EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document JOL_2012_286_R_0221_01

2012/582/UE: Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal- 10 ta’ Mejju 2012 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni għas-sena finanzjarja 2010
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 10 ta’ Mejju 2012 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni għas-sena finanzjarja 2010

ĠU L 286, 17.10.2012, p. 221–227 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

17.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 286/221


DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-10 ta’ Mejju 2012

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni għas-sena finanzjarja 2010

(2012/582/UE)

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra l-kontijiet annwali definittivi tal-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni għas-sena finanzjarja 2010,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni għas-sena finanzjarja 2010, flimkien mat-tweġibiet tal-Aġenzija (1),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Frar 2012 (06083/2012 — C7-0051/2012),

wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 185 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 460/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2004 li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (3), u b’mod partikolari l-Artikolu 17 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta’ Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 185 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (4), u b’mod partikolari l-Artikolu 94 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regola 77 u l-Anness VI tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A7-0136/2012),

1.

Jagħti l-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2010;

2.

Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t’ hawn taħt;

3.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha, lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (Serje L).

Il-President

Martin SCHULZ

Is-Segretarju Ġenerali

Klaus WELLE


(1)  ĠU C 366, 15.12.2011, p. 15.

(2)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(3)  ĠU L 77, 13.3.2004, p. 1.

(4)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.


RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-10 ta’ Mejju 2012

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni għas-sena finanzjarja 2010

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra l-kontijiet annwali definittivi tal-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni għas-sena finanzjarja 2010,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni għas-sena finanzjarja 2010, flimkien mat-tweġibiet tal-Aġenzija (1),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Frar 2012 (06083/2012 – C7-0051/2012),

wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 185 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 460/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2004 li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (3), u b’mod partikolari l-Artikolu 17 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta’ Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 185 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (4), u b’mod partikolari l-Artikolu 94 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regola 77 u l-Anness VI tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A7-0136/2012),

A.

billi l-Qorti tal-Awdituri affermat li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (“l-Aġenzija”) għas-sena finanzjarja 2010 huma affidabbli u li l-operazzjonijiet li jaqgħu taħthom huma legali u regolari,

B.

billi fl-10 ta’ Mejju 2011 il-Parlament ta l-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija għall-implimentazzjoni tal-baġit tagħha għas-sena finanzjarja 2009 (5), u fir-riżoluzzjoni tiegħu li takkumpanja d-deċiżjoni dwar il-kwittanza, fost affarijiet oħra:

esprima t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li l-Qorti tal-Awdituri rrappurtat approprjazzjonijiet riportati għas-sena ta’ wara li ammontaw għal 19 % tal-baġit totali tal-Aġenzija,

ħeġġeġ lill-Aġenzija tapplika inventarju fiżiku eżawrjenti u tiżgura l-korrettezza tar-reġistri tal-kontabilità,

ħeġġeġ lill-Aġenzija biex:

ittejjeb it-trasparenza tal-estimi u ta’ min huwa responsabbli,

issaħħaħ l-awtorizzazzjoni tal-akkwist tagħha fil-livell tad-deċiżjoni ta’ finanzjament u tal-programm ta’ ħidma,

tiżgura li l-iżvelar tal-eċċezzjonijiet fir-Rapport tal-Attività Annwali (AAR) tagħha jsir b’mod komprensiv,

tiżgura segwitu xieraq tal-irregolaritajiet potenzjali,

tiżviluppa u tirrapporta dwar il-kontroli ex post,

C.

billi l-baġit globali tal-Aġenzija għas-sena 2010 kien EUR 8 113 188, li huwa 0,05 % inqas mill-baġit tagħha għall-2009; billi għall-2010 l-kontribuzzjoni inizjali tal-Unjoni għall-baġit tal-Aġenzija ammontat għal EUR 7 288 200 (6) meta mqabbla ma’ EUR 7 800 000 fl-2009,

Il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.

Ifakkar li l-kontribuzzjoni inizjali tal-Unjoni lill-Aġenzija għall-2010 ammontat għal EUR 7 288 200; josserva madankollu li EUR 640 000, li ġejjin mill-irkupru tal-bilanċ pożittiv, żdiedu ma’ dak l-ammont, ħaġa li fissret li, konsegwentement, il-kontribuzzjoni totali tal-Unjoni laħqet l-ammont ta’ EUR 7 928 200 għall-2010;

2.

Jirrikonoxxi mill-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2010 li l-baġit inizjali tagħha ammonta għal EUR 7 928 200; jinnota madankollu li l-Bord ta’ Ġestjoni emenda l-baġit biex jirrifletti l-kontribuzzjoni tal-pajjiżi tal-EFTA, li ammontat għal EUR 184 988;

3.

