This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62014CJ0362
Judgment of the Court (Grand Chamber) of 6 October 2015.#Maximillian Schrems v Data Protection Commissioner.#Request for a preliminary ruling from the High Court (Ireland).#Reference for a preliminary ruling — Personal data — Protection of individuals with regard to the processing of such data — Charter of Fundamental Rights of the European Union — Articles 7, 8 and 47 — Directive 95/46/EC — Articles 25 and 28 — Transfer of personal data to third countries — Decision 2000/520/EC — Transfer of personal data to the United States — Inadequate level of protection — Validity — Complaint by an individual whose data has been transferred from the European Union to the United States — Powers of the national supervisory authorities.#Case C-362/14.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-6 ta’ Ottubru 2015.
Maximillian Schrems vs Data Protection Commissioner.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court (Irlande).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Data personali – Protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ din id-data personali – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 7, 8 u 47 – Direttiva 95/46/KE – Artikoli 25 u 28 – Trasferiment ta’ data personali lejn pajjiżi terzi – Deċiżjoni 2000/520/KE – Trasferiment ta’ data personali lejn l-Istati Uniti – Livell inadegwat ta’ protezzjoni – Validità – Ilment ta’ persuna fiżika li d-data tagħha ġiet ittrasferita mill-Unjoni Ewropea lejn l-Istati Uniti – Setgħat tal-awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni.
Kawża C-362/14.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-6 ta’ Ottubru 2015.
Maximillian Schrems vs Data Protection Commissioner.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court (Irlande).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Data personali – Protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ din id-data personali – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 7, 8 u 47 – Direttiva 95/46/KE – Artikoli 25 u 28 – Trasferiment ta’ data personali lejn pajjiżi terzi – Deċiżjoni 2000/520/KE – Trasferiment ta’ data personali lejn l-Istati Uniti – Livell inadegwat ta’ protezzjoni – Validità – Ilment ta’ persuna fiżika li d-data tagħha ġiet ittrasferita mill-Unjoni Ewropea lejn l-Istati Uniti – Setgħat tal-awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni.
Kawża C-362/14.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:650
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
6 ta’ Ottubru 2015 ( * )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Data personali — Protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ din id-data personali — Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Artikoli 7, 8 u 47 — Direttiva 95/46/KE — Artikoli 25 u 28 — Trasferiment ta’ data personali lejn pajjiżi terzi — Deċiżjoni 2000/520/KE — Trasferiment ta’ data personali lejn l-Istati Uniti — Livell inadegwat ta’ protezzjoni — Validità — Ilment ta’ persuna fiżika li d-data tagħha ġiet ittrasferita mill-Unjoni Ewropea lejn l-Istati Uniti — Setgħat tal-awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni”
Fil-Kawża C‑362/14,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-High Court (qorti għolja tal-ġustizzja, l-Irlanda), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Lulju 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ Lulju 2014, fil-proċedura
Maximillian Schrems
vs
Data Protection Commissioner,
fil-preżenza ta’:
Digital Rights Ireland Ltd,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts, Viċi President, A. Tizzano, R. Silva de Lapuerta, T. von Danwitz (Relatur) u S. Rodin, K. Jürimäe, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas, E. Juhász, A. Borg Barthet, J. Malenovský, D. Šváby, M. Berger, F. Biltgen u C. Lycourgos, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: Y. Bot,
Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-24 ta’ Marzu 2015,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal M. Schrems, minn N. Travers, SC, P. O’Shea, BL, u G. Rudden, solicitor, kif ukoll minn H. Hofmann, avukat, |
— |
għad-Data Protection Commissioner, minn P. McDermott, BL, S. More O’Ferrall u D. Young, solicitors, |
— |
għal Digital Rights Ireland Ltd, minn F. Crehan, BL, kif ukoll minn S. McGarr u E. McGarr, solicitors, |
— |
għall-Irlanda, minn A. Joyce u B. Counihan kif ukoll minn E. Creedon, bħala aġenti, assistiti minn D. Fennelly, BL, |
— |
għall-Gvern Belġjan, minn J.-C. Halleux u C. Pochet, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Gentili, Avvocato dello Stato, |
— |
għall-Gvern Awstrijak, minn G. Hesse u G. Kunnert, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Pollakk, minn M. Kamejsza, u M. Pawlicka kif ukoll minn B. Majczyna, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Sloven, minn A. Grum u V. Klemenc, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern tar-Renju Unit, minn L. Christie u J. Beeko, bħala aġenti, assistiti minn J. Holmes, barrister, |
— |
għall-Parlament Ewropew, minn D. Moore u A. Caiola kif ukoll minn M. Pencheva, bħala aġenti, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. Schima, B. Martenczuk u B. Smulders kif ukoll minn J. Vondung, bħala aġenti, |
— |
għall-Kontrollur Ewropew għall-protezzjoni tad-data (KEPD), minn C. Docksey, A. Buchta u V. Pérez Asinari, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-23 ta’ Settembru 2015,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda kemm l-interpretazzjoni, fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), tal-Artikoli 25(6) u 28 tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ Settembru 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 447, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 95/46”), kif ukoll, essenzjalment, il-validità tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/520/KE, tas-26 ta’ Lulju 2000, skont id-Direttiva 95/46/EC[KE] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-adegwatezza tal-protezzjoni pprovduta mill-prinċipji ta’ privatezza ta’ port salv u li tirrigwarda mistoqsijiet li jsiru ta’ spiss maħruġa mid-Dipartiment tal-Kummerċ tal-USA (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 16, Vol. 1, p. 119). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn M. Schrems u d-Data Protection Commissioner (Kummissarju għall-protezzjoni tad-data, iktar ’il quddiem il-“Kummissarju”) fir-rigward tar-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jistħarreġ ilment imressaq minn M. Schrems minħabba l-fatt li Facebook Ireland Ltd (iktar ’il quddiem “Facebook Ireland”) titrasferixxi lejn l-Istati Uniti d-data personali tal-utenti tagħha u żżommhom fuq servers li jinsabu f’dan il-pajjiż. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-Direttiva 95/46
3 |
Il-premessi 2, 10, 56, 57, 60, 62 u 63 tad-Direttiva 95/46 jipprovdu:
[...]
[...]
[...]
[...]
|
4 |
L-Artikoli 1, 2, 25, 26, 28 u 31 tad-Direttiva 95/46 jipprovdu: “Artikolu 1 Għan tad-Direttiva 1. Skond din id-Direttiva, Stati Membri għandhom jipproteġu d-drittijiet fundamentali u l-libertajiet ta’ persuna naturali [fiżika], u partikolarment tad-dritt tagħhom għall-ħajja privata dwar l-ipproċessar ta’ data personali. [...] Artikolu 2 Definizzjonijiet Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:
[...]
[...] Artikolu 25 Prinċipji: 1. L-Istati Membri għandhom jipprovdu li t-trasferiment lil pajjiż terz ta’ data personali li tkun qed tiġi pproċessata jew li tkun maħsuba li tiġi pproċessata wara trasferiment jista’ jsir biss jekk, bla ħsara għal konformità mad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond id-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ din id-Direttiva, il-pajjiż terz jassigura livell adekwat ta’ protezzjoni. 2. Jekk il-livell ta’ protezzjoni mogħti minn pajjiż terz ikunx adekwat għandu jiġi eżaminat fid-dawl taċ-ċirkostanzi kollha li jkollhom x’jaqsmu ma’ operazzjoni ta’ trasferiment ta’ data jew sett ta’ operazzjonijiet ta’ trasferiment ta’ data; għandu jittieħed kont partikolarment tan-natura tad-data, l-għan u t-tul ta’ żmien ta’ l-operazzjoni jew operazzjonijiet proposti ta’ l-ipproċessar, il-pajjiż ta’ oriġini u l-pajjiż tad-destinazzjoni finali, ir-regoli tal-liġi, kemm ġenerali kif ukoll settorjali, fis-seħħ fil-pajjiż terz in kwistjoni u r-regoli professjonali u l-miżuri ta’ sigurtà li jitħarsu f’dak il-pajjiż. 3. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jgħarrfu lil xulxin b’każi fejn iqisu li pajjiż terz ma jkunx qed jassigura livell adekwat ta’ protezzjoni skond it-tifsira tal-Paragrafu 2. 4. Meta l-Kummissjoni ssib, skond il-proċedura pprovduta fl-Artikolu 31(2), li pajjiż terz ma jkunx qed jassigura livell adekwat ta’ protezzjoni skond it-tifsira tal-Paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, Stati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex ma jħallux li jsir trasferiment ta’ data ta’ l-istess tip lill-pajjiż terz in kwistjoni. 5. Meta jkun jaqbel, il-Kummissjoni għandha tidħol f’negozjati bil-għan li ssib rimedju għas-sitwazzjoni li tirriżulta minn dak li tkun sabet skond il-Paragrafu 4. 6. Il-Kummissjoni tista’ tikkonkludi, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 31(2), li pajjiż terz ikun qed jassigura livell adekwat ta’ protezzjoni skond it-tifsira tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, permezz tal-liġi domestika tiegħu jew ta’ l-impenji internazzjonali li jkun daħal għalihom, partikolarment meta jintemmu n-negozjati msemmija fil-paragrafu 5, għall-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-libertajiet u d-drittijiet bażiċi [fundamentali] ta’ l-individwu. Stati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex ikunu konformi mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Artikolu 26 Derogi 1. B’deroga għall-Artikolu 25 u bla ħsara għal dak provdut mod ieħor fil-liġi domestika li tirregola każi partikolari, Stati Membri għandhom jipprovdu li trasferiment jew sett ta’ trasferimenti ta’ data personali lil pajjiż terz, li ma jassigurax livell adekwat ta’ protezzjoni skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 25(2), ikunu jistgħu isiru bil-kondizzjoni li:
2. Bla ħsara għall-paragrafu 1, Stat Membru jista’ jawtorizza trasferiment jew sett ta’ trasferimenti ta’ data personali lil pajjiż terz li ma jassigurax livell adekwat ta’ protezzjoni skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 25(2), meta l-kontrollur jipprovdi ħarsien biżżejjed għall-protezzjoni tal-ħajja privata u tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta’ l-individwu u għall-eżerċizzju tad-drittijiet relattivi; ħarsien bħal dak jista’ partikolarment jirriżulta minn klawsoli kontrattwali xierqa. 3. L-Istat Membru għandu jgħarraf lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bl-awtorizzazzjoni li hu jagħti skond il-paragrafu 2. Jekk Stat Membru jew il-Kummissjoni jagħmlu oġġezzjoni għal raġunijiet ġustifikati li jkollhom x’jaqsmu mal-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-ħajja privata ta’ l-individwu, il-Kummissjoni għandha tieħu miżuri xierqa skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 31(2).. Stati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex ikunu komformi mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. [...] Artikolu 28 Awtorità ta’ superviżjoni 1. Kull Stat Membru għandu jipprovdi li awtorità pubblika waħda jew aktar ikunu responsabbli tas-sorveljanza ta’ l-applikazzjoni fit-territorju tiegħu tad-dispożizzjonijiet adottati mill-Istati Membri skond din id-Direttiva. Dawn l-awtoritajiet għandhom jaġixxu b’indipendenza sħiħa fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet fdati lilhom. 2. Kull Stat Membru għandu jipprovdi li l-awtoritajiet ta’ superviżjoni jiġu kkonsultati meta jkunu qed iħejju miżuri amministrattivi jew regolamenti li jkollhom x’jaqsmu mal-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ l-individwu fl-ipproċessar ta’ data personali. 3. Kull awtorità għandha jkollha partikolarment:
Deċiżjonijiet ta’ l-awtorità ta’ superviżjoni li jagħtu lok għal ilmenti [li jikkawżaw preġudizzju] jistgħu jkunu appellati fil-qrati. 4. Kull awtorità ta’ superviżjoni għandha tisma’ talbiet maghmulin minn kull persuna, jew minn għaqda li tirrappreżenta lil dik il-persuna, dwar il-protezzjoni tad-drittijiet jew libertajiet tagħha fl-ipproċessar ta’ data personali. Il-is-suġġett tad-data għandha tkun mgħarrfa bir-riżultat tat-talba. Il-persuna kkonċernata għandha tkun mgħarrfa bir-riżultat tat-talba. Kull awtorità ta’ superviżjoni għandha, partikolarment, tisma’ talbiet għal verifiki dwar il-legalità ta’ ipproċessar ta’ data mressqa minn kull persuna meta d-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond l-Artikolu 13 ta’ din id-Direttiva jkunu japplikaw. Il-persuna għandha f’kull każ tkun mgħarrfa li tkun saret verifika. [...] 6. Kull awtorità ta’ superviżjoni hija kompetenti, tkun liema tkun il-liġi nazzjonali li tkun applika għall-ipproċessar in kwistjoni, li teżerċita, fit-territorju ta’ l-Istat Membru tagħha nfisha, is-setgħat mogħtija lilha skond il-paragrafu 3. Kull awtorità tista’ tintalab li teżerċita s-setgħat tagħha minn awtorità ta’ Stat Membru ieħor. [...] Artikolu 31 [...] 2. Meta ssir referenza għal dan l-Artikolu, l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE, [tat-28 ta’ Ġunju 1999, li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ l-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 124] għandhom ikunu applikabbli, wara li jkunu meqjusa d-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha. [...]” |
Id-Deċiżjoni 2000/520
5 |
Il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2000/520 abbażi tal-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46. |
6 |
Il-premessi 2, 5 u 8 ta’ din id-deċiżjoni huma fformulati kif ġej:
[...]
