EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012TN0309

Kawża T-309/12: Rikors ippreżentat fis- 6 ta’ Lulju 2012 — Zweckverband Tierkörperbeseitigung vs Il-Kummissjoni

ĠU C 273, 8.9.2012, p. 19–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

8.9.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 273/19


Rikors ippreżentat fis-6 ta’ Lulju 2012 — Zweckverband Tierkörperbeseitigung vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-309/12)

2012/C 273/33

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Zweckverband Tierkörperbeseitigung f’Rheinland-Pfalz, f’Saarland, f’Rheingau-Taunus-Kreis u fil-Landkreis Limburg-Weilburg (Rivenich, il-Ġermanja) (rappreżentant: A. Kerkmann, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-25 ta’ April 2012 dwar Għajnuna mill-Istat SA.25051 (C 19/2010) (ex NN 23/2010) mogħtija mill-Ġermanja favur Zweckverband Tierkörperbeseitigung f’Rheinland-Pfalz, f’Saarland, f’Rheingau-Taunus-Kreis u fil-Landkreis Limburg-Weilburg (Nru C(2012) 2557 finali);

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka disa’ motivi.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE peress li ġie ddikjarat li r-rikorrenti għandha titqies li hija impriża.

Il-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet għandu l-għan li jwettaq attività ta’ servizz pubbliku barra mis-suq. Fil-kuntest tat-twettiq ta’ din l-attività, ir-rikorrenti ma taġixxix bħala impriża fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) u tal-Artikolu 106(2) peress li ġie kkonstatat li ngħata vantaġġ ekonomiku lir-rikorrenti permezz tal-kontribuzzjonijiet u li ma hemmx inkwistjoni servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali.

Il-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet mill-membri tar-rikorrenti ma jagħtihiex vantaġġ ekonomiku, peress li dan il-ħlas huwa ddeterminat mill-awtorità pubblika u ma huwiex sussidju trażversali tal-attivitajiet li r-rikorrenti toffri fis-suq. Sussidjarjament, hemm inkwistjoni provvista ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali li l-Kummissjoni tiċħad l-eżistenza tiegħu, bi ksur manifest tal-kriterji ta’ eżami li huma rikonoxxuti mill-ġurisprudenza, u dan jikkostitwixxi żball ta’ evalwazzjoni. Barra minn hekk, l-erba’ kriterji tas-sentenza Altmark huma wkoll sodisfatti fil-każ ineżami.

It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE peress li ġew ikkonstatati b’mod żbaljat il-kriterji ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni u tal-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

Ir-rimi ta’ prodotti sekondarji mill-annimali tal-kategoriji 1 u 2 fis-sens tar-Regolament Nru 1069/2009 ma hijiex attività miftuħa għas-suq fil-Ġermanja, b’mod li l-esklużività li ngħatat legalment mir-rikorrenti ma twassalx għal distorsjoni tal-kompetizzjoni jew għal effett fuq il-kummerċ.

Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 106(2) TFUE peress li ma ttieħdux inkunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet ta’ approvazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

Waqt l-eżami tagħha, il-Kummissjoni applikat b’mod żbaljat il-kriterju ta’ interess ekonomiku u bi ksur tal-kompetenzi tagħha ta’ eżami, ma llimitatx ruħha li tistabbilixxi l-eżistenza tal-possibbiltà ta’ kumpens żejjed.

Il-ħames motiv huwa bbażat fuq ksur tat-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri previst fl-Artikolu 14 TFUE u, fl-istess waqt, ksur tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà (Artikolu 5(3) TUE).

Il-Kummissjoni kisret is-setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet tal-Istati Membri fid-determinazzjoni tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali.

Is-sitt motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 108(1) TFEU u tal-Artikolu 1(b)(v) u tal-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 peress li ġie kkonstatat li l-ħlas li sar mill-1998 jikkostitwixxi għajnuna ġdida.

Il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni huma bbażati fuq evalwazzjoni insuffiċjenti tal-fatti.

Is-seba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 2 TUE, tal-Artikolu 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 peress li ma ttiħdux inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

Il-Kummissjoni assumiet b’mod żbaljat li, minħabba s-sentenza mogħtija fis-16 ta’ Diċembru 2010 mill-Bundesverwaltungsgericht (referenza 3 C 44.09), ir-rikorrenti ma setgħetx tinvoka l-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, minkejja li din is-sentenza ċaħdet espressament l-eżistenza ta’ għajnuna bil-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet lir-rikorrenti. Peress li din is-sentenza għandha l-awtorità ta’ res judicata, il-Kummissjoni kisret ukoll il-prinċipju ta’ ċertezza legali.

It-tmien motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 peress li ngħata ordni lill-Istat Membru sabiex jirkupra l-ħlasijiet li saru mill-1998 — Ksur tal-prinċipji ta’ neċessità u ta’ proporzjonalità.

It-talba mill-Kummissjoni lill-Ġermanja sabiex tirkupra l-kontribuzzjonijiet li saru lir-rikorrenti mill-1998 hija sproporzjonata, peress li ma tiħux inkunsiderazzjoni l-fatt li r-rikorrenti attwalment sostniet spejjeż għaż-żamma ta’ kapaċitajiet għad-dispożizzjoni tal-membri tagħha.

Id-disa’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE peress li ġie kkonstatat li r-riżorsi użati għall-miżuri ta’ titjib tas-siti kkontaminati għandhom jitqiesu li huma għajnuna mill-Istat.

Ir-riżorsi użati għat-titjib tas-siti kkontaminati jikkumpensaw żvantaġġ strutturali subit mir-rikorrenti minħabba l-attribuzzjoni legali mil-Land Rheinland-Pflaz, u konsegwentement, ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat.


Top