Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CJ0042

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tas-6 ta’ Novembru 2014.
    Cartiera dell’Adda SpA vs CEM Ambiente SpA.
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per la Lombardia.
    Kuntratti pubbliċi – Prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ trasparenza – Direttiva 2004/18/KE – Raġunijiet għall-esklużjoni mill-parteċipazzjoni – Artikolu 45 – Sitwazzjoni personali tal-kandidat jew tal-offerent – Dikjarazzjoni obbligatorja dwar il-persuna indikata bħala ‘direttur tekniku’ – Ommissjoni tad-dikjarazzjoni fl-offerta – Esklużjoni mill-kuntratt mingħajr il-possibbiltà li tiġi rrettifikata din l-ommissjoni.
    Kawża C‑42/13.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:2345

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

    6 ta’ Novembru 2014 ( *1 )

    “Kuntratti pubbliċi — Prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ trasparenza — Direttiva 2004/18/KE — Raġunijiet għall-esklużjoni mill-parteċipazzjoni — Artikolu 45 — Sitwazzjoni personali tal-kandidat jew tal-offerent — Dikjarazzjoni obbligatorja dwar il-persuna indikata bħala ‘direttur tekniku’ — Ommissjoni tad-dikjarazzjoni fl-offerta — Esklużjoni mill-kuntratt mingħajr il-possibbiltà li tiġi rrettifikata din l-ommissjoni”

    Fil-Kawża C‑42/13,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per la Lombardia (l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Diċembru 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Jannar 2013, fil-proċedura

    Cartiera dell’Adda SpA

    vs

    CEM Ambiente SpA,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

    komposta minn C. Vajda (Relatur), President tal-Awla, E. Juhász u D. Šváby, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

    Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Mejju 2014,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Cartiera dell’Adda SpA, minn S. Soncini, avukat,

    għal CEM Ambiente SpA, minn E. Robaldo, P. Ferraris u F. Caliandro, avukati,

    għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Varone, avvocato dello Stato,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Pignataro-Nolin u A. Tokár, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 45 tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132), kif emendata bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1177/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 (ĠU L 314, p. 64, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2004/18”).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Cartiera dell’Adda SpA (iktar ’il quddiem “Cartiera dell’Adda”) u CEM Ambiente SpA (iktar ’il quddiem “CEM Ambiente”), dwar deċiżjoni ta’ din tal-aħħar, bħala awtorità kontraenti, li teskludi l-assoċjazzjoni temporanja ta’ impriżi li ġiet iffurmata (iktar ’il quddiem l-“ATI”) imressqa minn Cartiera dell’Adda u Cartiera di Cologno Monzese SpA (iktar ’il quddiem “CCM”), din il-kumpannija tal-aħħar li qed taġixxi bħala mandant tal-ATI, minn proċedura ta’ selezzjoni minħabba n-nuqqas ta’ preżentazzjoni, mal-offerta tal-ATI, ta’ dikjarazzjoni ta’ persuna indikata bħala direttur tekniku ta’ CCM.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    Fl-Artikolu 1(2)(d) tad-Direttiva 2004/18, il-kunċett ta’ “kuntratti pubbliċi għal servizzi”, għall-finijiet ta’ din id-direttiva, huwa ddefinit bħala kuntratti pubbliċi barra kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi jew kuntratti għall-provvisti li għandhom bħala għan il-provvista tas-servizzi riferuti għalihom fl-Anness II. Fil-punt 16 tal-Anness II A tagħha jissemmew “Servizzi tad-disponiment tad-drenaġġ u ż-żibel; servizzi tas-sanitazzjoni u dawk simili”.

    4

    Skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/18, intitolat “Prinċipji ta’ assenjar ta’ kuntratti”:

    “L-awtoritajiet kuntrattwali [kontraenti] se jistmaw l-operaturi ekonomiċi ugwali u bla diskriminazzjoni u se jaġixxu b’mod trasparenti.”

    5

    L-Artikolu 45 ta’ din id-direttiva, intitolat “Sitwazzjoni personali tal-kandidat jew ta’ min jixħet l-offerta”, jistabbilixxi fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu li:

    “1.   Kull kandidat jew min ikun xeħet l-offerta illi kien suġġett għal sentenza tal-qorti b’ħaqq aħħari [sentenza definittiva] li dwaru tkun taf l-awtorità [kontraenti] għal raġuni jew aktar imniżżlin hawn taħt għandu jkun eskluż mill-parteċipazzjoni f’kuntratt pubbliku:

    [...]

    L-Istati Membri għandhom jispeċifikaw, konformement mal-liġi nazzjonali tagħhom u fir-rispett tal-liġi Komunitarja, il-kondizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ dan il-paragrafu.

    Huma jistgħu jipprevedu deroga għall-obbligu msemmi fl-ewwel subparagrafu għal esiġenzi ta’ interess ġenerali tal-akbar importanza.

