This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32008E0851
Council Joint Action 2008/851/CFSP of 10 November 2008 on a European Union military operation to contribute to the deterrence, prevention and repression of acts of piracy and armed robbery off the Somali coast
Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/851/PESK ta’ l- 10 ta’ Novembru 2008 dwar l-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea bil-ħsieb ta’ kontribut għad-deterrenza, il-prevenzjoni u t-trażżin tal-atti ta’ piraterija u ta’ serq bl-użu tal-armi ‘l barra mix-xtut tas-Somalja
Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/851/PESK ta’ l- 10 ta’ Novembru 2008 dwar l-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea bil-ħsieb ta’ kontribut għad-deterrenza, il-prevenzjoni u t-trażżin tal-atti ta’ piraterija u ta’ serq bl-użu tal-armi ‘l barra mix-xtut tas-Somalja
ĠU L 301, 12.11.2008, p. 33–37
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(HR)
In force: This act has been changed. Current consolidated version: 04/04/2024
12.11.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 301/33 |
AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2008/851/PESK
ta’ l-10 ta’ Novembru 2008
dwar l-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea bil-ħsieb ta’ kontribut għad-deterrenza, il-prevenzjoni u t-trażżin tal-atti ta’ piraterija u ta’ serq bl-użu tal-armi ‘l barra mix-xtut tas-Somalja
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 14, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 25 u l-Artikolu 28(3) tiegħu,
Billi:
(1) |
Fir-Riżoluzzjoni 1814 (2008) tiegħu dwar is-sitwazzjoni fis-Somalja, adottata fil-15 ta’ Mejju 2008, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU) talab lill-Istati u lill-organizzazzjonijiet reġjonali, f’koordinazzjoni mill-qrib tal-azzjoni tagħhom bejniethom, biex jieħdu miżuri biex jipproteġu lill-bastimenti li qed jieħdu sehem fit-trasport u l-ispedizzjoni tal-għajnuna umanitarja għas-Somalja u fl-attivitajiet awtorizzati min-Nazzjonijiet Uniti. |
(2) |
Fir-Riżoluzzjoni 1816 (2008) tiegħu dwar is-sitwazzjoni fis-Somalja, adottata fit-2 ta’ Ġunju 2008, il-KSNU ddikjara li jinsab imħasseb dwar il-periklu li l-atti ta’ piraterija u serq bl-użu tal-armi mwettqin fuq bastimenti qed joħolqu għat-trasport tal-għajnuna umanitarja fis-Somalja, għas-sigurtà tar-rotot marittimi kummerċjali u għat-tbaħħir internazzjonali. Il-KSNU impenja b’mod partikolari lill-Istati li jixtiequ jużaw ir-rotot marittimi kummerċjali li jinsabu ‘l barra mix-xtut Somali biex jirrinfurzaw u jikkoordinaw, f’kooperazzjoni mal-Gvern federali proviżorju (GFP), l-azzjoni meħuda biex tiskoraġġixxi l-atti ta’ piraterija u s-serq bl-użu tal-armi mwettqin fuq il-baħar. Huwa awtorizza lill-Istati li jikkooperaw mal-GFP fejn dan tal-aħħar ikun innotifika isimhom minn qabel lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, għal perijodu ta’ sitt xhur mill-adozzjoni tar-Riżoluzzjoni, biex jidħlu fl-ilmijiet territorjali tas-Somalja u jużaw il-mezzi kollha meħtieġa bil-għan li jrażżnu l-atti ta’ piraterija u s-serq bl-użu tal-armi fuq il-baħar, f’konformità mal-liġi internazzjonali applikabbli. |
(3) |
