EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012TN0143

Kawża T-143/12: Rikors ippreżentat fit- 30 ta’ Marzu 2012 — Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni

ĠU C 165, 9.6.2012, p. 27–29 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

9.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 165/27


Rikors ippreżentat fit-30 ta’ Marzu 2012 — Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-143/12)

2012/C 165/48

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (rappreżentanti: T. Henze u K. Petersen, u U. Soltész, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2012) 184 finali, tal-25 ta’ Jannar 2012, rigward l-Għajnuna C 36/2007 (ex NN 25/2007) mogħtija mill-Ġermanja favur Deutsche Post AG;

tannulla l-Artikoli 4 sa 6 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2012) 184 finali, tal-25 ta’ Jannar 2012, rigward l-Għajnuna C 36/2007 (ex NN 25/2007) mogħtija mill-Ġermanja favur Deutsche Post AG u

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka għaxar motivi.

(1)

L-ewwel motiv: il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 107(1) TFUE meta affermat li s-“sussidju rigward il-pensjonijiet” iffavorixxa impriża.

Skont ir-rikorrenti, is-“sussidju rigward il-pensjonijiet” jingħata direttament lill-fond ta’ pensjoni għall-uffiċjali tal-posta u indirettament lill-uffiċjali rtirati mill-posta, u għaldaqstant huwa ma jingħatax lil impriża. Ir-rikorrenti ssostni li Deutsche Post AG lanqas ma tibbenefika minn għajnuna indiretta.

(2)

It-tieni motiv: il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 107(1) TFUE meta affermat li s-“sussidju rigward il-pensjonijiet” ikkumpensa l-ispejjeż li għandhom “normalment” jiġu sostnuti mill-impriżi.

Ir-rikorrenti tqis li s-“sussidju rigward il-pensjonijiet” jikkumpensa l-ammont kollu ta’ spejjeż soċjali li huma partikolarment għolja u li l-impriżi “normalment” ma għandhomx isostnu. L-ispejjeż ikkumpensati minn dan is-sussidju jikkostitwixxu, barra minn hekk, fil-fehma tagħha, “spiża speċjali” fis-sens tas-sentenza Danske Busvognmænd (1).

(3)

It-tielet motiv: il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 107(1) TFUE [sussidjarjament, l-Artikolu 107(3) TFUE] meta ħadet inkunsiderazzjoni d-dħul mit-tariffi rregolati.

Ir-rikorrenti tqis li l-“vantaġġ komparattiv” ma joriġinax mis-“sussidju rigward il-pensjonijiet”, li huma kompletament indipendenti minn xulxin. Il-“vantaġġ komparattiv” joriġina, fil-fehma tagħha, minn tariffi rregolati u, għaldaqstant, minn riżorsi differenti mir-riżorsi tal-Istat (sentenza PreussenElektra (2)). Ir-rikorrenti ssostni li ma hemm l-ebda kumpens doppju għall-ispejjeż. Għaldaqstant, l-ebda “għajnuna” ma tista’ tiġi ddikjarata inkompatibbli mas-suq intern u rkuprata. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni teċċepixxi biss “għajnuna” sabiex tkun tista’ tirkupra b’mod retroattiv dħul mid-Deutsche Post AG.

(4)

Ir-raba’ motiv: il-Kummissjoni kisret l-Artikoli 107 u 108 TFUE kif ukoll ir-Regolament (KE) Nru 659/1999 (3), billi ordnat b’mod illegali, fil-kuntest tal-proċedura ta’ għajnuna mill-Istat, l-irkupru ta’ dħul minn tariffi rregolati u billi, b’dan il-mod, għamlet użu ħażin mill-poter u mill-proċedura.

Ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni tista’ biss tirkupra dħul b’dan il-mod fil-kuntest tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (4), u mhux fil-kuntest ta’ proċedura ta’ għajnuna mill-Istat.

(5)

Il-ħames motiv: il-Kummissjoni kisret l-Artikoli 107 u 108 TFUE kif ukoll ir-Regolament Nru 659/1999 billi bdiet b’mod illegali proċedura ta’ għajnuna mill-Istat kontra “sussidju trażversali” u billi, b’dan il-mod, għamlet użu ħażin mill-poter u mill-proċedura.

