EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CJ0005

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-4 ta’ Ġunju 2015.
Kernkraftwerke Lippe-Ems GmbH vs Hauptzollamt Osnabrück.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Finanzgericht Hamburg.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Artikolu 267 TFUE — Proċedura inċidentali ta’ stħarriġ ta’ kostituzzjonalità — Eżami tal-konformità ta’ liġi nazzjonali kemm mad-dritt tal-Unjoni kif ukoll mal-Kostituzzjoni tal-Istat Membru kkonċernat — Fakultà ta’ qorti nazzjonali li tagħmel rinviju preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi għall-ġbir ta’ taxxa fuq l-użu ta’ kombustibbli nukleari — Direttiva 2003/96/KE u 2008/118/KE — Artikolu 107 TFUE — Artikoli 93 EA, 191 EA u 192 EA.
Kawża C-5/14.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:354

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

4 ta’ Ġunju 2015 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Artikolu 267 TFUE — Proċedura inċidentali ta’ stħarriġ ta’ kostituzzjonalità — Eżami tal-konformità ta’ liġi nazzjonali kemm mad-dritt tal-Unjoni kif ukoll mal-Kostituzzjoni tal-Istat Membru kkonċernat — Fakultà ta’ qorti nazzjonali li tagħmel rinviju preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi għall-ġbir ta’ taxxa fuq l-użu ta’ kombustibbli nukleari — Direttiva 2003/96/KE u 2008/118/KE — Artikolu 107 TFUE — Artikoli 93 EA, 191 EA u 192 EA”

Fil-Kawża C‑5/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Finanzgericht Hamburg (il‑Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Novembru 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Jannar 2014, fil-proċedura

Kernkraftwerke Lippe-Ems GmbH

vs

Hauptzollamt Osnabrück,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič (Relatur), President tal-Awla, A. Ó Caoimh, C. Toader, E. Jarašiūnas u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-4 ta’ Novembru 2014,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Kernkraftwerke Lippe-Ems GmbH, minn J. Lüdicke u G. Roderburg, Rechtsanwälte,

għall-Hauptzollamt Osnabrück, minn C. Schürle u I. Schmidtke, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u K. Petersen, bħala aġenti,

għall-Gvern Finlandiż, minn S. Hartikainen u J. Heliskoski, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Lyal u R. Sauer, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-3 ta’ Frar 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 267 TFUE, tal-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE, tas-27 ta’ Ottubru 2003, li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 405), tal-Artikolu 1(1) u (2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE (ĠU 2009, L 9, p. 12), tal-Artikolu 107 TFUE, tal-Artikolu 93(1) EA, tal-Artikolu 191 EA, moqri flimkien mal-Artikolu 3(1) tal-protokoll (Nru 7) dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattati UE, FUE u KEFA (iktar ’il quddiem il-“protokoll”), kif ukoll tal-Artikolu 192(2) EA moqri flimkien mal-Artikolu 1(2) EA u l-Artikolu 2(d) EA.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Kernkraftwerke Lippe-Ems GmbH (iktar ’il quddiem il-“KLE”), operatur tal-impjanti nukleari Emsland f’Lingen (il-Ġermanja), u Hauptzollamt Osnabrück (iktar ’il quddiem il-“Hauptzollamt) dwar it-taxxa fuq il-kombustibbli nukleari dovuta minn KLE, skont il-liġi dwar it-taxxa fuq il-kombustibbli nukleari (Kernbrennstoffsteuergesetz), tat-8 ta’ Diċembru 2010 (BGBl. 2010 I, p. 1804, iktar ’il quddiem il-“KernbrStG”), minħabba l-użu minn din il-kumpannija, matul Ġunju 2011, ta’ elementi kombustibbli fir-reattur nukleari tal-imsemmi impjant.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2003/96

3

Il-premessi 2, 3, 6 u 7 tad-Direttiva 2003/96 huma fformulati kif ġej:

“(2)

L-assenza ta’ proviżżjonijiet tal-Komunità li timponi rata minima ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku u prodotti ta’ enerġija minbarra żjut minerali tista’ taffetwa ħażin il-funzjonijiet kif suppost tas-suq intern.

(3)

Il-funzjonijiet kif suppost tas-suq intern u s-seħħ ta’ għanijiet ta’ politiki oħra tal-Kommunità jinħtieġu livelli minimi ta’ tassazzjoni li jkunu stabbiliti fuq livell Kommunitarju għall-bosta mill-prodotti tal-enerġija, u jinkludu l-elettriku, gass naturali u faħam.

[...]

(6)

Skond l-Artikolu 6 tat-Trattat [KE], il-ħtiġijiet dwar il-protezzjoni ta’ l-ambjent għandhom jiġu integrati fid-definizzjoni u implimentazzjoni ta’ politiki oħra tal-Komunità

(7)

Bħala sieħba tal-konvenzjoni kwadru tan-Nazzjonijiet Uniti dwar tibdil fil-klima, il-Komunità irratifikat il-Protokoll ta’ Kyoto. It-tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u, fejn xieraq, ta’ l-elettriku hija waħda mill-istrumenti disponibbli biex jinkisbu l-iskopijiet tal-Protokoll ta’ Kyoto.”

4

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Stati Membri għandhom jimponu tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku skond din id-Direttiva.”

5

L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“1.   Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, it-terminoloġija ‘prodotti ta’ enerġija’ għandha tapplika għall-prodotti:

a)

li huma deskritti taħt Kodiċi NM 1507 sa 1518, jekk dawn il-prodotti se jintużaw bħala karburant li jsaħħan [kombustibbli] u karburant tal-karozzi [karburant];

b)

li huma deskritti taħt Kodiċi NM 2701, 2702 u 2704 sa 2715;

c)

li huma deskritti taħt Kodiċi NM 2901 u 2902;

d)

li huma deskritti taħt Kodiċi NM 2905 11 00, li ma għandhomx oriġini sintetika, jekk dawn se jintużaw bħala karburant li jsaħħan u karburant tal-karozzi;

e)

li huma deskritti taħt Kodiċi NM 3403;

f)

li huma deskritti taħt Kodiċi NM 3811;

g)

li huma deskritti taħt Kodiċi NM 3817;

h)

li huma deskritti taħt Kodiċi NM 3824 90 99 bħala karburant li jsaħħan u karburant tal-karozzi.

2.   Din id-Direttiva tapplika ukoll għal: Elettriku kif deskritt taħt Kodiċi NM 2716.

3.   Meta l-prodotti ta’ l-enerġija, minbarra dawk li għalihom hemm livell ta’ tassazzjoni speċifikata f’din id-Direttiva, ikunu intenzjonati għall-użu, għall-bejgħ jew użati bħala karburant tal-karozzi jew karburant li jsaħħan, dawn għandhom jiġu intaxxati skond l-użu, bl-istess rata tal-karburant li jsaħħan u l-karburant tal-karozzi.

Minbarra dawn il-prodotti taxxabli kif imniżżla fil-paragrafu 1, kull prodott li se jintuża, jinbiegħ jew jiġi użat bħala karburant tal-karozzi, jew bħala addittiv jew sustanza miżjuda fil-karburanti tal-karozzi, għandu jiġi intaxxat bl-istess rata tal-karburant tal-karozzi.

Minbarra dawn il-prodotti taxxabli kif imniżżla fil-paragrafu 1, kull idrokarbonju ieħor, minbarra l-pit, li se jintuża, jinbiegħ jew jiġi użat biex isaħħan għandu jiġi intaxxat b’rata ekwivalenti ta’ prodott ta’ enerġija.

4.   Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal:

[...]

b)

l-użu kif imniżżel hawn taħt ta’ prodotti ta’ enerġija u elettriku:

prodotti ta’ enerġija użati mhux bħala karburant tal-karozzi jew karburant biex isaħħan,

użu doppju ta’ prodotti ta’ enerġija.

[...]

5.   Referenzi f’din id-Direttiva għall-kodiċi ta’ nomenklatura magħquda għandhom ikunu għal dawk tar-[Regolament] tal-Kummissjoni (KE) N[ru] 2031/2001 tas-6 ta’ Awwissu 2001, li jbiddel Annex I tar-[Regolament] tal-Kunsill (KEE) N[ru] 2658/87 fuq it-tariffa u nomenklatura ta’ l-istatistika u fuq it-tariffa doganali komuni [(ĠU L 279, p. 1, iktar ’il quddiem in-‘Nomenklatura Maqgħuda’)].

Għandha tittieħed deċiżjoni biex taġġorna darba kull sena il-kodiċi tan-nomenklatura magħquda fuq prodotti msemmija f’din id-Direttiva skon dil-proċedura mniżżla fl-Artikolu 27. Id-deċizzjoni ma għandhiex tirriżulta f’tibdil fir-rati minimi tat-taxxa li japplikaw f’din id-Direttiva jew għaż-żieda jew tneħħija ta’ prodotti ta’ enerġija jew elettriku.”

6

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2003/96 jipprovdi:

“1.   Il-livelli ta’ tassazzjoni li Stati Membri għandhom japplikaw fuq il-prodotti ta’ enerġija u elettriku kif imniżżla fl-Artikolu 2 ma għandhomx ikunu inqas mill-livelli miimi ta’ tassazzjoni kif preskritti minn din id-Direttiva.

