Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document JOL_2008_048_R_0037_01

    2008/151/KE: Deċiżjoni tal-Kunsill tat- 12 ta’ Frar 2008 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri dwar l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll li jistipula l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribut finanzjarju previst fil-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Kosta ta’ l-Avorju dwar is-sajd fiż-żoni tas-sajd tal-Kosta ta’ l-Avorju għall-perjodu mill- 1 ta’ Lulju 2007 sat- 30 ta’ Ġunju 2013
    Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ ittri dwar l-applikazzjoni proviżorja tal-Protokoll li jistipula l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribut finanzjarju previsti fil-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Kosta ta’ l-Avorju dwar is-sajd fiż-żoni tas-sajd tal-Kosta ta’ l-Avorju għall-perjodu mill- 1 ta’ Lulju 2007 sat- 30 ta’ Ġunju 2013
    Ftehim ta' Sħubija fis-settur tas-sajd bejn ir-Repubblika tal-Kosta ta' l-Avorju u l-komunità ewropea
    Protokoll li jistipula l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribut finanzjarju previsti fil-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Kosta ta' l-Avorju dwar is-sajd lil hinn mill-Kosta ta' l-Avorju għall-perjodu mill- 1 ta’ Lulju 2007 sat- 30 ta’ Ġunju 2013

    ĠU L 48, 22.2.2008, p. 37–63 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    22.2.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 48/37


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    tat-12 ta’ Frar 2008

    dwar il-konklużjoni tal-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri dwar l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll li jistipula l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribut finanzjarju previst fil-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Kosta ta’ l-Avorju dwar is-sajd fiż-żoni tas-sajd tal-Kosta ta’ l-Avorju għall-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2007 sat-30 ta’ Ġunju 2013

    (2008/151/KE)

    IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 300(2) flimkien ma’ l-Artikolu 37,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

    Billi:

    (1)

    Il-Komunità nnegozjat mal-Kosta ta’ l-Avorju, Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd li jipprovdi lill-bastimenti Komunitarji opportunitajiet ta’ sajd fl-ilmijiet li l-Kosta ta’ l-Avorju għandha sovranità jew ġurisdizzjoni fuqhom f’dak li għandu x’jaqsam mas-sajd.

    (2)

    B'riżultat ta’ dawk in-negozjati ġie inizjalat Ftehim ta’ Sħubija ġdid dwar is-Sajd fil-5 ta’ April 2007.

    (3)

    Il-Ftehim dwar is-sajd bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Kosta ta’ l-Avorju, min-naħa l-oħra, dwar is-sajd fl-ibħra tal-Kosta ta’ l-Avorju (1) ġie mħassar mill-Ftehim ġdid ta’ Sħubija dwar is-Sajd.

    (4)

    Sabiex jiġu ggarantiti l-attivitajiet tas-sajd min-naħa tal-bastimenti tal-Komunità, huwa essenzjali li l-Ftehim il-ġdid ta’ Sħubija dwar is-Sajd jiġi applikat mill-aktar fis possibbli. Għaldaqstant, iż-żewġ partijiet inizjalaw Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri dwar l-applikazzjoni provviżorja, mill-1 ta’ Lulju 2007, tal-Protokoll inizjalat u mehmuż mal-Ftehim il-ġdid ta’ Sħubija dwar is-Sajd.

    (5)

    Huwa fl-interess tal-Komunità li l-Ftehim imsemmi fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri jiġi approvat.

    (6)

    Huwa importanti li jiġi definit il-mod li bih jitqassmu l-opportunitajiet ta’ sajd bejn l-Istati Membri,

    IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Il-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri dwar l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll li jistipula l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribut finanzjarju previst fil-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Kosta ta’ l-Avorju dwar is-sajd fiż-żoni tas-sajd tal-Kosta ta’ l-Avorju għall-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2007 sat-30 ta’ Ġunju 2013, huwa b'dan approvat f'isem il-Komunità.

    It-test tal-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    L-opportunitajiet ta’ sajd stabbiliti fil-Protokoll tal-Ftehim għandhom jiġu allokati fost l-Istati Membri kif ġej:

    25 bastiment tas-sajd bil-purse seines

    Franza:

    10 bastimenti

    Spanja:

    15-il bastiment

    15-il bastiment tas-sajd bil-konz:

    Spanja:

    10 bastimenti

    Portugall:

    5 bastimenti

    Jekk it-talbiet għal liċenzja ta’ dawn l-Istati Membri ma jeżawrixxux l-opportunitajiet ta’ sajd stabbiliti mill-Protokoll, il-Kummissjoni tista tikkunsidra talbiet għal liċenzji mill-Istati Membri l-oħra kollha.

    Artikolu 3

    L-Istati Membri li l-bastimenti tagħhom jistadu skond dan il-Ftehim imsemmi fl-Artikolu 1 għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni l-kwantitajiet ta’ kull stokk maqbuda fiż-żona tas-sajd tal-Kosta ta’ l-Avorju f’konformità mar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 500/2001 ta’ l-14 ta’ Marzu 2001 li jniżżel regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2847/93 dwar is-sorveljanza tal-qbid meħud mill-bastimenti tas-sajd tal-Komunità f'ibħra ta’ pajjiżi terzi u fl-ibħra miftuħa (2).

    Artikolu 4

    Il-President tal-Kunsill huwa awtorizzat jaħtar il-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri sabiex tintrabat il-Komunità.

    Magħmula fi Brussell, 12 ta’ Frar 2008.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    A. BAJUK


    (1)  ĠU L 379, 31.12.1990, p. 3.

    (2)  ĠU L 73, 15.3.2001, p. 8.


    FTEHIM

    fil-forma ta’ Skambju ta’ ittri dwar l-applikazzjoni proviżorja tal-Protokoll li jistipula l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribut finanzjarju previsti fil-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Kosta ta’ l-Avorju dwar is-sajd fiż-żoni tas-sajd tal-Kosta ta’ l-Avorju għall-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2007 sat-30 ta’ Ġunju 2013

    A.   Ittra mill-Gvern tar-Repubblika tal-Kosta ta’ l-Avorju:

    Sinjur,

    Ninsab sodisfatt li n-negozjaturi tar-Repubblika tal-Kosta ta’ l-Avorju u tal-Komunità Ewropea laħqu qbil dwar Ftehim ta’ Sħubija fis-Settur tas-Sajd bejn ir-Repubblika tal-Kosta ta’ l-Avorju u l-Komunità Ewropea, kif ukoll dwar Protokoll li jistabbilixxi l-possibbiltajiet ta’ Sajd u l-kontribut finanzjarju, kif ukoll l-Annessi tiegħu.

    Ir-riżultat ta’ dawn in-negozjati, evoluzzjoni pożittiva tal-Ftehim preċedenti għandu jsaħħaħ ir-relazzjonijiet bejnietna fil-qasam tas-sajd u se jistabbilixxi tabilħaqq qafas ta’ sħubija għall-iżvilupp ta’ politika tas-sajd sostenibbli u responsabbli fl-ilmijiet tal-Kosta ta’ l-Avorju. F'dan ir-rigward, nipproponilek li fl-istess waqt jinfetħu l-proċeduri ta’ approvazzjoni u ta’ ratifika tat-testijiet tal-Ftehim, tal-Protokoll u ta’ l-Anness tiegħu flimkien ma’ l-Appendiċijiet, f'konformità mal-proċeduri fis-seħħ fir-Repubblika tal-Kosta ta’ l-Avorju u fil-Komunità Ewropea u meħtieġa għad-dħul tagħhom fis-seħħ.

    Bil-għan li l-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti Komunitarji ma jiġux interrotti fl-ilmijiet tal-Kosta ta’ l-Avorju, u b'referenza għall-Protokoll inizjalat fil-5 ta’ April 2007, li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribut finanzjarju għall-perjodu bejn l-1 ta’ Lulju 2007 sat-30 ta’ Ġunju 2013, għandi l-unur ninfurmak li l-Gvern tar-Repubblika tal-Kosta ta’ l-Avorju huwa lest japplika l-Protokoll b’mod proviżorju b’effett mill-1 ta’ Lulju 2007 sakemm jidħol fis-seħħ skond l-Artikolu 17 tiegħu, bil-kondizzjoni li l-Komunità Ewropea tkun disposta tagħmel l-istess.

    Huwa mifhum illi f'dan il-każ, il-ħlas ta’ l-ewwel parti tal-kontribut finanzjarju speċifikat fl-Artikolu 2 tal-Protokoll jitħallas sat-30 ta’ Marzu 2008.

    Inkun nafulek jekk tikkonferma l-qbil tal-Komunità Ewropea ma’ l-applikazzjoni proviżorja msemmija.

    Nassigurak, Sinjur, mill-ikbar stima li għandi lejk,

    Għall-Gvern tar-Repubblika tal-Kosta ta’ l-Avorju

    B.   Ittra mill-Komunità Ewropea

    Sinjur,

    Għandi l-pjaċir ninfurmak li rċevejt l-ittra tiegħek ta’ llum illi tgħid hekk:

    “Sinjur,

    Ninsab sodisfatt li n-negozjaturi tar-Repubblika tal-Kosta ta’ l-Avorju u tal-Komunità Ewropea laħqu qbil dwar Ftehim ta’ Sħubija fis-Settur tas-Sajd bejn ir-Repubblika tal-Kosta ta’ l-Avorju u l-Komunità Ewropea, kif ukoll dwar Protokoll li jistabbilixxi l-possibbiltajiet ta’ Sajd u l-kontribut finanzjarju, kif ukoll l-Annessi tiegħu.

    Ir-riżultat ta’ dawn in-negozjati, evoluzzjoni pożittiva tal-Ftehim preċedenti għandu jsaħħaħ ir-relazzjonijiet bejnietna fil-qasam tas-sajd u se jistabbilixxi tabilħaqq qafas ta’ sħubija għall-iżvilupp ta’ politika tas-sajd sostenibbli u responsabbli fl-ilmijiet tal-Kosta ta’ l-Avorju. F'dan ir-rigward, nipproponilek li fl-istess waqt jinfetħu l-proċeduri ta’ approvazzjoni u ta’ ratifika tat-testijiet tal-Ftehim, tal-Protokoll u ta’ l-Anness tiegħu flimkien ma’ l-Appendiċijiet, f'konformità mal-proċeduri fis-seħħ fir-Repubblika tal-Kosta ta’ l-Avorja u fil-Komunità Ewropea u meħtieġa għad-dħul tagħhom fis-seħħ.

    Bil-għan li l-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti Komunitarji ma jiġux interrotti fl-ilmijiet tal-Kosta ta’ l-Avorju, u b'referenza għall-Protokoll inizjalat fil-5 ta’ April 2007 li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribut finanzjarju għall-perjodu bejn l-1 ta’ Lulju 2007 sat-30 ta’ Ġunju 2013, għandi l-unur ninfurmak li l-Gvern tar-Repubblika tal-Kosta ta’ l-Avorju huwa lest japplika l-Protokoll b’mod proviżorju b’effett mill-1 ta’ Lulju 2007 sakemm jidħol fis-seħħ skond l-Artikolu 17 tiegħu, bil-kondizzjoni li l-Komunità Ewropea tkun disposta tagħmel l-istess.

    Huwa mifhum illi f'dan il-każ, il-ħlas ta’ l-ewwel parti tal-kontribut finanzjarju speċifikat fl-Artikolu 2 tal-Protokoll jitħallas sat-30 ta’ Marzu 2008.

    Inkun nafhulek jekk tikkonferma l-qbil tal-Komunità Ewropea ma’ l-applikazzjoni proviżorja msemmija.”

    Għandi pjaċir nikkonferma l-qbil tal-Komunità Ewropea dwar l-applikazzjoni proviżorja msemmija.

