Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C2016/187A/01

    Avviż ta' kompetizzjonijiet ġenerali — EPSO/AD/323/16 – Investigaturi (AD 7) għal dawn il-profili li ġejjin: 1 – Investigaturi: In-nefqa tal-UE, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni – 2 – Investigaturi: Id-dwana u l-kummerċ, tabakk u prodotti foloz – EPSO/AD/324/16 – Investigaturi (AD 9): Il-mexxejja tat-timijiet

    ĠU C 187A, 26.5.2016, p. 1–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    26.5.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CA 187/1


    AVVIŻ TA' KOMPETIZZJONIJIET ĠENERALI

    EPSO/AD/323/16 – Investigaturi (AD 7) għal dawn il-profili li ġejjin: 1 – Investigaturi: In-nefqa tal-UE, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni – 2 – Investigaturi: Id-dwana u l-kummerċ, tabakk u prodotti foloz – EPSO/AD/324/16 – Investigaturi (AD 9): Il-mexxejja tat-timijiet

    (2016/C 187 A/01)

    Id-data tal-għeluq għar-reġistrazzjoni: it-28 ta' Ġunju 2016 f'12:00 (nofsinhar), ħin ta' Brussell

    L-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) qed jorganizza kompetizzjonijiet ġenerali, ibbażati fuq kwalifiki u testijiet, sabiex jinħolqu listi ta’ riserva u li minnhom il-Kummissjoni Ewropea (b'mod prinċipali l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi – OLAF) tirrekluta membri ġodda tas-servizz pubbliku bħala “ amministraturi ” (grupp ta’ funzjoni AD).

    Dan l-Avviż ta' Kompetizzjoni, flimkien mar-Regoli Ġenerali applikabbli għall-Kompetizzjonijiet Ġenerali ppubblikati f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea C 70 A tas-27 ta' Frar 2015 (http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=OJ:C:2015:070A:TOC), jifforma l-qafas legalment vinkolanti għal dawn il-proċeduri tas-selezzjoni. Madankollu, innota li l-ANNESS II ta’ dawn ir-regoli ġenerali ma japplikax għal dawn il-kompetizzjonijiet. Huwa ssostitwit bid-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-Anness II ta’ dan l-avviż.

    L-għadd mixtieq ta’ kandidati magħżula:

    EPSO/AD/323/16 (grad AD 7)

    Profil 1: 25

    Profil 2: 15

    EPSO/AD/324/16 (grad AD 9): 10

    Dan l-avviż jirrigwarda żewġ kompetizzjonijiet, waħda li fiha żewġ profili. Tista' tapplika biss għal profil wieħed biss f'kull kompetizzjoni. Din l-għażla għandek tagħmilha waqt l-applikazzjoni elettronika u ma tistax tibdilha ġaladarba tkun ikkonfermajt u vvalidajt l-applikazzjoni elettronika tiegħek.

    LIEMA KOMPITI GĦANDI NISTENNA LI NAGĦMEL?

    EPSO/AD/323/16 (grad AD 7)

    1.   Investigaturi: In-nefqa tal-UE, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni

    Dan il-profil għandu l-għan li jagħżel Amministraturi (AD 7) li jwettqu investigazzjonijiet fil-qasam tan-nefqa tal-UE, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u nuqqasijiet serji fil-konfront tal-persunal tal-UE. In-nefqa tal-UE tkopri inter alia, in-nefqa ffinanzjata mill-Fondi Agrikoli u Strutturali, l-Għajnuna ta’ Qabel l-Adeżjoni, l-Għajnuna Esterna, in-Nefqa Ċentralizzata, in-Nefqa mill-Istrumenti Finanzjarji u n-Nefqa ġestita ma’ Organizzazzjonijiet Internazzjonali.

    2.   Investigaturi: Id-dwana u l-kummerċ, tabakk u prodotti foloz

    Dan il-profil għandu l-għan li jagħżel amministraturi (AD 7) li jwettqu investigazzjonijiet fil-qasam tad-dwana u l-kummerċ, it-tabakk jew il-prodotti foloz.

    EPSO/AD/324/16 (grad AD 9): Il-mexxejja tat-timijiet

    Din il-kompetizzjoni ġenerali għandha l-għan li tagħżel Amministraturi (AD 9) li jmexxu tim ta’ investigaturi li jaħdmu fil-qasam tan-nefqa tal-UE, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, nuqqasijiet serji fil-konfront tal-persunal tal-UE, id-dwana u l-kummerċ, it-tabakk jew il-prodotti foloz.

    In-nefqa tal-UE tkopri inter alia, in-nefqa ffinanzjata mill-Fondi Agrikoli u Strutturali, l-Għajnuna ta’ Qabel l-Adeżjoni, l-Għajnuna Esterna, in-Nefqa Ċentralizzata, in-Nefqa mill-Istrumenti Finanzjarji u n-Nefqa ġestita ma’ Organizzazzjonijiet Internazzjonali.

    Ara l-ANNESS 1 għal aktar informazzjoni dwar id-dmirijiet tipiċi li għandhom jiġu mwettqa.

    JIEN ELIĠIBBLI BIEX NAPPLIKA?

    Inti trid tissodisfa dawn il-kundizzjonijiet KOLLHA meta tivvalida l-applikazzjoni tiegħek:

    Kundizzjonijiet ġenerali

    Tkun tgawdi mid-drittijiet kollha tiegħek bħala ċittadin ta' Stat Membru tal-UE

    Tkun wettaqt kull obbligu impost mil-liġijiet nazzjonali dwar is-servizz militari

    Tkun tissodisfa r-rekwiżiti ta’ karattru mitluba għat-twettiq tad-dmirijiet involuti.

    Kundizzjonijiet speċifiċi: lingwi

    Lingwa 1: livell minimu – C1 f'waħda mill-24 lingwa uffiċjali tal-UE

    Lingwa 2: livell minimu – B2 fl-Ingliż, il-Franċiż jew il-Ġermaniż; trid tkun differenti mil-lingwa 1

    Għal informazzjoni dwar il-livelli tal-lingwa, ara l-Qafas Komuni Ewropew ta’ Referenza għal-Lingwi

    (https://europass.cedefop.europa.eu/en/resources/european-language-levels-cefr)

    Għarfien tajjeb tal-Ingliż (miktub u mitkellem) huwa meħtieġ għar-reklutaġġ f'dawn iż-żewġ kompetizzjonijiet. L-Ingliż huwa l-lingwa prinċipali użata mill-investigaturi li jaħdmu fil-qasam tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u/jew il-kriminalità finanzjarja f’kuntest internazzjonali. Kmand tajjeb tal-Ingliż huwa għalhekk essenzjali, kemm jekk għall-preżentazzjonijiet u diskussjonijiet kif ukoll għat-tfassil ta’ rapporti, sabiex jiġu żgurati l-kooperazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni effettivi mal-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri u l-Pajjiżi Terzi.

