoni, fuq talba ta’ terz tal-membri kollha tiegħu, fuq talba tal-President, jew fuq talba tad-Direttur Eżekuttiv fit-twettiq tal-kompiti tiegħu.
3. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jieħu sehem fid-deliberazzjonijiet tal-Bord ta’ Tmexxija, sakemm il-Bord ta’ Tmexxija ma jiddeċidix mod ieħor, iżda ma għandux ikollu dritt tal-vot.
4. Il-Bord ta’ Tmexxija jista’ jistieden persuni oħra biex jattendu l-laqgħat tiegħu bħala osservaturi, skont il-każ.
5. Il-President jista’ jistieden rappreżentanti tal-Komunità biex jieħdu sehem fil-laqgħat tal-Bord ta’ Tmexxija, iżda ma għandux ikollhom dritt tal-vot.
6. Il-membri tal-Bord ta’ Tmexxija u s-supplenti tagħhom jistgħu jkunu assistiti minn konsulenti jew esperti fil-laqgħat, soġġett għar-regoli ta’ proċedura tal-Bord ta’ Tmexxija.
7. Iċ-Ċentru ta’ Kompetenza għandu jipprovdi s-segretarjat għall-Bord ta’ Tmexxija.
Artikolu 15
Regoli tal-votazzjoni tal-Bord ta’ Tmexxija
1. Il-Bord ta’ Tmexxija għandu juża approċċ konsenswali fid-diskussjonijiet tiegħu. Għandha ssir votazzjoni jekk il-membri tal-Bord ta’ Tmexxija ma jirnexxilhomx jilħqu konsensus.
2. Jekk il-Bord ta’ Tmexxija ma jirnexxilux jilħaq konsensus dwar kwistjoni, huwa għandu jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu permezz ta’ maġġoranza ta’ mill-inqas 75 % tal-voti tal-membri kollha tiegħu, fejn ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni jikkostitwixxu membru uniku għal dak il-fini. Membru assenti tal-Bord ta’ Tmexxija jista’ jiddelega l-vot tiegħu lis-supplenti tiegħu jew, fin-nuqqas tas-supplenti tiegħu, lil membru ieħor. Ebda membru tal-Grupp ta’ Tmexxija ma għandu jirrappreżenta aktar minn membru wieħed ieħor.
3. Id-deċiżjonijiet tal-Bord ta’ Tmexxija dwar l-azzjonijiet konġunti u l-ġestjoni tagħhom kif imsemmija fil-punti (f) u (g) tal-Artikolu 13(3) għandhom jittieħdu kif ġej:
(a) |
id-deċiżjonijiet li jiġu allokati fondi mill-baġit tal-Unjoni għal azzjonijiet konġunti kif imsemmi fil-punt (f) tal-Artikolu 13(3) u d-deċiżjonijiet li jiġu inklużi tali azzjonijiet konġunti fil-programm ta’ ħidma annwali għandhom jittieħdu f’konformità mal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu; |
(b) |
id-deċiżjonijiet relatati mad-deskrizzjoni ta’ azzjonijiet konġunti u li jistabbilixxu l-kondizzjonijiet għall-implimentazzjoni tagħhom imsemmija fil-punt (g) tal-Artikolu 13(3) għandhom jittieħdu mill-Istati Membri parteċipanti u mill-Kummissjoni, soġġetti għall-kondizzjoni li d-dritt tal-vot tal-membri jkun proporzjonat għall-kontribuzzjonijiet rispettivi tagħhom għal dik l-azzjoni konġunta, ikkalkolati f’konformità mal-metodoloġija adottata skont il-punt (x) tal-Artikolu 13(3). |
4. Għal deċiżjonijiet li jittieħdu taħt il-punti (b), (c), (d), (e), (f), (k), (l), (p), (q), (t), (u), (w), (x) u (y) tal-Artikolu 13(3), il-Kummissjoni għandu jkollha 26 % tal-voti totali fil-Bord ta’ Tmexxija.
5. Għal deċiżjonijiet oħra għajr dawk imsemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 3 u fil-paragrafu 4, kull Stat Membru u l-Unjoni għandu jkollhom vot wieħed. Il-vot tal-Unjoni għandu jintefa’ b’mod konġunt miż-żewġ rappreżentanti tal-Kummissjoni.
6. Il-President għandu jieħu sehem fil-votazzjoni.
Artikolu 16
Ħatra, tneħħija, u estensjoni tal-mandat tad-Direttur Eżekuttiv
1. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun persuna b’għarfien espert u reputazzjoni solida fl-oqsma li fihom jopera ċ-Ċentru ta’ Kompetenza.
2. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jiġi ingaġġat bħala aġent temporanju taċ-Ċentru ta’ Kompetenza taħt il-punt (a) tal-Artikolu 2 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg.
3. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jinħatar mill-Bord ta’ Tmexxija minn lista ta’ kandidati proposti mill-Kummissjoni, wara proċedura miftuħa, trasparenti u nondiskriminatorja ta’ selezzjoni.
4. Għall-fini tal-konklużjoni tal-kuntratt tad-Direttur Eżekuttiv, iċ-Ċentru ta’ Kompetenza għandu jkun rappreżentat mill-President tal-Bord ta’ Tmexxija.
5. Il-mandat tad-Direttur Eżekuttiv għandu jkun ta’ erba’ snin. Qabel tmiem dak il-perjodu, il-Kummissjoni għandha tagħmel valutazzjoni li tikkunsidra l-evalwazzjoni tal-prestazzjoni tad-Direttur Eżekuttiv u l-kompiti u l-isfidi futuri taċ-Ċentru ta’ Kompetenza.
6. Il-Bord ta’ Tmexxija, filwaqt li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni li tikkunsidra l-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 5, jista’ jestendi l-mandat tad-Direttur Eżekuttiv darba, għal mhux aktar minn erba’ snin.
7. Direttur Eżekuttiv li l-mandat tiegħu jkun ġie estiż ma għandux jieħu sehem fi proċedura ta’ selezzjoni oħra għall-istess post.
8. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jitneħħa mill-kariga biss b’deċiżjoni tal-Bord ta’ Tmexxija, li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni jew minn tal-inqas 50 % tal-Istati Membri.
Artikolu 17
Kompiti tad-Direttur Eżekuttiv
1. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun responsabbli għall-operazzjonijiet u l-ġestjoni ta’ kuljum taċ-Ċentru ta’ Kompetenza u għandu jkun ir-rappreżentant legali tiegħu. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jagħti rendikont ta’ għemilu lill-Bord ta’ Tmexxija u jaqdi dmirijietu b’indipendenza sħiħa fil-limiti tas-setgħat mogħtija lilu. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun appoġġat mill-persunal taċ-Ċentru ta’ Kompetenza.
2. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jwettaq tal-inqas il-kompiti li ġejjin b’mod indipendenti:
(a) |
jimplimenta d-deċiżjonijiet adottati mill-Bord ta’ Tmexxija; |
(b) |
jappoġġa lill-Bord ta’ Tmexxija f’ħidmietu, jipprovdi s-segretarjat għal-laqgħat tiegħu u jipprovdi l-informazzjoni kollha neċessarja għall-qadi ta’ dmirijietu; |
(c) |
wara konsultazzjoni mal-Bord ta’ Tmexxija u mal-Kummissjoni, u b’kont meħud tal-kontribut taċ-ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni u tal-Komunità, iħejji u jissottometti għall-adozzjoni lill-Bord ta’ Tmexxija l-Aġenda, kif ukoll, f’konformità mal-Aġenda, l-abbozz ta’ programm ta’ ħidma annwali u l-abbozz tal-programm ta’ ħidma pluriennali taċ-Ċentru ta’ Kompetenza, inklużi l-ambitu tas-sejħiet għal proposti, is-sejħiet għal espressjonijiet ta’ interess u s-sejħiet għal offerti meħtieġa sabiex jiġi implimentat il-programm ta’ ħidma annwali u l-estimi tal-infiq korrispondenti kif proposti mill-Istati Membri u l-Kummissjoni; |
(d) |
iħejji u jissottometti l-abbozz tal-baġit annwali lill-Bord ta’ Tmexxija għall-adozzjoni, inkluż il-pjan ta’ stabbiliment korrispondenti msemmi fil-punt (l) tal-Artikolu 13(3), li jindika l-għadd ta’ postijiet temporanji f’kull grad u grupp ta’ funzjoni u l-għadd ta’ persunal kuntrattat u ta’ esperti nazzjonali ssekondati, espressi f’ekwivalenti ta’ full-time; |
(e) |
jimplimenta l-programm ta’ ħidma annwali u l-programm ta’ ħidma pluriennali u jirrapporta lill-Bord ta’ Tmexxija dwar dan; |
(f) |
iħejji l-abbozz tar-rapport annwali tal-attività taċ-Ċentru ta’ Kompetenza, inklużi l-informazzjoni dwar l-infiq korrispondenti u l-implimentazzjoni tal-Aġenda u tal-programm ta’ ħidma pluriennali; jekk ikun meħtieġ, dak ir-rapport għandu jkun akkumpanjat minn proposti għal aktar titjib fit-twettiq jew għar-riformulazzjoni tal-għanijiet u l-prijoritajiet strateġiċi; |
(g) |
jiżgura l-implimentazzjoni ta’ proċeduri effettivi ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni fir-rigward tal-prestazzjoni taċ-Ċentru ta’ Kompetenza; |
(h) |
iħejji pjan ta’ azzjoni li jagħti segwitu għall-konklużjonijiet tar-rapport ta’ implimentazzjoni u tal-evalwazzjoni msemmija fl-Artikolu 38(2) u (4) u, kull sentejn, jippreżenta rapporti dwar il-progress lill-Parlament Ewropew u lill-Kummissjoni; |
(i) |
iħejji u jikkonkludi ftehimiet maċ-ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni; |
(j) |
ikun responsabbli għal materji amministrattivi, finanzjarji u tal-persunal, inkluża l-implimentazzjoni tal-baġit taċ-Ċentru ta’ Kompetenza, b’kunsiderazzjoni dovuta tal-pariri mogħtija mill-funzjoni rilevanti ta’ awditjar intern, f’konformità mad-deċiżjonijiet imsemmija fil-punti (e), (l), (t), (u), (v) u (w) tal-Artikolu 13(3); |
(k) |
japprova u jiġġestixxi t-tnedija ta’ sejħiet għal proposti f’konformità mal-programm ta’ ħidma annwali, u jamministra l-ftehimiet u d-deċiżjonijiet li jirriżultaw dwar l-għotjiet; |
(l) |
japprova l-lista ta’ azzjonijiet magħżula għal finanzjament abbażi ta’ lista ta’ klassifikazzjoni stabbilita minn panel ta’ esperti indipendenti; |
(m) |
japprova u jiġġestixxi t-tnedija ta’ sejħiet għal offerti f’konformità mal-programm ta’ ħidma annwali, u jamministra l-kuntratti li jirriżultaw; |
(n) |
japprova l-offerti magħżula għal finanzjament; |
(o) |
jippreżenta l-abbozzi tal-kontijiet annwali u l-karta tal-bilanċ lill-funzjoni rilevanti ta’ awditjar intern u, sussegwentement, lill-Bord ta’ Tmexxija; |
(p) |
jiżgura t-twettiq tal-valutazzjonijiet tar-riskju u tal-ġestjoni tar-riskju; |
(q) |
jiffirma ftehimiet, deċiżjonijiet u kuntratti dwar għotjiet individwali; |
(r) |
jiffirma kuntratti ta’ akkwist; |
(s) |
iħejji pjan ta’ azzjoni li jagħti segwitu għall-konklużjonijiet ta’ rapporti ta’ awditjar intern jew estern, kif ukoll għal investigazzjonijiet mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/352/KE, KEFA, Euratom (16) u jirrapporta dwar il-progress darbtejn fis-sena lill-Kummissjoni kif ukoll regolarment lill-Bord ta’ Tmexxija; |
(t) |
iħejji abbozz ta’ regoli finanzjarji applikabbli għaċ-Ċentru ta’ Kompetenza; |
(u) |
jistabbilixxi u jiżgura l-funzjonament ta’ sistema, effettiva u effiċjenti, ta’ kontroll intern u jirrapporta kull bidla sinifikanti fiha lill-Bord ta’ Tmexxija; |
(v) |
jiżgura komunikazzjoni effettiva mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u jirrapporta, fuq stedina, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill; |
(w) |
jieħu kwalunkwe miżura oħra meħtieġa sabiex jivvaluta t-twettiq miċ-Ċentru ta’ Kompetenza tal-missjoni u l-objettivi tiegħu; |
(x) |
iwettaq kwalunkwe kompitu ieħor fdat jew iddelegat lilu mill-Bord ta’ Tmexxija. |
Artikolu 18
Kompożizzjoni tal-Grupp Konsultattiv Strateġiku
1. Il-Grupp Konsultattiv Strateġiku għandu jikkonsisti f’mhux aktar minn 20 membru. Il-membri għandhom jinħatru mill-Bord ta’ Tmexxija, li jaġixxi fuq proposta mid-Direttur Eżekuttiv, minn fost ir-rappreżentanti tal-membri tal-Komunità għajr ir-rappreżentanti tal-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni. Huma biss ir-rappreżentanti ta’ membri li mhumiex ikkontrollati minn pajjiż terz jew minn entità stabbilita f’pajjiż terz li għandhom ikunu eliġibbli. Il-ħatra għandha ssir f’konformità ma’ proċedura miftuħa, trasparenti u nondiskriminatorja. Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jkollu l-għan li l-kompożizzjoni tal-Grupp Konsultattiv Strateġiku tikseb rappreżentanza bbilanċjata tal-Komunità bejn entitajiet xjentifiċi, industrijali u tas-soċjetà ċivili, industriji min-naħa tad-domanda u tal-provvista, intrapriżi kbar u SMEs, kif ukoll rappreżentanza bbilanċjata f’termini ta’ provenjenza ġeografika u ġeneru. Huwa għandu jkollu l-għan li jikseb ukoll bilanċ intrasettorjali, filwaqt li titqies il-koeżjoni tal-Unjoni u tal-Istati Membri kollha fil-qasam tar-riċerka, l-industrija u t-teknoloġija fil-qasam taċ-ċibersigurtà. Il-Grupp Konsultattiv Strateġiku għandu jkun magħmul b’mod li jiffaċilita djalogu komprensiv, kontinwu u permanenti bejn il-Komunità u ċ-Ċentru ta’ Kompetenza.
2. Il-membri tal-Grupp Konsultattiv Strateġiku għandu jkollhom għarfien espert fir-rigward tar-riċerka dwar iċ-ċibersigurtà, tal-iżvilupp industrijali, tal-għoti, tal-implimentazzjoni jew tal-użu ta’ servizzi jew prodotti professjonali. Ir-rekwiżiti għal tali għarfien espert għandhom ikomplu jiġu speċifikati mill-Bord ta’ Tmexxija.
3. Il-proċeduri li jikkonċernaw il-ħatra tal-membri tal-Grupp Konsultattiv Strateġiku u l-operazzjoni tal-Grupp Konsultattiv Strateġiku għandhom jiġu speċifikati fir-regoli ta’ proċedura tal-Bord ta’ Tmexxija u għandhom jiġu ppubblikati.
4. Il-mandat tal-membri tal-Grupp Konsultattiv Strateġiku għandu jkun ta’ sentejn. Dak il-mandat għandu jkun jista’ jiġġedded darba.
5. Rappreżentanti tal-Kummissjoni u ta’ istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji oħrajn tal-Unjoni, b’mod partikolari l-ENISA, jistgħu jiġu mistiedna mill-Grupp Konsultattiv Strateġiku biex jieħdu sehem fil-ħidma tiegħu u jappoġġawha. Il-Grupp Konsultattiv Strateġiku jista’ jistieden rappreżentanti addizzjonali mill-Komunità fil-kapaċitajiet ta’ osservaturi, konsulenti, jew esperti, kif ikun adatt skont il-każ, biex jieħdu kont tad-dinamika tal-iżviluppi fil-qasam taċ-ċibersigurtà. Membri tal-Bord ta’ Tmexxija jistgħu jieħdu sehem bħala osservaturi fil-laqgħat tal-Grupp Konsultattiv Strateġiku.
Artikolu 19
Funzjonament tal-Grupp Konsultattiv Strateġiku
1. Il-Grupp Konsultattiv Strateġiku għandu jiltaqa’ tal-inqas tliet darbiet fis-sena.
2. Il-Grupp Konsultattiv Strateġiku għandu jipprovdi pariri lill-Bord ta’ Tmexxija dwar l-istabbiliment ta’ gruppi ta’ ħidma fi ħdan il-Komunità, f’konformità mal-punt (n) tal-Artikolu 13(3) dwar kwistjonijiet speċifiċi rilevanti għall-ħidma taċ-Ċentru ta’ Kompetenza, kull meta dawk il-kwistjonijiet jirrelataw direttament mal-kompiti u l-oqsma ta’ kompetenza msemmija fl-Artikolu 20. Fejn ikun neċessarju, tali gruppi ta’ ħidma għandhom ikunu soġġetti għall-koordinazzjoni globali ta’ membru wieħed jew aktar tal-Grupp Konsultattiv Strateġiku.
