EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0272

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tat-23 ta’ Jannar 2019.
K.M. Zyla vs Staatssecretaris van Financiën.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-ħaddiema – Ugwaljanza fit-trattament – Taxxa fuq id-dħul – Kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali – Ħaddiem li telaq mill-Istat Membru ta’ fejn huwa impjegat matul is-sena kalendarja – Applikazzjoni tar-regola pro rata temporis għat-tnaqqis fil-ġbir tal-kontribuzzjonijiet.
Kawża C-272/17.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:49

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

23 ta’ Jannar 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-ħaddiema – Ugwaljanza fit-trattament – Taxxa fuq id-dħul – Kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali – Ħaddiem li telaq mill-Istat Membru ta’ fejn huwa impjegat matul is-sena kalendarja – Applikazzjoni tar-regola pro rata temporis għat-tnaqqis fil-ġbir tal-kontribuzzjonijiet”

Fil-Kawża C‑272/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Mejju 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Mejju 2017, fil-proċedura

K.M. Zyla

vs

Staatssecretaris van Financiën

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala President tal-Għaxar Awla, F. Biltgen u E. Levits (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: C. Strömholm, amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-30 ta’ Mejju 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal K.M. Zyla, minn S. C. W. Douma, professur,

għall-Gvern Olandiż, minn M. L. Noort u M. K. Bulterman, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. van Beek u M. Kellerbauer, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-11 ta’ Lulju 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 45 TFUE.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn K. M. Zyla u Staatssecretaris van Financiën (is-Segretarju tal-Istat għall-finanzi, il-Pajjiżi l-Baxxi), dwar id-determinazzjoni tal-ammont tat-tnaqqis pro rata temporis fil-ġbir relatat mal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali li hija għandha tħallas.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72):

“Dan ir-Regolament għandu japplika għal-leġislazzjoni kollha li tikkonċerna l-fergħat li ġejjin tas-sigurtà soċjali:

a)

benefiċċji marbutin mal-mard;

b)

benefiċċji ta’ maternità u benefiċċji ekwivalenti ta’ paternità;

(ċ)

benefiċċji marbutin ma’ l-invalidità;

d)

benefiċċji marbuta ma’ l-età;

[…]”.

4

L-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“Sakemm dan ir-Regolament ma jgħidx mod ieħor, persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom igawdu l-istess benefiċċji u għandhom ikunu suġġetti għall-istess obbligi taħt il-leġislazzjoni ta’ kull Stat Membru daqs li kieku kienu ċittadini ta’ dak l-Istat Membru.”

5

L-Artikolu 5(a) tal-imsemmi regolament huwa fformulat kif ġej:

“Sakemm dan ir-Regolament ma jgħidx mod ieħor, u fid-dawl tad-disposizzjonijiet speċjali ta’ implimentazzjoni stabbiliti, għandu japplika dan li ġej:

a)

meta, taħt il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru kompetenti, ir-riċeviment ta’ benefiċċji tas-sigurtà soċjali u ta’ dħul ieħor joħloq ċerti effetti legali, id-disposizzjonijiet rilevanti ta’ dik il-leġislazzjoni għandhom japplikaw ukoll għar-riċeviment ta’ benefiċċji ekwivalenti miksuba taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru ieħor u għal dħul miksub fi Stat Membru ieħor;”

6

It-Titolu II tar-Regolament Nru 883/2004, intitolat “Determinazzjoni tal-leġislazzjoni applikabbli”, jinkludi l-Artikolu 11, li jipprovdi:

“1.   Il-persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom ikunu suġġetti għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru wieħed biss. Din il-leġislazzjoni għandha tkun determinata skond dan it-Titolu.

[…]

3.   Bla ħsara għall-Artikolu 12 sa 16:

a)

persuna li twettaq attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha fi Stat Membru għandha tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat Membru;

[…]

e)

kull persuna oħra li għaliha ma japplikawx is-subparagrafi (a) sa (d) għandha tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru fejn għandha r-residenza tagħha, […]”.