[...]
|
7 |
Skont l-Artikoli 1 sa 4 tad-Deċiżjoni 2000/520: “Artikolu 1 1. Fir-rigward ta’ l-Artikolu 25(2) ta’ Direttiva 95/46/KE, għall-attivitajiet li jidħlu fil-firxa ta’ applikazzjoni ta’ dik id-Direttiva, il-“Prinċipji ta’ Privatezza ta’ Port Salv” (minn hawn ’il Quddiem “il-Prinċipji”) kif stabbilit fl-Anness I ta’ din id-Deċiżjoni, implimentazzjoni bi qbil mal-linji ta’ gwida pprovduti minn mistoqsijiet magħmula ta’ spiss (minn hawn ’il Quddiem msejħa “l-FAQs”) maħruġa mid-Dipartiment tal-Kummerċ tal-USA nhar il-21 ta’ Lulju 2000 kif stabbilit fl-Anness II ta’ din id-Deċiżjoni huma meqjusa bħala li jassiguraw livell adegwat ta’ protezzjoni ta’ trasferiment ta’ data personali mill-Komunità lejn organizzazzjonijiet stabbiliti fl-Istati Uniti, billi jkunu kkunsidrati dawn id-dokumenti li ġejjin maħruġa mid-Dipartiment tal-Kummerċ tal-USA:
2. Fir-rigward ta’ kull trasferiment ta’ data dawk il-kondizzjonijiet għandhom ikunu milħuqa:
3. Il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2 huma meqjusa li jkunu milħuqa għal kull organizzazzjoni li jiċċertifikaw lilhom infushom dwar l-osservanza mal-Prinċipji implimentati bi qbil mal-FAQs mid-data li fiha l-organizzazzjoni tinnotifika lid-Dipartiment tal-Kummerċ tal-USA (jew dak li jkun innominat) l-iżvelar pubbliku ta’ l-impenn li hemm referenza dwarhom fil-paragrafu 2(a) u l-identità ta’ korp governattiv li hemm referenza għalih fil-paragrafu 2(b). Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni tikkonċerna biss l-adegwatezza ta’ protezzjoni pprovduta fl-Istati Uniti permezz tal-Prinċipji implimentati bi qbil mal-FAQs bil-għan li jintlaħqu l-ħtiġiet ta’ l-Artikolu 25(1) ta’ Direttiva 95/46/EC [KE] u ma taffettwax l-applikazzjoni ta’ disposizzjonijiet oħra ta’ dik id-Direttiva li għandhom x’jaqsmu ma’ l-ipproċessar ta’ data personali f’dawk l-Istati Membri, partikolarment l-Artikolu 4 tagħha. Artikolu 3 1. Mingħajr preġudizzju għal poteri tagħhom li jieħdu azzjoni biex jassiguraw konformità mad-disposizzjonijiet nazzjonali adottati bis-saħħa ta’ disposizzjonijiet apparti minn dawk ta’ l-Artikolu 25 ta’ Direttiva 95/46/EC [KE], l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri jistgħu jeżerċitaw poteri biex jissospendu d-distribuzzjoni ta’ data lejn organizzazzjoni li tkun tiċċertifika l-osservanza tagħha mal-Prinċipji implimentati bi qbil mal-FAQs sabiex jipproteġu individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar tad-data personali tagħhom f’każi meta:
Is-sospenzjoni għandha tieqaf malli l-konformità mal-Prinċipji li tkun implimentata bi qbil mal-FAQs tkun assigurata u l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati fil-Komunità jkunu nnotifikati bihom. 2. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni mingħajr dewmien meta miżuri jkunu adottati fuq il-bażi ta’ paragrafu 1. 3. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jinfurmaw lil xulxin dwar każi meta l-azzjoni ta’ korpi responsabbli biex jassiguraw konformità mal-Prinċipji implimentati bi qbil mal-FAQs fl-Istati Uniti tonqos milli jassiguraw konformità bħal din. 4. Jekk l-informazzjoni miġbura permezz ta’ paragrafi 1, 2 u 3 tipprovdi evidenza li xi korp responsabbli biex jassigura konformità mal-Prinċipji implimentati bi qbil mal-FAQs fl-Istati Uniti ma jkunx effettivament qed iwettaq l-irwol tiegħu, il-Kummissjoni għandha tinforma lid-Dipartiment tal-Kummerċ tal-USA u, fejn meħtieġ, tippreżenta abbozz ta’ miżuri bi qbil mal-proċedura li hemm referenza dwarha fl-Artikolu 31 ta’ Direttiva 95/46/EC [KE] bil-għan li treġġa’ lura jew tissospendi d-Deċiżjoni preżenti jew tillimita l-firxa ta’ applikazzjoni tagħha. Artikolu 4 1. Din id-Deċiżjoni tista’ tkun addattata fi kwalunkwe żmien fid-dawl ta’ esperjenza dwar l-implimentazzjoni tagħha u/jew jekk il-livell ta’ protezzjoni ipprovduta mill-Prinċipji u l-FAQs tkun misbuqa bil-ħtiġiet tal-leġislazzjoni tal-USA. Il-Kummissjoni għandha fi kwalunkwe każ tagħmel evalwazzjoni ta’ l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni preżenti fuq il-bażi ta’ informazzjoni disponibbli tliet snin wara n-notifikazzjoni tagħha lill-Istati Membri u tirraporta xi sejbiet pertinenti li l-Kumitat stabbilit permezz ta’ l-Artikolu 31 ta’ Direttiva 95/46/EC [KE], inkluża xi evidenza li tista’ teffettwa l-evalwazzjoni tad-disposizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni jkunu jipprovdu protezzjoni adegwata fil-qofol tat-tifsira tal-Artikolu 25 ta’ Direttiva 95/46/KE u xi evidenza li d-Deċiżjoni preżenti tkun qiegħda tiġi implimentata b’mod diskriminatorju. 2. Il-Kummissjoni għandha, jekk meħtieġ, tippreżenta abbozz ta’ miżuri bi qbil mal-proċedura li hemm referenza dwarha fl-Artikolu 31 ta’ Direttiva 95/46/EC [KE]”. |
8 |
L-Anness I tad-Deċiżjoni 2000/520 huwa fformulat kif ġej: “PRINĊIPJI TA’ PRIVATEZZA TA’ PORT SALV maħruġa mid-Dipartiment tal-Kummerċ tal-USA fil-21 ta’ Lulju 2000 [...] [...] [I]d-Dipartiment tal-Kummerċ ħareġ dan id-Dokument [(“il-Prinċipji”)] u l-Mistosijiet magħmula ta’ Spiss [...] [(FAQ)] permezz ta’ l-awtorità statutorja tiegħu biex iħeġġeġ, ikabbar u jiżviluppa kummerċ internazzjonali. Il-Prinċipji li kienu ġew żviluppati b’konsultazzjoni ma’ l-industrija u l-pubbliku ġenerali biex jiffaċilita negozju u kummerċ bejn l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea. Dawn huma intenzjonati għall-użu uniku ta’ organizzazzjonijiet tal-USA li jirċievi data personali mill-Unjoni Ewropea għall-iskop li jikkwalifikaw għal port salv u l-preżunzjoni ta’ “adegwatezza” [livell adegwat ta’ protezzjoni] li hi toħloq. Minħabba li l-Prinċipji kienu iddisinjati solament biex iservu dan l-iskop speċifiku, l-adozzjoni tagħhom għal skopijiet oħra tista’ ma tkunx xierqa. [...] Deċiżjonijiet minn organizzazzjonijiet biex jikkwalifikaw bħala port salv huma kompletament voluntarji, u organizzazzjonijiet jistgħu jikkwalifikaw bħala port salv f’diversi metodi. [...] Osservanza ma’ dawn il-Prinċipji tista’ tkun illimitata [limitata]: għal-limitu meħtieġ [rekwiżiti] biex jintlaħaqu [...] l-interess pubbliku, jew [il]-liġi [tal-Istati Uniti]; b) bi statut, regolament governattiv, jew deċiżjonijiet tal-qrati li joħolqu obbligazzjonijiet konflinġenti jew awtorizzazzjonijiet espliċiti, basta li, bl-eżerċitar ta’ xi awtorizzazzjoni bħal din, organizzazzjoni tkun tista’ turi li n-nuqqas ta’ konformità tagħha mal-Prinċipji hija llimitata għal-limiti meħtieġa biex tilħaq l-interessi leġittimi ġenerali [ogħla] imħeġġa b’awtorizzazzjoni bħal din; jew; ċ) jekk l-effett ta’ din id-Direttiva fuq il-[u tal-]liġi ta’ Stat Membru hija li tħalli eċċezzjonijiet jew derogazzjonijiet, basta li dawn l-eċċezzjonijiet jew derogazzjonijiet ikunu applikabbli f’kuntesti kumparabbli. Konsistenti ma’ l-għan li ssaħħaħ il-protezzjoni ta’ privatezza [tal-ħajja privata], organizzazzjonijiet għandhom jagħmlu l-almu li jimplimentaw dawn il-Prinċipji bis-sħiħ u bit-trasparenza, inkluż l-indikazzjoni ta’ l-istrateġiji tagħhom ta’ privatezza [fil-kodiċi ta’ protezzjoni tal-ħajja privata tagħhom] meta eċċezzjonijiet għal Prinċipji permessi permezz b’(b) [previsti fil-punt b)] ta’ hawn fuq għandha tkun applikabbli fuq bażi regolari. Għall-istess raġuni, meta l-għażla tkun permissibli permess [permezz] tal-Prinċipji u/jew il-liġi tal-U.S., organizzazzjonijiet huma mistennija li jagħżlu l-protezzjoni iktar għolja meta jkun possibbli. [...]” |
9 |
L-Anness II tad-Deċiżjoni 2000/520 huwa fformulat kif ġej: “MISTOQSIJIET MAGĦMULA TA’ SPISS (FAQs) [...] FAQ 6 — Ċertifikazzjoni Minnha Nnifisha
FAQ 11 — Riżolviment u Infurzar ta’ Kwistjonijiet
[...]” |
10 |
Skont l-Anness IV tad-Deċiżjoni 2000/520: “Danni għal Ksur ta’ Privatezza, Awtorizzazzjonijiet Legali u Għaqdiet u Xiri ta’ kumpanniji fil-liġi tal-U.S. Din tirrispondi [dan id-dokument jirrispondi] għat-talba tal-Kummissjoni Ewropea għal klarifika tal-liġi tal-U.S. fir-rigward ta’ (a) talbiet għa danni ta’ ksur ta’ privatezza [kunfidenzjalità], (b) “awtorizzazzjonijiet espliċiti” fil-liġi tal-U.S. għall-użu personali ta’ informazzjoni [użu ta’ informazzjoni personali] b’manjiera inkonsistenti mal-prinċipju ta’ port salv, u (ċ) l-effett ta’ għaqdiet u xiri totali bl-obbligazzjonijiet meħudha bis-saħħa tal-prinċipji ta’ port salv. [...] B. Awtorizzazzjonijiet Legali Espliċiti Il-prinċipji ta’ port salv fihom eċċezzjonijiet meta statut, regolament jew deċiżjonijiet tal-qrati li joħolqu “obbligazzjonijiet konflinġenti jew awtorizzazzjonijiet espliċiti, basta li, bl-eżerċitar ta’ xi awtorizzazzjoni bħal din, organizzazzjoni tkun tista’ turi li n-nuqqas ta’ konformità tagħha mal-Prinċipji huma llimitati għal-limiti meħtieġa biex jilħqu l-interessi leġittimi ġenerali mħeġġa b’awtorizzazzjoni bħal din.” Kjarament, meta liġi tal-U.S. timponi obbligazzjonijiet konflinġenti, organizzazzjonijiet tal-U.S., sew jekk fil-port salv jew le, għandhom ikunu konformi mal-liġi. Għal awtorizzazzjonijiet espliċiti, waqt li l-prinċipji ta’ port salv huma intenzjonati li jressqu lejn xulxin id-differenzi bejn il-U.S. u r-regolamenti Ewropej għal protezzjoni ta’ privatezza [ħajja privata], aħna għandna nirrispettaw il-prerogattivi leġislattivi ta’ leġislatura eletta tagħna. L-eċċezzjoni limitata minn osservanza stretta għal prinċipji ta’ port salv tfittex li toħloq bilanċ biex takkomoda l-interessi leġittimi ta’ kull naħa. L-eċċezzjoni hija llimitata għal każi meta ma jkunx hemm awtorizzazzjoni espliċita. Għalhekk, bħala materja ta’ limitu [każ limitat], l-istatut relevanti, ir-regolament jew deċiżjoni tal-qorti għandha tawtorizza b’affermità l-kondotta partikolari minn organizzazzjonijiet ta’ port salv. Fi kliem ieħor, l-eżenzjoni ma tkunx tapplika meta l-liġi tkun siekta. B’żieda, l-eċċezzjoni għandha tapplika biss jekk l-awtorizzazzjoni espliċita tkun konflinġenti ma’ l-osservanza tal-prinċipji ta’ port salv. Anki f’dan il-każ, l-eċċezzjoni “hija llimitata sal-limitu meħtieġ biex jintlaħqu l-interessi leġittimi li jissuperaw dawk li huma maħluqa b’awtorizzazzjoni bħal din”. Bħala illustrazzjoni, meta l-liġi sempliċement tawtorizza kumpanija biex tipprovdi informazzjoni personali lejn awtoritajiet governattivi, l-eċċezzjoni ma tkunx applikabbli. Bil-maqlub, meta l-liġi speċifikament tawtorizza lill-kumpanija biex tipprovdi informazzjoni personali lejn aġenziji tal-gvern mingħajr il-kunsens ta’ l-individwu, dan ikunu jikkostitwixxi “awtorizzazzjoni espliċita” biex taġixxi f’dik il-manjiera li tkun konflinġenti mal-prinċipji ta’ port salv. Bħala alternattiva, eċċezzjonijiet speċifiċi mill-ħtiġiet affermattivi biex ikun mogħti avviż u kunsens ikunu jidħlu fl-eċċezzjoni (ladarba din tkun ekwivalenti għal awtorizzazzjoni speċifika biex tkun żvelata l-informazzjoni mingħajr avviż u kunsens). Per eżempju, statut li jawtorizza tobba li jfornu r-rekords mediċi tal-pazjenti tagħhom lejn uffiċjali tas-saħħa mingħajr kunsens bil-quddiem jista’ jippermetti eċċezzjoni mill-prinċipji ta’ avviż u għażla. Din l-awtorizzazzjoni m’għandhiex tippermetti tabib li jforni l-istess tagħrif mediku lejn organizzazzjonijiet taż-żamma tas-saħħa jew laboratorji kummerċjali ta’ riċerka farmaċewtika, li jmur lil hinn mill-iskop ta’ l-għanijiet awtorizzati mil-liġi u għalhekk lil hinn mill-iskop ta’ l-eċċezzjoni [...]. L-awtorità legali f’dan il-każ tista’ tkun awtorizzazzjoni li teżisti waħedha biex tagħmel affarijiet speċifiċi bl-informazzjoni personali, imma, bħalma l-eżempji jillustraw hawn taħt, aktarx li tkun eċċezzjoni għal liġi aktar wiesa’ li tipprojbixxi l-ġbir, l-użu jew l-iżvelar ta’ informazzjoni personali. [...]” |
Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2013) 846 finali
11 |
Fis-27 ta’ Novembru 2013, il-Kummissjoni adottat il-komunikazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill intitolata “Il-Bini mill-Ġdid tal-Fiduċja fil-Flussi tad-Dejta bejn l-UE u l-Istati Uniti” [COM(2013) 846 finali, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni COM(2013) 846 finali”]. Din il-komunikazzjoni hija akkumpanjata minn rapport, ukoll tas-27 ta’ Novembru 2013, dwar is-“Sejbiet mill-Kopresidenti tal-Grupp ta’ Ħidma ad-hoc UE-Stati Uniti dwar il-Protezzjoni tad-Data” (“Report on the Findings by the EU Co-chairs of the ad hoc EU-US Working Group on Data Protection”). Dan ir-rapport kien tfassal, hekk kif indikat fil-punt 1 tiegħu, f’kooperazzjoni mal-Istati Uniti tal-Amerika wara li ġiet żvelata l-eżistenza, f’dan il-pajjiż, ta’ diversi programmi ta’ sorveljanza li jinkludu l-ġbir u l-ipproċessar fuq skala kbira ta’ data personali. L-imsemmi rapport kien jinkludi b’mod partikolari analiżi fid-dettall tal-ordinament ġuridiku tal-Istati Uniti f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, il-bażijiet legali li jawtorizzaw l-eżistenza ta’ programmi ta’ sorveljanza kif ukoll il-ġbir u l-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet Amerikani. |
12 |
Fil-punt 1 tal-Komunikazzjoni COM(2013) 846 finali, il-Kummissjoni speċifikat li “[l]-iskambji kummerċjali ġew indirizzati bid-Deċiżjoni 2000/520” u żiedet li “[d]in id-Deċiżjoni tipprovdi bażi ġuridika għat-trasferimenti tad-dejta personali mill-UE lil kumpaniji stabbiliti fl-Istati Uniti li aderixxew mal-Prinċipji tal-Protezzjoni Xierqa tal-Privatezza [prinċipji ta’ port salv].” Barra minn hekk, fl-istess punt 1 il-Kummissjoni enfasizzat ir-rilevanza dejjem ikbar tal-flussi tad-data personali, marbuta b’mod partikolari mal-iżvilupp tal-ekonomija diġitali, u dan effettivament wassal “għal tkabbir esponenzjali fil-kwantità, il-kwalità, id-diversità u n-natura tal-attivitajiet tal-ipproċessar tad-dejta”. |
13 |
Fil-punt 2 ta’ din il-komunikazzjoni, il-Kummissjoni osservat li “t-tħassib dwar il-livell ta’ protezzjoni tad-dejta personali taċ-ċittadini tal-[Unjoni] li tiġi ttrasferita lejn l-Istati Uniti skont l-iskema tal-Protezzjoni Xierqa kiber” u li [i]n-natura volontarja u dikjarattiva tal-iskema [ta’ port salv] ġibdet l-attenzjoni lejn it-trasparenza u l-infurzar tagħha”. |
14 |
Barra minn hekk, fl-istess punt 2 il-Kummissjoni indikat li “[d]-dejta personali taċ-ċittadini tal-[Unjoni] mibgħuta lejn l-Istati Uniti skont il-Protezzjoni Xierqa [l-iskema ta’ port salv] tista’ tiġi aċċessata u proċessata aktar mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti b’mod inkompatibbli mar-raġunijiet li d-dejta kienet oriġinarjament miġbura fl-[Unjoni] u mal-iskopijiet li għalihom kienet ittrasferita lejn l-Istati Uniti” u li “[l-m]aġġoranza tal-kumpaniji tal-internet mill-Istati Uniti li jidhru li huma aktar direttament konċernati [mill-]programmi [ta’ sorveljanza] huma ċċertifikati skont l-iskema tal-Protezzjoni Xierqa data personali [ta’ port salv]”. |
15 |
Fil-punt 3.2 tal-Komunikazzjoni COM(2013) 846 finali, il-Kummissjoni osservat l-eżistenza ta’ għadd ta’ insuffiċjenzi fir-rigward tal-implementazzjoni tad-Deċiżjoni 2000/520. Hija semmiet, minn naħa, li impriżi Amerikani ċċertifikati ma kinux jirrispettaw il-prinċipji msemmija fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2000/520 (iktar ’il quddiem il-“prinċipji ta’ port salv”) u li kellu jsir titjib ta’ din id-deċiżjoni fir-rigward tan-“nuqqasijiet strutturali relatati mat-trasparenza kif ukoll l-infurzar, il-prinċipji sostantivi tal-Protezzjoni Xierqa [iskema ta’ port salv] u t-tħaddim tal-eċċezzjoni għas-sigurtà nazzjonali”. Min-naħa l-oħra, hija osservat li “[l]-Protezzjoni Xierqa [l-iskema ta’ port salv] taġixxi wkoll bħala mezz għat-trasferiment ta’ dejta personali ta’ ċittadini tal-UE mill-[Unjoni] lejn l-Istati Uniti mill-kumpaniji li jintalbu jagħtu dejta lill-aġenziji tal-intelligence tal-Istati Uniti skont il-programmi ta’ ġbir ta’ intelligence tal-Istati Uniti”. |
16 |
Il-Kummissjoni kkonkludiet, fl-istess punt 3.2, li għalkemm, “[m]inħabba d-dgħjufijiet identifikati, l-implimentazzjoni attwali tal-Protezzjoni Xierqa [iskema ta’ port salv] ma tistax titkompla [...] [m]adankollu, ir-revoka tagħha taffettwa b’mod negattiv l-interessi ta’ kumpaniji membri fl-[Unjoni] u fl-Istati Uniti”. Fl-aħħar nett, fl-istess punt 3.2 il-Kummissjoni kompliet tgħid li kien beħsieba “timpenja ruħha mal-awtoritajiet tal-Istati Uniti biex jiddiskutu n-nuqqasijiet identifikati”. |
Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2013) 847 finali
17 |
Fl-istess data tas-27 ta’ Novembru 2013, il-Kummissjoni adottat il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-funzjonament tal-isfera ta’ sikurezza [port salv] mill-perspettiva taċ-ċittadini tal-UE u tal-kumpaniji stabbiliti fl-UE [COM(2013) 847 finali] (iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni COM(2013) 847 finali”). Kif jirriżulta mill-punt 1 tagħha, din il-komunikazzjoni kienet b’mod partikolari bbażata fuq l-informazzjoni rċevuta mill-grupp ta’ ħidma ad hoc Unjoni Ewropea-Stati Uniti u ġiet wara żewġ rapporti ta’ analiżi ta’ impatt tal-Kummissjoni ppubblikati, rispettivament, fl-2002 u fl‑2004. |
18 |
Il-punt 1 ta’ din il-komunikazzjoni jispeċifika li d-Deċiżjoni 2000/520 “[hija bbażata] fuq l-impenji u l-awtoċertifikazzjoni tal-kumpaniji li jaderixxu” u jkompli jgħid li “[l]-adeżjoni ma’ dawn l-arranġamenti hija volontarja, iżda [li] r-regoli huma vinkolanti għal dawk li jiffirmaw”. |
19 |
Barra minn hekk, mill-punt 2.2 tal-Komunikazzjoni COM(2013) 847 finali jirriżulta li, fis-26 ta’ Settembru 2013 kienu ċċertifikati 3246 impriża, li joperaw f’diversi setturi tal-ekonomija u tas-servizzi. Dawn l-impriżi kienu jipprovdu, prinċipalment, servizzi fis-suq intern tal-Unjoni, b’mod partikolari fis-settur tal-internet, u parti minnhom kienu impriżi tal-Unjoni li għandhom sussidjarji fl-Istati Uniti. Uħud minn dawn l-impriżi kienu jipproċessaw id-data tal-impjegati tagħhom li jinsabu fl-Ewropa, li kienet tiġi ttrasferita lejn dan il-pajjiż għal finijiet ta’ ġestjoni tar-riżorsi umani. |
20 |
F’dan l-istess punt 2.2, il-Kummissjoni enfasizzat li “[k]ull diskrepanza fit-trasparenza jew fl-infurzar min-naħa tal-Istati Uniti [kienet] tirriżulta fit-trasferiment tar-responsabbiltà fuq l-awtoritajiet Ewropej tal-protezzjoni tad-dejta u fuq il-kumpaniji li jużaw l-iskema.” |
21 |
Mill-punti 3 sa 5 u 8 tal-Komunikazzjoni COM(2013) 847 finali jirriżulta b’mod partikolari li, fil-prattika, numru kunsiderevoli ta’ impriżi ċċertifikati ma kinux josservaw jew ma kinux josservaw kompletament il-prinċipji ta’ port salv. |
22 |
Barra minn hekk, fil-punt 7 ta’ din l-istess komunikazzjoni, il-Kummissjoni esponiet li “l-kumpaniji kollha involuti fil-programm PRISM [programm ta’ ġbir ta’ data fuq skala kbira], u li jagħtu aċċess lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti għad-dejta maħżuna u pproċessata fl-Istati Uniti, jidhru li huma ċertifikati mal-Isfera ta’ Sikurezza [fl-iskema ta’ port salv]” u li għalhekk din l-iskema saret “wieħed mill-mezzi li permezz tagħhom jingħata l-aċċess lill-awtoritajiet tal-intelligence tal-Istati Uniti biex jiġbru dejta personali inizjalment ipproċessata fl-[Unjoni]”. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kkonstatat, fil-punt 7.1 tal-imsemmija komunikazzjoni, li “għadd ta’ bażijiet legali taħt il-liġi tal-Istati Uniti jippermettu l-ġbir u l-ipproċessar fuq skala kbira tad-dejta personali li tkun maħżuna jew ipproċessata mod ieħor minn kumpaniji bbażati fl-Istati Uniti” u li “[n]-natura ta’ skala kbira ta’ dawn il-programmi tista’ twassal biex id-dejta trasferita fl-Isfera ta’ Sikurezza [taħt l-iskema ta’ port salv] tkun aċċessata u pproċessata aktar mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti lil hinn minn dak li huwa strettament neċessarju u proporzjonat għall-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali kif previst taħt l-eċċezzjoni prevista fid-Deċiżjoni [2000/520]”. |
23 |
Fil-punt 7.2 tal-Komunikazzjoni COM(2013) 847 finali, intitolat “Il-limitazzjonijiet u l-possibbiltajiet għar-rimedju” il-Kummissjoni enfasizzat li “s-salvagwardji li huma previsti fil-liġi tal-Istati Uniti huma l-aktar disponibbli għaċ-ċittadini jew ir-residenti legali tal-Istati Uniti” u li “[b]arra minn hekk, ma hemm l-ebda opportunità għas-suġġetti tad-dejta tal-[Unjoni] jew tal-Istati Uniti biex jiksbu aċċess, rettifika jew tħassir tad-dejta, jew rimedju amministrattiv jew ġudizzjarju fir-rigward tal-ġbir u l-ipproċessar ulterjuri tad-dejta personali tagħom li jitwettqu taħt il-programmi ta’ sorveljanza tal-Istati Uniti”. |
24 |
Skont il-punt 8 tal-Komunikazzjoni COM(2013) 847 finali, fost l-impriżi ċċertifikati kien hemm“[i]l-kumpaniji tal-Web bħal pereżempju Google, Facebook, Microsoft, Apple u Yahoo” li għandhom “miljuni ta’ klijenti fl-Ewropa” u li jittrasferixxu data personali lejn l-Istati Uniti sabiex tiġi pproċessata. |
25 |
Fl-istess punt 8 il-Kummissjoni kkonkludiet li “l-aċċess fuq skala kbira mill-aġenziji tal-intelligence tad-dejta ttrasferita lill-Istati Uniti minn kumpaniji ċertifikati fl-Isfera ta’ Sikurezza [taħt l-iskema ta’ port salv] jqajjem mistoqsijiet serji addizzjonali fir-rigward it-tkomplija tad-drittijiet tal-protezzjoni tad-dejta tal-Ewropej meta d-dejta tagħhom tiġi trasferita lejn l-Istati Uniti”. |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