    Nassigurak, Sinjur, mill-ikbar stima li għandi lejk,

    Għall-Komunità Ewropea

    FTEHIM TA' SĦUBIJA

    fis-settur tas-sajd bejn ir-Repubblika tal-Kosta ta' l-Avorju u l-komunità ewropea

    IR-REPUBBLIKA tal-Kosta ta’ l-Avorju, minn hawn 'il quddiem “il-Kosta ta’ l-Avorju”,

    u

    IL-KOMUNITÀ EWROPEA, minn hawn 'il quddiem “il-Komunità”,

    minn hawn 'il quddiem “il-Partijiet”,

    FILWAQT LI JQISU r-relazzjoni ta’ ħidma mill-qrib bejn il-Komunità u l-Kosta ta’ l-Avorju, partikolarment fil-kuntest tal-Ftehim ta’ Cotonou, kif ukoll ix-xewqa reċiproka tagħhom li jsaħħu dik ir-relazzjoni,

    FILWAQT LI JQISU x-xewqa taż-żewġ Partijiet li jippromwovu l-isfruttament responsabbli tar-riżorsi tas-sajd permezz tal-koperazzjoni;

    FID-DAWL tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar;

    DETERMINATI li japplikaw id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzonijiet tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn fl-Atlantiku, minn issa 'l quddiem “ICCAT”;

    KONXJI ta’ l-importanza tal-prinċipji stabbiliti permezz tal-Kodiċi ta’ Mġiba dwar sajd responsabbli adottat fil-Konferenza tal-FAO fl-1995;

    DETERMINATI li jikkoperaw, fl-interess reċiproku tagħhom, għall-istabbiliment ta’ sajd responsabbli sabiex tiġi żgurata l-konservazzjoni fit-tul u l-isfruttament sostenibbli tar-riżorsi ħajjin tal-baħar;

    KONVINTI li din il-koperazzjoni għandha tissejjes fuq il-komplimentarjetà ta’ l-inizjattivi u l-azzjonijiet imwettqa, kemm b’mod konġunt kif ukoll minn kull waħda mill-Partijiet, sabiex jiżguraw il-koerenza tal-politika u s-sinerġija ta’ l-isforzi;

    DEĊIŻI li, għal dawk il-finijiet, jibdew djalogu dwar il-politika settorjali tas-sajd adottata mill-gvern tal-Kosta ta’ l-Avorju, sabiex jiġu identifikati l-mezzi addattati sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni ta’ din il-politika kif ukoll l-involviment, fil-proċess, ta’ l-operaturi ekonomiċi u tas-socjetà ċivili,

    ĦERQANA li jistabbilixxu l-metodi u l-kundizzjonijiet li jirregolaw l-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tal-Komunità fl-ilmijiet tal-Kosta ta’ l-Avorju, kif ukoll dawk li jirrigwardaw l-appoġġ mogħti mill-Komunità għall-istabbiliment ta’ sajd responsabbli f'dawk l-istess ilmijiet;

    RIŻOLTI sabiex jikkoperaw ekonomikament aktar mill-qrib fl-industrija tas-sajd u fl-attivitajiet relatati magħha, permezz tat-twaqqif u l-iżvilupp ta’ impriżi konġunti li jinvolvu kumpaniji miż-żewġ Partijiet;

    FTIEHMU DWAR DAN LI ĠEJ:

    Artikolu 1

    Is-suġġett

    Dan il-Ftehim jistabbilixxi l-prinċipji, ir-regoli u l-proċeduri li jirregolaw:

    il-koperazzjoni ekonomika, finanzjarja, teknika u xjentifika fil-qasam tas-sajd, bil-ħsieb tal-promozzjoni ta’ sajd responsabbli fiż-żoni tas-sajd tal-Kosta ta’ l-Avorju sabiex ikunu żgurati l-konservazzjoni u l-isfruttament sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd u l-iżvilupp tas-settur tas-sajd fil-Kosta ta’ l-Avorju;

    il-kundizzjonijiet ta’ l-aċċess tal-bastimenti tas-sajd tal-Komunità għaż-żoni tas-sajd tal-Kosta ta’ l-Avorju;

    il-koperazzjoni dwar metodi ta’ kontroll tas-sajd fiż-żoni tas-sajd tal-Kosta ta’ l-Avorju sabiex jiġu żgurati l-osservanza tal-kundizzjonijiet imsemmija hawn fuq, l-effikaċja tal-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni tar-riżorsi tas-sajd, u l-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux dikjarat u mhux regolat;

    sħubijiet bejn kumpaniji bil-għan li, fl-interess komuni, jiġu żviluppati attivitajiet ekonomiċi fis-settur tas-sajd u fl-attivitajiet relatati.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, l-espressjonjiet li ġejjin huma definiti kif ġej:

    a)

    “l-awtoritajiet tal-Kosta ta’ l-Avorju”, il-Ministeru inkarigat mir-riżorsi tas-sajd;

    b)

    “l-awtoritajiet tal-Komunità”, il-Kummissjoni Ewropea;

    ċ)

    “żona tas-sajd tal-Kosta ta’ l-Avorju”, l-ilmijiet li, għall-finijiet ta’ sajd, jaqgħu taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni tal-Kosta ta’ l-Avorju;

    d)

    “bastiment tas-sajd”, kwalunkwe bastiment mgħammar bil-ħsieb ta’ l-isfruttament kummerċjali tar-riżorsi ħajjin tal-baħar;

    e)

    “bastiment tal-Komunità”, bastiment tas-sajd li jtajjar il-bandiera ta’ Stat Membru tal-Komunità u rreġistrat fil-Komunità;

    f)

    “kummissjoni konġunta” kummissjoni magħmula minn rappreżentanti tal-Komunità u tal-Kosta ta’ l-Avorju kif jispeċifika l-Artikolu 9 ta’ dan il-Ftehim;

    ġ)

    “trasbord”, it-trasferiment fil-port u/jew fiż-żona tiegħu tal-qabda kollha ta’ bastiment jew ta’ parti minnha għal bastiment ieħor;

    h)

    “ċirkostanzi mhux normali”, ċirkostanzi għajr il-fenomeni naturali, li jaħarbu l-kontroll raġonevoli ta’ waħda mill-Partijiet, b'tali mod li jtellfu l-eżerċizzju ta’ l-attività tas-sajd fl-ilmijiet tal-Kosta ta’ l-Avorju;

    i)

    “baħri ta’ l-AKP”, kwalunkwe baħri ċittadin ta’ pajjiż mhux Ewropew firmatarju tal-Ftehim ta’ Cotonou. Skond din id-definizzjoni, baħri mill-Kosta ta’ l-Avorju huwa baħri ta’ l-AKP.

    Artikolu 3

    Prinċipji u għanijiet fondamentali li jispiraw l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim

    1.   Il-Partijiet jintrabtu li jippromwovu s-sajd responsabbli fiż-żoni tas-sajd tal-Kosta ta’ l-Avorju msejjes fuq il-prinċipju tan-non-diskriminazzjoni bejn il-flotot tas-sajd preżenti f’dawk l-ilmijiet, mingħajr ħsara għall kull ftehim milħuq bejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-istess reġjun ġeografiku, inkluż kull ftehim reċiproku dwar is-sajd.

    2.   Il-Partijiet għandhom jikkoperaw bil-għan li jimplimentaw politika settorali tas-sajd adottata mill-gvern tal-Kosta ta’ l-Avorju, u għal dawn il-finijiet għandhom jagħtu bidu għal djalogu politiku dwar ir-riformi meħtieġa. Għandhom jikkonsultaw bejniethom bil-għan ta’ l-adozzjoni tal-miżuri eventwali f'dan il-qasam.

    3.   Il-Partijiet għandhom jikkoperaw ukoll sabiex jagħmlu evalwazzjonijiet ex-ante, waqt il-proċess, u ex-post, kemm flimkien kif ukoll unilateralment, tal-miżuri, programmi u azzjonijiet implimentati abbażi tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim.

    4.   Il-Partijiet jintrabtu li jiżguraw l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim skond il-prinċipji tat-treġġija ekonomika u soċjali tajba, u b'rispett għall-qagħda tar-riżorsi tas-sajd.

    5.   B'mod partikolari, l-impjieg tal-baħrin ta’ l-AKP fuq il-bastimenti tal-Komunità huwa rregolat mid-Dikjarazzjoni ta’ l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar il-prinċipji u d-drittijiet fundamentali tax-xogħol li japplikaw fl-intier tagħhom fil-qafas tal-kuntratti kkonċernati u l-kondizzjonijiet ġenerali tax-xogħol. Dan jirrigwarda, b’mod partikolari, il-libertà ta’ l-assoċjazzjoni u r-rikonoxximent effettiv tad-dritt tal-ħaddiema għal negozjar kollettiv u l-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni fi kwistjonijiet ta’ xogħol u professjoni.

    Artikolu 4

    Koperazzjoni fil-qasam xjentifiku

    1.   Sakemm jibqa' fis-seħħ dan il-Protokoll, il-Komunità u l-awtoritajiet tal-Kosta ta’ l-Avorju ser jagħmlu minn kollox sabiex isegwu t-tibdil li jseħħ fir-riżorsi taż-żona tas-sajd tal-Kosta ta’ l-Avorju.

    2.   Iż-żewġ Partijiet, abbażi tar-rakkomandazzjonijiet u r-riżoluzzjonijiet adottati fi ħdan il-Kummissjoni dwar is-Sajd tat-Tonn fl-Atlantiku (ICCAT) u fid-dawl ta’ l-aqwa pariri xjentifiċi disponibbli, għandhom jikkonsultaw bejniethom fi ħdan il-Kummissjoni Konġunta prevista fl-Artikolu 9 tal-Ftehim, sabiex, jekk ikun il-każ, wara laqgħa xjentifika u bi qbil komuni, jadottaw miżuri bil-għan tal-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd li jolqtu l-attivitajiet tal-bastimenti tas-sajd tal-Komunità.

    3.   Il-Partijiet hawnhekk jintrabtu li jikkonsultaw bejniethom, jew direttament, inkluż fuq il-livell tas-sottoreġjun, jew fi ħdan l-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti, sabiex jiżguraw il-ġestjoni u l-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi fl-Oċean Atlantiku, u sabiex jikkoperaw fir-riċerka xjentifika relevanti.

    Artikolu 5

    L-aċċess tal-bastimenti tal-Komunità għaż-żoni tas-sajd fl-ilmijiet tal-Kosta ta’ l-Avorju

    1.   Il-Kosta ta’ l-Avorju tintrabat li tawtorizza lill-bastimenti tal-Komunità jieħdu sehem f’attivitajiet tas-sajd fiż-żona tas-sajd tagħha skond dan il-Ftehim, inklużi l-Protokoll u l-Anness.

    2.   L-attivitajiet tas-sajd f'dan il-Ftehim huma suġġetti għal-liġijiet u r-regolamenti fis-seħħ fil-Kosta ta’ l-Avorju. L-awtoritajiet tal-Kosta ta’ l-Avorju għandhom jinnotifikaw lill-Komunità dwar kull tibdil li jsir fil-leġiżlazzjoni msemmija.

    3.   Il-Kosta ta’ l-Avorju tintrabat li tieħu l-miżuri kollha adegwati f'dak li jirrigwarda l-applikazzjoni effikaċi tad-dispożizzjonijiet li jolqtu il-kontroll tas-sajd previst fil-Protokoll. Il-bastimenti tal-Komunità għandhom jikkoperaw ma’ l-awtoritajiet kompetenti tal-Kosta ta’ l-Avorju għat-twettiq ta’ dawn il-kontrolli.

    4.   Il-Komunità tintrabat li tieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex tiżgura l-osservanza, mill-bastimenti tagħha, tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim u tal-leġiżlazzjoni li tirregola is-sajd fl-ilmijiet relattivi tal-ġurisdizzjoni tal-Kosta ta’ l-Avorju.

    Artikolu 6

    Il-Liċenzji

    1.   Il-bastimenti tal-Komunità ma’ jistgħux jeżerċitaw l-attivitajiet ta’ sajd fiż-żoni tas-sajd tal-Kosta ta’ l-Avorju sakemm ma jkollhomx liċenzja għas-sajd maħruġa mill-Kosta ta’ l-Avorju skond dan il-Ftehim u l-Protokoll anness miegħu.

