Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31991R3648

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3648/91 tal-11 ta' Diċembru 1991, li jistabbilixxi l-metodi għall-użu tal-formula 302 u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 3690/86 dwar it-tneħħija, ġewwa l-qafas tal-Konvenzjoni TIR, tal-formalitajiet tad-dwana dwar il-ħruġ minn Stat Membru fil-fruntiera bejn żewġ Stati Membri u r-Regolament (KEE) Nru 4283/88 dwar it-tneħħija ta' ċerti formalitajiet ta' ħruġ fil-fruntieri interni tal-Komunità – introduzzjoni ta' postijiet komuni fuq il-fruntiera

    ĠU L 348, 17.12.1991, p. 1–2 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1991/3648/oj

    31991R3648



    Official Journal L 348 , 17/12/1991 P. 0001 - 0002


    Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3648/91

    tal-11 ta' Diċembru 1991,

    li jistabbilixxi l-metodi għall-użu tal-formula 302 u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 3690/86 dwar it-tneħħija, ġewwa l-qafas tal-Konvenzjoni TIR, tal-formalitajiet tad-dwana dwar il-ħruġ minn Stat Membru fil-fruntiera bejn żewġ Stati Membri u r-Regolament (KEE) Nru 4283/88 dwar it-tneħħija ta' ċerti formalitajiet ta' ħruġ fil-fruntieri interni tal-Komunità – introduzzjoni ta' postijiet komuni fuq il-fruntiera

    IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 100a tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

    B'koperazzjoni mal-Parlament Ewropew [2],

    Wara li kkunsidra l-opinjini tal-Kumitat Soċjali u Ekonomiku [3],

    Billi r-Regolamenti (KEE) Nru 3690/86 [4] u (KEE) Nru 4283/88 [5] issimplifikaw il-formalitajiet dwar il-merkanzija li taqsam il-fruntiera interna tal-Komunità koperta b'permess TIR jew ATA, biex jaqsmu l-fruntiera, permess mill-Komunità ta' moviment biex jaqsmu l-fruntiera jew forola 302 tan-NATO billi jipprovdi għall-introduzzjoni ta' postijiet komuni fuq il-fruntiera, biex b'hekk jiġi assigurat li l-istess kontrolli ma jiġux ripetuti fuq iż-żewġ naħat tal-fruntiera u li l-operazzjoni unika amministrattiva għandha ssir fl-uffiċċju tad-dħul ta' l-Istat Membru li fih tiddaħħal il-merkanzija;

    Billi r-Regolament (KEE) Nru 719/91 [6] jissimplifika aktar ir-regoli għall-użu tal-permessi TIR u ATA biex jaqsmu l-fruntiera b'effett mill-1 ta' Jannar, 1992 billi jistabbilixxi li l-Komunità għandha tkun ikkunsidrata għal dan il-għan li tifforma territorju tad-dwana uniku, b'hekk tiġi eliminata kompletament il-ħtieġa, fil-qsim tal-fruntieri interni, għall-formalitajiet u kontrolli li jinsabu fl-użu tal-permessi TIR u ATA bħala dokumenti ta' transitu biex tinqasam il-fruntiera;

    Billi, bi tħejjija għall-eliminazzjoni totali tal-fruntieri interni marbuta ma’ l-istabbilment ta' suq wieħed, dawn il-faċilitajiet addizzjonali għandhom ikunu estiżi mill-1 ta' Jannar, 1992 għall-operazzjonijiet koperti wkoll fil-formula 302 tan-NATO;

    Billi r-Regolament (KEE) Nru 3/84 [7] dwar il-permess ta' moviment tal-Komunità biex tinqasam il-fruntiera, kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) Nru 718/91 [8], li għandu jiġi mħassar b'effett mid-data ta' l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2726/90 tas-17 ta' Settembru, 1990 dwar it-transitu fil-Komunità [9];

    Billi r-Regolamenti (KEE) Nru 3690/86 u (KEE) Nru 4283/88 għandhom isiru żejda meta l-miżuri li għalihom jipprovdu ma jibgħux aktar applikabbli; billi għandhom jiġu mħassra b'effett mid-dati in kwistjoni,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (KEE) Nru 3690/86 huwa b'dan imħassar

    Artikolu 2

    1. Meta, skond id-disposizzjonijiet fis-seħħ, il-merkanzija hija trasportata minn punt fil-Komunità għall-ieħor bl-għajnuna tal-formula 302 stabbilita skond il-Konvenzjoni bejn il-Partijiet tat-Trattat ta' l-Atlantiku tat-Tramuntana dwar l-istat tal-Forzi tagħhom, iffirmat f'Londra fid-19 ta' Ġunju, 1951, il-Komunità għandha tkun ikkunsidrata, għall-għanijiet tar-regoli li jirregolaw l-użu ta' l-imsemmija formula għal tali trasport, biex tifforma territorju wieħed, kif imfisser fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2151/84 tat-23 ta' Lulju, 1984 dwar it-territorju tad-dwana tal-Komunità [10].