3. Il-Grupp Konsultattiv Strateġiku għandu jeleġġi l-President tiegħu permezz ta’ maġġoranza sempliċi tal-membri tiegħu.
4. Is-segretarjat tal-Grupp Konsultattiv Strateġiku għandu jiġi pprovdut mid-Direttur Eżekuttiv u mill-persunal taċ-Ċentru ta’ Kompetenza, bl-użu tar-riżorsi eżistenti, b’kunsiderazzjoni xierqa tal-volum globali ta’ xogħol taċ-Ċentru ta’ Kompetenza. Ir-riżorsi assenjati għall-appoġġ lill-Grupp Konsultattiv Strateġiku għandhom jiġu indikati fl-abbozz tal-baġit annwali.
5. Il-Grupp Konsultattiv Strateġiku għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu permezz ta’ maġġoranza sempliċi tal-membri tiegħu.
Artikolu 20
Kompiti tal-Grupp Konsultattiv Strateġiku
Il-Grupp Konsultattiv Strateġiku għandu jagħti pariri regolarment liċ-Ċentru ta’ Kompetenza fir-rigward tal-prestazzjoni tal-attivitajiet taċ-Ċentru ta’ Kompetenza u għandu jiżgura l-komunikazzjoni mal-Komunità u ma’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħra. Il-Grupp Konsultattiv Strateġiku għandu wkoll:
(a) |
filwaqt li jqis il-kontribuzzjonijiet mill-Komunità u mill-gruppi ta’ ħidma msemmija fil-punt (n) tal-Artikolu 13(3) fejn rilevanti, jipprovdi u jaġġorna kontinwament il-pariri u l-kontributi strateġiċi lid-Direttur Eżekuttiv u lill-Bord ta’ Tmexxija fir-rigward tal-Aġenda, il-programm ta’ ħidma annwali u l-programm ta’ ħidma pluriennali fil-limiti tal-iskadenzi stabbiliti mill-Bord ta’ Tmexxija; |
(b) |
jagħti pariri lill-Bord ta’ Tmexxija dwar l-istabbiliment ta’ gruppi ta’ ħidma fi ħdan il-Komunità f’konformità mal-punt (n) tal-Artikolu 13(3) fir-rigward ta’ kwistjonijiet speċifiċi rilevanti għall-ħidma taċ-Ċentru ta’ Kompetenza; |
(c) |
soġġett għal approvazzjoni mill-Bord ta’ Tmexxija, jiddeċiedi dwar, u jorganizza, konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħin għall-partijiet ikkonċernati pubbliċi u privati kollha li jkollhom interess fil-qasam taċ-ċibersigurtà, sabiex jiġbor kontributi għall-pariri strateġiċi msemmija fil-punt (a). |
KAPITOLU III
Dispożizzjonijiet finanzjarji
Artikolu 21
Kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni u tal-Istati Membri
1. Iċ-Ċentru ta’ Kompetenza għandu jiġi ffinanzjat mill-Unjoni, filwaqt li l-azzjonijiet konġunti għandhom jiġu ffinanzjati mill-Unjoni u minn kontribuzzjonijiet volontarji tal-Istati Membri.
2. Il-kostijiet amministrattivi u operazzjonali tal-azzjonijiet konġunti għandhom ikunu koperti mill-Unjoni u mill-Istati Membri li jikkontribwixxu għall-azzjonijiet konġunti, f’konformità mar-Regolamenti (UE) 2021/695 u (UE) 2021/694.
3. Il-kontribuzzjoni tal-Unjoni liċ-Ċentru ta’ Kompetenza sabiex jiġu koperti l-kostijiet amministrattivi u l-kostijiet operazzjonali għandha tikkonsisti minn dawn li ġejjin:
(a) |
sa EUR 1 649 566 000 mill-Programm Ewropa Diġitali, li jinkludu sa EUR 32 000 000 għal kostijiet amministrattivi; |
(b) |
ammont mill-Orizzont Ewropa, inkluż għal kostijiet amministrattivi, għal azzjonijiet konġunti, fejn tali ammont ikun ugwali għall-ammont ikkontribwit mill-Istati Membri skont il-paragrafu 7 ta’ dan l-Artikolu iżda li ma jaqbiżx l-ammont iddeterminat fil-proċess tal-ippjanar strateġiku tal-Orizzont Ewropa li għandu jitwettaq skont l-Artikolu 6(6) tar-Regolament (UE) 2021/695, fil-programm ta’ ħidma annwali jew fil-programm ta’ ħidma pluriennali; |
(c) |
ammont mill-programmi tal-Unjoni rilevanti l-oħra, kif meħtieġ għall-implimentazzjoni tal-kompiti jew it-twettiq tal-objettivi taċ-Ċentru ta’ Kompetenza, soġġett għal deċiżjonijiet meħuda f’konformità mal-atti legali tal-Unjoni li jistabbilixxu dawk il-programmi. |
4. Il-kontribuzzjoni massima tal-Unjoni għandha titħallas mill-approprjazzjonijiet fil-baġit ġenerali tal-Unjoni allokati lill-Programm Ewropa Diġitali, il-programm speċifiku li jimplimenta l-Orizzont Ewropa stabbilit mid-Deċiżjoni (UE) 2021/764 u programmi u proġetti oħra li jaqgħu fl-ambitu taċ-Ċentru ta’ Kompetenza jew tan-Network.
5. Iċ-Ċentru ta’ Kompetenza għandu jimplimenta l-azzjonijiet taċ-ċibersigurtà tal-Programm Ewropa Diġitali u tal-Orizzont Ewropa f’konformità mal-punt (c)(iv) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 62(1) tar-Regolament Finanzjarju.
6. Kontribuzzjonijiet minn programmi oħra tal-Unjoni għajr dawk imsemmija fil-paragrafi 3 u 4 li jkunu parti mill-kofinanzjament tal-Unjoni għal programm implimentat minn wieħed mill-Istati Membri ma għandhomx jiġu kontabilizzati fil-kalkolu tal-kontribuzzjoni finanzjarja massima tal-Unjoni msemmija f’dawk il-paragrafi.
7. L-Istati Membri għandhom jieħdu sehem volontarjament f’azzjonijiet konġunti permezz ta’ kontribuzzjonijiet, finanzjarji u/jew in natura, volontarji. Jekk Stat Membru jieħu sehem f’azzjoni konġunta, il-kontribuzzjoni finanzjarja minn dak l-Istat Membru għandha tkopri l-kostijiet amministrattivi fi proporzjon mal-kontribuzzjoni tiegħu għal dik l-azzjoni konġunta. Il-kostijiet amministrattivi tal-azzjonijiet konġunti għandha jitħallsu minn kontribuzzjonijiet finanzjarji. Il-kostijiet operazzjonali tal-azzjonijiet konġunti jistgħu jitħallsu minn kontribuzzjonijiet finanzjarji jew in natura, skont kif previst mill-Orizzont Ewropa u mill-Programm Ewropa Diġitali. Il-kontribuzzjonijiet minn kull Stat Membru jistgħu jieħdu l-forma ta’ appoġġ li l-Istat Membru jipprovdi f’azzjoni konġunta lill-benefiċjarji stabbiliti f’dak l-Istat Membru. Il-kontribuzzjonijiet in natura mill-Istati Membri jikkonsistu mill-kostijiet eliġibbli mġarrba miċ-ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni u entitajiet pubbliċi oħra meta jieħdu sehem fi proġetti ffinanzjati permezz ta’ dan ir-Regolament, bi tnaqqis ta’ kwalunkwe kontribuzzjoni tal-Unjoni għal dawk il-kostijiet. Fil-każ ta’ proġetti ffinanzjati mill-Orizzont Ewropa, il-kostijiet eliġibbli għandhom jiġu kkalkulati f’konformità mal-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) 2021/695. Fil-każ ta’ proġetti ffinanzjati mill-Programm Ewropa Diġitali, il-kostijiet eliġibbli għandhom jiġu kkalkulati f’konformità mar-Regolament Finanzjarju.
L-ammont previst tal-kontribuzzjonijiet volontarji totali tal-Istati Membri għal azzjonijiet konġunti taħt l-Orizzont Ewropa, inklużi kontribuzzjonijiet finanzjarji għal kostijiet amministrattivi, għandu jiġi ddeterminat sabiex jitqies bħala parti mill-proċess tal-ippjanar strateġiku tal-Orizzont Ewropa li għandu jitwettaq skont l-Artikolu 6(6) tar-Regolament (UE) 2021/695, b’kontribut mill-Bord ta’ Tmexxija. Għall-azzjonijiet taħt il-Programm Ewropa Diġitali, minkejja l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) 2021/694, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu kontribuzzjoni għall-kostijiet taċ-Ċentru ta’ Kompetenza li huma kkofinanzjati mill-Programm Ewropa Diġitali li tkun inqas mill-ammonti speċifikati fil-punt (a) tal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.
