EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013TN0578

Kawża T-578/13: Rikors ippreżentat fis- 6 ta’ Novembru 2013 — Luxembourg Pamol (Ċipru) u Luxembourg Industries vs Il-Kummissjoni

ĠU C 45, 15.2.2014, p. 35–35 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.2.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 45/35


Rikors ippreżentat fis-6 ta’ Novembru 2013 — Luxembourg Pamol (Ċipru) u Luxembourg Industries vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-578/13)

2014/C 45/60

Lingwa tar-rikors: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Luxembourg Pamol (Ċipru) Ltd (Nikosija, Ċipru); u Luxembourg Industries Ltd (Tel-Aviv, l-Iżrael) (rappreżentanti: C. Mereu u K. Van Maldegem, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tiddikjara t-talba ammissibbli u fondata;

tannulla d-deċiżjoni kkontestata; u

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż ta’ dawn il-proċeduri.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti jitolbu l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-8 ta’ Ottubru 2013, innotifikata lir-rikorrenti fid-9 ta’ Ottubru 2013, dwar il-pubblikazzjoni ta’ ċerti partijiet mir-rapport ta’ evalwazzjoni bejn il-pari u mill-addendum finali dwar il-fosfonati tal-potassju li fir-rigward tagħhom ir-rikorrenti jippretendu l-kunfidenzjalità skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (1) u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 188/2011 (2) (id-“deċiżjoni kkontestata”).

Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti jinvokaw żewġ motivi.

(1)

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 14 tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u d-dritt fundamentali għall-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali sanċit fl-Artikolu 339 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, minħabba interpretazzjoni żbaljata tad-dispożizzjonijiet suesposti u minħabba evalwazzjoni żbaljata tal-pretenzjoni tar-rikorrenti għall-kunfidenzjalità.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, billi naqset milli tagħti lir-rikorrenti opportunità suffiċjenti sabiex jiddefendu u jiċċaraw ir-raġuni sottostanti l-pretenzjonijiet tagħhom għall-kunfidenzjalità.


(1)  Id-Direttiva tal-Kunsill [91/414/KEE], tal-15 ta’ Lulju 1991, li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 11, p. 332)

(2)  Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 188/2011, tal-25 ta’ Frar 2011, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE fir-rigward tal-proċedura għall-valutazzjoni ta’ sustanzi attivi li ma kinux fis-suq sentejn wara d-data ta’ notifika ta’ dik id-Direttiva (ĠU L 53, p. 51)


Top