    Għall-għanijiet ta’ dan il-paragrafu, l-awtoritajiet [kontraenti] għandhom, fejn xieraq, jitolbu lil kandidati jew lil dawk li jkunu xeħtu l-offerta biex ifornu d-dokumenti li sar riferiment għalihom fil-paragrafu 3 u jistgħu, fejn huma għandhom dubji li jikkonċernaw is-sitwazzjoni personali ta’ dawn il-kandidati jew dawk li jkunu xeħtu l-offerta, japplikaw ukoll lill-awtoritajiet kompetenti biex jakkwistaw kull informazzjoni li huma jqisu bħala neċessarja dwar il-qagħda personali tal-kandidati jew dawk li xeħtu l-offerta konċernati. Fejn l-informazzjoni tikkonċerna kandidat jew min ikun xeħet l-offerta stabbilit f’xi Stat ieħor barra dak ta’ l-awtorità [kontraenti], l-awtorità [kontraenti] tista’ tfittex il-koperazzjoni ta’ l-awtoritajiet kompetenti. Skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru fejn huma stabbiliti l-kandidati jew offerenti, dawn it-talbiet għandhom ikunu relatati ma’ persuni ġuridiċi u/jew fiżiċi, inkluż, jekk ikun il-każ, il-kapijiet ta’ intrapriża jew kwalunkwe persuna li jkollha s-setgħa ta’ rappreżentanza, ta’ deċiżjoni jew ta’ kontroll fir-rigward tal-kandidat jew ta’ offerent.

    [...]

    3.   Awtoritajiet [kontraenti] għandhom jaċċettaw dan li ġej bħala evidenza suffiċjenti li ebda wieħed mill-każi speċifikati fil-paragrafi 1 jew 2(a), (b), (ċ), (e) jew (f) japplika għall-operatur ekonomiku:

    (a)

    fir-rigward tal-paragrafu 1 u l-paragrafu u l-paragrafu 2(a), (b) u (c) tal-paragrafu 2, il-produzzjoni ta’ estratt miċ-ċertifikat tal-kondotta jew, jekk mhux possibbli, ta’ dokument ekwivalenti maħruġ mill-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva kompetenti tal-pajjiż tal-oriġini jew tal-provenjenza, li juri li dawn ir-rekwiżiti ġew sodisfatti;

    [...]

    Fejn il-pajjiż in kwistjoni ma joħroġx dokumenti bħal dawn jew ċertifikati, jew fejn dawn ma jkoprux l-każi kollha speċifikati fil-paragrafi 1 u 2(a), (b) u (ċ), dawn jistgħu jiġu mibdula b’dikjarazzjoni bil-ġurament jew, fi Stati Membri fejn m’hemmx disposizzjoni għal dikjarazzjonijiet bil-ġurament, b’dikjarazzjoni solenni magħmula mill-persuna konċernata quddiem awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva kompetenti, nutar jew korp professjonali jew ta’ negozju kompetenti, fil-pajjiż ta’ oriġini jew fil-pajjiż mnejn tkun ġejja dik il-persuna.”

    6

    L-Artikolu 51 tal-imsemmija direttiva, intitulata “Dokumentazzjonali u informazzjoni addizzjonali”, tipprevedi:

    “L-awtorità [kontraenti] tista’ tistieden lil operaturi ekonomiċi li jissupplimentaw jew jiċċaraw iċ-ċertifikati u dokumenti sottomessi fis-segwitu ta’ l-Artikoli 45 sa 50.”

    Id-dritt Taljan

    7

    L-Artikolu 38(1) u (2) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 163, li jistabbilixxi l-Kodiċi tal-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal servizzi u għal provvisti skont id-Direttivi 2004/17/KE u 2004/18/KE (decreto legislativo n. 163 — Codice dei contratti pubblici relativi a lavori, servizi e forniture in attuazione delle direttive 2004/17/CE e 2004/18/CE), tat-12 ta’ April 2006 (suppliment ordinarju tal-GURI Nru 100, tat-2 ta’ Mejju 2006, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 163”), jipprovdi li:

    “1.   Hija eskluża mill-parteċipazzjoni fil-proċedura għall-għoti ta’ konċessjonijiet u ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi, ma tistax tingħata kuntratti ta’ subappalt u ma tistax tikkonkludi kuntratti relatati, kull persuna li:

    [...]

    b)

    li fir-rigward tagħha hemm proċedura pendenti għall-applikazzjoni ta’ waħda mill-miżuri ta’ prevenzjoni previsti fl-Artikolu 3 tal-Liġi Nru 1423 tas-27 ta’ Diċembru 1956 jew ta’ waħda mill-kawżi ta’ impediment previsti fl-Artikolu 10 tal-Liġi Nru 575 tal-31 ta’ Mejju 1965; l-esklużjoni u l-projbizzjoni japplikaw jekk il-proċedura pendenti tikkonċerna l-proprjetarju jew id-direttur tekniku, jekk tkun impriża individwali; [...]

    c)

    li fir-rigward tagħha hemm sentenza ta’ kundanna li saret res judicata, jew digriet penali ta’ kundanna li sar irrevokabbli jew ta’ sentenza li tapplika l-piena fuq rikors tal-partijiet, skont l-Artikolu 444 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, għal ksur gravi mwettaq kontra l-Istat jew kontra l-Komunità, li jaffettwaw il-moralità professjonali tagħha, tikkostitwixxi, fi kwalunkwe każ, motiv tal-esklużjoni tal-kundanna, stabbilita minn sentenza li saret res judicata, għal delitt jew delitti ta’ parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali, ta’ korruzzjoni, ta’ frodi, ta’ ħasil ta’ flus, kif iddefiniti mill-atti Komunitarji msemmija fl-Artikolu 45(1) tad-Direttiva 2004/18/KE; l-esklużjoni u l-projbizzjoni japplikaw jekk is-sentenza jew id-digriet ikunu ġew mogħtija fir-rigward: tal-proprjetarju jew id-direttur tekniku, jekk tkun tirrigwarda impriża individwali; [...]