    Il-formola ta' applikazzjoni onlajn trid timliha bil-Franċiż, bil-Ġermaniż jew bl-Ingliż.

    It-tieni lingwa magħżula trid tkun l-Ingliż, il-Franċiż jew il-Ġermaniż . Dawn huma l-lingwi ta' ħidma prinċipali użati fil-Kummissjoni u, fl-interessi tas-servizz, ir-rekluti l-ġodda jridu jkunu kapaċi li jibdew jaħdmu u jikkomunikaw mal-ewwel b’mod effiċjenti fix-xogħol tagħhom ta’ kuljum f’mill-inqas waħda minn dawn il-lingwi.

    Ara l-ANNESS II għal aktar informazzjoni dwar il-lingwi meħtieġa għal dawn il-kompetizzjonijiet.

    Kundizzjonijiet speċifiċi: kwalifiki u esperjenza ta’ xogħol

    Ara l-ANNESS II għall-kwalifiki u l-esperjenza ta’ xogħol meħtieġa għal kull profil.

    KIF NINTGĦAŻEL?

    1)    Testijiet ta' Mistoqsijiet b’Għażla ta' Tweġibiet (MCQ) bil-kompjuter

    Jekk in-numru ta’ kandidati li japplikaw għal kull kompetizzjoni u profil ikun ogħla minn ċertu limitu , li jkun definit mill-EPSO li jaġixxi bħala l-Awtorità tal-Ħatra, il-kandidati kollha li vvalidaw l-applikazzjoni sad-data ta’ għeluq ikunu mistiedna jattendu sensiela ta’ testijiet MCQ (multiple choice question) bil-kompjuter f’wieħed miċ-ċentri akkreditati tal-EPSO.

    Jekk in-numru ta’ kandidati jkun taħt il-limitu , dawn it-testijiet minflok jiġu organizzati fiċ-ċentru ta’ valutazzjoni (punt 3).

    It-testijiet MCQ bil-kompjuter ikunu organizzati kif ġej:

    It-testijiet

    Lingwa

    Mistoqsijiet

    Dewmien

    Marka minima meħtieġa

    Ir-raġunament verbali

    Lingwa 1

    20 mistoqsija

    35 min

    10/20

    Ir-raġunament numeriku

    Lingwa 1

    10 mistoqsijiet

    20 min

    Numeriku + astratt flimkien: 10/20

    Ir-raġunament astratt

    Lingwa 1

    10 mistoqsijiet

    10 min

    Dawn it-testijiet huma eliminatorji u ma jgħoddux għat-testijiet l-oħrajn li jsiru fiċ-ċentru ta' valutazzjoni.

    2)    Selezzjoni bbażata fuq il-kwalifiki

    L-ewwel nett ir-rekwiżiti ta’ eliġibbiltà se jiġu vverifikati fuq il-bażi tad-dejta pprovduta fl-ewwel applikazzjoni onlajn tal-kandidati. Hemm żewġ xenarji possibbli:

    Jekk it-testijiet MCQ bil-kompjuter jiġu organizzati minn qabel , il-fajls tal-kandidati jiġu ċċekkjati għall-eliġibbiltà f’ordni mill-kbir saż-żgħir tal-marki miksuba sakemm jintlaħaq il-limitu għan-numru ta’ kandidati eliġibbli definit għal kull kompetizzjoni u profil mill-EPSO li taġixxi bħala Awtorità tal-Ħatra. Il-fajls l-oħrajn ma jiġux iċċekkjati.

    Jekk it-testijiet MCQ bil-kompjuter ma jiġux organizzati minn qabel , il-fajls tal-kandidaturi kollha jiġu ċċekkjati għall-eliġibbiltà.

    It-tieni nett, għall-kandidati eliġibbli biss magħżula kif deskritt hawn fuq; is-selezzjoni abbażi tal-kwalifiki ssir bl-użu tal-informazzjoni pprovduta mill-kandidati fit-taqsima Evalwazzjoni tal-Kapaċitajiet (Talent Screener tab) tal-formola tal-applikazzjoni. Il-bord tas-selezzjoni jassenja piż lil kull kriterju tas-selezzjoni li jirrifletti l-importanza relattiva tiegħu (minn 1 sa 3) u t-tweġibiet ta’ kull kandidat jingħataw bejn 0 u 4 punti.

    Imbagħad, il-bord tas-selezzjoni jimmultiplika l-punti bil-piż ta’ kull kriterju u jgħoddhom flimkien sabiex jiġu identifikati dawk li l-profili tagħhom jissodisfa l-aħjar id-dmirijiet li għandhom iwettqu.

    Ara l-ANNESS IV għal-lista ta' kriterji għal kull profil.

    3)    Iċ-Ċentru ta' Valutazzjoni

    Jiġu mistiedna għal din il-fażi sa massimu ta' tliet (3) darbiet tal-għadd ta' kandidati ammessi mfittxa għal kull kompetizzjoni u profil. Jekk inti ksibt waħda mill- ogħla marki totali fis-selezzjoni abbażi tal-kwalifiki, int tkun mistieden għaċ-ċentru ta’ valutazzjoni għal jum jew jumejn, x’aktarx fi Brussell , fejn tagħmel testijiet bil-lingwa 2 u bl-Ingliż .

    Jekk it-testijiet MCQ bil-kompjuter deskritti fil-punt 1 ma kenux organizzati minn qabel , inti tagħmilhom fiċ-ċentru ta' valutazzjoni.

    Fiċ-ċentru ta' valutazzjoni jiġu ttestjati tmien kompetenzi ġenerali u l-kompetenzi speċifiċi meħtieġa għal kull kompetizzjoni u profil permezz ta’ ħames (5) testijiet (intervisti ġenerali u speċifiċi bbażati fuq il-kompetenza, eżerċizzju fi grupp u studju ta’ każ, kollha fil-lingwa 2 tiegħek kif ukoll test tal-komprensjoni bl-Ingliż) kif deskritt fil-matriċi li ġejjin:

    Kompetenzi

    It-testijiet

    1.

    Analiżi u soluzzjoni tal-problemi

    Eżerċizzju fi grupp

    Studju ta' każ

    2.

    Komunikazzjoni

    Studju ta' każ

    Intervista bbażata fuq il-kompetenzi ġenerali

    3.

    Kwalità u riżultati

    Studju ta' każ

    Intervista bbażata fuq il-kompetenzi ġenerali

    4.

    Tagħlim u żvilupp

    Eżerċizzju fi grupp

    Intervista bbażata fuq il-kompetenzi ġenerali

    5.

