EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document JOL_2010_252_R_0182_01

2010/536/UE: Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal- 5 ta' Mejju 2010 dwar kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ għas-sena finanzjarja 2008
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 5 ta' Mejju 2010 li tinkludi l-osservazzjonijiet li jagħmlu parti integrali mid-Deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ għas-sena finanzjarja 2008

ĠU L 252, 25.9.2010, p. 182–185 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

25.9.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 252/182


DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-5 ta' Mejju 2010

dwar kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ għas-sena finanzjarja 2008

(2010/536/UE)

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra l-kontijiet annwali definittivi tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ għas-sena finanzjarja 2008,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ għas-sena finanzjarja 2008, flimkien mat-tweġibiet tal-Fondazzjoni (1),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2010 (5827/2010 – C7-0061/2010),

wara li kkunsidra l-Artikolu 276 tat-Trattat KE, u l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 185 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1339/2008 tas-16 ta' Diċembru 2008 li jistabbilixxi Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ (3), u b'mod partikolari l-Artikolu 17 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju ta' Qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 185 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (4), u b'mod partikolari l-Artikolu 94 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikolu 77 u l-Anness VI tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A7-0083/2010),

1.

Jagħti l-kwittanza lid-Direttriċi tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Fondazzjoni għas-sena finanzjarja 2008;

2.

Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t' hawn taħt;

3.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-Deciżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha, lid-Direttriċi tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

Il-President

Jerzy BUZEK

Is-Segretarju Ġenerali

Klaus WELLE


(1)  ĠU C 304, 15.12.2009, p. 136.

(2)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(3)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 82.

(4)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.


RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-5 ta' Mejju 2010

li tinkludi l-osservazzjonijiet li jagħmlu parti integrali mid-Deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ għas-sena finanzjarja 2008

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra l-kontijiet annwali definittivi tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ għas-sena finanzjarja 2008,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ għas-sena finanzjarja 2008, flimkien mat-tweġibiet tal-Fondazzjoni (1),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2010 (5827/2010 – C7-0061/2010),

wara li kkunsidra l-Artikolu 276 tat-Trattat KE, u l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 185 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1339/2008 tas-16 ta' Diċembru 2008 li jistabbilixxi Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ (3), u b'mod partikolari l-Artikolu 17 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju ta' Qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 185 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (4), u b'mod partikolari l-Artikolu 94 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikolu 77 u l-Anness VI tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A7-0083/2010),

A..

billi l-Qorti Ewropea tal-Awdituri indikat li kisbet assigurazzjoni raġonevoli li l-kontijiet annwali għas-sena finanzjarja 2008 huma affidabbli, u li t-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati huma legali u regolari,A. ,

B.

billi fit-23 ta' April 2009 il-Parlament ta kwittanza lid-Direttriċi tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Fondazzjoni għas-sena finanzjarja 2007 (5), u billi fir-riżoluzzjoni tiegħu li takkumpanja d-deċiżjoni ta' kwittanza, inter alia:

innota li l-Qorti tal-Awdituri sabet li l-ammont ta' dħul assenjat fil-baġit ta' emenda kien żbaljat (kellu jkun ta' EUR 1 200 000 u mhux ta' EUR 3 400 000),

osserva li, fid-dikjarazzjoni tagħha ta' assigurazzjoni (mehmuża mar-rapport ta' attività annwali), id-Direttriċi esprimiet l-istess riżervi bħas-sena ta' qabel rigward l-inċertezza politika fil-pajjiżi sħab, il-ġestjoni finanzjarja tal-konvenzjoni Tempus u l-possibilità ta' implikazzjonijiet soċjali, ta' reputazzjoni, legali u finanzjarji tal-għajnuna teknika Tempus fi ħdan il-Fondazzjoni;

1.

Jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu li l-Qorti tal-Awdituri ddikjarat li l-kontijiet annwali tal-Fondazzjoni għas-sena finanzjarja 2008 huma legali u regolari;

Prestazzjoni

2.

