EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CC0073

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Kokott, ippreżentati fis-6 ta’ Settembru 2012.
Frucona Košice a.s. vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell — Għajnuna mill-Istat — Annullament ta’ 65 % ta’ dejn fiskali fil-kuntest ta’ proċedura kollettiva ta’ insolvenza — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern u li tordna l-irkupru tagħha — Kriterju ta’ kreditur privat — Limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju — Sostituzzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-motivi tagħha għal dawk li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata — Żball manifest ta’ evalwazzjoni — Żnaturament tal-provi.
Kawża C‑73/11 P.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:535

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fis-6 ta’ Settembru 2012 ( 1 )

Kawża C-73/11 P

Frucona Košice a. s.

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell — Kompetizzjoni — Għajnuna mill-Istat — Artikolu 87(1) KE — Kunċett ta’ għajnuna mill-Istat — Kriterju ta’ kreditur privat li jaġixxi f’ekonomija tas-suq — Maħfra parzjali ta’ dejn fiskali fil-kuntest ta’ proċedura ta’ arranġament mal-kredituri — Evalwazzjoni tal-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta’ proċedura ta’ arranġament mal-kredituri u ta’ proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju — Imprevisti u tul ta’ proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju — Imġiba tal-awtoritajiet fiskali Slovakki fir-rigward tal-impriża Frucona Košice”

I – Introduzzjoni

1.

Dan l-appell jagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-okkażjoni li tiżviluppa l-ġurisprudenza tagħha dwar id-dritt tal-għajnuna mill-Istat fuq punt importanti. Dan iffisser li tingħata tifsira lill-kriterju ta’ kreditur privat li jaġixxi f’ekonomija tas-suq, kriterju li jippermetti li jiġi deċiż jekk ċerti faċilitajiet ta’ ħlas jew anki r-rinunzja għal kreditu min-naħa tal-awtorità pubblika fir-rigward ta’ impriża humiex newtrali mill-perspettiva tad-dritt tal-kompetizzjoni jew jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE [li sar l-Artikolu 107(1) TFUE ( 2 )]. Bil-kontra tal-kriterju relatat miegħu ta’ investitur privat ( 3 ), il-kriterju ta’ kreditur privat sa issa ma kellu prattikament l-ebda rwol fil-ġurisprudenza. Huwa baqa’ relattivament vag jew anki “misterjuż” ( 4 ).

2.

F’din il-kawża, il-kwistjoni tal-kreditur privat tinsab fil-kuntest ta’ proċedura ta’ arranġament mal-kredituri li fiha awtorità fiskali Slovakka rrinunzjat, fl-2004, fir-rigward ta’ impriża msemmija Frucona Košice a. s. (iktar ’il quddiem l-“appellanti” wkoll) għal 65 % tal-krediti f’dazji tas-sisa tagħha. Bl-approvazzjoni tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea kklassifikat din ir-rinunzja bħala għajnuna mill-Istat peress li, fil-fehma tagħha, fil-każ ta’ falliment ta’ Frucona, il-krediti tal-awtorità fiskali Slovakka setgħu jitħallsu b’rata ogħla milli fil-kuntest ta’ dan il-arranġament mal-kredituri. Min-naħa l-oħra, Frucona ssostni fermament li r-rata ta’ rkupru mistennija mill-awtorità fiskali Slovakka fil-kuntest ta’ proċedura ta’ stralċ jew l-irkupru tat-taxxa ma setgħatx tkun ogħla — fi kwalunkwe każ mhux b’mod manifest — mir-rata ta’ 35 % miftiehma fil-kuntest tal-arranġament mal-kredituri.

3.

F’dan il-kuntest, il-partijiet ma jaqblux b’mod partikolari fuq formulazzjoni relattivament misterjuża li biha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeskrivit fl-1999 fis-sentenza DMT ( 5 ) il-kriterju ta’ kreditur privat. Isegwi li kull faċilità ta’ ħlas mogħtija minn awtorità pubblika għandha tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat meta l-impriża benefiċjarja ma kinitx manifestament tikseb il-vantaġġ ekonomiku li jirriżulta minnha min-naħa ta’ kreditur privat f’sitwazzjoni komparabbli. Bħalma turi din il-kawża, kjarifika ta’ din il-ġurisprudenza hija meħtieġa b’urġenza.

II – Il-kuntest tal-kawża

4.

Frucona hija kumpannija rregolata mid-dritt Slovakk bis-sede tagħha f’Košice (is-Slovakkja). Għall-ewwel hija kienet attiva, minn naħa, fis-settur tal-produzzjoni ta’ alkoħol u ta’ spirti u, min-naħa l-oħra, fis-settur tal-manifattura ta’ prodotti tal-ikel bħall-frott, ħaxix u meraq tal-frott fil-bottijiet, kif ukoll tal-produzzjoni ta’ xarbiet bil-gass u mhux bil-gass. Wara li ttieħdetilha l-liċenzja ta’ produzzjoni u ta’ pproċessar tal-alkoħol u tal-ispirti fis-6 ta’ Marzu 2004, minħabba li ma kinitx ħallset id-dazji tas-sisa li kienu dovuti minnha, hija ddistribwixxiet l-ispirti prodotti minn impriża oħra.

A – Proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji nazzjonali

5.

Meta Frucona ma kinitx iktar f’pożizzjoni li tħallas id-dazji tas-sisa dovuti għall-2004, hija sabet ruħha f’sitwazzjoni ta’ dejn fis-sens tal-liġi Slovakka dwar l-istralċ ġudizzjarju u l-arranġament mal-kredituri. Imbagħad, fit-8 ta’ Marzu 2004, Frucona għamlet talba sabiex tinfetaħ proċedura ta’ arranġament mal-kredituri quddiem il-Qorti Reġjonali ta’ Košice. Il-proposta ta’ arranġament mal-kredituri tal-kumpannija kienet ibbażata fuq dejn totali ta’ SKK 644.6 miljun u kienet intiża li tħallas lill-kredituri kollha bla garanzija u lill-uħud mill-kredituri li kellhom privileġġ tħallas parti ekwivalenti għal 35 % tal-ammont totali tas-somom li kellha tagħtihom. Id-dazji tas-sisa li kellhom jitħallsu lill-awtorità fiskali Slovakka kienu l-ikbar parti minn dan id-dejn ta’ Frucona.

6.

Qabel l-approvazzjoni tal-arranġament mal-kredituri mill-Qorti Reġjonali ta’ Košice, Frucona ssottomettiet diversi rapporti ta’ verifika lill-awtorità fiskali lokali sabiex tkun tista’ tevalwa l-vantaġġi rispettivi tal-arranġament mal-kredituri, tal-istralċ ġudizzjarju u tal-eżekuzzjoni fiskali taħt il-liġi Slovakka. Fil-21 ta’ Ġunju 2004, l-awtorità fiskali Slovakka għamlet spezzjoni fuq il-post fil-bini tal-appellanti sabiex tikkonstata l-ammont tal-assi likwidi tagħha.

7.

Minkejja li d-Direttorat Ġenerali tat-Taxxa Slovakk stieden lill-awtorità fiskali lokali sabiex ma taċċettax il-proposta ta’ arranġament mal-kredituri tal-appellanti matul is-seduta rigward dan il-ftehim, fuq il-bażi li ma kinitx favorevoli għar-Repubblika Slovakka, l-awtorità fiskali lokali aċċettat din il-proposta fid-9 ta’ Lulju 2004. B’deċiżjoni tal-14 ta’ Lulju 2004, il-Qorti Reġjonali ta’ Košice approvat il-arranġament mal-kredituri li kien jipprovdi li l-krediti tal-awtorità fiskali Slovakka kellhom jiġu rrimborsati sa 35 %, jiġifieri f’ammont ta’ madwar SKK 224.3 miljun.

8.

Fl-14 ta’ Lulju 2004, id-Direttur tal-awtorità fiskali lokali ġie sospiż u ssostitwit. Sussegwentement, huwa ġie akkużat bi frodi u approprjazzjoni indebita. Madankollu, huwa nħeles minn kull akkuża miġjuba kontrih.

