EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0663

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-6 ta’ Lulju 2023.
Bundesamt für Fremdenwesen und Asyl vs AA.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2011/95/UE – Standards dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja – Artikolu 14(4)(b) – Revoka tal-istatus ta’ refuġjat – Ċittadin ta’ pajjiż terz ikkundannat permezz ta’ sentenza finali għal delitt partikolarment serju – Theddida għas-soċjetà – Stħarriġ tal-proporzjonalità – Direttiva 2008/115/UE – Ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu b’mod irregolari – Posponiment ta’ tneħħija.
Kawża C-663/21.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:540

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

6 ta’ Lulju 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2011/95/UE – Standards dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja – Artikolu 14(4)(b) – Revoka tal-istatus ta’ refuġjat – Ċittadin ta’ pajjiż terz ikkundannat permezz ta’ sentenza finali għal delitt partikolarment serju – Theddida għas-soċjetà – Stħarriġ tal-proporzjonalità – Direttiva 2008/115/UE – Ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu b’mod irregolari – Posponiment ta’ tneħħija”

Fil-Kawża C‑663/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Ottubru 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑5 ta’ Novembru 2021, fil-kawża

Bundesamt für Fremdenwesen und Asyl

vs

AA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President ta’ Awla, L. Bay Larsen (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, P. G. Xuereb, T. von Danwitz u A. Kumin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

Reġistratur: M. Krausenböck, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑10 ta’ Novembru 2022,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch, J. Schmoll u V.‑S. Strasser, bħala aġenti,

għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs, A. Van Baelen u M. Van Regemorter, bħala aġenti,

għall-Gvern Ċek, minn A. Edelmannová, M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u A. Hoeschet, bħala aġenti,

għall-Gvern Olandiż, minn M. K. Bulterman, M. H. S Gijzen u C. S. Schillemans, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Azéma, B. Eggers, L. Grønfeldt u A. Katsimerou, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑16 ta’ Frar 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9), kif ukoll tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU 2008, L 348, p. 98) u, b’mod partikolari, l-Artikolu 5 tagħha.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn AA, ċittadin ta’ pajjiż terz, u l-Bundesamt für Fremdenwesen und Asyl (l-Uffiċċju Federali għad-Dritt tal-Barranin u d-Dritt għall-Ażil, l-Awstrija) (iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju”) dwar id-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li jiġi rtirat l-istatus ta’ refuġjat ta’ AA, li jiġi rrifjutat li dan jingħata l-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja jew li jingħata permess ta’ residenza għal raġunijiet li jixirqilhom li jittieħdu inkunsiderazzjoni, li tittieħed deċiżjoni ta’ ritorn flimkien ma’ projbizzjoni ta’ residenza fil-konfront tiegħu u li jiġi ffissat terminu għal tluq volontarju.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt internazzjonali

3

Il-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffrimata f’Genève fit‑28 ta’ Lulju 1951 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954)), daħlet fis-seħħ fit‑22 ta’ April 1954. Hija ġiet ikkompletata mill-Protokoll dwar l-Istatus tar-Refuġjati, konkluż fi New York fil‑31 ta’ Jannar 1967 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève”).

4

L-Artikolu 33 ta’ din il-konvenzjoni jipprovdi:

“1.   Ebda wieħed mill-Istati Kontraenti ma għandu jkeċċi jew jirritorna (‘refouler’), bi kwalunkwe mod, refuġjat lejn il-fruntieri tat-territorji fejn il-ħajja jew il-libertà tiegħu tkun mhedda minħabba r-razza tiegħu, ir-reliġjon tiegħu, in-nazzjonalità tiegħu, l-appartenenza tiegħu fi grupp soċjali partikolari jew l-opinjoni politika tiegħu.

2.   Madankollu, il-benefiċċju ta’ din id-dispożizzjoni ma jistax jiġi invokat minn refuġjat li fir-rigward tiegħu jkun hemm raġunijiet serji li jitqies li huwa perikolu għas-sigurtà tal-pajjiż fejn ikun jinsab jew li, minħabba li kien is-suġġett ta’ kundanna definittiva għal reat partikolarment serju, jikkostitwixxi theddida għall-komunità tal-imsemmi pajjiż.”

