Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document JOL_2010_125_R_0053_01

    2010/293/: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 20 ta’ Mejju 2010 dwar il-konklużjoni ta’ Arranġament tal-Implimentazzjoni bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerika għal attivitajiet ta’ kooperazzjoni fil-qasam tar-riċerka fis-sigurtà domestika u ċivili
    Arranġament tal-implimentazzjoni bejn Il-Kummissjoni Ewropea u l-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerika għal attivitajiet ta’ kooperazzjoni fil-qasam tar-riċerka fis-sigurtà domestika u ċivili

    ĠU L 125, 21.5.2010, p. 53–57 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    21.5.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 125/53


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tal-20 ta’ Mejju 2010

    dwar il-konklużjoni ta’ Arranġament tal-Implimentazzjoni bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerika għal attivitajiet ta’ kooperazzjoni fil-qasam tar-riċerka fis-sigurtà domestika u ċivili

    (2010/293/UE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat il-Ftehim għall-kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerika (1), u partikolarment it-tieni paragrafu tal-Artikolu 5(b) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Il-Ftehim għall-kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerika (“il-Ftehim”) ġie approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/591/KE (2), u daħal fis-seħħ fl-14 ta’ Ottubru 1998. Jista’ jiġġedded għal perjodi ta’ ħames snin (3), u ġie estiż u emendat fl-14 ta’ Ottubru 2008 (4).

    (2)

    Il-kooperazzjoni transatlantika fil-qasam tar-riċerka fis-sigurtà domestika u ċivili hija mixtieqa u ta’ benefiċċju reċiproku.

    (3)

    Il-fehma komuni li qed toħroġ mit-taħditiet esploratorji kienet li Ftehim ta’ Implimentazzjoni jkun mekkaniżmu biex jissimplifika l-attività teknika u xjentifika konġunta.

    (4)

    Arranġament tal-Implimentazzjoni biex ikopri l-attivitajiet ta’ kooperazzjoni fil-qasam interdixxiplinari tar-riċerka fis-sigurtà domestika u ċivili (“l-Arranġament tal-Implimentazzjoni”) ġie stabbilit b’suċċess bejn il-Kummissjoni u l-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerika.

    (5)

    L-Arranġament tal-Implimentazzjoni ma għandux implikazzjonijiet finanzjarji diretti. Il-proġetti konġunti se jikkompetu għall-finanzjament permezz ta’ miżuri normali ta’ appoġġ u RŻT fil-programmi rilevanti ta’ riċerka tas-Seba’ Programm ta’ Qafas tal-Komunità Ewropea għal attivitajiet ta’ riċerka, żvilupp teknoloġiku u dimostrazzjoni (2007-2013) (5). Skont il-Ftehim, il-finanzjament tal-Unjoni Ewropea se jiġi limitat għas-sħab Ewropej.

    (6)

    L-arranġament tal-Implimentazzjoni għandu jiġi approvat,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-Arranġament tal-Implimentazzjoni bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerika għal attivitajiet ta’ kooperazzjoni fil-qasam tar-riċerka fis-sigurtà domestika u ċivili huwa approvat.

    It-test tal-Arranġament tal-Implimentazzjoni huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Il-Kummissarju responsabbli għad-DĠ Intrapriża u Industrija huwa awtorizzat li jiffirma l-Arranġament tal-Implimentazzjoni f’isem il-Kummissjoni.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, 20 ta’ Mejju 2010.

    Għall-Kummissjoni, f'isem il-President,

    Antonio TAJANI

    Viċi President


    (1)  ĠU L 284, 22.10.1998, p. 37.

    (2)  ĠU L 284, 22.10.1998, p. 35.

    (3)  ĠU L 335, 11.11.2004, p. 7.

    (4)  Permezz ta’ skambju ta’ Notes Verbales bejn il-Kunsill tal-UE, bid-data tal-15 ta’ Mejju 2009 (nru tar-referenza SGS9/06298) u l-Gvern tal-Istati Uniti, id-Dipartiment tal-Istat, bid-data tas-6 ta’ Lulju 2009.

    (5)  ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1.