Jistabbilixxi mill-kontijiet annwali li l-approprjazzjonijiet ġew impenjati b’rata ta’ 99,95 % meta mqabbla ma’ 94,40 % fl-2009, filwaqt li l-ħlasijiet laħqu l-livell ta’ 76,46 % tal-approprjazzjonijiet totali mmaniġġjati, meta mqabbla ma; 75,67 % fl-2009;

L-approprjazzjonijiet riportati

4.

Jinnota mill-kontijiet annwali tal-Aġenzija li EUR 1 987 011 tal-approprjazzjonijiet għall-impenji kkuntrattati sal-aħħar tal-2010 iżda li kienu għadhom ma tħallsux ġew riportati għall-2011; jinnota wkoll li t-total ta’ approprjazzjonijiet riportati kkanċellati fl-2010 huwa ta’ EUR 89 185;

5.

Huwa mħasseb li, għal darba oħra, il-Qorti tal-Awdituri rrappurtat 52 % f’riporti mill-baġit operattiv tal-Aġenzija (Titolu III); jesprimi tħassib li din is-sitwazzjoni tindika dewmien fl-implimentazzjoni tal-attivitajiet tal-Aġenzija li huma ffinanzjati mit-Titolu III u mhijiex konformi mal-prinċipju baġitarju tal-annwalità; għal darba oħra, iħeġġeġ lill-Aġenzija tinforma lill-awtorità ta’ kwittanza dwar l-azzjoni meħuda mill-Aġenzija biex tindirizza dan in-nuqqas;

Il-proċeduri ta’ akkwist

6.

jirrikonoxxi li fl-2011 l-Aġenzija implimentat kontrolli ex post biex ittejjeb il-prestazzjoni tal-kontrolli interni fil-proċeduri ta’ akkwist; iħeġġeġ lill-Aġenzija minkejja dan biex, apparti dan, tibda tħaddem miżuri ta’ verifika ex ante effikaċi biex tevita d-dgħufijiet fl-akkwist; u jistieden lill-Qorti tal-Awdituri tikkontrolla l-effikaċja ta’ dawk il-miżuri;

7.

Huwa infurmat mill-Aġenzija li tejbet it-trasparenza kemm fir-rigward tal-estimi kif ukoll ta’ min għandu r-responsabilità għall-proġetti; saħħet l-awtorizzazzjoni tal-akkwist tagħha fil-livell tad-deċiżjoni ta’ finanzjament u tal-programm ta’ ħidma; żgurat li l-iżvelar tal-eċċezzjonijiet fl-AAR tagħha sar b’mod komprensiv; u żgurat segwitu adegwat tal-irregolaritajiet potenzjali; jistieden madankollu lill-Qorti tal-Awdituri tagħti assigurazzjoni lill-awtorità ta’ kwittanza dwar l-effiċjenza ta’ dawn il-miżuri;

8.

Josserva mill-AAR tagħha li l-Aġenzija kellha l-eżitu li ġej ta’ kuntratti mogħtija konsegwenza ta’ proċeduri ta’ akkwist imnedija fl-2010:

kuntratti: 52, inklużi 20 kuntratti ta’ servizzi u 9 kuntratti ta’ servizzi qafas;

ordnijiet ta’ xiri: 233 li minnhom 79 inħarġu skont kuntratt ta’ servizzi qafas eżistenti;

proċeduri ta’ akkwist imnedija: 36, inkluż 13-il proċedura miftuħa;

Rimborż mill-awtoritajiet fiskali tal-Istat Membru ospitanti

9.

Jinnota għal darba oħra, b’diżappunt, li ma kien hemm ebda progress meta mqabbel mas-sena preċedenti rigward ir-rimborż ta’ EUR 45 000, li huwa l-ammont ta’ VAT imħallsa minn qabel mill-Aġenzija lill-awtoritajiet fiskali tal-Istat Membru ospitanti; iħeġġeġ lill-Aġenzija, għalhekk, tinforma lill-awtorità ta’ kwittanza meta jsir dan ir-rimborż mill-Istat Membru ospitanti;

Ir-Riżorsi Umani

10.

Huwa mħasseb li, għal darba oħra, in-nuqqasijiet fil-proċeduri għall-għażla tal-persunal għadhom jeżistu u jipperikolaw it-trasparenza tal-proċeduri; jirrikonoxxi li l-Qorti tal-Awdituri rrappurtat li la l-livelli limitu li l-kandidati kellhom jissodisfaw biex jiġu mistiedna għall-intervista u lanqas dawk l-istandards meħtieġa biex jiġu inklużi fil-lista ta’ riżerva ma ġew stabbiliti minn qabel mill-bordijiet tal-għażla; iħeġġeġ għalhekk lill-Aġenzija tindirizza din is-sitwazzjoni u tinforma lill-awtorità ta’ kwittanza dwar l-azzjoni meħuda; jinnota wkoll li l-miżuri meħuda mill-Aġenzija s’issa ntwera li ma kinux biżżejjed f’dan ir-rigward; huwa tal-opinjoni li l-awtorità ta’ kwittanza m’għandhiex tibqa’ taċċetta ripetizzjoni ta’ dan in-nuqqas;

11.