    [...]

    2.   Il-kandidat jew l-offerent jikkonfermaw li huma jissodisfaw ir-rekwiżiti permezz ta’ dikjarazzjoni sostituttiva, skont dak li jippreskrivi t-test uniku tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u regolamentari fil-qasam ta’ dokumenti amministrattivi, previst fid-Digriet Nru 445 tal-President tar-Repubblika tat-28 ta’ Diċembru 2000, u fl-imsemmija dikjarazzjoni jiġi indikat kull kundanna kriminali mogħtija fil-konfront tiegħu, inklużi dawk li jibbenefikaw min-nuqqas ta’ inklużjoni fiċ-ċertifikat tal-kondotta. [...]”

    8

    Skont l-Artikolu 46(1) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 163/2006:

    “Fil-limiti previsti mill-Artikoli 38 sa 45, l-awtoritajiet kontraenti jistiednu, jekk ikun neċessarju, lill-offerenti sabiex jissupplimentaw jew jispjegaw il-kontenut taċ-ċertifikati, dokumenti jew dikjarazzjonijiet ippreżentati.”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    9

    Mid-deċiżjoni ta’ rinviju jirriżulta li CEM Ambiente nidiet proċedura għall-għoti ta’ kuntratti, permezz ta’ avviż pubbliku ta’ kuntratt, fid-dawl tal-konklużjoni ta’ kuntratt għaċ-ċessjoni ta’ karti u kartun li jkunu ġejjin minn ġbir separat ta’ skart solidu urban, għall-perijodu mill-1 ta’ April 2011 sal-31 ta’ Marzu 2014. Dan il-kuntratt kellu jiġi mogħti lill-offerent li offra li jħallas l-ogħla prezzijiet sabiex jirtira l-kwantitajiet indikati ta’ dawn il-materjali, skont il-modalitajiet iddettaljati li ġew ippreċiżati fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt relatati mal-imsemmija proċedura.

    10

    Għandu jiġi rrilevat li dawn l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, li kopja tagħhom kienet inkluża fil-fajl ippreżentat fil-Qorti tal-Ġustizzja, fl-Artikolu 8 tagħhom jipprevedu serje ta’ raġunijiet ta’ esklużjoni għall-parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt. Fost dawn tidher in-natura inkompleta jew irregolari ta’ wieħed mid-dokumenti u/jew ta’ waħda mid-dikjarazzjonijiet sostituttivi intiżi li jippruvaw l-osservanza tar-rekwiżiti ġenerali u speċjali, b’eċċezzjoni tal-każijiet ta’ irregolarità purament formali, li jistgħu jiġu rrimedjati, u li ma humiex deċiżivi għall-evalwazzjoni tal-offerta.

    11

    Permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Diċembru 2010, CEM Ambiente eskludiet l-ATI tal-imsemmija proċedura tal-għoti ta’ kuntratti, minħabba li l-offerta ta’ din l-assoċjazzjoni ma kienx fiha ebda dikjarazzjoni dwar Galbiati, indikat bħala direttur tekniku ta’ CCM, u li tikkonferma l-assenza ta’ proċedura kriminali pendenti jew ta’ kundanna li saret res judicata, fil-konfront tiegħu, kif previst fl-Artikolu 38 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 163/2006. L-uniku offerenti ieħor li ġie eskluż ukoll minn din l-istess proċedura ta’ selezzjoni, CEM Ambiente ddikjaratha deżerta u nidiet proċedura tal-għoti ta’ kuntratt.

    12

    Wara li ħadet konjizzjoni tad-deċiżjoni ta’ esklużjoni tal-ATI mill-ewwel proċedura ta’ selezzjoni, CCM bagħtet, lil CEM Ambiente, dikjarazzjoni li fiha ppreċiżat li Galbiati ma kellu ebda impediment previst minn dan l-artikolu. Barra minn hekk, hija indikat ukoll li dan tal-aħħar kien ġie msemmi bħala direttur tekniku bi żball, peress li huwa biss membru tal-bord tad-diretturi ta’ CCM, mingħajr ebda poter ta’ rappreżentazzjoni. Konsegwentement, ma hija meħtieġa ebda dikjarazzjoni f’dak li tikkonċernah skont l-Artikolu 38 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 163/2006.

    13

    Fl-assenza ta’ risposta ta’ CEM Ambiente għal din il-komunikazzjoni, Cartiera dell’Adda u CCM marru quddiem il-qorti tar-rinviju billi ppreżentaw rikors għall-annullament tad-deċiżjoni li teskludi lill-ATE mill-ewwel proċedura tal-għoti ta’ kuntratt u tal-irtirar tal-avviż dwar il-ftuħ ta’ proċedura ġdida, quddiem il-qorti tar-rinviju. Permezz ta’ sentenza tal-25 ta’ Mejju 2011, l-imsemmija qorti laqgħet dan ir-rikors, filwaqt li madankollu tiċħad it-talba intiża għall-għoti tal-kuntratt.

    14

    Fit-23 ta’ Ġunju 2011, CEM Ambiente ippreżentat appell kontra din is-sentenza quddiem il-Consiglio di Stato. L-għada, Cartiera dell’Adda ressqet talba għall-eżekuzzjoni tal-imsemmija sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju.

