This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32020R1429
Regulation (EU) 2020/1429 of the European Parliament and of the Council of 7 October 2020 establishing measures for a sustainable rail market in view of the COVID-19 outbreak (Text with EEA relevance)
Regolament (UE) 2020/1429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Ottubru 2020 li jistabbilixxi miżuri għal suq ferrovjarju sostenibbli fid-dawl tat-tifqigħa tal-COVID-19 (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
Regolament (UE) 2020/1429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Ottubru 2020 li jistabbilixxi miżuri għal suq ferrovjarju sostenibbli fid-dawl tat-tifqigħa tal-COVID-19 (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
ĠU L 333, 12.10.2020, p. 1–5
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force: This act has been changed. Current consolidated version: 01/07/2022
12.10.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 333/1 |
REGOLAMENT (UE) 2020/1429 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tas-7 ta’ Ottubru 2020
li jistabbilixxi miżuri għal suq ferrovjarju sostenibbli fid-dawl tat-tifqigħa tal-COVID-19
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,
Waqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura ordinarja leġiżlattiva (2),
Billi:
(1) |
It-tifqigħa tal-COVID-19 ikkawżat tnaqqis qawwi fid-domanda għas-servizzi tat--trasportferrovjarju. Dan kellu impatt serju fuq l-impriżi ferrovjarji. L-impatt diġa’ beda jimmanifesta ruħu mill-1 ta’ Marzu 2020 u ser jippersisiti sa mill-inqas il-31 ta’ Diċembru 2020. Iċ-ċirkostanzi marbuta mat-tifqigħa COVID-19 imorru lil hinn mill-kontroll tal-impriżi ferrovjarji li qed jiffaċċjaw problemi konsiderevoli ta’ likwidità u telf kbir, u f’xi każijiet ir-riskju ta’ insolvenza. |
(2) |
Sabiex jingħelbu l-effetti ekonomiċi negattivi tat-tifqigħa tal-COVID-19, l-impriżi ferrovjarji jista’ jkun li jkollhom bżonn appoġġ finanzjarju. Jista’ ma jkunx possibbli għall-impriżi ferrovjarji li jħallsu l-imposti għall-aċċess għall-infrastruttura ferrovjarja minħabba t-tifqigħa tal-COVID-19, u, għal dik ir-raġuni, jenħtieġ li l-maniġers tal-infrastruttura jkunu awtoriżżati jnaqqsu, jirrinunzjaw jew jipposponu tali imposti. Jenħtieġ li din il-possibbiltà tingħata għal perijodu li matulu l-effetti tat-tifqigħa tal-COVID-19 fis-suq ferrovjarju kienu diġà mmanifestaw ruħom u huma mistennija li jippersisitu, jiġifieri mill-1 ta’ Marzu 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2020 (il-“perijodu ta’ referenza”). |
(3) |
Taħt l-Artikolu 31(3) tad-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), l-imposti għall-aċċess għall-binarji li għandhom jitħallsu lill-maniġer tal-infrastruttura ma għandhomx jaqgħu taħt l-ispiża direttament imġarrba minħabba t-tħaddim tas-servizz ferrovjarju. Ir-rinunzja parzjali jew sħiħa tal-imposti jew il-posponiment tagħhom, applikati b’mod trasparenti, oġġettiv u nondiskriminatorju għall-impriżi ferrovjarji kollha attivi fis-setturi ferrovjarji tal-merkanzija u/jew tal-passiġġieri tista’ ttaffi l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19 matul il-perijodu ta’ referenza. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom il-possibbiltà li jawtorizzaw lill-maniġers tal-infrastruttura biex jieħdu miżuri għal dak l-għan |
(4) |
L-Artikolu 32(1) tad-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jippermetti li l-Istati Membri jimponu mark-ups, jekk is-suq jiflaħ għalihom. Minħabba l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19, jista’ jkun li l-kapaċità tat-taqsimiet tas-suq li jifilħu għall-mark-ups naqset. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom il-possibilita’ li jawtorizzaw lill-maniġers tal-infrastruttura biex jivvalutaw mill-ġdid il-kapaċità tat-taqsimiet tas-suq li jifilħu għall-mark-ups, għall-finijiet ta’ tnaqqis possibbli tal-ammonti dovuti fir-rigward tal-perijodu ta’ referenza. |
(5) |