Id-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi

7

Skont l-Artikolu 8.1 tal-Wet op de inkomstenbelasting 2001 (il-Liġi tal-2001 dwar it-Taxxa fuq id-Dħul), it-taxxa fuq id-dħul u l-kontribuzzjonijiet soċjali jinġabru mis-servizzi fiskali permezz ta’ ġbir li dan l-artikolu jikkwalifika bħala kkombinat. L-ammont totali tal-“ġbir ikkombinat” dovuta minn persuna jinkiseb billi l-ammont tat-taxxa fuq id-dħul minn xogħol u minn sorsi oħra, bħall-akkomodazzjoni u t-tfaddil jingħadd ma dak tal-kontribuzzjonijiet soċjali. L-imsemmi Artikolu jipprevedi li r-rata tal-“ġbir ikkombinat” hija dik li tirriżulta mis-somma tar-rata tat-taxxa għall-ewwel parti u mir-rati ta’ kontribuzzjonijiet applikabbli. Dan il-liġi tipprevedi wkoll li l-ammont ta’ dan il-“ġbir ikkombinat” jista’ jitnaqqas, fejn it-“tnaqqis tal-ġbir ikkombinat” għandu jinftiehem, fis-sens ta’ dan l-istess artikolu, bħala li huwa l-ammont totali tat-tnaqqis tal-ġbir relatata mat-taxxa fuq id-dħul flimkien ma dak tat-tnaqqis relatat mal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali.

8

Skont l-Artikolu 8.10 tal-Liġi tal-2001 dwar it-Taxxa fuq id-Dħul, it- “tnaqqis ġenerali tal-ġbir” tapplika għall-kontribwenti kollha. Din kienet tammonta, għas-sena 2013, għal EUR 2001.

9

Il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali huma rregolati mill-Algemene Ouderdomswet (il-Liġi dwar l-Assigurazzjoni għax-Xjuħija), l-Algemene Nabestaandenwet (il-Liġi dwar l-Assigurazzjoni Ġenerali għar-Romol) u l-Algemene Wet Bijzondere Ziektekosten (il-Liġi dwar l-Assigurazzjoni Ġenerali għall-Ispejjez Speċjali tal-Mard). Huma affiljati ma’ dawn it-tliet sistemi ta’ assigurazzjoni r-residenti tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-persuni mhux residenti suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul minħabba xogħol imħallas ipprovdut f’dan l-Istat Membru.

10

L-Artikolu 9 ta’ Wet financiering sociale verzekeringen (il-Liġi dwar il-Finanzjament tas-Sigurtà Soċjali, iktar’ il quddiem il-“WFSV”) jipprovdi:

“Il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali dovuti huma l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali war li minnhom jitnaqqas it-tnaqqis tal-ġbir relatat mal-kontribuzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali applikabbli għall-persuna responsabbli għall-ħlas tal-kontribuzzjonijiet.”

11

Artikolu 12(1)(a) sa (c) tal-WFSV jiddetermina l-modalitajiet tat-“tnaqqis ġenerali” tal-ġbir relatat mal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali. Fil-paragrafu 3 ta’ din id-dispożizzjoni, huwa speċifikat li kull persuna li ħallset il-kontribuzzjonijiet matul is-sena kalendarja kollha għandha dritt għal dan it-tnaqqis.

12

L-Artikolu 2.6a tar-Regeling Wet financiering sociale verzekeringen (id-Digriet ta’ implimentazzjoni tal-Liġi dwar il-finanzjament tas-sigurtà soċjali, iktar’ il quddiem id-“Digriet ta’ implimentazzjoni”) jipprovdi:

“Fir-rigward tal-persuna li, matul parti mis-sena kalendarja, ma tkunx suġġetta għall-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet għal raġunijiet oħra għajr mewt, it-tnaqqis tal-ġbir imsemmi fl-Artikolu 12(1)(a), (b) u (c) tal-WFSV għandu jitnaqqas pro rata temporis, b’mod proporzjonali għall-perijodu fejn kien hemm l-obbligu ta’ kontribuzzjoni matul is-sena kalendarja.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

13

K. M. Zyla, li hija ta’ nazzjonalità Pollakka, ħadmet fil-Pajjiżi l-Baxxi, mill-1 ta’ Jannar sal-21 ta’ Ġunju 2013. Matul dan il-perijodu, hija kienet affiljata taħt is-sistema ġenerali tas-sigurtà soċjali Olandiża u kienet responsabbli għall-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali relatati ma dan ix-xogħol. K. M. Zyla, sussegwentement, marret il-Polonja, fejn stabbilixxiet ir-residenza tagħha u fejn ma wettqet, matul is-sena 2013, ebda xogħol bi ħlas.