8. Il-kofinanzjament nazzjonali tal-Istati Membri ta’ azzjonijiet appoġġati minn programmi tal-Unjoni għajr l-Orizzont Ewropa u l-Programm Ewropa Diġitali għandu jitqies bħala kontribuzzjonijiet nazzjonali tal-Istati Membri sa fejn dawk il-kontribuzzjonijiet ikunu partijiet minn azzjonijiet konġunti u jkunu inklużi fil-programm ta’ ħidma taċ-Ċentru ta’ Kompetenza.
9. Għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-kontribuzzjonijiet msemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu u fil-punt (b) tal-Artikolu 22(2), il-kostijiet għandhom jiġu ddeterminati f’konformità mal-prattiki normali tal-kontabbiltà tal-kostijiet tal-Istat Membru kkonċernat, l-istandards tal-kontabbiltà applikabbli tal-Istat Membru kkonċernat, u l-istandards internazzjonali tal-kontabbiltà u l-istandards internazzjonali tar-rappurtar finanzjarju li jkunu applikabbli. Il-kostijiet għandhom jiġu ċċertifikati minn awditur estern indipendenti maħtur mill-Istat Membru kkonċernat. Jekk miċ-ċertifikazzjoni tirriżulta xi inċertezza, iċ-Ċentru ta’ Kompetenza jista’ jivverifika l-metodu tal-valutazzjoni.
10. Jekk xi Stat Membru jkun inadempjenti fl-impenji tiegħu fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji jew in natura tiegħu għal azzjonijiet konġunti, id-Direttur Eżekuttiv għandu jinnotifika lill-Istat Membru kkonċernat b’dan bil-miktub u għandu jistabbilixxi perjodu raġonevoli li fih għandha tiġi rimedjata tali inadempjenza. Jekk is-sitwazzjoni ma tiġix rimedjata f’dak il-perjodu, id-Direttur Eżekuttiv għandu jlaqqa’ lill-Bord ta’ Tmexxija biex jiddeċiedi jekk għandux jiġi revokat id-dritt tal-vot tal-Istat Membru parteċipanti inadempjenti jew jekk għandhomx jittieħdu xi miżuri oħra sa meta dak l-Istat Membru jkun issodisfa l-obbligi tiegħu. Id-dritt tal-vot tal-Istat Membru inadempjenti fir-rigward ta’ azzjonijiet konġunti għandu jiġi sospiż sa meta tiġi rimedjata l-inadempjenza tiegħu.
11. Il-Kummissjoni tista’ tittermina, tnaqqas b’mod proporzjonat jew tissospendi l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għal azzjonijiet konġunti jekk l-Istati Membri kontribwenti ma jikkontribwixxux, jikkontribwixxu biss parzjalment jew jikkontribwixxu tard fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet imsemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 3. It-terminazzjoni, it-tnaqqis jew is-sospensjoni mill-Kummissjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għandha tkun proporzjonata fl-ammont u fiż-żmien għal nuqqas ta’ kontribuzzjoni, kontribuzzjoni parzjali jew kontribuzzjoni tardiva min-naħa tal-Istat Membru.
12. Sal-31 ta’ Jannar ta’ kull sena, l-Istati Membri kontribwenti għandhom jirrappurtaw lill-Bord ta’ Tmexxija dwar il-valur tal-kontribuzzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 7 għal kull azzjoni konġunta mal-Unjoni magħmula f’kull wieħed minnhom fis-sena finanzjarja preċedenti.
Artikolu 22
Kostijiet u riżorsi taċ-Ċentru ta’ Kompetenza
1. Il-kostijiet amministrattivi taċ-Ċentru ta’ Kompetenza għandhom ikunu, fil-prinċipju, koperti permezz ta’ kontribuzzjonijiet finanzjarji fuq bażi annwali mill-Unjoni. Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji addizzjonali għandhom isiru minn Stati Membri kontribwenti b’mod proporzjonat għall-kontribuzzjonijiet volontarji mill-Istati Membri għall-azzjonijiet konġunti. Jekk parti mill-kontribuzzjoni għall-kostijiet amministrattivi ma tintużax, din tista’ ssir disponibbli biex jiġu koperti l-kostijiet operazzjonali taċ-Ċentru ta’ Kompetenza.
2. Il-kostijiet operazzjonali taċ-Ċentru ta’ Kompetenza għandhom jiġu koperti permezz ta’:
(a) |
il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni; |
(b) |
kontribuzzjonijiet, finanzjarji jew in natura, volontarji mill-Istati Membri kontribwenti fil-każ ta’ azzjonijiet konġunti. |
3. Ir-riżorsi taċ-Ċentru ta’ Kompetenza mdaħħla fil-baġit tiegħu għandhom ikunu magħmula mill-kontribuzzjonijiet li ġejjin:
(a) |
il-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni għall-kostijiet operazzjonali u amministrattivi; |
(b) |
kontribuzzjonijiet finanzjarji volontarji tal-Istati Membri kontribwenti għall-kostijiet amministrattivi fil-każ ta’ azzjonijiet konġunti; |
(c) |
kontribuzzjonijiet finanzjarji volontarji tal-Istati Membri kontribwenti għall-kostijiet operazzjonali fil-każ ta’ azzjonijiet konġunti; |
(d) |
kwalunkwe dħul iġġenerat miċ-Ċentru ta’ Kompetenza; |
(e) |
kwalunkwe kontribuzzjoni finanzjarja oħra, jew riżorsa oħra jew dħul ieħor. |
4. Kwalunkwe mgħax li jirriżulta mill-kontribuzzjonijiet imħallsin liċ-Ċentru ta’ Kompetenza mill-Istati Membri kontribwenti għandu jitqies bħala d-dħul taċ-Ċentru ta’ Kompetenza.
5. Ir-riżorsi kollha taċ-Ċentru ta’ Kompetenza u l-attivitajiet tiegħu għandhom jintużaw għat-twettiq tal-objettivi tiegħu.
6. Iċ-Ċentru ta’ Kompetenza għandu jkun il-proprjetarju tal-assi kollha ġġenerati minnu jew ittrasferiti lilu għat-twettiq tal-objettivi tiegħu. Mingħajr preġudizzju għar-regoli applikabbli tal-programm rilevanti ta’ finanzjament, is-sjieda tal-assi li jkunu ġġenerati jew akkwistati f’azzjonijiet konġunti għandha tiġi deċiża f’konformità mal-punt (b) tal-Artikolu 15(3).
7. Ħlief meta jiġi stralċat iċ-Ċentru ta’ Kompetenza, kull dħul żejjed fuq l-infiq għandu jibqa’ l-proprjetà taċ-Ċentru ta’ Kompetenza u ma għandux jitħallas lill-membri kontribwenti taċ-Ċentru ta’ Kompetenza.
8. Iċ-Ċentru ta’ Kompetenza għandu jikkoopera mill-qrib ma’ istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji oħra tal-Unjoni, filwaqt li jitqiesu debitament il-mandati rispettivi tagħhom u mingħajr ma jiġu ddupplikati l-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni eżistenti, sabiex jibbenefika minn sinerġiji magħhom u, fejn ikun possibbli u xieraq, sabiex inaqqas il-kostijiet amministrattivi.
Artikolu 23
Impenji finanzjarji
L-impenji finanzjarji taċ-Ċentru ta’ Kompetenza ma għandhomx jaqbżu l-ammont tar-riżorsi finanzjarji disponibbli jew impenjati għall-baġit tiegħu mill-membri tiegħu.
Artikolu 24
Sena finanzjarja
Is-sena finanzjarja għandha tkun mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru.
Artikolu 25
Stabbiliment tal-baġit
1. Kull sena, id-Direttur Eżekuttiv għandu jfassal abbozz ta’ dikjarazzjoni tal-estimi tad-dħul u l-infiq taċ-Ċentru ta’ Kompetenza għas-sena finanzjarja sussegwenti u għandu jgħaddih lill-Bord ta’ Tmexxija, flimkien ma’ abbozz tal-pjan ta’ stabbiliment imsemmi fil-punt (l) tal-Artikolu 13(3). Id-dħul u l-infiq għandhom ikunu bilanċjati. L-infiq taċ-Ċentru ta’ Kompetenza għandu jinkludi l-ispejjeż tal-persunal u dawk amministrattivi, infrastrutturali u operazzjonali. L-ispejjeż amministrattivi għandhom jinżammu kemm jista’ jkun baxxi, anke permezz tar-riallokazzjoni tal-persunal jew tal-karigi.