Fir-Riżoluzzjoni 1838 (2008) tiegħu dwar is-sitwazzjoni fis-Somalja, adottata fis-7 ta’ Ottubru 2008, il-KSNU laqa’ l-ippjanar attwali ta’ operazzjoni militari navali eventwali tal-Unjoni Ewropea (UE), kif ukoll ta’ inizjattivi oħra internazzjonali u nazzjonali meħuda bil-għan li jiġu implimentati r-Riżoluzzjonijiet 1814 (2008) u 1816 (2008) u ħeġġeġ lill-Istati kollha li għandhom il-mezzi biex jikkoopera aw mal-GFP fil-ġlieda kontra l-piraterija u s-serq bl-użu tal-armi fuq il-baħar, f’konformità mar-Riżoluzzjoni 1816 (2008) tiegħu. Huwa ħeġġeġ ukoll lill-Istati kollha u lill-organizzazzjonijiet reġjonali biex ikomplu jaġixxu, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Riżoluzzjoni 1814 (2008) tiegħu, biex jipproteġu l-konvojs marittimi tal-Programm Dinji tal-Ikel (PDI), li huwa ta’ l-akbar importanza biex l-għajnuna umanitarja titwasssal għall-popolazzjoni Somala. |
(4) |
Fil-konklużjonijiet tiegħu tas-26 ta’ Mejju 2008, il-Kunsill iddikjara l-preokkupazzjoni tiegħu dwar il-mewġa ġdida tal-atti ta’ piraterija ‘l barra mix-xtut Somali, li qed ittellef l-azzjonijiet umanitarji u t-traffiku marittimu internazzjonali fir-reġjun u qed tikkontribwixxi għall-vjolazzjonijiet tal-embargo fuq l-armi dikjarat min-Nazzjonijiet Uniti. Bl-istess mod il-Kunsill laqa’ b’sodisfazzjon is-sensiela ta’ inizjattivi meħudin minn ċerti Stati Membri tal-UE bil-ħsieb li joffru protezzjoni lill-bastimenti tal-PDI. Huwa saħaq fuq il-ħtieġa ta’ parteċipazzjoni usa’ mill-komunità internazzjonali għal dawn l-iskorti sabiex l-għajnuna umanitarja titwassal lill-popolazzjoni Somala. |
(5) |
Fil-5 ta’ Awwissu 2008, il-Kunsill approva l-kunċett ta’ maniġġar ta’ kriżijiet għal azzjoni tal-UE bil-ħsieb ta’ kontribut għall-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1816 (2008) tal-KSNU u għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali fir-reġjun. |
(6) |
Fil-15 ta’ Settembru 2008, il-Kunsill afferma mill-ġdid il-preokkupazzjoni serja tiegħu fir-rigward tal-atti ta’ piraterija u tas-serq bl-użu tal-armi ‘l barra mix-xtut Somali, u kkundanna, b’mod partikolari, il-mewġa ġdida ta’ dawn l-atti. Rigward il-kontribut tal-UE għall-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1816 (2008) tal-KSNU dwar il-ġlieda kontra l-piraterija ‘l barra mix-xtut Somali, u għall-protezzjoni, skont ir-Riżoluzzjonijiet 1814 (2008) u 1816 (2008), tal-bastimenti mikrija mill-PDI diretti lejn is-Somalja, il-Kunsill iddeċieda li jistabbilixxi, fi Brussell, ċellola ta’ koordinazzjoni inkarigata biex tappoġġa l-azzjonijiet ta’ sorveljanza u ta’ protezzjoni mmexxijin minn ċerti Stati Membri ‘l barra mix-xtut tas-Somalja. Fl-istess jum, il-Kunsill approva, minn naħa waħda, pjan ta’ implimentazzjoni għal din l-azzjoni militari ta’ koordinazzjoni (EU NAVCO) u, min-naħa l-oħra, għażla militari strateġika dwar operazzjoni militari navali eventwali tal-UE, li għaliha l-Istati Membri li jixtiequ jikkooperaw mal-GFP skont id-dispożizzjonijiet tar-Riżoluzzjoni 1816 (2008), jagħmlu disponibbli l-mezzi militari tagħhom biex jiskoraġġixxu u jrażżnu l-atti ta’ piraterija u s-serq bl-użu tal-armi ‘l barra mix-xtut tas-Somalja. |
(7) |
Fid-19 ta’ Settembru 2008, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2008/749/PESK, dwar l-azzjoni ta’ koordinazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea b’appoġġ għar-Riżoluzzjoni 1816 (2008) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UE NAVCO) (1). |
(8) |
Mat-tnedija tal-operazzjoni militari Atalanta, il-kompiti assenjati liċ-ċellola ta’ koordinazzjoni ser jitwettqu fil-qafas ta’ din l-azzjoni konġunta. Għaldaqstant iċ-ċellola ta’ koordinazzjoni tal-UE għandha tingħalaq. |
(9) |