9.

Fl-20 ta’ Ottubru 2004, l-awtorità fiskali lokali indikat lill-appellanti li l-modalitajiet tal-arranġament mal-kredituri kienu jikkostitwixxu għajnuna indiretta mill-Istat suġġetta għall-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni.

10.

B’sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2004, il-Qorti Suprema tar-Repubblika Slovakka ċaħdet l-appell ippreżentat mill-awtorità fiskali lokali f’Awwissu 2004 mid-deċiżjoni tal-Qorti Reġjonali tal-14 ta’ Lulju 2004 li tapprova l-arranġament mal-kredituri u ddikjarat li d-deċiżjoni msemmija kienet valida u eżekuttiva sa mit-23 ta’ Lulju 2004.

11.

Skont il-arranġament mal-kredituri, Frucona ħallset lill-awtorità fiskali lokali ammont ta’ SKK 224.3 miljun, li jikkorrispondu għal 35 % tad-dejn totali tagħha.

12.

Wara appell straordinarju, il-Qorti Suprema tar-Repubblika Slovakka annullat parzjalment, b’deċiżjoni tas-27 ta’ April 2006, id-deċiżjoni tal-Qorti Reġjonali ta’ Košice tal-14 ta’ Lulju 2004. Imbagħad, b’deċiżjoni tat-18 ta’ Awwissu 2006, din l-istess qorti ffissat l-ammonti kkorreġuti dovuti lill-awtorità fiskali lokali għal SKK 640.4 miljun, b’tali mod li 35 % ta’ din is-somma jammontaw għal SKK 224.1 miljun.

B – Proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni

13.

Il-Kummissjoni ġiet adita b’dan il-każ wara ilment li nnotifikawlha fil-15 ta’ Ottubru 2004. Fil-5 ta’ Lulju 2005, hija ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 88(2) KE ( 6 ). Din il-proċedura ntemmet bid-Deċiżjoni 2007/254/KE tas-7 ta’ Ġunju 2006 ( 7 ) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) li biha ddeċidiet, fl-Artikolu 1, li Frucona bbenefikat mill-arranġament mal-kredituri minn għajnuna mill-Istat tal-ammont ta’ SKK 416 515 990 li kienet inkompatibbli mas-suq komuni. Fl-Artikolu 2 ġie previst li r-Repubblika Slovakka tadotta l-miżuri kollha neċessarji sabiex tirkupra mingħajr dewmien u bl-interessi l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 mingħand il-benefiċjarja.

C – Proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea

14.

Fit-12 ta’ Jannar 2007, b’rikors skont l-Artikolu 230(4) KE, Frucona talbet l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Permezz ta’ digriet tal-11 ta’ Ottubru 2007, l-impriża St. Nicolaus-trade a.s. (iktar ’il quddiem “St. Nicolaus-trade”) ġiet awtorizzata tintervjeni fil-proċedura insostenn tal-Kummissjoni.

15.

Ir-rikors għal annullament ta’ Frucona ma kienx ta’ suċċess fl-ewwel istanza. B’sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2010 ( 8 ) (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors ta’ Frucona u kkundannatha għall-ispejjeż.

III – Appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

16.

Frucona tikkontesta s-sentenza tal-Qorti Ġenerali b’dan l-appell li hija ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Frar 2011.

17.

Frucona titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza mogħtija fis-7 ta’ Diċembru 2010 mill-Qorti Ġenerali fil-kawża T-11/07, sa fejn tikkonċerna r-raba’ u s-sitt motiv tar-rikors ippreżentat mill-appellanti quddiem il-Qorti Ġenerali;

tilqa’ dawn il-motivi bħala fondati;

tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali b’mod li tkun tista’ tiddeċiedi fuq il-ħames, is-sitt, is-seba’, it-tmien u d-disa’ motiv invokati mill-appellanti, sa fejn jikkonċernaw il-proċedura ta’ eżekuzzjoni fiskali; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-appellanti.

18.

Il-Kummissjoni titlob, min-naħa tagħha, li l-Qorti tal-Ġustizzja:

tiċħad l-appell; u

tikkundanna lil Frucona għall-ispejjeż.

19.

Barra minn hekk, bħala parti oħra fil-proċeduri, St. Nicolaus-trade titlob iċ-ċaħda tal-appell, il-konferma tas-sentenza appellata u l-kundanna tal-appellanti għall-ispejjeż.

20.

Il-partijiet għamlu sottomissjonijiet bil-miktub fuq l-appell lill-Qorti tal-Ġustizzja u, fil-5 ta’ Lulju 2012 inżammet seduta.

IV – Analiżi

21.

Permezz tal-appell tagħha, Frucona ma tikkontestax il-punti kollha li kienu s-suġġett tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, l-appellanti topponi speċifikament il-punti 88 sa 168 kif ukoll il-punt 212 tas-sentenza appellata u għal dan ir-rigward hija tibbaża ruħha fuq żewġ aggravji. Minn naħa, waqt l-eżami mill-Kummissjoni tal-applikazzjoni tal-kriterju ta’ kreditur privat, il-Qorti Ġenerali ma applikatx in-norma legali rilevanti (ara hawn taħt it-Taqsima A). Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali ppruvat, b’mod illegali, tissostitwixxi r-raġunament tagħha għall-argumentazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-kriterju ta’ kreditur privat u/jew evalwat b’mod manifestament żbaljat il-provi tal-każ rilevanti għal dan il-kriterju, u dan żnatura t-tifsira mhux ambigwa tal-provi (ara hawn taħt, it-Taqsima B).

A – L-ewwel aggravju: normi ġuridiċi dwar l-applikazzjoni tal-kriterju ta’ kreditur privat

22.

L-ewwel aggravju għandu bħala suġġett in-normi ġuridiċi dwar l-applikazzjoni tal-kriterju ta’ kreditur privat. Frucona tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ma bbażatx ruħha fuq in-norma ġuridika rilevanti waqt l-eżami tal-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju mill-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, l-appellanti tikkontesta, minn naħa l-waħda, il-punti 88 sa 92 u, min-naħa l-oħra, il-punti 106 sa 121 tas-sentenza appellata, u barra minn hekk, hija tikkontesta l-punti 139 sa 142 tal-imsemmija sentenza.

1. Ammissibbiltà

23.

Il-Kummissjoni tesponi dubji f’żewġ istanzi dwar l-ammissibbiltà tat-teżi ta’ Frucona fil-kuntest ta’ dan l-ewwel aggravju.

24.

L-ewwel nett, il-Kummissjoni tikkritika l-fatt li l-appell fih riferimenti għal ċerti siltiet tar-rikors fl-ewwel istanza ta’ Frucona. Tali teknika ma tosservax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 112 tar-Regoli tal-Proċeduri tal-Qorti tal-Ġustizzja.

25.

F’dan ir-rigward għandu jiġi ppreċiżat li skont id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 256(1) TFUE, tal-Artikolu 58(1) tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Artikolu 112(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura, appell għandu jippreċiża eżattament l-argumenti legali li fuqhom tibbaża partikolarment it-talba għall-annullament tas-sentenza mogħtija fl-ewwel istanza ( 9 ). Fil-prattika, riferiment ġenerali għal atti oħra tal-kawża, anki meta jkunu magħquda — bħal f’dan il-każ — fl-anness, ma jissodisfawx dan l-obbligu ( 10 ).

26.

Madankollu, f’dan il-każ ineżami, Frucona ma rreferietx b’mod globali għal ilmenti u argumenti ppreżentati fl-ewwel istanza. Bil-kontra, l-appellanti fakkret ċerti aspetti speċifiċi tal-argumentazzjoni tagħha ppreżentati fl-ewwel istanza fil-korp tat-test tal-appell tagħha u ddeskriviethom b’ċarezza suffiċjenti. Hija sempliċement irreferiet għas-siltiet rilevanti tar-rikors tagħha fl-ewwel istanza sabiex tipprova li l-affermazzjonijiet tagħha kienu eżatti.