2.   Għall-iskop ta’ din id-Direttiva ’livell ta’ tassazzjoni’ huwa il-piż totali intaxxat fir-rigward tat-taxxi indiretti kollha (ħlief [it-taxxa fuq il-valur miżjud, iktar ’il quddiem il-‘VAT’]) ikkalkulat direttament jew indirettament fuq il-kwantità ta’ prodotti ta’ enerġija u elettriku meta dawn ikunu rilaxxati għall-konsum.”

7

Skont l-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva:

“Barra d-disposizzjonijiet ġenerali kif imniżżla f”Direttiva 92/12/KEE [tal-Kunsill] 92/12/KEE, [tal-25 ta’ Frar 1992, dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta’ dan it-tip ta’ prodotti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 76, Vol. 1, p. 179)] li tikkonċerna l-użu eżenti ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa u bla ħsara għal dispożizzjonijiet Komunitarji oħra, l-Istati Membri għandhom jeżentaw il-prodotti li ġejjin mid-dazju tas-sisa armonizzat, taħt il-kundizzjonijiet li huma jistabbilixxu bil-għan li jiżguraw l-applikazzjoni korretta u ċara ta’ dawn l-eżenzjonijiet u li jimpedixxu l-frodi, l-evażjoni u l-abbużi:

a)

prodotti ta’ enerġija u elettriku użati biex jipproduċu elettriku u elettriku użat biex iżomm il-[kapaċità ta’] produzzjoni ta’ l-elettriku. Madankollu, Stati Membri jistgħu, għal raġunijiet ta’ politika dwar l-ambjent, jissottomettu dawn il-prodotti għall-tassazzjoni mingħajr ma joqgħodu jirrispettaw il-livelli minimi ta’ tassazzjoni kif imniżżla f’din id-Direttiva. F’każ bħal dan, it-tassazzjoni ta’ dawn il-prodotti ma għandhiex tiġi ikkonsidrata sabiex tissodisfa il-livell minimu ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku kif imniżżel fl-Artikolu 10;

[...]”

Id-Direttiva 2008/118

8

Il-premessa 9 tad-Direttiva 2008/118 hija fformulata kif ġej:

“Billi d-dazju tas-sisa huwa taxxa fuq il-konsum ta’ ċerti prodotti, id-dazju m’għandux jitħallas fir-rigward ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa li, taħt xi ċirkostanzi, jkunu ġew meqruda jew mitlufa għal kollox.”

9

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.   Din id-Direttiva tistabbilixxi arranġamenti ġenerali fir-rigward tad-dazju tas-sisa li jaffettwa direttament jew indirettament il-konsum tal-prodotti li ġejjin (minn hawn ’il quddiem ‘prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa’:

a)

prodotti tal-enerġija u l-elettriku koperti mid-Direttiva [2003/96];

[...]

2.   L-Istati Membri jistgħu jimponu taxxi indiretti oħrajn fuq prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa għal finijiet speċifiċi, bil-kondizzjoni li dawk it-taxxi jikkonformaw mar-regoli tat-taxxa Komunitarja applikabbli għad-dazju tas-sisa jew [għal-VAT] f’dak li jikkonċerna d-determinazzjoni tal-bażi tat-taxxa, il-kalkolu tat-taxxa, l-impożizzjoni tal-ħlas u l-monitoraġġ tat-taxxa, iżda ma jinkludux id-dispożizzjonijiet dwar l-eżenzjonijiet.

3.   L-Istati Membri jistgħu jimponu taxxi fuq:

a)

prodotti minbarra prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa;

b)

il-forniment ta’ servizzi, inklużi dawk relatati ma’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa, li ma jistgħux jiġu kkaratterizzati bħala taxxi fuq il-bejgħ jew fatturat.

Madankollu, fil-kummerċ bejn l-Istati Membri, l-impożizzjoni ta’ tali taxxi ma tistax tirriżulta f’formalitajiet konnessi mal-qsim tal-fruntieri”.

10

Skont l-Artikolu 47 tad-Direttiva 2008/118:

“1.   Id-Direttiva [92/12] hija mħassra b’effett mill-1 ta’ April 2010.

[...]

2.   Ir-referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jitqiesu bħala referenzi għal din id-Direttiva.”

Id-dritt Ġermaniż

11

L-ewwel sentenza Artikolu 100(1) tal-Liġi fundamentali tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja (Grundgesetz für die Bundesrepublik Deutschland) tistabbilixxi:

“Jekk qorti tqis li liġi li l-validità tagħha tikkundizzjona d-deċiżjoni tagħha hija antikostituzzjonali, hija għandha tissospendi l-proċeduri quddiemha u tressaq il-kwistjoni [...] għad-deċiżjoni tal-Bundesverfassungsgericht [(Qorti Kostituzzjonali Federali)] [...]”.

12

L-Artikolu 1 tal-KernbrStG, intitolat “Bażi taxxabbli, territorju fiskali”, jipprovdi:

“(1)   Il-kombustibbli nukleari użat għall-produzzjoni industrijali tal-elettriku huma suġġetti fuq it-territorju fiskali għat-taxxa fuq il-kombustibbli nukleari. It-taxxa fuq il-kombustibbli nukleari hija taxxa fuq il-konsum, fis-sens tal-kodiċi tat-taxxi.

(2)   It-territorju fiskali huwa t-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja [...]”

13

L-Artikolu 2 tal-KernbrStG, intitolat “Definizzjoni tal-kunċetti użati fil-liġi”, jipprovdi:

“Għall-għanijiet ta’ dan ir-regolament, japplikaw dawn id-definizzjonijiet:

1.

kombustibbli nukleari:

a)

il-plutonju 239 u l-plutonju 241,

b)

l-uranju 233 u l-uranju 235,

anki fil-forma ta’ komposti, liegi, prodotti taċ-ċeramika u taħlit;

2.

elementi kombustibbli: it-taħlita, magħmulha minn diversi vireg kombustibbli nukleari li hija l-forma li l-kombustibbli nukleari jkun fiha meta jiddaħħal fir-reattur nukleari;

3.

virga kombustibbli: il-forma ġeometrika li jkollu l-kombustibbli nukleari, mgeżwer f’materjal protettiv, meta jiddaħħal fir-reattur nukleari;

4.

reazzjoni f’katina: il-proċess fejn in-newtroni jirrilaxxaw, permezz tal-fissjoni ta’ elementi kombustibbli nukleari, newtroni oħra, li min-naħa tagħhom jipprovokaw il-fissjoni ta’ elementi oħra ta’ kombustibbli nukleari;

5.

reattur nukleari: il-pożizzjonament ġeometriku ta’ elementi kombustibbli jew ta’ vireg kombustibbli kif ukoll komponenti oħra b’mod li jippermetti t-twettiq ta’ reazzjoni f’katina kkontrollata awtosuffiċjenti;

6.

operatur: il-proprjetarju ta’ awtorizzazzjoni għat-tħaddim ta’ sit ta’ produzzjoni industrijali ta’ elettriku permezz ta’ fissjoni ta’ kombustibbli nukleari.”

14

L-Artikolu 3 ta’ din il-liġi, intitolat “Tariffa tat-taxxa”, jiffissa t-taxxa dovuta għal 1 gramma ta’ plutonju 239, ta’ plutonju 241, ta’ uranju 233 jew ta’ uranju 235 għal EUR 145.

15

L-Artikolu 5 ta’ din il-liġi, intitolat “Fatt taxxabbli, il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa”, jipprovdi:

“(1)   It-taxxa hija dovuta meta jintużaw elementi kombustibbli jew vireg kombustibbli għall-ewwel darba f’reattur nukleari u meta tinbeda reazzjoni f’katina awtosuffiċjenti [...]

(2)   Il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa hija l-operatur.”

16

L-Artikolu 16 tal-istess liġi, intitolat “Dikjarazzjoni tat-taxxa, l-impożizzjoni tat-taxxa”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li l-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa għandha tipprovdi dikjarazzjoni fejn jikkalkola huwa stess it-taxxa dovuta.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17

Matul Ġunju 2011, KLE użat elementi kombustibbli fir-reattur nukleari Emsland sabiex tinbeda reazzjoni f’katina awtosuffiċjenti.

18

KLE bagħtet lil Hauptzollamt dikjarazzjoni dwar it-taxxa fuq il-kombustibbli nukleari, bid-data tat-13 ta’ Lulju 2011, fejn hija kkalkolat, skont id-dispożizzjonijiet tal-KernbrStG fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2011, l-ammont ta’ EUR 154117745 dovut skont din it-taxxa.