    2.   Il-proċedura sabiex bastiment jikseb liċenzja tas-sajd, it-taxxi applikabbli u l-metodu ta’ ħlas li jrid jintuża’ mis-sidien tal-bastimenti għandhom ikunu dawk stipulati fl-Anness tal-Protokoll.

    Artikolu 7

    Il-Kontribut finanzjarju

    1.   Il-Komunità għandha tħallas lill-Kosta ta’ l-Avorju kontribut finanzjarju skond it-termini u l-kundizzjonijiet stipulati fil-Protokoll u fl-Annessi. Dan il-kumpens waħdani huwa definit abbażi ta’ żewġ elementi relatati, jiġifieri:

    a)

    l-aċċess tal-bastimenti tal-Komunità għall-ilmijiet u għar-riżorsi tas-sajd tal-Kosta ta’ l-Avorju, u

    b)

    l-appoġġ finanzjarju tal-Komunità għall-istabbiliment tal-politika nazzjonali tas-sajd ibbażata fuq sajd responsabbli u l-isfruttament sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd fl-ilmijiet tal-Kosta ta’ l-Avorju.

    2.   L-element tal-kontribut finanzjarju msemmi fil-paragrafu 1(b) hawn fuq, għandu jkun determinat fid-dawl ta’ l-għanijiet identifikati, bi qbil komuni bejn il-Partijiet, u skond id-dispożizzjonjiet tal-Protokoll, li jridu jintlaħqu fil-kuntest tal-politika settorjali tas-sajd definita mill-gvern tal-Kosta ta’ l-Avorju u l-programmazzjoni annwali u multijannwali għall-implimentazzjoni tagħha.

    3.   Il-kontribut finanzjarju min-naħa tal-Komunità jitħallas kull sena skond it-termini stabbiliti fil-Protokoll, u skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim u tal-Protokoll rigward l-emenda eventwali tat-total tiegħu minħabba:

    a)

    ċirkostanzi mhux normali;

    b)

    it-tnaqqis, bi qbil, ta’ l-opportunitajiet ta’ sajd mogħtija lill-bastimenti Komunitarji fl-applikazzjoni tal-miżuri tal-ġestjoni ta’ l-istokkijiet ikkonċernati meqjusa neċessarji għall-konservazzjoni u għall-isfruttar sostenibbli tar-riżorsi skond l-aqwa parir xjentifiku disponibbli;

    ċ)

    iż-żieda, bi qbil komuni bejn il-Partijiet, ta’ l-opportunitajiet ta’ sajd mogħtija lill-bastimenti Komunitarji jekk, skond l-aqwa parir xjentifiku disponibbli, il-qagħda tar-riżorsi tippermetti dan;

    d)

    l-evalwazzjoni mill-ġdid tal-kundizzjonijiet ta’ l-appoġġ finanzjarju għall-implimentazzjoni ta’ politika settorali tas-sajd fil-Kosta ta’ l-Avorju, meta dan ikun iġġustifikat bir-riżultati tal-programmazzjoni annwali u multijannwali osservati miż-żewġ Partijiet;

    e)

    it-terminazzjoni ta’ dan il-Ftehim skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 13 tiegħu;

    f)

    is-sospensjoni ta’ l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim skond l-Artikolu 12 tiegħu.

    Artikolu 8

    Promozzjoni tal-koperazzjoni fil-livell ta’ l-operaturi ekonomiċi u s-soċjetà ċivili

    1.   Il-Partijiet għandhom jinkoraġġixxu l-koperazzjoni ekonomika, xjentifika u teknika fis-settur tas-sajd u s-setturi konnessi miegħu. Għandhom jikkonsultaw flimkien sabiex jikkoordinaw id-diversi azzjonijiet li jkunu prevedibbli f’dan ir-rigward.

    2.   Il-Partijiet jintrabtu li jippromwovu l-iskambju ta’ l-informazzjoni dwar tekniki tas-sajd u l-irkaptu tas-sajd, il-metodi ta’ konservazzjoni u l-ipproċessar tal-prodotti tas-sajd.

    3.   Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom sabiex joħolqu l-kundizzjonijiet adatti għall-promozzjoni tar-relazzjonijiet bejn l-impriżi tagħhom, fl-oqsma tekniċi, ekonomiċi u kummerċjali, billi jinkoraġġixxu l-ħolqien ta’ ambjent favorevoli għall-iżvilupp tan-negozju u l-investimenti.

    4.   Il-Partijiet b'mod partikolari jinkoraġġixxu l-ħolqien ta’ impriżi konġunti ta’ interess reċiproku fl-osservanza sistematika tal-leġiżlazzjoni tal-Kosta ta’ l-Avorju u ta’ dik tal-Komunità li tkun fis-seħħ.

    Artikolu 9

    Il-Kummissjoni Konġunta

    1.   Kummissjoni konġunta hija stabbilita bil-għan li tissorvelja u tikkontrolla l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim. Il-Kummissjoni Konġunta għandha dawn il-funzjonijiet:

    a)

    tissorvelja t-tħaddim, l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Ftehim u, b’mod partikolari, id-definizzjoni u l-evalwazzjoni ta’ l-implimentazzjoni tal-programmazzjoni annwali u multijannwali msemmija f'Artikolu 7(2);

    b)

    tiżgura l-komunikazzjoni u l-koperazzjoni meħtieġa dwar kwistjonijiet ta’ interess komuni fil-qasam tas-sajd;

    ċ)

    isservi ta’ forum sabiex jissolvew bonarjament il-kwistjonijiet li jistgħu jinqalgħu mill-interpretazzjoni jew l-implimentazzjoni tal-Ftehim;

    d)

    tevalwa mill-ġdid, jekk ikun hemm il-ħtieġa, il-livelli ta’ sajd possibbli u, konsegwentament, il-kontribut finanzjarju;

    e)

    kull funzjoni oħra li l-Partijiet, bi qbil komuni jiddeċiedu li jafdawlha.

    2.   Il-Kummissjoni Konġunta għandha tiltaqa' talanqas darba fis-sena, darba fil-Kosta ta’ l-Avorju u darba fil-Komunità, u tkun ippreseduta mill-Parti fejn issir il-laqgħa. Għandha titlaqqa' f'seduta straordinarja fuq talba ta’ waħda mill-Partijiet.

    Artikolu 10

    Iż-żona ġeografika li għaliha japplika l-Ftehim

    Dan il-Ftehim japplika, minn naħa waħda, fit-territorji fejn japplika t-Trattat li jistabbilixxi l-Unjoni Ewropea, skond il-kondizzjonijiet stipulati mill-imsemmi Trattat, u, min-naħa l-oħra, fit-territorju tal-Kosta ta’ l-Avorju.

    Artikolu 11

    Perjodu tal-Ftehim

    Dan il-Ftehim għandu japplika għal sitt snin mid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu; għandu jiġġedded b'mod impliċitu u għal perjodi identiċi, ħlief fil-każ tat-terminazzjoni skond l-Artikolu 13 tiegħu.

    Artikolu 12

    Is-sospensjoni

    1.   L-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim tista’ tiġi sospiża fuq l-inizjattiva ta’ xi waħda mill-Partijiet f’każ ta’ nuqqas ta’ ftehim serju fir-rigward ta’ l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tiegħu. Din is-sospensjoni hija soġġetta għan-notifika mill-Parti kkonċernata dwar l-intenzjoni tagħha, bil-miktub, mhux anqas minn tlett xhur qabel id-data meta din is-sospensjoni jkollha tidħol fis-seħħ. Mill-ħruġ ta’ din in-notifika, il-Partijiet għandhom jikkonsultaw bil-għan li jsolvu n-nuqqas ta’ ftehim bonarjament.

    2.   Il-ħlas tal-kontribut finanzjarju msemmi fl-Artikolu 7 għandu jitnaqqas, proporzjonalment u pro rata temporis, għat-tul taż- żmien tas-sospensjoni.

    Artikolu 13

    It-Terminazzjoni

    1.   Dan il-Ftehim jista’ jiġi tterminat minn xi waħda mill-Partijiet, fil-każ ta’ ċirkostanzi mhux normali relatati, fost oħrajn, mad-degradazzjoni ta’ l-istokkijiet ikkonċernati, l-osservazzjoni ta’ livell ridott ta’ l-użu ta’ l-opportunitajiet tas-sajd allokati għall-bastimenti tal-Komunità, jew in-nuqqas ta’ osservanza ta’ l-obbligi tal-Partijiet fil-kwistjoni tal-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux dikjarat u mhux regolat.

    2.   Il-Parti kkonċernata għandha tgħarraf bil-miktub lill-Parti l-oħra bl-intenzjoni tagħha li tirtira mill-Ftehim talanqas sitt xhur qabel ma jiskadi l-perjodu inizjali jew kull perjodu ieħor.

    3.   Meta tintbagħat in-notifika msemmija fil-paragrafu preċedenti, għandhom jinfetħu l-konsultazzjonijiet bejn il-Partijiet.

    4.   Il-ħlas tal-kontribut finanzjarju rregolat mill-Artikolu 7, għas-sena li fiha t-terminazzjoni tidħol fis-seħħ, għandu jitnaqqas b’mod proporzjonali u pro rata temporis.

    Artikolu 14

    Il-Protokoll u l-Anness

    Il-Protokoll u l-Anness għandhom ikunu parti integrali minn dan il-Ftehim.

    Artikolu 15

    Id-dispożizzjonjiet applikabbli tal-liġi nazzjonali

    L-attivitajiet tal-bastimenti tas-sajd Komunitarji li joperaw fl-ilmijiet tal-Kosta ta’ l-Avorju huma rregolati mil-liġi applikabbli fil-Kosta ta’ l-Avorju, sakemm il-Ftehim, il-Protokoll preżenti, l-Anness u l-appendiċijiet tiegħu ma jistipulawx xort'oħra.

    Artikolu 16

    Ir-Revoka

    Fid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu, dan il-Ftehim jirrevoka u jieħu lok il-Ftehim tas-sajd bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Kosta ta’ l-Avorju dwar is-sajd fiż-żona tas-sajd tal-Kosta ta’ l-Avorju, li daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Diċembru 1990.

    Artikolu 17

    Id-dħul fis-seħħ

    Dan il-Ftehim, miktub f'żewġ kopji bil-Bulgaru, biċ-Ċek, bid-Daniż, bl-Estonjan, bil-Finlandiż, bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bl-Ingliż, bl-Ispanjol, bl-Iżvediż, bil-Latvjan, bil-Litwan, bil-Malti, bl-Olandiż, bil-Pollakk, bil-Portugiż, bir-Rumen, bis-Slovakk, bis-Sloven, bit-Taljan u bl-Ungeriż, b'kull wieħed minn dawn it-testi ugwalment awtentiku, għandu jidħol fis-seħħ fid-data li fiha l-Partijiet jinnotifikaw lil xulxin li jkunu tlestew il-proċeduri interni rispettivi tagħhom meħtieġa għal dan il-għan.

    PROTOKOLL

    li jistipula l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribut finanzjarju previsti fil-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Kosta ta' l-Avorju dwar is-sajd lil hinn mill-Kosta ta' l-Avorju għall-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2007 sat-30 ta’ Ġunju 2013

    Artikolu 1

    Il-perjodu ta’ l-applikazzjoni u l-opportunitajiet ta’ sajd

    1.   Mill-1 ta' Lulju 2007 u għal perjodu ta' erba' snin, l-opportunijtajiet tas-sajd konċessi skond l-Artikolu 5 tal-Ftehim għandhom ikunu kif ġej:

    L-ispeċijiet b'tendenza kbira li jpassu (l-ispeċijiet elenkati fl-Anness 1 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti ta' l-1982):

    bastimenti bil-friża li jistadu għat-tonn bit-tartarun: 25 bastiment,

    bastimenti tas-sajd bil-konzijiet tal-wiċċ: 15-il bastiment.