27.

Konsegwentement, l-ilment tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward huwa infondat.

28.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tesprimi dubji rigward l-ammissibbiltà tal-parti tal-appell li fiha Frucona tesprimi ruħha rigward l-importanza ta’ rapporti ta’ perizja lokali li jikkonċernaw il-koeffiċjenti ta’ likwidazzjoni previsti fil-kuntest ta’ proċedura ta’ stralċ ( 11 ). Il-Kummissjoni tenfasizza li din is-silta tinsab wara l-ispjegazzjonijiet ta’ Frucona rigward l-ewwel aggravju tagħha u b’mod partikolari l-konklużjonijiet tagħha fformulati b’mod qasir ( 12 ), b’tali mod li l-għan tagħha ma jidhirx ċar ħafna fir-rigward tal-eżami tas-sentenza appellata.

29.

Anki dan l-argument tal-Kummissjoni huwa totalment infondat. Fil-fatt, kull parti hija libera li tistruttura kif tixtieq l-osservazzjoni tagħha bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Ċertament, ma jidhirx partikolarment loġiku li tkompli tesponi, wara l-“konklużjoni” tal-ewwel aggravju, argumenti oħra sostantivi. Madankollu, din ma hija bl-ebda mod kwistjoni ta’ ammissibbiltà iżda biss kwistjoni ta’ espedjenza li l-evalwazzjoni tagħha hija r-responsabbiltà ta’ kull parti nfisha. Titqajjem problema ta’ ammissibbiltà l-iktar meta ma tkun teżisti l-ebda rabta viżibbli bejn l-argumenti ta’ parti u l-konklużjonijiet tal-appell tagħha, b’tali mod li la l-Qorti tal-Ġustizzja u lanqas il-partijiet l-oħra fil-proċedura ma jkunu f’miżura li jieħdu pożizzjoni b’mod rilevanti. Madankollu, f’dan il-każ ineżami, Frucona ċċarat ripetutament b’mod suffiċjenti fl-appell tagħha, li hija kienet qed tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ma tatx l-attenzjoni neċessarja lit-tifsira tar-rapporti ta’ perizja marbuta mal-applikazzjoni tal-kriterju ta’ kreditur privat. Ma jidhirx li l-partijiet fil-proċedura sabu xi diffikultajiet sabiex jieħdu pożizzjoni fuq dan il-punt.

30.

Konsegwentement, ma jeżisti l-ebda dubju dwar l-ammissibbiltà tal-ewwel aggravju.

2. Fondatezza

31.

L-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali kkonfermat b’mod żbaljat l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat ( 13 ). Minn naħa, il-Qorti Ġenerali ma rriproduċietx b’mod korrett il-ġurisprudenza rilevanti dwar il-kriterju ta’ kreditur privat fil-bidu tal-eżami tagħha u, min-naħa l-oħra, hija applikat b’mod mhux eżatt dan il-kriterju.

a) L-ilment li jgħid li l-Qorti Ġenerali ma esponietx korrettement il-ġurisprudenza rilevanti

32.

Sa fejn Frucona tilmenta li l-Qorti Ġenerali ma bdietx bl-eżami tagħha billi tiċċita korrettament il-ġurisprudenza rilevanti dwar il-kriterju ta’ kreditur privat hija tikkritikha, fl-aħħar mill-aħħar, b’nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza kkontestata.

33.

Dan l-argument ma jistax jiġi eżaminat iktar fil-fond.

34.

L-obbligu li s-sentenzi tal-ewwel istanza jiġu debitament immotivati jirriżulta mid-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 36 u tal-Artikolu 53(1) tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja. Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni ta’ sentenza għandha tiżvela b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-Qorti Ġenerali, sabiex il-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jifhmu l-ġustifikazzjoni għad-deċiżjoni mogħtija u l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha ( 14 ).

35.

Jista’ ċertament ikun utli li l-Qorti tal-Ġustizzja tesponi l-ġurisprudenza rilevanti fil-bidu tar-raġunament tagħha dwar motiv partikolari u eventwalment teżaminah. Iżda, din hija fl-aħħar mill-aħħar kwistjoni ta’ espedjenza u l-Qorti Ġenerali għandha tibbenefika minn setgħa diskrezzjoni wiesgħa sabiex tkun tista’ tiddeċiedi.

36.

Fir-rigward tal-obbligu ta’ motivazzjoni, dak li huwa finalment importanti huwa jekk is-sentenza appellata tfasslitx b’mod intelliġibbli, jekk teżaminax il-ksur kollu tad-dritt allegat mir-rikorrenti ( 15 ) u jekk il-motivi li wasslu għad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali humiex suffiċjentement raġonevoli, u ftit jimporta jekk u sa liema punt il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha espliċitament fuq il-ġurisprudenza preċedenti għal dan il-għan.

37.

Is-sentenza appellata tissodisfa b’mod intier u totali dawn ir-rekwiżiti, u dan jintwera b’mod partikolari mill-fatt li Frucona setgħet tidentifika b’mod iffokat u ddettalljat l-iżbalji legali li, fil-fehma tagħha, kienet ivvizzjata bihom l-imsemmija sentenza.

38.

Fil-verità, Frucona hija inqas ikkonċernata mill-motivazzjoni tas-sentenza kkontestata milli mill-kontenut tagħha. Ser neżamina kemm huwa eżatt dan iktar fid-dettall hawn taħt.

b) L-ilmenti rigward l-interpretazzjoni żbaljata tal-kontenut tal-kriterju ta’ kreditur privat u l-applikazzjoni mhux korretta ta’ dan il-kriterju

39.

L-appellanti tikkritika l-fatt li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-kontenut tal-kriterju ta’ kreditur privat f’dan il-każ ineżami u, barra minn hekk, applikatu b’mod żbaljat. Fil-fehma tagħha, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod żbaljat li r-rinunzja għall-kreditu tal-awtorità fiskali Slovakka kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat lil Frucona ( 16 ).

i) Il-kontenut tal-kriterju ta’ kreditur privat

40.

L-ewwel nett, Frucona tafferma li miżura tal-awtoritajiet pubbliċi bħar-rinunzja għall-krediti kkontestati min-naħa tal-awtoritajiet fiskali Slovakki lokali ma għandhiex tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat ħlief jekk il-vantaġġ li jirriżulta għall-impriża inkwistjoni huwa “manifestament iktar liberali” ( 17 ) minn dak li kien jibbenefika minnu kreditur privat f’kundizzjonijiet simili. L-appellanti tikkritika l-fatt li l-Qorti Ġenerali llimitat ruħha b’mod illegali sabiex teżamina jekk il-benefiċċju li rriżulta mill-proċedura ta’ arranġament mal-kredituri min-naħa tal-amministrazzjoni fiskali tar-Repubblika Slovakka “kienx ikbar” minn dak li l-istess amministrazzjoni seta’ jkollha minn proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju jew minn proċedura ta’ eżekuzzjoni fiskali ( 18 ) u jekk proċedura ta’ stralċ ġudizzjarja kinitx tkun “iktar vantaġġuża” ( 19 ) minn proċedura ta’ arranġament mal-kredituri, minflok ma fittxet l-eżistenza ta’ “vantaġġ manifest”.

41.

Skont il-ġurisprudenza stabbilita, il-klassifikazzjoni ta’ miżura bħala għajnuna fis-sens tat-Trattat tippresupponi li kull wieħed mill-erba’ kriterji kumulattivi stabbiliti fl-Artikolu 87(1) KE [li sar l-Artikolu 107(1) TFUE] jkunu sodisfatti. L-ewwel nett, għandu jkun hemm intervent mill-Istat jew għall-inqas permezz tar-riżorsi tal-Istat, it-tieni nett, dan l-intervent għandu jkun jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, it-tielet nett, huwa għandu jagħti vantaġġ lill-benefiċjarju tiegħu u r-raba’ nett, huwa għandu jagħmel distorsjoni jew jhedded b’distorsjoni lill-kompetizzjoni ( 20 ).