Id‑Direttiva 2008/115

5

L-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2008/115 jipprevedi:

“L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx din id-Direttiva għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li:

(a)

huma soġġetti għal ċaħda ta’ dħul, skond l-Artikolu 13 ta[r-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU 2006, L 105, p. 1)], jew li jkunu arrestati jew interċettati mill-awtoritajiet kompetenti b’konnessjoni mal-qsim irregolari bl-art, bil-baħar jew bl-ajru tal-fruntiera esterna ta’ Stat Membru u li ma jkunux sussegwentement kisbu awtorizzazzjoni jew dritt biex joqogħdu f’dak l-Istat Membru;

(b)

huma soġġetti għal ritorn bħala sanzjoni tal-liġi kriminali jew bħala konsegwenza ta’ sanzjoni tal-liġi kriminali, skond il-liġi nazzjonali jew li huma soġġetti għal proċeduri ta’ estradizzjoni.”

6

Il-punt 3 tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(3)

‘ritorn’ tfisser il-proċess tat-tluq lura ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz - kemm jekk b’konformità volontarja ma’ obbligu ta’ ritorn kif ukoll jekk infurzat - għal:

il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jew tagħha, jew

pajjiż ta’ transitu skond ftehim ta’ riamissjoni Komunitarja jew bilaterali jew arranġamenti oħra, jew

pajjiż terz ieħor, li għalih iċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikkonċernat volontarjament jiddeċiedi li jirritorna u li fih hu jew hi ser jiġi aċċettat”.

7

L-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“Fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jieħdu kont dovut ta’:

(a)

l-aħjar interessi tat-tfal,

(b)

il-ħajja familjari,

(c)

l-istat tas-saħħa taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat u,

jirrispettaw il-prinċipju ta’ non-refoulement.”

8

L-Artikolu 6(1) tal-istess direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom joħorġu deċiżjoni ta’ ritorn għal ċittadin ta’ pajjiż terz li qed jissoġġorna illegalment fit-territorju tagħhom, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 2 sa 5.”

9

L-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2008/115 huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jinfurzaw id-deċiżjoni ta’ ritorn jekk ma jkun ingħata l-ebda perijodu għal tluq volontarju skond l-Artikolu 7(4) jew jekk l-obbligu ta’ ritorn ma jkunx ġie rispettat f’dan il-perijodu għat-tluq volontarju mogħti skond l-Artikolu 7.”

10

L-Artikolu 9(1)(a) ta’ din id-direttiva huwa redatt kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jipposponu t-tneħħija:

(a)

meta hija tikser il-prinċipju ta’ non-refoulement […]”.

Id‑Direttiva 2011/95

11

Il-premessa 16 tad-Direttiva 2011/95 hija fformulata kif ġej:

“Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea [(iktar ’il quddiem il-“Karta”)]. B’mod partikolari, din id-Direttiva tfittex li tiżgura rispett sħiħ għad-dinjità tal-bniedem u d-dritt għall-ażil għal applikanti u għall-membri tal-familja li jakkompanjawhom u sabiex tippromwovi l-applikazzjoni tal-Artikoli 1, 7, 11, 14, 15, 16, 18, 21, 24, 34 u 35 ta’ dik il-Karta u għandha għalhekk tiġi implimentata kif meħtieġ.”

12

L-Artikolu 2(d) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(d)

‘refuġjat’ ifisser ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz li, minħabba f’biża’ ġustifikat li jiġi persegwitat għar-raġunijiet ta’ razziżmu, reliġjon, nazzjonalità, opinjoni politika jew sħubija ta’ grupp soċjali partikolari, huwa barra mill-pajjiż ta’ nazzjonalità u ma jistax, jew minħabba dan il-biża’, ma jixtieqx japprofitta ruħu mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż, jew persuna mingħajr stat, li, minħabba li qiegħda barra mill-pajjiż tar-residenza abitwali ta’ qabel għall-istess raġunijiet kif imsemmija hawn fuq, ma tistax jew, minħabba f’dan il-biża’, ma tixtieqx tirritorna lejha, u li l-Artikolu 12 ma japplikax għaliha”.

13

L-Artikolu 14(4) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri jistgħu jirrevokaw, itemmu jew jirrifjutaw li jġeddu l-istatus mogħti lil refuġjat minn korp governattiv, amministrattiv, ġudizzjarju jew kważi-ġudizzjarju, meta:

(a)

ikun hemm bażi raġonevoli sabiex il-persuna titqies bħala periklu għas-sigurtà tal-Istat Membru li fih hija tkun preżenti;

(b)

hija, wara li tkun instabet ħatja minn sentenza finali ta’ delitt partikolarment serju, tikkostitwixxi periklu għall-komunità ta’ dak l-Istat Membru.”