26 |
M. Schrems, ċittadin Awstrijak residenti fl-Awstrija, ilu utent tan-netwerk soċjali Facebook (iktar ’il quddiem “Facebook”) sa mis-sena 2008. |
27 |
Kull persuna residenti fit-territorju tal-Unjoni li tixtieq tuża Facebook trid tikkonkludi, meta tirreġistra, kuntratt ma’ Facebook Ireland li hija sussidjarja ta’ Facebook Inc., li hija stabbilita fl-Istati Uniti. Id-data personali tal-utenti ta’ Facebook Ireland residenti fit-territorju tal-Unjoni tiġi, għalkollox jew parzjalment, ittrasferita lejn servers ta’ Facebook Inc., li jinsabu fit-territorju tal-Istati Uniti, fejn din tiġi pproċessata. |
28 |
Fil-25 ta’ Ġunju 2013, M. Schrems ressaq ilment quddiem il-Kummissarju li permezz tiegħu huwa essenzjalment talbu jeżerċita l-kompetenzi statutorji tiegħu sabiex jipprojbixxi lill-Facebook Ireland milli tittrasferixxi d-data personali tiegħu lejn l-Istati Uniti. Fl-ilment huwa sostna li d-dritt u l-prattiki fis-seħħ f’dan l-Istat ma jiggarantixxux protezzjoni suffiċjenti tad-data personali miżmuma fit-territorju tiegħu kontra l-attivitajiet ta’ sorveljanza li kienu qed jiġu applikati hemmhekk mill-awtoritajiet pubbliċi. F’dan ir-rigward M. Schrems għamel riferiment għar-rivelazzjonijiet magħmula minn E. Snowden dwar l-attivitajiet tas-servizzi tal-informazzjoni tal-Istati Uniti u, b’mod partikolari, dawk tan-National Security Agency (iktar ’il quddiem l-“NSA”). |
29 |
Peress li qies li ma kienx obbligat jinvestiga l-fatti ddenunzjati minn M. Schrems fl-ilment tiegħu, il-Kummissarju ċaħad l-ilment għaliex infondat. Il-Kummissarju effettivament qies li ma kienx hemm provi li l-NSA kienet aċċediet għad-data personali tal-persuna kkonċernata. Huwa żied jgħid li l-lamenteli li M. Schrems għamel fl-ilment tiegħu ma setgħux jiġu invokati b’mod effettiv, peress li kull kwistjoni dwar in-natura adegwata tal-protezzjoni tad-data personali fl-Istati Uniti kellha tiġi deċiża b’mod konformi mad-Deċiżjoni 2000/520 u li, f’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kienet ikkonstatat li l-Istati Uniti tal-Amerika kienu jiżguraw livell adegwat ta’ protezzjoni. |
30 |
M. Schrems ippreżenta rikors quddiem il-High Court kontra d-deċiżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Wara li eżaminat il-provi prodotti mill-partijiet fil-kawża prinċipali, din il-qorti kkonstatat li s-sorveljanza elettronika u l-interċettazzjoni tad-data personali ttrasferita mill-Unjoni lejn l-Istati Uniti jissodisfaw għanijiet meħtieġa u indispensabbli għall-interess pubbliku. Madankollu, l-imsemmija qorti kompliet tesponi li r-rivelazzjonijiet ta’ E. Snowden kienu wrew li l-NSA u korpi federali oħra kienu wettqu “abbuż konsiderevoli”. |
31 |
Issa, skont din l-istess qorti, iċ-ċittadini tal-Unjoni ma għandhom l-ebda dritt effettiv li jinstemgħu sa fejn is-superviżjoni tal-azzjonijiet tas-servizzi ta’ informazzjoni jitwettqu fil-kuntest ta’ proċedura sigrieta u mhux kontradittorja. Ladarba d-data personali tiġi ttrasferita lejn l-Istati Uniti, l-NSA u korpi federali oħra bħall-Federal Bureau of Investigation (FBI) jistgħu jaċċessawha fil-kuntest tas-sorveljanza u tal-interċettazzjonijiet mingħajr distinzjoni li huma jwettqu fuq skala kbira. |
32 |
Il-High Court ikkonstatat li d-dritt Irlandiż jipprojbixxi t-trasferiment tad-data personali lil hinn mit-territorju nazzjonali ħlief għall-każijiet fejn il-pajjiż terz inkwistjoni jiżgura livell adegwat ta’ protezzjoni kemm tal-ħajja privata kif ukoll tad-drittijiet u tal-libertajiet fundamentali. L-importanza tad-drittijiet għar-rispett għall-ħajja privata u għall-invjolabbiltà tad-domiċilju, ggarantiti mill-Kostituzzjoni Irlandiża, teżiġi li kull indħil f’dawn id-drittijiet ikun proporzjonat u konformi mar-rekwiżiti previsti mil-liġi. |
33 |
Issa, l-aċċess massiv u mingħajr distinzjoni għal data personali jmur evidentement kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità u kontra l-valuri fundamentali mħarsa mill-Kostituzzjoni Irlandiża. Sabiex interċettazzjonijiet ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jkunu jistgħu jitqiesu konformi mal-Kostituzzjoni jrid jintwera li dawn l-interċettazzjonijiet ikunu ta’ natura speċifika, li s-sorveljanza ta’ ċerti persuni jew ċerti gruppi ta’ persuni tkun oġġettivament iġġustifikata fl-interess tas-sigurtà nazzjonali u tar-repressjoni tal-kriminalità u li jeżistu garanziji adegwati u verifikabbli. Għalhekk, skont il-High Court, li kieku l-kawża prinċipali kellha tiġi deċiża biss fuq il-bażi tad-dritt Irlandiż, jkollu għalhekk jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-eżistenza ta’ dubju serju dwar il-fatt li l-Istati Uniti tal-Amerika jiżguraw livell adegwat ta’ protezzjoni tad-data personali, il-Kummissarju kellu jinvestiga l-fatti denunzjati minn M. Schrems fl-ilment tiegħu u ma kienx iġġustifikat meta ċaħad dan l-ilment. |
34 |
Madankollu, il-High Court tqis li l-kawża inkwistjoni tirrigwarda l-implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51 tal-Karta, b’tali mod li l-legalità tad-deċiżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni. Issa, skont din il-qorti, id-Deċiżjoni 2000/520 ma tissodisfax ir-rekwiżiti li jirriżultaw kemm mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta kif ukoll mill-prinċipji sanċiti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Digital Rights Ireland et (C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238). Id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata, ggarantit mill-Artikolu 7 tal-Karta u mill-valuri essenzjali komuni għat-tradizzjonijiet tal-Istati Membri, jitlef kull effettività jekk is-setgħat pubbliċi jiġu awtorizzati jaċċedu għall-komunikazzjonijiet elettroniċi b’mod aleatorju u ġeneralizzat mingħajr ebda ġustifikazzjoni oġġettiva bbażati fuq raġunijiet ta’ sigurtà nazzjonali jew ta’ prevenzjoni tal-kriminalità, marbuta speċifikament mal-individwi kkonċernati, u mingħajr ma dawn il-prattiki ma jkunu akkumpanjati minn garanziji adegwati u verifikabbli. |
35 |
Il-High Court barra minn hekk tosserva li fir-rikors tiegħu M. Schrems fil-verità jiddenunzja l-legalità tal-iskema ta’ “port salv” stabbilita bid-Deċiżjoni 2000/520 u li hija l-kawża tad-deċiżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Għalhekk, anki jekk M. Schrems ma kkontestax formalment la l-validità tad-Direttiva 95/46 u lanqas tad-Deċiżjoni 2000/520, madankollu, skont l-imsemmija qorti tqum il-kwistjoni ta’ jekk, minħabba l-Artikolu 25(6) ta’ din id-direttiva, il-Kummissarju kienx marbut bil-konstatazzjoni li l-Kummissjoni għamlet f’din id-deċiżjoni, li tgħid li l-Istati Uniti tal-Amerika jiżguraw livell adegwat ta’ protezzjoni, jew jekk l-Artikolu 8 tal-Karta kienx jawtorizza lill-Kummissarju jinjora, jekk ikun il-każ, tali konstatazzjoni. |
36 |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-High Court iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
37 |
Permezz tad-domandi preliminari tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk u sa fejn l-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li deċiżjoni adottata abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, bħad-Deċiżjoni 2000/520, li permezz tagħha l-Kummissjoni tikkonstata li pajjiż terz jiżgura livell adegwat ta’ protezzjoni, tipprekludi lil awtorità ta’ superviżjoni ta’ Stat Membru, fis-sens tal-Artikolu 28 ta’ din id-direttiva, milli teżamina t-talba ta’ persuna dwar il-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet tagħha fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali li tirrigwardaha li tkun ġiet ittrasferita minn Stat Membru lejn dan il-pajjiż terz, meta din il-persuna ssostni li d-dritt u l-prattiki fis-seħħ f’dak l-Istat ma jiżgurawx livell adegwat ta’ protezzjoni. |
Fuq is-setgħat tal-awtoritajiet nazzjonali ta ’ superviżjoni, fis-sens tal-Artikolu 28 tad-Direttiva 95/46, fil-każ ta ’ deċiżjoni tal-Kummissjoni adottata abbażi tal-Artikolu 25(6) ta ’ din id-direttiva
38 |
Għandu preliminarjament jitfakkar li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 95/46, sa fejn jirregolaw l-ipproċessar ta’ data personali li tista’ tippreġudika l-libertajiet fundamentali u, b’mod partikolari, id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata, għandhom neċessarjament jiġu interpretati fid-dawl tad-drittijiet fundamentali ggarantiti fil-Karta (ara s-sentenzi Österreichischer Rundfunk et, C‑465/00, C‑138/01 u C‑139/01, EU:C:2003:294, punt 68; Google Spain u Google, C‑131/12, EU:C:2014:317, punt 68, kif ukoll Ryneš,C‑212/13, EU:C:2014:2428, punt 29). |
39 |
Mill-Artikolu 1 kif ukoll mill-premessi 2 u 10 tad-Direttiva 95/46 jirriżulta li l-għan tagħha ma huwiex biss li tiżgura protezzjoni effikaċi u kompleta tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali tal-persuni fiżiċi, b’mod partikolari tad-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata, fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali, iżda wkoll livell għoli ta’ protezzjoni ta’ dawn il-libertajiet u drittijiet fundamentali. L-importanza kemm tad-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata, iggarantit mill-Artikolu 7 tal-Karta, kif ukoll tad-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data personali iggarantit mill-Artikolu 8 tagħha hija barra minn hekk enfasizzata fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara s-sentenzi Rijkeboer, C‑553/07, EU:C:2009:293, punt 47; Digital Rights Ireland et, C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238, punt 53, kif ukoll Google Spain u Google, C‑131/12, EU:C:2014:317, punti 53, 66 u 74 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
40 |
Fir-rigward tas-setgħat li l-awtoritajiet ta’ superviżjoni nazzjonali għandhom fir-rigward tat-trasferimenti ta’ data personali lejn pajjiżi terzi, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 95/46 jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jistabbilixxu awtorità pubblika waħda jew iktar inkarigata li tinvestiga, bl-indipendenza kollha, l-osservanza tar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tat-trattament ta’ tali data. Dan ir-rekwiżit jirriżulta wkoll mid-dritt primarju tal-Unjoni, b’mod partikolari mill-Artikolu 8(3) tal-Karta u mill-Artikolu 16(2) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, C‑614/10, EU:C:2012:631, punt 36, u Il‑Kummissjoni vs L-UngerijaC‑288/12, EU:C:2014:237, punt 47). |
41 |