42.

Il-fatt li miżuri fiskali jistgħu joħolqu problemi sensibbli fir-rigward tad-dritt tal-għajnuna mill-Istat diġà ntwera diversi drabi ( 21 ) fil-passat fil-kuntesti l-iktar diversi u ntwera wkoll f’dan il-każ.

43.

Il-kwistjoni kkontestata ta’ din il-kawża hija dwar jekk, minħabba r-rinunzja mill-awtorità fiskali lokali għal 65 % tal-krediti tagħhom f’dazji tas-sisa fil-kuntest ta’ proċedura ta’ arranġament mal-kredituri, ngħata vantaġġ lil Frucona fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE. Dan jiddependi fuq jekk l-impriża mogħtija l-vantaġġ kisbitx, b’dan il-mod, vantaġġ ekonomiku li hija ma kisbitx f’kundizzjonijiet normali tas-suq ( 22 ).

44.

L-element determinanti għall-evalwazzjoni ta’ din il-kwistjoni huwa l-paragun ma’ kreditur privat li jipprova jikseb il-ħlas ta’ somom dovuti lilu mid-debitur tiegħu ( 23 ). Meta jaġixxi fil-kuntest tal-ekonomija tas-suq, tali kreditur privat jikkunsidra li jkabbar kemm jista’ d-dħul tiegħu filwaqt li jċekken kemm jista’ telf eventwali. Għalhekk, huwa jagħti biss tnaqqis lill-impriża benefiċjarja fil-kuntest tal-ħlas tad-dejn tagħha jekk u sal-punt li dan huwa profitabbli fuq il-pjan ekonomiku jew fi kwalunkwe każ jekk dan jidher raġonevoli.

45.

Fir-rigward tal-kriterju ta’ kreditur privat, il-Qorti tal-Ġustizzja esprimiet ruħha b’mod iktar preċiż fuq dan is-suġġett partikolarment fis-sentenza DMT. Fid-dispożittiv ta’ din is-sentenza, hija ddeċidiet li l-faċilitajiet ta’ ħlas ta’ kontribuzzjoni ta’ sigurtà soċjali mogħtija, b’mod diskrezzjonali mill-korp responsabbli għal ġbir, lil impriża jikkostitwixxu għajnuna tal-Istat jekk, b’kunsiderazzjoni tal-kobor tal-vantaġġ ekonomiku mogħti hekk, l-impriża ma tkunx manifestament kisbet faċilitajiet komparabbli mill-kreditur privat li, fir-rigward tal-impriża, jinsab fl-istess sitwazzjoni tal-korp responsabbli mill-ġbir ( 24 ).

46.

Minn dak iż-żmien, l-użu tal-avverbju “manifestament” joħloq konfużjoni. Din il-konfużjoni tissaħħaħ mill-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja użat din il-formulazzjoni b’mod ftit differenti f’punt tas-sentenza DMT: skont dan il-punt, ir-rikonoxximent ta’ għajnuna mill-Istat timplika li l-faċilitajiet ta’ ħlas mogħtija lill-impriża benefiċjarja huma “manifestament ikbar” [traduzzjoni mhux uffiċjali] minn dawk li kreditur privat kien jagħti lil din l-impriża ( 25 ).

47.

Ser nesponi hawn taħt li l-kunċett “manifestament” fis-sens tas-sentenza DMT minn naħa, ma jintroduċix element kwantitattiv fil-kriterju ta’ kreditur privat u, min-naħa l-oħra, ma għandux jinftiehem fis-sens ta’ marġni ta’ diskrezzjoni ta’ kwalunkwe natura li tkun fi ħdan l-awtoritajiet pubbliċi li jagħtu l-għajnuna. Bil-kontra, il-kunċett “manifestament” jirreferi — b’mod li jista’ joħloq konfużjoni fil-verità — għal kriterju ta’ evalwazzjoni li għandu jintuża mill-qrati nazzjonali kif ukoll mill-Kummissjoni fil-kwalità ta’ awtorità tal-kompetizzjoni fl-implementazzjoni tal-kriterju ta’ kreditur privat.

– Assenza ta’ element kwantitattiv

48.

Mal-ewwel daqqa ta’ għajn, l-użu tat-terminu “manifestament” fis-sentenza DMT ( 26 ) jista’ jwassal għall-konklużjoni li jirrigwarda element kwantitattiv u li għajnuna mill-Istat ma teżistix ħlief jekk il-vantaġġ miksub mill-impriża benefiċjarja huwa “manifestament iktar liberali” [traduzzjoni mhux uffiċjali] fir-rigward tal-valur tiegħu u tal-importanza tiegħu minn dak li kreditur privat kien jagħti f’sitwazzjoni paragunabbli ( 27 ).

49.

Madankollu, matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, kull parti fil-proċedura kienet tal-idea li l-użu tal-avverbju “manifestament” fis-sentenza DMT ma kienx jintroduċi element kwantitattiv fil-kriterju ta’ kreditur privat u ma kellux b’mod partikolari jinftiehem fis-sens ta’ riferiment għal differenza minima bejn il-vantaġġ mistenni mill-parti tal-awtorità pubblika u dak tal-kreditur privat.

50.

Effettivament, ma huwiex l-obbligu tal-qrati tal-Unjoni li jikkompletaw, permezz tal-iżvilupp ġudizzjarju tad-dritt, il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat fl-Artikolu 87(1) KE [li sar l-Artikolu 107(1) TFUE] b’limitu mhux previst ta’ perċettibbiltà mil-leġiżlatur tal-Unjoni. Jekk hija taġixxi b’dan il-mod, il-Qorti tal-Ġustizzja tkun akkużata li tidħol fl-attribuzzjonijiet tal-leġiżlatur tal-Unjoni li huwa l-uniku wieħed kompetenti skont l-Artikolu 89 KE (li sar l-Artikolu 109 TFUE) sabiex jagħti, permezz ta’ regolamenti ta’ implementazzjoni, eżenzjonijiet skont il-kategorija bħal dawk dwar l-għajnuna de minimis  ( 28 ). Bl-istess mod, ir-relazzjoni li teżisti bejn din il-leġiżlazzjoni miktuba de minimis u eventwali limitu mhux miktub ta’ perċettibbiltà bbażat fuq il-ġurisprudenza lanqas ma hija ċara. Barra minn hekk, limitu mhux miktub ta’ perċettibbiltà jikkawża inċertezza legali kunsiderevoli. Din hija r-raġuni għaliex matul l-evalwazzjoni tal-kriterju ta’ kreditur privat, in-natura u l-kobor tal-vantaġġ jistgħu, mill-iktar, iservu bħala indizzju waqt l-evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ ineżami ( 29 ).

51.

Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali kienet ġusta meta f’dan il-każ, ikkunsidrat li vantaġġ fis-sens tad-dritt tal-għajnuna mill-Istat tista’ teżisti, anki jekk iċ-ċifri kkalkolati fil-kuntest tal-kriterju ta’ kreditur privat joqorbu lejn xulxin ( 30 ). Is-sempliċi ċirkustanza li f’dan il-każ, id-dħul minimu mistenni wara l-proċedura ta’ stralċ mill-awtorità fiskali lokali ta’ SKK 225.5 miljun kien ikkalkolat għal ammont ftit ogħla ( 31 ) mill-ammont effettivament imħallas fil-kuntest tal-arranġament mal-kredituri ta’ SKK 224.3 miljun ( 32 ), ma teskludix mill-ewwel li Frucona bbenefikat xorta minn vantaġġ ekonomiku mill-awtorità pubblika li hija ma kinitx manifestament tikseb minn kreditur privat f’sitwazzjoni komparabbli.

– Assenza ta’ marġni ta’ diskrezzjoni għall-awtoritajiet nazzjonali

52.