Il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) għandu jeżerċita l-kontroll politiku tal-operazzjoni militari tal-UE bil-ħsieb ta’ kontribut għad-deterrenza tal-atti ta’ piraterija ‘l barra mix-xtut tas-Somalja, jipprovdi d-direzzjoni strateġika u jieħu d-deċiżjonijiet adatti, f’konformità mal-Artikolu 25, it-tielet subparagrafu, tat-Trattat. |
(10) |
Fl-applikazzjoni tal-Artikolu 28(3) tat-Trattat, in-nefqa operattiva li tirriżulta minn din l-Azzjoni Konġunta, li jkollha implikazzjonijiet militari jew ta’ difiża, għandha titħallas mill-Istati Membri, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/384/PESK tal-14 ta’ Mejju 2007 li tistabbilixxi mekkaniżmu għall-amministrazzjoni tal-finanzjament tal-ispejjeż komuni tal-operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea li jkollhom implikazzjonijiet militari jew ta’ difiża (Athena) (2) (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “Athena”). |
(11) |
L-Artikolu 14(1) tat-Trattat jipprevedi li l-Azzjonijiet Konġunti jistabbilixxu l-mezzi li għandhom isiru disponibbli għall-Unjoni. L-ammont ta’ referenza finanzjarja, li jkopri perijodu ta’ tnax-il xahar, għall-ispejjeż komuni tal-operazzjoni militari tal-UE jikkostitwixxi l-aħjar stima attwali u huwa mingħajr preġudizzju għall-figuri finali li għandhom jiġu inklużi f’baġit li għandu jiġi approvat skont ir-regoli stabbiliti fid-deċiżjoni dwar Athena. |
(12) |
Permezz ta’ ittra ddatata 30 ta’ Ottubru 2008, l-UE bagħtet offerta lill-GFP, f’konformità mal-punt 7 tar-Riżoluzzjoni 1816 (2008), li fiha xi proposti dwar l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni minn Stati minbarra s-Somalja fil-konfront ta’ persuni li nqabdu fl-ilmijiet territorjali tas-Somalja li kkommettew jew huma suspettati li kkommettew atti ta’ piraterija jew ta’ serq bl-użu tal-armi. |
(13) |
Skont l-Artikolu 6 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka ma tipparteċipax fl-elaborazzjoni u fl-implementazzjoni ta’ deċiżjonijiet u azzjonijiet tal-Unjoni li jkollhom implikazzjonijiet ta’ difiża. Id-Danimarka ma tipparteċipax fl-implimentazzjoni ta’ din l-Azzjoni Konġunta u għalhekk ma tikkontribwixxix għall-finanzjament tal-operazzjoni, |
ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA:
Artikolu 1
Missjoni
1. L-Unjoni Ewropea (UE) għandha tmexxi operazzjoni militari b’appoġġ għar-Riżoluzzjonijiet 1814 (2008) u 1816 (2008) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU) b’mod konformi mal-azzjoni awtorizzata f’każ ta’ piraterija b’applikazzjoni tal-Artikolu 100 ’il quddiem tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar iffirmata f’Montego Bay fl-10 ta’ Diċembru 1982 (minn hawn ’il quddiem imsejħa “Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar”) u permezz, b’mod partikolari, tal-impenji li ttieħdu mal-Istati terzi, minn hawn ’il quddiem imsejħa “Atalanta”, bil-ħsieb li tikkontribwixxi:
— |
għall-protezzjoni tal-bastimenti tal-PDI li jittrasportaw l-għajnuna alimentari lill-popolazzjonijiet tas-Somalja mġiegħla jħallu darhom, f’konformità mal-mandat tar-Riżoluzzjoni 1814 (2008) tal-KSNU. |
— |
Għall-protezzjoni tal-bastimenti vulnerabbli li jkunu qed ibaħħru ‘l barra mix-xtut tas-Somalja, kif ukoll għad-deterrenza, il-prevenzjoni u t-trażżin tal-atti ta’ piraterija u ta’ serq bl-użu tal-armi ‘l barra mix-xtut tas-Somalja, f’konformità mal-mandat iddefinit fir-Riżoluzzjoni 1816 (2008) tal-KSNU. |
2. Il-forzi skjerati għal dak il-għan għandhom joperaw sa 500 mil nawtiku ‘l barra mix-xtut tas-Somalja u tal-pajjiżi ġirien, skont l-objettiv politiku ta’ operazzjoni marittima tal-UE, kif iddefinit fil-kunċett ta’ maniġġar ta’ kriżi approvat mill-Kunsill fil-5 ta’ Awwissu 2008.