    15

    Permezz tas-sentenza tiegħu tal-31 ta’ Marzu 2012, il-Consiglio di Stato laqa’ r-rikors ta’ CEM Ambiente, billi qies li l-ommissjoni tagħha li tipproduċi dikjarazzjoni, bħalma hi dik inkwistjoni, għandha timplika l-esklużjoni tal-impriża offerenti mill-proċedura ta’ selezzjoni, għall-inqas meta, bħal f’dan il-każ, il-speċjali (lex specialis) tissanzjona l-assenza ta’ tali dikjarazzjoni bl-esklużjoni minn din il-proċedura. Huwa kkunsidrat li l-proċedura inkwistjoni ma tirrigwardax obbligu li jiġi ssupplimentat jew rregolarizzat dokument inkomplet jew b’xi mod ivvizzjat, iżda tirrigwarda l-ommissjoni, pura u sempliċi, li tiġi prodotta dikjarazzjoni obbligatorja.

    16

    Fil-kuntest tal-proċedura dwar it-talba għall-eżekuzzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, fis-26 ta’ Ġunju 2012, Cartiera dell’Adda ppreżentat nota li fiha, minn naħa, hija tqis li l-awtorità ta’ res judicata li qed tiġi attribwita għall-imsemmija sentenza tal-Consiglio di Stato tmur kontra l-Artikolu 45 tad-Direttiva 2004/18, u, min-naħa l-oħra, titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tiġi adita b’talba preliminari.

    17

    Permezz ta’ digriet tat-28 ta’ Ġunju 2012, il-qorti tar-rinviju, peress li tikkonstata li hija ġiet adita b’talba għad-danni mmotivata minn dewmien fl-eżekuzzjoni tas-sentenza tagħha tal-25 ta’ Mejju 2011, iddeċidiet li l-istanza għandha tiġi segwita skont il-forom ta’ proċedura ordinarja. L-ammont tal-kumpens mitlub minn Cartiera dell’Adda huwa ogħla minn EUR 9 miljun.

    18

    Il-qorti tar-rinviju, essenzjalment, tistaqsi dwar il-kwistjoni ta’ jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali, intiża li titrasponi fid-dritt intern l-Artikolu 45 tad-Direttiva 2004/18, skont liema l-awtorità kontraenti hija obbligata li teskludi mill-proċedura tal-għoti ta’ kuntratt ta’ offerent li jkun naqas li jiddikjara, fit-talba għal parteċipazzjoni tagħha, li persuna li tiġi identifikata bħala d-direttur tekniku tagħha ma tkunx suġġetta għal proċedura jew għal kundanna skont l-imsemmija dispożizzjoni nazzjonali, anki jekk dan l-offerent ikun jista’ jipprova, minn naħa, li l-kwalità ta’ direttur tekniku tkun ġiet mogħtija lil din il-persuna bi żball u, min-naħa l-oħra, li din tal-aħħar tissodisfa fi kwalunkwe każ il-kundizzjonijiet sabiex jippreżenta d-dikjarazzjoni meħtieġa.

    19

    Fil-kuntest ta’ din id-deċiżjoni tar-rinviju, l-imsemmija qorti tirrileva, barra minn hekk, li l-possibbiltà prevista fl-Artikolu 46 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 163/2006 għall-awtorità kontraenti li titlob, matul il-proċedura, il-kjarifiki u l-informazzjoni addizzjonali li tikkunsidra neċessarji tapplika biss fil-każijiet previsti b’mod limitat għal din id-dispożizzjoni, b’tali mod li din l-awtorità kontraenti ma tkunx tista’ tinvestiga liberament il-proċedura fil-każijiet fejn kien hemm ommissjoni ta’ dikjarazzjoni.

    20

    Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju ssostni, billi tinvoka b’mod partikolari s-sentenzi Kühne & Heitz (C‑453/00, EU:C:2004:17), Kapferer (C‑234/04, EU:C:2006:178), Kempter (C‑2/06, EU:C:2008:78), kif ukoll Fallimento Olimpiclub (C‑2/08, EU:C:2009:506), li deċiżjoni nazzjonali li tkun kisbet l-awtorità ta’ res judicata, bħas-sentenza tal-Consiglio di Stato tal-31 ta’ Marzu 2012, tista’ ma tiġix applikata sa fejn tmur kontra d-dritt tal-Unjoni. Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kontroll dwar il-kundizzjonijiet ta’ parteċipazzjoni għall-proċeduri ta’ kuntratti pubbliċi għandu jkun fuq il-mertu — jiġifieri li għandu jiġi vverifikat li l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-parteċipazzjoni f’dawn il-proċeduri jkunu sodisfatti — u mhux biss ta’ natura formali sħiħa tad-dokumenti amministrattivi fl-offerti ppreżentati fit-terminu. Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 38(1)(b) u (c) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 163/2006 huwiex f’konformità mal-Artikolu 45 tad-Direttiva 2004/18.

