Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005E0355

Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2005/355/PESK tat- 2 ta' Mejju 2005 dwar il-missjoni ta’ l-Unjoni Ewropea biex tipprovdi parir u assistenza għar-riforma tas-settur tas-sigurtà fir-Repubblika demokratika tal-Kongo (DRC)

ĠU L 112, 3.5.2005, p. 20–23 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 164M, 16.6.2006, p. 1–4 (MT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/06/2007

ELI: http://data.europa.eu/eli/joint_action/2005/355/oj

16.6.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

1


AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2005/355/PESK

tat-2 ta' Mejju 2005

dwar il-missjoni ta’ l-Unjoni Ewropea biex tipprovdi parir u assistenza għar-riforma tas-settur tas-sigurtà fir-Repubblika demokratika tal-Kongo (DRC)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 14, l-Artikolu 25, it-tielet subparagrafu, l-Artikolu 26 u l-Artikolu 28(3), l-ewwel sub-paragrafu tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-12 ta’ April 2005, il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni 2005/304/PESK dwar il-prevenzjoni, il-maniġġar u r-riżoluzzjoni ta’ kunflitti fl-Afrika u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2004/85/PESK (1).

(2)

Fit-22 ta’ Novembru 2004, il-Kunsill approva pjan ta’ azzjoni dwar l-appoġġ mill-PESD għall-paċi u s-sigurtà fl-Afrika. Fit-13 ta' Diċembru 2004 huwa approva linji gwida għall-implimentazzjoni ta’ dak il-pjan ta’ azzjoni.

(3)

Fit-13 ta’ Diċembru 2004, il-Kunsill, fil-konklużjonijiet tiegħu, stqarr li l-UE lesta li tikkontribwixxi għar-riforma tas-settur tas-sigurtà fir-Repubblika demokratika tal-Kongo (DRC).

(4)

Fit-28 ta’ Ġunju 2004, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2000/530/PESK (2) li, fost affarijiet oħrajn, ittawwal u timmodifika l-mandat tas-Sur Aldo Ajello bħala r-Rappreżentant Speċjali ta’ l-Unjoni Ewropea għar-Reġjun Afrikan tal-Lagi Kbar.

(5)

Fid-9 ta’ Diċembru 2004, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2004/874/PESK dwar il-Missjoni tal-Pulizija ta’ l-Unjoni Ewropea f’Kinshasa (DRC) fir-rigward ta’ l-Unità Integrata tal-Pulizija (EUPOL “Kinshasa”) (3).

(6)

Il-Ftehim Globali u Inklussiv, iffirmat mill-partiti Kongoliżi fi Pretorja fis-17 ta’ Diċembru 2002, segwit mill-Att Finali ffirmat f’Sun City fit-2 ta’ April 2003, ta bidu għal proċess ta’ transizzjoni fid-DRC, li jinkludi l-istabbiliment ta’ armata nazzjonali ristrutturata u integrata.

(7)

Fit-30 ta’ Marzu 2005, il-Kunsill ta’ Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 1592 (2005) dwar is-sitwazzjoni tar-Repubblika demokratika tal-Kongo li fiha jerġa’ jafferma, fost affarijiet oħra, l-appoġġ tiegħu għall-proċess ta’ transizzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u jitlob lill-Gvern ta' Unità Nazzjonali u ta’ Transizzjoni biex iwettaq ir-riforma tas-settur tas-sigurtà, u jiddeċiedi li jtawwal il-mandat tal-Missjoni ta’ l-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fir-Repubblika demokratika tal-Kongo (MONUC), kif defnit fir-Riżoluzzjoni 1565 (2004).

(8)

Fis-26 ta' April 2005, il-gvern tad-DRC bagħat stedina uffiċjali lis-Segretarju-Ġenerali/Rappreżentant Għoli għall-politika estera u ta' sigurtà komuni (SĠ/RĠħ) bil-ħsieb li jikseb assistenza mill-Unjoni, permezz ta’ l-istabbiliment ta’ tim li jipprovdi pariri u assistenza lill-awtoritajiet Kongoliżi għar-riforma tas-settur tas-sigurtà.

(9)

Is-sitwazzjoni attwali ta’ sigurtà fid-DRC tista’ tiħżien, b’riperkussjonijiet potenzjalment serji fuq il-proċess ta’ tisħiħ tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u s-sigurtà internazzjonali u reġjonali. Impenn kontinwu ta’ l-Unjoni f’dak li hu sforz politiku u riżorsi jgħin biex tiġi ssudata l-istabbiltà fir-reġjun.