    ARRANĠAMENT TAL-IMPLIMENTAZZJONI

    bejn Il-Kummissjoni Ewropea u l-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerika għal attivitajiet ta’ kooperazzjoni fil-qasam tar-riċerka fis-sigurtà domestika u ċivili

    Skont il-Ftehim għall-Kooperazzjoni Xjentifika u Teknoloġika bejn il-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerika u l-Komunità Ewropea, iffirmat f’Washington fil-5 ta’ Diċembru 1997, kif estiż u emendat (permezz ta’ skambju ta’ Notes Verbales bejn il-Kunsill tal-UE, bid-data tal-15 ta’ Mejju 2009 u l-Gvern tal-Istati Uniti, id-Dipartiment tal-Istat, bid-data tas-6 ta’ Lulju 2009), minn hawn ‘il quddiem imsemmi “il-Ftehim”, b’dan qed jiġi stabbilit Arranġament tal-Implimentazzjoni biex ikopri l-attivitajiet ta’ kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni Ewropea (KE) u l-Istati Uniti tal-Amerika (l-Istati Uniti), minn hawn ‘il quddiem imsemmija “il-Partijiet”. L-attivitajiet ta’ kooperazzjoni għandhom iseħħu skont it-termini tal-Ftehim. L-iskop ta’ dan l-Arranġement ta’ Implimentazzjoni huwa li jħeġġeġ, jiżviluppa u jiffaċilita dawn l-attivitajiet bejn il-Partijiet, imwettqa fuq il-bażi ta’ benefiċċju reċiproku miksub minn bilanċ ġenerali tal-vantaġġi, l-opportunitajiet reċiproċi għal sehem f’attivitatjiet ta’ kooperazzjoni, u trattament ġust u ndaqs. Dan l-Arranġament ta’ Implimentazzjoni mhuwiex maħsub biex joħloq obbligi li jorbtu fil-liġi.

    1.   L-Attivitajiet Kooperattivi

    Il-Partijiet jistgħu jagħmlu u jiffaċilitaw attivitajiet ta’ kooperazzjoni fl-oqsma kollha tax-xjenza u t-teknoloġija marbuta mal-qasam tas-sigurtà domestika u ċivili, kif stipulat fis-Seba’ Programm ta’ Qafas tal-Komunità Ewropea għar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-attivitajiet ta’ dimostrazzjoni (2007-2013), it-Tema 10 “Sigurtà” (u programmi ta’ segwitu relevanti) minn naħa waħda, u l-prijoritajiet tad-Dipartiment tas-Sigurtà Domestika min-naħa l-oħra.

    L-attivitajiet ta’ kooperazzjoni jistgħu jinkludu partikolarment l-oqsma li ġejjin ta’ riċerka fis-sigurtà domestika/ċivili:

    1.1.

    is-sigurtà taċ-ċittadini (eż. il-ħarsien minn theddidiet naturali u tal-bniedem, il-prevenzjoni tal-produzzjoni illeċita tad-droga), inkluż il-ġestjoni ta’ sitwazzjonijiet ta’ kriżi u emerġenza;

    1.2.

    is-sigurtà u l-kapaċità ta’ rkupru tal-infrastrutturi kritiċi, ir-riżorsi l-iktar importanti, l-agrikoltura, is-servizzi pubbliċi, il-komunikazzjoni u s-servizzi finanzarji;

    1.3.

    l-interazzjoni tas-sigurtà u s-soċjetà, inkluż il-punt ta’ kuntatt bejn il-bniedem u t-teknoloġija, ir-riċerka fl-imġiba, il-kwistjonijiet tal-privatezza, u l-bijometrika;

    1.4.

    is-sigurtà tal-kontrolli u l-punti tal-qsim fuq il-fruntieri, inkluż il-fruntieri tal-art u dawk kostali;

    1.5.

    l-ottimizzazzjoni tat-teknoloġiji eżistenti u l-interoperabilità tagħhom;

    1.6.

    l-iżvilupp ta’ teknoloġiji destinati għall-utent finali u tagħmir biex jimla l-lakuni eżistenti u jissodisfa l-ħtiġijiet, bħal dawk għall-protezzjoni ċivili u tal-ewwel għajnuna;

    1.7.

    l-iżvilupp u l-iskambju ta’ rekwiżiti, standards, valutazzjonijiet tal-vulnerabbiltà, analiżijiet ta’ interdipendenza, ċertifikazzjonijiet, l-aħjar prassi, linji ta’ gwida, programmi ta’ taħriġ, rapporti tat-test, dejta, softwer, tagħmir u staff relevanti.