Artikolu 2
Mandat
Atalanta, bil-kondizzjonijiet stabbiliti mil-liġi internazzjonali applikabbli, b’mod partikolari tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, u mir-Riżoluzzjonijiet 1814 (2008), 1816 (2008) u 1838 (2008) tal-KSNU, u fil-limitu tal-kapaċitajiet disponibbli tagħha, għandha:
(a) |
tipprovdi protezzjoni lill-bastimenti mikrija mill-PDI, inkluż permezz tal-preżenza abbord il-bastimenti kkonċernati ta’ elementi armati ta’ Atalanta, b’mod partikolari meta jkunu qed ibaħħru fl-ilmijiet territorjali tas-Somalja; |
(b) |
tipproteġi l-bastimenti tal-merkanzija li qed ibaħħru fiż-żoni fejn hija skjerata, skond il-ħtiġijiet fuq bażi ta’ każ b’każ; |
(ċ) |
tissorvelja ż-żoni ‘l barra mix-xtut tas-Somalja, inklużi l-ilmijiet territorjali tagħha, li jippreżentaw riskji għall-attivitajiet marittimi, b’mod partikolari t-traffiku marittimu; |
(d) |
tieħu l-miżuri meħtieġa, inkluż l-użu tal-forza, biex tiddiswadi u tipprevjeni bil-għan li jitwaqqfu l-atti ta’ piraterija jew ta’ serq bl-użu tal-armi li jistgħu jitwettqu fiż-żoni fejn hija preżenti; |
(e) |
fid-dawl tal-eżerċizzju eventwali ta’ proċedimenti legali mill-Istati kompetenti fil-kondizzjonijiet previsti fl-Artikolu 12, tista’ taqbad, iżżomm u tittrasferixxi l-persuni li kkommettew jew li huma suspettati li kkommettew atti ta’ piraterija jew ta’ serq bl-użu tal-armi fiż-żoni fejn hija preżenti u taqbad il-bastimenti tal-pirati jew tal-ħallelin armati jew il-bastimenti li nħatfu wara att ta’ piraterija jew ta’ serq bl-użu tal-armi u li jinsabu f’idejn pirati kif ukoll l-oġġetti li jinsabu abbord tagħhom; |
(f) |
tistabbilixxi kollegament mal-organizzazzjonijiet u l-entitajiet, kif ukoll mal-Istati li qed jaħdmu fir-reġjun għall-ġlieda kontra l-atti ta’ piraterija u s-serq bl-użu tal-armi ‘l barra mix-xtut tas-Somalja, b’mod partikolari l-forza marittima “Combined Task Force 150” li qed taħdem fil-qafas tal-operazzjoni “Libertà Dejjiema”. |
Artikolu 3
Ħatra ta’ Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE
Il-Viċi-Ammirall Philip Jones huwa b’dan maħtur Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE.
Artikolu 4
Għażla tal-Kwartieri Ġenerali tal-Operazzjoni tal-UE
Il-Kwartieri Ġenerali tal-Operazzjoni tal-UE għandhom ikunu jinsabu f’Northwood, Renju Unit.
Artikolu 5
Ippjanar u tnedija tal-operazzjoni
Id-Deċiżjoni dwar it-tnedija tal-operazzjoni militari tal-UE għandha tiġi adottata mill-Kunsill wara l-approvazzjoni tal-Pjan tal-Operazzjoni u r-Regoli tal-Ingaġġ u bil-ħsieb tan-notifika mill-GFP lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tal-offerta ta’ kooperazzjoni magħmula mill-UE b’applikazzjoni tal-punt 7 tar-Riżoluzzjoni 1816 (2008) tal-KSNU.