Josserva mill-kontijiet annwali tagħha li l-persunal tal-Aġenzija fl-aħħar tal-2010 kien magħmul minn 40 Aġent Temporanju (TA) u 11-il Aġent Kuntrattwali (CA); jinnota wkoll li 4 karigi TA u 2 CA kienu battala fl-aħħar tal-2010 u li l-proċeduri ta’ reklutaġġ għal 3 karigi battala TA tlestew fir-raba’ kwart tal-2010, filwaqt li l-proċeduri ta’ reklutaġġ għas-CA tnedew fil-bidu tal-2011;

12.

Jinnota barra minn hekk mill-AAR li l-prijoritajiet tas-sezzjoni Riżorsi Umani tal-Aġenzija għall-2010 kienu:

l-ippjanar tar-riżorsi rikorrenti (Pjan tal-Politika tal-Persunal);

miżuri pożittivi miżurabbli għaż-żamma tal-persunal;

servizzi permezz ta’ flussi ta’ ħidma elettroniċi;

jitlob għalhekk lill-Qorti tal-Awdituri tikkonferma lill-awtorità ta’ kwittanza li dawn il-prijoritajiet ġew fil-fatt implimentati;

Is-sistemi ta’ kontroll intern

13.

Jirrikonoxxi li l-Aġenzija qed timplimenta u tikkonsolida l-proċeduri interni u l-kontrolli interni tagħha għaċ-ċirkwiti finanzjarji kollha kif previst fil-Programm ta’ Ħidma tagħha għall-2010;

L-Awditjar Intern

14.

Jirrikonoxxi barra minn hekk li s-Servizz tal-Awditjar Intern (IAS) wettaq valutazzjoni ta’ riskji żgħar għall-Aġenzija biex jaġġorna l-prijoritajiet tal-awditjar u l-pjan tal-awditjar tal-IAS għall-perjodu 2010-2012; jinnota b’mod partikolari li l-Aġenzija għandha riskju akbar fl-ippjanar, fil-kontabilità, fl-eżekuzzjoni tal-baġit, fl-iżvilupp u l-ġestjoni tal-IT, fil-kontinwità kummerċjali, fir-relazzjonijiet mal-partijiet interessati, fil-komunikazzjoni esterna u fil-valutazzjoni u fl-evalwazzjoni tal-impatt tagħha; iħeġġeġ lill-Aġenzija għalhekk biex tistabbilixxi minnufih il-miżuri meħtieġa biex tnaqqas ir-riskji fl-oqsma msemmija hawn fuq;

15.

Jinnota li fl-2010 l-IAS wettqet awditjar ta’ “l-ippjanar: partijiet interessati u objettivi operattivi” biex tivvaluta u tipprovdi assigurazzjoni raġonevoli dwar l-adegwatezza u l-effikaċja tas-sistema ta’ kontroll intern, relatata mal-produzzjoni u l-ħtiġijiet tal-partijiet interessati u l-effikaċja tal-allokazzjoni tar-riżorsi fir-rigward tal-prijoritajiet fl-attivitajiet operattivi;

16.

Jirrikonoxxi li l-IAS tal-Aġenzija għamel 10 rakkomandazzjonijiet, li tlieta minnhom kienu kklassifikati “importanti ħafna” u sebgħa “importanti”; jinnota li dawn ir-“rakkomandazzjonijiet importanti ħafna” jikkonċernaw:

l-iżvilupp ta’ stampa ġenerali tal-aspettattivi tal-partijiet interessati;

l-involviment tal-partijiet interessati fl-ippjanar tal-proġetti;

it-titjib tal-ġestjoni tar-relazzjonijiet mal-partijiet interessati permezz ta’ għodda adattata tal-IT;

17.

Iħeġġeġ għalhekk lill-Aġenzija biex tkompli:

tinvolvi lill-partijiet interessati qabel/matul l-abbozzar tal-Programm ta’ Ħidma proviżorju tagħha;

tiżviluppa qafas multiannwali li jiddetermina l-oqsma ewlenin ta’ interess u li jistabbilixxi l-prijoritajiet;

issaħħaħ l-użu tar-reazzjonijiet tal-partijiet interessati;

jistieden barra minn hekk lill-Aġenzija tinforma lil-awtorità ta’ kwittanza dwar il-miżuri meħuda f’dan ir-rigward;

18.

Jinnota li l-erba’ rakkomandazzjonijiet importanti ħafna relatati mal-awditjar tal-2009 dwar l-akkwist huma rrappurtati li ġew implimentati mill-Aġenzija u bħalissa qed jiġu rieżaminati mill-IAS;

19.