    2.   In-natura ta’ attivitajiet ta’ kooperazzjoni

    2.1.

    Dawn l-attivitajiet jistgħu jinkludu, iżda mhumiex limitati għal:

    2.1.1.

    L-għoti ta’ opportunitajiet komparabbli għal entitajiet mill-Unjoni Ewropea u mill-Istati Uniti tal-Amerika biex jipparteċipaw fl-oqsma msemmija fil-punt 1;

    2.1.2.

    Skambju f’waqtu ta’ informazzjoni relevanti inkluż dwar sejħiet fil-ġejjieni għal għotjiet jew proposti, jew dwar tħabbiriet tal-opportunitajiet imsemmija fil-punt 2.1.1;

    2.1.3.

    L-attivitajiet għall-promozzjoni, fil-komunitajiet rispettivi tar-riċerka tal-Partijiet, tal-opportunitajiet mogħtija minn dan l-Arranġament tal-Implimentazzjoni, eż. permezz ta’ attendenza regolari fir-reviżjonijiet tal-programm tal-Partijiet, is-sejħiet għall-għotjiet u tħabbiriet ta’ riċerka ta’ interess pubbliku tal-Istati Uniti u s-sejħiet għall-proposti tal-Unjoni Ewropea;

    2.1.4.

    L-aċċess komparabbli għal faċilitajiet tal-laboratorji u Tagħmir u Materjal, għat-twettiq ta’ attivitajiet xjentifiċi u teknoloġiċi inkluż ir-riċerka, l-iżvilupp, l-ittestjar u l-valutazzjoni, l-istandardizzazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni;

    2.1.5.

    L-appoġġ għal riċerka konġunta, proposti għall-iżvilupp tal-kontenut u l-aċċess, supplimenti għal għotjiet, kuntratti u ftehimiet eżistenti, u finanzjament ta’ attivitajiet tematiċi ta’ kooperazzjoni għal benefiċċju reċiproku u valur miżjud.

    3.   Koordinazzjoni

    3.1.

    L-Istati Uniti u l-KE biħsiebhom jikkooperaw mill-qrib biex jikkoordinaw l-attivitajiet konġunti. Għaldaqstant, kull Parti għandu jkollha żewġ rappreżentanti li jiġu maħtura biex jikkoordinaw l-attivitajiet (“il-Grupp tat-Tmexxija”). Ir-rappreżentanti jistgħu jiltaqgħu kull meta jkun hemm bżonn, ġeneralment darba fis-sena. Ġeneralment, il-laqgħat huma mistennija jalternaw bejn siti fl-Unjoni Ewropea u fl-Istati Uniti tal-Amerika, u l-Parti li tkun qed tospita għandha tipprovdi appoġġ organizzazzjonali u amministrattiv.

    3.2.

    Skont il-bżonn, kull Parti tista’ taħtar parteċipanti addizzjonali biex jattendu dawn il-laqgħat. Il-laqgħat għandhom ikunu kopresjeduti mis-Sotto Segretarju għax-Xjenza u t-Teknoloġija tad-Dipartiment tas-Sigurtà Domestika u d-Direttur responsabbli għar-Riċerka fis-Sigurtà fil-KE. Ma ġiex assenjat status formali lil dan il-Grupp tat-Tmexxija.

    3.3.

    Il-Grupp tat-Tmexxija għandu jissorvelja u jistimola l-attivitajiet ta’ kooperazzjoni li jsiru skont dan l-Arranġament tal-Implimentazzjoni. Għandu jiskambja informazzjoni dwar prassi, liġijiet, regolamenti u programmi relevanti għall-kooperazzjoni skont dan l-Arranġament tal-Implimentazzjoni. Għandu jippjana u jidentifika għanijiet u opportunitajiet għal kull sena ġdida, jipproponi attivitajiet ad hoc, u jirrevedi attivitajiet u l-livelli ta’ parteċipazzjoni u sforzi simili fil-programmi ta’ kull Parti skont dan l-Arranġament ta’ Implimentazzjoni. Għandu joħroġ rapport perjodiku dwar il-progress fil-kooperazzjoni.