    Prijoritizzazzjoni u organizzazzjoni

    Eżerċizzju fi grupp

    Studju ta' każ

    6.

    Reżiljenza

    Eżerċizzju fi grupp

    Intervista bbażata fuq il-kompetenzi ġenerali

    7.

    Ħidma ma' oħrajn

    Eżerċizzju fi grupp

    Intervista bbażata fuq il-kompetenzi ġenerali

    8.

    Ħiliet ta' tmexxija

    Eżerċizzju fi grupp

    Intervista bbażata fuq il-kompetenzi ġenerali

    Punti minimi meħtieġa

    3/10 għal kull kompetenza u 40/80 b’kollox


    Kompetenzi

    It-testijiet

    Kompetenzi f'oqsma speċifiċi

    Intervista bbażata fuq il-kompetenzi speċifiċi

    Marka minima meħtieġa

    60/120

    Lingwa Ingliża

    Test tal-komprensjoni tal-lingwa

    Marka minima meħtieġa

    5/10

    It-test tal-komprensjoni tal-lingwa huwa eliminatorju, iżda l-marka ma titqisx fil-kalkolu tal-marki ġenerali taċ-ċentru ta’ valutazzjoni.

    4)    Lista ta’ riżerva

    Wara li jiġu ċċekkjati d-dokumenti ta' prova tal-kandidati, il-bord tas-selezzjoni joħloq lista ta' riserva tal-kandidati eliġibbli li jkunu kisbu l-ogħla marki wara ċ-ċentru ta' valutazzjoni għal kull kompetizzjoni u profil sakemm in-numru ta' kandidati ammessi mixtieq jintlaħaq. L-ismijiet jiġu elenkati f'ordni alfabetiku.

    META U FEJN NISTA' NAPPLIKA?

    Applika onlajn fuq is-sit tal-EPSO http://jobs.eu-careers.eu sa:

    it-28 ta' Ġunju 2016 f'12:00 (nofsinhar), ħin ta' Brussell.


    ANNESS I

    DMIRIJIET

    EPSO/AD/323/16

    1.   Investigaturi: In-nefqa tal-UE, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni (AD 7)

    Il-kompiti prinċipali huma:

    it-twettiq ta' investigazzjonijiet skont ir-Regolament (UE, Euratom) 883/2013 (http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:L:2013:248:0001:0022:EN:PDF) fl-oqsma msemmija hawn fuq, inklużi missjonijiet u spezzjonijiet fil-post fl-Istati Membri jew Pajjiżi Terzi jew spezzjonijiet ta' bini, biex tinġabar l-informazzjoni u l-evidenza għall-fajls tal-każijiet;

    it-tħejjija u t-twettiq ta’ intervisti ta’ xhieda, persuni kkonċernati, sorsi u żvelaturi;

    l-analiżi tal-informazzjoni u d-dokumenti rilevanti għall-fajls tal-każijiet;

    l-abbozzar ta’ dokumenti rilevanti għall-investigazzjoni (bħal xogħol investigattiv, rapporti ta’ investigazzjoni, rapporti ta’ missjonijiet, minuti ta’ laqgħat, eċċ.);

    il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-OLAF;

    il-kontribut għal kwistjonijiet orizzontali relatati mal-investigazzjonijiet;

    l-iżvilupp u s-sorveljanza ta' kuntatti ma’ servizzi, istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji oħra tal-Kummissjoni stabbiliti permezz, jew fuq il-bażi tat-Trattati (minn hawn ’il quddiem imsejħa “Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, korpi, uffiċċji u aġenziji”), Organizzazzjonijiet Internazzjonali u servizzi nazzjonali ta’ Stati Membri u Pajjiżi Terzi f’dak li għandu x’jaqsam ma’ investigazzjonijiet;

    l-għoti ta’ pariri dwar il-liġi kriminali nazzjonali u internazzjonali kif ukoll il-liġi tal-Unjoni Ewropea.

    2.   Investigaturi: Id-dwana u l-kummerċ, tabakk u prodotti foloz (AD 7)

    Il-kompiti prinċipali huma:

    it-twettiq ta' investigazzjonijiet skont ir-Regolament (UE, Euratom) 883/2013 (http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:L:2013:248:0001:0022:EN:PDF) dwar id-dwana u l-frodi kummerċjali (b’mod partikolari frodi ta' oriġini preferenzjali u mhux preferenzjali inklużi l-evażjoni tad-dazji kontra d-dumping u d-dazji kompensatorji, il-frodi bi klassifikazzjoni żbaljata, il-frodi ta’ sottovalutazzjoni) u frodi dwar it-tabakk u prodotti foloz;

    it-twettiq ta' spezzjonijiet dwar ir-riżorsi proprji tradizzjonali skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) 1150/2000 li jimplimenta d-Deċiżjoni 2007/436/KE, Euratom (http://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?qid=1439369005059&uri=CELEX:02000R1150-20141224) dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej;

    l-organizzar u t-tmexxija ta' laqgħat ad hoc mal-Istati Membri;

    it-twettiq ta' verifiki “fil-post” u żjarat tal-kumpaniji fl-UE, u missjonijiet investigattivi f’Pajjiżi Terzi; il-ġbir u l-analiżi ta’ informazzjoni u l-ġbir ta’ evidenza b’mod li tkun żgurata l-ammissibbiltà bħala evidenza fil-proċedimenti tal-qorti;

    l-estrazzjoni u l-analiżi ta’ informazzjoni minn bażijiet tad-dejta differenti;

    it-tħejjija u t-twettiq ta’ intervisti ta’ xhieda, persuni kkonċernati, sorsi u żvelaturi;

    il-kitba tar-rapporti ta’ investigazzjoni (inklużi rapporti ta’ żjarat tal-kumpaniji, rapporti tal-missjonijiet u rapporti finali, noti tal-fajl, komunikazzjonijiet ta’ Assistenza reċiproka u korrispondenza);

    il-monitoraġġ u l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjonijiet tal-OLAF;

    il-koordinazzjoni u l-assistenza għal investigazzjonijiet li qed jitwettqu mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Istati Membri;

    l-għoti ta’ xhieda fil-qorti jekk ikun meħtieġ fl-investigazzjonijiet tal-OLAF;

    il-kontribut għal kwistjonijiet orizzontali relatati mal-investigazzjonijiet;

    l-iżvilupp u s-sorveljanza ta' kuntatti ma’ servizzi, Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, korpi, uffiċċji u aġenziji oħra tal-Kummissjoni, Organizzazzjonijiet Internazzjonali u servizzi nazzjonali ta’ Stati Membri u Pajjiżi Terzi f’dak li għandu x’jaqsam ma’ investigazzjonijiet.