Jinnota li, fil-valutazzjoni ad interim tal-Fondazzjoni (EAC/06/05 rapport finali, il-25 ta' Mejju 2006), l-impatt tal-attivitajiet tagħha fuq il-benefiċjarji diretti tagħha kien ikkunsidrat, b'mod ġenerali, wieħed pożittiv; jinnota madankollu li l-impatt fuq l-istituzzjonijiet governattivi ma jistax ikun ippruvat faċilment minħabba d-diffikultà li tiġi stabbilita rabta diretta bejn ir-riżultati tal-proġetti tal-Fondazzjoni u l-attivitajiet ta' dawn l-istituzzjonijiet;

3.

Jifraħ lill-Fondazzjoni li, tal-appoġġ tagħha lill-Kummissjoni fl-2008, kisbet rata ta' sodisfazzjon ta' 97 % mingħand il-Kummissjoni; jirrimarka, b'mod partikulari, li l-applikazzjonijiet l-aktar frekwenti li saru lill-Fondazzjoni kienu dawk fil-qasam tal-politiki u l-kontribuzzjonijiet fit-tħejjija tal-Istrumenti Ewropej ta' Viċinat (32 %), segwiti mill-formulazzjoni (21 %), l-ipprogrammar (11 %), l-identifikazzjoni ta' proġetti (10 %) u s-segwitu;

4.

Jistieden lill-Fondazzjoni biex, fit-tabella tagħha li għandha tiġi annessa mar-rapport li jmiss tal-Qorti tal-Awdituri, tippreżenta paragun tal-operazzjonijiet li twettqu matul is-sena li għaliha għandha tingħata l-kwittanza u dawk imwettqa fis-sena finanzjarja preċedenti, sabiex l-awtorità ta' kwittanza tkun tista' tevalwa b'mod aktar effettiv il-prestazzjoni tal-Fondazzjoni minn sena għal oħra;

Il-kamp ta' azzjoni tal-Fondazzjoni

5.

Jinnota li, wara r-riformulazzjoni, fl-2008, tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1360/90 tas-7 ta' Mejju 1990 li jistabbilixxi Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ (6), il-Fondazzjoni issa għandha l-għażla li tiżviluppa l-kompetenza tagħha f'setturi differenti minn dawk meqjusa fis-snin preċedenti; jinnota li r-Regolament (KE) Nru 1339/2008 jispeċifika mekkaniżmi proċedurali ġodda għall-approvazzjoni ta' twessigħ tal-ambitu tematiku u ġeografiku tal-Fondazzjoni;

Kooperazzjoni maċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp tat-Taħrig Vokazzjonali (Cedefop)

6.

Jitlob, minħabba l-fatt li xi oqsma ta' interess huma kondiviżi, li jkun hemm kooperazzjoni mill-qrib u sinerġiji bejn il-Fondazzjoni u s-Cedefop u jitlob li tingħata informazzjoni b'mod regolari fir-rapporti ta' attività mid-Diretturi taż-żewġ aġenziji;

Verifika Interna

7.

Jirrikonoxxi li mill-2006 'l hawn, ġew implimentati 12 mis-27 rakkomandazzjoni magħmula mis-Servizz tal-Verifika Interna (SVI); jinnota li, fost il-ħmistax-il rakkomandazzjoni li għadha ma ġietx implimentata, sitta huma meqjusa “importanti ħafna”; iħeġġeġ lill-Fondazzjoni, għalhekk, biex mingħajr dewmien tistabbilixxi ċerti standards ta' kontroll (rigward id-dokumentazzjoni ta' proċeduri, is-superviżjoni ta' tranżazzjonijiet finanzjarji u l-kontinwità tal-operazzjonijiet) u ċerti rakkomandazzjonijiet dwar l-immaniġġjar tar-riżorsi umani (rigward l-immaniġġjar tar-riżorsi umani fl-ippjanar annwali u fir-rappurtar annwali tal-attività; l-iffissar ta' objettivi; u r-reġistrar tal-ħinijiet tal-persunal);

Riżorsi Umani

8.