19

Sussegwentement, KLE bdiet proċedimenti ta’ oppożizzjoni kontra din id-dikjarazzjoni. Permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Novembru 2011, hija tat bidu għat-talba tagħha. KLE għalhekk, fit-30 ta’ Novembru 2011, ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Finanzgericht Hamburg (Qorti tal-Finanzi ta’ Hamburg). Permezz ta’ avviż ta’ ħlas tat-28 ta’ Awwissu 2013, il-Hauptzollamt biddlet l-ammont tat-taxxa dovut, billi stabbilixxitu għal EUR 154117455. Huwa dan l-avviż li jikkostitwixxi s-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

20

Mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-partijiet fil-kawża prinċipali ma jaqblux, b’mod partikolari, dwar il-kwistjoni dwar jekk il-KernbrStG hijiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

21

KLE tqis, fl-ewwel lok, li d-Direttivi 2008/118 u 2003/96 jawtorizzaw it-tassazzjoni tal-elettriku bħala prodott finali u mhux l-impożizzjoni simultanja tad-dazju tas-sisa fuq is-sorsi ta’ enerġija kkonsmati għall-finijiet tal-produzzjoni tal-elettriku. Fit-tieni lok, KLE tikkunsidra li l-Artikolu 107 TFUE jipprekludi l-KernbrStG, peress li din il-liġi taffettwa l-kompetizzjoni bejn id-diversi produtturi tal-elettriku, billi tistabbilixxi taxxa fuq il-produzzjoni tal-elettriku fl-impjanti nukleari, filwaqt li, minn naħa, il-modi l-oħra ta’ produzzjoni ta’ elettriku li ma jiġġenerawx emissjonijiet ta’ CO2 u, min-naħa l-oħra, dawk li jagħtu lok għal tali emissjonijiet, ma humiex suġġetti għat-taxxa. Fit-tielet lok, il-KernbrStG, peress li tinkoraġġixxi lill-produtturi tal-enerġija elettrika jduru lejn modi ta’ produzzjoni ta’ elettriku inqas favorevoli għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ CO2, hija inkompatibbli mal-Artikoli 191 TFUE et seq, moqrija flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE. Fl-aħħar nett, skont KLE, il-KernbrStG huwa kuntrarju għal-loġika li tirriżulta mill-Artikolu 93 EA kif ukoll għall-għan li huwa stabbilit fl-Artikoli 191 EA, 192 EA u għall-protokoll, intiż għall-iżvilupp tal-produzzjoni ta’ elettriku mill-enerġija nukleari, li ma tiġġenerax emissjonijiet CO2.

22

Il-Hauptzollamt tqis li d-Direttiva 2008/118 tirrigwarda biss iċ-ċirkulazzjoni bejn l-Istati Membri ta’ prodotti suġġetti għas-sisa u li d-Direttiva 2003/96 ma tinkludix regoli applikabbli għall-kombustibbli nukleari. Hija tikkunsidra li l-KernbrStG ma tikkostitwixxix miżura ta’ għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE, u li, fi kwalunkwe każ, din id-dispożizzjoni tat-Trattat FUE ma tistax tagħti lil KLE id-dritt li tikseb l-annullament tad-dikjarazzjoni tagħha tat-13 ta’ Lulju 2011 dwar it-taxxa fuq il-kombustibbli nukleari. Barra minn hekk, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 194(2) TFUE jippermetti lill-Istati Membri li jiddeċiedu liberament dwar il-prinċipju stess tal-użu tal-enerġija nukleari u jekk jissuġġettawx l-użu ta’ din tal-aħħar għal taxxa. Skont il-Hauptzollamt, lanqas id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KEFA ma jipprekludu l-KernbrStG, peress li din ma taħtarx lill-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika (iktar ’il quddiem il-“KEEA”) bħala persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa fuq il-kombustibbli nukleari u lanqas ma tissuġġetta għal din it-taxxa id-dritt tagħha għal proprjetà. Il-Hauptzollamt jikkunsidra li dawn id-dispożizzjonijiet ma jaffettwaw la l-kompetenza tal-Istati Membri li jiddeterminaw il-modi tal-provvista tagħhom tal-enerġija u lanqas il-kompetenza tagħhom sabiex japplikaw taxxi marbuta mat-tħaddim tal-impjanti nukleari.

23

Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Finanzgericht Hamburg, fi proċedura parallela, ressqet quddiem il-Bundesverfassungsgericht il-kwistjoni tal-konformità tal-KernbrStG mal-Liġi fundamentali tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

24

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lilha nfisha dwar il-possibbiltà li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja domandi preliminari filwaqt li tkun għadha pendenti l-proċedura mibdija quddiem il-Bundesverfassungsgericht

25

Hija tosserva, fl-ewwel lok, li, jekk il-Bundesverfassungsgericht, li hija l-unika qorti kompetenti sabiex tistħarreġ il-kostituzzjonalità tal-liġijiet federali u, skont il-każ biex tinvalidahom, tikkonstata l-invalidità tal-KernbrStG u l-inapplikabbiltà tagħha ex tunc, id-dikjarazzjoni ta’ KLE tat-13 ta’ Lulju 2011 dwar it-taxxa fuq il-kombustibbli nukleari jkollha tiġi annullata immedjatament għal din ir-raġuni u l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tibqax iktar determinanti għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-kawża quddiem il-Bundesverfassungsgericht ma tippermettilhiex li titlaq mill-premessa li mhux se jkollha tapplika din il-liġi u li, konsegwentement, il-kwistjoni tal-konformità ta’ din mad-dritt tal-Unjoni ma tibqax tapplika, peress li l-imsemmija liġi tibqa’ valida sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor. Barra minn hekk, il-Bundesverfassungsgericht tista’ tiddeċiedi l-invalidità u l-inapplikabbiltà tagħha biss għall-futur.

26

Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tirrileva li hija tinterpreta l-ewwel sentenza tal-Artikolu 100(1) tal-Liġi fundamentali tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja fis-sens li din id-dispożizzjoni tipprojbixxi lill-qrati milli jiddeċiedu fil-mertu sakemm il-Bundesverfassungsgericht ma tkunx tat id-deċiżjoni tagħha, iżda ma tipprojbixxix it-talbiet għal deċiżjoni preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja.

27

Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, għalkemm l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni permezz ta’ talba għal deċiżjoni preliminari setgħet tintalab biss wara li tingħata deċiżjoni tal-Bundesverfassungsgericht li tikkonstata l-kostituzzjonalità tal-KernbrStG, it-tul totali tal-proċedura jista’ jkun ta’ diversi snin. Issa, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, f’dan ir-rigward, l-obbligu li jiġi osservat terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza.

28

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Finanzgericht Hamburg iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

It-tieni sentenza tal-Artikolu 267, moqrija flimkien mal-punt (b) tal-ewwel sentenza tiegħu, [(TFUE)] tawtorizza lil qorti ta’ Stat Membru tagħmel domandi, li jsirulha fir-rigward tal-legalità ta’ liġi nazzjonali, marbuta mal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, anki meta l-qorti nazzjonali jkollha mhux biss dubji dwar il-konformità tal-liġi mad-dritt tal-Unjoni, minn naħa, iżda tkun ukoll konvinta li l-liġi nazzjonali tmur kontra l-kostituzzjoni nazzjonali, min-naħa l-oħra, u li, għal din ir-raġuni, hija diġà adixxiet, fi proċedura parallela, il-Qorti Kostituzzjonali — li hija l-unika kompetenti, skont id-dritt nazzjonali, sabiex tiddeċiedi dwar l-antikostituzzjonalità tal-liġijiet — li d-deċiżjoni tagħha għadha madankollu mhux mogħtija?

Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tingħata fl-affermattiv: […]:

2)

Id-Direttivi 2008/118/KE u 2003/96/KE, adottati sabiex jiġu armonizzati d-dazji tas-sisa u li jikkonċernaw il-prodotti tal-enerġija u tal-elettriku fil-kuntest tal-Unjoni [Ewropea], jipprekludu l-introduzzjoni ta’ taxxa nazzjonali miġbura fuq il-kombustibbli nukleari użati għall-produzzjoni industrijali tal-elettriku? Dan jiddependi mill-possibbiltà prevedibbli li t-taxxa nazzjonali tiġi mgħoddija fuq il-konsumatur permezz tal-prezz tal-elettriku u, jekk ikun il-każ, x’għandu jinftiehem b’“mgħoddija”?

3)

Impriża tista’ tikkontesta taxxa, miġbura minn Stat Membru, bl-għan li jiġi ġġenerat dħul, fuq l-użu ta’ kombustibbli nukleari għall-produzzjoni industrijali tal-elettriku, billi tallega li l-ġbir ta’ tali taxxa jikkostitwixxi għajnuna li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE? Fil-każ li tingħta risposta fl-affermattiv għad-domandi preċedenti: Il-liġi Ġermaniża dwar it-taxxa fuq il-kombustibbli nukleari li tapplika taxxa, bl-għan li jiġi ġġenerat dħul, biss fuq l-impriżi li jipproduċu elettriku fuq livell industrijali billi jużaw kombustibbli nukleari, tikkostitwixxi miżura ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE?

Liema huma ċ-ċirkustanzi rilevanti sabiex jiġi stabbilit jekk impriżi oħra, li ma humiex suġġetti għal taxxa simili, jinsabu f’sitwazzjoni li hija fattwalment u ġuridikament komparabbli?

4)

Il-ġbir tat-taxxa Ġermaniża fuq il-kombustibbli nukleari jmur kontra d-dispożizzjonijiet tat-[(Trattat KEEA)]?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

29

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 267 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li qorti nazzjonali, li jkollha dubji dwar il-kompatibbiltà ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali kemm mad-dritt tal-Unjoni kif ukoll mal-Kostituzzjoni tal-Istat Membru kkonċernat, hijiex imċaħħda mill-fakultà jew skont il-każ, hijiex ħielsa mill-obbligu li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja domandi dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ dan id-dritt, minħabba l-fatt li proċedura inċidentali ta’ stħarriġ tal-kostituzzjonalità ta’ din il-leġiżlazzjoni hija pendenti quddiem il-qorti nazzjonali responsabbli għall-eżerċizzju ta’ dan il-kontroll.