2. Kull sena, il-Bord ta’ Tmexxija għandu, abbażi tal-abbozz ta’ dikjarazzjoni tal-estimi tad-dħul u l-infiq imsemmija fil-paragrafu 1, jipproduċi dikjarazzjoni tal-estimi tad-dħul u l-infiq għaċ-Ċentru ta’ Kompetenza għas-sena finanzjarja sussegwenti.
3. Sal-31 ta’ Jannar ta’ kull sena, il-Bord ta’ Tmexxija għandu jibgħat id-dikjarazzjoni tal-estimi msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, li għandha tkun parti mill-abbozz tad-dokument uniku ta’ programmazzjoni msemmi fl-Artikolu 32(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2019/715, lill-Kummissjoni.
4. Abbażi tad-dikjarazzjoni tal-estimi msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha ddaħħal fl-abbozz tal-baġit tal-Unjoni l-estimi li tqis li jkunu meħtieġa għall-pjan ta’ stabbiliment imsemmi fil-punt (l) tal-Artikolu 13(3) ta’ dan ir-Regolament u l-ammont tal-kontribuzzjoni li għandu jiġi addebitat lill-baġit ġenerali, li hija għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill f’konformità mal-Artikoli 313 u 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).
5. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jawtorizzaw l-approprjazzjonijiet għall-kontribuzzjoni liċ-Ċentru ta’ Kompetenza.
6. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jadottaw il-pjan ta’ stabbiliment imsemmi fil-punt (l) tal-Artikolu 13(3).
7. Flimkien mal-programm ta’ ħidma annwali u l-programm ta’ ħidma pluriennali, il-Bord ta’ Tmexxija għandu jadotta l-baġit taċ-Ċentru ta’ Kompetenza. Dan għandu jsir finali wara l-adozzjoni definittiva tal-baġit ġenerali tal-Unjoni. Fejn xieraq, il-Bord ta’ Tmexxija għandu jaġġusta l-baġit u l-programm ta’ ħidma annwali taċ-Ċentru ta’ Kompetenza f’konformità mal-baġit ġenerali tal-Unjoni.
Artikolu 26
Preżentazzjoni tal-kontijiet taċ-Ċentru ta’ Kompetenza u l-kwittanza
Il-preżentazzjoni tal-kontijiet proviżorji u finali taċ-Ċentru ta’ Kompetenza u l-kwittanza għandhom isiru f’konformità mar-regoli u l-iskeda ta’ żmien tar-Regolament Finanzjarju u tar-regoli finanzjarji taċ-Ċentru ta’ Kompetenza.
Artikolu 27
Rappurtar operazzjonali u finanzjarju
1. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jirrapporta annwalment lill-Bord ta’ Tmexxija dwar it-twettiq tad-dmirijiet tiegħu f’konformità mar-regoli finanzjarji taċ-Ċentru ta’ Kompetenza.
2. Fi żmien xahrejn mit-tmiem ta’ kull sena finanzjarja, id-Direttur Eżekuttiv għandu jippreżenta rapport annwali tal-attività lill-Bord ta’ Tmexxija, għall-approvazzjoni, dwar il-progress taċ-Ċentru ta’ Kompetenza fis-sena kalendarja ta’ qabel, b’mod partikolari fir-rigward tal-programm ta’ ħidma annwali għal dik is-sena u t-twettiq tal-għanijiet u l-prijoritajiet strateġiċi tiegħu. Dak ir-rapport għandu jinkludi informazzjoni dwar il-materji li ġejjin:
(a) |
azzjonijiet operazzjonali mwettqa u l-infiq korrispondenti; |
(b) |
l-azzjonijiet ippreżentati, inkluża analiżi skont it-tip ta’ parteċipant, inklużi SMEs, u għal kull Stat Membru; |
(c) |
l-azzjonijiet magħżula għall-finanzjament, inkluża analiżi skont it-tip ta’ parteċipant, inklużi SMEs, u għal kull Stat Membru u li tindika l-kontribuzzjoni taċ-Ċentru ta’ Kompetenza lill-parteċipanti u l-azzjonijiet individwali; |
(d) |
it-twettiq tal-missjoni u tal-objettivi stabbiliti f’dan ir-Regolament u proposti għal aktar ħidma meħtieġa biex dik il-missjoni u dawk l-objettivi jitwettqu; |
(e) |
il-konsistenza tal-kompiti ta’ implimentazzjoni mal-Aġenda u mal-programm ta’ ħidma pluriennali. |
3. Ladarba l-Bord ta’ Tmexxija japprovah, ir-rapport annwali tal-attività għandu jsir disponibbli għall-pubbliku.
Artikolu 28
Regoli finanzjarji
Iċ-Ċentru ta’ Kompetenza għandu jadotta r-regoli finanzjarji speċifiċi tiegħu f’konformità mal-Artikolu 70 tar-Regolament Finanzjarju.
Artikolu 29
Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni
1. Iċ-Ċentru ta’ Kompetenza għandu jieħu miżuri xierqa biex jiżgura li, meta jiġu implimentati l-azzjonijiet iffinanzjati taħt dan ir-Regolament, l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jiġu protetti bl-applikazzjoni ta’ miżuri preventivi kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra, b’verifiki regolari u effettivi u, jekk jinstabu xi irregolaritajiet, bl-irkupru tal-ammonti mħallsa indebitament u, fejn ikun xieraq, b’pieni amministrattivi effettivi, proporzjonati u dissważivi.
2. Iċ-Ċentru ta’ Kompetenza għandu jagħti aċċess lill-persunal tal-Kummissjoni u lil persuni oħra awtorizzati mill-Kummissjoni, kif ukoll lill-Qorti tal-Awdituri, għas-siti u l-binjiet taċ-Ċentru ta’ Kompetenza u għal kull informazzjoni, inkluża informazzjoni f’format elettroniku, li tkun meħtieġa biex iwettqu l-awditi tagħhom.
3. L-OLAF jista’ jagħmel investigazzjonijiet, inklużi kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, f’konformità mad-dispożizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 (17) u r-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18) bil-għan li jistabbilixxi jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni b’rabta ma’ ftehim ta’ għotja jew kuntratt iffinanzjat, direttament jew indirettament, f’konformità ma’ dan ir-Regolament.
4. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1, 2 u 3, il-kuntratti u l-ftehimiet dwar għotjiet, li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li b’mod espliċitu jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni, liċ-Ċentru ta’ Kompetenza, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-OLAF biex iwettqu awditi u investigazzjonijiet bħal dawn f’konformità mal-kompetenzi rispettivi tagħhom. Fejn l-implimentazzjoni ta’ azzjoni tiġi kkummissjonata esternament jew sottodelegata, kollha kemm hi jew parzjalment, jew fejn tkun teħtieġ l-għoti ta’ kuntratt ta’ akkwist jew appoġġ finanzjarju lil parti terza, il-kuntratt jew il-ftehim ta’ għotja għandu jinkludi l-obbligu tal-kuntrattur jew tal-benefiċjarju li jimponi, lil kwalunkwe parti terza involuta, l-aċċettazzjoni espliċita ta’ dawk is-setgħat tal-Kummissjoni, taċ-Ċentru ta’ Kompetenza, tal-Qorti tal-Awdituri u tal-OLAF.
KAPITOLU IV
Persunal taċ-Ċentru ta’ kompetenza
Artikolu 30
Persunal
1. Ir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg u r-regoli adottati b’mod konġunt mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg għandhom japplikaw għall-persunal taċ-Ċentru ta’ Kompetenza.
2. Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jeżerċita, fir-rigward tal-persunal taċ-Ċentru ta’ Kompetenza, is-setgħat konferiti mir-Regolamenti tal-Persunal lill-Awtorità tal-Ħatra u s-setgħat konferiti mill-Kondizzjonijiet tal-Impjieg lill-awtorità mogħtija s-setgħa li tikkonkludi kuntratti (is-“setgħat tal-awtorità tal-ħatra”).
3. Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jadotta, f’konformità mal-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal, deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 2(1) tar-Regolamenti tal-Persunal u fuq l-Artikolu 6 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg li tiddelega s-setgħat rilevanti tal-awtorità tal-ħatra lid-Direttur Eżekuttiv u li tiddefinixxi l-kondizzjonijiet li taħthom tista’ tiġi sospiża dik id-delega. Id-Direttur Eżekuttiv huwa awtorizzat jissottodelega dawk is-setgħat.