Artikolu 6
Kontroll politiku u direzzjoni strateġika
1. Taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill, il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) għandu jeżerċita l-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-operazzjoni militari tal-UE. Il-Kunsill b’dan jawtorizza lill-KPS sabiex jieħu d-deċiżjonijiet adatti, skont l-Artikolu 25 tat-Trattat. Din l-awtorizzazzjoni għandha tinkludi, b’mod partikolari, il-kompetenzi meħtieġa biex jiġu emendati d-dokumenti tal-ippjanar, inkluż il-Pjan tal-Operazzjoni, il-Linja tal-Kmand u r-Regoli tal-Ingaġġ. Hija għandha tinkludi wkoll il-kompetenzi meħtieġa biex jittieħdu deċiżjonijiet li jirrigwardaw il-ħatra tal-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE u/jew tal-Kmandant tal-Forza tal-UE. Is-setgħat ta’ deċiżjoni fir-rigward tal-objettivi u t-tmiem tal-operazzjoni militari tal-UE għandhom jibqgħu f’idejn il-Kunsill, assistit mis-Seġretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli (SĠ/RGħ).
2. Il-KPS għandu jirrapporta lill-Kunsill f’intervalli regolari.
3. Il-KPS għandu jirċievi, f’intervalli regolari, rapporti mill-President tal-Kumitat Militari tal-UE (EUMC) rigward it-twettiq tal-operazzjoni militari tal-UE. Il-KPS jista’, skont il-każ, jistieden lill-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE u/jew lill-Kmandant tal-Forza tal-UE għal-laqgħat tiegħu.
Artikolu 7
Direzzjoni militari
1. L-EUMC għandu jiżgura li jissorvelja l-eżekuzzjoni korretta tal-operazzjoni militari tal-UE mmexxija taħt ir-responsabbiltà tal-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE.
2. L-EUMC għandu jirċievi, f’intervalli regolari, rapporti mill-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE. Huwa jista’ jistieden lill-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE u/jew lill-Kmandant tal-Forza tal-UE għal-laqgħat tiegħu, skont il-każ.
3. Il-President tal-EUMC għandu jaġixxi bħala l-punt ta’ kuntatt ewlieni mal-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE.
Artikolu 8
Koerenza tar-reazzjoni tal-UE
Il-Presidenza, is-SĠ/RGħ, il-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE u l-Kmandant tal-Forza tal-UE għandhom jiżguraw li jikkoordinaw mill-qrib l-attivitajiet rispettivi tagħhom fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ din l-Azzjoni Konġunta.
Artikolu 9
Relazzjonijiet man-Nazzjonijiet Uniti, is-Somalja, il-pajjiżi ġirien u l-atturi l-oħrajn
1. Is-SĠ/RGħ, f’koordinazzjoni mill-qrib mal-Presidenza, għandu jkun il-punt ta’ kuntatt ewlieni man-Nazzjonijiet Uniti, l-aġenziji speċjalizzati tagħhom, l-awtoritajiet Somali u l-awtoritajiet tal-pajjiżi ġirien, kif ukoll mal-atturi l-oħrajn ikkonċernati.
Fil-qafas ta’ dawn il-kuntatti mal-Unjoni Afrikana, is-SĠ/RGħ għandu jkun assistit mir-Rappreżentant Speċjali tal-UE (RSUE) għall-Unjoni Afrikana, f’koordinazzjoni mill-qrib mal-Presidenza.
2. Fil-livell operattiv, il-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE għandu jkun il-punt ta’ kuntatt, b’mod partikolari, mal-organizzazzjonijiet tas-sidien tal-bastimenti kif ukoll id-dipartimenti kkonċernati tas-Segretarjat Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali u tal-PDI.
Artikolu 10
Parteċipazzjoni ta’ Stati terzi
1. Mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-UE u għall-qafas istituzzjonali uniku, u skont il-linji gwida rilevanti tal-Kunsill Ewropew, Stati terzi jistgħu jiġu mistiedna jipparteċipaw fl-operazzjoni.
2. Il-Kunsill b’dan jawtorizza lill-KPS biex jistieden lil Stati terzi sabiex jipproponu kontribut u biex jieħu, fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE u l-EUMC, id-deċiżjonijiet adatti dwar l-aċċettazzjoni tal-kontributi proposti.