Il-garanzija ta’ indipendenza tal-awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni hija intiża sabiex tiżgura l-effiċjenza u l-affidabbiltà tas-superviżjoni tal-osservanza tad-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali u għandha tiġi interpretata fid-dawl ta’ dan l-għan. Hija ġiet stabbilita sabiex issaħħaħ il-protezzjoni tal-persuni u tal-korpi li huma kkonċernati mid-deċiżjonijiet tagħhom. Għalhekk, l-istabbiliment, fl-Istati Membri, ta’ awtoritajiet ta’ superviżjoni indipendenti tikkostitwixxi, kif ġie osservat fil-premessa 62 tad-Direttiva 95/46, element essenzjali għall-osservanza tal-protezzjoni tal-persuni fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali (ara s-sentenzi Il‑Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑518/07, EU:C:2010:125, punt 25 kif ukoll Il‑Kummissjoni vs L-UngerijaC‑288/12, EU:C:2014:237, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
42 |
Sabiex tiġi ggarantita din il-protezzjoni, l-awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni għandhom, b’mod partikolari, jiżguraw bilanċ ġust bejn, minn naħa, ir-rispett tad-dritt fundamentali għall-ħajja privata u, min-naħa l-oħra, l-interessi li jikkmandaw moviment liberu ta’ data personali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il‑Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑518/07, EU:C:2010:125, punt 24, u, f’dan is-sens, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija, C‑288/12, EU:C:2014:237, punt 51). |
43 |
Għal dan il-għan, dawn l-awtoritajiet għandhom serje wiesgħa ta’ setgħat, elenkati b’mod mhux eżawrjenti fl-Artikolu 28(3) tad-Direttiva 95/46, li jikkostitwixxu mezzi meħtieġa biex iwettqu d-doveri tagħhom, kif enfasizzat fil-premessa 63 ta’ din id-direttiva. għalhekk, l-imsemmija awtoritajiet għandhom, b’mod partikolari, setgħat ta’ investigazzjoni, bħas-setgħa li jiġbru l-informazzjoni kollha neċessarja għat-twettiq tal-missjoni ta’ superviżjoni tagħhom, setgħat effettivi li jintervjenu, bħas-setgħa li jipprojbixxu temporanjament jew definittivament ipproċessar ta’ data, kif ukoll locus standi in judicio. |
44 |
Ċertament, mill-Artikolu 28(1) u (6) tad-Direttiva 95/46 jirriżulta li s-setgħat tal-awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni jirrigwardaw l-ipproċessar ta’ data personali mwettaq fit-territorju tal-Istat Membru fejn jinsabu dawn l-awtoritajiet b’tali mod li huma ma għandhomx setgħat, abbażi ta’ dan l-Artikolu 28, fir-rigward ta’ pproċessar ta’ tali data mwettaq fit-territorju ta’ pajjiż terz. |
45 |
Madankollu, l-operazzjoni li tikkonsisti fit-trasferiment tad-data personali minn Stat Membru lejn pajjiż terz tikkostitwixxi, bħala tali, ipproċessar ta’ data personali fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 95/46 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Parlament vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑317/04 u C‑318/04, EU:C:2006:346, punt 56) mwettaq fit-territorju ta’ Stat Membru. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tiddefinixxi l-“ipproċessar ta’ data personali” bħala “kull operazzjoni jew sett ta’ operazzjonijiet li jsiru fuq data personali, b’mezzi awtomatiċi jew mingħajrhom”. |
46 |
Il-premessa 60 tad-Direttiva 95/46 tispeċifika li t-trasferimenti ta’ data personali lejn il-pajjiżi terzi jistgħu jsiru biss f’osservanza sħiħa tad-dispożizzjonijiet adottati mill-Istati Membri skont din id-direttiva. F’dan ir-rigward, il‑Kapitolu IV tal-imsemmija direttiva, li jinkludi l‑Artikoli 25 u 26, stabbilixxa sistema intiża sabiex jiġi żgurat kontroll, mill‑Istati Membri, tat‑trasferimenti ta’ data personali lejn pajjiżi terzi. Din is-sistema hija komplementari tas-sistema ġenerali stabbilita permezz tal‑Kapitolu II tal-imsemmija direttiva dwar il‑legalità ta’ operazzjonijiet ta’ pproċessar ta’ data personali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Lindqvist, C‑101/01, EU:C:2003:596, punt 63). |
47 |
L-awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni huma, skont l-Artikolu 8(3) tal-Karta u l-Artikolu 28 tad-Direttiva 95/46, inkarigati mis-superviżjoni tal-osservanza tar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali, u għalhekk kull waħda minnhom hija kompetenti li tivverifika jekk trasferiment ta’ data personali mill-Istat Membru fejn hija stabbilita lejn pajjiż terz josservax ir-rekwiżiti imposti mid-Direttiva 95/46. |
48 |
Filwaqt li fil-premessa 56 tagħha d-Direttiva 95/46 tirrikonoxxi li trasferimenti ta’ data personali mill-Istati Membri lejn pajjiżi terzi huma neċessarji għall-iżvilupp tal-kummerċ internazzjonali, madankollu l-Artikolu 25(1) tagħha jimponi l-prinċipju li tali trasferiment jista’ jkollu lok biss jekk dawn il-pajjiżi terzi jiżguraw livell adegwat ta’ protezzjoni. |
49 |
Barra minn hekk, il-premessa 57 tal-imsemmija direttiva tispeċifika li trasferimenti ta’ data personali lejn pajjiżi terzi li ma jiżgurawx livell adegwat ta’ protezzjoni għandhom jiġu pprojbiti. |
50 |
Sabiex t-trasferimenti ta’ data personali lejn il-pajjiżi terzi jiġu ssuperviżjonati skont il-livell ta’ protezzjoni mogħti lil din id-data f’kull wieħed minn dawn il-pajjiżi, l-Artikolu 25 tad-Direttiva 95/46 jimponi sensiela ta’ obbligi fuq l-Istati Membri u fuq il-Kummissjoni. Mill-istruttura ta’ dan l-artikolu jirriżulta li l-konstatazzjoni li tgħid li pajjiż terz jiżgura jew ma jiżgurax livell adegwat ta’ protezzjoni tista’, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 86 tal-konklużjonijiet tiegħu, ssir kemm mill-Istati Membri kif ukoll mill-Kummissjoni. |
51 |
Il-Kummissjoni tista’ tadotta, abbażi tal-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46, deċiżjoni li tikkonstata li pajjiż terz jiżgura livell adegwat ta’ protezzjoni. Id-destinatarji ta’ tali deċiżjoni huma, skont it-tieni subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri li għandhom jadottaw il-miżuri neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom magħha. Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, din hija ta’ natura vinkolanti fuq l-Istati Membri destinatarji kollha, u għalhekk timponi ruħha fuq il-korpi kollha tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Albako Margarinefabrik, 249/85, EU:C:1987:245, punt 17, u Mediaset, C‑69/13, EU:C:2014:71, punt 23), sa fejn l-effett tagħha huwa li tawtorizza trasferimenti ta’ data personali mill-Istati Membri lejn il-pajjiż terz ikkonċernat minnha. |
52 |
Għalhekk, sakemm id-deċiżjoni tal-Kummissjoni ma tkunx ġiet iddikjarata invalida mill-Qorti tal-Ġustizzja, l-Istati Membri u l-korpi tagħhom, li fosthom hemm l-awtoritajiet ta’ superviżjoni indipendenti tagħhom, ma jistgħux, ċertament, jadottaw miżuri li jmorru kontra din id-deċiżjoni, bħal atti intiżi li jikkonstataw b’effett vinkolanti li l-pajjiż terz ikkonċernat mill-imsemmija deċiżjoni ma jiżgurax livell adegwat ta’ protezzjoni. Fil-fatt, l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jgawdu, bħala prinċipju, minn preżunzjoni ta’ legalità u jipproduċu, għalhekk, effetti legali sakemm ma jiġux irtirati, annullati fil-kuntest ta’ rikors għal annullament jew iddikjarati invalidi b’riżultat ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari jew ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità (sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑475/01, EU:C:2004:585, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
53 |
Madankollu, deċiżjoni tal-Kummissjoni adottata abbażi tal-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46, bħad-Deċiżjoni 2000/520, ma tistax tipprekludi lill-persuni li d-data personali tagħhom ġiet jew tista’ tiġi ttrasferita lejn pajjiż terz milli jressqu, quddiem l-awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni talba, fis-sens tal-Artikolu 28(4) ta’ din id-direttiva, dwar il-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet tagħhom fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali. Bl-istess mod, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali b’mod partikolari fil-punti 61, 93 u 116 tal-konklużjonijiet tiegħu, deċiżjoni ta’ dan it-tip la tista’ xxejjen u lanqas tnaqqas is-setgħat espliċitament mogħtija lill-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza mill-Artikolu 8(3) tal-Karta u mill-Artikolu 28 tal-imsemmija direttiva. |
54 |
La l-Artikolu 8(3) tal-Karta u lanqas l-Artikolu 28 tad-Direttiva 95/46 ma jeskludu mill-isfera ta’ kompetenzi tal-awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni s-superviżjoni tat-trasferimenti ta’ data personali lejn pajjiżi terzi li kienu s-suġġett ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 25(6) ta’ din id-direttiva. |
55 |
B’mod partikolari, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 28(4) tad-Direttiva 95/46, li jistipula li l-awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni għandhom jisimgħu “talbiet maghmulin minn kull persuna [...] dwar il-protezzjoni tad-drittijiet jew libertajiet tagħha fl-ipproċessar ta’ data personali”, ma jipprevedi ebda eċċezzjoni f’dan ir-rigward fil-każ fejn il-Kummissjoni tkun adottat deċiżjoni abbażi tal-Artikolu 25(6) ta’ din id-direttiva. |
56 |
Barra minn hekk, il-fatt li deċiżjoni tal-Kummissjoni adottata abbażi tal-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46 jkollha l-effett li tipprekludi lil awtorità nazzjonali ta’ superviżjoni milli teżamina t-talba ta’ persuna dwar il-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet tagħha fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tagħha li ġiet jew tista’ tiġi ttrasferita minn Stat Membru lejn pajjiż terz li huwa s-suġġett ta’ tali deċiżjoni tal-Kummissjoni, ikun imur kemm kontra s-sistema stabbilita bid-Direttiva 95/46 kif ukoll kontra l-għan tal-Artikoli 25 u 28 tagħha. |
57 |
Bil-kontra ta’ dan, l-Artikolu 28 tad-Direttiva 95/46 japplika, min-natura tiegħu stess, għal kull ipproċessar ta’ data personali. Għalhekk, anki jekk ikun hemm deċiżjoni tal-Kummissjoni adottata abbażi tal-Artikolu 25(6) ta’ din id-direttiva, l-awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni, li quddiemhom persuna tressaq talba dwar il-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet tagħha fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali li tikkonċernaha, għandhom ikunu jistgħu jeżaminaw, f’kull indipendenza, jekk it-trasferiment ta’ din id-data josservax ir-rekwiżiti imposti mill-imsemmija direttiva. |
58 |