    2. Meta, matul l-operazzjoni tat-trasport li għaliha hemm riferenza fil-paragrafu 1, il-merkanzija tgħaddi mit-territorju ta' pajjiż terz, il-kontrolli u l-formalitajiet li jinsabu fil-formula 302 għandhom ikunu applikati fil-punti fejn il-merkanzija temporanjament tħalli t-territorju tad-dwana tal-Komunità u meta jerġgħu jidħlu f'dak it-territorju.

    3. Meta jinstab illi, fil-kors ta', jew f'konnessjoni ma’, operazzjoni ta' trasport magħmula taħt il-formula 302, reat jew irregolarità ġew kommessi fi Stat Membru partikolari, l-akkwist tad-dazji u spejjeż oħra li jistgħu jitwaħħlu għandhom ikunu magħmula minn dak l-Istat Membru skond id-disposizzjonijiet tal-Komunità jew dawk nazzjonali, mingħajr preġudizzju għall-istituzzjoni ta' proċeduri kriminali.

    4. Meta ma jkunx possibbli li jiġi stabbilit f'liema territorju jkunu ġew kommessi r-reat jew l-irregolarità, dak ir-reat jew l-irregolarità għandhom jiġu meqjusa li jkunu saru fl-Istat Membru fejn ikunu ġew innotati.

    F'dak il-każ, id-dazji u spejjeż oħra dwar il-merkanzija li dwarhom hemm kontestazzjoni għandhom jinġabru minn dak l-Istat Membru skond id-disposizzjonijiet tal-Komunità jew dawk nazzjonali.

    Jekk, sussegwentement, l-Istat Membru fejn l-imsemmi reat jew l-irregolarità jkunu attwalment seħħu jiġi stabbilit, id-dazju u spejjeż oħra (ħlief dawk miġbura skond it-tieni subparagrafu, bħala r-riżorsi tal-Komunità) li għalihom il-merkanzija hija suġġetta f'dak l-Istat Membru għandhom jiġu mħallsa lura lilhom mill-Istat Membru li jkun oriġinarjament ġabarhom. F'dak il-każ, kull ħlas żejjed, għandu jitħallas lura lill-persuna li tkun oriġinarjament ħallset l-spejjeż.

    Meta l-ammont ta' dazji u spejjeż oħra oriġinarjament miġbura u mħallsa lura mill-Istat Membru li ġabarhom ikun iżgħar minn dak tad-dazji u ħlas ieħor li għandhom jitħallsu fl-Istat Membru fejn ir-reat jew l-irregolarità ikunu attwalment seħħew, dak l-Istat Membru għandu jiġbor id-differenza skond id-disposizzjonijiet tal-Komunità jew dawk nazzjonali.

    L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jieħdu ħsieb kull reat jew irregolarità u li jimponi l-penali effettivi.

    Artikolu 3

    Ir-Regolament (KEE) Nru 4283/88 huwa b'dan mħassar.

    Iżda, sal-limitu li jikkonċerna l-moviment tal-Komunità u tal-permess biex tinqasam il-furntiera, l-imsemmi Regolament għandu jibqa’ japplika sad-data ta' l-applikazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 2726/90.

    Artikolu 4

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak li fih jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

    Għandu japplika mill-1 ta' Jannar, 1992.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, 11 ta' Diċembru, 1991.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    P. Bukman

    [1] ĠU C 143, ta' l-1.6.1991, pġ. 11.

    [2] ĠU C 280, tat-28.10.1991, u ĠU C 326, tat-13.12.1991.

    [3] ĠU C 269, ta' l-14.10.1991, pġ. 23.

    [4] ĠU L 341, ta' l-4.12.1986, pġ. 1.

    [5] ĠU L 382, tal-31.12.1988, pġ. 1.

    [6] ĠU L 78, tas-26.3.1991, pġ. 6.

    [7] ĠU L 2, ta' l-4.1.1984, pġ. 1.

    [8] ĠU L 78, tas-26.3.1991, pġ. 4

    [9] ĠU L 262, tas-26.9.1990, pġ. 1.

    [10] ĠU L 197, tas-27.7.1984, pġ. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) Nru 4151/88 (ĠU L 367, tal-31.12.1988, pġ. 1).

    --------------------------------------------------

    Top