3. Il-modalitajiet dettaljati rigward il-parteċipazzjoni ta’ Stati terzi għandhom ikunu s-suġġett ta’ strumenti ta’ ftehim konklużi skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 24 tat-Trattat. Is-SĠ/RGħ, li jassisti lill-Presidenza, jista’ jinnegozja tali strumenti ta’ ftehim f’isimha. Jekk l-UE u Stat terz ikunu kkonkludew ftehim li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni ta’ dan tal-aħħar f’operazzjonijiet tal-UE ta’ maniġġar ta’ kriżi, id-dispożizzjonijiet ta’ tali ftehim għandhom japplikaw fil-kuntest ta’ din l-operazzjoni.
4. L-Istati terzi li jagħmlu kontributi militari sinifikanti għall-operazzjoni militari tal-UE għandu jkollhom l-istess drittijiet u obbligi fir-rigward tat-tmexxija ta’ kuljum tal-operazzjoni bħall-Istati Membri li jieħdu sehem fl-operazzjoni.
5. Il-Kunsill b’dan jawtorizza lill-KPS biex jieħu d-deċiżjonijiet adatti rigward l-istabbiliment ta’ Kumitat ta’ Kontributuri, fil-każ li xi Stati terzi jipprovdu kontributi militari sinifikanti.
6. Il-kondizzjonijiet għat-trasferiment, lejn Stat terz li qed jipparteċipa fl-operazzjoni, tal-persuni li nqabdu u ġew miżmuma bil-ħsieb tal-eżerċizzju tal-kompetenza ġurisdizzjonali ta’ dan l-Istat, għandhom jiġu deċiżi mal-konklużjoni jew l-implimentazzjoni tal-istrumenti ta’ ftehim dwar il-parteċipazzjoni msemmija fil-paragrafu 3.
Artikolu 11
Status tal-forzi mmexxija mill-UE
L-istatus tal-forzi mmexxija mill-UE u tal-persunal tagħhom, inklużi l-privileġġi, l-immunitajiet u l-garanziji ulterjuri meħtieġa għat-twettiq u l-funzjonament bla xkiel tal-missjoni tagħhom, li:
— |
huma stazzjonati jew preżenti fit-territorju terrestri ta’ Stati terzi, |
— |
li joperaw fl-ilmijiet territorjali ta’ Stati terzi jew fl-ilmijiet interni tagħhom, |
għandu jiġi deċiż skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 24 tat-Trattat. Is-SĠ/RGħ, li jassisti lill-Presidenza, jista’ jinnegozja tali arranġamenti f’isimha.
Artikolu 12
Trasferiment ta’ persuni li nqabdu u nżammu bil-ħsieb tal-eżerċizzju tal-kompetenzi ġurisdizzjonali
1. Abbażi tal-aċċettazzjoni mis-Somalja għall-ġurisdizzjoni tagħhom minn Stati Membri jew Stati terzi, minn naħa, u l-Artikolu 105 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, min-naħa l-oħra, il-persuni li wettqu jew li hemm suspett li wettqu atti ta’ piraterija jew ta’ serq bl-użu tal-armi li jinqabdu fl-ilmijiet territorjali tas-Somalja jew fl-ibħra internazzjonali, kif ukoll l-oġġetti li jkunu ntużaw biex jitwettqu dawn l-atti, għandhom jiġu ttrasferiti:
— |
lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru jew tal-Istat terz tal-bandiera tal-bastiment li jkun qabadhom, jew |
— |
jekk dan l-Istat ma jistax jew ma jixtieqx jeżerċita l-ġurisdizzjoni tiegħu, lil Stat Membru jew lil Stat terz li jixtieq jeżerċitaha fuq il-persuni jew l-oġġetti msemmija hawn fuq. |
2. Ebda persuna msemmija fil-paragrafu 1 ma tista’ tiġi ttrasferita fi Stat terz, jekk il-kondizzjonijiet ta’ dan it-trasferiment ma jkunux ġew deċiżi ma’ dan l-Istat terz b’mod konformi mal-liġi internazzjonali applikabbli, b’mod partikolari l-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, biex jiġi garantit b’mod partikolari li ħadd ma jkun soġġett għall-piena tal-mewt, għat-tortura jew għal kwalunkwe trattament krudili, inuman jew degradanti.