30

Għandu jitfakkar li l-Artikolu 267 TFUE jipprovdi l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi, b’mod preliminari, kemm dwar l-interpretazzjoni tat-trattati u tal-atti mwettqa mill-istituzzjonijiet, il-korpi jew l-organi tal-Unjoni kif ukoll dwar il-validità ta’ dawn l-atti. Dan l-artikolu jipprovdi, fit-tieni paragrafu tiegħu, li qorti nazzjonali tista’ tissottometti tali domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja, jekk hija tqis li deċiżjoni dwar dan il-punt hija neċessarja sabiex tagħti d-deċiżjoni tagħha, u, fit-tielet paragrafu tiegħu, li għandha tagħmel id-domandi tagħha jekk id-deċiżjonijiet tagħha ma jistgħux jiġu appellati fid-dritt intern.

31

Fl-ewwel lok, mill-Artikolu 267 TFUE jirriżulta li anki jekk jista’ jkun ta’ vantaġġ, skont iċ-ċirkustanzi, li l-fatti tal-kawża jiġu stabbiliti u li l-problema ta’ dritt nazzjonali pur jiġu deċiżi fil-mument tar-rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja (ara s-sentenzi Irish Creamery Milk Suppliers Association et, 36/80 u 71/80, EU:C:1981:62, punt 6; Meilicke, C‑83/91, EU:C:1992:332, punt 26, kif ukoll JämO, C-236/98, EU:C:2000:173, punt 31), il-qrati nazzjonali għandhom diskrezzjoni mill-iktar wiesgħa sabiex jirreferu kawża lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk jikkunsidraw li kawża pendenti quddiemhom tqajjem kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni jew ta’ evalwazzjoni tal-validità tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu deċiżjoni min-naħa tagħhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Mecanarte, C-348/89, EU:C:1991:278, punt 44; Cartesio, C-210/06, EU:C:2008:723, punt 88; Melki u Abdeli, C‑188/10 u C‑189/10, EU:C:2010:363, punt 41, kif ukoll A, C‑112/13, EU:C:2014:2195, punt 35).

32

Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-qorti nazzjonali li għandha l-obbligu li tapplika, fil-kuntest tal-kompetenza tagħha, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, għandha l-obbligu li tiżgura l-effett sħiħ ta’ dawn ir-regoli u ma tapplikax, fejn huwa neċessarju, fuq awtorità tagħha stess, kull dispożizzjoni fil-leġiżlazzjoni nazzjonali li hija kuntrarja, anki jekk tkun sussegwenti, mingħajr ma jkollha titlob jew tistenna t-tħassir minn qabel tagħha permezz ta’ leġiżlazzjoni jew bi kwalunkwe proċedura kostituzzjonali (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Simmenthal, 106/77, EU:C:1978:49, punti 21 u 24; Filipiak, C-314/08, EU:C:2009:719, punt 81; Åkerberg Fransson, C-617/10, EU:C:2013:105, punt 45, kif ukoll A, C‑112/13, EU:C:2014:2195, punt 36).

33

Fil-fatt, hija inkompatibbli mar-rekwiżiti inerenti għan-natura stess tad-dritt tal-Unjoni kwalunkwe dispożizzjoni ta’ natura ġuridika nazzjonali, anki jekk ta’ tip kostituzzjonali, jew kwalunkwe prattika leġiżlattiva, amministrattiva jew ġudizzjarja, li għandha l-effett li tnaqqas l-effettività tad-dritt tal-Unjoni minħabba l-fatt li tirrifjuta lill-qorti kompetenti sabiex tapplika dan id-dritt is-setgħa li tagħmel, fil-mument ta’ din l-istess applikazzjoni, dak kollu li huwa neċessarju sabiex twarrab id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali li possibbilment huma ta’ ostaklu għall-effettività sħiħa tar-regoli tal-Unjoni (ara s-sentenzi Simmenthal, 106/77, EU:C:1978:49, punt 22; Factortame et, C-213/89, EU:C:1990:257, punt 20, kif ukoll, f’dan is-sens, Križan et, C‑416/10, EU:C:2013:8, punt 70). Dan ikun il-każ jekk, fl-ipoteżi ta’ kunflitt bejn dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni u liġi nazzjonali, ir-riżoluzzjoni ta’ dan il-kunflitt tiġi rriżervata għal awtorità li ma hijiex qorti li lilha huwa fdat il-kompitu li tiżgura l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li hija investita b’setgħa ta’ evalwazzjoni awtonoma, anki jekk l-ostaklu li jirriżulta għall-effikaċja sħiħa ta’ dan id-dritt huwa biss temporanju (ara s-sentenza A, C‑112/13, EU:C:2014:2195, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

Fit-tielet lok, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li qorti nazzjonali li jkollha quddiemha tilwima li tikkonċerna d-dritt tal-Unjoni, li tikkunsidra li dispożizzjoni nazzjonali mhux biss hija kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni, iżda wkoll affettwata b’vizzji ta’ antikostituzzjonalità, ma hijiex imċaħħda mill-possibbiltà jew ħielsa mill-obbligu, previsti fl-Artikolu 267 TFUE, li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja domandi dwar l-interpretazzjoni jew il-validità tad-dritt tal-Unjoni minħabba l-fatt li l-konstatazzjoni tal-antikostituzzjonalità ta’ regola tad-dritt intern hija suġġetta għal rikors obbligatorju quddiem il-qorti kostituzzjonali. Fil-fatt, l-effettività tad-dritt tal-Unjoni tkun mhedda li kieku l-eżistenza ta’ rikors obbligatorju quddiem il-qorti kostituzzjonali setgħet iċċaħħad lill-qorti nazzjonali, li quddiemha titressaq kawża rregolata mid-dritt tal-Unjoni, milli teżerċita l-possibbiltà li għandha skont l-Artikolu 267 TFUE li tissottometti lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi dwar l-interpretazzjoni jew il-validità tad-dritt tal-Unjoni, sabiex tippermettilha tiddeċiedi jekk regola nazzjonali hijiex kompatibbli jew le miegħu (sentenzi Mecanarte, C‑348/89, EU:C:1991:278, punti 39, 45 u 46; Melki u Abdeli, C‑188/10 u C-189/10, EU:C:2010:363, punt 45, kif ukoll A, C‑112/13, EU:C:2014:2195, punt 38).

35

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet flimkien, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li l-funzjonament tas-sistema ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, stabbilita permezz tal-Artikolu 267 TFUE u l-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni jeħtieġu li l-qorti nazzjonali tkun libera li tadixxi, fi kwalunkwe mument tal-proċeduri li jitqies xieraq, kif ukoll fi tmiem tal-proċedura inċidentali ta’ stħarriġ ta’ kostituzzjonalità, lill-Qorti tal-Ġustizzja b’kull domanda preliminari li tqis xierqa (sentenza A, C‑112/13, EU:C:2014:2195, punt 39).

36

Issa, għar-raġunijiet msemmija fil-punti 31 sa 35 ta’ din is-sentenza, l-effettività tad-dritt tal-Unjoni tinsab mgħedda u l-effettività tal-Artikolu 267 TFUE tiddgħajjef jekk, minħabba l-fatt li proċedura inċidentali ta’ stħarriġ tal-kostituzzjonalità tkun għadha pendenti, il-qorti nazzjonali kienet imċaħħda milli tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’domandi preliminari u tapplika immedjatament id-dritt tal-Unjoni skont id-deċiżjoni jew il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Simmenthal, 106/77, EU:C:1978:49, punt 20).

37

F’dak li jikkonċerna l-fatt li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 100(1) tal-Liġi fundamentali tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja tipprovdi, għal qorti li tikkunsidra li liġi hija antikostituzzjonali, minbarra l-obbligu li tissuġġetta l-kwistjoni tal-konformità ta’ din l-aħħar liġi mal-imsemmija Liġi fundamentali għal deċiżjoni tal-Bundesverfassungsgericht, l-obbligu li tissospendi l-proċeduri quddiemha, għandu jitfakkar li l-eżistenza ta’ regola tal-proċedura nazzjonali ma tistax tikkontesta s-setgħa li għandhom il-qrati nazzjonali li jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja meta jkollhom dubji, bħal fil-kawża prinċipali, fuq l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (sentenza Križan et, C‑416/10, EU:C:2013:8, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

F’dak li jikkonċerna, fl-aħħar nett, l-effett tal-proċedura mibdija quddiem il-Bundesverfassungsgericht dwar ir-relevanza ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali, għandu jiġi rrelevat li, sa fejn din it-tilwima u d-domandi preliminari jikkonċernaw, indipendentement mill-kwistjoni tal-kostituzzjonalità tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-kwistjoni tal-kompatibbiltà fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni ta’ liġi nazzjonali li tipprovdi għall-ġbir ta’ taxxa fuq l-użu ta’ kombustibbli nukleari, ma jidhirx b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, li l-problema hija ta’ natura ipotetika jew inkella li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tagħti risposta utli għad-domandi li sarulha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Filipiak, C-314/08, EU:C:2009:719, punti 43 u 45).

39

Fid-dawl ta’ dak li jippreċedi, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 267 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti nazzjonali li jkollha dubji dwar il-kompatibbiltà ta’ liġi nazzjonali kemm mad-dritt tal-Unjoni kif ukoll mal-Kostituzzjoni tal-Istat Membru kkonċernat, ma hijiex imċaħħda mill-possibbiltà, u lanqas, jekk ikun il-każ, ma hija ħielsa mill-obbligu, li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’domandi dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ dan id-dritt minħabba l-fatt li proċedura inċidentali ta’ stħarriġ tal-kostituzzjonalità ta’ din l-istess leġiżlazzjoni tkun pendenti quddiem il-qorti nazzjonali responsabbli mill-eżerċizzju ta’ dan l-istħarriġ.