4. Fejn ċirkostanzi eċċezzjonali jesiġu dan, il-Bord ta’ Tmexxija jista’, permezz ta’ deċiżjoni, jissospendi temporanjament id-delega tas-setgħat tal-awtorità tal-ħatra lid-Direttur Eżekuttiv u kwalunkwe sottodelega ta’ dawk is-setgħat minn dan tal-aħħar. F’tali każ, il-Bord ta’ Tmexxija għandu jeżerċita, huwa stess, is-setgħat tal-awtorità tal-ħatra jew jiddelegahom lil wieħed mill-membri tiegħu jew lil membru tal-persunal taċ-Ċentru ta’ Kompetenza għajr id-Direttur Eżekuttiv.
5. Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jadotta regoli ta’ implimentazzjoni fir-rigward tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg, f’konformità mal-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal.
6. Ir-riżorsi tal-persunal għandhom ikunu ddeterminati mill-pjan ta’ stabbiliment imsemmi fil-punt (l) tal-Artikolu 13(3), filwaqt li dan jindika l-għadd ta’ postijiet temporanji skont il-grupp ta’ funzjoni u skont il-grad, u l-għadd ta’ persuni kuntrattati espress f’ekwivalenti ta’ full-time, skont il-baġit annwali taċ-Ċentru ta’ Kompetenza.
7. Ir-riżorsi umani meħtieġa miċ-Ċentru ta’ Kompetenza għandhom jiġu ssodisfati fl-ewwel istanza permezz ta’ riallokazzjoni ta’ persunal jew ta’ karigi minn istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni, u riżorsi umani addizzjonali permezz ta’ reklutaġġ. Il-persunal taċ-Ċentru ta’ Kompetenza jista’ jikkonsisti minn persunal temporanju u minn persunal ikkuntrattat.
8. Kull kost relatat mal-persunal għandu jitħallas miċ-Ċentru ta’ Kompetenza.
Artikolu 31
Esperti nazzjonali ssekondati u persunal ieħor
1. Iċ-Ċentru ta’ Kompetenza jista’ jirrikorri għal esperti nazzjonali ssekondati jew għal persunal ieħor mhux impjegat miċ-Ċentru ta’ Kompetenza.
2. Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jadotta deċiżjoni li tistabbilixxi regoli dwar l-issekondar ta’ esperti nazzjonali fiċ-Ċentru ta’ Kompetenza, bi qbil mal-Kummissjoni.
Artikolu 32
Privileġġi u immunitajiet
Il-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea anness mat-TUE u mat-TFUE għandu japplika għaċ-Ċentru ta’ Kompetenza u għall-persunal tiegħu.
KAPITOLU V
Dispożizzjonijiet komuni
Artikolu 33
Regoli ta’ sigurtà
1. L-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2021/694 għandu japplika għall-parteċipazzjoni fl-azzjonijiet kollha ffinanzjati miċ-Ċentru ta’ Kompetenza.
2. Ir-regoli ta’ sigurtà speċifiċi li ġejjin għandhom japplikaw għall-azzjonijiet iffinanzjati mill-Orizzont Ewropa:
(a) |
għall-finijiet tal-Artikolu 38(1) tar-Regolament (UE) 2021/695, fejn ikun previst fil-programm ta’ ħidma annwali, l-għoti ta’ liċenzji mhux esklużivi jista’ jiġi limitat għal partijiet terzi li jkunu stabbiliti jew meqjusin bħala stabbiliti fi Stat Membru u jkunu kkontrollati minn dak l-Istat Membru jew minn ċittadini dak l-Istat Membru; |
(b) |
għall-finijiet tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 40(4) tar-Regolament (UE) 2021/695, it-trasferiment ta’ sjieda jew l-għoti ta’ liċenzja lil entità ġuridika stabbilita f’pajjiż assoċjat jew stabbilita fl-Unjoni iżda kkontrollata minn pajjiżi terzi għandhom jikkostitwixxi ġustifikazzjonijiet għal oġġezzjoni għat-trasferimenti tas-sjieda ta’ riżultati jew għall-għotjiet ta’ liċenzja esklużiva fir-rigward ta’ riżultati; |
(c) |
għall-finijiet tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 41(7) tar-Regolament (UE) 2021/695, meta jkun previst fil-programm ta’ ħidma annwali, l-għoti ta’ drittijiet ta’ aċċess, kif definiti fil-punt (9) tal-Artikolu 2 ta’ dak ir-Regolament, jista’ jkun limitat għal entità ġuridika li tkun stabbilita jew meqjusa bħala stabbilita fi Stat Membru u tkun kontrollata minn dak l-Istat Membru jew minn ċittadini ta’ dak l-Istat Membru. |
Artikolu 34
Trasparenza
1. Iċ-Ċentru ta’ Kompetenza għandu jwettaq l-attivitajiet tiegħu b’livell għoli ta’ trasparenza.
2. Iċ-Ċentru ta’ Kompetenza għandu jiżgura li l-pubbliku u kwalunkwe parti interessata jingħataw informazzjoni xierqa, oġġettiva, affidabbli u aċċessibbli faċilment b’mod f’waqtu, b’mod partikolari fir-rigward tar-riżultati tax-xogħol tiegħu. Hu għandu wkoll jagħmel pubbliċi d-dikjarazzjonijiet ta’ interess magħmula f’konformità mal-Artikolu 43. Dawk ir-rekwiżiti għandhom japplikaw ukoll għaċ-ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni, għall-Komunità u għall-Grupp Konsultattiv Strateġiku f’konformità mal-liġi rilevanti.
3. Il-Bord ta’ Tmexxija, filwaqt li jaġixxi fuq proposta mid-Direttur Eżekuttiv, jista’ jawtorizza lill-partijiet ikkonċernati biex josservaw il-proċedimenti ta’ wħud mill-attivitajiet taċ-Ċentru ta’ Kompetenza.
4. Iċ-Ċentru ta’ Kompetenza għandu jistabbilixxi fir-regoli ta’ proċedura tal-Bord ta’ Tmexxija taċ-Ċentru ta’ Kompetenza u tal-Grupp Konsultattiv Strateġiku l-arranġamenti prattiċi għall-implimentazzjoni tar-regoli ta’ trasparenza msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu. Għall-azzjonijiet iffinanzjati mill-Orizzont Ewropa, dawk ir-regoli u arranġamenti għandhom jieħdu kont tar-Regolament (UE) 2021/695.
Artikolu 35
Bilanċ bejn il-ġeneri
Fl-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, meta jinnominaw kandidati jew jipproponu rappreżentanti, il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati istituzzjonali u privati l-oħra għandhom jagħżlu rappreżentanti minn diversi kandidati, fejn possibbli, u bil-għan li jiġi żgurat bilanċ bejn il-ġeneri.
Artikolu 36
Regoli ta’ sigurtà dwar il-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata u informazzjoni sensittiva mhux klassifikata
1. Wara approvazzjoni mill-Kummissjoni, il-Bord ta’ Tmexxija għandu jadotta r-regoli ta’ sigurtà taċ-Ċentru ta’ Kompetenza. Dawk ir-regoli ta’ sigurtà għandhom japplikaw il-prinċipji u r-regoli ta’ sigurtà stabbiliti fid-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 (19) u (UE, Euratom) 2015/444 (20).
2. Il-membri tal-Bord ta’ Tmexxija, id-Direttur Eżekuttiv, l-esperti esterni li jieħdu sehem fi gruppi ta’ ħidma ad hoc, u l-membri tal-persunal taċ-Ċentru ta’ Kompetenza għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ kunfidenzjalità taħt l-Artikolu 339 TFUE, anke wara t-terminazzjoni ta’ dmirijiethom.
3. Iċ-Ċentru ta’ Kompetenza jista’ jieħu l-miżuri li jkunu meħtieġa sabiex jiffaċilita l-iskambju tal-informazzjoni rilevanti għall-kompiti tiegħu mal-Kummissjoni u mal-Istati Membri u, fejn ikun xieraq mal-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji rilevanti tal-Unjoni. Kwalunkwe arranġament amministrattiv konkluż għal dak il-għan fir-rigward tal-kondiviżjoni ta’ informazzjoni klassifikata (EUCI, EU classified information) jew, fin-nuqqas ta’ tali arranġamenti, kwalunkwe rilaxx ad hoc eċċezzjonali ta’ EUCI, għandu jkun irċieva l-approvazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni.
Artikolu 37
Aċċess għad-dokumenti
1. Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 għandu japplika għad-dokumenti miżmuma miċ-Ċentru ta’ Kompetenza.
2. Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jadotta arranġamenti għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 sad-29 ta’ Diċembru 2021.
3. Id-deċiżjonijiet meħuda miċ-Ċentru ta’ Kompetenza skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 jistgħu jkunu soġġetti għal ilment lill-Ombudsman taħt l-Artikolu 228 TFUE jew għal azzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 263 TFUE.