L-Artikolu 36 tad-Direttiva 2012/34/UE jipprevedi reġim ta’ imposti ta’ riżerva, maħsub biex jinċentiva l-użu effiċjenti tal-kapaċità. Skont dak l-Artikolu, l-impożizzjoni ta ‘dawn l-imposti hija obbligatorja f’każ ta’ nuqqas regolari minn applikant, inkluż impriżi ferrovjarji, milli juża mogħdijiet ferrovjarji allokati jew parti minnhom. Fid-dikjarazzjonijiet dwar in-netwerk tagħhom il-maniġers tal-infrastruttura għandhom jippubblikaw il-kriterji biex jiġi ddeterminat dan in-nuqqas ta’ użu. It-tifqigħa tal-COVID-19 ikkawżat tfixkil serju fit-traffiku ferrovjarju li wassal għal kanċellazzjonijiet mifruxa tal-mogħdijiet ferrovjarji. L-avvenimenti sottostanti kienu u huma lil hinn mill-kontroll tal-impriżi ferrovjarji. Barra minn hekk, irriżultaw f’użu temporanju aktar baxxta kapaċità. Għalhekk wieħed jista’ jassumi li l-effett ta’ inċentiv li l-imposti ta’ riżerva taħt l-Artikolu 36 tad-Direttiva 2012/34/UE kien maħsub li jipprovdu mhuwiex rilevanti fir-rigward tal-perijodu ta’ referenza.Jenħtieġ għalhekk li l-Istati Membri jkollhom il-possibilita’ li jawtorizzaw lill-maniġers tal-infrastruttura biex ma jimponux imposti ta’ riżerva għall-kapaċità allokata iżda li ma tkunx intużat matul il-perijodu ta’ referenza, anke fejn dan in-nuqqas ta’ użu jitqies bħala nuqqas regolari fl-użu ta’ mogħdijiet ferrovjarji allokati jew parti minnhom taħt il-kriterji attwalment applikabbli. |
(6) |
Fir-rigward tat-tariffi tal-aċċess għall-binarji, l-impożizzjoni tal-mark-ups u l-imposti ta’ riserva, kwalunkwe tnaqqis fl-imposti awtorizzat mill-Istati Membri skont dan ir-Regolament jinvolvi telf ta’ dħul min-naħa tal-maniġer tal-infrastruttura. Fil-prinċipju, dak it-telf fid-dħul jiġi kkumpensat f’konformità mal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2012/34/UE. Minħabba n-natura straordinarja ta’ dak it-telf, il-maniġers tal-infrastruttura jenħtieġ li jiġu rimborżati fi żmien iqsar minn dak previst f’dak l-Artikolu, jiġifieri sal-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ wara s-sena li fiha jkun sar it-telf. |
(7) |
Jenħtieġ li jsiru aġġustamenti temporanji tal-kundizzjonijiet għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja u d-dikjarazzjonijiet dwar in-netwerk jenħtieġ li jinżammu aġġornati u emendati kif meħtieġ. |
(8) |
Minħabba n-natura mhux prevedibbli u għall-għarrieda tat-tifqigħa tal-COVID-19, kien impossibbli li jiġu adottati miżuri rilevanti fil-ħin. Għal dik ir-raġuni, jenħtieġ li dan ir-Regolament ikopri wkoll perijodu qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu. Minħabba n-natura tal-miżuri previsti minn dan ir-Regolament, tali approċċ ma jirriżultax fi ksur tal-aspettattivi leġittimi tal-persuni kkonċernati. perijoduperijodu |
(9) |
Huwa diffiċli li jitbassru l-iżvilupp ulterjuri tat-tifqigħa tal-COVID-19 u l-impatt ulterjuri tagħha fuq is-settur tat-trasport ferrovjarju. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tanalizza kontinwament l-impatt ekonomiku tat-tifqigħa tal-COVID-19 fuq dak is-settur u, jekk jippersistu l-kundizzjonijiet avversi, jenħtieġ li l-Unjoni tkun f’pożizzjoni li testendi, mingħajr dewmien żejjed, il-perijodu li matulu japplikaw il-miżuri previsti minn dan ir-Regolament. |
(10) |
Sabiex tiġi estiża, jekk dan ikun meħtieġ u ġġustifikat, il-validita’ tal-miżuri previsti f’dan ir-Regolament, jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-estensjoni tal-perijodu ta’ referenza li matulu japplikaw il-miżuri previsti minn dan ir-Regolament. Huwa partikularment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, ukoll fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiiwettqu f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (4). B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati. |
(11) |
Minħabba li l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jistabbilixxi regoli temporanji dwar l-impożizzjoni ta’ imposti għall-użu ta’ infrastruttura ferrovjarja fir-rispons għas-sitwazzjoni urġenti maħluqa milt-tifqigħa tal-COVID-19, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista’ pjuttost, minħabba l-iskala jew l-effetti tal-azzjoni, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak il-għan. |
(12) |
Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni immedjata tal-miżuri previsti f’dan ir-Regolament, bħala kwistjoni ta’ urġenza jenħtieġ li jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni
Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli temporanji dwar l-impożizzjoni ta’ imposti għall-użu ta’ infrastruttura ferrovjarja kif stabbilit fil-Kapitolu IV tad-Direttiva 2012/34/UE. Dan japplika għall-użu tal-infrastrutturi ferrovjarji għal servizzi ferrovjarji domestiċi u internazzjonali koperti minn dik id-Direttiva, matul il-perijodu mill-1 ta’ Marzu 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2020 (“il-perijodu ta’ referenza”).