Fuq it-tieni domanda

40

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, minn naħa, l-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96 u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 1(1) u (2) tad-Direttiva 2008/118 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, milli tipprovdi għall-ġbir ta’ taxxa fuq l-użu ta’ kombustibbli nukleari għall-finijiet tal-produzzjoni industrijali ta’ elettriku.

41

Fil-fatt, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Finanzgericht Hamburg tistaqsi lilha nfisha dwar, fl-ewwel lok, il-punt jekk il-kombustibbli nukleari għandux ikun is-suġġett tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk, fil-każ li dan il-kombustibbli ma jaqax taħt din l-eżenzjoni, għandhiex madankollu tapplikalu din l-eżenzjoni b’analoġija.

42

Fit-tieni lok, din il-qorti trid tkun taf jekk it-taxxa stabbilita mill-KernbrStG tikkostitwixxix dazju tas-sisa li jolqot direttament il-konsum tal-elettriku li jaqa’ taħt id-Direttiva 2003/96, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2008/118, jew taxxa indiretta oħra fuq dan il-prodott, fis-sens tal-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva, u, fl-ipoteżi fejn din tkun taqa’ taħt waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, jekk din it-taxxa hijiex konformi mad-dispożizzjonijiet, rispettivament, tad-Direttiva 2003/96 jew tad-Direttiva 2008/118. Il-Finanzgericht Hamburg tistaqsi, b’mod partikolari, jekk il-fatt li l-impożizzjoni tat-taxxa hija mħallsa jew le minn persuni differenti mill-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa huwiex determinanti għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tagħha fid-dawl tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/118 u jekk għal dan il-għan hijiex meħtieġa rabta ta’ proporzjonalità bejn il-kombustibbli nukleari użat u l-kwantità ta’ elettriku prodott.

Fuq id-Direttiva 2003/96

43

Bla ħsara għall-kwistjoni dwar jekk l-atti ta’ dritt sekondarju adottati abbażi tal-Artikolu 93 KE (li sar l-Artikolu 113 TFUE), bħad-Direttiva 2003/96, japplikawx għall-kombustibbli nukleari, li jaqa’ taħt dispożizzjonijiet tat-Trattat KEEA dwar is-suq komuni nukleari, għandu jiġi kkonstatat li, fi kwalunkwe każ, dan il-kombustibbli ma jaqax taħt l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 14(1)(a) ta’ din id-direttiva.

44

Fil-fatt, skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/96, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jintaxxaw il-prodotti enerġetiċi skont din id-direttiva, peress li din hija intiża sabiex timponi, kif jirriżulta mill-premessi 2 u 3, livelli minimi ta’ tassazzjoni fil-livell tal-Unjoni għall-parti l-kbira tal-prodotti enerġetiċi.

45

L-Artikolu 14 tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi b’mod limitat l-eżenzjonijiet obbligatorji imposti fuq l-Istati Membri fil-kuntest tat-tassazzjoni tal-prodotti tal-enerġija u tal-elettriku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Fendt Italiana, C‑145/06 u C‑146/06, EU:C:2007:411, punt 36).

46

Barra minn hekk, l-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96, sa fejn jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li ma jissuġġettawx għat-taxxa prevista minn din id-direttiva “prodotti ta’ enerġija u elettriku użati biex jipproduċu elettriku u elettriku użat biex iżomm il-produzzjoni ta’ l-elettriku”, jiddetermina b’mod ċar il-prodotti li jaqgħu taħt din l-eżenzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Flughafen Köln vs Bonn, C‑226/07, EU:C:2008:429, punt 29).

47

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2003/96 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “prodotti ta’ enerġija”, użati għall-finijiet ta’ din id-direttiva, billi jelenka b’mod eżawrjenti l-lista tal-prodotti li jaqgħu taħt id-definizzjoni ta’ dan il-kunċett b’riferiment għall-kodiċi tan-nomenklatura magħquda.

48

Issa, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-kombustibbli nukleari msemmi mill-KernbrStG, peress li ma huwiex elenkat f’din il-lista, ma jikkostitwixxix “prodott ta’ enerġija” għall-finijiet tad-Direttiva 2003/96 u, għaldaqstant, ma jaqax taħt l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 14(1)(a) ta’ din id-direttiva.

49

Għaldaqstant, ma hemmx lok li jiġi ddeterminat jekk dan il-prodott jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/96 jew inkella jekk huwiex eskluż minn dan minħabba d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(3) u (4) ta’ din id-direttiva.

50

KLE ssostni li l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96 għandha, madankollu, tiġi applikata, b’analoġija, għall-kombustibbli nukleari, minħabba li din id-direttiva għandha l-għan li timplementa l-prinċipju ta’ taxxa unika tal-enerġija elettrika, li tipprekludi l-ġbir simultanju ta’ taxxa fuq din l-enerġija u ta’ taxxa fuq is-sors ta’ produzzjoni tagħha. Barra minn hekk, l-assenza ta’ dan il-kombustibbli mil-lista tal-prodotti ta’ enerġija, fis-sens tal-imsemmija direttiva, tirriżulta minn lakuna involontarja min-naħa tal-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea, peress li dan ma setax jistenna li l-Istati Membri jadottaw tali miżura, bħall-KernbrStG li, billi tistabbilixxi taxxa unikament fuq proċess ta’ produzzjoni ta’ enerġija elettrika li ma tiġġenerax emissjonijiet ta’ CO2, hija kuntrarja għall-politika tal-Unjoni fil-qasam tat-tnaqqis ta’ dawn l-emissjonijiet kif ukoll il-premessi 6 u 7 tal-istess direttiva.

51

Għandu jiġi kkonstatat, f’dan ir-rigward, li l-argumenti invokati minn KLE ma jippermettux li jiġi konkluż li jeżisti prinċipju li jipprekludi l-ġbir simultanju ta’ taxxa fuq il-konsum ta’ enerġija elettrika u ta’ taxxa li tolqot is-sorsi ta’ produzzjoni ta’ din l-enerġija. Fil-fatt, mill-paġna 5 tal-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta ta’ direttiva tal-Kunsill li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni ta’ prodotti ta’ enerġija (ĠU 1997, C 139 p. 14), li għaliha tirreferi KLE, jirriżulta li, tal-inqas “jeżistu żewġ modi kif jiġi inkluż l-elettriku fil-kamp tad-dispożizzjonijiet fiskali: billi jiġu ntaxxati l-kombustibbli użati fil-produzzjoni tal-elettriku (taxxa tal-input) jew billi jiġi ntaxxat l-elettriku stess (taxxa fuq l-output)”. Minn din il-proposta ma jirriżultax li dawn iż-żewġ modi jeskludu lil xulxin bi prinċipju, u l-Kummissjoni Ewropea ammettiet li huma komplimentari billi rriżervat, f’din il-proposta, l-possibbiltà għall-Istati Membri li “jżidu [mat-taxxa fuq l-output] taxxa supplementari għall-input (mhux armonizzata) fil-każ ta’ kombustibbli mhux mixtieqa mill-perspettiva tal-ambjent”. Barra minn hekk, lanqas ma jirriżulta minn dan it-test li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tipproponi l-ħolqien ta’ obbligu għall-Istati Membri li jeżentaw minn kwalunkwe taxxa l-prodotti li ma jaqgħux taħt is-sistema armonizzata ta’ taxxa.

52

Barra minn hekk, possibbli nuqqas ta’ konformità ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali mal-politika tal-Unjoni fil-qasam tat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ CO2 ma jistax jiġġustifika, mingħajr ma jibdel radikalment il-portata tal-Artikoli 2(1) u 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96, kuntrarjament għall-intenzjoni ċara tal-leġiżlatur tal-Unjoni, li dawn id-dispożizzjonijiet jiġu interpretati fis-sens li japplikaw għal prodotti differenti mill-prodotti ta’ enerġija u l-elettriku fis-sens ta’ din id-direttiva.

53

Mill-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punti 51 u 52 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96 ma tistax tiġi applikata b’analoġija għall-kombustibbli nukleari msemmi fil-KernbrStG.

54

Għalhekk, l-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, milli tipprovdi għall-ġbir ta’ taxxa fuq l-użu ta’ kombustibbli nukleari għall-finijiet tal-produzzjoni industrijali tal-elettriku.

Fuq id-Direttiva 2008/118

55

F’dak li jikkonċerna l-kwistjoni dwar jekk it-taxxa stabbilita permezz tal-KernbrStG tikkostitwixxix “dazji tas-sisa” fuq l-elettriku, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2008/118 jew “taxxi indiretti oħrajn” fuq dan il-prodott, fis-sens tal-Artikolu 1(2) tal-imsemmija direttiva, għandu jiġi kkonstatat li din tal-aħħar ma tiddefinixxix dawn il-kunċetti.

56

Madankollu, mill-premessa 9 tad-Direttiva 2008/118 jirriżulta li s-sisa hija taxxa fuq il-konsum, jiġifieri taxxa indiretta. Barra minn hekk, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva jirriżulta li din id-dispożizzjoni ssemmi d-dazji tas-sisa li jolqtu direttament jew indirettament il-konsum, b’mod partikolari l-prodotti tal-enerġija u tal-elettriku msemmija mid-Direttiva 2003/96.