Jinsab imħasseb li l-Qorti tal-Awdituri sabet nuqqas ta' trasparenza fil-proċeduri tar-reklutaġġ u l-intervent tal-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF), li fetaħ inkjesta (OF/2009/0370); jiġbed l-attenzjoni għall-Linji Gwida tal-Unjoni dwar l-Impjiegi u b'mod partikolari għad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (7) fir-rigward tal-kriterji tal-għażla u l-kundizzjonijiet tar-reklutaġġ; jistenna li l-Aġenziji kollha tal-Unjoni bħala minimu jikkonformaw ma' dawk il-Linji Gwida u jistieden lill-Fondazzjoni biex tagħti eżempju billi fil-ġejjieni timplimenta proċeduri ta' reklutaġġ ġusti, trasparenti u komprensivi;

9.

Iħeġġeġ lill-Fondazzjoni biex tirrapporta dwar l-allokazzjoni tar-riżorsi umani tagħha; jirrimarka, b'mod partikolari, li kunsiderazzjoni inadegwata tar-riżorsi umani fil-kuntest tal-ippjanar annwali u tar-rappurtar annwali tal-attività jinvolvi riskju ta' ineffiċjenza u ta' nuqqas ta' trasparenza fl-allokazzjoni u l-użu tal-persunal tal-Fondazzjoni; jenfasizza, barra minn hekk, li l-objettivi għal membri individwali tal-persunal għandhom ikunu allinjati aħjar mal-objettivi annwali u strateġiċi tal-Fondazzjoni u li anke s-sistema tar-reġistrar tal-ħinijiet tal-persunal għandha tkun inkorporata fil-qafas tal-ippjanar u l-ibbaġittjar annwali;

10.

Jinnota l-osservazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri li hemm diversi nuqqasijiet fil-proċeduri tar-reklutaġġ; jenfasizza b'mod partikolari l-ħtieġa li l-Bordijiet ta' Evalwazzjoni tar-Reklutaġġ jipprovdu informazzjoni biżżejjed dwar il-proċeduri segwiti, inklużi ġustifikazzjonijiet għad-deċiżjonijiet u d-dati li fihom ittieħdu, sabiex tiġi ggarantita t-trasparenza ta' dawn il-proċeduri;

11.

Jinnota, madankollu, li l-Fondazzjoni issa qed tgħid bdiet tagħmel reviżjoni fil-fond tal-proċeduri tar-reklutaġġ tagħha bi tweġiba għas-sejbiet tal-Qorti tal-Awdituri u fid-dawl ta' verifika interna li saret mis-Servizz ta' Verifika Interna fl-2008; jistieden lill-Fondazzjoni, għalhekk, biex tinforma lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-azzjoni meħudha u r-riżultati sussegwenti;

12.

Jinnota r-risposta tal-Fondazzjoni fejn tammetti l-validità tal-opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri rigward l-allowance tal-espatrijazzjoni li ġiet irrifjutata lill-ċerti membri tal-persunal minħabba interpretazzjoni ħażina tar-regoli; jifraħ lill-Fondazzjoni tal-wiegħda tagħha li teżamina l-każijiet ikkonċernati u li mbagħad tagħmel it-tibdiliet meħtieġa;

13.

Jirreferi, għal osservazzjonijiet oħra, li huma ta' natura orizzontali u li jakkumpanjaw id-Deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Mejju 2010 (8) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.


(1)  ĠU C 304, 15.12.2009, p. 136.

(2)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(3)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 82.

(4)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.

(5)  ĠU L 255, 26.9.2009, p. 149.

(6)  ĠU L 131, 23.5.1990, p. 1.

(7)  ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16.

(8)  Testi adottati, P7_TA(2010)0139 (Ara paġna 241 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).


Top