14

Għax-xogħol imwettaq matul is-sena 2013 fil-Pajjiżi l-Baxxi, K. M. Zyla rċeviet dħul ta’ EUR 9401. Minn dan id-dħul, ammont ta’ EUR 1399 inżamm f’ras il-għajn bħala taxxa fuq is-salarju. Hija kienet ukoll responsabbli għall-ħlas ta’ somma ta’ EUR 2928 bħala kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali. Fil-kuntest tal-istabbiliment tal-kont tat-taxxa tagħha għal dik is-sena, K. M. Zyla, b’applikazzjoni tad-dritt nazzjonali, ibbenefikat, fil-kwalità tagħha ta’ residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi, minn tnaqqis ġenerali ta’ taxxa kemm fir-rigward tal-ammont tat-taxxa fuq id-dħul kif ukoll fuq dak tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali. Għalhekk, mit-taxxa fuq id-dħul u mill-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali dovuti tnaqqas kemm ammont ta’ EUR 1254 bħala tnaqqis ġenerali kif ukoll ammont ta’ EUR 840 bħala tnaqqis għall-impjegati. Il-Qorti tar-rinviju tippreċiża li, peress li l-persuna kkonċernata ma baqgħetx responsabbli għall-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali sa mit-22 ta’ Ġunju 2013, l-amministrazzjoni fiskali, skont l-Artikolu 2.6a tad-Digriet ta’ Implimentazzjoni, naqqset il-parti tat-tnaqqis ġenerali ta’ ġbir relatat ma’ dawn il-kontribuzzjonijiet, b’mod proporzjonali għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni obbligatorja ta’ K. M. Zyla matul is-sena 2013.

15

Peress li r-rikors ippreżentat minn K. M. Zyla quddiem ir-Rechtbank Zeeland-West-Brabant (il-Qorti ta’ Zeeland-West-Brabant, il-Pajjiżi l-Baxxi) kontra dan il-kont tat-taxxa, li permezz tiegħu hija ssostni li l-Artikolu 2.6a tad-Digriet ta’ Implimentazzjoni jwassal għal differenza fit-trattament bejn residenti u mhux residenti, li jikkostitwixxi ostakolu għall-moviment liberu tal-ħaddiema ggarantit mill-Artikolu 45 TFUE, ġie miċħud, hija appellat mis-sentenza quddiem il-Gerechtshof ’s-Hertogenbosch (il-Qorti tal-Appell ta’ Hertogenbosch, il-Pajjiżi l-Baxxi). Il-Qorti tal-appell ċaħdet ukoll it-talbiet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, għar-raġuni li, peress li din tal-aħħar eżerċitat attività bħala persuna impjegata fil-Pajjiżi l-Baxxi, fis-sens tal-Artikolu 45 TFUE, biss matul perijodu speċifiku, hija ma setgħetx tistenna li tibbenefika mill-ammont totali tal-parti tat-tnaqqis ġenerali tal-ġbir relatat mal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali. Il-Qorti tal-appell tirrileva wkoll li l-leġiżlazzjoni nazzjonali, li tipprevedi din il-limitazzjoni tal-ammont tat-tnaqqis ġenerali ta’ ġbir, ma tistabbilixxi l-ebda differenza fit-trattament, peress li skontha l-ammont tat-tnaqqis mogħti jiddependi fuq l-affiljazzjoni jew in-nuqqas ta’ affiljazzjoni mas-sistema ta’ sigurtà soċjali nazzjonali u fuq it-tul tal-perijodu ta’ kontribuzzjoni.

16

Adita b’appell ta’ kassazzjoni ppreżentat mill-persuna kkonċernata, il-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) tistaqsi jekk it-tnaqqis parzjali tal-ġbir applikat fir-rigward ta K. M. Zyla huwiex konformi mad-dritt tal-Unjoni u b’mod partikolari mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

17

Il-Qorti tar-rinviju tqis li l-Artikolu 45 TFUE jista’ jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix l-applikazzjoni ta’ tnaqqis ta’ ġbir ta’ kontribuzzjonijiet soċjali b’mod proporzjonali għat-tul ta’ affiljazzjoni tal-persuna taxxabbli, iżda madankollu tistaqsi jekk ħaddiem, li kiseb it-totalità tad-dħul annwali tiegħu fi Stat Membru li tiegħu ma għadux residenti, għandux ikollu dritt għat-totalità tal-parti tat-tnaqqis tal-ġbir relatat mal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, għalkemm dan il-ħaddiem ma kienx affiljat mas-sigurtà soċjali ta’ dan l-Istat Membru matul is-sena kollha.