Artikolu 38
Monitoraġġ, evalwazzjoni u rieżami
1. Iċ-Ċentru ta’ Kompetenza għandu jiżgura li l-attivitajiet tiegħu, inklużi dawk ġestiti permezz taċ-ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni u n-Network, għandhom jiġu soġġetti għal monitoraġġ kontinwu u sistematiku u għal evalwazzjoni perjodika. Iċ-Ċentru ta’ Kompetenza għandu jiżgura li d-data għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni u r-riżultati tal-programmi ta’ finanzjament tal-Unjoni msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 4(3) tinġabar b’mod effiċjenti, effettiv u f’waqtu, u għandu jimponi rekwiżiti proporzjonati ta’ rappurtar fuq ir-reċipjenti tal-fondi tal-Unjoni u fuq l-Istati Membri. Il-konklużjonijiet ta’ dik l-evalwazzjoni għandhom isiru pubbliċi.
2. Ladarba jkun hemm biżżejjed informazzjoni disponibbli dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, iżda fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn 30 xahar wara d-data prevista fl-Artikolu 46(4), il-Kummissjoni għandha tħejji rapport ta’ implimentazzjoni dwar l-attivitajiet taċ-Ċentru ta’ Kompetenza, b’kont meħud tal-kontribut preliminari tal-Bord ta’ Tmexxija, taċ-ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni u tal-Komunità. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta dak ir-rapport ta’ implimentazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sat-30 ta’ Ġunju 2024. Iċ-Ċentru ta’ Kompetenza u l-Istati Membri għandhom jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa lill-Kummissjoni għat-tħejjija ta’ dak ir-rapport.
3. Ir-rapport ta’ implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 2 għandu jinkludi valutazzjonijiet ta’:
(a) |
il-kapaċità ta’ ħidma taċ-Ċentru ta’ Kompetenza fir-rigward tal-missjoni, l-objettivi, il-mandat u l-kompiti tiegħu u l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni ma’ partijiet ikkonċernati oħra, b’mod partikolari ċ-ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni, il-Komunità u l-ENISA; |
(b) |
ir-riżultati miksuba miċ-Ċentru ta’ Kompetenza, filwaqt li jitqiesu l-missjoni, l-objettivi, il-mandat u l-kompiti tiegħu, u b’mod partikolari l-effiċjenza taċ-Ċentru ta’ Kompetenza fil-koordinazzjoni tal-fondi tal-Unjoni u fl-akkomunament ta’ għarfien espert; |
(c) |
il-konsistenza tal-kompiti ta’ implimentazzjoni mal-Aġenda u mal-programm ta’ ħidma pluriennali; |
(d) |
il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni taċ-Ċentru ta’ Kompetenza mal-Kumitati tal-Programm tal-Orizzont Ewropa u mal-Programm Ewropa Diġitali, b’mod partikolari bil-ħsieb li jiżdiedu l- konsistenza u s-sinerġiji mal-Aġenda, mal-programm ta’ ħidma annwali, il-programm ta’ ħidma pluriennali, l-Orizzont Ewropa u l-Programm Ewropa Diġitali; |
(e) |
l-azzjonijiet konġunti. |
4. Wara l-preżentazzjoni tar-rapport ta’ implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni taċ-Ċentru ta’ Kompetenza, b’kont meħud tal-kontribut preliminari mill-Bord ta’ Tmexxija, miċ-ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni u mill-Komunità. Dik l-evalwazzjoni għandha tirreferi għal, jew taġġorna, kif meħtieġ, il-valutazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu u għandha ssir qabel l-iskadenza tal-perijodu speċifikat fl-Artikolu 47(1), sabiex jiġi ddeterminat b’mod f’waqtu jekk ikunx adatt li d-durata tal-mandat taċ-Ċentru ta’ Kompetenza tiġi estiża lil hinn minn dak il-perjodu. Dik l-evalwazzjoni għandha tivvaluta l-aspetti legali u amministrattivi fir-rigward tal-mandat taċ-Ċentru ta’ Kompetenza u l-potenzjal li jinħolqu sinerġiji u tiġi evitata l-frammentazzjoni ma’ istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji oħrajn tal-Unjoni.
Jekk il-Kummissjoni tqis li l-kontinwazzjoni taċ-Ċentru ta’ Kompetenza tkun ġustifikata fir-rigward tal-missjoni, l-objettivi, il-mandat u l-kompiti tiegħu, hija tista’ tagħmel proposta leġiżlattiva biex tiġi estiża d-durata tal-mandat taċ-Ċentru ta’ Kompetenza kif stipulat fl-Artikolu 47.
5. Fuq il-bażi tal-konklużjonijiet tar-rapport ta’ implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 2, il-Kummissjoni tista’ tieħu azzjonijiet xierqa.
6. Il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni, l-eliminazzjoni gradwali u t-tiġdid tal-kontribuzzjoni mill-Orizzont Ewropa għandhom isiru f’konformità mal-Artikoli 10, 50 u 52 tar-Regolament (UE) 2021/695 u mal-arranġamenti ta’ implimentazzjoni li jkun intlaħaq qbil dwarhom.
7. Il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-evalwazzjoni tal-kontribuzzjoni mill-Programm Ewropa Diġitali għandhom isiru f’konformità mal-Artikoli 24 u 25 tar-Regolament (UE) 2021/694.
8. F’każ ta’ stralċ taċ-Ċentru ta’ Kompetenza, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni finali taċ-Ċentru ta’ Kompetenza fi żmien sitt xhur mill-istralċ taċ-Ċentru ta’ Kompetenza, u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn sentejn wara li tiġi attivata l-proċedura ta’ stralċ imsemmija fl-Artikolu 47. Ir-riżultati ta’ dik l-evalwazzjoni finali għandhom jiġu ppreżentati lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
Artikolu 39
Personalità ġuridika taċ-Ċentru ta’ Kompetenza
1. Iċ-Ċentru ta’ Kompetenza għandu jkollu personalità ġuridika.
2. F’kull Stat Membru, iċ-Ċentru ta’ Kompetenza għandu jkollu l-kapaċità ġuridika l-aktar estensiva mogħtija lil persuni ġuridiċi taħt il-liġi ta’ dak l-Istat Membru. Huwa jista’, b’mod partikolari, jakkwista jew jittrasferixxi proprjetà mobbli jew immobbli u jista’ jkun parti fi proċedimenti legali.
Artikolu 40
Responsabbiltà taċ-Ċentru ta’ Kompetenza
1. Ir-responsabbiltà kuntrattwali taċ-Ċentru ta’ Kompetenza għandha tkun regolata mil-liġi li tapplika għall-ftehim, deċiżjoni jew kuntratt inkwistjoni.
2. Fil-każ ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali, iċ-Ċentru ta’ Kompetenza għandu jagħmel tajjeb għal kwalunkwe dannu kkawżat mill-persunal tiegħu fil-qadi ta’ dmirijietu, f’konformità mal-prinċipji ġenerali li huma komuni għal-liġijiet tal-Istati Membri.
3. Kwalunkwe pagament li jsir miċ-Ċentru ta’ Kompetenza fir-rigward tar-responsabbiltà msemmija fil-paragrafi 1 u 2 u l-kostijiet u l-ispejjeż imġarrbin b’rabta ma’ dan għandhom jitqiesu bħala nfiq taċ-Ċentru ta’ Kompetenza u għandhom jiġu koperti mir-riżorsi tiegħu.
4. Iċ-Ċentru ta’ Kompetenza għandu jkun esklużivament responsabbli għall-adempiment tal-obbligi tiegħu.
Artikolu 41
Ġuriżdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-liġi applikabbli
1. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu jkollha ġuriżdizzjoni:
(a) |
tagħti sentenza skont kwalunkwe klawżola ta’ arbitraġġ disposta f’deċiżjonijiet adottati, jew ftehimiet jew kuntratti konklużi, miċ-Ċentru ta’ Kompetenza; |
(b) |
fir-rigward ta’ tilwim relatat ma’ kumpens għal dannu kkawżat mill-persunal taċ-Ċentru ta’ Kompetenza waqt il-qadi ta’ dmirijietu; |
(c) |
fir-rigward ta’ kwalunkwe tilwim bejn iċ-Ċentru ta’ Kompetenza u l-persunal tiegħu fil-limiti ta’, u taħt, il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal. |
2. Fir-rigward ta’ kwalunkwe kwistjoni oħra li ma tkunx koperta minn dan ir-Regolament jew minn atti legali oħra tal-Unjoni, għandha tapplika l-liġi tal-Istat Membru fejn tkun tinsab is-sede taċ-Ċentru ta’ Kompetenza.