Ir-rikorrenti tqis li l-allegat “sussidju trażversali” joriġina minn tariffi rregolati, jiġifieri minn riżorsi differenti mir-riżorsi tal-Istat, u li għaldaqstant huwa ma jikkostitwixxix għajnuna. Skont ir-rikorrenti, tali “sussidju trażversali” ma jistax, lanqas, ikun is-suġġett ta’ proċedura ta’ għajnuna mill-Istat.

(6)

Is-sitt motiv: il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 107(1) TFUE [sussidjarjament, l-Artikolu 107(3) TFUE] meta wettqet kalkoli żbaljati fit-tqabbil tal-ispejjeż soċjali.

Ir-rikorrenti tqis li l-valur ta’ riferiment stabbilit mill-Kummissjoni abbażi tal-kontribuzzjonijiet mis-salarju huwa, b’mod żbaljat, għoli wisq, peress li skont id-dritt Ġermaniż rigward l-assigurazzjoni soċjali, il-persuna li tħaddem issostni biss il-kontribuzzjonijiet dovuti inkwantu persuna li tħaddem. Peress li l-Kummissjoni diġà ħadet inkunsiderazzjoni l-kontribuzzjonijiet mis-salarju bażiku (“salarju gross fittizju”), it-teħid inkunsiderazzjoni mill-ġdid ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet fil-valur ta’ riferiment iwassal, skont ir-rikorrenti, għal kontabbiltà doppja. Ir-rikorrenti ssostni, barra minn hekk, li ż-żieda fis-salarju bażiku ma hijiex korretta, għaliex is-salarju tal-uffiċjali tal-posta huwa ogħla mil-livell ta’ salarju tal-kompetituri privati.

(7)

Is-seba’ motiv: il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 107(1) TFUE [sussidjarjament, l-Artikolu 107(3) TFUE] meta affermat li s-“sussidju rigward il-pensjonijiet” jikkostitwixxi wkoll għajnuna (inkompatibbli mas-suq intern) għall-perijodu bejn l-1995 u l-2002.

(8)

It-tmien motiv: il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 108(1) TFUE, u l-Artikolu 1(b)(i) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 meta affermat li s-sussidju rigward il-pensjonijiet jikkostitwixxi għajnuna ġdida.

Ir-rikorrenti ssostni li l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni huma bbażati fuq evalwazzjoni żbaljata tal-fatti.

(9)

Id-disa’ motiv: il-Kummissjoni kisret l-Artikoli 14(1) u 7(5) tar-Regolament Nru 659/1999 meta ordnat lill-Ġermanja tirkupra l-għajnuna [Artikolu 4(1) tad-deċiżjoni kkontestata] u tipprekludi kull vantaġġ komparattiv fil-futur [Artikolu 4(4) tad-deċiżjoni kkontestata], meta fil-fatt dawn il-miżuri ma humiex parti mid-dritt dwar l-għajnuna mill-Istat.

Ir-rikorrenti ssostni li l-irkupru previst mill-Artikolu 4(1) tad-deċiżjoni kkontestata ma jirrigwardax l-“għajnuna”, iżda d-dħul ta’ Deutsche Post AG mit-tariffi rregolati tal-posta. Skont ir-rikorrenti, il-ksur ma jistax jitwaqqaf billi titnaqqas l-“għajnuna”. Fil-fatt, tnaqqis tas-“sussidju rigward il-pensjonijiet” ma għandu l-ebda effett fuq l-ammont tal-“vantaġġ komparattiv”. Ir-rikorrenti ssostni li t-twaqqif tal-ksur, stabbilit fl-Artikolu 4(4) tad-deċiżjoni kkontestata, jeżiġi tibdil fir-regolarizzazzjoni tal-prezzijiet u jippreġudika għaldaqsant is-sovranità regolamentari tal-Ġermanja.

(10)

L-għaxar motiv: minħabba n-nuqqas ta’ azzjoni min-naħa tal-Kummissjoni u minħabba t-tul mhux xieraq tal-proċedura, l-imsemmija Kummissjoni kisret l-Artikolu 6 TUE, l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba kif ukoll l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 659/1999


(1)  Sentenza tas-16 ta’ Marzu 2004, Danske Busvognmænd vs Il-Kummissjoni (T-157/01, Ġabra p. II-917).

(2)  Sentenza tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra (C-379/98, Ġabra p. I-2099).

(3)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339).

(4)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).


Top