18

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-Artikolu 45 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li għandha l-konsegwenza li ħaddiem li, fuq il-bażi tar-Regolament [tal-Kunsill] Nru 1408/71 [tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 tal-14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-Sigurtà Soċjali għal persuni impjegati, għal persuni li jaħdmu għal rashom u għal membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità, fil-verżjoni emendata tiegħu u aġġornata mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97 tat-2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3)] jew tar-Regolament Nru 883/2004, ikun affiljat matul parti mis-sena kalendarja ma’ sistema ta’ assigurazzjoni soċjali f’dan l-Istat Membru u li, meta jinġabru dawn il-kontribuzzjonijiet għal din l-assigurazzjoni soċjali, huwa jkollu biss dritt għal porzjon mill-parti tat-tnaqqis ġenerali ta’ taxxa marbut [ġbir relatat] mal-kontribuzzjonijiet, [porzjon] li huwa stabbilit prorata temporis b’rabta mal-perijodu ta’ affiljazzjoni, jekk, matul il-kumplament tas-sena kalendarja, dan il-ħaddiem ma kienx affiljat mas-sistema ta’ assigurazzjoni soċjali ta’ dan l-Istat Membru u kien jirrisjedi fi Stat Membru ieħor filwaqt li għamel it-totalità (jew kważi t-totalità) tad-dħul annwali tiegħu fl-ewwel Stat Membru msemmi?”.

Fuq id-domanda preliminari

19

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 45 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, bil-għan li jiġi stabbilit l-ammont tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali dovuti minn ħaddiem, tipprevedi li t-tnaqqis tal-ġbir relatat ma’ dawn il-kontribuzzjonijiet, li għalih ħaddiem għandu dritt għal sena kalendarja, għandu jkun proporzjonali għall-perijodu li matulu dan il-ħaddiem ikun affiljat mas-sistema ta’ sigurtà soċjali tal-imsemmi Stat Membru, u għalhekk mit-tnaqqis annwali teskludi parti li tkun proporzjonali għal kull perijodu li matulu dan il-ħaddiem ma kienx affiljat ma’ din is-sistema u rrisjeda fi Stat Membru ieħor fejn ma eżerċita ebda attività professjonali.

20

Skont ġurisprudenza stabbilita, ċittadin tal-Unjoni Ewropea, indipendentement mill-post ta’ residenza tiegħu u min-nazzjonalità tiegħu, li jeżerċita d-dritt tal-moviment liberu tal-ħaddiema u li eżerċita attività professjonali fi Stat Membru għajr dak fejn oriġina, jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 45 TFUE (sentenza tat-7 ta’ Marzu 2018, DW, C‑651/16, EU:C:2018:162, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21

Minn dan isegwi li s-sitwazzjoni ta’ K. M. Zyla, ċittadina Pollakka, li marret fil-Pajjiżi l-Baxxi sabiex hemmhekk teżerċità attività bħala persuna impjegata mill-1 Jannar sal-21 ta’ Ġunju 2013 taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 45 TFUE.

22

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li d-dispożizzjonijiet kollha tat-Trattat FUE relatati mal-moviment liberu tal-persuni huma intiżi sabiex jiffaċilitaw, għaċ-ċittadini tal-Unjoni, l-eżerċizzju ta’ attivitajiet professjonali ta’ kull xorta fit-territorju kollu tal-Unjoni, u jipprekludu l-miżuri li jistgħu jisfavorixxu dawn iċ-ċittadini meta huma jkunu jixtiequ jeżerċitaw attività ekonomika fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor (sentenza tat-7 ta’ Marzu 2018, DW, C‑651/16, EU:C:2018:162, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23

Għalhekk, dispożizzjonijiet li jimpedixxu jew jiddiswadu ċittadin ta’ Stat Membru milli jitlaq mill-Istat tal-oriġini tiegħu sabiex jeżerċità d-dritt tiegħu tal-moviment liberu, jikkostitwixxu ostakoli għal din il-libertà anki jekk dawn japplikaw indipendentement min-nazzjonalità tal-ħaddiema kkonċernati (sentenzi tas-16 ta’ Frar 2006, Rockler, C‑137/04, EU:C:2006:106, punt 18, u tas-16 ta’ Frar 2006, Öberg, C‑185/04, EU:C:2006:107, punt 15 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, hekk kif jagħmel il-Gvern Olandiż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit fl-Artikolu 45 TFUE jipprojbixxi mhux biss id-diskriminazzjonijiet ċari, ibbażati fuq in-nazzjonalità, iżda anki kull forma moħbija ta’ diskriminazzjoni li, permezz tal-applikazzjoni ta’ kriterji oħra ta’ distinzjoni, effettivament iwasslu għall-istess riżultat. Sakemm ma tkunx oġġettivament iġġustifikata u proporzjonali għall-għan imfittex, dispożizzjoni nazzjonali, għalkemm applikabbli mingħajr distinzjoni skont iċ-ċittadinanza, għandha tiġi kkunsidrata bħala indirettament diskriminatorja meta tista’, min-natura tagħha stess, taffettwa ħażin iktar lill-ħaddiema emigranti milli lill-ħaddiema nazzjonali u meta, b’konsegwenza ta’ dan, ikun hemm ir-riskju li tisfavorixxi lil tal-ewwel b’mod iktar partikolari (sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2013, Zentralbetriebsrat der gemeinnützigen Salzburger Landeskliniken, C‑514/12, EU:C:2013:799, punti 25 u 26).