Artikolu 42
Responsabbiltà tal-Unjoni u tal-Istati Membri u l-assigurazzjoni
1. Ir-responsabbiltà finanzjarja tal-Unjoni u tal-Istati Membri għad-djun taċ-Ċentru ta’ Kompetenza għandha tkun limitata għall-kontribuzzjoni tagħhom li huma jkunu diġà għamlu għall-kostijiet amministrattivi.
2. Iċ-Ċentru ta’ Kompetenza għandu jikkuntratta, u jżomm, assigurazzjoni xierqa.
Artikolu 43
Konflitti ta’ interess
Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jadotta regoli għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u r-riżoluzzjoni ta’ konflitti ta’ interess fir-rigward tal-membri, il-korpi u l-persunal tiegħu, inkluż id-Direttur Eżekuttiv. Dawk ir-regoli għandu jkun fihom dispożizzjonijiet maħsuba biex jiġi evitat konflitt ta’ interess fir-rigward tar-rappreżentanti tal-membri fuq il-Bord ta’ Tmexxija kif ukoll il-Grupp Strateġiku Konsultattiv, f’konformità mar-Regolament Finanzjarju, inklużi dispożizzjonijiet dwar kwalunkwe dikjarazzjoni ta’ interess. Iċ-ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni għandhom ikunu soġġetti għal-liġi nazzjonali fir-rigward ta’ konflitti ta’ interess.
Artikolu 44
Protezzjoni tad-Data Personali
1. L-ipproċessar ta’ data personali miċ-Ċentru ta’ Kompetenza għandu jkun soġġett għar-Regolament (UE) 2018/1725.
2. Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jadotta miżuri ta’ implimentazzjoni kif imsemmija fl-Artikolu 45(3) tar-Regolament (UE) 2018/1725. Il-Bord ta’ Tmexxija jista’ jadotta miżuri addizzjonali meħtieġa għall-applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament miċ-Ċentru ta’ Kompetenza.
Artikolu 45
Appoġġ mill-Istat Membru ospitanti
Jista’ jiġi konkluż ftehim amministrattiv bejn iċ-Ċentru ta’ Kompetenza u l-Istat Membru ospitanti fejn tkun tinsab is-sede tiegħu dwar privileġġi u immunitajiet u appoġġ ieħor li dak l-Istat Membru għandu jagħti liċ-Ċentru ta’ Kompetenza.
KAPITOLU VI
Dispożizzjonijiet finali
Artikolu 46
Azzjonijiet inizjali
1. Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli mill-istabbiliment u l-operat inizjali taċ-Ċentru ta’ Kompetenza sa meta dan ikollu l-kapaċità operazzjonali li jimplimenta l-baġit proprju tiegħu. Il-Kummissjoni għandha twettaq, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni, l-azzjonijiet neċessarji kollha bl-involviment tal-korpi kompetenti taċ-Ċentru ta’ Kompetenza.
2. Għall-fini tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni tista’ tiddeżinja Direttur Eżekuttiv interim sa meta id-Direttur Eżekuttiv jibda jaqdi dmirijietu konsegwentement għall-ħatra tiegħu mill-Bord ta’ Tmexxija f’konformità mal-Artikolu 16. Id-Direttur Eżekuttiv interim għandu jeżerċita d-dmirijiet tad-Direttur Eżekuttiv u jista’ jiġi megħjun minn għadd limitat ta’ membri tal-persunal tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni tista’ tassenja għadd limitat ta’ membri tal-persunal tagħha liċ-Ċentru ta’ Kompetenza fuq bażi interim.
3. Id-Direttur Eżekuttiv interim jista’ jawtorizza l-pagamenti kollha koperti mill-approprjazzjonijiet previsti fil-baġit annwali taċ-Ċentru ta’ Kompetenza ladarba jiġi adottat mill-Bord ta’ Tmexxija, u jista’ jikkonkludi ftehimiet u kuntratti, inklużi kuntratti tal-persunal, u jadotta deċiżjonijiet, konsegwentement għall-adozzjoni tal-pjan ta’ stabbiliment imsemmi fil-punt (l) tal-Artikolu 13(3).
4. Bi qbil komuni mad-Direttur Eżekuttiv u soġġett għall-approvazzjoni tal-Bord ta’ Tmexxija, id-Direttur Eżekuttiv interim għandu jiddetermina d-data li minnha ċ-Ċentru ta’ Kompetenza jkollu l-kapaċità biex jimplimenta l-baġit tiegħu stess. Minn dik id-data, il-Kummissjoni għandha tastjeni milli tagħmel impenji u teżegwixxi pagamenti għall-attivitajiet taċ-Ċentru ta’ Kompetenza.
Artikolu 47
Durata
1. Iċ-Ċentru ta’ Kompetenza għandu jiġi stabbilit għall-perjodu mit-28 ta’ Ġunju 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2029.
2. Għajr jekk il-mandat taċ-Ċentru ta’ Kompetenza jiġi estiż f’konformità mal-Artikolu 38(4), il-proċedura ta’ stralċ għandha tiġi awtomatikament attivata fi tmiem il-perjodu msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.
3. Għall-finijiet tat-twettiq tal-proċeduri tal-istralċ taċ-Ċentru ta’ Kompetenza, il-Bord ta’ Tmexxija għandu jaħtar likwidatur wieħed jew aktar, li għandhom jimxu f’konformità mad-deċiżjonijiet tal-Bord ta’ Tmexxija.
4. Meta ċ-Ċentru ta’ Kompetenza jkun qed jiġi stralċat, l-assi tiegħu għandhom jintużaw biex jiġu koperti l-obbligazzjonijiet tiegħu u l-infiq relatat mal-istralċ tiegħu. Kwalunkwe eċċess għandu jinqasam bejn l-Unjoni u l-Istati Membri kontribwenti b’mod proporzjonat għall-kontribuzzjoni finanzjarja tagħhom għaċ-Ċentru ta’ Kompetenza. Kwalunkwe tali eċċess li jiġi distribwit lill-Unjoni għandu jiġi ritornat fil-baġit tal-Unjoni.
Artikolu 48
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Mejju 2021.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
D.M. SASSOLI
Għall-Kunsill
Il-President
A.P. ZACARIAS
(1) ĠU C 159, 10.5.2019, p. 63.
(2) Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ April 2019 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tal-20 ta’ April 2021 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta’ Mejju 2021 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(3) Id-Direttiva (UE) 2016/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 2016 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta’ sigurtà tan-networks u tas-sistemi tal-informazzjoni madwar l-Unjoni (ĠU L 194, 19.7.2016, p. 1).
(4) Ir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Orizzont Ewropa — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, li jistabbilixxi r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013 (ĠU L 170, 12.5.2021, p. 1).
(5) Ir-Regolament (UE) 2021/694 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Diġitali u li jħassar id-Deċiżjoni (UE) 2015/2240 (ĠU L 166, 11.5.2021, p. 1).
(6) Ir-Regolament (UE) 2019/881 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar l-ENISA (l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà) u dwar iċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 526/2013 (l-Att dwar iċ-Ċibersigurtà) (ĠU L 151, 7.6.2019, p. 15).
(7) Ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 104).
(8) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/715 tat-18 ta’ Diċembru 2018 dwar ir-regolament finanzjarju qafas għall-korpi mwaqqfin skont it-TFUE u t-Trattat Euratom u msemmija fl-Artikolu 70 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 122, 10.5.2019, p. 1).
(9) Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).
(10) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018, dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).
(11) Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r- Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).
(12) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/764 tal-10 ta’ Mejju 2021 li tistabbilixxi l-Programm Speċifiku li jimplimenta l-Orizzont Ewropa — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, u li tħassar id-Deċiżjoni 2013/743/UE (ĠU L 167 I, 12.5.2021, p. 1).
(13) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/173 tat-12 ta’ Frar 2021 li tistabbilixxi l-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Klima, għall-Infrastruttura u għall-Ambjent, l-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għas-Saħħa u għall-Qasam Diġitali, l-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għar-Riċerka, l-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni u għall-SMEs, l-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Kunsill Ewropew tar-Riċerka, u l-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Edukazzjoni u għall-Kultura u li tħassar id-Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni 2013/801/UE, 2013/771/UE, 2013/778/UE, 2013/779/UE, 2013/776/UE u 2013/770/UE (ĠU L 50, 15.2.2021, p. 9).
(14) Ir-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI (ĠU L 135, 24.5.2016, p. 53).
(16) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/352/KE, KEFA, Euratom tat-28 ta’ April 1999 li twaqqaf l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) (ĠU L 136, 31.5.1999, p. 20).
(17) Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).
(18) Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal- Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).
(19) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar is-Sigurtà fil-Kummissjoni (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 41).
(20) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 53).