    EPSO/AD/324/16 – Investigaturi: Il-mexxejja tat-timijiet (AD 9)

    Il-kompiti prinċipali huma:

    it-twettiq ta' investigazzjonijiet skont ir-Regolament (UE, Euratom) 883/2013 (http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:L:2013:248:0001:0022:EN:PDF) inklużi missjonijiet investigattivi u spezzjonijiet fil-post fl-Istati Membri jew Pajjiżi Terzi jew spezzjonijiet ta' bini, biex tinġabar l-informazzjoni u l-evidenza għall-fajls tal-każijiet;

    it-tmexxija ta' laqgħat ma’ servizzi oħra tal-Kummissjoni, istituzzjonijiet oħra tal-UE, Stati Membri, Pajjiżi Terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali b’rabta mal-investigazzjonijiet;

    il-koordinazzjoni tal-intervisti tax-xhieda, il-persuni kkonċernati, is-sorsi u l-iżvelaturi;

    il-kontribut għal kwistjonijiet orizzontali relatati mal-investigazzjonijiet;

    is-sorveljanza u l-monitoraġġ tal-prestazzjoni tal-membri tat-tim u l-iżgurar tat-tqassim effiċjenti tal-kompiti u r-responsabbiltajiet bejn il-membri tat-tim biex jinkisbu r-riżultati mistennija;

    it-tmexxija effettiva, bl-iżgurar li l-membri tat-tim ikunu motivati u jiżviluppaw il-ħiliet u l-esperjenza tagħhom;

    l-iżvilupp, is-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' kuntatti ma’ servizzi, Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, korpi, uffiċċji u aġenziji oħra tal-Kummissjoni, Organizzazzjonijiet Internazzjonali u servizzi nazzjonali ta’ Stati Membri u Pajjiżi Terzi f’dak li għandu x’jaqsam ma’ investigazzjonijiet.

    Tmiem tal-ANNESS 1, ikklikkja hawnhekk biex tmur lura għat-test prinċipali


    ANNESS II

    IL-ĠUSTIFIKAZZJONI TAS-SISTEMA LINGWISTIKA GĦAL DAWN IL-PROĊEDURI TA' SELEZZJONI

    Dawn il-kompetizzjonijiet huma kompetizzjonijiet għall-ispeċjalisti għar-reklutaġġ ta’ Investigaturi u mexxejja tat-timijiet ta’ investigaturi. Ir-rekwiżiti stabbiliti fit-taqsima “JIEN ELEĠIBBLI BIEX NAPPLIKA?” ta' dan l-Avviż ta' Kompetizzjoni huma konformi mar-rekwiżiti primarji tal-istituzzjonijiet tal-UE għall-ħiliet, esperjenza u għarfien speċjalisti u l-ħtieġa għal rekluti ġodda biex ikunu jistgħu jaħdmu b'mod effettiv, b'mod partikolari ma' membri oħra tal-persunal.

    Għal din ir-raġuni, l-applikanti huma mitluba li jagħżlu t-tieni lingwa tal-kompetizzjoni minn għadd limitat ta’ lingwi uffiċjali tal-UE. Din il-limitazzjoni hija wkoll minħabba restrizzjonijiet baġitarji u operazzjonali u n-natura tal-metodi ta' selezzjoni tal-EPSO deskritti fil-punti 1, 2 u 3 hawn taħt. Ir-rekwiżiti lingwistiċi għal dawn il-kompetizzjonijiet ġew adottati mill-Bord tat-Tmexxija tal-EPSO b'kont meħud ta' dawn il-fatturi u rekwiżiti oħra speċifiċi relatati man-natura tad-dmirijiet jew il-ħtiġijiet partikolari tal-Kummissjoni Ewropea.

    L-għan ewlieni ta’ dawn il-kompetizzjonijiet hu li tinħoloq riserva ta’ amministraturi għar-reklutaġġ mill-Kummissjoni Ewropea. Ladarba jiġu impjegati, huwa essenzjali li l-amministraturi jkunu operazzjonali immedjatament u jkunu jistgħu jikkomunikaw mal-kollegi u l-maniġers tagħhom. Fid-dawl tal-kriterji dwar l-użu tal-lingwi fi proċeduri ta’ selezzjoni tal-UE stabbiliti fil-punt 2 hawn isfel, il-Kummissjoni Ewropea tqis li l-Franċiż, il-Ġermaniż u l-Ingliż huma l-aktar għażliet tat-tieni lingwa xierqa għal dawn il-kompetizzjonijiet.

    Peress li l-Franċiż, il-Ġermaniż u l-Ingliż huma l-aktar lingwi mitkellma, tradotti u użati għal komunikazzjoni amministrattiva mill-persunal fil-Kummissjoni Ewropea kif ukoll huma l-iktar lingwi użati ta' spiss ma’ partijiet terzi involuti f'investigazzjonijiet dwar l-iffalsifikar, il-korruzzjoni, id-dwana u l-kummerċ, il-kandidati jridu joffru mill-inqas waħda minnhom fost iż-żewġ lingwi obbligatorji tagħhom.

    Barra minn hekk, kmand tajjeb tal-Ingliż huwa wkoll meqjus bħala essenzjali għall-kooperazzjoni fl-oqsma tal-kriminalità finanzjarja, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-ġlieda kontra l-oġġetti ffalsifikati f’kuntest internazzjonali. Kmand tajjeb tal-Ingliż huwa għalhekk essenzjali, kemm jekk għall-preżentazzjonijiet u diskussjonijiet kif ukoll għat-tfassil ta’ rapporti, sabiex jiġu żgurati l-kooperazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni effettivi mal-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri u l-Pajjiżi Terzi. Għalhekk il-kandidati jsirilhom test addizzjonali tal-komprensjoni tal-lingwa bl-Ingliż waqt il-fażi taċ-ċentru ta’ valutazzjoni.

    Il-kandidati għandhom jużaw it-tieni lingwa tal-kompetizzjoni tagħhom (il-Franċiż, il-Ġermaniż jew l-Ingliż) meta jimlew l-applikazzjonijiet onlajn u l-EPSO jrid juża dawn il-lingwi għall-komunikazzjoni tal-massa lill-kandidati li jkunu ressqu applikazzjoni valida u għal uħud mit-testijiet deskritti taħt il-punt 3.