    21

    Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li t-Tribunale amministrativo regionale per la Lombardia ddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    Id-dritt [tal-Unjoni] jipprekludi l-interpretazzjoni li permezz tagħha, fil-każ li impriża li tipparteċipa f’sejħa għal offerti ma tkunx iddikjarat, fl-offerta tagħha, li d-direttur tekniku tagħha ma jkunx suġġett għal proċedura jew għal kundanna bħal dawk previsti fl-Artikolu 38(1)(b) u (c) tad-Digriet Leġiżlattiv 163/2006, l-awtorità kontraenti għandha tiddeċiedi li teskludi lil din l-impriża anki meta din tal-aħħar tkun ipproduċiet prova suffiċjenti li l-kwalifika ta’ direttur tekniku tkun ġiet indikata bi żball purament materjali ?

    2)

    Id-dritt [tal-Unjoni] jipprekludi l-interpretazzjoni li permezz tagħha, fil-każ li impriża li tipparteċipa f’sejħa għal offerti tkun ressqet prova rilevanti u suffiċjenti li l-persuni marbuta li jippreżentaw dikjarazzjoni skont l-Artikolu 38(1)(b) u (c) [tad-digriet leġilżlattiv] ma jkunux suġġetti għal proċedura jew għal kundanna bħal dawk previsti f’din id-dispożizzjoni, l-awtorità kontraenti għandha tiddeċiedi li teskludi lil din l-impriża bħala konsegwenza tan-nuqqas ta’ osservanza ta’ dispożizzjoni tal-lex specialis li permezz tagħha ġiet imnedija s-sejħa għal offerti?”

    22

    B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-18 ta’ Lulju 2005, it-talba tal-qorti tar-rinviju, sabiex din il-kawża tiġi suġġetta għal proċedura mħaffa taħt l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ġiet miċħuda.

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ammissibbiltà

    23

    CEM Ambiente u l-Gvern Taljan jirrilevaw li t-talba għal deċiżjoni preliminari qed issir fil-kuntest ta’ rikors għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-qorti tar-rinviju — u ta’ rikors għad-danni għad-dewmien li seħħ għal din l-eżekuzzjoni — li ġiet għaldaqstant irriformata mis-sentenza tal-Consiglio di Stato tal-31 ta’ Marzu 2012, li kisbet l-awtorità ta’ res judicata, b’tali mod li l-kwistjoni tal-legalità tad-deċiżjoni li ATI tiġi eskluża mill-proċedura ta’ selezzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistgħux jibqgħu jiġu kkontestati mill-qorti tar-rinviju fil-kuntest tal-eżami tal-imsemmija rikorsi. Huma jiddeduċu minn dan li d-domandi magħmula minn din tal-aħħar huma ta’ natura ipotetika u huma minħabba f’hekk inammissibbli.

    24

    L-imsemmija persuni kkonċernati jargumentaw ukoll li d-domandi magħmula għandhom bażi fattwali differenti minn dak ikkonstatat mill-Consiglio di Stato fis-sentenza tiegħu tal-31 ta’ Marzu 2012. Għalhekk, tali ċirkustanza ta’ fatt li fuqha hija bbażata l-ewwel domanda, jiġifieri l-eżistenza ta’ żball materjali fl-għoti lil Galbiati tal-kwalità ta’ direttur tekniku, ma ġietx ikkonstatata minn din l-aħħar qorti. Fir-rigward tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju naqset milli tirrileva li l-provi li hija ssemmi kienu ġew prodotti barra mit-terminu.

    25

    Barra dan, il-Gvern Taljan iqis li d-domandi magħmula ma għandhomx bħala suġġett l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, iżda l-eżami tal-kuntest fattwali tal-kawża prinċipali. Fil-fatt, għandu jiġi vverifikat jekk il-kundizzjonijiet li jippermettu r-regolarizzazzjoni ta’ dokument inkomplet kinux issodisfatti, u dan ġie eskluż mill-Consiglio di Stato.

    26

    Fl-ewwel lok għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 267 TFUE jagħti lill-qrati nazzjonali d-diskrezzjoni mill-iktar wiesgħa sabiex imorru quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jekk huma jikkunsidraw li kawża quddiemhom tqajjem kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni jew ta’ evalwazzjoni tal-validità tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni neċessarji għal deċiżjoni dwar il-kawża mressqa quddiemhom. Barra minn hekk il-qrati nazzjonali huma liberi li jeżerċitaw din id-diskrezzjoni f’kull stadju tal-proċedura li huma jikkunsidraw xieraq (sentenza Bericap Záródástechnikai, C‑180/11, EU:C:2012:717, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    27

    Il-Qorti tal-Ġustizzja minn dan ikkonkludiet li regola tad-dritt nazzjonali skont liema l-qrati li ma jiddeċidux fl-aħħar istanza huma marbuta mill-evalwazzjonijiet magħmula mill-qorti superjuri ma tiċħadx lil dawn l-ewwel qrati mill-possibbiltà li jressqu kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni dwar dawn l-evalwazzjonijiet. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-qorti li ma tiddeċidix fl-aħħar istanza għandha tkun libera li tressaq quddiemha dawn id-domandi, jekk tqis li l-evalwazzjoni fid-dritt magħmula fi grad superjuri tista’ twassalha li tagħti sentenza bi ksur tad-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenzi Elchinov, C‑173/09, EU:C:2010:581, punti 25 u 27, kif ukoll Interedil, C‑396/09, EU:C:2011:671, punt 35).

