EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CN0291

Kawża C-291/13: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Eparchiako Dikastirio Lefkosias (Ċipru) fis- 27 ta’ Mejju 2013 — Sotiris Papasavvas vs O Fileleftheros Dimosia Etaireia Ltd, Takis Kounnafi u Giorgos Sertis

ĠU C 207, 20.7.2013, p. 33–34 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
ĠU C 207, 20.7.2013, p. 8–8 (HR)

20.7.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 207/33


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Eparchiako Dikastirio Lefkosias (Ċipru) fis-27 ta’ Mejju 2013 — Sotiris Papasavvas vs O Fileleftheros Dimosia Etaireia Ltd, Takis Kounnafi u Giorgos Sertis

(Kawża C-291/13)

2013/C 207/56

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Qorti tar-rinviju

Eparchiako Dikastirio Lefkosias

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Sotiris Papasavvas

Konvenuti: O Fileleftheros Dimosia Etaireia Ltd, Takis Kounnafi, Giorgos Sertis

Domandi preliminari

(1)

Peress li l-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri dwar il-malafama taffettwa l-kapaċità li jiġu pprovduti servizzi ta’ informazzjoni bil-mezz elettroniku kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll ġewwa l-UE, din il-leġiżlazzjoni tista’ tiġi kkunsidrata bħala restrizzjoni għall-provvista ta’ servizzi ta’ informazzjoni għall-finijiet tal-implementazzjoni tad-Direttiva 2000/31/KE?

(2)

F’każ li r-risposta għad-domanda 1) hija affermattiva, b’liema mod japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 12, 13 u 14 tad-Direttiva 2000/31/KE, fuq ir-responsabbilità, għall-kawżi ċivili bejn individwi, bħal dawk li jirrigwardaw ir-responsabbiltà ċivili għal malafama, jew huma limitati għar-responsabbiltà ċivili fil-qasam ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali/ta’ kuntratti mal-konsumaturi?

(3)

Fir-rigward tal-għan previst mill-Artikoli 12, 13 u 14 tad-Direttiva 2000/31/KE dwar ir-responsabbiltà tal-fornituri ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni u kif jirriżulta mill-fatt li, f’ħafna Stati Membri, l-eżistenza ta’ azzjoni ġudizzjarja hija kundizzjoni neċessarja sabiex ikunu jistgħu jiġu ordnati miżuri provviżorji li jimponu obbligu biex ma jseħħx att sakemm tingħata deċiżjoni, b’liema mod dawn l-artikoli joħolqu drittijiet individwali li jistgħu jiġu invokati bħala mezzi ta’ difiża fil-kuntest ta’ azzjoni ċivili dwar malafama, jew jikkostitwixxu ostakoli legali għat-tressiq ta’ azzjonijiet bħal dawn?

(4)

B’liema mod id-definizzjonijiet ta’ “servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni” u ta’ “dak li jipprovdi servizz”, fis-sens tal-Artikoli 2 tad-Direttiva 2000/31/KE, u 1(2) tad-Direttiva 98/34/KE, kif emendata bid-Direttiva 98/34/KE, ikopru servizzi ta’ informazzjoni on line li huma mħallsa indirettament permezz tar-reklamar kummerċjali li jidher fis-sit internet u mhux direttament permezz tad-destinatarju ta’ dawn is-servizzi?

(5)

Fir-rigward tad-definizzjoni ta’ “dak li jipprovdi servizz ta’ informazzjoni”, mogħtija fl-Artikoli 2 tad-Direttiva 2000/31/KE, u 1(2) tad-Direttiva 98/34/KE, kif emendata bid-Direttiva 98/48/KE, b’liema mod jista’ jiġi kkunsidrat li l-każijiet segwenti jew wieħed fosthom jikkostitwixxu “sempliċi konduttur” jew “[forma ta’ ħażna magħrufa bħala] ‘caching’” jew “hosting” għall-finijiet tal-Artikoli 12, 13 u 14 tad-Direttiva 2000/31/KE:

(i)

ġurnal li għandu sit tal-internet aċċessibbli b’xejn, li fuqu hija ppubblikata l-edizzjoni elettronika tal-verżjoni kartaċja li tinkludi l-artikoli kollha u r-reklami ta’ din, f’forma PDF jew forma elettronika oħra simili;

(ii)

ġurnal elettroniku li huwa aċċessibbli minn kulħadd, li l-fournitur tiegħu huwa mħallas permezz tar-reklami kummerċjali li jidhru fis-sit tal-internet. L-informazzjoni li tidher fil-ġurnal elettroniku hija pprovduta mill-impjegati tal-ġurnal u/jew minn ġurnalisti indipendenti;

(iii)

sit tal-internet bi ħlas li jipprovdi servizzi previsti taħt i) jew ii) iktar ’il fuq?


Top