Li kieku kien mod ieħor, il-persuni li d-data personali tagħhom ġiet jew tista’ tiġi ttrasferita lejn il-pajjiż terz ikkonċernat jiġu mċaħħda mid-dritt, iggarantit fl-Artikolu 8(1) u (3) tal-Karta, li jressqu quddiem l-awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni talba għall-finijiet tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tagħhom (ara, b’analoġija, is-sentenza Digital Rights Ireland et, C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238, punt 68). |
59 |
Talba, fis-sens tal-Artikolu 28(4) tad-Direttiva 95/46, li permezz tagħha persuna li d-data personali tagħha ġiet jew tista’ tiġi ttrasferita lejn pajjiż terz issostni, bħal fil-kawża prinċipali, li d-dritt u l-prattiki ta’ dan il-pajjiż ma jiżgurawx, minkejja dak li kkonstatat il-Kummissjoni f’deċiżjoni adottata abbażi tal-Artikolu 25(6) ta’ din id-direttiva, livell adegwat ta’ protezzjoni, għandha tinftiehem bħala li tirrigwarda, essenzjalment, il-kompatibbiltà ta’ din id-deċiżjoni mal-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-libertajiet u d-drittijiet fundamentali tal-persuni. |
60 |
F’dan ir-rigward, għandha titfakkar il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li l-Unjoni hija Unjoni tad-dritt li fiha kull att tal-istituzzjonijiet tagħha huwa suġġett għall-istħarriġ tal-konformità tiegħu, b’mod partikolari, mat-Trattati, mal-prinċipji ġenerali tad-dritt kif ukoll mad-drittijiet fundamentali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi C‑595/10°P, Il-Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10°P, C‑593/10°P u EU:C:2013:518, punt 66; Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑583/11°P, EU:C:2013:625, punt 91, kif ukoll Telefónica vs Il‑Kummissjoni, C‑274/12°P, EU:C:2013:852, punt 56). Għalhekk, id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni adottati abbażi tal-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46 ma jistgħux ikunu eżentati minn tali stħarriġ. |
61 |
Dan stabbilit, il-Qorti tal-Ġustizzja biss għandha l-ġurisdizzjoni li tikkonstata l-invalidità ta’ att tal-Unjoni, bħal deċiżjoni tal-Kummissjoni adottata abbażi tal-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46, u l-għan tan-natura esklużiva ta’ din il-ġurisdizzjoni huwa li tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali billi tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenzi Melki u Abdeli, C‑188/10 u C‑189/10, EU:C:2010:363, punt 54, kif ukoll CIVAD, C‑533/10, EU:C:2012:347, punt 40). |
62 |
Għalkemm il-qrati nazzjonali għandhom, ċertament, id-dritt li jeżaminaw il-validità ta’ att tal-Unjoni, bħal deċiżjoni tal-Kummissjoni adottata abbażi tal-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46, madankollu huma ma għandhomx il-ġurisdizzjoni li jikkonstataw, huma nnifishom, l-invalidità ta’ tali att (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Foto‑Frost, 314/85, EU:C:1987:452, punti 15 sa 20, kif ukoll IATA u ELFAA, C‑344/04, EU:C:2006:10, punt 27). A fortiori, fil-kuntest tal-eżami ta’ talba, fis-sens tal-Artikolu 28(4) ta’ din id-direttiva, dwar il-kompatibbiltà ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni adottata abbażi tal-Artikolu 25(6) tal-imsemmija direttiva mal-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-libertajiet u d-drittijiet fundamentali tal-persuni, l-awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni ma għandhomx id-dritt li jikkonstataw huma stess l-invalidità ta’ tali deċiżjoni. |
63 |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, meta persuna, li d-data personali tagħha ġiet jew tista’ tiġi ttrasferita lejn pajjiż terz li kien is-suġġett ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46, tressaq quddiem awtorità nazzjonali ta’ superviżjoni talba dwar il-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet tagħha fir-rigward tal-ipproċessar ta’ din id-data personali u tikkontesta, fil-kuntest tal-imsemmija talba, bħal fil-kawża prinċipali, il-kompatibbiltà tad-deċiżjoni inkwistjoni mal-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali tal-persuni, din l-awtorità għandha teżamina l-imsemmija talba bid-diliġenza kollha meħtieġa. |
64 |
Fil-każ fejn l-imsemmija awtorità nazzjonali ta’ superviżjoni jkollha tiddeċiedi li l-elementi invokati insostenn ta’ tali talba huma infondati u, abbażi ta’ dan, tiċħadha, il-persuna li tkun ressqet l-imsemmija talba għandu jkollha, hekk kif jirriżulta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 28(3) tad-Direttiva 95/46, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, aċċess għar-rimedji ġudizzjarji li jippermettulha tikkontesta tali deċiżjoni li tikkawżalha preġudizzju quddiem il-qrati nazzjonali. Fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 61 u 62 ta’ din is-sentenza, meta dawn il-qrati jqisu li eċċezzjoni jew diversi eċċezzjonijiet ta’ invalidità eċċepiti mill-partijiet jew, jekk ikun il-każ, mqajma ex officio huma fondati, huma għandhom jissospendu l-proċeduri quddiemhom u għandhom iressqu talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja biex tiġi evalwata l-validità tal-att (ara, f’dan is-sens, is-sentenza T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il‑Kummissjoni, C‑456/13 P, EU:C:2015:284, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
65 |
Fil-każ kuntrarju, fejn l-imsemmija awtorità tqis li l-ilmenti tal-persuna li quddiemha ressqet talba dwar il-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet tagħha fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tagħha huma fondati, din l-istess awtorità għandu jkollha, skont it-tielet inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 28(3) tad-Direttiva 95/46, moqri b’mod partikolari fid-dawl tal-Artikolu 8(3) tal-Karta, locus standi in judicio. F’dan ir-rigward, huwa l-leġiżlatur nazzjonali li għandu jipprevedi rimedji sabiex l-awtorità nazzjonali ta’ superviżjoni kkonċernata tkun tista’ tinvoka l-ilmenti li hija tqis fondati quddiem il-qrati nazzjonali sabiex dawn ikunu jistgħu jressqu, fil-każ li jkollhom l-istess dubji bħal dawk ta’ din l-awtorità dwar il-validità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, talba għal deċiżjoni preliminari għall-finijiet tal-eżami tal-validità tal-imsemmija deċiżjoni. |
66 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, hemm lok li r-risposta għad-domandi magħmula tkun li l-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li deċiżjoni adottata abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, bħad-Deċiżjoni 2000/520, li permezz tagħha l-Kummissjoni tikkonstata li pajjiż terz jiżgura livell adegwat ta’ protezzjoni, ma tipprekludix lil awtorità ta’ superviżjoni ta’ Stat Membru, fis-sens tal-Artikolu 28 ta’ din id-direttiva, milli teżamina t-talba ta’ persuna dwar il-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet tagħha fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali li tirrigwardaha li tkun ġiet ittrasferita minn Stat Membru lejn dan il-pajjiż terz, meta din il-persuna ssostni li d-dritt u l-prattiki fis-seħħ f’dak l-Istat ma jiżgurawx livell adegwat ta’ protezzjoni. |
Dwar il-validità tad-Deċiżjoni 2000/520
67 |
Kif jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju dwar id-domandi magħmula, fil-kawża prinċipali M. Schrems isostni li d-dritt u l-prattiki tal-Istati Uniti ma jiżgurawx livell adegwat ta’ protezzjoni fis-sens tal-Artikolu 25 tad-Direttiva 95/46. Kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 123 u 124 tal-konklużjonijiet tiegħu, M. Schrems għandu dubji, li donnhom huma essenzjalment kondiviżi mill-imsemmija qorti, dwar il-validità tad-Deċiżjoni 2000/520. F’tali ċirkustanzi, fid-dawl tal-konstatazzjonijiet magħmula fil-punti 60 sa 63 ta’ din is-sentenza, u sabiex tingħata risposta sħiħa lill-imsemmija qorti, għandu jiġi eżaminat jekk din id-deċiżjoni hijiex konformi mar-rekwiżiti previsti f’din id-direttiva, moqrija fid-dawl tal-Karta. |
Fuq ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46
68 |
Kif diġà ġie osservat fil-punti 48 u 49 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 95/46 jipprojbixxi t-trasferimenti ta’ data personali lejn pajjiż terz li ma jiżgurawx livell adegwat ta’ protezzjoni. |
69 |
Madankollu, għall-finijiet ta’ kontroll ta’ tali trasferimenti, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 25(6) ta’ din id-direttiva jipprevedi li l-Kummissjoni “tista’ tikkonkludi, [...], li pajjiż terz ikun qed jassigura livell adekwat ta’ protezzjoni skond it-tifsira tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, permezz tal-liġi domestika tiegħu jew ta’ l-impenji internazzjonali li jkun daħal għalihom, [...], għall-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-libertajiet u d-drittijiet bażiċi [fundamentali] ta’ l-individwu”. |
70 |
Ċertament, la l-Artikolu 25(2) tad-Direttiva 95/46 u lanqas xi dispożizzjoni oħra tagħha ma tinkludi d-definizzjoni tal-kunċett ta’ livell adegwat ta’ protezzjoni. B’mod partikolari, l-Artikolu 25(2) tal-imsemmija direttiva jillimità ruħu li jistipula li n-natura xierqa tal-livell ta’ protezzjoni offrut minn pajjiż terz għandu “jiġi eżaminat fid-dawl taċ-ċirkostanzi kollha li jkollhom x’jaqsmu ma’ operazzjoni ta’ trasferiment ta’ data jew sett ta’ operazzjonijiet ta’ trasferiment ta’ data” u jelenka, b’mod mhux eżawrjenti, iċ-ċirkustanzi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ tali evalwazzjoni. |
71 |
Madankollu, minn naħa, kif jirriżulta mill-kliem innifsu tal-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46, din id-dispożizzjoni teżiġi li pajjiż terz “jassigura” livell adegwat ta’ protezzjoni permezz tal-liġi domestika tiegħu jew tal-impenji internazzjonali li jkun daħal għalihom. Min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni tipprovdi wkoll li n-natura xierqa tal-protezzjoni żgurata minn pajjiż terz għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-“protezzjoni tal-ħajja privata u tal-libertajiet u d-drittijiet bażiċi [fundamentali] ta’ l-individwu”. |
72 |
Għaldaqstant, l-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46 jimplementa l-obbligu espliċitu ta’ protezzjoni tad-data personali, previst fl-Artikolu 8(1) tal-Karta, u huwa intiż li jiżgura, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 139 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kontiwità tal-livell għoli ta’ din il-protezzjoni fil-każ ta’ trasferiment ta’ data personali lejn pajjiż terz. |
73 |