25

F’dan il-każ, l-Artikolu 2.6a tad-Digriet ta’ implimentazzjoni jaffettwa bl-istess mod lill-persuni kollha li ma kinux responsabbli għall-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali matul parti mis-sena kalendarja, mingħajr ma ssir distinzjoni abbażi tan-nazzjonalità tagħhom. Kif ikkonstata l-Avukat Ġenerali fil-punt 47 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-imsemmija dispożizzjoni għalhekk ma tistabbilixxi ebda diskriminazzjoni diretta bbażata fuq in-nazzjonalità.

26

Madankollu, sabiex miżura tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala indirettament diskriminatorja, ma huwiex neċessarju li jkollha l-effett li tiffavorixxi ċ-ċittadini nazzjonali kollha jew li ma tkunx tiffavorixxix biss liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra minbarra dawk nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, Larcher, C‑523/13, EU:C:2014:2458, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 22 u 23 ta’ din is-sentenza jirriżulta li anki ostakli għall-moviment liberu tal-ħaddiema li ma humiex ta’ natura diskriminatorja huma, bħala prinċipju, ipprojbita mill-Artikolu 45 TFUE.

27

F’dan il-każ, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 2.6a tal-imsemmi digriet jikkostitwixxix miżura indirettament diskriminatorja jew ostakolu għall-moviment liberu tal-ħaddiema, għandha tiġi ddeterminata, l-ewwel nett, in-natura fiskali jew soċjali ta’ din id-dispożizzjoni, peress li r-regoli tad-dritt tal-Unjoni applikabbli huma differenti skont wieħed jew ieħor minn dawn il-każijiet.

28

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, hekk kif ġie kkonstatat fil-punti 7 u 14 ta’ din is-sentenza, li t-tnaqqis ta’ ġbir abbażi tal-kontribuzzjonijiet soċjali huwa stabbilit f’leġiżlazzjoni dwar l-istabbiliment tat-taxxa fuq id-dħul li tiġbor flimkien is-sistema tal-rkupru tat-taxxa fuq id-dħul tal-persuni fiżiċi li huma suġġetti għaliha u s-sistema tal-irkupru tal-kontribuzzjonijiet soċjali tagħhom.

29

Madankollu, għalkemm it-taxxi u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali jinġabru b’mod konġunt, id-dħul mit-taxxa jiġi allokat għar-riżorsi ġenerali tal-awtoritajiet, filwaqt li d-dħul mill-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali jiżdied mal-fondi allokati għal assigurazzjonijiet speċifiċi li għalihom jinġabru l-kontribuzzjonijiet. Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, fl-istruttura tat-tnaqqis tal-ġbir, il-part ta’ dan it-tnaqqis relatata mat-taxxa hija distinta mill-parti tat-tnaqqis relatata mal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali. Hija żżid li, skont l-Artikolu 12(1) tal-WFSV, id-dritt għall-parti tat-tnaqqis ta’ taxxa relatat ma’ dawn il-kontribuzzjonijiet jeżisti biss jekk il-persuna kkonċernata hija responsabbli għall-ħlas ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet.

30

Minn dan jirriżulta li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkonċerna ġbir li huwa allokat speċifikament u direttament għall-finanzjament tas-sigurtà soċjali. Din il-leġiżlazzjoni għalhekk għandha rabta diretta u suffiċjentement rilevanti mal-liġijiet li jirregolaw il-friegħi tas-sigurtà soċjali elenkati fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 883/2004 u taqa’, għalhekk, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, de Ruyter, C‑623/13, EU:C:2015:123, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-kawża prinċipali għalhekk tikkonċerna eventwali restrizzjoni tal-moviment liberu tal-ħaddiema kkawżata minn miżura ta’ natura soċjali, li tifforma parti integrali mis-sistema ta’ sigurtà soċjali nazzjonali.