    1.   Ġustifikazzjoni għall-għażla tal-lingwi għal kull proċedura ta' selezzjoni

    L-istituzzjonijiet tal-UE jemmnu li d-deċiżjoni fuq il-lingwi speċifiċi li għandhom jintużaw f’kull proċedura ta’ selezzjoni individwali u, b’mod partikulari, kull restrizzjoni fl-għażla tal-lingwi, għandha ssir abbażi tal-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

    (i)

    Ir-rekwiżit li r-rekluti ġodda jkunu operazzjonali mill-ewwel

    Ir-rekluti l-ġodda jridu jkunu operazzjonali immedjatament u kapaċi jwettqu d-dmirijiet li għalihom ikunu ġew irreklutati. Għalhekk, l-EPSO għandu jiżgura li l-kandidati jkollhom għarfien adegwat ta’ kombinazzjoni ta’ lingwi li tippermettilhom li jwettqu d-dmirijiet tagħhom b’mod effettiv u, b’mod partikolari, li l-kandidati ta' suċċess ikunu jistgħu jikkomunikaw b’mod effettiv fix-xogħol tagħhom ta’ kuljum mal-kollegi u l-maniġers tagħhom.

    Jista’ għalhekk ikun ġust li jiġu organizzati xi testijiet f’numru limitat ta’ lingwi funzjonali, sabiex jiġi żgurat li l-kandidati kollha jkunu kapaċi jaħdmu f’mill-inqas waħda minnhom, tkun xi tkun l-ewwel lingwa uffiċjali tagħhom. Jekk dan ma jsirx, jinħoloq riskju għoli li proporzjon sostanzjali ta’ kandidati magħżula ma jkunux jistgħu jwettqu l-kompiti li għalihom ikunu reklutati fi żmien raġonevoli. Barra minn hekk, tkun qed tiġi injorata l-kunsiderazzjoni evidenti li l-kandidati li japplikaw għal xogħlijiet fis-servizz pubbliku tal-UE huma lesti li jissieħbu f’organizzazzjoni internazzjonali li trid tuża lingwi funzjonali sabiex taħdem sew u twettaq il-kompiti mogħtija lilha skont it-trattati tal-UE.

    (ii)

    In-natura tal-proċedura tas-selezzjoni

    F’xi każijiet, il-limitazzjoni tal-għażla tal-lingwi tal-kandidati tista’ tkun ukoll iġġustifikata min-natura tal-proċedura tas-selezzjoni.

    F’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-EPSO jivvaluta l-kandidati fil-kompetizzjonijiet miftuħa, li juża biex jevalwa l-ħiliet tal-kandidati u jipprevedi aħjar jekk il-kandidati jkunux kapaċi jwettqu d-dmirijiet tagħhom.

    Iċ-ċentru ta’ valutazzjoni huwa metodu ta' selezzjoni li jikkonsisti fl-evalwazzjoni tal-kandidati b’mod standardizzat, abbażi ta’ diversi xenarji osservati minn diversi membri tal-bord tas-selezzjoni. Il-valutazzjoni tuża qafas ta’ kompetenza stabbilit minn qabel mill-awtoritajiet ta’ ħatra u metodu komuni ta’ punteġġ u teħid konġunt tad-deċiżjonijiet.

    Il-valutazzjoni tal-kompetenzi speċifiċi b'dan il-mod tippermetti lill-istituzzjonijiet tal-UE jevalwaw l-abbiltà tal-kandidati li jkunu operazzjonali minnufih f'ambjent li jixbaħ ħafna r-realtà tal-impjieg. Korp sostanzjali ta' riċerka xjentifika wera li ċ-ċentri ta' valutazzjoni li jissimulaw sitwazzjonijiet reali tax-xogħol huma l-aħjar mezz kif wieħed jipprevedi l-prestazzjoni fil-ħajja reali. Iċ-ċentri ta’ valutazzjoni huma għaldaqstant użati madwar id-dinja. Fid-dawl tat-tul tal-karrieri u l-grad ta’ mobilità fl-istituzzjonijiet tal-UE, dan it-tip ta’ valutazzjoni huwa kruċjali, b’mod partikolari fis-selezzjoni ta’ uffiċjali permanenti.

    Sabiex jiġi żgurat li l-kandidati jkunu jistgħu jiġu vvalutati b’mod ugwali u jkunu jistgħu jikkomunikaw direttament mal-evalwaturi u l-kandidati l-oħra li jkunu qed jieħdu sehem fl-eżerċizzju, il-kandidati jiġu vvalutati flimkien fi grupp b’lingwa komuni. Sakemm iċ-ċentru ta’ valutazzjoni ma jsirx f’kompetizzjoni b’lingwa ewlenija waħda, dan jeħtieġ neċessarjament li ċ-ċentru ta’ valutazzjoni jiġi organizzat f’numru ristrett ta’ lingwi.

    (iii)

    Limitazzjonijiet baġitarji u operazzjonali

    Għal diversi raġunijiet, il-Bord tat-Tmexxija tal-EPSO jemmen li jkun imprattikabbli li tiġi organizzata l-fażi taċ-ċentru ta’ valutazzjoni għal kompetizzjoni unika fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE.

    L-ewwel nett, approċċ bħal dan jista’ jkollu implikazzjonijiet serji ħafna għar-riżorsi, u b’hekk kien impossibbli għall-istituzzjonijiet tal-UE li jissodisfaw il-bżonnijiet ta’ reklutaġġ tagħhom fil-qafas baġitarju attwali. Lanqas ma jkun biżżejjed valur għall-flus għall-kontribwenti Ewropej.

    It-tieni nett, it-twettiq taċ-ċentru ta’ valutazzjoni fil-lingwi uffiċjali kollha jkun jeħtieġ numru sostanzjali ta’ interpreti biex jaħdmu fuq il-kompetizzjonijiet tal-EPSO u l-użu ta’ bini adegwat b’kabini tal-interpretazzjoni.

    It-tielet nett, għadd ferm akbar ta’ membri tal-bord tas-selezzjoni jkun meħtieġ biex ikopri l-ilsna differenti użati mill-kandidati.

    2.   Kriterji għall-għażla tal-lingwi għal kull proċedura ta' selezzjoni

    Jekk il-kandidati huma meħtieġa jagħżlu bejn għadd limitat ta' lingwi uffiċjali tal-UE, il-Bord tat-Tmexxija tal-EPSO jrid jiddetermina, fuq bażi każ b'każ, il-lingwi li għandhom jintużaw għall-kompetizzjonijiet miftuħa individwali, b'kont meħud ta' dan li ġej:

    (i)

    kull regola interna speċifika dwar l-użu tal-lingwi fl-istituzzjoni(jiet) jew korpi kkonċernati;

    (ii)

    ir-rekwiżiti speċifiċi relatati man-natura tad-dmirijiet u l-ħtiġijiet partikolari tal-istituzzjoni(jiet) ikkonċernata/i;

    (iii)

    il-lingwi l-aktar użati ta' spiss fl-istituzzjoni(jiet) kkonċernata/i, stabbiliti fuq il-bażi ta’:

    il-ħiliet lingwistiċi ddikjarati u ppruvati f’livell B2 jew ogħla tal-Qafas Ewropew Komuni ta’ Riferenza għal-Lingwi ta’ uffiċjali permanenti tal-UE f’impjieg attiv;

    il-lingwi mira li fihom jiġu tradotti l-iktar spiss dokumenti maħsuba għall-użu intern fl-istituzzjonijiet tal-UE;

    il-lingwi sors li minnhom id-dokumenti prodotti internament mill-istituzzjonijiet tal-UE u maħsuba għall-użu estern jiġu tradotti l-aktar spiss;

    (iv)

    il-lingwi użati għal komunikazzjoni amministrattiva fl-istituzzjoni(jiet) ikkonċernata/i.

