Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015TN0373

    Kawża T-373/15: Rikors ippreżentat fl-10 ta’ Lulju 2015 – Ja zum Nürburgring vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 337, 12.10.2015, p. 17–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    12.10.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 337/17


    Rikors ippreżentat fl-10 ta’ Lulju 2015 – Ja zum Nürburgring vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-373/15)

    (2015/C 337/20)

    Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

    Partijiet

    Rikorrenti: Ja zum Nürburgring e.V. (Nürburg, il-Ġermanja) (rappreżentanti: D. Frey, M. Rudolph u S. Eggerath, avukati)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    tannulla parzjalment id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014) 3634 finali, tal-1 ta’ Ottubru 2014, dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.31550 (2012/C) (ex 2012/NN) mogħtija mill-Ġermanja lil Nürburgring,

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċedura.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka disa’ motivi.

    1.

    L-ewwel motiv ibbażat fuq konstatazzjonijiet inkorretti tal-fatti rilevanti tal-każ

    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 108 TFUE moqri flimkien mal-Artikolu 107 TFUE u l-Artikolu 17 TUE sa fejn naqset milli twettaq l-obbligu tagħha fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat li żżomm sistemi ta’ għajnuna mill-Istat taħt kontroll u, fid-deċiżjoni tagħha, irrappreżentat b’mod inkorrett aspetti essenzjali tal-fatti tal-każ.

    2.

    It-tieni motiv ibbażat fuq żball manifest fl-evalwazzjoni tal-allegata konferma tal-finanzjament

    Ir-rikorrenti ssostni f’dan ir-rigward li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qieset li l-bejjiegħ tal-assi mibjugħa permezz tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti pprovda konferma tal-finanzjament ta’ wieħed mis-soċji finanjarji.

    3.

    It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107 TFUE u tal-Artikolu 108 TFUE, tal-Artikolu 4(4) u tal-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 (1) u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni

    Fil-kuntest tat-tielet motiv, ir-rikorrenti ssostni, inter alia, li l-bejgħ tal-assi ta espressjoni konkreta lir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq ikkawżata mill-għajnuna mill-Istat illegali. Barra minn hekk, l-obbligu li ssir restituzzjoni kellu jkun estiż għall-bejjiegħ tal-assi mibjugħa permezz ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti abbażi ta’ kontinwità ekonomika. Ir-rikorrenti żżid li l-bejgħ kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat ġdida favur il-bejjiegħ.

    4.

    Ir-raba’ motiv ibbażat fuq allegat ksur tal-Artikolu 107 TFUE u tal-Artikolu 108 TFUE u fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni

    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-proċess ta’ bejgħ ma twettaqx bi proċedura ta’ sejħa għal offerti li hija trasparenti u mhux diskriminatorja u li għaldaqstant l-assi inkwistjoni ma nbiegħux bil-prezz tas-suq.

    5.

    Il-ħames motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 108(2) TFUE u tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 659/1999 minħabba ċertifikazzjoni negattiva fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat

    Fir-rigward ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 108(2) TFUE u l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 659/1999 sa fejn ma kklassifikatx l-assi mibjugħa fil-proċedura ta’ sejħa għal offerti bħala għajnuna mill-Istat ġdida u sa fejn ma bdietx proċedura ta’ investigazzjoni formali. Ir-rikorrenti żżid li l-Kummissjoni ma setgħetx ma jkollhiex dubji dwar il-kompatibbiltà ta’ dik l-għajnuna mill-Istat mas-suq komuni.

    6.

    Is-sitt motiv ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma wettqitx l-obbligu tagħha li tagħti motivazzjoni skont l-Artikolu 296(2) TFUE u l-Artikolu 41(2)(c) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea sa fejn ma mmotivatx jew ma mmotivatx b’mod xieraq il-kunsiderazzjonijiet prinċipali li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata.

    7.

    Is-seba’ motiv ibbażat fuq ksur tad-drittijiet proċedurali tar-rikorrenti

    Fir-rigward ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet proċedurali tagħha billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni s-sottomissjonijiet tagħha.

    8.

    It-tmien motiv ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni li l-bejgħ tal-assi ma kienx jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat ġdida kisret id-drittijiet proċedurali tar-rikorrenti

    Fir-rigward ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet proċedurali tagħha u, b’mod partikolari, forom proċedurali sostanzjali sa fejn, minkejja l-ilment formali tar-rikorrenti, hija ddeċidiet li l-bejgħ tal-assi wara l-proċedura ta’ sejħa għal offerti lill-bejjiegħ ma kellux jiġi kklassifikat bħala għajnuna mill-Istat. Bid-deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni ċaħdet b’mod impliċitu li tibda proċedura ta’ investigazzjoni formali. Hija ssostni li billi ma bdietx l-imsemmija proċedura, bi ksur tal-liġi, il-Kummissjoni kisret id-dritt tar-rikorrenti li tesprimi l-pożizzjoni tagħha.

    9.

    Id-disa’ motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba

    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni la investigat l-aspetti rilevanti kollha b’mod indipendenti u lanqas ma ħadet inkunsiderazzjoni l-aspetti tal-każ pprovduti mir-rikorrenti b’mod xieraq.


    (1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339).


    Top