(10)

Fit-12 ta’ April 2005, il-Kunsill approva l-Kunċett Ġenerali għall-istabbiliment ta’ missjoni biex tipprovdi parir u assistenza għar-riforma tas-settur tas-sigurtà fir-Repubblika demokratika tal-Kongo.

(11)

L-istatus tal-missjoni ser ikun soġġett għal konsultazzjoni mal-gvern tad-DRC bil-ħsieb li l-ftehim dwar l-istatut ta’ l-EUPOL “Kinshasa” jkun applikabbli għall-missjoni u l-persunal tagħha,

ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA:

Artikolu 1

Missjoni

1.   L-Unjoni Ewropea b’dan tistabbilixxi missjoni biex tipprovdi parir u assistenza għar-riforma tas-settur tas-sigurtà fir-Repubblika demokratika tal-Kongo (DRC), imsejjħa EUSEC RD Congo, bil-għan li tikkontribwixxi għal integrazzjoni b’suċċess ta’ l-armata fid-DRC. Il-missjoni għandha tipprovdi lill-awtoritajiet Kongoliżi responsabbli għas-sigurtà b’pariri u assistenza, filwaqt li tieħu ħsieb li tippromovi linji politiċi kompatibbli mad-drittijiet tal-bniedem u l-liġi umanitarja internazzjonali, l-istandards demokratiċi u l-prinċipji ta’ governanza tajba, ta' trasparenza u ta' rispett għall-istat tad-dritt.

2.   Il-missjoni għandha topera skond l-għanijiet u d-dispożizzjonijiet l-oħra hekk kif jinsabu fid-dikjarazzjoni tal-missjoni stabbilita fl-Artikolu 2.

Artikolu 2

Mandat

Il-missjoni għandha timmira, f’koperazzjoni u kordinazzjoni mill-qrib ma’ l-atturi l-oħra tal-komunità internazzjonali, biex tipprovdi appoġġ prattiku għall-integrazzjoni ta’ l-armata Kongoliża u governanza tajba fil-qasam tas-sigurtà, kif stabbilit fil-Kunċett Ġenerali, inkluż l-identifikazzjoni u l-kontribut għall-iżvilupp ta’ proġetti varji u possibbiltajiet li l-Unjoni Ewropea u/jew l-Istati Membri tagħha jistgħu jiddeċiedu li jappoġġjaw f’dan il-qasam.

Artikolu 3

Struttura tal-missjoni

Il-missjoni għandha tkun strutturata kif ġej:

a)

uffiċju f’Kinshasa, kompost mill-Kap tal-Missjoni u persunal mhux marbut ma’ l-awtoritajiet Kongoliżi;

b)

esperti assenjati b’mod partikolari fil-karigi ċentrali li ġejjin fi ħdan l-amministrazzjoni Kongoliża:

il-Kabinett tal-Ministru għad-Difiża,

il-persunal ġenerali, inkluża l-Istruttura Militari Integrata (IMS),

il-persunal ġenerali ta’ l-armata,

il-Kumitat Nazzjonali għad-Diżarmament, id-Demobilizzazzjoni u r-Reintegrazzjoni (CONADER), u

il-Kumitat Operattiv Konġunt.

Artikolu 4

Stadju preparatorju

1.   Is-segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, assistit mill-Kap tal-Missjoni, għandu jfassal pjan ta' implimentazzjoni tal-missjoni.

2.   Il-pjan ta' implimentazzjoni kif ukoll il-bidu tal-missjoni għandhom ikunu approvati mill-Kunsill.

Artikolu 5

Kap tal-Missjoni

1.   Il-Ġeneral Pierre Michel JOANA huwa b’dan maħtur Kap tal-Missjoni. Il-Kap tal-Missjoni għandu jieħu f’idejh l-amministrazzjoni ta’ kuljum tal-missjoni u għandu jkun responsabbli għall-kwistjonijiet ta’ persunal u ta’ dixxiplina.

2.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jiffirma kuntratt mal-Kummissjoni.