57

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, kif irrelevaw il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni, fil-każ speċifiku tal-prodotti tal-enerġija u tal-elettriku, l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2003/96, li jimponi lill-Istati Membri l-obbligu li josservaw ċerti livelli minimi ta’ intaxxar ta’ dawn il-prodotti, jipprovdi indikazzjonijiet rigward in-natura tat-taxxi msemmija mill-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2008/118. Fil-fatt, l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/96, jiddefinixxi l-“livell ta’ tassazzjoni” li l-Istati Membri japplikaw għall-prodotti kkonċernati bħala l-“l-piż totali ntaxxat fir-rigward tat-taxxi indiretti kollha (ħlief il-VAT) ikkalkulat direttament jew indirettament fuq il-kwantità ta’ prodotti ta’ enerġija u elettriku meta dawn ikunu rilaxxati għall-konsum”.

58

Fir-rigward tal-kunċett ta’ “taxxi indiretti oħrajn”, fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118, għandu jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni, intiża sabiex tieħu inkunsiderazzjoni d-diversità tat-tradizzjonijiet fiskali tal-Istati Membri fil-qasam tal-użu frekwenti tat-tassazzjoni indiretta għall-implementazzjoni ta’ politiki mhux baġitarji, tippermetti lill-Istati Membri li jistabbilixxu, minbarra d-dazju tas-sisa minimu, taxxi oħra indiretti li jsegwu għan finali speċifiku (ara, b’analoġija, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, C‑434/97, EU:C:2000:98, punti 18 u 19).

59

Minn dan isegwi li l-kunċett ta’ “taxxi indiretti oħrajn”, fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118, jirreferi għat-taxxi indiretti li jolqtu l-konsum tal-prodotti elenkati fl-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva, minbarra d-“dazji tas-sisa”, fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, u li huma miġbura għal finijiet speċifiċi.

60

Għalhekk, għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ jekk it-taxxa stabbilita permezz tal-KernbrStG tistax taqa’ taħt l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2008/118 jew taħt l-Artikolu 1(2) tagħha, għandu qabel xejn jiġi vverifikat jekk din it-taxxa tikkostitwixxix taxxa indiretta li tolqot direttament jew indirettament il-konsum tal-elettriku intiż minn din id-direttiva.

61

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward ta’ ċerti karburanti li jaqgħu taħt id-Direttiva tal-Kunsill 92/82/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-approssimazzjoni tar-rati tad-dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali (ĠU L 316, p. 19), li għandha tiġi kkunsidrata li tolqot il-konsum ta’ dawn il-karburanti taxxa nazzjonali intiża għall-protezzjoni tal-ambjent u li tolqot it-traffiku bl-ajru, ikkalkolata abbażi ta’ data dwar il-konsum ta’ karburant u l-emissjonijiet ta’ idrokarburi u ta’ monossidi tal-ażote matul traġitt bl-ajru permezz ta’ tip ta’ ajruplan użat, sa fejn tkun teżisti rabta diretta u indissoċjabbli bejn il-konsum tal-karburant u s-sustanzi li jniġġsu emessi meta jsir dan il-konsum (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Braathens, C‑346/97, EU:C:1999:291, punti 22 u 23).

62

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li t-taxxa stabbilita mill-KernbrStG, hija, minn naħa, dovuta meta elementi kombustibbli jew vireg kombustibbli jintużaw għall-ewwel darba f’reattur nukleari u tinbeda reazzjoni f’katina awtosuffiċjenti għall-produzzjoni industrijali ta’ elettriku u, min-naħa l-oħra, hija kkalkolata abbażi tal-kwantità ta’ kombustibbli nukleari użat, rata komuni li tkun prevista għat-tipi kollha ta’ dan il-kombustibbli.

63

Għandu jiġi rrelevat, f’dan ir-rigward, li skont l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, il-kwantità ta’ elettriku prodott minn reattur ta’ impjant nukleari ma hijiex direttament ikkundizzjonata mill-kwantità ta’ kombustibbli nukleari użata, iżda tista’ tvarja skont in-natura u l-proprjetajiet tal-kombustibbli użat kif ukoll skont il-livell ta’ rendiment tal-impjant ikkonċernat. Barra minn hekk, kif osservat il-Kummissjoni, it-taxxa stabbilita mill-KernbrStG tista’ tinġabar minħabba li tinbeda r-reazzjoni f’katina awtosuffiċjenti mingħajr ma kwantità ta’ elettriku tkun neċessarjament prodotta u, konsegwentement, ikkonsmata.

64

Barra minn hekk, b’differenza mit-taxxa inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza Braathens (C‑346/97, EU:C:1999:291), li kienet miġbura direttament mingħand ċerti operaturi tat-trasport bl-ajru, it-taxxa stabbilita mill-KernbrStG hija miġbura mhux direttament mingħand il-konsumatur tal-prodott suġġett għad-dazju tas-sisa, iżda mingħand il-produttur tal-elettriku. Ċertament, il-piż ekonomiku ta’ din it-taxxa jista’, kif irreleva l-Avukat Ġenerali fil-punt 61 tal-konklużjonijiet tiegħu, bħala regola, jkun direttament sostnut kollu kemm hu mill-konsumatur finali fil-każ li l-produttur jinkludi l-ammont tagħha fil-prezz ta’ kull kwantità ta’ prodott imqiegħed għall-konsum, b’mod li din it-taxxa tkun newtrali għall-imsemmi produttur. Madankollu, mill-analiżi li għamlet il-qorti tar-rinviju dwar dan il-punt jirriżulta li t-taxxa stabbilita mill-KernbrStG ma tistax titħalla kollha kemm hi għall-konsumatur finali tal-elettriku, minħabba li, b’mod partikolari, in-natura partikolari ta’ dan il-prodott, ma tippermettix li jiġi ddeterminat l-oriġni ta’ kwantità partikolari tiegħu, kif ukoll minħabba l-mekkaniżmu tal-formazzjoni tal-prezz tal-elettriku fis-seħħ fil-Ġermanja, li huwa kkaratterizzat mill-fatt li dan il-prezz huwa essenzjalment prezz uniku li jirriżulta minn negozjati fil-Borża tal-elettriku.

65

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ma jidhirx li teżisti rabta diretta u indissoċjabbli, fis-sens tas-sentenza Braathens (C‑346/97, EU:C:1999:291), bejn l-użu ta’ kombustibbli nukleari u l-konsum tal-elettriku prodott mir-reattur ta’ impjant nukleari. Din it-taxxa lanqas ma tista’ tiġi kkunsidrata bħala kkalkolata direttament jew indirettament fuq il-kwantità ta’ elettriku fil-mument tat-tqegħid għall-konsum ta’ dan il-prodott, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/96.

66

Konsegwentement, it-taxxa stabbilita mill-KernbrStG, li ma tolqotx direttament jew indirettament il-konsum tal-elettriku msemmi mid-Direttiva 2003/96, u lanqas dak ta’ prodott ieħor suġġett għad-dazju tas-sisa, ma tistax taqa’ taħt l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2008/118 jew taħt l-Artikolu 1(2) ta’ din.

67

Minn dan isegwi li dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, milli tipprovdi għall-ġbir ta’ taxxa dwar l-użu ta’ kombustibbli nukleari għall-finijiet tal-produzzjoni industrijali ta’ elettriku.

68

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jippreċedu, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96 u l-Artikolu 1(1) u (2) tad-Direttiva 2008/118 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, milli tipprovdi għall-ġbir ta’ taxxa fuq l-użu ta’ kombustibbli nukleari għall-finijiet tal-produzzjoni industrijali ta’ elettriku.

Fuq it-tielet domanda

69

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 107 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, milli tipprovdi għall-ġbir ta’ taxxa fuq l-użu ta’ kombustibbli nukleari għall-finijiet tal-produzzjoni industrijali ta’ elettriku u, f’każ ta’ risposta fl-affermattiv, jekk din id-dispożizzjoni għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-persuni responsabbli għall-ħlas tat-taxxa jistgħu jikkontestaw il-ġbir minħabba li din tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat ipprojbita minn dan l-artikolu.

70

L-Artikolu 107(1) TFUE jikkonċerna “kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat”.

71

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ għajnuna huwa iktar ġenerali minn dak ta’ sussidju, peress li jinkludi mhux biss prestazzjonijiet pożittivi, bħas-sussidji stess, iżda wkoll interventi mill-Istat li, f’forom differenti, jħaffu l-ispejjeż li normalment itaqqlu l-baġit ta’ impriża u li, b’hekk, mingħajr ma huma sussidji fis-sens stress tal-kelma, huma tal-istess natura u għandhom effetti identiċi (ara s-sentenzi Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke, C‑143/99, EU:C:2001:598, punt 38; Paint Graphos et, C‑78/08 sa C‑80/08, EU:C:2011:550, punt 45, kif ukoll Il-Kummissjoni u Spanja vs Government of Gibraltar u Ir-Renju Unit, C‑106/09 P et C‑107/09 P, EU:C:2011:732, punt 71).