    3.   Il-lingwi ta' komunikazzjoni

    Din it-taqsima tiddeskrivi r-regoli ġenerali dwar l-użu tal-lingwi ta’ komunikazzjoni bejn l-EPSO u l-kandidati potenzjali. Rekwiżiti speċifiċi oħrajn jistgħu jiġu stabbiliti f’kull avviż ta’ kompetizzjoni.

    L-EPSO jqis id-dritt tal-kandidati bħala ċittadini tal-UE li jikkomunikaw bil-lingwa materna tagħhom. Huwa jirrikonoxxi wkoll li l-kandidati li jkunu vvalidaw l-applikazzjoni tagħhom huma membri prospettivi tas-servizz ċivili tal-UE li jibbenefikaw mid-drittijiet u l-obbligi mogħtija lilhom mir-Regolamenti tal-Persunal. L-istituzzjonijiet tal-UE għalhekk jemmnu li l-EPSO għandu, kemm jista’ jkun, jikkomunika mal-kandidati u jipprovdihom b'informazzjoni dwar l-applikazzjonijiet tagħhom fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE. Biex jinkiseb dan, l-elementi stabbli fis-sit web tal-EPSO, l-avviżi tal-kompetizzjoni u r-regoli ġenerali li jirregolaw il-kompetizzjonijiet miftuħa jiġu ppubblikati fil-lingwi uffiċjali kollha.

    Il-lingwi li għandhom jintużaw meta wieħed jimla l-formola ta’ applikazzjoni onlajn huma speċifikati f’kull avviż ta’ kompetizzjoni. L-istruzzjonijiet dwar il-mili tal-formola tal-applikazzjoni jiġu pprovduti fil-lingwi uffiċjali kollha. Dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni meħtieġ biex tiġi stabbilita proċedura inizjali tal-applikazzjoni onlajn fil-lingwi uffiċjali kollha.

    Sabiex ikun jista’ jkun hemm komunikazzjoni rapida u effiċjenti, wara li applikazzjoni inizjali ta' kandidat tkun ġiet validata, il-komunikazzjoni tal-massa mill-EPSO lil popolazzjonijiet kbar ta’ kandidati tkunu f’numru limitat ta’ lingwi uffiċjali tal-UE. Din tkun jew l-ewwel jew it-tieni lingwa tal-kandidat kif stipulat fl-avviż rilevanti tal-kompetizzjoni.

    Il-kandidati jistgħu jikkuntattjaw lill-EPSO bi kwalunkwe lingwa uffiċjali tal-UE iżda, sabiex l-EPSO jittratta t-talba tagħhom b’mod aktar effiċjenti, il-kandidati huma mħeġġa li jagħżlu minn għadd limitat ta’ lingwi li l-persunal tal-EPSO ikun kapaċi jipprovdi kopertura lingwistika immedjata mingħajr il-bżonn li jirrikorri għat-traduzzjoni.

    Ċerti testijiet jistgħu jsiru wkoll f’għadd limitat ta’ lingwi uffiċjali tal-UE sabiex jiġi żgurat li l-kandidati jkollhom il-ħila lingwistika meħtieġa għall-parteċipazzjoni fil-fażi ta’ valutazzjoni tal-kompetizzjonijiet miftuħa. Il-lingwi għad-diversi testijiet ikunu speċifikati f’kull avviż ta’ kompetizzjoni.

    L-istituzzjonijiet tal-UE jemmnu li dawn l-arranġamenti jiżguraw ambjent ġust u bilanċ xieraq bejn l-interessi tas-servizz u l-prinċipju tal-multilingwiżmu u n-non-diskriminazzjoni skont il-lingwa. L-obbligu fuq il-kandidati li jagħżlu t-tieni lingwa li hija differenti mill-ewwel lingwa tagħhom (normalment il-lingwa materna jew ekwivalenti għaliha) jiżgura li dawn ikunu jistgħu jiġu kkomparati fuq bażi ugwali.

    Tmiem tal-ANNESS II, ikklikkja hawn biex tmur lura għat-test prinċipali


    ANNESS III

    KWALIFIKI U ESPERJENZA TA’ XOGĦOL

    EPSO/AD/323/16

    1.   Investigaturi: In-nefqa tal-UE, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni (AD 7)

    Livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji konklużi ta’ mill-anqas erba' (4) snin , iċċertifikati b’diploma, segwiti minn minimu ta’ sitt (6) snin esperjenza professjonali rilevanti bħala investigatur, uffiċjal tal-pulizija jew uffiċjal ieħor tal-infurzar tal-liġi li jwettaq investigazzjonijiet immirati lejn il-kriminalità finanzjarja, il-korruzzjoni pubblika u d-difiża tal-interessi finanzjarji pubbliċi.

    JEW

    Livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji konklużi ta’ mill-anqas tliet (3) snin , iċċertifikati b’diploma, segwiti minn minimu ta’ seba' (7) snin esperjenza professjonali rilevanti bħala investigatur, uffiċjal tal-pulizija jew uffiċjal ieħor tal-infurzar tal-liġi li jwettaq investigazzjonijiet immirati lejn il-kriminalità finanzjarja, il-korruzzjoni pubblika u d-difiża tal-interessi finanzjarji pubbliċi.

    Il-kandidati għandhom ikunu kisbu l-esperjenza professjonali tagħhom f’aġenzija/korp tal-infurzar tal-liġi, fil-ġudikatura jew fl-amministrazzjoni pubblika ta’ Stat Membru, f’Istituzzjoni/Aġenzija/Korp tal-Unjoni Ewropea jew f'organizzazzjoni internazzjonali.

    Għal dettalji dwar diplomi, ara l-Anness 1 tar-regoli ġenerali li jirregolaw il-kompetizzjonijiet miftuħa (http://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?uri=OJ:C:2015:070A:TOC)

    2.   Investigaturi: Id-dwana u l-kummerċ, tabakk u prodotti foloz (AD 7)

    Livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji konklużi ta’ mill-anqas erba' (4) snin , iċċertifikati b’diploma, segwiti minn minimu ta’ sitt (6) snin esperjenza professjonali rilevanti bħala investigatur, uffiċjal tad-dwana jew tal-pulizija jew uffiċjal ieħor tal-infurzar tal-liġi li jinvestiga frodi jew irregolaritajiet li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-UE jew dawk nazzjonali.