3.   L-esperti kollha tal-missjoni għandhom jibqgħu taħt l-awtorità ta’ l-Istat Membru jew l-istituzzjoni ta’ l-UE kompetenti, u għandhom jaqdu dmirijiethom u jaġixxu fl-interess tal-missjoni. Kemm waqt, kif ukoll wara l-missjoni, l-esperti tal-missjoni għandhom jeżerċitaw l-akbar diskrezzjoni fir-rigward tal-fatti u l-informazzjoni kollha relatati mal-missjoni.

Artikolu 6

Persunal

1.   L-esperti tal-missjoni għandhom jiġu ssekondati mill-Istati Membri jew mill-istituzzjonijiet ta’ l-UE. Ħlief għall-Kap tal-Missjoni, kull Stat Membru jew istituzzjoni għandhom iħallsu l-ispejjeż relatati ma’ l-esperti ssekondati minnhom, inklużi l-pagi, il-kopertura medika, l-ispejjeż għall-ivvjaġġar lejn u mid-DRC u l-allowances barra l-per diems u l-allowances għall-akkomodazzjoni.

2.   Il-persunal ċivili internazzjonali u dak lokali għandu jiġi rreklutat fuq bażi kuntrattwali mill-missjoni kif meħtieġ.

Artikolu 7

Linja ta’ kmand

Il-missjoni għandu jkollha linja ta’ kmand unifikata:

il-Kap tal-Missjoni għandu jmexxi t-tim ta’ parir u assistenza, jieħu f’idejh l-amministrazzjoni tiegħu ta’ kuljum u jirrapporta lis-SĠ/RGħ permezz ta’ l-EUSR;

l-EUSR għandu jirrapporta lill-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (PSC) u lill-Kunsill permezz tas-SĠ/RGħ;

is-SĠ/RGħ għandu jagħti gwida lill-Kap tal-Missjoni permezz ta’ l-EUSR.

il-PSC għandu jeżerċita l-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika.

Artikolu 8

Kontroll politiku u direzzjoni strateġika

1.   Taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill, il-PSC għandu jeżerċita l-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-missjoni. Il-Kunsill b'dan jawtorizza lill-PSC biex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti skond l-Artikolu 25 tat-Trattat. Din l-awtorizzazzjoni tinkludi s-setgħa ta’ immodifikar tal-pjan ta’ implimentazzjoni u tal-linja ta’ kmand. Għandha tinkludi wkoll is-segħat neċessarji biex jittieħdu deċiżjonijiet sussegwenti li jirrigwardaw il-ħatra tal-Kap tal-Missjoni. Is-setgħa ta’ deċiżjoni fir-rigward ta’ l-għanijiet u t-tmiem tal-missjoni għandha tibqa’ mal-Kunsill, megħjun mis-SĠ/RGħ.

2.   L-EUSR ghandu jipprovdi lill-Kap tal-Missjoni bil-gwida politika meħtieġa sabiex iwettaq dmirijietu fil-livell lokali.

3.   Il-PSC għandu jirrapporta lill-Kunsill f’intervalli regolari, b’kont meħud tar-rapporti ta’ l-EUSR.

4.   Il-PSC għandu jirċievi rapporti mill-Kap tal-Missjoni, f’intervalli regolari dwar it-tmexxija tal-missjoni. Il-PSC jista’ jistieden lill-Kap tal-Missjoni għal-laqgħat tiegħu kif xieraq.

Artikolu 9

Arranġamenti finanzjarji

1.   L-ammont finanzjarju ta' referenza maħsub biex ikopri l-ispiża relatata mal-missjoni għandu jkun ta' 1 600 000 EUR.

2.   Fir-rigward ta' infiq iffinanzjat mill-ammont previst fil-paragrafu 1, id-dispożizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

a)

l-infiq għandu jiġi amministrat skond ir-regoli u l-proċeduri tal-Komunità Ewropea applikabbli għall-budget, bl-eċċezzjoni li kwalunkwe pre-finanzjament m’għandux jibqa' l-proprjetà tal-Komunità. Ċittadini ta’ Stati terzi għandhom jitħallew jissottomettu offerti għal xogħol bl-appalt;

b)

Il-Kap tal-Missjoni għandu jirrapporta bis-sħiħ lill-Kummissjoni li tissorveljah, dwar l-attivitajiet intrapriżi fil-qafas tal-kuntratt tiegħu.

3.   L-arranġamenti finanzjarji għandhom jirrispettaw il-ħtiġijiet operazzjonali tal-missjoni, inkluża l-kompatibilità tat-tagħmir.