    2.   Il-paragrafu 1 japplika suġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 4 u 5 ta’ dan il-Protokoll.

    3.   Il-bastimenti li jtajru l-bandiera ta' Stat Membru tal-Komunità Ewropea ma jistgħux iwettqu attivitajiet tas-sajd fiż-żona tas-sajd tal-Kosta ta' l-Avorju ħlief jekk ikollhom liċenzja valida tas-sajd maħruġa mill-Kosta ta' l-Avorju fil-qafas ta' dan il-Protokoll, u bil-metodi deskritti fl-Anness ta' dan il-Protokoll.

    Artikolu 2

    Il-kontribut finanzjarju – Metodi ta’ ħlas

    1.   Il-kontribut finanzjarju previst fl-Artikolu 7 tal-Ftehim huwa magħmul, għall-perjodu stipulat fl-Artikolu 1, minn ammont ta' EUR 455 000 fis-sena ekwivalenti għal tunnellaġġ ta' referenza ta' 7 000 tunnellata fis-sena, u wkoll minn ammont speċifiku ta' EUR 140 000 fis-sena, allokati għall-għajnuna u għall-implimentazzjoni tal-politika settorjali tas-sajd fil-Kosta ta' l-Avorju. Dan l-ammont speċifiku huwa parti integrali mill-kontribut finanzjarju waħdani definit fl-Artikolu 7 tal-Ftehim.

    2.   Il-paragrafu 1 indikat hawn taħt japplika b'riżerva għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 4, 5, 6 u 7 ta’ dan il-Protokoll.

    3.   L-ammont totali skond il-paragrafu 1 (ta' EUR 595 000), huwa mħallas darba fis-sena mill-Komunità matul il-perjodu ta' applikazzjoni ta' dan il-Protokoll.

    4.   Jekk il-kwantità globali ta' ħut maqbuda mill-bastimenti Komunitarji fiż-żoni tas-sajd tal-Kosta ta' l-Avorju jaqbeż it-tunnellaġġ ta' referenza, l-ammont tal-kontribut finanzjarju annwali jitla' għal EUR 65 għal kull tunnellata supplimentari maqbuda. Madankollu, l-ammont totali annwali mħallas mill-Komunità ma jistax jaqbeż id-doppju ta’ l-ammont indikat fil-paragrafu 3 (EUR 1 190 000). Meta l-kwantitajiet maqbuda mill-bastimenti Komunitarji jeċċedu l-kwantitajiet li jikkorrispondu għad-doppju ta' l-ammont totali annwali, l-ammont dovut għall-kwantità li teċċedi dak il-limitu, jitħallas is-sena ta' wara.

    5.   Il-ħlas tal-kontribut finanzjarju skond il-paragrafu 1 għandu jsir sa mhux aktar tard mit-30 ta' Marzu 2008 għall-ewwel sena u sa mhux aktar tard mill-1 ta' Lulju għas-snin segwenti.

    6.   B'riżerva għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 6, l-attribuzzjoni ta' dan il-kumpens taqa' taħt il-ġurisdizzjoni esklussiva ta' l-awtoritajiet tal-Kosta ta' l-Avorju.

    7.   Il-kontribut finanzjarju għandu jiġi ttrasferit f'kont bankarju speċifiku tat-Teżor Pubbliku tal-Kosta ta' l-Avorju.

    Artikolu 3

    Koperazzjoni għal sajd responsabbli – Il-Koperazzjoni xjentifika

    1.   Iż-żewġ Partijiet jimpenjaw irwieħhom sabiex jippromwovu sajd responsabbli fl-ilmijiet tal-Kosta ta' l-Avorju msejjes fuq il-prinċipju tan-nuqqas ta' diskriminazzjoni bejn il-flotot differenti preżenti f'dawn fl-ilmijiet.

    2.   Sakemm jibqa' fis-seħħ dan il-Protokoll, il-Komunità u l-awtoritajiet tal-Kosta ta' l-Avorju ser jagħmlu minn kollox sabiex isegwu t-tibdil li jseħħ fir-riżorsi fiż-żona tas-sajd tal-Kosta ta' l-Avorju.

    3.   Iż-żewġ Partijiet ser jimpenjaw irwieħhom sabiex jippromwovu l-koperazzjoni għal sajd responsabbli fil-livell tas-sottoreġjun, b'mod partikolari fi ħdan il-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn fl-Oċean Atlantiku (ICCAT) u kwalunkwe organizzazzjoni oħra subreġjonali jew internazzjonali kompetenti.

    4.   Skond l-Artikolu 4 tal-Ftehim u abbażi tar-rakkomandazzjonijiet u tar-riżoluzzjonijiet adottati fi ħdan il-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn fl-Oċean Atlantiku (ICCAT) u fid-dawl ta' l-aħjar opinjonijiet xjentifiċi disponibbli, il-Partijiet se jikkonsultaw bejniethom fi ħdan il-Kummissjoni Konġunta regolata mill-Artikolu 9 tal-Ftehim, sabiex jadottaw, bi qbil bejniethom u jekk ikun meħtieġ wara laqgħa xjentifika fil-livell tas-sottoreġjun, miżuri għall-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd li jolqtu l-attivitajiet tal-bastimenti Komunitarji.

    Artikolu 4

    Reviżjoni ta’ l-opportunitajiet ta' sajd bi qbil reċiproku

    1.   L-opportunitajiet ta' sajd stipulati fl-Artikolu 1 jistgħu jiżdiedu bi qbil bejn il-Partijiet sakemm, skond il-konklużjonijiet tal-laqgħa xjentifika regolata mill-paragrafu 4 ta’ l-Artikolu 3, din iż-żieda ma tkunx ta’ dannu għall-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tal-Kosta ta' l-Avorju. F'dan il-każ, il-kontribut finanzjarju stipulat Artikolu 2(1) ikun miżjud proporzjonalment u prorata temporis. Madanakollu, is-somma totali tal-kontribut finanzjarju maħruġa mill-Komunità Ewropea u mmirata għat-tunnellaġġ ta' referenza, ma tistax teċċedi id-doppju tas-somma tal-kontribut finanzjarju previst fl-Artikolu 2(1). Meta l-kwantitajiet maqbuda mill-bastimenti Komunitarji jeċċedu d-doppju ta' 7 000 tunnellata (jiġifieri 14 000 tunnellata) fis-sena, is-somma dovuta għall-kwantità li teċċedi dan il-limitu, titħallas is-sena ta' wara.

    2.   Min-naħa l-oħra jekk il-Partijiet jaqblu dwar l-adozzjoni ta' tnaqqis tal-possibbiltajiet tas-sajd stipulati fl-Artikolu 1, il-kontribut finanzjarju jitnaqqas proporzjonalment u prorata temporis.

    3.   Id-distribuzzjoni ta' l-opportunitajiet ta' sajd bejn il-kategoriji differenti tal-bastimenti tista', bl-istess mod, tiġi sottomessa għar-reviżjoni wara konsultazzjoni u bi ftehim komuni bejn il-Partijiet, fil-kuntest tar-rakkomandazzjoni eventwali tal-laqgħa xjentifika regolata mill-Artikolu 3(4), f'dak li għandu x'jaqsam mal-ġestjoni ta' l-istokkijiet li jistgħu jiġu affettwati minn dan it-tqassim mill-ġdid. Il-Partijiet jaqblu fuq l-aġġustament tal-kontribut finanzjarju jekk dan ikun ġustifikat minħabba t-tqassim mill-ġdid ta' l-opportunitajiet ta' sajd.

    Artikolu 5

    Opportunitajiet ġodda ta' sajd u sajd sperimentali

    1.   F'każ li l-bastimenti tas-sajd Komunitarji jkunu interessati fl-attivitajiet tas-sajd li mhumiex imsemmija fl-Artikolu 1, il-Komunità tikkonsulta mal-Kosta ta' l-Avorju sabiex tinkiseb awtorizazzjoni eventwali għal dawn l-attivitajiet il-ġodda. Jekk ikun meħtieġ, il-Partijiet għandhom jaqblu dwar il-kundizzjonijiet applikabbli għal dawn l-opportunitajiet il-ġodda tas-sajd u jemendaw il-Protokoll u l-Anness tiegħu.

    2.   Il-Partijiet jistgħu iwettqu kampanji ta' sajd sperimentali fiż-żoni tas-sajd tal-Kosta ta' l-Avorju, skond l-opinjoni tal-laqgħa xjentifika prevista fil-paragrafu Artikolu 3(4). Għal dan il-għan, jistgħu jsiru konsultazzjonijiet fuq talba ta' waħda mill-Partijiet sabiex jiddeterminaw, skond il-każ, ir-riżorsi l-ġodda, il-kundizzjonijiet u parametri oħra importanti.

    3.   Il-Partijiet jimplimentaw l-attivitajiet tas-sajd sperimentali skond il-parametri xjentifiċi u amministrattivi adottati bi qbil bejniethom. L-awtorizazzjonijiet għal sajd sperimentali huma miftehma għall-finijiet ta' prova, għal massimu ta' żewġ kampanji ta' sitt xhur 'il waħda, li għandhom jibdew mid-data tad-deċiżjoni meħuda bi ftehim komuni bejn iz-zewġ Partijiet.

    4.   Meta l-Partijiet jiddeterminaw li l-kampanji sperimentali jkunu taw riżultati pożittivi, b'rispett għall-preżervazzjoni ta' l-ekosistemi u għall-konservazzjoni tar-riżorsi marittimi bijoloġiċi, ikunu jistgħu jiġu attribwiti possibbiltajiet ġodda ta' sajd lill-bastimenti Komunitarji skond il-proċedura ta' konċentrazzjoni misjuba fl-Artikolu 4 tal-Protokoll attwali u sa l-iskadenza ta' l-istess, skond l-isforz permessibbli. Għandaqstant il-kumpens ser jiżdied.

    Artikolu 6

    Is-sospensjoni u r-reviżjoni tal-ħlas tal-kontribut finanzjarju f'ċirkostanzi li mhumiex normali

    1.   F'ċirkostanzi li mhumiex normali, għajr fenomini naturali li jwaqqfu l-eżerċizzju ta' l-attivitajiet tas-sajd fiż-Żona Ekonomika Esklussiva (ŻEE) tal-Kosta ta' l-Avorju, il-ħlas tal-kontribut finanzjarju stabbilit bl-Artikolu 2(1), jista' jiġi sospiż mill-Komunità Ewropea. Id-deċiżjoni għal sospensjoni tittieħed wara konsultazzjonijiet bejn iż-żewġ Partijiet sa mhux aktar tard minn xahrejn mid-data tat-talba magħmula minn waħda mill-Partijiet, u bil-kundizzjoni li l-Komunità Ewropea tkun ħallset kwalunkwe ammont dovut fil-mument tas-sospensjoni.

    2.   Il-ħlas tal-kontribut finanzjarju jerġa' jsir dovut minn meta jistabbilixxu l-Partijiet, wara konsultazzjonijiet u bi qbil komuni li ċ-ċirkonstanzi li taw lok għall-waqfien ta' l-attivitajiet tas-sajd jkunu għebu u/jew is-sitwazzjoni hija tali li tippermetti li l-attivitajiet tas-sajd jinbdew mill-ġdid.

    3.   Il-validità tal-liċenzji mogħtija lill-bastimenti Komunitarji, li tkun ġiet sospiża flimkien mal-ħlas tal-kontribut finanzjarju, hija estiża b'perjodu ta' żmien li jkun jikkorrispondi għad-dewmien tas-sospensjoni ta' l-attivitajiet tas-sajd.

    Artikolu 7

    Il-promozzjoni ta' sajd responsabbli fl-ilmijiet tal-Kosta ta' l-Avorju

    1.   100 % tas-somma totali tal-kontribuzzjjoni finanzjarja stipulata fl-Artikolu 2 tikkontribwixxi għall-appoġġ u għall-implimentazzjoni ta' l-inizjattivi fil-qafas tal-politika settorjali tas-sajd, kif definita mill-gvern tal-Kosta ta' l-Avorju.