31

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-prinċipji emanenti mill-ġurisprudenza dwar il-kundizzjonijiet ta’ ssuġġettar għat-taxxa fuq id-dħul salarjali, li jirriżultaw b’mod partikolari mis-sentenzi tal-14 ta’ Frar 1995, Schumacker (C‑279/93, EU:C:1995:31), u tas-16 ta’ Ottubru 2008, Renneberg (C‑527/06, EU:C:2008:566), invokati minn K. M. Zyla fl-osservazzjonijiet tagħha, ma humiex applikabbli f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

32

Din l-evalwazzjoni ma hijiex ikkonfutata bil-fatt, enfasizzat mill-qorti tar-rinviju, li mekkaniżmu ta’ kumpens jippermetti li parti mit-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tiġi paċuta mat-taxxa fuq id-dħul, billi din tal-aħħar titnaqqas meta l-ammont tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali jkun iktar baxx minn dak tat-tnaqqis applikabbli għall-imsemmija kontribuzzjonijiet.

33

Il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-fatt, diġà kellha l-opportunità li tikkonstata li huwa biss b’mod eċċezzjonali li l-affiljati mas-sistema tas-sigurtà soċjali Olandiża jibbenefikaw minn tnaqqis fit-taxxa abbażi tal-assigurazzjonijiet soċjali, peress li huwa biss fil-każijiet fejn persuna affiljata ma tistax tpaċi t-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet mal-kontribuzzjonijiet dovuti li hija tista’ titlob il-benefiċċju ta’ tali tnaqqis tat-taxxi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2005, Blanckaert, C-512/03, EU:C:2005:516, punt 47). Minn dan isegwi li l-eżistenza tal-mekkaniżmu ta’ tpaċija msemmi fil-punt 32 ta’ din is-sentenza ma taffettwax in-natura tat-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali previst mid-dritt Olandiż, tnaqqis li, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 63 tal-konklużjonijiet tiegħu, huwa intiża speċifikament sabiex itaffi l-isforz ekonomiku li l-imsemmija kontribuzzjonijiet jirrappreżentaw għall-ħaddiem.

34

Dan espost, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, għalkemm bħala prinċipju l-Istati Membri jżommu l-kompetenza tagħhom fir-rigward tat-tmexxija tas-sistemi tas-sigurtà soċjali tagħhom, madankollu huma għandhom, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, josservaw id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2016, Pöpperl, C-187/15, EU:C:2016:550, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35

Peress li d-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tifforma parti mis-sistema ta’ sigurtà soċjali Olandiża, għandu jiġi ddeterminat, fit-tieni lok, jekk, bħala tali, din tikkostitwixxi miżura indirettament diskriminatorja jew ostakolu għall-moviment liberu tal-ħaddiema.

36

F’dan ir-rigward, kif ġie espost fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, is-sitwazzjoni ta’ K. M. Zyla taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli ta’ koordinazzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali li jirriżultaw mir-Regolament Nru 883/2004.

37

Fir-rigward ta’ dan il-punt għandu jitfakkar li, sabiex jiġi żgurat il-moviment liberu tal-ħaddiema fl-Unjoni filwaqt li jiġi osservat il-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament tagħhom skont id-diversi leġiżlazzjonijiet nazzjonali, ir-Regolament Nru 1408/71, u sussegwentement ir-Regolament Nru 883/2004, implimentaw sistema ta’ koordinazzjoni li tirrigwarda b’mod partikolari l-istabbiliment tal-leġiżlazzjoni jew tal-leġiżlazzjonijiet applikabbli għall-ħaddiema impjegati li jużaw, f’ċirkustanzi differenti, id-dritt tagħhom għall-moviment liberu (sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, de Ruyter, C-623/13, EU:C:2015:123, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

In-natura kompleta ta’ din is-sistema ta’ regoli ta’ kunflitt għandha bħala effett li tneħħi s-setgħa tal-leġiżlatur ta’ kull Stat Membru li jiddetermina liberament il-portata u l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu fir-rigward ta’ persuni suġġetti għaliha u fir-rigward tat-territorju li fih id-dispożizzjonijiet nazzjonali jipproduċu l-effetti tagħhom (sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, de Ruyter, C-623/13, EU:C:2015:123, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39

Fil-kawża prinċipali, K. M. Zyla, skont l-Artikolu 11(1) u 3(a) tar-Regolament Nru 883/2004 kienet, matul il-perijodu li jikkorrispondi għall-attività imħallsa tagħha til-Pajjiżi l-Baxxi, suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru u affiljata mas-sistema tas-sigurtà soċjali Olandiża. Minħabba din l-affiljazzjoni K. M. Zyla setgħet tibbenefika, abbażi tal-imsemmi perijodu, mit-tnaqqis tal-ġbir relatat mal-kontirubuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali. Minn-naħa l-oħra, peress li K. M. Zyla ma baqgħetx affiljata mas-sistema tas-sigurtà soċjali Olandiża u, għaldaqstant, ma beqgħetx responsabbli għall-ħlas tal-kontribuzzjonijiet wara t-tluq tagħha mill-Pajjiżi l-Baxxi u wara li marret lura lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħha, hija ma bbenefikatx, b’applikazzjoni tal-Artikolu 2.6a tad-Digriet ta’ implimentazzjoni, mill-ammont kollu tat-tnaqqis tal-ġbir tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali.

