Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija - il-Pjan ta’ Azzjoni l-ġdid tal-UE

Il-kunflitti u t-tentattivi mifruxa biex jinkisru d-drittijiet tal-bniedem illum jeħtieġu reazzjoni b’saħħitha u determinata min-naħa tal-Unjoni Ewropea (UE).

ATT

Komunikazzjoni konġunta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill: Pjan ta’ Azzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija (2015-2019) “Inżommu d-drittijiet tal-bniedem fiċ-ċentru tal-aġenda tal-UE” (JOIN(2015) 16 final tat-28 ta’ April 2015).

SOMMARJU

Il-kunflitti u t-tentattivi mifruxa biex jinkisru d-drittijiet tal-bniedem illum jeħtieġu reazzjoni b’saħħitha u determinata min-naħa tal-Unjoni Ewropea (UE).

Il-Pjan ta’ Azzjoni l-ġdid tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija għandu l-għan li jsaħħaħ l-implimentazzjoni tal-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem mad-dinja kollha. Dan jiffoka fuq ir-rwol tal-atturi tas-soċjetà ċivili li jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem u jipprovdu appoġġ lid-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem.

X’INHU L-GĦAN TA’ DIN IL-KOMUNIKAZZJONI KONĠUNTA?

L-iskop tal-Komunikazzjoni Konġunta (KK) tal-Kummissjoni Ewropea u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà huwa li tipproponi Pjan ta’ Azzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija għall-perjodu 2015-2019.

Il-Kunsill tal-UE adotta l-Pjan ta’ Azzjoni fl-20 ta’ Lulju 2015 permezz tal-Konklużjonijiet dwar il-Pjan ta’ Azzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2015-2019. Dan se jiġi implimentat mill-istituzzjonijiet tal-UE, flimkien mal-pajjiżi tal-UE u bl-involviment qawwi tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

PUNTI EWLENIN

Il-Pjan ta’ Azzjoni 2015-2019 jagħmel enfasi speċjali fuq is-sjieda minn, u l-kooperazzjoni ma’ istituzzjonijiet u mekkaniżmi lokali, inklużi istituzzjonijiet nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll is-soċjetà ċivili.

Prinċipji

Il-Pjan ta’ Azzjoni huwa intiż sabiex:

  • jagħti s-setgħa lill-atturi (governattivi, parlamentari, organizzazzjonijiet reġjonali) f’pajjiżi mhux tal-UE, isaħħaħ ir-rwol tal-ġudikatura u jappoġġa lis-soċjetà ċivili, inklużi s-sħab soċjali;
  • jiġġieled kontra d-diskriminazzjoni u jippromwovi r-rispett għal-libertà tal-espressjoni u l-ugwaljanza bejn is-sessi, kif ukoll l-għoti tas-setgħa lin-nisa;
  • jiżgura rwol iktar viżibbli tal-azzjoni tal-UE fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem.

Oqsma strateġiċi

Il-Pjan ta’ Azzjoni għandu ħames oqsma ta’ azzjoni strateġiċi prinċipali:

  • 1.

    l-għoti ta' spinta lir-rwol tal-atturi lokali b’azzjonijiet immirati sabiex jinteraġixxu ma’ partijiet interessati esterni, governattivi u mhux governattivi;

  • 2.

    l-indirizzar tal-isfidi ewlenin tad-drittijiet tal-bniedem filwaqt li jittieħed kont tal-bilanċ bejn id-difiża tad-drittijiet ċivili u politiċi* minn naħa, u d-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali* min-naħa l-oħra;

  • 3.

    l-iżgurar ta’ approċċ tad-drittijiet tal-bniedem komprensiv għall-kunflitti u l-kriżijiet billi jiġi appoġġat l-iżvilupp ta’ għodod nazzjonali, reġjonali u internazzjonali biex jiġu evitati, indirizzati u miġġielda abbużi tad-drittijiet tal-bniedem;

  • 4.

    it-trawwim ta’ koerenza politika u konsistenza aħjar sabiex id-drittijiet tal-bniedem jiġu kkunsidrati f’politiki tal-UE bħall-kummerċ u l-investiment, il-migrazzjoni u l-ażil, politiki ta’ żvilupp, kif ukoll azzjonijiet kontra t-terroriżmu;

  • 5.

    iż-żieda fl-effikaċja u l-kultura bbażata fuq ir-riżultati fid-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija permezz tal-iżvilupp ta’ approċċi iktar orjentati lejn ir-riżultati u strateġiċi.

Pjan globali

L-azzjonijiet implimentati taħt il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE se japplikaw għar-reġjuni kollha tad-dinja, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet lokali.

Il-Pjan se jkun soġġett għal reviżjoni ta’ nofs it-terminu fl-2017 sabiex jiġu vvalutati r-riżultati ewlenin miksuba u jiġu kkunsidrati sfidi ġodda.

SFOND

Fl-2012, l-UE adottat il-Qafas Strateġiku dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija tagħha li kien jinkludi Pjan ta’ Azzjoni għall-2012-2014. Dan kellu l-għan li jippromwovi l-integrazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem f’firxa wiesgħa ta’ politiki tal-UE.

Wara dan il-Pjan Strateġiku fuq tliet snin, li kien jinkludi 97 azzjoni, ġie meqjus li xi oqsma jeħtieġu sforzi addizzjonali. Dawn għandhom jiġu indirizzati fil-Pan ta’ Azzjoni 2015-2019.

Għal aktar informazzjoni, ara:

KLIEM EWLIENI

  • *Drittijiet ċivili u politiċi: drittijiet li jipproteġu l-libertà tal-individwi u li jiżguraw li l-persuni jkunu kapaċi jipparteċipaw fil-ħajja ċivili u politika mingħajr diskriminazzjoni jew repressjoni
  • *Drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali: drittijiet għall-ikel, l-akkomodazzjoni, l-edukazzjoni, is-saħħa kif ukoll is-sigurtà soċjali, id-dritt li tieħu sehem fil-ħajja kulturali, id-dritt għall-ilma u s-sanità u d-dritt għax-xogħol.

ATTI RELATATI

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u Demokrazija: Qafas Strateġiku tal-UE u Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija tal-25 ta’ Ġunju 2012.

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Pjan ta’ Azzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2015 - 2019 tal-20 ta’ Lulju 2015.

l-aħħar aġġornament 16.08.2015

Top