14

L-Artikolu 21(2) tal-istess direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Fejn mhux projbit mill-obbligi internazzjonali msemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw (refoule) refuġjat, sewwa jekk rikonoxxut formalment u sewwa jekk le, meta:

(a)

ikun hemm bażi raġonevoli sabiex il-persuna titqies bħala periklu għas-sigurtà tal-Istat Membru li fih hija tkun preżenti; jew

(b)

il-persuna, wara li tkun instabet ħatja b’sentenza finali ta’ delitt partikolarment serju, tikostitwixxi periklu għall-komunità ta’ dak l-Istat Membru.”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

15

AA daħal illegalment fl-Awstrija fl‑10 ta’ Diċembru 2014 u, dakinhar stess, ressaq applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Permezz ta’ deċiżjoni tal-Uffiċċju tat‑22 ta’ Diċembru 2015, huwa ngħata l-istatus ta’ refuġjat.

16

Fit‑22 ta’ Marzu 2018, AA ġie kkundannat għal sena u tliet xhur priġunerija, kif ukoll għal multa kuljum għal 180 jum talli wettaq id-delitti ta’ theddid serju, ta’ distruzzjoni jew ta’ deterjorazzjoni tal-proprjetà ta’ ħaddieħor, ta’ użu pprojbit ta’ drogi u ta’ traffikar ta’ drogi. Fl‑14 ta’ Jannar 2019, AA ġie kkundannat għal tliet xhur priġunerija talli wettaq id-delitti ta’ offiża fuq il-persuna u ta’ theddid serju. Fil‑11 ta’ Marzu 2019, huwa ġie kkundannat għal sitt xhur priġunerija talli wettaq tentattiv ta’ offiża fuq il-persuna. Dawn il-pieni ta’ priġunerija nbidlu f’pieni sospiżi.

17

Fit‑13 ta’ Awwissu 2019, AA ġie kkundannat għal multa talli aġixxa b’mod aggressiv fil-konfront ta’ uffiċjal tal-pulizija.

18

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑24 ta’ Settembru 2019, l-Uffiċju rtira l-istatus ta’ refuġjat ta’ AA, irrifjuta li jagħtih l-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja jew permess ta’ residenza għal raġunijiet li jixirqilhom li jittieħdu inkunsiderazzjoni, ħa deċiżjoni ta’ ritorn flimkien ma’ projbizzjoni ta’ residenza fil-konfront tiegħu u ffissa terminu għal tluq volontarju, filwaqt li ddikjara li t-tneħħija tiegħu ma hijiex awtorizzata.

19

AA ppreżenta rikors kontra d-deċiżjoni tal-Uffiċċju tal‑24 ta’ Settembru 2019 quddiem il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, l-Awstrija). Sussegwentement, huwa ddikjara li kien qiegħed jirtira dan ir-rikors sa fejn kien jirrigwarda l-parti tad-dispożittiv ta’ din id-deċiżjoni li tikkonstata l-illegalità tat-tneħħija tiegħu.

20

Fis‑16 ta’ Ġunju u fit‑8 ta’ Ottubru 2020, AA ġie kkundannat għal erba’ u għal ħames xhur priġunerija, rispettivament, għad-delitti ta’ offiża fuq il-persuna u ta’ theddid serju, mingħajr ma ġew irrevokati s-sospensjonijiet mogħtija qabel.

21

Permezz ta’ sentenza tat‑28 ta’ Mejju 2021, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) annullat il-partijiet ikkontestati tad-deċiżjoni tal-Uffiċċju tal‑24 ta’ Settembru 2019. Din il-qorti kkonstatat li AA kien ġie kkundannat permezz ta’ sentenza finali talli wettaq delitt partikolarment serju u li huwa kien ta’ theddida għas-soċjetà. Madankollu, hija qieset li kien jaqbel li jiġu bbilanċjati l-interessi tal-Istat Membru tal-ażil u dawk taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat li jibbenefika minn protezzjoni internazzjonali, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-portata u n-natura tal-miżuri li jiġi espost għalihom dan tal-aħħar li kieku kellha tiġi rrevokata din il-protezzjoni. Issa, peress li AA, li kieku kellu jirritorna fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, kien ikun f’riskju ta’ tortura jew ta’ mewt, l-imsemmija qorti qieset li l-interessi tiegħu kienu jipprevalu fuq dawk tar-Repubblika tal-Awstrija.