Min-naħa tagħha, Frucona tidher li tifhem l-użu tal-kunċett “manifestament” fis-sentenza DMT ( 33 ) bħala l-espressjoni ta’ forma ta’ marġni ta’ diskrezzjoni li apparentement għandhom ikollhom l-awtoritajiet nazzjonali. Għalhekk, hija tinsisti fuq il-“firxa” ta’ possibbiltajiet li normalment ikollhom il-kredituri li jaġixxu f’ekonomija tas-suq fir-rigward tad-debituri tagħhom. Sakemm kreditur pubbliku ma jagħżilx għażla li tinsab barra minn din il-firxa, Frucona tikkunsidra li dan ma jistax ikun vantaġġ fis-sens tad-dritt tal-għajnuna mill-Istat. Huwa biss meta kreditur pubbliku jadotta miżura li ma kienx manifestament jagħżel kreditur privat raġonevoli li jista’ jeżisti vantaġġ fis-sens tad-dritt tal-għajnuna mill-istat, skont Frucona.

53.

Din it-teżi hija wkoll żbaljata. Sa fejn jista’ jidher, fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, il-Qorti tal-Ġustizzja għadha qatt ma rrikonoxxiet kwalunkwe marġni ta’ diskrezzjoni partikolari li fih il-miżuri ta’ awtoritajiet tal-Istat Membru huma suġġetti biss għal stħarriġ limitat tal-Kummissjoni jew tal-qrati nazzjonali fir-rigward tar-regoli tat-trattat fil-qasam tal-kompetizzjoni.

54.

Bil-kontra, l-Artikoli 87 KE u 88 KE (li saru l-Artikoli 107 TFUE u 108 TFUE) jipprevedu stħarriġ komplet tal-għajnuna mill-Istat min-naħa tal-Kummissjoni bħala l-awtorità responsabbli mill-kompetizzjoni tal-Unjoni Ewropea. Meta l-awtoritajiet nazzjonali ikollhom dubji rigward il-fatt li l-miżuri li huma jordnaw fir-rigward tal-impriżi jistgħu jaqgħu taħt il-projbizzjoni tal-għajnuna mill-Istat, huwa possibbli għalihom li jinnotifikawhom lill-Kummissjoni b’mod preventiv.

55.

Ir-rikonoxximent ta’ marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward ta’ numru kbir ta’ awtoritajiet pubbliċi li jagħtu għajnuna mill-Istat fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali fl-Unjoni Ewropea jwassal għal rilassament ċar tal-projbizzjoni tal-għajnuna mill-Istat stabbilita fl-Artikolu 87(1) KE [li sar l-Artikolu 107(1) TFUE] li tikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni li għandu importanza kunsiderevoli għall-funzjonament tas-suq intern. Ikun hemm riskju serju li l-effettività tal-istħarriġ tal-Kummissjoni rigward l-għajnuna tkun imminata u li l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni uniformi tar-regoli Ewropej tal-kompetizzjoni jkunu fil-perikolu. B’dan l-istess mod, l-għan fundamentali li jinħolqu kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni uniformi għall-impriżi kollha li joperaw fis-suq intern (“level playing field”) ( 34 ) jitqiegħed ferm inkwistjoni.

56.

Indipendentement minn dan, għandu jiġi nnotat li l-kriterju ta’ kreditur privat u l-kriterju ta’ investitur privat huma marbuta mill-qrib. Dawn iż-żewġ kriterji jipprovdu informazzjoni dwar il-punt jekk impriża setgħetx tikseb ukoll vantaġġ ekonomiku bħalma kisbet min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi f’kundizzjonijiet normali tas-suq. Fl-aħħar mill-aħħar, dawn iż-żewġ kriterji huma ż-żewġ uċuħ tal-istess munita. Għaldaqstant, fil-kuntest tal-interpretazzjoni u tal-applikazzjoni tad-dritt, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha żżomm il-koerenza u tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li sal-lum — sa fejn jista’ jidher — hija qatt ma dgħajfet il-kriterju ta’ investitur privat billi tat marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri.

– Marġni ta’ diskrezzjoni rrikonoxxut lill-Kummissjoni u lill-qrati nazzjonali

57.

Fil-verità, billi fis-sentenza DMT użat l-avverbju “manifestament”, il-Qorti tal-Ġustizzja sempliċement fakkret — għalkemm huwa minnu li b’mod ftit misterjuż — il-marġni ta’ manuvra li għandhom il-Kummissjoni u l-qrati nazzjonali ( 35 ) meta, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-kriterju ta’ kreditur privat, huma jeżaminaw il-miżuri tal-awtoritajiet pubbliċi rigward l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE [li sar l-Artikolu 107(1) TFUE].

58.

Il-kriterju ta’ kreditur privat — l-istess bħall-kriterju ta’ investitur privat li huwa relatat mill-qrib — jippermetti li jiġi kkonstatat jekk l-impriża benefiċjarja kinitx tibbenefika mill-istess vantaġġ minn naħa tal-awtoritajiet pubbliċi bħal dak li kienet tirċievi minn operatur privat fl-istess kundizzjonijiet normali tas-suq ( 36 ). Għaldaqstant, għandu jiġi evalwat il-mod kif kien iġib ruħu kreditur privat raġonevoli li jaġixxi fil-kundizzjonijiet tas-suq f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik ta’ kreditur pubbliku.

59.

Fil-proċedura amministrattiva taħt l-Artikolu 88(2) u (3) KE [li sar l-Artikolu 108(2) u (3) TFUE], huwa l-obbligu tal-Kummissjoni li tagħmel din l-evalwazzjoni u din hija obbligata, f’dan ir-rigward, li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti ta’ dan il-każ kollha u, jekk ikun il-każ, li titlob lill-Istat Membru kkonċernat kull informazzjoni neċessarja ( 37 ).

60.

L-evalwazzjoni tal-imġiba ta’ kreditur privat raġonevoli li jopera fl-ekonomija tas-suq tirrikjedi li jsir eżami ekonomiku kumpless ( 38 ) li naturalment ser ikun immarkat b’inċertezzi kunsiderevoli sa fejn dan jista’ jirrigwarda biss l-evalwazzjoni tal-imġiba probabbli ta’ kreditur privat ipotetiku. Din hija r-raġuni għaliex l-avverbju “manifestament” użat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza DMT għandu sens biss f’kawża bħal din ineżami jekk jintuża sabiex jiġi espress il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha l-Kummissjoni fl-analiżi tal-imġiba probabbli ta’ kreditur privat ipotetiku.

61.

Jekk, b’kunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi konkreti tal-każ ineżami, diversi attitudnijiet ta’ kreditur privat li jopera fl-ekonomija tas-suq huma possibbli — għaldaqstant, f’dan il-każ, huwa jista’ pereżempju, ikollu l-għażla li jissuġġetta lilu nnifsu għal arranġament mal-kredituri jew li jinvolvi d-debitur tiegħu fi proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju ( 39 ) –, allura hemm bżonn li tiġi evalwata b’reqqa liema imġiba tal-kreditur privat kienet tkun l-iktar probabbli mingħajr ma l-awtoritajiet pubbliċi, li taw dan il-vantaġġ, ikollhom kwalunkwe marġni ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward ( 40 ).

62.

Bil-kontra ta’ proċedura kriminali jew kważi kriminali, f’dan il-kuntest ma hemmx lok li tintuża regola ta’ probabbiltà iktar stretta. Għaldaqstant, ma huwiex b’mod partikolari neċessarju li l-imġiba preżunta tal-kreditur privat tkun “manifesta” fis-sens li tkun ikkunsidrata bħala “probabbli ħafna” jew “partikolarment probabbli” jew anki tista’ tiġi antiċipata “mingħajr ebda dubju raġonevoli”. Fil-fatt, il-kriterju ta’ kreditur privat huwa implementat fil-proċeduri amministrattivi jew il-proċeduri ċivili — jew fil-kuntest tal-proċedura ta’ stħarriġ tal-għajnuna mill-Istat tal-Kummissjoni jew quddiem il-qrati nazzjonali ( 41 ) –, li għandhom l-għan li jgħinu fl-implementazzjoni b’mod effettiv tal-projbizzjoni, mid-dritt tal-Unjoni, ta’ għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 87(1) KE [li sar l-Artikolu 107(1) TFUE] kif ukoll li jiġu evitati b’mod żgur eventwali theddid lill-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern. Għaldaqstant, f’tali proċeduri, il-limiti sabiex isir xi ħaġa kontra l-vantaġġi mogħtija mill-awtoritajiet lil ċerti impriżi għandhom jiġu ffissati f’livell relattivament baxx. Konsegwentement, f’każ bħal f’din il-kawża, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li ċertu imġiba tal-kreditur privat (pereżempju, l-fatt li tiġi imposta proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju) kienet tkun iktar probabbli, b’kunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi konkreti ta’ dan il-każ, milli imġiba oħra (pereżempju, r-rinunzja ta’ parti mill-krediti mhux imħallsa fil-kuntest ta’ arranġament mal-kredituri) ( 42 ).

