Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document JOL_2008_087_R_0010_01

    2008/275/KE: Deċiżjoni tal-Kunsill tas- 17 ta’ Marzu 2008 dwar il-konklużjoni ta’ protokoll li jemenda l-Annessi I u II tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tal-Marokk dwar ċerti aspetti tas-servizzi bl-ajru, sabiex titqies l-adeżjoni għall-Unjoni Ewropea tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija
    Protokoll li jemenda l-Annessi I u II tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tal-Marokk dwar ċerti aspetti tas-servizzi bl-ajru

    ĠU L 87, 29.3.2008, p. 10–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    29.3.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 87/10


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    tas-17 ta’ Marzu 2008

    dwar il-konklużjoni ta’ protokoll li jemenda l-Annessi I u II tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tal-Marokk dwar ċerti aspetti tas-servizzi bl-ajru, sabiex titqies l-adeżjoni għall-Unjoni Ewropea tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija

    (2008/275/KE)

    IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 80(2), flimkien ma’ l-Artikolu 300(2), l-ewwel inċiż tal-Artikolu 300(3) u l-Artikolu 300(4),

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

    Billi:

    (1)

    Il-Bulgarija u r-Rumanija ffirmaw ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi bl-ajru mar-Renju tal-Marokk, iffirmati rispettivament fl-14 ta’ Ottubru 1966 u s-6 ta’ Diċembru1971.

    (2)

    Il-Kummissjoni nnegozjat ma’ pajjiżi terzi dwar is-sostituzzjoni ta’ ċerti disposizzjonijiet fi ftehim bilaterali eżistenti bi Ftehim Komunitarju.

    (3)

    Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tal-Marokk dwar ċerti aspetti tas-servizzi bl-ajru ġie ffirmat fi Brussell fil-12 ta’ Diċembru 2006 (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-ftehim orizzontali”) (2) u ġie applikat provviżorjament min dik id-data;

    (4)

    It-Trattat ta’ l-Adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija ma’ l-Unjoni Ewropea (3) ġie ffirmat fil-Lussemburgu fil-25 ta’ April 2005 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2007;

    (5)

    Protokoll li jemenda l-Annessi I u II tal-ftehim orizzontali hu meħtieġ sabiex titqies l-adeżjoni taż-żewġ Stati Membri ġodda.

    (6)

    Il-protokoll li jemenda l-Annessi I u II tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tal-Marokk dwar ċerti aspetti tas-servizzi bl-ajru ġie inizjalat fid-19 ta’ Marzu 2007.

    (7)

    B’konsegwenza ta’ dan, il-protokoll għandu jiġi approvat,

    IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Il-protokoll li jemenda l-Annessi I u II tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tal-Marokk dwar ċerti aspetti tas-servizzi bl-ajru (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-protokoll”), huwa approvat f’isem il-Komunità Ewropea.

    It-test tal-Protokoll huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Il-President tal-Kunsill għandu, f’isem il-Komunità, jipproċedi bin-notifika prevista fl-Artikolu 3 tal-Protokoll (4).

    Magħmula fi Brussell, 17 ta’ Marzu 2008.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    I. JARC


    (1)  Opinjoni tal-11 ta’ Diċembru 2007 (għadha nhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (2)  ĠU L 386, 29.12.2006, p. 18.

    (3)  ĠU L 157, 21.6.2005, p. 11.

    (4)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Protokoll ser tkun ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea mis-segretarjat ġenerali tal-Kunsill.


    PROTOKOLL

    li jemenda l-Annessi I u II tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tal-Marokk dwar ċerti aspetti tas-servizzi bl-ajru

    IL-KOMUNITÀ EWROPEA,

    minn naħa, u

    R-RENJU TAL-MAROKK

    min-naħa l-oħra,

    minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Partijiet”,

    Wara li kkunsidraw il-ftehimiet bejn il-Bulgarija u r-Rumanija u r-Renju tal-Marokk, iffirmati rispettivament fl-14 ta’ Ottubru 1966 f’Rabat u fis-6 ta’ Diċembru 1971 f’Bukarest,

    Wara li kkunsidraw il-ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tal-Marokk dwar ċerti aspetti tas-servizzi bl-ajru ffirmat fi Brussell fil-12 ta’ Diċembru 2006 (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-ftehim orizzontali”),

    Wara li kkunsidraw l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija ma’ l-Unjoni Ewropea u għalhekk fil-Komunità Ewropea fl-1 ta’ Jannar 2007,

    FTIEHMU KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Id-dispożizzjonijiet li ġejjin huma miżjuda ma’ l-Anness I (a) tal-ftehim orizzontali:

    “—

    Ftehim bejn ir-Repubblika Popolari tal-Bulgarija u r-Renju tal-Marokk dwar it-trasport bl-ajru, iffirmat f’Rabat fl-14 ta’ Ottubru 1966 (minn hawn ’il quddiem ‘il-ftehim Marokk-Bulgarija’);

    Ftehim bejn il-Gvern tar-Repubblika Soċjalista tar-Rumanija u l-Gvern tar-Renju tal-Marokk dwar it-trasport ċivili bl-ajru, iffirmat f’Bukarest fis-6 ta’ Diċembru 1971 (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ ‘il-ftehim Marokk-Rumanija’);

    Emendat mill-Memorandum ta’ Ftehim iffirmat ir-Rabat fid-29 ta’ Frar 1996.”

    Artikolu 2

    Id-dispożizzjonijiet li ġejjin huma miżjuda ma’ l-Anness II tal-ftehim orizzontali:

     

    Fil-punt a (ħatra minn Stat Membru):

    “—

    L-Artikolu 3 tal-Ftehim Marokk – Rumanija.”;

     

    Fil-punt b (rifjut, revoka, sospensjoni jew limitazzjoni ta’ l-awtorizzazzjonijiet jew il-permessi)

    “—

    L-Artikolu 7 tal-Ftehim Marokk-Bulgarija;

    L-Artikolu 3 tal-Ftehim Marokk – Rumanija.”;

     

    Fil-punt ċ (kontroll regolamentari)

    “—

    L-Artikolu 8 tal-Ftehim Marokk – Bulgarija.”;

     

    Fil-punt d (tassazzjoni tal-fjuwil ta’ l-avjazzjoni):

    “—

    L-Artikolu 3 tal-Ftehim Marokk– Bulgarija;

    L-Artikolu 8 tal-Ftehim Marokk – Rumanija.”;

     

    Fil-punt e (tariffi għat-trasport fil-Komunità Ewropea):

    “—

    L-Artikolu 16 tal-Ftehim Marokk – Bulgarija;

    L-Artikolu 7 tal-Ftehim Marokk – Rumanija.”;

    Artikolu 3

    Dan il-Protokoll għandu jidħol fis-seħħ meta l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin bil-miktub li l-proċeduri interni rispettivi meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tiegħu tlestew.

    Artikolu 4

    Dan il-Protokoll huwa mfassal bil-Ġermaniż, bl-Ingliż, bil-Bulgaru, bid-Daniż, bl-Ispanjol, bl-Estonjan, bil-Finlandiż, bil-Franċiż, bil-Grieg, bl-Ungeriż, bit-Taljan, bil-Latvjan, bil-Litwan, bil-Malti, bl-Olandiż, bil-Pollakk, bil-Portugiż, bir-Rumen, bis-Slovakk, bis-Sloven, bl-Iżvediż, biċ-Ċek u bl-Għarbi b’kull wieħed minn dawk it-testi ugwalment awtentiċi.


    Top