40

Għalhekk huwa biss fir-rigward tat-tieni parti tas-sena 2013 li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali wasslet għal differenza fit-trattament bejn K. M. Zyla u persuna li baqgħet affiljata mas-sistema tas-sigurtà soċjali Olandiża matul din is-sena kollha. Fil-fatt, tali persuna, għalkemm ma baqgħetx tirċievi, l-istess bħal K. M. Zyla, dħul matul din it-tieni parti tas-sena, kellha dritt għal tnaqqis sħiħ tal-kontribuzzjonijiet, paċut bi prijorità mal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tagħha u, sussidjarjament, mat-taxxi tagħha. Dan jimplika li, bi dħul ekwivalenti, l-applikazzjoni sħiħa tat-tnaqqis relatat mal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali lil persuna li baqgħet affiljata matul is-sena kollha mas-sistema tas-sigurtà soċjali Olandiża tagħti lok għal piż soċjali, jekk mhux saħansitra fiskali, li jkun iżgħar minn dak sostnut minn persuna li ma tibqax affiljata mal-imsemmija sistema matul din l-istess sena.

41

Issa, fid-dawl tar-regola ta’ uniċità tal-leġiżlazzjoni soċjali li tinsab fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 883/2004 u dik, li tisab fil-paragrafu 3(e) ta’ dan l-Artikolu, li tgħid li persuna li ma teżerċitax attività bħala persuna impjegata jew li taħdem għal rasha hija suġġetta biss għal-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali tal-Istat Membru ta’ residenza tagħha, persuna fis-sitwazzjoni ta’ K. M. Zyla ma setgħetx iktar tkun koperta mis-sistema ta’ sigurtà soċjali Olandiża wara li waqaf mill-attivitajiet professjonali tagħha f’dan l-Istat Membru u wara li ma baqgħetx tirrisjedi hemmhekk.

42

Minn dan jirriżulta li, kif osserva ġustament l-Avukat Ġenerali fil-punt 63 tal-konklużjonijiet tiegħu, differenza oġġettiva, fid-dawl tan-natura tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni, għandha tiġi kkonstatata bejn is-sitwazzjoni ta’ persuna li, bħal K. M. Zyla, ma tibqax affiljata mas-sistema tas-sigurtà soċjali Olandiża matul sena partikolari u ħaddiem li jibqa’ msieħeb f’din is-sistema ta’ sigurtà soċjali matul din l-istess sena kollha.

43

Barra minn hekk il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li huwa parti mil-loġika interna ta’ sistema ta’ sigurtà soċjali nazzjonali li l-benefiċċju ta’ tnaqqis fil-kontribuzzjonijiet ikun riżervat biss għall-persuni responsabbli għal ħlas ta’ dawn l-istess kontribuzzjonijiet, jiġifieri għall-persuni affiljati ma’ din is-sistema (sentenza tat-8 ta’ Settembru 2005, Blanckaert, C-512/03, EU:C:2005:516, punt 49).

44

Barra minn hekk, kif imfakkar fil-punt 22 ta’ din is-sentenza, id-dispożizzjonijiet kollha tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-persuni huma intiżi sabiex jiffaċilitaw, għaċ-ċittadini tal-Unjoni, l-eżerċizzju ta’ attivitajiet professjonali ta’ kull tip fit-territorju tal-Unjoni u jipprekludu miżuri li jistgħu jisfavorixxu dawn iċ-ċittadini meta jkunu jixtiequ jeżerċitaw attività fit-territorju ta’ Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom. F’dan il-kuntest, iċ-ċittadini tal-Istati Membri għandhom, b’mod partikolari, id-dritt, li huma jiksbu direttament mit-Trattat FUE, li jitilqu mill-Istat Membru ta’ origini tagħhom sabiex imorru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor u jirrisjedu fih, bil-għan li jeżerċitaw attività hemmhekk (sentenza tat-18 ta’ Lulju 2017, Erzberger, C‑566/15, EU:C:2017:562, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45