63.

Din hija r-raġuni għaliex huwa ġust li l-Qorti Ġenerali sempliċement staqsiet, fis-sentenza appellata, jekk fil-każ preżenti, hijiex il-proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju jew il-proċedura ta’ rkupru tat-taxxa li kienet tkun “iktar vantaġġuża” milli l-ftehim konkluż ma’ Frucona ( 43 ), u jekk il-Kummissjoni wettqitx f’dan ir-rigward, żball manifest ta’ evalwazzjoni fid-deċiżjoni tagħha.

64.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma tista’ tiġi kkritikata li injorat il-kontenut tal-kriterju ta’ kreditur privat jew li applikat il-kriterji żbaljati fil-kuntest tal-eżami tad-deċiżjoni kkontestata tal-Kummissjoni.

ii) L-istħarriġ ġudizzjarju tal-applikazzjoni tal-kriterju ta’ kreditur privat

65.

Rigward l-applikazzjoni konkreta tal-kriterju ta’ kreditur privat, Frucona takkuża lill-Qorti Ġenerali li kkuntentat ruħha li tipproċedi għal paragun a posteriori tal-vantaġġi u tal-iżvantaġġi tal-proċeduri ta’ stralċ ġudizzjarju u ta’ arranġament mal-kredituri skont il-perspettiva tal-Kummissjoni, minflok ma għamlet evalwazzjoni abbażi tal-perspettiva ex-ante ta’ kreditur privat. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx biżżejjed inkunsiderazzjoni r-rapporti ta’ perizja ppreżentati lill-Kummissjoni rigward it-tul ta’ eventwali proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju li, skont Frucona, kien ikollhom importanza sinjifikattiva għad-deċiżjoni ta’ kull kreditur privat raġonevoli.

– L-obbligu ta’ evalwazzjoni bbażata fuq perspettiva ex ante

66.

Huwa inkontestabbli li l-kwistjoni dwar jekk l-impriża benefiċjarja setgħetx tikseb, f’kundizzjonijiet normali tas-suq, l-istess vantaġġ li ngħatalha mill-awtoritajiet pubbliċi għandha tiġi evalwata mill-perspettiva tal-kreditur privat raġonevoli ( 44 ). F’dan ir-rigward, il-bażi għandha tkun l-informazzjoni li kellu jkollu tali kreditur privat fil-mument tal-għoti tal-vantaġġ inkwistjoni. Konsegwentement, l-element determinanti huwa, bħalma tenfasizza b’mod ġust Frucona, l-evalwazzjoni bbażata fuq perspettiva ex ante.

67.

Huwa preċiżament minn din il-perspettiva lil-Qorti Ġenerali eżaminat il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata tal-Kummissjoni. Fis-sentenza appellata, isir riferiment għaċ-ċirkustanzi li kreditur privat kien jieħu inkunsiderazzjoni sabiex jevalwa l-vantaġġi ta’ proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju meta mqabbla mad-dħul tal-ftehim konkluż bejn Frucona u l-awtoritajiet fiskali lokali. Il-Qorti Ġenerali teżamina b’mod partikolari fid-dettall il-kwistjoni “dwar jekk il-kreditur privat l-iktar ottimist kienx jagħżel li jirċievi SKK 225 miljun f’Diċembru 2004 [fil-kuntest ta’ arranġament mal-kredituri ġudizzjarju] iktar milli jirċievi eventwalment sa SKK 239 miljun fi żmien bejn ‘perijodu iqsar mill-medja’ u seba’ snin” ( 45 ).

68.

Għalhekk wieħed ma jistax jiddubita b’mod serju li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq perspettiva ex ante waqt l-eżami tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

– It-tul tal-eventwali proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju

69.

Imbagħad, l-appellanti takkuża lill-Qorti Ġenerali li ma eżaminatx biżżejjed jekk il-Kummissjoni ħaditx inkunsiderazzjoni r-rapporti ta’ perizja ppreżentati quddiemha waqt il-proċedura amministrattiva għal dak li jikkonċerna t-tul ta’ eventwali proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju u li ma tatx l-importanza meħtieġa lill-informazzjoni li jirriżultalha, fid-dawl ukoll tal-esperjenzi fil-qasam ta’ proċeduri ta’ stralċ ġudizzjarju dwar distilleriji oħra fis-Slovakkja. Frucona ripetutament tenfasizza li din hija kwistjoni legali.

70.

Huwa preċiż li l-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat kif iddefinit fit-trattat, għandu natura legali u għandu jiġi interpretat fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi. Għal din ir-raġuni, il-qorti tal-Unjoni għandha, bħala regola u fid-dawl kemm tal-elementi konkreti tal-kawża mressqa quddiemha kif ukoll tan-natura teknika jew kumplessa tal-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni, teżerċita stħarriġ sħiħ fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk miżura tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE [li sar l-Artikolu 107(1) TFUE] ( 46 ).

71.

L-applikazzjoni tal-kriterju ta’ kreditur privat u għalhekk tal-kriterju legali li abbażi tiegħu l-Kummissjoni tiddeċiedi jekk u sa liema punt il-faċilitajiet ta’ ħlas mogħtija mill-awtorità pubblika lil impriża għandhom, jekk ikun il-każ, jiġu kklassifikati bħala vantaġġ fis-sens tad-dritt tal-għajnuna mill-Istat, hija wkoll suġġetta għal dan l-istħarriġ ġudizzjarju ( 47 ).

72.

Kif diġà ġie spjegat, l-applikazzjoni tal-kriterju ta’ kreditur privat teżiġi — bl-istess mod bħall-kriterju relatat miegħu ta’ investitur privat — li ssir evalwazzjoni globali tal-fatti kollha tal-każ ineżami fid-dawl tal-informazzjoni ppreżentata mill-Istat Membru kkonċernat kif ukoll tal-provi rilevanti oħra għall-kawża inkwistjoni ( 48 ).

73.

Jekk il-kwistjoni tirrigwarda, bħal f’dan il-każ, jekk kreditur privat kienx ikun inklinat jikkonkludi arranġament mal-kredituri ġudizzjarju minflok jinvolvi d-debitur tiegħu fi proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju, allura t-tul ta’ eventwali proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju, jaqa’, mingħajr dubju, taħt l-elementi rilevanti tal-każ ineżami.

74.

Il-Qorti Ġenerali assolutament ma injoratx dan l-element iżda, bil-kontra, analizzat in extenso t-tul ta’ eventwali proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju waqt l-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata u dan, filwaqt li eżaminat id-diversi premessi tad-deċiżjoni ( 49 ).

75.

Is-sentenza tirritorna espliċitament fuq l-ilment imqajjem minn Frucona fl-ewwel istanza li jgħid li l-Kummissjoni naqqset milli “[tieħu] inkunsiderazzjoni t-tul tal-proċedura ta’ stralċ mill-qorti fis-Slovakkja u r-rapporti ta’ terzi f’dan ir-rigward”; il-Qorti Ġenerali tikkonkludi li “l-Kummissjoni ma tistax tiġi akkużata li injorat din il-kwistjoni u l-pożizzjoni tar-rikorrenti f’dan ir-rigward” ( 50 ).