    Il-ġestjoni ta' l-ammont korrispondenti mill-Kosta ta' l-Avorju huwa bbażat fuq qbil reċiproku bejn iż-żewġ Partijiet, u f'konformità mal-prijoritajiet attwali tal-politika tas-sajd tal-Kosta ta' l-Avorju bil-għan li tiġi assigurata ġestjoni sostenibbli u responsabbli tas-settur, l-għanijiet li jridu jintlaħqu, fosthom l-ippjanar annwali u multijannwali, skond il-paragrafu 2 hawn taħt, notevolment f'dak li jirrigwarda l-kontroll u s-sorveljanza, il-ġestjoni tar-riżorsi u t-titjib tal-kundizzjonijiet sanitarji tal-produzzjoni tal-prodotti tas-sajd u t-tisħiħ tal-kapaċità ta' kontroll ta' l-awtoritajiet kompetenti.

    2.   Fuq proposta tal-Kosta ta' l-Avorju u sabiex jiġi implimentat il-paragrafu preċedenti, il-Komunità u l-Kosta ta' l-Avorju jiftehmu, fi ħdan il-Kumissjoni Konġunta prevista fl-Artikolu 9 tal-Ftehim, sa mid-dħul fis-seħħ tal-Protokoll u sa mhux aktar tard minn tliet xhur mid-dħul fis-seħħ tiegħu, dwar Programm Settorjali Multi-annwali, u dwar kif għandu jiġi applikat, inklużi b'mod partikolari:

    (a)

    l-għażliet fuq bażi annwali u plurinannwali li fuqhom il-perċentwal tal-kontribut finanzjarju stipulat fil-paragrafu 1 imsemmi hawn fuq u l-ammonti speċifiċi għall-inizjattivi meħuda fuq bażi annwali jiġu utilizzati.

    (b)

    l-għanijiet li jridu jintlaħqu fuq bażi annwali u pluriannwali sabiex jitrawwem sajd sostenibbli u responsabbli, filwaqt li jitqiesu l-prijoritajiet tal-Kosta ta' l-Avorju fi ħdan il-politika nazzjonali tas-sajd u ta' politiki oħra konnessi jew li għandhom impatt fuq il-promozzjoni tas-sajd responsabbli u sostenibbli.

    (c)

    il-kriterji u l-proċeduri li jridu jintużaw sabiex issir l-evalwazzjoni tar-riżultati milħuqa, fuq bażi annwali.

    3.   L-emendi kollha proposti għall-Programm Settorjali Multijannwali jew għall-użu tas-somom speċifiċi għall-inizjattivi li se jittieħdu kull sena jridu jiġu approvati miż-żewġ Partijiet fi ħdan il-Kummisjoni Konġunta.

    4.   Kull sena, il-Kosta ta' l-Avorju tiddeċiedi l-koeffiċjent li jikkorrispondi għall-perċentwal imsemmi fil-paragrafu 1 sabiex jiġi implimentat il-Programm multijannwali. Rigward l-ewwel sena ta' validità tal-Protokoll, din l-allokazzjoni trid tiġi trażmessa lill-Komunità fil-mument ta' l-approvazzjoni tal-Programm Settorjali Multijannwali mill-Kummissjoni Konġunta. Għal kull sena segwenti, dan il-koeffiċjent jiġi kkomunikat mill-Kosta ta' l-Avorju lill-Komunità sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Mejju tas-sena preċedenti.

    5.   Jekk l-evalwazzjoni annwali tar-riżultati ta' l-implimentazzjoni tal-Programm Settorjali Multijannwali tiġġustifikah, il-Komunità Ewropea tkun tista' titlob aġġustament mill-ġdid tas-somma allokata għall-appoġġ u għall-implimentazzjoni tal-politika settorjali tas-sajd tal-Kosta ta' l-Avorju, li tagħmel parti mill-kontribut finanzjarju msemmi fl-Artikolu 2(1) ta' dan il-Protokoll, sabiex is-somma effettiva tal-fondi allokati għall-implimentazzjoni tal-Programm tiġi adattata għal dawn ir-riżultati.

    Artikolu 8

    Nuqqasijiet ta' qbil – is-sospensjoni ta' l-applikazzjoni tal-Protokoll

    1.   Kull nuqqas ta’ qbil bejn il-Partijiet dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Protokoll u l-applikazzjoni tiegħu għandu jitressaq għall-konsultazzjoni bejn il-Partijiet fi ħdan il-Kummissjoni Konġunta stipulata fl-Artikolu 9 tal-Ftehim, u jekk meħtieġ, għandha tissejjaħ laqgħa straordinarja.

    2.   Mingħajr ħsara għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 9, l-applikazzjoni tal-Protokoll tista’ tiġi sospiża fuq inizjattiva ta’ xi waħda mill-Partijiet meta n-nuqqas ta’ qbil bejn iż-żewġ Partijiet jitqies bħala wieħed serju u l-konsultazzjonijiet li jkunu saru fi ħdan il-Kummissjoni Konġunta skond l-ewwel paragrafu ma jkunux wasslu għal soluzzjoni bonarja.

    3.   Is-sospensjoni ta’ l-applikazzjoni tal-Protokoll hija soġġetta għan-notifika mill-Parti interessata ta’ l-intenzjoni tagħha, liema notifika għandha tkun bil-miktub u ta' mhux anqas minn tliet xhur qabel id-dħul fis-seħħ ta' din is-sospensjoni.

    4.   F’każ ta’ sospensjoni, il-Partijiet għandhom ikomplu bil-konsultazzjonijiet sabiex ifittxu soluzzjoni bonarja għad-diverġenzi ta' bejniethom. Meta tinkiseb tali soluzzjoni, il-Protokoll jibda japplika mill-ġdid u s-somma tal-kontribut finanzjarju għandha titnaqqas b’mod proporzjonali u prorata temporis skond it-tul ta’ żmien li matulu l-applikazzjoni tal-Protokoll kienet sospiża.

    Artikolu 9

    Is-sospensjoni ta' l-applikazzjoni tal-Protokoll minħabba n-nuqqas ta' ħlas

    Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 6, f’każ li l-Komunità Ewropea tonqos milli tagħmel il-ħlasijiet previsti fl-Artikolu 2, l-applikazzjoni ta’ dan il-Protokoll tista’ tiġi sospiża bil-kondizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    L-awtoritajiet kompetenti tal-Kosta ta' l-Avorju jibagħtu notifika lill-Kummissjoni Ewropea dwar in-nuqqas ta’ ħlas. Din tgħaddi għall-verifiki meħtieġa u jekk ikun il-każ għall-ħlas sa mhux aktar tard minn 60 jum ta' xogħol, li għandhom jibdew jgħoddu mid-data li fiha l-Kummissjoni tkun ġiet notifikata.

    (b)

    Fin-nuqqas ta’ ħlas jew ġustifikazzjoni xierqa għan-nuqqas ta’ ħlas fiż-żmien stipulat fl-Artikolu 2(5) ta' dan il-protokoll, l-awtoritajiet kompetenti tal-Kosta ta' l-Avorju ikunu fid-dritt li jissospendu l-applikazzjoni ta’ dan il-Protokoll. Għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni Ewropea f'dan ir-rigward minnufih.

    (c)

    Il-Protokoll jibda japplika mill-ġdid, hekk kif isir il-pagament.

    Artikolu 10

    Id-dispożizzjonjiet applikabbli tal-liġi nazzjonali

    L-attivitajiet tal-bastimenti tas-sajd Komunitarji li joperaw fl-ilmijiet tal-Kosta ta' l-Avorju huma regolati mil-liġi applikabbli fil-Kosta ta' l-Avorju, sakemm il-Ftehim, il-Protokoll preżenti, l-Anness u l-appendiċijiet tiegħu ma jistipulawx xort'oħra.

    Artikolu 11

    Klawsola tar-reviżjoni

    Meta dan il-Protokoll u l-Anness tiegħu jkunu ilhom fis-seħħ tliet snin, il-partijiet għandhom jeżaminaw mill-ġdid l-applikazzjoni tal-Protokoll u l-Anness tiegħu u, jekk ikun meħtieġ, jikkonsultaw bejniethom fi ħdan il-Kummissjoni Konġunta fir-rigward ta' kwalunkwe emenda għad-dispożizzjonijiet tagħhom. Dawn l-emendi jistgħu jinkludu t-tunnellaġġ ta' referenza u l-ammonti b'rata fissa li jitħallsu għal-liċenzji.

    Artikolu 12

    Revoka

    L-Anness għall-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika tal-Kosta ta' l-Avorju dwar is-sajd 'il barra mill-Kosta ta' l-Avorju huwa rrevokat u sostitwit bl-Anness għal dan il-Protokoll.

    Artikolu 13

    Dħul fis-seħħ

    1.   Dan il-Protokoll u l-Anness tiegħu jidħlu fis-seħħ fid-data li fiha l-Partijiet jinnotifikaw lil xulxin bit-tlestija tal-proċeduri meħtieġa fir-rigward.

    2.   Isiru applikabbli mill-1 ta’ Lulju 2007.

    ANNESS

    KUNDIZZJONIJIET LI JIRREGOLAW IS-SAJD TAL-BASTIMENTI TAL-KOMUNITÀ FIŻ-ŻONA TAS-SAJD TAL-KOSTA TA’ L-AVORJU

    KAPITOLU I

    Formalitajiet applikabbli għat-talba u għall-ħruġ tal-liċenzji

    SEZZJONI 1

    Ħruġ tal-liċenzji

    1.   Huma biss il-bastimenti eliġibbli li jistgħu jingħataw liċenzja sabiex jistadu fiż-żona tas-sajd tal-Kosta ta’ l-Avorju.

    2.   Sabiex bastiment ikun eliġibbli, is-sid, il-kaptan u l-bastiment innifsu ma għandhomx ikunu pprojbiti mill-attivitajiet tas-sajd tal-Kosta ta’ l-Avorju. Jeħtiġilhom ikunu f'qagħda regolari ma’ l-amministrazzjoni tal-Kosta ta’ l-Avorju, fis-sens li jridu jkunu meħlusa mill-obbligi kollha preċedenti li jirriżultaw mill-attivitajiet tas-sajd tagħhom fil-Kosta ta’ l-Avorju fil-qafas ta’ kull ftehim tas-sajd konkluż mal-Komunità.

    3.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Komunità għandhom iressqu talba (elettronikament) lill-Ministru responsabbli mis-sajd fil-Kosta ta’ l-Avorju, għal kull bastiment li jixtieq jistad jew jassisti fl-attività tas-sajd bis-saħħa tal-Ftehim, mill-anqas 30 jum tax-xogħol qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-validità mitluba.

    4.   It-talbiet huma ppreżentati lill-ministeru responsabbli għas-sajd skond il-formoli li l-format tagħhom jinsab fl-Appendiċi I. L-awtoritajiet tal-Kosta ta’ l-Avorju għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex l-informazzjoni li jirċievu fil-qafas tat-talba għal-liċenzji, tkun trattata b'mod kunfidenzjali. Din l-informazzjoni tintuża biss fil-kuntest ta’ l-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar is-sajd.

    5.   Kull talba għal-liċenzja għandu jkollha magħha d-dokumenti li ġejjin:

    prova tas-somma mħallsa minn qabel għall-perjodu tal-validità tagħha,

    kull dokument jew ċertifikat ieħor meħtieġ skond id-dispożizzjonijiet partikolari li japplikaw għat-tip ta’ bastiment ikkonċernat skond dan il-Protokoll.

    6.   Il-ħlas ta’ l-ammont dovut għall-liċenzja għandu jsir fil-kont indikat mill-awtoritajiet tal-Kosta ta’ l-Avorju skond l-Artikolu 2(7) tal-Protokoll.

    7.   Il-ħlasijiet jinkludu t-taxxi kollha nazzjonali u lokali esklużi t-taxxi tal-port u ammonti dovuti għall-provvista ta’ servizzi.

    8.   Il-liċenzji għall-bastimenti kollha għandhom jinħarġu fi żmien 15-il jum tax-xogħol minn meta l-ministeru responsabbli għas-sajd fil-Kosta ta’ l-Avorju jirċievi d-dokumentazzjoni kollha stipulata f'punt 6 hawn fuq, lis-sidien tal-bastimenti jew lir-rappreżentanti tagħhom mill-intermedjarju tad-delegazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea fil-Kosta ta’ l-Avorju.