22

L-Uffiċċju ppreżenta rikors għal reviżjoni kontra din is-sentenza quddiem il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija), li hija l-qorti tar-rinviju.

23

Din il-qorti tistaqsi jekk huwiex neċessarju, wara li jkun instab li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat kien ġie kkundannat permezz ta’ sentenza finali talli wettaq delitt serju u li huwa ta’ theddida għas-soċjetà, li, sabiex japplika l-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95, jiġu bbilanċjati l-interessi inkwistjoni, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-konsegwenzi li jista’ jkollu r-ritorn ta’ dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu.

24

Barra minn hekk, l-imsemmija qorti għandha dubji dwar il-kompatibbiltà mad-Direttiva 2008/115 ta’ deċiżjoni ta’ ritorn fil-każijiet fejn tkun ġiet irtirata l-protezzjoni internazzjonali, iżda fejn ikun diġà ġie stabbilit li t-tneħħija lejn il-pajjiż ta’ oriġini hija illegali. Fil-fatt, f’sitwazzjoni bħal din, ir-residenza ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz tkun ittollerata fl-Awstrija, mingħajr ma tkun waħda regolari u mingħajr ma tkun is-suġġett ta’ deċiżjoni effettiva ta’ ritorn.

25

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)

Fl-evalwazzjoni ta’ jekk l-istatus ta’ benefiċjarju tad-dritt għall-ażil mogħti preċedentement mill-awtorità kompetenti lil refuġjat jistax jiġi rrevokat minħabba r-raġuni msemmija fl-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva [2011/95], għandha ssir ponderazzjoni tal-interessi, bħala kriterju awtonomu, b’mod li l-interessi pubbliċi għal ritorn jipprevalu fuq l-interessi tar-refuġjat li jżomm il-protezzjoni mill-pajjiż tar-refuġju, fejn in-natura punibbli ta’ reat u l-perikolu potenzjali lis-soċjetà għandhom jiġu ponderati mal-interessi tal-persuna barranija fil-protezzjoni, inkluż l-estent u n-natura tal-miżuri mhedda fil-konfront tagħha?

(2)

Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva [2008/115], b’mod partikolari l-Artikoli 5, 6, 8 u 9 tagħha, jipprekludu sitwazzjoni ġuridika nazzjonali fejn tiġi adottata deċiżjoni ta’ ritorn fil-konfront ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li, minħabba r-revoka tal-istatus ta’ ażil, il-permess ta’ residenza preċedenti tiegħu bħala refuġjat jiġi rtirat, anki jekk huwa stabbilit fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn li t-tneħħija għal perijodu indefinit hija illegali minħabba l-prinċipju ta’ non-refoulement, u dan huwa wkoll stabbilit minn deċiżjoni li tista’ ssir definittiva?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel domanda

26

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni hija suġġetta għal kundizzjoni li jiġi stabbilit, wara li jiġu bbilanċjati l-interessi inkwistjoni, li l-interess pubbliku li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat jirritorna fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jipprevali fuq l-interess ta’ dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jżomm il-protezzjoni internazzjonali, fid-dawl tal-portata u tan-natura tal-miżuri li għalihom dan tal-aħħar jista’ jiġi espost li kieku kellu jirritorna fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu.

27

L-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95 jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jirrevokaw l-istatus mogħti lil refuġjat fejn, wara li jkun ġie kkundannat permezz ta’ sentenza finali għal delitt partikolarment serju, jitqies ta’ theddida għas-soċjetà tal-Istat Membru li jkun jinsab fih.

28

Mill-punti 27 sa 42 tas-sentenza tal-lum, Commissaire général aux réfugiés et aux apatrides (Refuġjat li jkun wettaq delitt serju) (C‑8/22), jirriżulta li sabiex japplika l-Artikolu 14(4)(b), għandhom jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet distinti li, minn naħa, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat ikun ġie kkundannat permezz ta’ sentenza finali għal delitt partikolarment serju u li, min-naħa l-oħra, ikun ġie stabbilit li dan tal-aħħar huwa ta’ theddida għas-soċjetà tal-Istat Membru li jkun jinsab fih.