    28

    Minn dan jirriżulta li s-sentenza tal-Consiglio di Stato tal-31 ta’ Marzu 2012, anki jekk għandha s-saħħa tal-awtorità ta’ res judicata skont id-dritt nazzjonali, ma għandhiex tipprekludi lill-qorti tar-rinviju li tressaq domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, jekk hija tqis li l-imsemmija sentenza tmur kontra d-dritt tal-Unjoni.

    29

    Fit-tieni lok, fir-rigward tan-natura allegatament ipotetika tad-domandi preliminari, għandu jitfakkar li d-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali f’kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ biss tirrifjuta li tiddeċiedi fuq domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali meta jidher b’mod ċar li l interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea mitluba, bl-ebda mod ma hija relatata mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew saħansitra meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Genil 48 u Comercial Hostelera de Grandes Vinos, C‑604/11, EU:C:2013:344, punt 26).

    30

    F’dan il-każ, ma jistax jiġi kkonstatat li d-domandi fformulati huma ipotetiċi. Huma ġew magħmula fil-kuntest ta’ proċedura li fiha Cartiera dell’Adda trid, b’mod partikolari, li tiġi kkumpensata minħabba d-dewmien fl-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-qorti tar-rinviju tal-25 ta’ Mejju 2011 li tannulla d-deċiżjoni ta’ CEM Ambiente li tiġi eskluża ATI mill-proċedura ta’ selezzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Għaldaqstant, ma jidhirx li dawn id-domandi, li jirrigwardaw il-konformità mad-dritt tal-Unjoni ta’ din id-deċiżjoni ta’ esklużjoni, huma irrilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali. Barra dan, minkejja l-eżistenza tas-sentenza tal-Consiglio di Stato tal-31 ta’ Marzu 2012, ma jistax jiġi kkonstatat a priori li din il-kawża ma għadx għandha skop.

    31

    Fit-tielet lok, f’dak li jikkonċerna l-allegati ineżattezzi u nuqqasijiet fl-espożizzjoni tal-fatti fil-kawża prinċipali, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, kif jirriżulta wkoll mill-punt 29 ta’ din is-sentenza, li huwa biss id-dmir tal-qorti nazzjonali li tiddefinixxi l-kuntest fattwali tal-kawża li tagħti lok għal dawn id-domandi u li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi fuq l-evalwazzjoni mogħtija f’dan ir-rigward mill-imsemmija qorti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza van Delft et, C‑345/09, EU:C:2010:610, punt 114).

    32

    Fl-aħħar nett, fir-raba’ lok, mit-test innifsu tad-domandi magħmula jirriżulta li l-qorti tar-rinviju mhux qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħmel eżami tal-imsemmi kuntest fattwali, iżda sabiex tinterpreta d-dritt tal-Unjoni li huwa utli għaliha sabiex tiġi riżolta l-kawża pendenti quddiemha.

    33

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-domandi preliminari huma ammissibbli.

    Fuq il-mertu

    34

    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li jekk il-qorti tar-rinviju ma ssemmix l-Artikolu 45 tad-Direttiva 2004/18 fit-test tad-domandi tagħha, mid-deċiżjoni ta’ rinviju stess, u b’mod partikolari mill-paragrafu introduttiv tad-domandi magħmula jirriżulta li din il-qorti qed tistaqsi dwar il-konformità tal-Artikolu 38(1)(b) u (c) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 163/2006 ma’ dan l-Artikolu 45.

    35

    Min-naħa l-oħra, hija biss it-tieni domanda li tirreferi għan-nuqqas ta’ osservanza, minn operatur ekonomiku li jipparteċipa għal sejħa għal offerti, ta’ dispożizzjoni fid-dokumenti tal-kuntratt, bħall-avviż ta’ kuntratt u l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, relatati mal-proċedura tal-għoti ta’ kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Madankollu, ir-raġuni ta’ esklużjoni msemmija fiż-żewġ domandi hija l-istess u tinsab, kif jirriżulta mill-punt 10 ta’ din is-sentenza, fl-Artikolu 8 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.

    36

    Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li, permezz ta’ dawn id-domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 45 tad-Direttiva 2004/18 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-esklużjoni ta’ operatur ekonomiku minn proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt, minħabba li dan l-operatur ma jkunx osserva l-obbligu, previst mid-dokumenti tal-kuntratt, li jannetti mal-offerta tiegħu, taħt piena ta’ esklużjoni, dikjarazzjoni skont liema l-persuna indikata f’din l-offerta bħala direttur tekniku tal-imsemmi operatur ma tkunx suġġetta għal proċedura jew għal kundanna kriminali, meta, f’data wara l-iskadenza tat-terminu impost għall-preżentazzjoni tal-offerti, din id-dikjarazzjoni tkun ġiet ikkomunikata lill-awtorità kontraenti jew jiġi ppruvat li l-kwalità ta’ direttur tekniku ngħatat lil din il-persuna bi żball.

    37

    F’dak li jikkonċerna d-domanda ta’ jekk il-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/18, il-Kummissjoni Ewropea qieset, matul is-seduta, li dan il-kuntratt jikkostitwixxi kuntratt pubbliku għal servizzi, kif iddefinit fl-Artikolu 1(2)(d) ta’ din id-direttiva u msemmi b’mod iktar partikolari fil-punt 16 tal-Anness II A tagħha.