Artikolu 10

Kordinazzjoni u koperazzjoni

1.   Skond il-mandat tiegħu, l-EUSR għandu jkun responsabbli għall-kordinazzjoni ma' l-atturi l-oħra ta' l-UE kif ukoll għar-relazzjonijiet ma' l-awtoritajiet ta’ l-Istati ospitanti.

2.   Mingħajr preġudizzju għal-linja ta' kmand, il-Kap tal-Missjoni għandu jaġixxi f'kordinazzjoni mal-EUPOL “Kinshasa” sabiex jiġi żgurat li ż-żewġ missjonijiet ikunu konsistenti fil-kuntest usa ta' l-attivitajiet tal-UE f’dan il-pajjiż.

3.   Mingħajr preġudizzju għal-linja ta’ kmand, il-Kap tal-Missjoni għandu jaġixxi wkoll f’kordinazzjoni mad-delegazzjoni tal-Kummissjoni.

4.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jikkopera ma' l-atturi internazzjonali l-oħra preżenti, speċjalment il-MONUC u l-Istati terzi nvoluti fid-DRC.

Artikolu 11

Azzjoni Komunitarja

Il-Kunsill jieħu nota ta’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tindirizza l-azzjoni tagħha, jekk ikun il-każ, lejn it-twettiq ta’ l-għanijiet ta’ din l-Azzjoni Konġunta.

Artikolu 12

Rilaxx ta’ informazzjoni klassifikata

1.   Is-SĠ/RGĦ hu awtorizzat jirrilaxxa lin-Nazzjonijiet Uniti, lil Stati terzi u lill-Istat ospitanti skond il-ħtiġijiet operattivi tal-missjoni, informazzjoni u dokumenti klassifikati ta' l-UE prodotti għall-finijiet tal-missjoni bi qbil mar-regoli tà sigurtà tal-Kunsill.

2.   Is-SĠ/RGħ hu awtorizzat jirrilaxxa lin-Nazzjonijiet Uniti, lil Stati terzi u lill-Istat ospitanti dokumenti mhux klassifikati ta' l-UE relatati mad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill fir-rigward tal-missjoni koperti mill-obbligu ta' segretezza professjonali, skond l-Artikolu 6(1) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill.

Artikolu 13

L-istatus tal-missjoni u tal-persunal tagħha

1.   L-istatus tal-missjoni u tal-persunal tagħha huwa regolat permezz ta’ arranġament ma’ l-awtoritajiet kompetenti tad-DRC.

2.   L-Istat jew l-istituzzjoni Komunitarja li ssekondaw membru tal-persunal għandhom ikunu responsabbli biex iwieġbu kwalunkwe pretensjoni marbuta mas-sekondament, minn jew dwar il-membru tal-persunal. L-Istat jew l-istituzzjoni Komunitarja in kwistjoni għandu/ha i/tkun responsabbli biex tinbeda kwalunkwe azzjoni kontra l-persuna ssekondata.

Artikolu 14

Evalwazzjoni tal-missjoni

Il-PSC għandu jevalwa l-ewwel riżultati tal-missjoni sa mhux aktar tard minn sitt xhur wara l-bidu tagħha u għandu jissottometti l-konklużjonijiet tiegħu lill-Kunsill, inkluż, jekk applikabbli, rakkomandazzjoni lill-Kunsill sabiex dan jieħu deċiżjoni biex jiġi mtawwal jew immodifikat il-mandat tal-missjoni.

Artikolu 15

Dħul fis-seħħ, tul u nefqa

1.   Din l-Azzjoni Konġunta għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ l-adozzjoni tagħha.

Għandha tapplika sat-2 ta' Mejju 2006.

2.   L-infiq previst fl-Artikolu 9 għandu jkun eliġibbli wara l-adozzjoni ta' l-Azzjoni Konġunta.

Artikolu 16

Pubblikazzjoni

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussel, 2 ta' Mejju 2005.

Għall-Kunsill

Il-President

J. ASSELBORN


(1)  ĠU L 97, 15.4.2005, p. 57.

(2)  ĠU L 234, 3.7.2004, p. 13. Azzjoni Konġunta kif l-aħħar emendata mill-Azzjoni Konġunta 2005/96/PESK tat-2 ta’ Frar 2005, (ĠU L 31, 4.2.2005, p. 70).

(3)  ĠU L 367, 14.12.2004, p. 30.


Top