29

Għalhekk, minkejja li d-domandi magħmula f’din il-kawża ma humiex relatati mal-ewwel minn dawn iż-żewġ kundizzjonijiet, għandu jiġi rrilevat li hija l-qorti tar-rinviju, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 51 tal-konklużjonijiet tiegħu, li għandha tivverifika jekk din il-kundizzjoni ġietx issodisfatta, billi tiżgura li tal-inqas wieħed mir-reati kriminali li għalihom ġie kkundannat AA permezz ta’ sentenza finali għandu jiġi kklassifikat bħala “delitt partikolarment serju”, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 14(4)(b).

30

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li mill-punti 23 sa 47 tas-sentenza tal-lum, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Delitt partikolarment gravi) (C‑402/22) jirriżulta li jikkostitwixxi “delitt partikolarment serju”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, delitt li, fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi tiegħu, huwa ta’ gravità eċċezzjonali, bħala wieħed mid-delitti li huma l-iktar ta’ ħsara għall-ordinament ġuridiku tas-soċjetà kkonċernata. Sabiex jiġi evalwat jekk delitt li ċittadin ta’ pajjiż terz ikun ġie kkundannat għalih permezz ta’ sentenza finali huwiex ta’ tali gravità, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-piena inflitta u l-piena mogħtija għal dan id-delitt, in-natura tiegħu, iċ-ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti li jistgħu jeżistu, in-natura intenzjonali jew le tal-imsemmi delitt, in-natura u l-portata tad-danni kkawżati mill-istess delitt, kif ukoll il-proċedura applikata sabiex jitrażżan dan id-delitt.

31

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, b’mod partikolari, fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, li l-applikazzjoni tal-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95 tista’ tiġi ġġustifikata biss fil-każ ta’ kundanna permezz ta’ sentenza finali għal delitt li, meqjus waħdu, jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “delitt partikolarment serju” u li għalhekk jippreżenta l-livell ta’ gravità msemmi fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, billi jiġi ppreċiżat li dan il-livell ta’ gravità ma jistax jintlaħaq permezz ta’ akkumulazzjoni ta’ reati distinti li l-ebda wieħed minnhom ma jikkostitwixxi, minnu nnifsu, delitt partikolarment serju.

32

Fir-rigward tat-tieni mill-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, mill-punti 46 sa 65 tas-sentenza tal-lum, Commissaire général aux réfugiés et aux apatrides (Refuġjat li jkun wettaq delitt serju) (C‑8/22) jirriżulta li miżura msemmija fl-istess Artikolu 14(4)(b) tista’ tittieħed biss fejn iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat ikun ta’ theddida reali, attwali u suffiċjentement gravi għal xi interess fundamentali tas-soċjetà tal-Istat Membru li jkun jinsab fih. Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ din it-theddida, hija l-awtorità kompetenti li għandha tevalwa ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ individwali inkwistjoni.

33

Barra minn hekk, kif ġie rrilevat fil-punti 66 sa 70 tal-imsemmija sentenza, din l-awtorità għandha twieżen, minn naħa, it-theddida li joħloq iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat għal xi interess fundamentali tas-soċjetà tal-Istat Membru li jkun jinsab fih u, min-naħa l-oħra, id-drittijiet li, konformement mad-Direttiva 2011/95, għandhom jiġu ggarantiti lill-persuni li jissodisfaw il-kundizzjonijiet sostantivi tal-Artikolu 2(d) ta’ din id-direttiva, bil-għan li jiġi ddeterminat jekk l-adozzjoni ta’ miżura msemmija fl-Artikolu 14(4)(b) tal-imsemmija direttiva jikkostitwixxix miżura sproporzjonata għal din it-theddida.

34

F’dan il-każ, għandu jiġi ddeterminat, fid-dawl tad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, jekk, fil-kuntest tal-eżerċizzju li jiġu bbilanċjati l-interessi inkwistjoni, l-Artikolu 14(4)(b) tal-istess direttiva jeħtieġx, barra minn hekk, li l-Istati Membri jieħdu inkunsiderazzjoni l-konsegwenzi, għaċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat jew għas-soċjetà tal-Istat Membru li jkun jinsab fih dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, li jista’ jkollu r-ritorn ta’ dan tal-aħħar fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu.

35

F’dan ir-rigward, għandu ċertament jiġi rrilevat li l-każijiet previsti fl-Artikolu 14(4) tad-Direttiva 2011/95, li fihom l-Istati Membri jistgħu jirrevokaw l-istatus ta’ refuġjat, jikkorrispondu, essenzjalment, għal dawk li fihom l-Istati Membri jistgħu jkeċċu refuġjat skont l-Artikolu 21(2) ta’ din id-direttiva u l-Artikolu 33(2) tal-Konvenzjoni ta’ Genève (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2019, M et (Revoka ta’ status ta’ refuġjat), C‑391/16, C‑77/17 u C‑78/17, EU:C:2019:403, punt 93).