    38

    Kuntrarjament, CEM Ambiente hija tal-fehma li l-imsemmi kuntratt għandu bħala għan kuntratt ta’ xiri u ta’ bejgħ ta’ beni mobbli jew, inkunsiderazzjoni tal-obbligu ta’ trattament tal-iskart li huwa għandu, jikkostitwixxi l-iktar l-iktar konċessjoni ta’ servizzi. Għaldaqstant, bl-ebda mod ma jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/18.

    39

    Fl-ewwel lok, fil-każ fejn il-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/18, li għandu jiġi evalwat mill-qorti tar-rinviju, għandu jitfakkar li l-Artikolu 45 tagħha jipprevedi fil-paragrafi (1) u (2) tiegħu serje ta’ raġunijiet ta’ esklużjoni ta’ offerent fir-rigward tas-sitwazzjoni personali tiegħu. Il-paragrafu 3 tal-istess artikolu jindika liema dokumenti għandhom jiġu aċċettati mill-awtoritajiet kontraenti bħala prova suffiċjenti tal-fatt li dan l-offerent ma jkunx jaqa’ fil-każijiet ikkontemplati fl-imsemmija paragrafi (1) u (2), bl-eċċezzjoni tas-sitwazzjonijiet imsemmija f’dan l-istess paragrafu 2(d) u (g).

    40

    Mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax li l-kompatibbiltà ma’ dawn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/18 tar-raġunijiet ta’ esklużjoni enumerati fl-Artikolu 38(1)(a) u (c) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 163/2006 u tal-obbligu li tiġi ppreżentata “dikjarazzjoni sostituttiva” prevista fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu ġiet ikkontestata fil-kuntest tal-kawża prinċipali. Lanqas ma qed jiġi affermat li l-esklużjoni ta’ offerent mill-kuntratt minħabba n-nuqqas ta’ osservanza, mill-offerent, tal-imsemmi obbligu jmur, per se, kontra din id-direttiva. Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju għandha dubji fir-rigward tal-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-impossibbiltà għall-imsemmi offerent li jikkoreġi l-fatt li ma jkunx inkluda tali dikjarazzjoni mal-offerta tiegħu wara l-preżentazzjoni tal-imsemmija offerta, jew li jikkomunika din tal-aħħar lill-awtorità kontraenti jew billi juri li l-kwalità ta’ direttur tekniku ġiet attribwita lill-persuna kkonċernata bi żball.

    41

    F’dan ir-rigward, huwa stabbilit li mid-dokumenti tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, minn naħa, jirriżulta li d-“dikjarazzjoni sostituttiva” imsemmija fl-Artikolu 38 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 163/2006 fir-rigward tal-persuna indikata bħala direttur tekniku tal-operatur ekonomiku kkonċernat kellha tiġi inkluża mal-offerta ppreżentata minn dan tal-aħħar taħt piena ta’ esklużjoni mill-proċedura ta’ sejħa għal offerti u, min-naħa l-oħra, li kien possibbli biss li jiġu rrimedjati l-irregolaritajiet purament formali u mhux deċiżivi għall-evalwazzjoni tal-offerta.

    42

    Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li hija l-awtorità kontraenti li għandha tosserva strettament il-kriterji li tkun stabbiliet hija stess, b’mod li jkollha teskludi mill-kuntratt, operatur ekonomiku li ma jkunx ikkomunika dokument jew informazzjoni li l-produzzjoni tagħhom kienet imposta fid-dokumenti ta’ dan il-kuntratt taħt piena ta’ esklużjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Manova, C‑336/12, EU:C:2013:647, punt 40).

    43

    Dan l-obbligu strett li huwa impost fuq l-awtoritajiet kontraenti jaqa’ taħt il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u tal-obbligu ta’ trasparenza li jirriżultaw minnu u li dawn tal-aħħar huma suġġetti għalihom, skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/18.

    44

    Fil-fatt, minn naħa, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jimponi li l-offerenti jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom l-istess opportunitajiet fil-formulazzjoni tat-termini u għaldaqstant jimplika li dawn l-offerti jkunu suġġetti għall-istess kundizzjonijiet għall-offerenti kollha. Min-naħa l-oħra, l-obbligu ta’ trasparenza għandu bħala għan li jiggarantixxi l-assenza ta’ riskju ta’ favoritiżmu u ta’ arbitrarjetà min-naħa tal-awtorità kontraenti. Dan jimplika li l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet tal-proċedura tal-għoti ta’ kuntratt kollha jiġu fformulati b’mod ċar, preċiż u univoku, fl-avviż tal-kuntratt jew fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, b’mod, l-ewwel nett, li jippermetti lill-offerenti raġonevolment informati u normalment diliġenti kollha li jifhmu l-portata eżatta u li jinterpretawhom bl-istess mod u, it-tieni nett, li tqiegħed lill-awtorità kontraenti f’pożizzjoni li tivverifika effettivament jekk l-offerti tal-offerenti jikkorrispondux għall-kriterji li jirregolaw il-kuntratt inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza il-Kummissjoni vs CAS Succhi di Frutta, C‑496/99 P, EU:C:2004:236, punti 108 sa 111).