    9.   Il-liċenzja tinħareġ f'isem il-bastiment indikat u mhix trasferibbli.

    10.   Madanakollu, fuq talba tal-Komunità Ewropea u f'każ ta’ prova ta’ forza maġġuri, il-liċenzja ta’ bastiment għandha tiġi sostitwita b'liċenzja ġdida li tinħareġ fuq bastiment ieħor ta’ l-istess kategorija tal-bastiment sostitwit, kif stipulat fl-Artikolu 1 tal-Protokoll, mingħajr ħlas ulterjuri. F'dan il-każ, il-kalkolu tal-livell ta’ ħut maqbud għad-determinazzjoni tal-ħlas eventwali addizzjonali għandu jikkunsidra t-total tal-ħut maqbud miż-żewġ bastimenti.

    11.   Is-sid tal-bastiment li jkun qed jiġi sostitwit, jew ir-rappreżentant tiegħu, għandu jagħti lura l-liċenzja annullata lill-ministeru responsabbli għas-sajd fil-Kosta ta’ l-Avorju permezz ta’ l-intermedjarju tad-Delegazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea.

    12.   Id-data li fiha l-liċenzja l-ġdida issir effettiva hija dik li fiha sid il-bastiment jagħti lura l-liċenzja annullata lill-ministeru responsabbli għas-sajd fil-Kosta ta’ l-Avorju. Id-Delegazzjoni tal-Komunità Ewropea fil-Kosta ta’ l-Avorju għandha tiġi mgħarrfa dwar it-trasferiment tal-liċenzja.

    13.   Il-liċenzja għandha tinżamm abbord f'kull ħin. Il-Komunità Ewropea żżomm aġġornament ta’ l-abbozz tal-lista ta’ bastimenti li għalihom saret talba għal-liċenzja tas-sajd skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Protokoll. Dan l-abbozz jiġi nnotifikat lill-awtoritajiet tal-Kosta ta’ l-Avorju hekk kif jiġi ffinalizzat u eventwalment kull darba li jiġi aġġornat. Meta jiġi rċevut dan l-abbozz tal-lista kif ukoll in-notifika tal-ħlas bil-quddiem indirizzata mill-Komunità Ewropea lill-awtoritajiet tal-pajjiż kostali, il-bastiment jiġi reġistrat mill-awtorità kompetenti tal-Kosta ta’ l-Avorju fuq lista tal-bastimenti awtorizzati li jistadu, li tiġi notifikata lill-awtoritajiet responsabbli mill-kontroll tas-sajd. F’dan il-każ, kopja ta’ din il-lista tintbagħat lil sid il-bastiment u għandha tinżamm abbord, minflok il-liċenzja tas-sajd, sakemm tiġi mibgħuta din ta’ l-aħħar.

    14.   Iż-żewġ Partijiet jaqblu li jippromwovu l-implimentazzjoni ta’ sistema għal-liċenzji msejsa esklussivament fuq l-iskambju elettroniku ta’ l-informazzjoni kollha u tad-dokumenti deskritti hawn fuq. Iż-żewġ Partijiet jaqblu li jippromwovu mill-aktar fis possibbli s-sostituzzjoni tal-liċenzja tal-karti bl-ekwivalenti elettronika, bħal-lista tal-bastimenti awtorizzati sabiex jistadu fiż-żona tas-sajd tal-Kosta ta’ l-Avorju.

    SEZZJONI 2

    Il-kundizzjonijiet tal-liċenzja – ħlasijiet u ħlasijiet bil-quddiem

    1.   Il-liċenzi għandhom validità ta’ sena. Jistgħu jiġġeddu.

    2.   Il-ħlas stabbilit huwa ta’ EUR 35 għal kull tunnellata maqbuda fiż-żona tas-sajd tal-Kosta ta’ l-Avorju għall-bastimenti li jistadu għat-tonn bit-tartarun u għall-bastimenti li jistadu bil-konz tal-wiċċ.

    3.   Il-liċenzji jinħarġu wara li jsir il-ħlas lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ta’ l-ammonti segwenti:

    EUR 3 850 għal kull bastiment għas-sajd tat-tonn bit-tartarun, ekwivalenti għall-ammonti dovuti għal 110 tunnellata fis-sena,

    EUR 1 400 għal kull bastiment għas-sajd tat-tonn bit-tartarun, ekwivalenti għall-ammonti dovuti għal 40 tunnellata fis-sena.

    4.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni Ewropea sa mhux aktar tard mill-15 ta’ Ġunju ta’ kull sena, dwar it-tunnellaġġ tal-qabdiet li jkunu saru matul is-sena li tkun għadha kif għaddiet, kif konfermat mill-istituti xjentifiċi regolati minn punt 5 aktar 'il quddiem.

    5.   It-tnaqqis finali ta’ l-ammonti dovuti fuq bażi annwali huwa deċiż mill-Kummissjoni Ewropea sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Lulju tas-sena n+1, abbażi tad-dikjarazzjonijiet dwar il-qabdiet magħmula minn kull sid ta’ bastiment u konfermati mill-istituti xjentifiċi kompetenti sabiex jivverifikaw l-informazzjoni dwar il-qabdiet fl-Istati Membri, bħalma huma l-IRD (Institut de Recherche pour le Développement), l-IEO (Instituto Español de Oceanografia), l-IPIMAR (Instituto Português de Investigaçao Maritima) u ċ-Ċentru tar-Riċerki Oċeanoloġiċi (CRO) tal-Kosta ta’ l-Avorju. Dan huwa trażmess permezz ta’ l-intermedjarju tad-Delegazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea.

    6.   It-tnaqqis għandu jiġi nnotifikat fl-istess waqt lill-ministeru responsabbli għas-sajd fil-Kosta ta’ l-Avorju u lis-sidien tal-bastimenti.

    7.   Kull ħlas addizzjonali eventwali għall-kwantitajiet maqbuda li jeċċedu l-110 tunnelati għall-bastimenti tat-tonn bit-tartarun u l-40 tunnellata għall-bastimenti bil-konzijiet tal-wiċċ għandu jsir mis-sidien tal-bastimenti lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Kosta ta’ l-Avorju sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Awissu tas-sena n+1, fil-kont imsemmi f'paragrafu 6 ta’ l-1 Sezzjoni ta’ dan il-Kapitolu, bir-rata ta’ EUR 35 għal kull tunnellata.

    8.   Madanakollu, jekk it-tnaqqis finali jkun inqas mis-somma mħallsa bil-quddiem skond punt 3 tas-sezzjoni preżenti, l-ammont residwu korrispondenti ma jistax jiġi rkuprat minn sid il-bastiment.

    KAPITOLU II

    Iż-żoni tas-sajd

    1.   Il-bastimenti tal-Komunità jkunu jistgħu jistadu fl-ilmijiet lil hinn mit-12-il mil nawtiku mill-linji tal-bażi fil-każ tal-bastimenti tas-sajd għat-tonn bit-tartarun u tal-bastimenti tas-sajd għat-tonn bil-konzijiet tal-wiċċ.

    KAPITOLU III

    Id-dikjarazzjoni tal-qabdiet tal-ħut

    1.   Għall-finijiet ta’ dan l-Anness, il-perjodu ta’ żmien li matulu bastiment Komunitarju jkun fiż-żona tas-sajd tal-Kosta ta’ l-Avorju, huwa definit kif ġej:

    il-żmien li jgħaddi bejn id-dħul u l-ħruġ miż-żona tas-sajd tal-Kosta ta’ l-Avorju,

    iż-żmien li jgħaddi bejn id-dħul fiż-żona tas-sajd tal-Kosta ta’ l-Avorju u t-trasbord u/jew l-iżbark fil-Kosta ta’ l-Avorju.

    2.   Il-bastimenti kollha awtorizzati li jistadu fl-ilmijiet tal-Kosta ta’ l-Avorju fil-qafas tal-Ftehim, għandhom jinnotifikaw il-qabdiet tagħhom lill-ministeru inkarigat mis-sajd fil-Kosta ta’ l-Avorju, sabiex dawn l-awtoritajiet ikunu jistgħu jikkontrollaw il-kwantitajiet tal-qabdiet kif ikkonfermati mill-istituti xjentifiċi kompetenti, skond il-proċedura stipulata f'Kapitolu I sezzjoni 2, parti 4 ta’ dan l-anness. Il-qabdiet għandhom ikunu notifikati kif ġej:

    2.1

    Matul perjodu ta’ sena ta’ validità tal-liċenzja, fis-sens ta’ Sezzjoni 2 tal-Kapitolu 1 ta’ l-Anness preżenti, id-dikjarazzjonijiet għandhom jinkludu l-qabdiet tal-bastiment għal kull vjaġġ. L-oriġinal tad-dikjarazzjonijiet għandu jiġi nnotifikat lill-ministeru responsabbli mis-sajd fil-Kosta ta’ l-Avorju, permezz ta’ prova fiżika, fi żmien 45 jum mill-aħħar vjaġġ magħmul fil-perjodu msemmi. Barra minn hekk dawn in-notifiki għandhom isiru bil-fax (225 21 35 04 09 jew 225 21 35 63 15) inkella permezz tal-posta elettronika.

    2.2

    Il-bastimenti għandhom jiddikjaraw il-qabdiet tagħhom permezz tal-formola rilevanti li tinsab fil-ġurnal ta’ abbord, li l-mudell tagħha jinsab f'appendiċi 2. Għall-perjodi li matulhom il-bastiment ma jkunx fiż-żona tas-sajd tal-Kosta ta’ l-Avorju, huwa marbut li jdaħħal nota fil-ġurnal ta’ abbord bir-referenza segwenti: “Il Barra miż-Żona tas-Sajd tal-Kosta ta’ l-Avorju”.

    2.3

    Il-formoli għandhom jimtlew b'mod li jinqara faċilment u għandhom ikunu iffirmati mill-kaptan tal-bastiment jew mir-rappreżentant legali tiegħu.

    2.4.

    Id-dikjarazzjonijiet dwar il-qabdiet għandhom ikunu affidabbli sabiex tkun tista’ tissegwa l-evoluzzjoni ta’ l-istokkijiet.

    3.   F'każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, il-Gvern tal-Kosta ta’ l-Avorju jirriżerva d-dritt li jissospendi l-liċenzja tal-bastiment inkriminat sakemm il-formalità tiġi sodisfatta, u li jimponi l-penali fuq sid il-bastiment skond ir-regoli fis-seħħ fil-Kosta ta’ l-Avorju. Il-Kummissjoni Ewropea u l-Istat tal-bandiera għandhom jiġu infurmati b'dan.

    4.   Iż-żewġ Partijiet jaqblu li jippromwovu sistema għad-dikjarazzjoni tal-qabdiet imsejsa eklussivament fuq l-iskambju elettroniku ta’ l-informazzjoni u tad-dokumenti kollha deskritti aktar 'il fuq. Iż-żewġ Partijiet jaqblu li jippromwovu s-sostituzzjoni tad-dikjarazzjoni bil-miktub (il-ġurnal ta’ abbord) bl-ekwivalenti f'forma elettronika, mill-aktar fis possibbli.

    KAPITOLU IV

    L-Imbark tal-baħrin

    1.   Is-sidien tal-bastimenti tas-sajd għat-tonn bit-tartarun u tal-bastimenti tas-sajd għat-tonn bil-konzijiet tal-wiċċ jimpenjaw ruħhom sabiex jimpjegaw ċittadini mill-pajjjiżi AKP bil-kundizzjonijiet u fil-limiti li ġejjin:

    għall-flotta tal-bastimenti tas-sajd għat-tonn bit-tartarun, mill-inqas 20 % tal-baħrin li jitilgħu abbord matul il-kampanja tas-sajd għat-tonn fiż-żona tas-sajd tal-pajjiż terz għandhom ikunu ġejjin minn pajjiżi AKP,

    għall-flotta tal-bastimenti bil-konzijiet tal-wiċċ, mill-inqas 20 % tal-baħrin li jitilgħu abbord matul il-kampanja tas-sajd fiż-żona tas-sajd tal-pajjiż terz għandhom ikunu ġejjin minn pajjiżi AKP.