36

Madankollu, filwaqt li l-Artikolu 33(2) tal-Konvenzjoni ta’ Genève jċaħħad, f’tali każijiet, lir-refuġjat mill-benefiċċju tal-prinċipju ta’ non-refoulement lejn pajjiż li fih ħajtu jew il-libertà tiegħu tkun mhedda, l-Artikolu 21(2) tad-Direttiva 2011/95 għandu, kif proprju tikkonferma l-premessa 16 tagħha, jiġi interpretat u applikat b’rispett tad-drittijiet iggarantiti mill-Karta, b’mod partikolari fl-Artikolu 4 u fl-Artikolu 19(2) tagħha, li jipprojbixxu b’mod assolut it-tortura kif ukoll il-pieni u t-trattamenti inumani jew degradanti, ikun xi jkun l-aġir tal-persuna kkonċernata, u dan jgħodd wkoll għat-tneħħija lejn Stat fejn jeżisti riskju serju li persuna tkun suġġetta għal tali trattamenti. Għaldaqstant, l-Istati Membri ma jistgħux ineħħu, ikeċċu jew jestradixxu lil barrani fejn jeżistu raġunijiet serji u sostanzjali sabiex wieħed jemmen li dan ser ikun f’riskju reali li jsofri minn trattament ipprojbit mill-Artikolu 4 u mill-Artikolu 19(2) tal-Karta fil-pajjiż ta’ destinazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2019, M et (Revoka ta’ status ta’ refuġjat), C‑391/16, C‑77/17 u C‑78/17, EU:C:2019:403, punt 94).

37

B’hekk, fejn ir-ritorn ta’ refuġjat li jaqa’ taħt wieħed mill-każijiet previsti fl-Artikolu 14(4), kif ukoll fl-Artikolu 21(2) tad-Direttiva 2011/95, iqiegħed lil dan tal-aħħar fir-riskju li jinkisru d-drittijiet fundamentali tiegħu sanċiti fl-Artikolu 4 u fl-Artikolu 19(2) tal-Karta, l-Istat Membru kkonċernat ma jistax jidderoga mill-prinċipju ta’ non-refoulement skont l-Artikolu 33(2) tal-Konvenzjoni ta’ Genève (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2019, M et (Revoka ta’ status ta’ refuġjat), C‑391/16, C‑77/17 u C‑78/17, EU:C:2019:403, punt 95).

38

F’dawn iċ-ċirkustanzi, sa fejn l-Artikolu 14(4) tad-Direttiva 2011/95 jipprevedi, fil-każijiet imsemmija fih, il-possibbiltà għall-Istati Membri li jirrevokaw l-istatus ta’ refuġjat, fis-sens ta’ din id-direttiva, filwaqt li l-Artikolu 33(2) tal-Konvenzjoni ta’ Genève jippermetti, min-naħa tiegħu, li refuġjat li jkun jinsab f’wieħed minn dawn il-każijiet jiġi rritornat lejn pajjiż li fih ħajtu jew il-libertà tiegħu tkun mhedda, id-dritt tal-Unjoni jipprevedi protezzjoni internazzjonali tar-refuġjati kkonċernati iktar wiesgħa minn dik żgurata mill-imsemmija konvenzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2019, M et (Revoka ta’ status ta’ refuġjat), C‑391/16, C‑77/17 u C‑78/17, EU:C:2019:403, punt 96).

39

Minn dan isegwi li, konformement mad-dritt tal-Unjoni, l-awtorità kompetenti tista’ tkun iġġustifikata li tirrevoka, skont l-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95, l-istatus ta’ refuġjat mogħti lil ċittadin ta’ pajjiż terz, mingħajr, madankollu, ma tkun neċessarjament awtorizzata tneħħi lil dan tal-aħħar lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu.

40

Mil-lat proċedurali, tali tneħħija timplika, barra minn hekk, it-teħid ta’ deċiżjoni ta’ ritorn, b’osservanza tal-garanziji sostantivi u proċedurali previsti mid-Direttiva 2008/115, li tipprevedi, b’mod partikolari, fl-Artikolu 5 tagħha, li l-Istati Membri, meta jiġu biex jimplimentaw din id-direttiva, huma marbuta josservaw il-prinċipju ta’ non‑refoulement.