Artikolu 13
Relazzjonijiet mal-Istati tal-bandiera tal-bastimenti protetti
Il-kondizzjonijiet li jirregolaw il-preżenza abbord il-bastimenti merkantili, b’mod partikolari dawk mikrija mill-PDI, ta’ unitajiet li jagħmlu parti minn Atalanta, inklużi l-privileġġi, l-immunitajiet u garanziji oħrajn marbutin mal-funzjonament bla xkiel tal-operazzjoni, għandhom jiġu deċiżi mal-Istat tal-bandiera ta’ dawn il-bastimenti.
Artikolu 14
Dispożizzjonijiet finanzjarji
1. L-ispejjeż komuni tal-operazzjoni militari tal-UE għandhom jiġu amministrati minn Athena.
2. L-ammont ta’ referenza finanzjarja għall-ispejjeż komuni tal-operazzjoni militari tal-UE għandu jkun ta’ EUR 8,3 miljun. Il-persentaġġ tal-ammont ta’ referenza msemmi fl-Artikolu 33(3) tad-deċiżjoni dwar Athena għandu jkun ta’ 30 %.
Artikolu 15
Komunikazzjoni ta’ informazzjoni lin-Nazzjonijiet Uniti u lil partijiet terzi oħrajn
1. Is-SĠ/RGħ huwa b’dan awtorizzat jikkomunika lin-Nazzjonijiet Uniti u lil partijiet terzi oħrajn assoċjati ma’ din l-Azzjoni Konġunta, informazzjoni u dokumenti klassifikati tal-UE ġġenerati għall-finijiet tal-operazzjoni militari tal-UE sal-livell ta’ klassifikazzjoni adegwat għal kull wieħed minnhom, skont ir-Regolamenti tas-Sigurtà tal-Kunsill (3).
2. Is-SĠ/RGħ huwa b’dan awtorizzat biex jikkomunika lin-Nazzjonijiet Uniti u lil partijiet terzi oħrajn assoċjati ma’ din l-Azzjoni Konġunta, dokumenti mhux klassifikati tal-UE relatati mad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill rigward l-operazzjoni, koperti bl-obbligu tas-segretezza professjonali, skont l-Artikolu 6(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill (4).
Artikolu 16
Dħul fis-seħħ u tmiem
1. Din l-Azzjoni Konġunta għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.
2. L-Azzjoni Konġunta 2008/749/PESK għandha tkun imħassra mid-data tal-għeluq taċ-ċellola ta’ koordinazzjoni stabbilita permezz ta’ dik l-Azzjoni Konġunta. Dan l-għeluq għandu jseħħ fid-data tat-tnedija tal-operazzjoni msemmija fl-Artikolu 6 ta’ din l-Azzjoni Konġunta.
3. L-operazzjoni militari tal-UE għandha tintemm 12-il xahar wara d-dikjarazzjoni tal-kapaċità operattiva iniżjali tal-operazzjoni, taħt riżerva tat-titwil tar-Riżoluzzjonijiet 1814 (2008) u 1816 (2008) tal-KSNU.
4. Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi revokata wara l-irtirar tal-forza tal-UE, skont il-pjanijiet approvati għat-tmiem tal-operazzjoni militari tal-UE, u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-deċiżjoni rigward Athena.
Artikolu 17
Pubblikazzjoni
1. Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
2. Id-deċiżjonijiet tal-KPS dwar il-ħatriet ta’ Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE u/jew Kmandant tal-Forza tal-UE kif ukoll id-deċiżjonijiet tal-KPS dwar l-aċċettazzjoni tal-kontributi tal-Istati terzi u l-istabbiliment ta’ Kumitat ta’ Kontributuri għandhom ukoll jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmula fi Brussell, 10 ta’ Novembru 2008.
Għall-Kunsill
Il-President
B. KOUCHNER
(1) ĠU L 252, 20.9.2008, p. 39.
(2) ĠU L 152, 13.6.2007, p. 14.
(3) Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/264/KE tad-19 ta’ Marzu 2001 li tadotta r-Regolamenti tal-Kunsill rigward is-sigurtà (ĠU L 101, 11.4.2001, p. 1).
(4) Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/338/KE, Euratom tat-22 ta’ Marzu 2004 li tadotta r-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill (ĠU L 106, 15.4.2004, p. 22).