    JEW

    Livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji konklużi ta’ mill-anqas tliet (3) snin , iċċertifikati b’diploma, segwiti minn minimu ta’ seba' (7) snin esperjenza professjonali rilevanti bħala investigatur, uffiċjal tad-dwana jew tal-pulizija jew uffiċjal ieħor tal-infurzar tal-liġi li jinvestiga frodi jew irregolaritajiet li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-UE jew dawk nazzjonali.

    Il-kandidati għandhom ikunu kisbu l-esperjenza professjonali tagħhom fis-Servizzi tad-Dwana ta' wieħed mill-Istati Membri, f’aġenziji oħra tal-infurzar tal-liġi jew fl-istituzzjonijiet tal-UE kompetenti biex jinvestigaw il-frodi u l-irregolaritajiet ta’ ħsara għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea jew l-interessi finanzjarji tal-Istati Membri.

    Għal dettalji dwar diplomi, ara l-Anness 1 tar-regoli ġenerali li jirregolaw il-kompetizzjonijiet miftuħa (http://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?uri=OJ:C:2015:070A:TOC)

    EPSO/AD/324/16 – Investigaturi: Il-Mexxejja tat-Timijiet (AD 9)

    Livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji konklużi ta’ mill-anqas erba' (4) snin , iċċertifikati b’diploma, segwiti minn tal-inqas 10 snin ta’ esperjenza professjonali rilevanti f’aġenzija/korp tal-infurzar tal-liġi, fil-ġudikatura jew f'amministrazzjoni pubblika ta’ Stat Membru, istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, korpi, uffiċċji u aġenziji, organizzazzjoni internazzjonali jew f’wieħed mis-Servizzi tad-Dwana tal-Istati Membri, bħala investigatur, prosekutur jew maġistrat li jwettaq investigazzjonijiet dwar frodi jew irregolaritajiet li huma ta’ ħsara għall-interessi finanzjarji tal-UE jew dawk nazzjonali.

    Dawn l-10 snin għandhom jinkludu mill-inqas erba' (4) snin ta’ esperjenza professjonali fil-ġestjoni jew fil-koordinazzjoni tar-rwoli tal-persunal , li jinvolvu responsabbiltajiet reali ta’ ġestjoni tal-persunal, u jinkludu mill-inqas sentejn (2) ta’ esperjenza professjonali bħala prosekutur jew imħallef li jmexxi timijiet ta’ investigazzjoni jew bħala kap ta’ tim ta’ investigaturi li jwettqu investigazzjonijiet amministrattivi jew ġudizzjarji.

    JEW

    Livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji konklużi ta’ mill-anqas tliet (3) snin , iċċertifikati b’diploma, segwiti minn tal-inqas 11-il sena ta’ esperjenza professjonali rilevanti f’aġenzija/korp tal-infurzar tal-liġi, fil-ġudikatura jew f'amministrazzjoni pubblika ta’ Stat Membru, istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, korpi, uffiċċji u aġenziji, organizzazzjoni internazzjonali jew f’wieħed mis-Servizzi tad-Dwana tal-Istati Membri, bħala investigatur, prosekutur jew maġistrat li jwettaq investigazzjonijiet dwar frodi jew irregolaritajiet li huma ta’ ħsara għall-interessi finanzjarji tal-UE jew dawk nazzjonali.

    Dawn il-11-il sena għandhom jinkludu mill-inqas erba’ snin ta’ esperjenza professjonali fil-ġestjoni jew fil-koordinazzjoni tar-rwoli tal-persunal , li jinvolvu responsabbiltajiet reali ta’ ġestjoni tal-persunal, u jinkludu mill-inqas sentejn (2) ta’ esperjenza professjonali bħala prosekutur jew imħallef li jmexxi timijiet ta’ investigazzjoni jew bħala kap ta’ tim ta’ investigaturi li jwettqu investigazzjonijiet amministrattivi jew ġudizzjarji.

    Biex tiġi vvalutata l-esperjenza f’pożizzjonijiet ta’ tmexxija jew koordinazzjoni, il-bord tas-selezzjoni jikkunsidra l-informazzjoni rilevanti mogħtija mill-kandidati, bħal:

    it-titlu u d-deskrizzjoni eżatta tal-karigi u t-tul ta’ żmien tagħhom,

    in-numru ta’ persunal li kont responsabbli minnhom f’dawn il-pożizzjonijiet,

    in-numru ta’ livelli ġerarkiċi 'l fuq u 'l isfel u n-numru ta’ persunal fl-istess livell.

    L-esperjenza professjonali kollha hija rilevanti biss jekk tkun inkisbet wara l-għoti tad-diploma li taghti access għall-kompetizzjoni.

    Għal dettalji dwar diplomi, ara l-Anness 1 tar-regoli ġenerali li jirregolaw il-kompetizzjonijiet miftuħa (http://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?uri=OJ:C:2015:070A:TOC)

    Tmiem tal-ANNESS III, ikklikkja hawn biex tmur lura għat-test prinċipali


    ANNESS IV

    KRITERJI TAS-SELEZZJONI

    Il-bord tas-selezzjoni jikkunsidra l-kriterji li ġejjin għas-selezzjoni bbażata fuq il-kwalifiki:

    EPSO/AD/323/16

    1.   Investigaturi: In-nefqa tal-UE, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni (AD 7):

    1.

    Esperjenza professjonali fit-twettiq ta’ investigazzjonijiet li jimmiraw lejn il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE fil-qasam tan-nefqa tal-UE, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni jew nuqqasijiet serji fil-konfront tal-persunal tal-UE;

    2.

    Diploma universitarja, apparti dik meħtieġa għall-aċċess għall-kompetizzjoni, rilevanti għad-dmirijiet kif deskritti għal dan il-profil;

    3.

    Kwalifika, minbarra dik meħtieġa għall-aċċess għall-kompetizzjoni, ta’ mill-inqas 480 siegħa ta’ taħriġ rilevanti għad-dmirijiet kif deskritti għal dan il-profil u attestata permezz ta’ ċertifikat;

    4.

    Esperjenza professjonali fil-parteċipazzjoni f’kontrolli “fil-post” jew spezzjonijiet tal-bini u intervisti, fil-qasam tan-nefqa tal-UE, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u nuqqasijiet serji fil-konfront tal-persunal tal-UE, imwettqa fil-qafas ta’ investigazzjonijiet amministrattivi jew ġudizzjarji;

    5.