76.

Konsegwentement, huwa diffiċli li l-Qorti Ġenerali tiġi akkużata li ma tatx attenzjoni lill-aspett tat-tul tal-proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju waqt l-eżerċizzju tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha tal-applikazzjoni mill-Kummissjoni tal-kriterju ta’ kreditur privat.

77.

Frucona tqis, madankollu, li l-Qorti Ġenerali ma eżaminatx suffiċjentement jekk il-Kummissjoni rrikonoxxietx, fid-deċiżjoni tagħha, l-importanza kollha tal-kwistjoni tat-tul ta’ eventwali proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju waqt l-applikazzjoni tal-kriterju ta’ kreditur privat.

78.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-ibbilanċjar xieraq tad-diversi aspetti tal-każ ineżami li abbażi tiegħu l-kreditur privat kien messu jifforma l-opinjoni tiegħu ma jikkostitwixxix kwistjoni legali iżda kwistjoni fattwali li r-risposta tagħha tista’ tvajra minn każ għall-ieħor u li tinvolvi dejjem evalwazzjoni ekonomika kumplessa u huwa magħruf li l-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ għal dan il-għan ( 51 ).

79.

Din hija r-raġuni għaliex hija ġurisprudenza stabbilita li l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ att tal-Kummissjoni li jinvolvi tali evalwazzjoni ekonomika kumplessa għandu jkun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli ta’ proċedura u ta’ motivazzjoni, tal-eżattezza materjali tal-fatti kkunsidrati sabiex issir l-għażla kkontestata, tan-nuqqas ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti jew tan-nuqqas ta’ abbuż ta’ poter ( 52 ).

80.

Għall-kuntrarju tal-kawżi tal-akkordji, il-qrati tal-Unjoni ma għandhomx ġurisdizzjoni sħiħa (Artikolu 261 TUE) għal dak li jikkonċerna d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat li huma biss ta’ natura amministrattiva u ma jinkludu l-ebda sanzjoni. Din hija r-raġuni għaliex ma huwiex l-obbligu tal-Qorti Ġenerali li tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tagħha għal dik tal-Kummissjoni ( 53 ).

81.

Il-Qorti Ġenerali ġustament osservat b’mod preċiż dawn il-limiti tas-setgħa ġudizzjarja meta eżaminat, fl-ewwel istanza, id-deċiżjoni kkonstatata dwar il-kwistjoni tat-teħid inkunsiderazzjoni tat-tul ta’ eventwali proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju u meta kkonkludiet, wara li eżaminat fid-dettall l-argumenti ta’ Frucona, li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni ( 54 ).

82.

L-opinjonijiet jistgħu ċertament ma jaqblux fuq id-dettall dwar il-kwistjoni jekk, f’dan il-każ, l-evalwazzjoni tad-diversi fatti mill-Kummissjoni u mill-Qorti Ġenerali kinux konvinċenti. Dan huwa dak li ntwera mid-dibattiti animati bejn il-partijiet fis-seduta kif ukoll ir-risposti għad-domandi orali tal-Qorti tal-Ġustizzja. Sal-aħħar kien ikkontestat x’kien ikun it-tul ta’ eventwali proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju f’dan il-każ ( 55 ), liema importanza kien jagħti kreditur privat lil tali inċertezzi qabel ma jieħu d-deċiżjoni tiegħu ( 56 ), kemm kienu affidabbli r-rapporti ta’ perizja ppreżentati lill-Kummissjoni għal dan il-għan ( 57 ) u xi profitt addizzjonali seta’ jikseb kreditur privat fil-kuntest ta’ proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju meta mqabbla mal-ftehim konkluż mal-awtorità fiskali lokali, anki fid-dawl tal-interessi fuq l-ammont tal-ftehim ( 58 ).

83.

Madankollu, il-fatt li wieħed ma jkunx tal-istess opinjoni tal-Kummissjoni ma huwiex ġustament suffiċjenti sabiex jiġi ddikjarat li wettqet żball ta’ evalwazzjoni manifest. Fil-fatt, jekk il-fatti u l-provi jrendu diversi evalwazzjonijiet plawżibbli, xejn ma jipprekludi fid-dritt li l-Kummissjoni tagħżel waħda minnhom, anki jekk parti oħra fil-proċedura, il-Qorti Ġenerali jew il-Qorti tal-Ġustizzja ma kinitx tagħti preferenza lil din l-għażla. Il-Kummissjoni twettaq biss żball ta’ evalwazzjoni manifest meta l-fatti u l-provi jissuġġerixxu li l-konklużjonijiet tagħha ma jistgħux jiġu ġġustifikati, jiġifieri meta ma tkun tista’ tiġi identifikata l-ebda bażi raġonevoli li tista’ ssostnieha ( 59 ).

84.

Din hija r-raġuni għaliex l-Qorti Ġenerali ma setgħetx tintalab, f’din il-kawża, tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-fatti tagħha għal dik tal-Kummissjoni għal dak li jikkonċerna l-ibbilanċjar tal-imprevisti u t-tul ta’ eventwali proċedura ta’ falliment. Ikun iktar mhux korrett li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kwalità tagħha ta’ qorti tal-appell, f’dan il-punt tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Qorti Ġenerali jew dik tal-Kummissjoni għal dak li jikkonċerna l-imprevisti u t-tul ta’ eventwali proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju.

85.

Issa, dan huwa preċiżament dak li qed tipprova tikseb l-appellanti permezz tal-argumenti tagħha dwar it-tul ta’ eventwali proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju u l-perspettiva ex ante: taħt il-kopertura ta’ allegati kwistjonijiet legali, hija tistieden fl-aħħar mill-aħħar lill-Qorti tal-Ġustizzja tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha tal-fatti għal dik tal-Qorti Ġenerali u tal-Kummissjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tipprekludi dan jekk ma tridx li teċċedi, b’mod kunsiderevoli, il-kompetenzi tagħha fil-proċedura ta’ appell.

86.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ilmenti mqajma minn Frucona għal dak li jikkonċerna l-istħarriġ ġudizzjarju tal-applikazzjoni tal-kriterju ta’ kreditur privat ma jistgħux jintlaqgħu.

3. Konklużjonijiet intermedjarji

87.

Fil-qosor, l-ewwel aggravju mqajjem minn Frucona fl-appell huwa ċertament ammissibbli iżda mhux fondat.

B – It-tieni aggravju li jgħid li l-Qorti Ġenerali tejbet il-motivazzjoni tal-Kummissjoni u żnaturat il-mezzi ta’ prova

88.

It-tieni aggravju jikkonsisti f’erba’ partijiet. Dawn għandhom bħala suġġett l-affermazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar il-kost ta’ proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju ( 60 ), it-tul ta’ tali proċedura ( 61 ), l-allegata prudenza tal-Kummissjoni waqt l-evalwazzjoni tal-fatti ( 62 ) u l-allegata importanza ta’ dejn li jibqa’ wara tmiem il-proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju ( 63 ).

89.

Fl-erba’ partijiet ta’ dan l-aggravju, Frucona tiddikjara li l-Qorti Ġenerali ssostitwixxiet, b’mod illegali, ir-raġunament tagħha u l-evalwazzjoni ekonomika tal-fatti għal dawk tal-Kummissjoni. “Barra minn hekk jew sussidjarjament” ( 64 ), Frucona ssostni li l-Qorti Ġenerali aġixxiet abbażi ta’ evalwazzjoni manifestament mhux korretta tal-provi eżistenti. Peress li l-kwistjonijiet legali mqajma fl-erba’ partijiet ta’ dan it-tieni motiv jixxiebhu kunsiderevolment, għandhom jiġu eżaminati flimkien.

90.

Sal-punt fejn il-Kummissjoni tikkritika għal darba oħra preliminarjament ir-riferimenti għar-rikors tal-ewwel istanza li Frucona saħħet l-appell tagħha bihom, l-eċċezzjonijiet tiegħu għandhom jinċaħdu għall-istess raġunijiet bħalma diġà esponejt fir-rigward tal-ewwel motiv ( 65 ).