    2.   Is-sidien tal-bastimenti għandhom jimpenjaw irwieħhom sabiex itellgħu abbord baħrin supplimentari mill-pajjiżi AKP.

    3.   Id-Dikjarazzjoni ta’ l-Organizazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar il-prinċipji u d-drittijiet fundamentali tax-xogħol, għandha tapplika fl-intier tagħha għall-baħrin li jittellgħu abbord bastimenti Komunitarji. B'mod partikolari l-applikazzjoni tad-dritt ta’ assoċjazzjoni u ta’ l-għarfien effettiv tad-dritt għan-negozjar kollettiv tal-ħaddiema u l-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni fil-qasam ta’ l-impjiegi u tal-professjonijiet.

    4.   Il-kuntratti tax-xogħol tal-baħrin ta’ l-AKP, li kopja tagħhom qed tingħata lill-firmatarji ta’ dawn il-kuntratti, isiru bejn ir-rappreżentant(i) tas-sidien tal-bastimenti u l-baħrin u/jew it-trejdjunjins jew ir-rappreżentanti tagħhom. Dawn il-kuntratti jiggarantixxu lill-baħrin il-benefiċċju tas-sistema tas-sigurtà soċjali applikabbli għalihom, li tinkludi assigurazzjoni f’każ ta’ mewt, mard u inċident.

    5.   Is-salarju tal-baħrin ta’ l-AKP jitħallas mis-sidien tal-bastimenti. Għandu jiġi ffissat bi qbil komuni bejn is-sidien tal-bastimenti jew ir-rappreżentanti tagħhom u l-baħrin u/jew it-trejdjunjins jew ir-rappreżentanti tagħhom. Madankollu, il-kundizzjonijiet ta’ ħlas tal-baħrin ta’ l-AKP ma jistgħux ikunu agħar minn dawk applikabbli għall-ekwipaġġi tal-pajjiż rispettiv tagħhom u fi kwalunkwe każ ma jistgħux ikunu inferjuri għall-istandards ta’ l-ILO.

    6.   Kull baħri impjegat mill-bastimenti tal-Komunità għandu jippreżenta ruħu lill-kaptan tal-bastiment maħtur lejlet id-data proposta għall-imbarkazzjoni tiegħu. Jekk il-baħri ma jkunx preżenti fid-data u l-ħin previsti għall-imbarkazzjoni, sid il-bastiment jiġi awtomatikament liberat mill-obbligu ta’ l-imbarkazzjoni ta’ dak il-baħri.

    KAPITOLU V

    Il-Miżuri tekniċi

    Il-bastimenti għandhom josservaw il-miżuri u r-rakkomandazzjonijiet adottati mill-ICCAT għar-reġjun, għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l-inġenji tas-sajd, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tagħhom u kull miżura teknika oħra li tapplika għall-attivitajiet tas-sajd tagħhom.

    KAPITOLU VI

    L-Osservaturi

    1.   Il-bastimenti awtorizzati jistadu fl-ilmijiet tal-Kosta ta’ l-Avorju fil-qafas tal-Ftehim jistgħu itellgħu abbord osservaturi magħżula mill-organizazzjoni reġjonali tas-sajd (ORP) kompetenti, bil-kondizzjonijiet stabbiliti hawn taħt.

    1.1

    Fuq talba ta’ l-awtorità kompetenti, il-bastimenti Komunitarji jtellgħu abbord osservatur maħtur minnha, li jkollu l-kompitu li jivverifika l-qabdiet li jkunu saru fl-ilmijiet tal-Kosta ta’ l-Avorju.

    1.2

    L-awtorità kompetenti tistabbilixxi lista tal-bastimenti magħżula sabiex itellgħu osservatur abbord, kif ukoll lista ta’ l-osservaturi maħtura sabiex jittellgħu abbord. Dawn il-listi għandhom jinżammu aġġornati. Dawn għandhom jiġu notifikati lill-Kummissjoni Ewropea hekk kif jiġu stabbiliti u mbagħad kull tliet xhur fir-rigward ta’ l-aġġornament eventwali tagħhom.

    1.3

    L-awtorità kompetenti għandha tinnotifika lis-sidien tal-bastimenti jew lir-rappreżentanti tagħhom bl-isem ta’ l-osservatur nominat sabiex jittella' abbord il-bastiment tagħhom u dan mal-ħruġ tal-liċenzja jew sa mhux aktar tard minn 15-il jum qabel id-data stipulata sabiex l-osservatur jittella' abbord.

    2.   L-osservatur jibqa' abbord il-bastiment għal vjaġġ wieħed. Madankollu, fuq talba espliċita ta’ l-awtoritajiet kompetenti tal-Kosta ta’ l-Avorju, il-perjodu li matulu l-osservatur jibqa' abbord jista’ jiġi estiż għal diversi vjaġġi skond it-tul taż-żmien medju tal-vjaġġi previsti għall-bastiment partikolari. Din it-talba għandha ssir mill-awtorità kompetenti meta jiġi notifikat l-isem ta’ l-osservatur maħtur sabiex jitla' abbord il-bastiment konċernat.

    3.   Il-kundizzjonijiet għat-tlugħ abbord ta’ l-osservatur għandhom jiġu maqbula bi ftehim komuni bejn is-sid tal-bastimenti jew ir-rappreżentant tiegħu u l-awtorità kompetenti.

    4.   It-tlugħ abbord ta’ l-osservatur għandu jsir fil-port magħżul minn sid il-bastiment fil-bidu ta’ l-ewwel vjaġġ fl-ilmijiet tas-sajd tal-Kosta ta’ l-Avorju, wara n-notifika tal-lista tal-bastimenti magħżula.

    5.   Is-sidien ikkonċernati għandhom, fi żmien ġimgħatejn u b'avviż minn qabel ta’ għaxart ijiem, jinnotifikaw id-dati u l-portijiet tas-sottoreġjun, previsti għat-tlugħ abbord ta’ l-osservaturi.

    6.   Jekk l-osservatur jittella' abbord f'pajjiż li jinsab 'il barra mis-sotto-reġjun, l-ispejjeż tal-vjaġġ ta’ l-osservatur għandhom jitħallsu minn sid il-bastiment. Jekk bastiment li jkollu osservatur reġjonali abbord joħroġ miż-żona tas-sajd reġjonali, għandhom jittieħdu l-miżuri kollha sabiex jiġi assigurat li l-osservatur jittieħed lura f’pajjiżu malajr kemm jista’ jkun, bl-ispejjeż li għandhom jiġu mħallsa minn sid il-bastiment.

    7.   Jekk l-osservatur ma jkunx preżenti fil-ħin u fil-post miftiehem u matul it-12-il siegħa mill-ħin miftiehem, sid il-bastiment ikun awtomatikament meħlus mill-obbligu tiegħu li jtella' lil dak l-osservatur abbord.

    8.   Meta jkun abbord, l-osservatur għandu jiġi ttrattat bħala uffiċjal. Meta l-bastiment ikun qed jopera fl-ilmjiet tal-Kosta ta’ l-Avorju, għandu jwettaq id-dmirijiet segwenti:

    8.1

    josserva l-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti;

    8.2

    jivverifika l-pożizzjoni tal-bastimenti impenjati fl-attivitajiet tas-sajd;

    8.3

    jipproċedi f’ħidmiet ta’ ġbir ta’ kampjuni bijoloġiċi fil-qafas tal-programmi xjentifiċi;

    8.4

    jinnota l-irkaptu tas-sajd użat;

    8.5

    jivverifika l-informazzjoni li tidher fil-ġurnal ta’ abbord dwar il-qabdiet li jkunu saru fl-ilmijiet tal-Kosta ta’ l-Avorju;

    8.6

    jivverifika l-perċentwali tal-qabdiet addizzjonali u jagħmel stima tal-volum ta’ l-ispeċijiet ta’ ħut mormija li huma tajbin għall-kummerċ;

    8.7

    jikkomunika, permezz ta’ kull mezz xieraq, l-informazzjoni dwar is-sajd, inkluż il-volum tal-qabdiet prinċipali u addizzjonali li jkunu abbord.

    9.   Il-kaptan għandu jagħmel dak kollu li hu fil-poter tiegħu sabiex jiżgura is-sigurtà fiżika u morali ta’ l-osservatur fit-twettiq ta’ dmirijietu.

    10   L-osservatur għandu jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu l-faċilitajiet kollha neċessarji għat-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu. Il-kaptan għandu jagħtih aċċess għall-mezzi ta’ komunikazzjoni meħtieġa għall-eżerċizzju tal-kompiti tiegħu, għad-dokumenti marbuta direttament ma’ l-attivitajiet tas-sajd tal-bastiment, li jinkludu b’mod partikolari l-ġurnal ta’ abbord u l-ġurnal tan-navigazzjoni, kif ukoll għall-Partijiet tal-bastiment meħtieġa sabiex ikun jista’ jwettaq il-kompiti tiegħu aktar faċilment.

    11.   Waqt li jkun abbord, l-osservatur għandu:

    11.1

    jieħu l-miżuri kollha xierqa sabiex il-kundizzjonijiet tat-tlugħ tiegħu abbord, kif ukoll il-preżenza tiegħu fuq il-bastiment, ma jinterrompux u lanqas itellfu l-ħidmiet tas-sajd,

    11.2

    jirrispetta l-proprjetà u l-irkaptu li jinsabu fuq il-bastiment, kif ukoll il-kunfidenzjalità ta’ kull dokument li jappartjeni lill-bastiment rilevanti.

    12.   Fi tmiem il-perjodu ta’ l-osservazzjoni u qabel ma jitlaq minn fuq il-bastiment, l-osservatur għandu jagħmel rapport ta’ l-attivitajiet, li għandu jintbagħat lill-awtoritajiet kompetenti b'kopja tiegħu tintbagħat lill-Kummissjoni Ewropea. Għandu jiffirmah fil-preżenza tal-kaptan li jista’ jżid jew jitlob li jiżdiedu l-osservazzjonijiet kollha li huwa jqis li huma utli u jiffirma taħthom. Kopja tar-rapport għandha tingħata lill-kaptan qabel ma l-osservatur jitniżżel l-art.

    13.   Sid il-bastiment huwa responsabbli għall-ispejjeż ta’ l-akkomodazzjoni u ta’ l-ikel ta’ l-osservatur bl-istess kundizzjonijiet li japplikaw għall-uffiċjali, skond il-possibbiltajiet prattiċi tal-bastiment.

    14.   Is-salarju u l-kontribuzzjonijiet soċjali ta’ l-osservatur għandhom jitħallsu mill-awtoritajiet kompetenti.

    15.   Il-Partijiet għandhom jikkonsultaw lill-pajjiżi terzi interessati, mill-aktar fis possibbli dwar id-definizzjoni ta’ sistema ta’ osservaturi reġjonali u l-għażla ta’ l-organizzazzjoni reġjonali tas-sajd kompetenti. Fl-istennija ta’ l-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ osservaturi reġjonali, il-bastimenti awtorizzati li jistadu fiż-żona tas-sajd tal-Kosta ta’ l-Avorju fil-qafas tal-Ftehim għandhom itellgħu abbord, minflok u fil-post ta’ l-osservaturi reġjonali, osservaturi maħtura mill-awtoritajiet kompetenti tal-Kosta ta’ l-Avorju skond ir-regoli stabbiliti aktar 'il fuq.

    KAPITOLU VII

    Il-kontroll

    1.   Skond il-punt 13 tas-Sezzjoni 1 ta’ dan l-Anness, il-Komunità Ewropea għandha żżomm aġġornat l-abbozz tal-lista ta’ bastimenti li nħarġitilhom liċenzja tas-sajd skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Protokoll. Din il-lista għandha tiġi notifikata lill-awtoritajiet tal-Kosta ta’ l-Avorju inkarigati mill-kontroll tas-sajd hekk kif tiġi stabbilita u sussegwetament kull meta tiġi aġġornata.