    4.   Il-finanzjament

    4.1.

    L-attivitajiet ta’ kooperazzjoni skont dan l-Arranġament tal-Implimentazzjoni għandhom ikunu soġġetti għad-disponibbiltà ta’ fondi approprjati u għal-liġijiet u r-regolamenti applikabbli, il-politiki u l-programmi ta’ kull Parti, u għat-termini tal-Ftehim u dan l-Arranġament tal-Implimentazzjoni. Dan l-Arranġament tal-Implimentazzjoni ma joħloqx obbligi finanzjari.

    4.2.

    Kull Parti għandha tħallas l-ispejjeż tal-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat tal-Kumitat tat-Tmexxija. Madankollu, l-ispejjeż, għajr dawk għall-ivvjaġġar u l-akkomodazzjoni, li huma marbuta direttament ma’ laqgħat tal-Grupp tat-Tmexxija, jiġġarbu mill-Parti li tospita l-laqgħa, sakemm mhux miftiehem mod ieħor.

    4.3.

    Kull Parti hija responsabbli għal kull awditjar tal-azzjonijiet tagħha b’appoġġ tal-attivitajiet ta’ kooperazzjoni, inkluż l-attivitajiet ta’ kull parteċipant tagħha. Il-verifiki ta’ kull Parti għandhom ikunu skont il-prassi applikabbli tagħha stess.

    5.   Proprjetà intelletwali

    L-allokazzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali għandhom ikunu skont id-dispożizzjonijiet tal-Anness tal-Ftehim.

    6.   Informazzjoni kklassifikata u Tagħmir u Materjal

    6.1.

    L-informazzjoni kklassifikata skambjata bejn il-Partijiet jew iġġenerata minnhom għandha tiġi mmarkata, użata u protetta skont il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerika dwar is-Sigurtà tal-Informazzjoni Kklassifikata tat-30 ta’ April 2007 u l-arranġament tal-implimentazzjoni tiegħu, l-Arranġament tas-Sigurtà bejn l-Uffiċċju tas-Sigurtà tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-UE (GSCSO) u d-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni Ewropea (ECSD) u d-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti għall-protezzjoni tal-informazzjoni kklassifikata bejn l-UE u l-Istati Uniti.

    6.2.

    Il-Partijiet għandhom it-tnejn jaħtru Awtorità tas-Sigurtà bħala l-uniku punt ta’ kuntatt u l-awtorità responsabbli għall-proċeduri tal-iżvilupp li jirregolaw is-sigurtà tal-informazzjoni kklassifikata koperta minn dan l-Arranġament tal-Implimentazzjoni.

    6.3.

    L-informazzjoni u t-Tagħmir u l-Materjal ipprovduti jew iġġenerati skont dan l-Arranġament tal-Implimentazzjoni huma limitati għal SECRET fl-Istati Uniti jew SECRET EU/EU SECRET fl-UE.

    7.   Kxif mhux awtorizzat tal-informazzjoni

    7.1.

    “Informazzjoni Mhux Ikklassifikata Kkontrollata” tal-Istati Uniti u informazzjoni sensittiva mhux ikklassifikata tal-UE hija informazzjoni jew dejta preliminari jew ta’ qabel id-deċiżjonijiet, skont il-każ, li ma titqiesx li tkun informazzjoni kklassifikata, iżda li għaliha jkunu ġew applikati limitazzjonijiet fuq l-aċċess jew id-distribuzzjoni u struzzjonijiet dwar l-użu skont il-liġijiet, ir-regolamenti, il-politiki jew il-linji gwida rispettivi tal-Partijiet.

    7.2.

    Fejn applikabbli, sew jekk l-informazzjoni tkun ipprovduta u sew jekk iġġenerata skont dan l-Arranġament tal-Implimentazzjoni, din għandha tkun immarkata biex il-karattru sensittiv tagħha jkun identifikat skont il-liġijiet, ir-regolamenti, il-politiki jew il-linji gwida rispettivi tal-Partijiet.