41

Għalhekk, ir-revoka tal-istatus ta’ refuġjat, skont l-Artikolu 14(4) tad-Direttiva 2011/95, ma tistax titqies li timplika t-teħid ta’ pożizzjoni fir-rigward tal-kwistjoni distinta dwar jekk din il-persuna tistax titneħħa lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2010, B u D, C‑57/09 u C‑101/09, EU:C:2010:661, punt 110).

42

Għaldaqstant, il-konsegwenzi, għaċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat jew għas-soċjetà tal-Istat Membru li fih ikun jinsab dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, li jista’ jkollu r-ritorn eventwali ta’ dan tal-aħħar fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu ma humiex intiżi biex jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-waqt li tittieħed id-deċiżjoni ta’ revoka tal-istatut ta’ refuġjat, iżda, jekk ikun il-każ, fejn l-awtorità kompetenti tkun biħsiebha tieħu deċiżjoni ta’ ritorn fir-rigward tal-imsemmi ċittadin ta’ pajjiż terz.

43

Fid-dawl tal-premess, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li sabiex tapplika din id-dispożizzjoni, għandu jiġi stabbilit, mill-awtorità kompetenti, li r-revoka tal-istatut ta’ refuġjat tikkostitwixxi miżura proporzjonata fid-dawl tat-theddida li jirrappreżenta ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat għal xi interess fundamentali tas-soċjetà tal-Istat Membru li fih ikun jinsab dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz. Għal dan il-għan, din l-awtorità kompetenti għandha twieżen din it-theddida u d-drittijiet li għandhom jiġu ggarantiti, konformement ma’ din id-direttiva, lill-persuni li jissodisfaw il-kundizzjonijiet sostantivi tal-Artikolu 2(d) tal-imsemmija direttiva, mingħajr, madankollu, ma l-imsemmija awtorità kompetenti tkun marbuta, barra minn hekk, li tivverifika li l-interess pubbliku li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jirritorna fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jipprevali fuq l-interess ta’ dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jżomm il-protezzjoni internazzjonali, fid-dawl tal-portata u tan-natura tal-miżuri li għalihom dan tal-aħħar jista’ jiġi espost li kieku kellu jirritorna fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu.

Fuq it‑tieni domanda

44

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2008/115, b’mod partikolari l-Artikolu 5 tagħha, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi li tittieħed deċiżjoni ta’ ritorn fir-rigward ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz fejn ikun stabbilit li t-tneħħija ta’ dan tal-aħħar lejn il-pajjiż ta’ destinazzjoni previst tkun, bis-saħħa tal-prinċipju ta’ non‑refoulement, eskluża għal żmien indeterminat.

45

Għandu jiġi enfasizzat li, l-ewwel, mingħajr preġudizzju għall-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2008/115, din tal-aħħar tapplika għal kull ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun jirrisjedi b’mod irregolari fit-territorju ta’ Stat Membru. Barra minn hekk, kemm-il darba ċittadin ta’ pajjiż terz jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, huwa għandu, bħala prinċipju, jiġi suġġett għall-istandards u għall-proċeduri komuni previsti minn din id-direttiva għar-ritorn tiegħu, u dan sakemm ir-residenza tiegħu ma tkunx, jekk ikun il-każ, ġiet irregolarizzata (sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2022, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Tneħħija – Kannabis terapewtika), C‑69/21, EU:C:2022:913, punt 52).

46

Fid-dawl ta’ dan, jirriżulta, minn naħa, mill-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/115 li, ladarba tiġi stabbilita n-natura irregolari tar-residenza, kull ċittadin ta’ pajjiż terz għandu, mingħajr preġudizzju għall-eċċezzjonijiet previsti fil-paragrafi 2 sa 5 ta’ dan l-artikolu u b’osservanza stretta tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, ikun is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ritorn, li għandha tidentifika, fost il-pajjiżi terzi msemmija fl-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2008/115, dak li għandu jitneħħa lejh (sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2022, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Tneħħija – Kannabis terapewtika), C‑69/21, EU:C:2022:913, punt 53).

47

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li ċittadin ta’ pajjiż terz li l-istatus ta’ refuġjat tiegħu jkun ġie rrevokat għandu jitqies li jkun qiegħed jirrisjedi b’mod irregolari u dan sakemm ma jingħatax permess ta’ residenza ta’ tip ieħor mill-Istat Membru li jkun jinsab fih.