    2.   Hekk kif jiġi rċevut l-abbozz tal-lista kif ukoll in-notifika tal-ħlas bil-quddiem (stipulat f'punt 3 ta’ sezzjoni 2 tal-kapitolu 1 ta’ l-anness preżenti) indirizzat mill-Kummissjoni Ewropea lill-awtoritajiet tal-pajjiż kostali, il-bastiment jiġi reġistrat mill-awtorità kompetenti tal-Kosta ta’ l-Avorju fuq lista tal-bastimenti awtorizzati sabiex jistadu, li tiġi notifikata lill-awtoritajiet responsabbli mill-kontroll tas-sajd. F’dan il-każ, kopja ta’ din il-lista tintbagħat lil sid il-bastiment u għandha tinżamm abbord, minflok il-liċenzja tas-sajd, sakemm tasal din ta’ l-aħħar.

    3.   Id-dħul fiż-żona u l-ħruġ minnha:

    3.1   Il-bastimenti Komunitarji għandhom jinnotifikaw, mill-inqas minn 3 sigħat qabel, lill-awtoritajiet kompetenti tal-Kosta ta’ l-Avorju inkarigati mill-kontroll tas-sajd, bl-intenzjoni tagħhom li jidħlu jew joħorġu miż-żona tas-sajd tal-Kosta ta’ l-Avorju. Għandhom jiddikjaraw ukoll il-kwantitajiet totali u l-ispeċijiet abbord.

    3.2   Meta jinnotifika l-ħruġ tiegħu, kull bastiment għandu wkoll jagħti l-pożizzjoni tiegħu. Dawn in-notifiki għandhom isiru bil-fax (225 21 35 04 09 jew 225 21 35 63 15) inkella permezz tal-posta elettronika (…) jew, fin-nuqqas ta’ dan, bir-radju (Kodiċi tar-radju: …).

    3.3   Bastiment li jinqabad jistad mingħajr ma jkun avża lill-awtorità kompetenti tal-Kosta ta’ l-Avorju jitqies bħala bastiment li kiser il-liġi.

    3.4   In-numri tal-fax u tat-telefon kif ukoll l-indirizz elettroniku jingħataw ukoll meta tinħareġ il-liċenza tas-sajd.

    4.   Il-Proċeduri ta’ kontroll

    4.1   Il-kaptani tal-bastimenti tal-Komunità li jkunu involuti f’attivitajiet ta’ sajd fl-ilmijiet tas-sajd tal-Kosta ta’ l-Avorju għandhom jippermettu u jiffaċilitaw l-imbark u t-twettiq tad-dmirijiet ta’ kull uffiċjal tal-Kosta ta’ l-Avorju inkarigat mill-ispezzjoni u l-kontroll ta’ l-attivitajiet tas-sajd.

    4.2   Il-preżenza abbord ta’ dawn l-uffiċjali ma taqbiżx iż-żmien meħtieġ għat-twettiq tal-kompitu tagħhom.

    4.3   Wara kull spezzjoni u kontroll, tingħata dikjarazzjoni lill-kaptan tal-bastiment.

    5.   Il-kontroll bis-satellita

    5.1   Il-bastimenti kollha Komunitarji li jistadu fil-qafas ta’ dan il-Ftehim ser ikunu sorveljati permezz tas-satellita skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Appendiċi 3. Dawn id-dispożizzjonijiet jidħlu fis-seħħ fl-għaxar jum min-notifika mill-Gvern tal-Kosta ta’ l-Avorju lid-Delegazzjoni tal-Komunità Ewropea fil-Kosta ta’ l-Avorju, li ċ-Ċentru tas-Sorveljanza tas-Sajd tal-Kosta ta’ l-Avorju (CSP) ikun beda jiffunzjona.

    6.   L-ispezzjoni

    6.1   L-awtoritajiet kompetenti tal-Kosta ta’ l-Avorju għandhom jinfurmaw lill-Istat tal-bandiera u lill-Kummissjoni Ewropea, fi żmien massimu ta’ 36 siegħa, b’kull spezzjoni u b’kull applikazzjoni ta’ sanzjoni fuq bastiment Komunitarju, li jkun daħal fl-ilmijiet tas-sajd tal-Kosta ta’ l-Avorju.

    6.2   L-Istat tal-bandiera u l-Kummissjoni Ewropea għandhom jirċievu fl-istess waqt rapport qasir dwar iċ-ċirkostanzi u r-raġunijiet li wasslu għall-ispezzjoni.

    7.   Ir-rapport tat-tlugħ abbord u l-ispezzjoni

    7.1   Il-kaptan tal-bastiment, wara li jinkiteb ir-rapport mill-awtorità kompetenti tal-Kosta ta’ l-Avorju, għandu jiffirma dan id-dokument.

    7.2   Din il-firma ma tippreġudikax id-drittijiet u l-mezzi ta’ difiża li l-kaptan jista’ jippreżenta sabiex iwieġeb għall-ksur li jkun inġab kontrih. Jekk jirrifjuta li jiffirma id-dokument, irid jagħti ir-raġunijiet preċiżi għal dan u l-l-ispettur irid iniżżel ir-referenza “irrifjuta li jiffirma”.

    7.3   Il-kaptan għandu jieħu l-bastiment tiegħu fil-port indikat mill-awtoritajiet tal-Kosta ta’ l-Avorju. f’ każ ta’ ksur minuri, l-awtorità kompetenti tal-Kosta ta’ l-Avorju tista’ tawtorizza lill-bastiment spezzjonat sabiex ikompli l-attivitajiet tas-sajd tiegħu.

    8.   Il-laqgħa ta’ konsultazzjoni f’każ ta’ spezzjoni

    8.1   Qabel ma jiġu kkunsidrati l-miżuri eventwali fil-konfront tal-kaptan jew ta’ l-ekwipaġġ tal-bastiment jew kull azzjoni oħra li tirrigwarda t-tagħbija u t-tagħmir tal-bastiment, għajr dawk maħsuba għall-konservazzjoni tal-provi dwar il-ksur allegat, għandha ssir laqgħa ta’ konsultazzjoni, fi żmien jum tax-xogħol minn meta jiġi rċevut dan it-tagħrif, bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet kompetenti tal-Kosta ta’ l-Avorju, bil-parteċipazzjoni eventwali ta’ rappreżentant ta’ l-Istat Membru konċernat.

    8.2   Matul din il-laqgħa, il-Partijiet għandhom jiskambjaw bejniethom id-dokumentazzjoni kollha jew it-tagħrif rilevanti li jistgħu jgħinu sabiex jiċċaraw iċ-ċirkostanzi tal-fatti allegati. Sid il-bastimenti jew ir-rappreżentant tiegħu għandu jiġi mgħarraf bir-riżultat ta’ din il-laqgħa u bil-miżuri kollha li jistgħu jirriżultaw mill-ispezzjoni.

    9.   IL-proċedura għall-ispezzjoni

    9.1   Qabel ma jittieħdu proċeduri ġudizzjarji, għandu jsir tentattiv sabiex l-ksur allegat jiġi riżolt bonarjament. Din il-proċedura għandha tintemm sa mhux iktar tard minn tlett ijiem tax-xogħol mill-ispezzjoni.

    9.2   F’każ ta’ tranżazzjoni bonarja, l-ammont tal-multa applikata għandu jiġi determinat skond il-liġi tal-Kosta ta’ l-Avorju.

    9.3   F’każ li l-kwistjoni ma setgħetx tissolva bonarjament u f'każ li titressaq quddiem awtorità ġudizzjarja kompetenti, sid il-bastiment għandu jagħmel garanzija bankarja ma’ bank magħżul mill-awtoritajiet kompetenti tal-Kosta ta’ l-Avorju, f’ammont li għandu jiġi ffissat b'kunsiderazzjoni għall-ispejjeż konnessi ma’ l-ispezzjoni kif ukoll l-ammont tal-multa u tal-kumpens li jistgħu jeħlu dawk responsabbli għall-ksur.

    9.4   Il-garanzija bankarja hija irrevokabbli qabel l-għeluq tal-proċedura ġudizzjarja. Tiġi rilaxxata f'każ ta’ liberazzjoni. Bl-istess mod, f’każ ta’ kundanna li twassal għal multa inferjuri għall-garanzija depożitata, id-differenza tiġi rilaxxata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Kosta ta’ l-Avorju.

    9.5   Il-bastiment jiġi rilaxxat u l-ekwipaġġ jitħalla jitlaq mill-port:

    kemm meta jitwettqu l-obbligi miftehma fil-proċedura bonarja, jew

    kemm wara d-depożitu tal-garanzija bankarja skond il-punt 9.3 aktar 'il fuq u l-aċċettatazzjoni tagħha mill-awtoritajiet kompetenti tal-Kosta ta’ l-Avorju, sakemm l-eżitu tal-proċedura ġudizzjarja ikun għadu pendenti.

    10.   It-Trasbord

    10.1   Kull bastiment Komunitarju li jixtieq jagħmel trasbord tal-qabdiet fl-ilmijiet tal-Kosta ta’ l-Avorju għandu jagħmel dan fil-portijiet tal-Kosta ta’ l-Avorju.

    10.2   Is-sidien ta’ dawn il-bastimenti għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Kosta ta’ l-Avorju bl-informazzjoni li ġejja, mill-anqas minn 24 siegħa minn qabel:

    l-isem tal-bastimenti tas-sajd qabel ma jwettqu t-trasbord,

    l-isem, in-numru ta’ l-IMO u tar-reġistrazzjoni tal-bastiment tal-ġarr,

    it-tunnellaġġ, għal kull speċi, li jkun ser jiġi trasbordat,

    il-jum u l-post tat-trasbord.

    10.3   It-trażbord jitqies bħala ħruġ miż-żona tas-sajd tal-Kosta ta’ l-Avorju. Il-kaptani tal-bastimenti għandhom jissottomettu d-dikjarazzjonijiet tal-qabdiet lill-awtoritajiet kompetenti tal-Kosta ta’ l-Avorju u jinnotifikawhom bl-intenzjoni tagħhom, jew li jkomplu jistadu inkella li joħorġu miż-żona tas-sajd tal-Kosta ta’ l-Avorju.

    10.4   Kull operazzjoni ta’ trasbord tal-qabdiet li mhix imsemmija fil-punti ta’ hawn fuq hija pprojbita fiż-żona tas-sajd tal-Kosta ta’ l-Avorju. Kull ksur ta’ din id-dispożizzjoni huwa soġġett għas-sanzjonijiet previsti mir-regoli fis-seħħ fil-Kosta ta’ l-Avorju.

    11.   Il-Kaptani tal-bastimenti tal-Komunità li huma involuti f’operazzjonijiet ta’ ħatt l-art jew ta’ trażbord f’port tal-Kosta ta’ l-Avorju għandhom jippermettu u jiffaċilitaw l-ispezzjoni ta’ dawn l-operazzjonijiet mill-ispetturi tal-Kosta ta’ l-Avorju. Wara' kull spezzjoni u kontroll fil-port, jingħata ċertifikat lill-kaptan tal-bastiment.

    Appendiċijiet

    1

    Formola ta' applikazzjoni għal-liċenzja

    2

    Il-ġurnal ta' abbord ta' l-ICCAT

    3

    Id-dispożizzjonijiet li japplikaw għas-sistema tal-monitoraġġ tal-bastimenti bis-satellita (VMS) u l-pożizzjoni eżatta taż-żona tas-sajd tal-Kosta ta' l-Avorju

    Appendiċi 1

    Image

    Test ta 'immaġni

    Image

    Test ta 'immaġni

    Image

    Test ta 'immaġni

    Appendiċi 2

    Image

    Test ta 'immaġni

    Image

    Test ta 'immaġni

    Appendiċi 3

    Iż-żewġ partijiet se jikkonsultaw aktar bejniethom fi ħdan il-Kummissjoni Konġunta sabiex jiddefinixxu d-dispożizzjonijiet applikabbli għas-sistema tal-monitoraġġ tal-bastimenti bis-satellita (VMS) u l-pożizzjoni eżatta taż-żona tas-sajd tal-Kosta ta' l-Avorju.


    Top