72

Minn dan jirriżulta li miżura li permezz tagħha l-awtoritajiet pubbliċi jagħtu lil ċerti impriżi trattament fiskali vantaġġuż li, għalkemm ma jinvolvix trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat, iqiegħed lill-benefiċjarji f’sitwazzjoni finanzjarja iktar favorevoli minn dik tal-persuni taxxabbli l-oħra, tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (sentenzi Banco Exterior de España, C‑387/92, EU:C:1994:100, punt 14, u Paint Graphos et, C‑78/08 sa C‑80/08, EU:C:2011:550, punt 46, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

73

L-Artikolu 107(1) TFUE jipprojbixxi l-għajnuna li “tiffavorixxi ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti oġġetti”, jiġifieri l-għajnuna selettiva.

74

F’dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni tal-kundizzjoni ta’ selettività, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-Artikolu 107(1) TFUE jimponi li jiġi ddeterminat jekk, fil-kuntest ta’ sistema ġuridika partikolari, miżura nazzjonali hijiex ta’ natura li tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produzzjonijiet meta mqabbla ma oħrajn, li jinsabu, fir-rigward tal-għan intiż mill-imsemmija sistema, f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika paragunabbli (sentenza Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke, C‑143/99, EU:C:2001:598, punt 41; British Aggregates vs Il-Kummissjoni, C‑487/06 P, EU:C:2008:757, punt 82, kif ukoll Il-Kummissjoni u Spanja vs Government of Gibraltar u Ir-Renju Unit, C‑106/09 P u C‑107/09 P, EU:C:2011:732, punt 75).

75

Għandu jitfakkar, barra minn hekk, li l-Artikolu 107(1) TFUE ma jiddistingwix skont il-kawżi jew l-għanijiet tal-interventi tal-Istat, iżda jiddefinihom skont l-effetti tagħhom, u għalhekk indipendentement mit-tekniki użati (sentenzi British Aggregates vs Il-Kummissjoni, C‑487/06 P, EU:C:2008:757, punti 85 u 89, kif ukoll Il-Kummissjoni u Spanja vs Government of Gibraltar u Ir-Renju Unit, C‑106/09 P u C‑107/09 P, EU:C:2011:732, punt 87).

76

F’dan ir-rigward, KLE ssostni, essenzjalment, li l-KernbrStG jaqa’ taħt sistema ta’ tassazzjoni ta’ sorsi ta’ enerġija użata għall-finijiet tal-produzzjoni ta’ elettriku jew, tal-inqas, f’sistema ta’ tassazzjoni tas-sorsi ta’ enerġija użati għall-finijiet tal-produzzjoni ta’ elettriku li ma tikkontribwixxix għall-emissjonijiet ta’ CO2. Il-KernbrStG għandha l-effett li ma tissuġġettax għal taxxa s-sorsi ta’ enerġija użati għall-finijiet ta’ produzzjoni ta’ elettriku differenti mill-kombustibbli nukleari.

77

Madankollu, taħt riżerva ta’ verifika mill-qorti tar-rinviju, mill-elementi li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li, indipendentement mill-fatt li fil-Ġermanja s-settur tal-enerġija huwa, skont l-indikazzjonijiet ipprovduti minn din il-qorti, ikkaratterizzat, fuq il-pjan fiskali, minn numru kbir ta’ leġiżlazzjoni u mis-sovrapożizzjoni ta’ miżuri tal-Istat, ikun possibbli, fid-dawl tal-effetti ta’ dawn ir-regolamenti u l-miżuri, li tiġi identifikata sistema fiskali li jkollha l-għan li tissuġġetta għal taxxa s-sorsi tal-enerġija użati għall-finijiet tal-produzzjoni tal-elettriku jew inkella s-sorsi ta’ enerġija użati għall-finijiet tal-produzzjoni tal-elettriku li ma jikkontribwixxux għall-emissjonijiet ta’ CO2.

78

Min-naħa l-oħra, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, skont l-espożizzjoni tal-motivi dwar il-proposta ta’ liġi li wasslet għall-adozzjoni tal-KernbrStG, din il-liġi tistabbilixxi, għal perijodu ddeterminat, jiġifieri mill-1 ta’ Jannar 2011 sal-31 ta’ Diċembru 2016, taxxa dwar l-użu ta’ kombustibbli nukleari għall-finijiet tal-produzzjoni industrijali tal-elettriku, sabiex jiġi ġġenerat qligħ fiskali li għandu, b’mod partikolari, jikkontribwixxi, fil-kuntest tal-konsolidazzjoni baġitarja, bl-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ min iniġġeż iħallas, għat-tnaqqis tal-oneru li tirrappreżenta għall-baġit federali r-rijabilitazzjoni neċessarja tas-sit tal-mini ta’ Asse II, fejn huwa maħżun skart radjuattiv li joriġina mill-użu tal-kombustibbli nukleari.

79

Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-produzzjonijiet tal-elettriku differenti minn dawk li jużaw kombustibbli nukleari ma humiex ikkonċernati mis-sistema stabbilita mill-KernbrStG u li, fi kwalunkwe każ, fir-rigward ta’ din is-sistema, huma ma jinsabux f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika paragunabbli għal dik tal-produzzjoni ta’ elettriku li juża l-kombustibbli nukleari, peress li dan tal-aħħar huwa l-uniku wieħed li juża skart radjuattiv li joriġina minn tali użu.

80

Minn dan isegwi li l-KernbrStG ma tikkostitwixxix miżura selettiva, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE u, għaldaqstant, ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat ipprojbita minn din id-dispożizzjoni.

81

F’dawn iċ-ċirkustanzi ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni parti tat-tielet domanda.

82

Konsegwentement, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 107 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, milli tipprovdi għall-ġbir ta’ taxxa dwar l-użu ta’ kombustibbli nukleari għall-finijiet tal-produzzjoni industrijali tal-elettriku.

Fuq ir-raba ’ domanda

83

Mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li, permezz tar-raba’ domanda, din il-qorti tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 93(1) EA, l-Artikolu 191 EA, moqri flimkien mal-Artikolu 3(1) tal-protokoll, kif ukoll l-Artikolu 192(2) EA, moqri flimkien mal-Artikolu 1(2) EA u l-Artikolu 2(d) EA għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, milli tipprovdi għall-ġbir ta’ taxxa dwar l-użu ta’ kombustibbli nukleari.

84

Fir-rigward tal-Artikolu 93(1) EA, għandu jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni timponi lill-Istati Membri li jabolixxu bejniethom id-dazji doganali kollha tal-importazzjoni u l-esportazzjoni jew taxxi b’effett ekwivalenti u r-restrizzjonijiet kwantitattivi kollha kemm fl-importazzjoni kif ukoll fl-esportazzjoni fuq l-oġġetti u l-prodotti li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KEFA dwar is-suq komuni nukleari.

85

Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk it-taxxa stabbilita permezz tal-KernbrStG, li ma tikkostitwixxix dazju doganali jew restrizzjoni kwantitattiva tal-importazzjoni jew tal-esportazzjoni, tikkostitwixxix taxxa b’effett ekwivalenti għal dazju doganali, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

86

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 93 EA, flimkien mad-dispożizzjonijiet l-oħra li jaqgħu taħt it-Titolu II, Kapitolu 9 tat-Trattat KEFA, jikkostitwixxi l-applikazzjoni, għal qasam speċjalizzat ħafna, ta’ kunċetti ġuridiċi li jispiraw l-istruttura tas-suq komuni ġenerali (ara, f’dan is-sens, id-Deliberazzjoni 1/78, EU:C:1978:202, punt 15).

87

Fir-rigward tal-kwalifika ta’ impożizzjoni nazzjonali ta’ taxxa b’effett ekwivalenti għal dazju doganali, għandu jitfakkar li l-ġustifikazzjoni tal-projbizzjoni tad-dazji doganali u t-taxxi kollha b’effett ekwivalenti tinsab fl-ostakolu li piż pekunjarju, anki jekk minimu, applikat minħabba l-qsim ta’ fruntieri, jikkostitwixxi għaċ-ċirkolazzjoni tal-merkanzija, imtaqqla mill-formalitajiet amministrattivi li jirriżultaw (ara, b’analoġija, is-sentenza Orgacom, C‑254/13, EU:C:2014:2251, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

88

Kull piż finanzjarju, anki jekk minimu, impost unilateralment, ikun xi jkun l-isem tiegħu u l-mod ta’ kif jiġi applikat, u li hu applikabbli fuq il-merkanzija minħabba l-fatt ta’ qsim ta’ fruntiera, filwaqt li ma huwiex dazju fil-veru sens, jikkostitwixxi taxxa b’effett ekwivalenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Stadtgemeinde Frohnleiten u Gemeindebetriebe Frohnleiten, C-221/06, EU:C:2007:657, punt 27, kif ukoll Orgacom, C‑254/13, EU:C:2014:2251, punt 23).

89

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-karatteristika essenzjali ta’ taxxa b’effett ekwivalenti hija l-fatt li tolqot speċifikament prodott importat, bl-esklużjoni ta’ prodott nazzjonali simili (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Franza, 90/79, EU:C:1981:27, punti 12 u 13, kif ukoll Orgacom, C‑254/13, EU:C:2014:2251, punt 28).

90

Il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu rrikonoxxiet li piż li jolqot prodott importat minn Stat Membru ieħor, meta ma jkunx jeżisti prodott nazzjonali identiku jew simili, ma jikkostitwixxix taxxa b’effett ekwivalenti jekk ikun jaqa’ taħt sistema ġenerali ta’ tariffi interni li tinkludi sistematikament kategoriji ta’ prodotti skont kriterji oġġettivi applikati indipendentement mill-oriġini tal-prodotti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Franza, 90/79, EU:C:1981:27, punt 14, u CRT France International, C‑109/98, EU:C:1999:199, punt 13).