Ċertament, it-terminu “adekwat” li jidher fl-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46 jimplika li ma jistax jiġi meħtieġ li pajjiż terz jiżgura livell ta’ protezzjoni identiku għal dak iggarantit fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Madankollu, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 141 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-espressjoni “livell adekwat ta’ protezzjoni” għandha tinftiehem bħala li teżiġi li dan il-pajjiż terz effettivament jiżgura, permezz tal-liġi domestika tiegħu jew tal-impenji internazzjonali li jkun daħal għalihom, livell ta’ protezzjoni tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali li jkun sostanzjalment ekwivalenti għal dak iggarantit fi ħdan l-Unjoni abbażi tad-Direttiva 95/46, moqrija fid-dawl tal-Karta. Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ tali rekwiżit, ikun hemm nuqqas ta’ osservanza tal-għan imsemmi fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza. Barra minn hekk, il-livell għoli ta’ protezzjoni ggarantit bid-Direttiva 95/46, moqrija fid-dawl tal-Karta, jkun jista’ jiġi evitat faċilment permezz ta’ trasferimenti ta’ data personali mill-Unjoni lejn pajjiżi terzi għall-finijiet tal-ipproċessar tagħha f’dan il-pajjiż. |
74 |
Mill-formulazzjoni espliċità tal-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46 jirriżulta li huwa l-ordinament ġuridiku tal-pajjiż terz li huwa s-suġġett ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li għandu jiżgura livell adegwat ta’ protezzjoni. Għalkemm il-mezzi li dan il-pajjiż terz juża, f’dan ir-rigward, sabiex jiżgura tali livell ta’ protezzjoni jistgħu jkunu differenti minn dawk implementati fi ħdan l-Unjoni sabiex tiġi ggarantita l-osservanza tar-rekwiżiti li jirriżultaw minn din id-direttiva, moqrija fid-dawl tal-Karta, dawn il-mezzi għandhom madankollu jkunu, fil-prattika, effettivi fl-iżgurar ta’ protezzjoni sostanzjalment ekwivalenti għal dik iggarantita fi ħdan l-Unjoni. |
75 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, fil-kuntest tal-eżami tal-livell ta’ protezzjoni offrut minn pajjiż terz, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-kontenut tar-regoli applikabbli f’dan il-pajjiż li jirriżultaw mil-liġi domestika tiegħu jew mill-impenji internazzjonali li jkun daħal għalihom kif ukoll il-prattiki intiżi li jiżguraw l-osservanza ta’ dawn ir-regoli, sa fejn din l-istituzzjoni għandha, skont l-Artikolu 25(2) tad-Direttiva 95/46, tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha relatati ma’ trasferiment ta’ data personali lejn pajjiż terz. |
76 |
Bl-istess mod, fid-dawl tal-fatt li l-livell ta’ protezzjoni żgurat minn pajjiż terz jista’ jiżviluppa, il-Kummissjoni għandha, wara l-adozzjoni ta’ deċiżjoni abbażi tal-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46, tivverifika perjodikament jekk il-konstatazzjoni dwar il-livell adegwat ta’ protezzjoni żgurat mill-pajjiż terz inkwistjoni għadhiex iġġustifikata fil-fatt u fid-dritt. F’kull każ, tali verifika tkun meħtieġa meta jkun hemm indizji li jitfgħu dubji f’dan ir-rigward. |
77 |
Barra minn hekk, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 134 u 135 tal-konklużjonijiet tiegħu, fil-kuntest tal-eżami tal-validità ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni adottata abbażi tal-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll ċirkustanzi li seħħew wara l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni. |
78 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl, minn naħa, tar-rwol importanti li għandha l-protezzjoni tad-data personali fir-rigward tad-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u, min-naħa l-oħra, tan-numru kunsiderevoli ta’ persuni li d-drittijiet fundamentali tagħhom jistgħu jinkisru fil-każ ta’ trasferiment ta’ data personali lejn pajjiż terz li ma jiżgurax livell adegwat ta’ protezzjoni, is-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni fir-rigward tan-natura adegwata tal-livell ta’ protezzjoni żgurat minn pajjiż terz tirriżulta mnaqqsa b’tali mod li jkun meħtieġ li jsir stħarriġ strett tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 25 tad-Direttiva 95/46, moqri fid-dawl tal-Karta (ara, b’analoġija, is-sentenza Digital Rights Ireland et, C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238, punti 47 u 48). |
Fuq l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2000/520
79 |
Fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2000/520 il-Kummissjoni kkunsidrat li l-prinċipji msemmija fl-Anness I tal-istess direttiva, applikati bi qbil mal-linji ta’ gwida pprovduti mill-FAQs previsti fl-Anness II tal-imsemmija deċiżjoni, jiżguraw livell xieraq ta’ protezzjoni tad-data personali ttrasferita mill-Unjoni lejn organizzazzjonijiet stabbiliti fl-Istati Uniti. Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li kemm dawn il-prinċipji kif ukoll dawn l-FAQs ġew ippubblikati mid-Dipartiment tal-Kummerċ tal-USA. |
80 |
L-adeżjoni ta’ organizzazzjoni mal-prinċipji ta’ port salv issir fuq il-bażi ta’ sistema ta’ awtoċertifikazzjoni, kif jirriżulta mill-Artikolu 1(2) u (3) ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-FAQ 6 li tidher fl-Anness II tal-imsemmija deċiżjoni. |
81 |
Għalkemm minnu nnifsu l-fatt li pajjiż terz japplika sistema ta’ awtoċertifikazzjoni ma jmurx kontra r-rekwiżit, previst fl-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46, li jgħid li il-pajjiż terz ikkonċernat għandu jiżgura livell adegwat ta’ protezzjoni “permezz tal-liġi domestika tiegħu jew ta’ l-impenji internazzjonali li jkun daħal għalihom”, l-affidabbiltà ta’ tali sistema, fid-dawl ta’ dan ir-rekwiżit, hija essenzjalment ibbażata fuq l-implementazzjoni ta’ mekkaniżmi effikaċi ta’ skoperta u ta’ kontroll li jippermettu li jiġu identifikati u ssanzjonati, fil-prattika, eventwali ksur tar-regoli li jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata kif ukoll tad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali. |
82 |
F’dan il-każ, il-prinċipji ta’ port salv huma, skont it-tieni paragrafu tal-Anness I tad-Deċiżjoni 2000/520 “intenzjonati għall-użu uniku ta’ organizzazzjonijiet tal-USA li jirċievi data personali mill-Unjoni Ewropea għall-iskop li jikkwalifikaw għal port salv u l-preżunzjoni ta’ “adegwatezza” [livell adegwat ta’ protezzjoni] li hi toħloq.” Għalhekk dawn il-prinċipji japplikaw biss għall-organizzazzjonijiet Amerikani awtoċertifikati li jirċievu data personali mill-Unjoni, mingħajr ma jkun meħtieġ li l-awtoritajiet pubbliċi Amerikani jkunu suġġetti għall-osservanza tal-imsemmija prinċipji. |
83 |
Barra minn hekk, skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2000/520, din id-deċiżjoni “tikkonċerna biss l-adegwatezza ta’ protezzjoni pprovduta fl-Istati Uniti permezz tal-Prinċipji [ta’ port salv] implimentati bi qbil mal-FAQs bil-għan li jintlaħqu l-ħtiġiet ta’ l-Artikolu 25(1) ta’ Direttiva 95/46”, mingħajr madankollu ma tinkludi l-konstatazzjonijiet suffiċjenti fir-rigward tal-miżuri li permezz tagħhom l-Istati Uniti jiżguraw livell adegwat ta’ protezzjoni, fis-sens tal-Artikolu 25(6) ta’ din id-direttiva, permezz tal-liġi domestika tagħhom jew tal-impenji internazzjonali li jkunu daħlu għalihom. |
84 |
Barra minn dan, skont ir-raba’ paragrafu tal-Anness I tad-Deċiżjoni 2000/520, l-applikabbiltà tal-imsemmija prinċipji tista’ tkun b’mod partikolari limitata mil-“limitu meħtieġ [rekwiżiti] biex jintlaħaqu l-ħtiġiet ta’ sigurtà, l-interess pubbliku, jew [il]-liġi [tal-Istati Uniti]”, kif ukoll minn “statut, regolament governattiv, jew deċiżjonijiet tal-qrati li joħolqu obbligazzjonijiet konflinġenti jew awtorizzazzjonijiet espliċiti, basta li, bl-eżerċitar ta’ xi awtorizzazzjoni bħal din, organizzazzjoni tkun tista’ turi li n-nuqqas ta’ konformità tagħha mal-Prinċipji hija llimitata għal-limiti meħtieġa biex tilħaq l-interessi leġittimi ġenerali [ogħla] imħeġġa b’awtorizzazzjoni bħal din”. |
85 |
F’dan ir-rigward, fl-ittra B tal-Anness IV, id-Deċiżjoni 2000/520 tenfasizza, fir-rigward tal-limiti li għalihom hija suġġetta l-applikabbiltà tal-prinċipji ta’ port salv, li “[k]jarament, meta liġi tal-U.S. timponi obbligazzjonijiet konflinġenti, organizzazzjonijiet tal-U.S., sew jekk fil-port salv jew le, għandhom ikunu konformi mal-liġi.” |
86 |
Għalhekk, id-Deċiżjoni 2000/520 tistabbilixxi li l-“limitu meħtieġ [rekwiżiti] biex jintlaħaqu l-ħtiġiet ta’ sigurtà, l-interess pubbliku, jew [il]-liġi [tal-Istati Uniti]” jieħdu l-preċedenza fuq il-prinċipji ta’ port salv. Din il-preċedenza timponi fuq l-organizzazzjonijiet Amerikani awtoċertifikati li jirċievu data personali mill-Unjoni l-obbligu li ma japplikawx, mingħajr limiti, il-prinċipji ta’ port salv meta dawn ikunu kunfliġġenti mal-imsemmija rekwiżiti u għalhekk ikunu inkompatibbli magħhom. |
87 |
Peress li d-deroga prevista fir-raba’ paragrafu tal-Anness I tad-Deċiżjoni 2000/520 hija ta’ natura ġenerali, din tippermetti indħil, ibbażat fuq rekwiżiti relatati mas-sigurtà nazzjonali u mal-interess pubbliku jew fuq il-liġi domestika tal-Istati Uniti, fid-drittijiet fundamentali tal-persuni li d-data personali tagħhom ġiet jew tista’ tiġi ttrasferita mill-Unjoni lejn l-Istati Uniti. Fil-kuntest tal-istabbiliment tal-eżistenza ta’ indħil fid-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata, ma huwiex rilevanti wisq il-kwistjoni ta’ jekk l-informazzjoni relatata mal-ħajja privata kkonċernata tkunx ta’ natura sensittiva jew le, jew jekk il-persuni kkonċernati jkunu jew le batew eventwali inkonvenjenzi minħabba dan l-indħil (sentenza Digital Rights Ireland et, C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
88 |
Barra minn hekk, id-Deċiżjoni 2000/520 ma tinkludi ebda konstatazzjoni dwar l-eżistenza, fl-Istati Uniti, ta’ regoli ta’ natura statali intiżi li jillimitaw l-eventwali indħil fid-drittijiet fundamentali tal-persuni li d-data tagħha tiġi ttrasferita mill-Unjoni lejn l-Istati Uniti, indħil li l-entitajiet statali ta’ dan il-pajjiż ikunu awtorizzati li jipprattikaw meta dawn ikollhom għan leġittimu, bħas-sigurtà nazzjonali. |
89 |
Ma’ dan jiżdied il-fatt li d-Deċiżjoni 2000/520 ma ssemmix l-eżistenza ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva kontra indħil ta’ din in-natura. Hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 204 sa 206 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-mekkaniżmi ta’ arbitraġġ privat u r-rikorsi quddiem il-Federal Trade Commission, li s-setgħat rispettivi tagħhom, deskritti b’mod partikolari fil-FAQ 11 li tinsab fl-Anness II ta’ din id-deċiżjoni, huma limitati għat-tilwim ta’ natura kummerċjali, jirrigwardaw l-osservanza, mill-impriżi Amerikani, tal-prinċipji ta’ port salv u ma jistgħux jiġu applikati fil-kuntest tat-tilwim dwar il-legalità ta’ indħil fid-drittijiet fundamentali li jirriżulta minn miżuri li joriġinaw mill-Istat. |