Artikolu 2
Tnaqqis, eżenzjoni jew posponiment ta’ imposti għall-pakkett ta’ aċċess minimu u ta’ imposti ta’ riżerva
1. Minkejja l-Artikoli 27 u 31(3) tad-Direttiva 2012/34/UE, u soġġett għall-konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lill-maniġers tal-infrastruttura biex inaqqsu, jeżentaw jew jipposponu l-ħlas ta’ imposti għall-pakkett ta’ aċċess minimu, u għall-aċċess għall-infrastruttura li tgħaqqad il-faċilitajiet ta’ servizz, fejn adatt skont it-taqsimiet tas-suq identifikati fid-dikjarazzjonijiet tagħhom dwar in-netwerk, b’mod trasparenti, oġġettiv u nondiskriminatorju, fejn tali pagament ikun dovut jew ikun se jsir dovut matul il-perijodu ta’ referenza.
2. Minkejja l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2012/34/UE u soġġett għall-konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lill-maniġers tal-infrastruttura biex jivvalutaw mill-ġdid il-kapaċità tat-taqsimiet tas-suq li jifilħu għall-mark-ups, skont it-tifsira tal-Artikolu 32(1) tad-Direttiva 2012/34/UE, għall-finijiet ta’ tnaqqis possibbli tal-ammonti dovuti fir-rigward tal-perijodu ta’ referenza.
3. Minkejja l-Artikolu 27 u t-tielet sentenza tal-Artikolu 36 tad-Direttiva 2012/34/UE, u soġġett għall-konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lill-maniġers tal-infrastruttura biex ma jimponu imposti ta’ riżerva fuq ebda applikant, inkluż impriżi ferrovjarji, għall-kapaċità allokata iżda li ma tkunx intużat matul il-perijodu ta’ referenza. Meta jagħmlu dan, l-Istati Membri u l-maniġers tal-infrastruttura għandhom jaġixxu b’mod trasparenti, oġġettiv u nondiskriminatorju.
4. Minkejja l-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2012/34/UE, u soġġett għall-konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, l-Istati Membri għandhom jikkumpensaw lill-maniġers tal-infrastruttura għat-telf finanzjarju speċifiku mġarrab b’riżultat tal-applikazzjoni tal-paragrafi 1, 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu, sal-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ wara s-sena li fiha sar it-telf. Dak il-kumpens huwa mingħajr preġudizzju għall-obbligu tal-Istati Membri skont l-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2012/34/UE li jiżguraw li, fuq perijodu raġonevoli, li ma għandux jaqbeż perijodu ta’ ħames snin, ir-rapport tal-introjtu ta’ maniġer tal-infrastruttura jibqa’ bbilanċjat.
5. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar il-miżuri li jkunu ttiedu taħt dan l-Artikolu mhux aktar tard minn tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, u għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar miżuri sussegwenti jew it-tibdil tagħhom. Il-Kummissjoni għandha tagħmel din l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku.