91

Issa, għandu jiġi kkonstatat li t-taxxa stabbilita mill-KernbrStG hija miġbura mhux minħabba l-fatt li l-kombustibbli nukleari jaqsam fruntiera, iżda, kif jirriżulta mill-Artikolu 1(1) ta’ din il-liġi, minħabba l-użu tiegħu għall-finijiet tal-produzzjoni industrijali tal-elettriku, mingħajr distinzjoni tal-oriġini ta’ dan il-kombustibbli. Bl-istess mod, il-KernbrStG ma jagħmilx tali distinzjoni fir-rigward tar-rata ta’ impożizzjoni jew tal-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa.

92

Minn dan isegwi li t-taxxa stabbilita mill-KernbrStG ma tikkostitwixxix taxxa b’effett ekwivalenti għal dazju doganali, fis-sens tal-Artikolu 93 (1) EA.

93

Fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 90 ta’ din is-sentenza, din il-konstatazzjoni ma hijiex ikkontestata permezz tal-allegazzjoni ta’ KLE, li tgħid li kwantità żgħira ta’ kombustibbli nukleari hija miksuba fil-Ġermanja.

94

Fir-rigward tal-Artikolu 191 EA u tal-Artikolu 3(1) tal-protokoll, għandu jiġi rrilevat li mill-applikazzjoni kkombinata ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-KEEA, l-assi tagħha, id-dħul tagħha u l-oġġetti l-oħra huma eżentati mit-taxxi diretti kollha.

95

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-KernbrStG tistabbilixxi taxxa fuq l-użu ta’ kombustibbli nukleari għall-finijiet tal-produzzjoni industrijali tal-elettriku u mhux taxxa diretta fuq dan il-kombustibbli.

96

Jekk, b’applikazzjoni tal-Artikolu 86 EA, dan il-kombustibbli huwa l-proprjetà tal-KEEA, xorta jibqa’ l-fatt li, b’applikazzjoni tal-Artikolu 87 EA, id-dritt għall-użu u għall-konsum ta’ dan il-kombustibbli huwa tal-Istati Membri jew tal-persuni jew impriżi meta dan ikun sar tagħhom legalment.

97

Minn dan isegwi li l-Artikolu 191 EA, moqri flimkien mal-Artikolu 3(1) tal-protokoll, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, milli tipprovdi għall-ġbir ta’ taxxa fuq l-użu ta’ kombustibbli nukleari.

98

Barra minn hekk, matul is-seduta, KLE sostniet, essenzjalment, li, skont id-dritt fiskali Ġermaniż, il-prodotti suġġetti għal dazju tas-sisa jservu ta’ garanzija għall-ħlas tad-dazju tas-sisa impost fuqhom. B’hekk, il-KEEA, bħala proprjetarju tal-kombustibbli nukleari, tista’ tinżamm bħala garanti għall-ħlas, mill-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa, tat-taxxa stabbilita mill-KernbrStG. Issa, din is-sitwazzjoni tmur kontra l-Artikolu 3 tal-protokoll.

99

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-argument imsemmi iktar ’il fuq, li tqajjem u ġie diskuss għall-ewwel darba matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ma jinsab la fid-deċiżjoni tar-rinviju u lanqas fl-osservazzjonijiet bil-miktub magħmula mill-partijiet interessati. F’dawn iċ-ċirkustanzi, fl-assenza ta’ informazzjoni iktar preċiża u ddettaljata fuq dan il-punt, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li mill-fajl li ngħatalha ma jirriżultax b’evidenza suffiċjenti li dan l-element jista’ jkollu natura relevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali u, għaldaqstant, li hija utli għall-qorti tar-rinviju, li filwaqt li tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li ser tittieħed, hija fl-aħjar pożizzjoni sabiex tevalwa r-rilevanza tad-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja fid-dawl tal-partikolaritajiet tal-kawża li għandha quddiemha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Flughafen Köln vs Bonn, C‑226/07, EU:C:2008:429, punti 37 u 38).

100

F’dak li jikkonċerna, fl-aħħar nett, l-Artikolu 192(2) EA, għandu jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni timponi fuq l-Istati Membri li jastjenu minn kull miżura li tista’ tipperikola t-twettiq tal-għanijiet tat-Trattat KEFA.

101

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-taxxa stabbilita mill-KernbrStG għandhiex l-għan li tipperikola t-twettiq tal-għan tal-KEEA, intiż sabiex jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet neċessarji għall-istabbiliment ta’ malajr tal-industriji nukleari, previst fl-Artikolu 1(2) EA u t-twettiq tad-dmir tal-KEEA li tara li jkun hemm il-provvista regolari u ġusta lill-utenti tagħha ta’ minerali u kombustibbli nukleari, prevista fl-Artikolu 2(d) EA.

102

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-applikazzjoni kkombinata tal-Artikolu 192(2) EA u tal-Artikolu 1(2) EA ma għandhiex il-konsegwenza li timponi lill-Istati Membri li jżommu jew jgħollu l-livelli ta’ użu tagħhom ta’ kombustibbli nukleari u lanqas li tipprojbilhom li jintaxxaw dan l-użu, li għandu l-effett li jrendi din tal-aħħar iktar għolja u, għaldaqstant, inqas attraenti.

103

Min-naħa l-oħra, l-implementazzjoni tal-obbligu previst fl-Artikolu 2(d) EA hija s-suġġett tat-Titolu II, Kapitolu 6 tat-Trattat KEEA, li jinkludi l-Artikoli 52 sa 76 ta’ dan tal-aħħar, li jistabbilixxi sistema komuni dwar il-provvista ta’ minerali, ta’ materja prima u ta’ materjal fissli speċjali (sentenza ENU vs Il-Kummissjoni, C‑357/95 P, EU:C:1997:144, punt 2).

104

Issa, mill-elementi li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li t-taxxa stabbilita mill-KernbrStG, li, kif tirrileva KLE, għandha ċertament l-effett li trendi l-użu ta’ kombustibbli nukleari iktar oneruż, tikkostitwixxi ksur tal-obbligi tal-Istati Membri stabbiliti f’dawn id-dispożizzjonijiet, jew tmur kontra, b’mod ġenerali, il-prinċipji relatati ma’ din is-sistema, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ aċċess ugwali għar-riżorsi, stabbilit fl-Artikolu 52 EA, jew il-prinċipji relatati mal-iffissar tal-prezzijiet, stabbiliti fl-Artikoli 67 EA u 69 EA. Fil-fatt, kif osservat il-Kummissjoni, din it-taxxa ma tistax taffettwa l-provvista ta’ kombustibbli lill-operaturi ta’ impjanti nukleari, peress li tolqot mhux l-akkwist ta’ kombustibbli nukleari iżda l-użu tiegħu.

105

Minn dan isegwi li din it-taxxa ma hijiex suxxettibbli li tpoġġi f’periklu t-twettiq tal-għan tal-KEEA li tiżgura l-provvista regolari u ġusta tal-utenti kollha ta’ din il-Komunità b’minerali u kombustibbli nukleari, prevista fl-Artikolu 2(d) EA.

106

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 93(1) EA, l-Artikolu 191 EA, moqri flimkien mal-Artikolu 3(1) tal-protokoll, kif ukoll l-Artikolu 192(2) EA moqri flimkien mal-Artikolu 1(2) EA u l-Artikolu 2(d) għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, milli tipprovdi għall-ġbir ta’ taxxa fuq l-użu ta’ kombustibbli nukleari għall-finijiet tal-produzzjoni industrijali ta’ elettriku.

Fuq l-ispejjeż

107

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 267 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti nazzjonali li jkollha dubji dwar il-kompatibbiltà ta’ liġi nazzjonali kemm mad-dritt tal-Unjoni kif ukoll mal-Kostituzzjoni tal-Istat Membru kkonċernat, ma hijiex imċaħħda mill-possibbiltà, u lanqas, jekk ikun il-każ, ma hija ħielsa mill-obbligu, li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea b’domandi dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ dan id-dritt minħabba l-fatt li proċedura inċidentali ta’ stħarriġ tal-kostituzzjonalità ta’ din l-istess leġiżlazzjoni tkun pendenti quddiem il-qorti nazzjonali responsabbli mill-eżerċizzju ta’ dan l-istħarriġ.

 

2)

L-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE, tas-27 ta’ Ottubru 2003, li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku, u l-Artikolu 1(1) u (2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, milli tipprovdi għall-ġbir ta’ taxxa fuq l-użu ta’ kombustibbli nukleari għall-finijiet tal-produzzjoni industrijali tal-elettriku.

 

3)

L-Artikolu 107 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, milli tipprovdi għall-ġbir ta’ taxxa dwar l-użu ta’ kombustibbli nukleari għall-finijiet tal-produzzjoni industrijali tal-elettriku.

 

4)

L-Artikolu 93(1) EA, l-Artikolu 191 EA, moqri flimkien mal-Artikolu 3(1) tal-protokoll (Nru 7) dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattati UE, FUE u KEFA, kif ukoll l-Artikolu 192(2) EA moqri flimkien mal-Artikolu 1(2) EA u l-Artikolu 2(d) EA għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, milli tipprovdi għall-ġbir ta’ taxxa fuq l-użu ta’ kombustibbli nukleari għall-finijiet tal-produzzjoni industrijali ta’ elettriku.

 

Firem


( *1 )   Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top