    Esperjenza professjonali fit-tfassil ta’ rapporti investigattivi bħal rapporti tal-missjoni, rapporti finali, rapporti analitiċi, noti għall-fajl, eċċ.

    6.

    Esperjenza professjonali fl-organizzazzjoni u t-twettiq ta’ taħriġ marbut ma’ kull dmir deskritt għal dan il-profil;

    7.

    Esperjenza professjonali ta’ kif tagħti preżentazzjoni dwar suġġetti relatati ma’ kull dmir kif deskritt għal dan il-profil (konferenzi, seminars, workshops);

    8.

    Esperjenza professjonali ta’ ħidma f’ambjent internazzjonali jew ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali b’rabta mad-dmirijiet hekk kif deskritt għal dan il-profil;

    9.

    Esperjenza professjonali fil-parteċipazzjoni f’attivitajiet investigattivi, jew fil-koordinazzjoni ta’ attivitajiet bħal dawn, b'rabta ma’ aktar minn Stat Membru jew pajjiż terz wieħed;

    10.

    Esperjenza professjonali fil-koordinazzjoni ta’ kwistjonijiet ta’ kontra l-frodi bejn is-servizzi tal-istituzzjonijiet tal-UE, korpi, uffiċċji u aġenziji;

    11.

    Esperjenza professjonali fil-koordinazzjoni ta’ kwistjonijiet ta’ kontra l-frodi bejn l-organizzazzjonijiet internazzjonali;

    12.

    Esperjenza professjonali fil-koordinazzjoni ta’ kwistjonijiet ta’ kontra l-frodi bejn is-servizzi nazzjonali;

    2.   Investigaturi: Id-dwana u l-kummerċ, tabakk u prodotti foloz (AD 7)

    1.

    Esperjenza professjonali fit-twettiq ta’ investigazzjonijiet li jimmiraw lejn il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE fil-qasam tad-dwana u l-kummerċ, it-tabakk jew il-prodotti foloz;

    2.

    Diploma universitarja, apparti dik meħtieġa għall-aċċess għall-kompetizzjoni, rilevanti għad-dmirijiet kif deskritti għal dan il-profil;

    3.

    Kwalifika, minbarra dik meħtieġa għall-aċċess għall-kompetizzjoni, ta’ mill-inqas 480 siegħa ta’ taħriġ rilevanti għad-dmirijiet kif deskritti għal dan il-profil u attestata permezz ta’ ċertifikat;

    4.

    Esperjenza professjonali fil-parteċipazzjoni f'kontrolli “fil-post” jew missjonijiet investigattivi f’pajjiżi terzi u intervisti, fil-qasam tad-dwana u l-kummerċ, it-tabakk jew il-prodotti foloz;

    5.

    Esperjenza professjonali fit-tfassil ta’ rapporti investigattivi bħal rapporti tal-missjonijiet, rapporti finali, rapporti analitiċi, noti għall-fajl;

    6.

    Esperjenza professjonali fl-organizzazzjoni u t-twettiq ta’ taħriġ marbut ma’ kull dmir deskritt għal dan il-profil;

    7.

    Esperjenza professjonali ta’ kif tagħti preżentazzjoni dwar suġġetti relatati ma’ kull dmir kif deskritt għal dan il-profil (konferenzi, seminars, workshops);

    8.

    Esperjenza professjonali ta’ ħidma f’ambjent internazzjonali jew ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali b’rabta mad-dmirijiet hekk kif deskritti għal dan il-profil.

    9.

    Esperjenza professjonali fl-estrazzjoni u l-analiżi ta’ informazzjoni fil-qafas tal-attivitajiet investigattivi minn diversi bażijiet tad-dejta;

    EPSO/AD/324/16 – Investigaturi: Il-mexxejja tat-timijiet (AD 9)

    1.

    Esperjenza professjonali fit-twettiq ta’ investigazzjonijiet bil-għan li jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-UE fir-rigward tal-dmirijiet kif deskritti għal din il-kompetizzjoni;

    2.

    Diploma universitarja, apparti dik meħtieġa għall-aċċess għall-kompetizzjoni, li hija rilevanti għad-dmirijiet kif deskritti għal din il-kompetizzjoni;

    3.

    Kwalifika, minbarra dik meħtieġa għall-aċċess għall-kompetizzjoni, ta’ mill-inqas 480 siegħa ta’ taħriġ rilevanti mad-dmirijiet kif deskritti għal din il-kompetizzjoni u attestata permezz ta’ ċertifikat;

    4.

    Esperjenza professjonali fit-tmexxija ta' kontrolli “fil-post” jew spezzjonijiet tal-bini u intervisti, fir-rigward tal-dmirijiet kif deskritti għal din il-kompetizzjoni mwettqa fil-qafas ta’ investigazzjonijiet amministrattivi jew ġudizzjarji;

    5.

    Esperjenza professjonali fit-tfassil jew ir-reviżjoni ta’ rapporti investigattivi bħal rapporti tal-missjonijiet, rapporti finali, rapporti analitiċi, noti għall-fajl, eċċ.;

    6.

    Esperjenza professjonali fl-organizzazzjoni u t-twettiq ta’ taħriġ marbut ma’ kull dmir kif deskritt għal din il-kompetizzjoni;

    7.

    Esperjenza professjonali fl-organizzazzjoni u t-tmexxija ta’ laqgħat f’ambjent internazzjonali jew ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali b’rabta mad-dmirijiet hekk kif deskritt għal din il-kompetizzjoni;

    8.

    Esperjenza professjonali ta’ mill-inqas sentejn, minbarra s-snin ta’ esperjenza meħtieġa għall-aċċess għall-kompetizzjoni, bħala mexxej ta’ tim ta’ investigaturi li jwettqu investigazzjonijiet f’kull qasam ta’ din il-kompetizzjoni;

    9.

    Esperjenza professjonali fit-tmexxija ta’ attivitajiet investigattivi, jew il-koordinazzjoni ta’ attivitajiet bħal dawn, f’relazzjoni ma’ aktar minn Stat Membru jew pajjiż terz wieħed;

    10.

    Esperjenza professjonali fil-koordinazzjoni ta’ kwistjonijiet ta’ kontra l-frodi bejn is-servizzi tal-istituzzjonijiet tal-UE;

    11.

    Esperjenza professjonali fil-koordinazzjoni ta’ kwistjonijiet ta’ kontra l-frodi bejn l-organizzazzjonijiet internazzjonali;

    12.

    Esperjenza professjonali fil-koordinazzjoni ta’ kwistjonijiet ta’ kontra l-frodi bejn is-servizzi nazzjonali;

    Tmiem tal-ANNESS IV, ikklikkja hawn biex tmur lura għat-test prinċipali


    Top