48

Min-naħa l-oħra, Stat Membru ma jistax ineħħi lil ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi b’mod irregolari, skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/115, mingħajr ma tkun ittieħdet minn qabel deċiżjoni ta’ ritorn fir-rigward ta’ dan iċ-ċittadin b’osservanza tal-garanziji sostantivi u proċedurali li tistabbilixxi din id-direttiva (sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2022, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Tneħħija – Kannabis terapewtika), C‑69/21, EU:C:2022:913, punt 54).

49

It-tieni, l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115, li jikkostitwixxi regola ġenerali li torbot lill-Istati Membri hekk kif jimplimentaw din id-direttiva, jobbliga lill-awtorità nazzjonali kompetenti tosserva, fl-istadji kollha tal-proċedura ta’ ritorn, il-prinċipju ta’ non‑refoulement, iggarantit, bħala dritt fundamentali, fl-Artikolu 18 tal-Karta, moqri flimkien mal-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Genève, kif ukoll fl-Artikolu 19(2) tal-Karta. Dan jgħodd ukoll, b’mod partikolari, fejn din l-awtorità tkun biħsiebha, wara li tkun semgħet lill-persuna kkonċernata, tieħu deċiżjoni ta’ ritorn fil-konfront tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2022, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Tneħħija – Kannabis terapewtika), C‑69/21, EU:C:2022:913, punt 55).

50

Għalhekk, l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115 jipprekludi li ċittadin ta’ pajjiż terz ikun is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ritorn fejn din id-deċiżjoni tkun tirrigwarda, bħala pajjiż ta’ destinazzjoni, lil pajjiż fejn jeżistu raġunijiet sostanzjali sabiex wieħed jemmen li, li kieku kellha tiġi eżegwita l-imsemmija deċiżjoni, dan iċ-ċittadin ikun espost għal riskju reali ta’ trattament li jmur kontra l-Artikolu 18 jew l-Artikolu 19(2) tal-Karta (sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2022, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Tneħħija – Kannabis terapewtika), C‑69/21, EU:C:2022:913, punt 56).

51

Dan huwa preċiżament il-każ, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn l-awtorità kompetenti tikkunsidra li tirritorna lil ċittadin ta’ pajjiż terz lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, iżda tkun diġà kkonstatat li l-prinċipju ta’ non‑refoulement iservi ta’ ostakolu għal tali ritorn.

52

Fid-dawl tal-premess, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li tittieħed deċiżjoni ta’ ritorn fir-rigward ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz fejn ikun stabbilit li t-tneħħija ta’ dan tal-aħħar lejn il-pajjiż ta’ destinazzjoni previst tkun, bis-saħħa tal-prinċipju ta’ non‑refoulement, eskluża għal żmien indeterminat.

Fuq l‑ispejjeż

53

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

sabiex tapplika din id-dispożizzjoni, għandu jiġi stabbilit, mill-awtorità kompetenti, li r-revoka tal-istatut ta’ refuġjat tikkostitwixxi miżura proporzjonata fid-dawl tat-theddida li jirrappreżenta ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat għal xi interess fundamentali tas-soċjetà tal-Istat Membru li jkun jinsab fih dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz. Għal dan il-għan, din l-awtorità kompetenti għandha twieżen din it-theddida u d-drittijiet li għandhom jiġu ggarantiti, konformement ma’ din id-direttiva, lill-persuni li jissodisfaw il-kundizzjonijiet sostantivi tal-Artikolu 2(d) tal-imsemmija direttiva, mingħajr, madankollu, ma l-imsemmija awtorità kompetenti tkun marbuta, barra minn hekk, li tivverifika li l-interess pubbliku li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jirritorna fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jipprevali fuq l-interess ta’ dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jżomm il-protezzjoni internazzjonali, fid-dawl tal-portata u tan-natura tal-miżuri li dan tal-aħħar jista’ jiġi espost għalihom li kieku kellu jirritorna fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu.

 

2)

L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jipprekludi li tittieħed deċiżjoni ta’ ritorn fir-rigward ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz fejn ikun stabbilit li t-tneħħija ta’ dan tal-aħħar lejn il-pajjiż ta’ destinazzjoni previst tkun, bis-saħħa tal-prinċipju ta’ non‑refoulement, eskluża għal żmien indeterminat.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top