    45

    Minn dan isegwi li, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, l-Artikolu 45 tad-Direttiva 2004/18, moqri flimkien mal-Artikolu 2 tagħha, ma jipprekludix l-esklużjoni ta’ offerent minħabba l-fatt li ma jkunx inkluda fl-offerta tiegħu dikjarazzjoni sostituttiva dwar il-persuna indikata bħala direttur tekniku f’din l-offerta. B’mod partikolari, sa fejn l-awtorità kontraenti tikkunsidra li din l-ommissjoni ma tikkostitwixxix irregolarità purament formali, hija ma tistax tipperemetti lil dan l-offerent li jikkoreġi sussegwentement din l-ommissjoni, bi kwalunkwe mod, wara l-iskadenza tat-terminu impost għall-preżentazzjoni tal-offerti.

    46

    Barra minn hekk, f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikolu 51 tal-imsemmija direttiva, li jipprovdi li l-awtorità kontraenti tista’ tistieden lill-operaturi ekonomiċi sabiex jissupplimentaw jew jiċċaraw iċ-ċertifikati u d-dokumenti ppreżentati skont l-Artikoli 45 sa 50 tal-istess direttiva, ma għandux jiġi interpretat bħala li jippermettilha li taċċetta kwalunkwe rettifiki għal ommissjonijiet li, skont id-dispożizzjonijiet espressi tad-dokumenti tal-kuntratt, għandhom iwasslu għall-esklużjoni tiegħu.

    47

    Fit-tieni lok, fil-każ fejn il-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxi konċessjoni ta’ servizzi, għandu jitfakkar li, jekk, fiż-żmien meta seħħew il-fatti tal-kawża prinċipali, il-kuntratti ta’ konċessjoni ta’ servizzi ma humiex irregolati bl-ebda direttiva li permezz tagħha l-leġiżlatur tal-Unjoni rregola l-qasam tal-kuntratti pubbliċi, l-awtoritajiet pubbliċi li jikkonkludu tali kuntratti għandhom josservaw ir-regoli fundamentali tat-Trattat FUE, b’mod partikolari l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ trasparenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Parking Brixen, C‑458/03, EU:C:2005:605, punti 46 sa 49, u Wall, C‑91/08, EU:C:2010:182, punt 33), fil-każ fejn il-konċessjoni ta’ servizzi kkonċernata tippreżenta interess transkonfinali ċert fid-dawl, b’mod partikolari, tal-importanza tagħha u l-post fejn tiġi eżegwita (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ordine degli Ingegneri della Provincia di Lecce et, C‑159/11, EU:C:2012:817, punt 23 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    48

    Sa fejn il-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali juri tali interess, ċirkustanza li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u l-obbligu ta’ trasparenza li jirriżulta minnu jimponu fuq l-awtorità kontraenti, kif jirriżulta mill-punti 42 u 44 ta’ din is-sentenza, l-osservanza tal-kriterji li hija stess stabbiliet, b’mod li hija jkollha teskludi mill-kuntratt lill-operatur ekonomiku li ma jkunx ikkomunika dokument jew informazzjoni li l-produzzjoni tagħhom tkun ġiet imposta fid-dokumenti ta’ dan il-kuntratt taħt piena ta’ esklużjoni.

    49

    F’dawn iċ-ċirkustanzi għandu jiġi kkunsidrat li l-esklużjoni ta’ offerent bħalma hija Cartiera dell’Adda minn kuntratt għall-offerti bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija f’konformità mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u mal-obbligu ta’ trasparenza, bħala regoli fundamentali tat-Trattat FUE.

    50

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula hija li l-Artikolu 45 tad-Direttiva 2004/18, moqri flimkien mal-Artikolu 2 tagħha, kif ukoll il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u l-obbligu ta’ trasparenza għandhom jiġu interpretati f’dan is-sens li ma jipprekludux l-esklużjoni ta’ operatur ekonomiku minn proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt, minħabba li dan l-operatur ma osservax l-obbligu, previst fid-dokumenti tal-kuntratt, taħt piena ta’ esklużjoni, li jannetti mal-offerta tiegħu dikjarazzjoni skont liema l-persuna indikata f’din l-offerta bħala direttur tekniku tal-imsemmi operatur ma tkunx suġġetta għal proċedura jew kundanna kriminali, anki meta, f’data wara l-iskadenza tat-terminu impost għall-preżentazzjoni tal-offerti, din id-dikjarazzjoni tkun ġiet ikkomunikata lill-awtorità kontraenti jew jiġi ppruvat li l-kwalità ta’ direttur tekniku ngħatat lil din il-persuna bi żball.

    Fuq l-ispejjeż

    51

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikolu 45 tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi, kif emendata bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1177/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009, moqri flimkien mal-Artikolu 2 tagħha, kif ukoll il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u l-obbligu ta’ trasparenza għandhom jiġu interpretati f’dan is-sens li ma jipprekludux l-esklużjoni ta’ operatur ekonomiku minn proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt, minħabba li dan l-operatur ma osservax l-obbligu, previst fid-dokumenti tal-kuntratt, taħt piena ta’ esklużjoni, li jannetti mal-offerta tiegħu dikjarazzjoni skont liema l-persuna indikata f’din l-offerta bħala direttur tekniku tal-imsemmi operatur ma tkunx suġġetta għal proċedura jew kundanna kriminali, anki meta, f’data wara l-iskadenza tat-terminu impost għall-preżentazzjoni tal-offerti, din id-dikjarazzjoni tkun ġiet ikkomunikata lill-awtorità kontraenti jew jiġi ppruvat li l-kwalità ta’ direttur tekniku ngħatat lil din il-persuna bi żball.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

    Top