    7.3.

    Għall-Istati Uniti, “Controlled Unclassified Information” tinkludi, iżda mhux biss, informazzjoni mmarkata “Controlled Unclassified Information”“For Official Use Only,”“Law Enforcement Sensitive Information,”“Protected Critical Infrastructure Information,” Sensitive But Unclassified (SBU), u tista’ tinkludi Informazzjoni Kunfidenzjali tan-Negozju. Għall-Kummissjoni Ewropea, l-informazzjoni sensittiva mhux ikklassifikata hija informazzjoni li jkollha marka formalment approvata mid-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni Ewropea.

    7.4.

    “Controlled Unclassified Information” tal-Istati Uniti u l-informazzjoni sensittiva mhux ikklassifikata tal-UE prevista skont dan l-Arranġament tal-Implimentazzjoni għandha:

    7.4.1.

    tkun immarkata kif xieraq sabiex tiġi enfasizzata s-sensittività tagħha,

    7.4.2.

    ma tintużax għal skopijiet oħra għajr dawk deskritti f’dan l-Arranġament tal-Implimentazzjoni u

    7.4.3.

    ma għandhiex tiġi rilaxxata lil partijiet terzi mingħajr il-kunsens minn qabel tal-Parti li tibgħat l-informazzjoni jew l-oriġinatur.

    7.5.

    Il-Partijiet għandhom, skont il-liġijiet u r-regolamenti rispettivi tagħhom, jieħdu l-miżuri neċessarji kollha għad-dispożizzjoni tagħhom biex iħarsu l-informazzjoni mhux ikklassifikata li teħtieġ limitazzjonijiet fuq l-aċċess u d-distribuzzjoni minn kxif mhux awtorizzat.

    7.6.

    L-arranġamenti dettaljati tas-sigurtà għall-immarkar, il-ħżin, l-użu u l-protezzjoni tal-informazzjoni kkontrollata mhux ikklassifikata jistgħu jiġu stabbiliti mill-Partijiet.

    8.   Riżoluzzjoni tat-tilwim

    8.1.

    It-tilwim dwar il-Proprjetà Intellettwali għandu jiġi riżolt skont l-Anness tal-Ftehim.

    8.2.

    Ħlief għal tilwim li jikkonċerna l-Proprjetà Intellettwali, il-kwistjonijiet jew it-tilwim kollu li jinħoloq skont dan l-Arranġament tal-Implimentazzjoni jew li jkun marbut miegħu għandu jiġi riżolt bi ftehim reċiproku bejn il-Partijiet, b’mod konsistenti mat-termini tal-Ftehim, inkluż l-Artikolu 12.

    9.   Tul ta’ żmien

    Dan l-Arranġament tal-Implimentazzjoni jista jibda malli jiffirmaw iż-żewġ Partijiet. Jibqa’ operattiv sakemm il-Ftehim jibqa’ fis-seħħ jew sakemm Parti ma tkomplix tieħu sehem f’dan l-Arranġament. Jekk Parti biħsiebha ma tkomplix tieħu sehem f’dan l-Arranġament, għandha tagħmel minn kollox biex tavża 90 jum bil-quddiem bl-intenzjoni tagħha lill-Parti l-oħra. Il-protezzjoni tal-informazzjoni kklassifikata u l-prevenzjoni ta’ kull kxif mhux awtorizzat tal-informazzjoni huma maħsuba li jkomplu skont it-termini tal-Ftehim u l-Ftehim tal-2007 dwar is-Sigurtà tal-Informazzjoni Kklassifikata, minkejja l-waqfien jew l-iskadenza ta’ dan l-Arranġament tal-Implimentazzjoni jew tal-Ftehim. Dan l-Arranġament tal-Implimentazzjoni jista’ jiġi mmodifikat jew estiż bil-qbil bil-miktub taż-żewġ Partijiet.

    Iffirmat illum, … 2010.

    GĦALL-GVERN TAL-ISTATI UNITI TAL-AMERIKA

    GĦALL-KUMMISSJONI EWROPEA F’ISEM L-UNJONI EWROPEA


    Top