Jiġbed l-attenzjoni għar-rakkomandazzjonijiet tiegħu mir-rapporti dwar il-kwittanza preċedenti, kif stabbilit fl-Anness ta’ din ir-riżoluzzjoni;

20.

Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta’ natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Mejju 2012 (7) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.


(1)  ĠU C 366, 15.12.2011, p. 15.

(2)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(3)  ĠU L 77, 13.3.2004, p. 1.

(4)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.

(5)  ĠU L 250, 27.9.2011, p. 186.

(6)  ĠU L 64, 12.3.2010, p. 759.

(7)  Testi adottati, P7_TA(2012)0164 (ara l-paġna 388 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).


ANNESS

RAKKOMANDAZZJONIJIET TAL-PARLAMENT EWROPEW TA’ DAWN L-AĦĦAR SNIN

L-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni

2006

2007

2008

2009

Prestazzjoni

mhux applikabbli

mhux applikabbli

Jistieden lill-Aġenzija tistabbilixxi analiżi dijakronika tal-operazzjonijiet imwettqa f’din is-sena u f’dik preċedenti

mhux applikabbli

Il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja

L-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija ma osservax strettament il-prinċipji tal-annwalità u l-ispeċifikazzjoni: fl-aħħar kwart tas-sena kien hemm konċentrazzjoni ta’ operazzjonijiet

Dgħufijiet fl-implimentazzjoni tal-attivitajiet operattivi: 40 % tal-impenji u iktar minn 50 % tal-ħlasijiet rigward attivitajiet operattivi ġew eżegwiti f’Novembru u Diċembru

Dgħufijiet fil-proċedura ta’ akkwist (il-preselezzjoni tal-offerti ma kinitx ġustifikata, id-dokumenti ta’ valutazzjoni ma ġewx iffirmati mill-kumitat ta’ valutazzjoni, id-dossiers ma kinux strutturati u ma kinux kompluti)

Il-QEA sabet nuqqasijiet fil-proċeduri: sottostima tal-baġits ta’ kuntratt qafas (jiġiferi għal tliet kuntratt ta’ servizzi qafas ta’ tliet snin, il-ħtiġijiet kienu sottovalutati u l-baġit disponibbli għal dan l-infiq għas-sena kollha ntuża fi żmien sitt xhur)

Jistieden lill-Kummissjoni teżamina modi kif tiżgura li l-prinċipju tal-ġestjoni tal-flus abbażi tal-ħtiġijiet ikun implimentat għalkollox.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li r-riżervi ta’ flus kontanti tal-Aġenzija jinżammu fl-aktar livell baxx possibbli u fit-tul

Huwa mħasseb dwar il-fatt li l-Qorti tal-Awdituri rrappurtat approprjazzjonijiet riportati għas-sena ta’ wara li ammontaw għal 19 % tal-baġit totali tal-Aġenzija

L-awditjar intern u r-riżorsi umani

Il-proċeduri tal-kontroll intern mhux dokumentati: għandhom jiżguraw trasparenza u ġestjoni finanzjarja tajba

mhux applikabbli

Kisbiet fl-implimentazzjoni tat-tmien rakkomandazzjonijiet li huma tas-Servizz tal-Awditjar Intern: jiġifieri l-politika tal-persunal, it-tiġdid ta’ kuntratti li jispiċċaw fl-2008, l-indipendenza tal-kumitati tal-għażla, is-servizzi tat-taħriġ u trasparenza fil-proċedura ta’ promozzjoni

Nuqqasijiet fil-proċedura tal-għażla tal-persunal

Jistieden lill-Aġenzija tibda tħaddem kontrolli ex post bl-għajnuna ta’ fornitur professjonali

Iħeġġeġ lill-Aġenzija tapplika inventarju fiżiku eżawrjenti u tiżgura l-korrettezza tar-reġistri tal-kontabilità

Il-proċedura tal-akkwist

mhux applikabbli

mhux applikabbli

mhux applikabbli

Jistieden lill-Aġenzija ssaħħaħ il-kontrolli interni tagħha biex tiżgura li l-kuntratti u l-proċeduri ta’ akkwist tagħha jkunu applikati korrettament

Iħeġġeġ lill-Aġenzija biex:

Ittejjeb it-trasparenza fir-rigward tal-estimi u min ikollu r-responsabilità;

issaħħaħ l-awtorizzazzjoni tal-akkwist tagħha fil-livell tad-deċiżjoni ta’ finanzjament u tal-programm ta’ ħidma;

tiżgura li l-iżvelar tal-eċċezzjonijiet fir-Rapport tal-Attività Annwali tagħha jsir b’mod komprensiv;

tiżgura segwitu xieraq tal-irregolaritajiet potenzjali;

tiżviluppa u tirrapporta dwar il-kontroli ex post


Top