Artikolu 3
Aġġustamenti tal-kundizzjonijiet għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja
Il-maniġers tal-infrastruttura għandhom jemendaw, kif xieraq u mingħajr dewmien, id-dikjarazzjoni dwar in-netwerk imsemmija fl-Artikolu 27 tad-Direttiva 2012/34/UE sabiex juru l-kundizzjonijiet applikati minnhom, fid-dawl tal-miżuri meħuda mill-Istat Membru kkonċernat f’konformità mal-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 4
Korp regolatorju
L-Artikolu 56 tad-Direttiva 2012/34/UE għandu japplika għat-tnaqqis, l-eżenzjoni jew il-posponiment ta’ imposti għall-pakkett ta’ aċċess minimu u ta’ imposti ta’ riżerva msemmija fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament u għall-aġġustamenti tal-kundizzjonijiet għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja msemmija fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament, fir-rigward tal-kriterji stabbiliti flArtikoli 2 u 3 ta’dan ir-Regolament li huma applikabbli għall-maniġers tal-infrastruttura.
Artikolu 5
Estensjoni tal-perijodu ta’ referenza
1. Sal-1 ta’ Novembru 2020, il-maniġers tal-infrastruttura għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni b’data dwar l-użu tan-netwerks tagħhom ikkategorizzata skont it-taqsimiet tas-suq, f’konformità mal-Artikolu 32(1) tad-Direttiva 2012/34/UE, għall-perijodi mill-1 ta’ Marzu 2019 sat-30 ta’ Settembru 2019 u mill-1 ta’ Marzu 2020 sat-30 ta’ Settembru 2020.
Fejn il-perijodu ta’ referenza jiġi estiż, il-maniġers tal-infrastruttura għandhon jipprovdu lill-Kummissjoni b’sett ġdid ta’ data meta nofs il-prolongazzjoni tal-perijodu ta’ referenza jkun skada, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tivvaluta l-iżvilupp tas-sitwazzjoni matul il-prolongazzjoni tal-perijodu ta’ referenza.
2. Fejn il-Kummissjoni ssib, fuq il-bażi tad-data msemmija fil-paragrafu 1, li t-tnaqqis fil-livell tat-traffiku ferrovjarju, meta mqabbel mal-livell fil-perijodu korrispondenti fis-snin preċedenti qed jippersisti u li x’aktarx ser jippersisti, u ssib ukoll, abbażi tal-aħjar data xjentifika disponibbli, li din is-sitwazzjoni hija r-riżultat tal-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19, il-Kummissjoni għandha taddotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 6, biex temenda l-perijodu ta’ referenza speċifikat fl-Artikolu 1 kif meħtieġ. Kwalunkwe emenda bħal din tista’ testendi l-perijodu ta’ referenza b’mhux aktar minn sitt xhur biss, u l-perijodu ta’ referenza ma jistax jiġi estiż lil hinn mill-14 ta’ April 2022.
3. Fejn, fil-każ ta’ impatt fit-tul tat-tifqigħa tal-COVID-19 fuq it-trasport ferrovjarju fl-Unjoni, raġunijiet imperattivi ta’ urġenza jeżiġu dan, il-proċedura prevista fl-Artikolu 7 għandha tapplika għall-atti delegati adottati skont dan l-Artikolu.
Artikolu 6
Eżerċizzju tad-delega
1. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġett għall- kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.
2. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 5(2) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ sena mit-13 ta’ Ottubru 2020.
3. Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 5(2) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ
4. Qabel ma’ tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.
5. Hekk kif tadotta l-att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
6. Att delegat adottat skont l-Artikolu 5(2) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonawperijodu. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.
Artikolu 7
Proċedura ta’ urġenza
1. L-atti delegati adottati taħt dan l-Artikolu għandhom jidħlu fis-seħħ mingħajr dewmien u għandhom japplikaw sakemm ma ssir l-ebda oġġezzjoni skont il-paragrafu 2. In-notifika ta’ att delegat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għandha tiddikjara r-raġunijiet għall-użu tal-proċedura ta’ urġenza.
2. Il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jistgħu joġġezzjonaw għal att delegat skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 6(6). F’dak il-każ, il-Kummissjoni għandha tħassar l-att immedjatament wara n-notifika tad-deċiżjoni ta’ oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill.
Artikolu 8
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Ottubru 2020.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
D. M. SASSOLI
Għall-Kunsill
Il-President
M. ROTH
(1) L-Opinjoni tas-16 ta’ Lulju 2020 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(2) Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ Settembru 2020. (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-2 ta’ Ottubru 2020.
(3) Id-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea (ĠU L 343, 14.12.2012, p. 32).