Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R1392

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1392 tat-13 ta' Awwissu 2015 li japprova s-sustanza bażika fruttożju f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 215, 14.8.2015, p. 34–37 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2015/1392/oj

14.8.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 215/34


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1392

tat-13 ta' Awwissu 2015

li japprova s-sustanza bażika fruttożju f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 23(5) flimkien mal-Artikolu 13(2) tiegħu,

Billi:

(1)

F'konformità mal-Artikolu 23(3) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, fit-12 ta' Marzu 2014 il-Kummissjoni waslitilha applikazzjoni mill-Institut Technique de l'Agriculture Biologique (ITAB) għall-approvazzjoni tal-fruttożju bħala sustanza bażika. Ma' dik l-applikazzjoni ngħatat l-informazzjoni meħtieġa skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(3).

(2)

Il-Kummissjoni talbet lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (minn hawn 'il quddiem “l-Awtorità”) għal għajnuna xjentifika. Fl-24 ta' Ottubru 2014, l-Awtorità ppreżentat Rapport Tekniku dwar is-sustanza inkwistjoni lill-Kummissjoni (2). Fl-20 ta' Marzu 2015 il-Kummissjoni ppreżentat ir-rapport ta' eżami (3) u abbozz ta' dan ir-Regolament lill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, u ffinalizzathom għal-laqgħa tal-Kumitat tal-14 ta' Lulju 2015.

(3)

Id-dokumentazzjoni mogħtija mill-applikant turi li l-fruttożju jissodisfa l-kriterji ta' oġġett tal-ikel kif iddefinit fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Barra minn hekk, is-sustanza mhix użata b'mod predominanti biex jiġu protetti l-pjanti, madankollu hija utli għall-protezzjoni tal-pjanti fi prodott li jikkonsisti mis-sustanza u mill-ilma. Għaldaqstant, għandha titqies bħala sustanza bażika.

(4)

Mill-eżamijiet li saru jidher li b'mod ġenerali, il-fruttożju jaf jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, l-aktar fejn jidħlu l-użi li ġew eżaminati u dettaljati fir-rapport ta' eżami tal-Kummissjoni. Għaldaqstant jixraq li l-fruttożju jiġi approvat bħala sustanza bażika.

(5)

F'konformità mal-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 flimkien mal-Artikolu 6 tiegħu, u fid-dawl tal-għarfien xjentifiku u tekniku attwali, jeħtieġ li jiddaħħlu ċerti kundizzjonijiet għall-approvazzjoni, li huma spjegati fl-Anness I ta' dan ir-Regolament.

(6)

F'konformità mal-Artikolu 13(4) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, l-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (5) għandu jiġi emendat skont dan.

(7)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Approvazzjoni ta' sustanza bażika

Is-sustanza fruttożju kif speċifikat fl-Anness I hija approvata bħala sustanza bażika soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dak l-Anness.

Artikolu 2

Emendi għar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011

L-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 huwa emendat skont l-Anness II ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Awwissu 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

(2)  L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, 2014; L-eżitu tal-konsultazzjoni mal-Istati Membri u mal-EFSA dwar l-applikazzjoni għas-sustanza bażika għall-fruttożju biex jintuża għall-protezzjoni tal-pjanti fuq is-siġar tat-tuffieħ biex jiġu kkontrollati l-insetti. Il-pubblikazzjoni ta' appoġġ tal-EFSA 2014:EN-684. 27 pp.

(3)  http://ec.europa.eu/food/plant/pesticides/eu-pesticides-database/public/?event=activesubstance.selection&language=EN

(4)  Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1).

(5)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta' Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-lista ta' sustanzi attivi approvati (ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1).


ANNESS I

Isem Komuni, Numri ta' Identifikazzjoni

Isem tal-IUPAC

Purità (1)

Data tal-approvazzjoni

Dispożizzjonijiet speċifiċi

Fruttożju

Nru tal-CAS: 57-48-7

β-D-fruttofuranożju

Grad tal-ikel

fl-1 ta' Ottubru 2015

L-użi bħala sustanza bażika li tkun stimulant tal-mekkaniżmi ta' difiża naturali tal-għelejjel biss huma approvati.

Il-fruttożju jista' jintuża f'konformità mal-kundizzjonijiet speċifiċi inklużi fil-konklużjonijiet tar-rapport ta' eżami dwar il-fruttożju (SANCO/12680/2014) u b'mod partikolari fl-Appendiċijiet I u II tiegħu.


(1)  Fir-rapport ta' eżami jingħataw aktar dettalji dwar l-identità, l-ispeċifikazzjoni, u l-mod kif tintuża s-sustanza attiva.


ANNESS II

Fil-Parti C tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011, tiżdied l-entrata li ġejja:

Numru

Isem Komuni, Numri ta' Identifikazzjoni

Isem tal-IUPAC

Purità (*)

Data tal-approvazzjoni

Dispożizzjonijiet speċifiċi

“8

Fruttożju

Nru tal-CAS: 57-48-7

β-D-fruttofuranożju

Grad tal-ikel

fl-1 ta' Ottubru 2015.

L-użi bħala sustanza bażika li tkun stimulant tal-mekkaniżmi ta' difiża naturali tal-għelejjel biss huma approvati.

Il-fruttożju jintuża f'konformità mal-kundizzjonijiet speċifiċi inklużi fil-konklużjonijiet tar-rapport ta' eżami dwar il-fruttożju (SANCO/12680/2014) u b'mod partikolari fl-Appendiċijiet I u II tiegħu.”


(*)  Fir-rapport ta' eżami jingħataw aktar dettalji dwar l-identità, l-ispeċifikazzjoni, u l-mod kif tintuża s-sustanza attiva.


Top