Madankollu, id-dritt primarju tal-Unjoni ma jistax jiggarantixxi lil ħaddiem li ċaqliq, lejn Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu, ma huwiex ser ikollu impatt fil-qasam tas-sigurtà soċjali, billi dan iċ-ċaqliq, fid-dawl tad-differenzi li jeżistu bejn is-sistemi u l-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri, jista’, skont il-każ, ikun iktar jew inqas vantaġġuż għall-persuna kkonċernata f’dan il-qasam (sentenza tat-18 ta’ Lulju 2017, Erzberger, C‑566/15, EU:C:2017:562, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, id-dritt tal-Unjoni jiggarantixxi biss li l-ħaddiema li jeżerċitaw attività fit-territorju ta’ Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom ikunu suġġetti għall-istess kundizzjonijiet bħall-ħaddiema ta’ dak l-Istat l-ieħor.

46

Fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq, l-Artikolu 2.6a tad-Digriet ta’ implimentazzjoni la jista’ jitqies li huwa dispożizzjoni indirettament diskriminatorja u lanqas bħala ostaklu għall-moviment liberu tal-ħaddiema, ipprojbiti mill-Artikolu 45 TFUE.

47

Fl-aħħar nett, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni Ewropea, din l-evalwazzjoni ma hijiex ikkonfutata mis-sentenza tas-26 ta’ Jannar 1999, Terhoeve (C-18/95, EU:C:1999:22), jew minn dik tat-8 ta’ Mejju 1990, Biehl (C-175/88, EU:C:1990:186).

48

Fil-fatt, l-ewwel waħda minn dawn iż-żewġ sentenzi kienet tikkonċerna l-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet soċjali dovuti minn ħaddiem sempliċement ikkollokat mill-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu u li, għaldaqstant, skont ir-regoli ta’ koordinazzjoni previsti fir-Regolament Nru 1408/71, jibqa’, matul il-perijodu kollu inkwistjoni, affiljat mas-sistema ta’ sigurtà soċjali tal-imsemmi Stat Membru minkejja l-kollokament tiegħu fi Stat Membru ieħor. Sitwazzjoni bħal din hija fundamentalment differenti minn dik fejn, bħal f’dan il-każ, ħaddiem ma jibqax ikun affiljat mas-sistema ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat Membru wara li jkun temm l-attività professjonali tiegħu fl-imsemmi stat u jkun ittrasferixxa r-residenza tiegħu lejn Stat Membru ieħor.

49

Fir-rigward tat-tieni sentenza, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li d-differenza fit-trattament inkwistjoni f’dik il-kawża ma kinitx, kuntrarjament għal dik inkwistjoni f’din il-kawża, relatata mas-sistema nazzjonali ta’ sigurtà soċjali u, għaldaqstant, ma kinitx koperta mis-sistema ta’ koordinazzjoni tar-regoli fil-qasam tal-leġiżlazzjoni soċjali prevista mir-Regolament Nru 1408/71, issostitwit sussegwentement bir-Regolament Nru 883/2004.

50

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta li għanda tingħata għad-domanda magħmula għanda tkun li l-Artikolu 45 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, bil-għan li jiġi stabbilit l-ammont tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali dovuti minn ħaddiem, tipprevedi li t-tnaqqis tal-ġbir relatat ma’ dawn il-kontribuzzjonijiet, li għalih ħaddiem għandu dritt għal sena kalendarja, għandu jkun proporzjonali għall-perijodu li matulu dan il-ħaddiem ikun affiljat mas-sistema ta’ sigurtà soċjali tal-imsemmi Stat Membru, u għalhekk mit-tnaqqis annwali teskludi parti li tkun proporzjonali għal kull perijodu li matulu dan il-ħaddiem ma kienx affiljat ma’ din is-sistema u rrisjeda fi Stat Membru ieħor fejn ma eżerċita ebda attività professjonali.

Fuq l-ispejjeż

51

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 45 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, bil-għan li jiġi stabbilit l-ammont tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali dovuti minn ħaddiem, tipprevedi li t-tnaqqis tal-ġbir relatat ma’ dawn il-kontribuzzjonijiet, li għalih ħaddiem għandu dritt għal sena kalendarja, għandu jkun proporzjonali għall-perijodu li matulu dan il-ħaddiem ikun affiljat mas-sistema ta’ sigurtà soċjali tal-imsemmi Stat Membru, u għalhekk mit-tnaqqis annwali teskludi parti li tkun proporzjonali għal kull perijodu li matulu dan il-ħaddiem ma kienx affiljat ma’ din is-sistema u rrisjeda fi Stat Membru ieħor fejn ma eżerċita ebda attività professjonali.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Top