90 |
Barra minn hekk, l-analiżi tad-Deċiżjoni 2000/520 esposta iktar ’il fuq hija kkonfermata mill-evalwazzjoni li l-Kummissjoni nnifisha għamlet tas-sitwazzjoni li tirriżulta mill-implementazzjoni ta’ din id-deċiżjoni. Fil-fatt, fil-punti 2 u 3.2 tal-Komunikazzjoni COM(2013) 846 finali kif ukoll fil-punti 7.1, 7.2 u 8 tal-Komunikazzjoni COM(2013) 847 finali, li l-kontenut tagħhom huwa espost rispettivament fil-punti 13 sa 16 kif ukoll fil-punti 22, 23 u 25 ta’ din is-sentenza din l-istituzzjoni tikkonstata li l-awtoritajiet Amerikani setgħu jaċċedu għad-data personali ttrasferita mill-Istati Membri lejn dan il-pajjiż u setgħu jipproċessawha b’mod inkompatibbli mal-għanijiet tat-trasferiment tagħha, u lil hinn minn dak li kien strettament neċessarju u proporzjonat għall-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali. Bl-istess mod, il-Kummissjoni kkonstatat li għall-persuni kkonċernati ma kinux jeżistu rimedji amministrattivi jew ġudizzjarji li jippermettulhom, b’mod partikolari, jiksbu aċċess għad-data li tirrigwardahom u, jekk ikun il-każ, li jiksbu r-rettifika jew it-tħassir tagħha. |
91 |
Fir-rigward tal-livell ta’ protezzjoni tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali ggarantiti fi ħdan l-Unjoni, leġiżlazzjoni ta’ din tal-aħħar li tkun tinvolvi indħil fid-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta għandha, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, tipprevedi regoli ċari u preċiżi li jirregolaw il-portata u l-applikazzjoni ta’ miżura u li jimponu minimu ta’ rekwiżiti, b’tali mod li l-persuni li huma s-suġġett tad-data personali inkwistjoni jkollhom garanziji suffiċjenti li jippermettu li tiġi protetta effikaċjement id-data personali tagħhom kontra r-riskji ta’ abbuż kif ukoll kontra kull aċċess u kull użu illegali ta’ din id-data. Il-ħtieġa li wieħed ikollu tali garanziji tkun wisq iżjed importanti meta d-data personali tkun suġġetta għal ipproċessar awtomatiku u meta jeżisti riskju kbir ta’ aċċess illegali għal din id-data (sentenza Digital Rights Ireland et, C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238, punti 54 u 55 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
92 |
Barra minn hekk u fuq kollox, il-protezzjoni tad-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata fuq livell tal-Unjoni jeżiġi li d-derogi għall-protezzjoni tad-data personali u l-limitazzjonijiet tagħha għandhom isiru fil-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju (sentenza Digital Rights Ireland et, C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
93 |
Għaldaqstant, ma tkunx limitata għal dak li huwa strettament neċessarju leġiżlazzjoni li b’mod ġenerali tawtorizza ż-żamma tad-data kollha personali tal-persuni kollha li d-data tagħhom ġiet ittrasferita mill-Unjoni lejn l-Istati Uniti mingħajr ebda distinzjoni, limitu jew eċċezzjoni skont l-għan imfittex u mingħajr ma jiġi previst kriterju oġġettivi li jippermetti li jiġu stabbiliti l-limiti tal-aċċess tal-awtoritajiet pubbliċi għad-data u tal-użu ulterjuri tagħha għal għanijiet speċifiċi, strettament limitati u li jistgħu jiġġustifikaw l-indħil li jirriżulta kemm mill-aċċess kif ukoll mill-użu ta’ din id-data [ara f’dan is-sens, f’dak li jirrigwarda d-Direttiva 2006/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Marzu 2006, dwar iż-żamma ta’ data ġenerata jew proċessata b’konnessjoni mal-provvista ta’ servizzi pubblikament disponibbli ta’ komunikazzjoni elettronika jew ta’ networks ta’ komunikazzjoni pubblika u li temenda d-Direttiva 2002/58/KE (ĠU L 105, p. 54), is-sentenza Digital Rights Ireland et, C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238, punti 57 sa 61]. |
94 |
B’mod partikolari, leġiżlazzjoni li tippermetti li l-awtoritajiet pubbliċi jaċċedu, b’mod ġeneralizzat, għall-kontenut tal-komunikazzjonijiet elettroniċi għandha titqies bħala li tikkawża preġudizzju għall-kontenut essenzjali tad-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata, kif iggarantit fl-Artikolu 7 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Digital Rights Ireland et, C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238, punt 39). |
95 |
Bl-istess mod, leġiżlazzjoni li ma tipprevedi ebda possibbiltà li individwu jeżerċita rimedji legali sabiex ikollu aċċess għal data personali li tikkonċernah, jew sabiex ikun jista’ jirrettifika jew iħassar tali data, ma tosservax il-kontenut essenzjali tad-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, kif sanċit fl-Artikolu 47 tal-Karta. Fil-fatt, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jeżiġi li kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni jiġu miksura jkollha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-artikolu. F’dan ir-rigward, l-eżistenza nnifisha ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv intiż li jiżgura l-osservanza tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni hija inerenti għall-eżistenza tal-istat tad-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Les Verts vs Il‑Parlament, 294/83, EU:C:1986:166, punt 23; Johnston, 222/84, EU:C:1986:206, punti 18 u 19; Heylens et, 222/86, EU:C:1987:442, punt 14, kif ukoll UGT‑Rioja et, C‑428/06 sa C‑434/06, EU:C:2008:488, punt 80). |
96 |
Kif ġie kkonstatat b’mod partikolari fil-punti 71, 73 u 74 ta’ din is-sentenza, l-adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ deċiżjoni abbażi tal-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46 teżiġi li din l-istituzzjoni tipprovdi konstatazzjoni debitament motivata li tgħid li l-pajjiż terz ikkonċernat effettivament jiżgura, permezz tal-liġi domestika tiegħu jew tal-impenji internazzjonali li jkun daħal għalihom, livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali li jkun sostanzjalment ekwivalenti għal dak iggarantit fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punti preċedenti ta’ din is-sentenza. |
97 |
Issa, għandu jiġi osservat li fid-Deċiżjoni 2000/520 il-Kummissjoni ma indikatx li l-Istati Uniti tal-Amerika kienu effettivament “jiżguraw” livell adegwat ta’ protezzjoni permezz tal-liġi domestika tagħhom jew tal-impenji internazzjonali li jkunu daħlu għalihom. |
98 |
Konsegwentement, u mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi eżaminat il-kontenut tal-prinċipji ta’ port salv, għandu jiġi deċiż li l-Artikolu 1 tal-imsemmija deċiżjoni jikser ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46, moqri fid-dawl tal-Karta, u li, għal din ir-raġuni, huwa invalidu. |
Fuq l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2000/520
99 |
Mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 53, 57 u 63 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, fid-dawl tal-Artikolu 28 tad-Direttiva 95/46, moqri fid-dawl tal-Artikolu 8 tal-Karta, l-awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni għandhom ikunu jistgħu jeżaminaw, f’indipendenza sħiħa, kull talba dwar il-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ persuna fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali li tikkonċernaha. Dan jgħodd b’mod partikolari meta, fil-kuntest ta’ tali talba, din il-persuna tqajjem mistoqsijiet dwar il-kompatibbiltà ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni adottata abbażi tal-Artikolu 25(6) ta’ din id-direttiva mal-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-libertajiet u d-drittijiet fundamentali tal-persuni. |
100 |
Madankollu, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni 2000/520 jipprevedi leġiżlazzjoni speċifika fir-rigward tas-setgħat li l-awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni għandhom fir-rigward ta’ konstatazzjoni magħmula mill-Kummissjoni dwar il-livell adegwat ta’ protezzjoni, fis-sens tal-Artikolu 25 tad-Direttiva 95/46. |
101 |
Għalhekk, skont kliem din id-dispożizzjoni, dawn l-awtoritajiet jistgħu, “[m]ingħajr preġudizzju għal poteri tagħhom li jieħdu azzjoni biex jassiguraw konformità mad-disposizzjonijiet nazzjonali adottati bis-saħħa ta’ disposizzjonijiet apparti minn dawk ta’ l-Artikolu 25 ta’ Direttiva 95/46 [...] jissospendu d-distribuzzjoni ta’ data lejn organizzazzjoni li tkun tiċċertifika l-osservanza tagħha mal-Prinċipji [tad-Deċiżjoni 2000/520]”, f’kundizzjonijiet restrittivi li jistabbilixxu livell għoli ta’ intervent. Għalkemm din id-dispożizzjoni ma taffettwax ħażin is-setgħat ta’ dawn l-awtoritajiet li jadottaw miżuri intiżi li jiżguraw l-osservanza tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati abbażi ta’ din id-direttiva, min-naħa l-oħra hija teskludi l-possibbiltà li l-imsemmija awtoritajiet jadottaw miżuri intiżi li jiżguraw l-osservanza tal-Artikolu 25 tal-istess direttiva. |
102 |
L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni 2000/520 għandu għalhekk jiġi interpretat bħala li jċaħħad lill-awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni mis-setgħat mogħtija lilhom mill-Artikolu 28 tad-Direttiva 95/46, fil-każ fejn persuna ssemmi, fil-kuntest ta’ talba abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, elementi li jistgħu jqiegħdu fid-dubju l-kompatibbiltà mal-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali tal-persuni, ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li kkonstatat, abbażi tal-Artikolu 25(6) ta’ din id-direttiva, li pajjiż terz jiżgura livell adegwat ta’ protezzjoni. |
103 |
Issa, is-setgħa ta’ implementazzjoni mogħtija mil-leġiżlatur tal-Unjoni lill-Kummissjoni fl-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46 ma tagħtix lil din l-istituzzjoni l-kompetenza li tirrestrinġi s-setgħat tal-awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza. |
104 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, bl-adozzjoni tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2000/520, il-Kummissjoni marret lil hinn mill-kompetenza mogħtija lilha fl-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46, moqri fid-dawl tal-Karta, u li, għal din ir-raġuni, l-imsemmi artikolu huwa invalidu. |
105 |
Peress li l-Artikoli 1 u 3 tad-Deċiżjoni 2000/520 huma ħaġa waħda kemm mal-Artikoli 2 u 4 kif ukoll mal-annessi tal-istess direttiva, l-invalidità tagħhom taffettwa l-validità ta’ din id-deċiżjoni kollha kemm hi. |
106 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li d-Deċiżjoni 2000/520 hija invalida. |
Fuq l-ispejjeż
107 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Signature |
( * ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.