1. L-ilment li jgħid li l-Qorti Ġenerali ssostitwixxiet l-argumentazzjoni tagħha għal dik tal-Kummissjoni

91.

L-ewwel nett Frucona ssostni li l-Qorti Ġenerali ripetutament issostitwixxiet l-argumentazzjoni tagħha u l-analiżi ekonomika tal-fatti tagħha għal dawk tal-Kummissjoni u wettqet għalhekk żball ta’ liġi.

92.

Huwa minnu li fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali ma jistgħux, fi kwalunkwe każ, jissostitwixxu l-motivazzjoni tagħhom għal dik tal-awtur tal-att ikkontestat ( 66 ). Dan huwa espressjoni tan-natura ta’ kassazzjoni tar-rikors għal annullament. Fl-aħħar mill-aħħar dan jiddependi fuq il-prinċipju tal-bilanċ istituzzjonali li jikkaratterizza l-istruttura u l-funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Iż-żamma tal-bilanċ istituzzjonali jinvolvi li kull waħda mill-istituzzjonijiet teżerċita l-kompetenzi tagħha fl-osservanza ta’ dawk tal-oħrajn ( 67 ).

93.

Dan ifisser li l-qorti tal-Unjoni ma tistax tipprovdi att legali tal-Unjoni bbażat fuq motivi ineżatti jew anki illegali b’motivi kompletament differenti imbagħad tipproċedi biex tilqagħhom. Fil-fatt, barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-ġurisdizzjoni sħiħa (Artikolu 261 TUE), il-qorti tal-Unjoni ma tistax tirriforma l-att ikkontestat iżda għandha tiddikjarah null jekk u sa fejn ir-rikors għal annullament huwa bbażat (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE) ( 68 ). L-istituzzjoni, l-organu jew il-korp ikkonċernat huwa allura obbligat jieħu miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza li tannulla d-deċiżjonijiet tagħhom (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE).

94.

Madankollu xejn ma jipprojbixxi lill-qorti tal-Unjoni milli teżamina b’mod intensiv il-motivi u l-argumenti mqajma mir-rikorrent sabiex tivverifika l-fondatezza tagħhom u tikkunsidrahom fid-dettall ( 69 ). Bil-kontra, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE jeħtieġ anki tali eżami għaliex huwa biss rikors għal annullament li huwa (ammissibbli u) fondat li jista’ jwassal għall-annullament tal-att tal-Unjoni kkontestat.

95.

Il-Qorti Ġenerali għamlet preċiżament tali eżami f’dan il-każ: hija ttrattat fid-dettall is-siltiet tas-sentenza kkontestati minn Frucona bl-ilmenti u argumenti mqajma minnha stess fil-kuntest tar-rikors għal annullament tagħha kif ukoll bl-argumenti ta’ difiża tal-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li ebda ilment imqajjem minn Frucona u ebda wieħed mill-argumenti esposti minnha ma jiġġustifikaw l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata ( 70 ).

96.

F’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma kkunsidrat bħala mhux eżatti u illegali l-motivi esposti mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata u lanqas ma ssostitwixxiet ir-raġunament diverġenti tagħha għal dak tal-Kummissjoni. Il-Qorti Ġenerali lanqas ma kkonkludiet li d-deċiżjoni kkontestata kellha tinżamm għal motivi differenti minn dawk imsemmija mill-Kummissjoni. Bil-kontra, hija tibbaża s-sentenza appellata fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata kif ukoll il-motivazzjoni tagħha jirreżistu (ukoll) stħarriġ ġudizzjarju minkejja nuqqasijiet inkontestabbli.

97.

Il-motivi invokati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata sabiex tistabbilixxi li din kienet għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE ma ġewx ikkorreġuti mill-Qorti Ġenerali ħlief rigward punt wieħed: hija kkonstatat żball ta’ kalkolu tal-Kummissjoni rigward il-kost ta’ eventwali proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju. Imbagħad, hija kkorreġiet minn SKK 239 miljun għal SKK 225.5 miljun l-evalwazzjoni espressa mid-deċiżjoni kkontestata rigward id-dħul minimu mistenni minn eventwali proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju għall-kreditur pubbliku u użat dan l-ammont ikkorreġut bħala bażi tal-eżami tal-argumenti ta’ Frucona ( 71 ).

98.

Għandu jiġi osservat f’dan ir-rigward li fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, il-Qorti Ġenerali tista’ tasal tinterpreta l-motivi ta’ att ikkontestat b’mod differenti mill-awtur tiegħu, jekk mhux ukoll, f’ċerti ċirkustanzi, li tiċħad il-motivi formali indikati minnu, meta dan ikun iġġustifikat minn element materjali ( 72 ).

99.

F’dan il-każ ineżami, għall-Qorti Ġenerali jeżisti element materjali li għandu l-għamla ta’ żball ta’ kalkolu tal-Kummissjoni sabiex tevita l-kunsiderazzjonijiet li permezz tagħhom il-Kummissjoni kienet iġġustifikat, fid-deċiżjoni kkontestata, l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

100.

Tali devjazzjoni tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kienet — anki fid-dawl tar-rwol tal-qorti tal-Unjoni fi proċedura għal annullament ( 73 )– iġġustifikata peress li ma kellha ebda effett sinjifikattiv fuq il-korrettezza fid-dritt tal-konklużjonijiet tal-Kummissjoni [jiġifieri l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE]. Min-naħa l-oħra, annullament tad-deċiżjoni kkontestata kien ikun totalment sproporzjonat meta mqabbel mal-importanza u l-effetti tal-iżball ta’ kalkolu kkonstatat.

101.

Ċertament, l-ammonti kkalkolati kienu, minn dan il-waqt, ħafna eqreb lejn xulxin fid-dawl tal-fatt li d-dħul minimu riżultanti mill-bejgħ tal-assi li setgħet tistenna l-awtorità fiskali Slovakka wara proċedura eventwali ta’ stralċ ġudizzjarju ma kienx jammonta għal iktar minn SKK 225.5 miljun wara l-korrezzjoni tal-iżball ta’ kalkolu. Kif tesponi l-Qorti Ġenerali dan l-ammont ikkorreġut huwa “kważi ugwali” għas-somma ta’ SKK 224.3 miljun effettivament imħallsa minn Frucona lill-awtorità fiskali lokali fil-kuntest tal-arranġament mal-kredituri. Xorta jibqa’ l-fatt li l-ammont ta’ SKK 225.5 miljun li, barra minn hekk ma jikkostitwixxix ħlief stima prudenti ħafna, kien xorta SKK 1.2 miljun ogħla mill-ammont ta’ SKK 224.3 miljun imħallas effettivament mill-awtorità fiskali lokali ( 74 ).

102.

Huwa ġust li fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni fattwali, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest billi kkunsidrat li d-dħul mill-bejgħ tal-attiv tar-rikorrenti fil-kuntest ta’ proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju, wara tnaqqis tal-ispejjeż relatati, kien ikun iktar favorevoli mill-ammont miksub mill-awtoritajiet Slovakki wara l-eżekuzzjoni tal-ftehim ( 75 ).

103.

B’kunsiderazzjoni għas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandha l-Kummissjoni waqt l-evalwazzjoni ta’ sitwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi ( 76 ), il-Qorti Ġenerali ma setgħet tattribwixxi lill-Kummissjoni ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni fuq dan il-punt. It-teżi li tgħid li kreditur privat raġonevoli li jaġixxi f’kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq kien jagħżel proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju bi dħul minimu prevedibbli ta’ SKK 225.5 miljun minflok ma jissodisfa ruħu bil-ħlas immedjat ta’ somma ta’ SKK 224.3 miljun kienet għall-inqas ferm ġustifikabbli. Bil-kontra ta’ dak li taħseb Frucona, bl-ebda mod ma kien ċert li fiċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dan il-każ, ċirkustanzi li barra minn hekk il-Qorti Ġenerali eżaminat b’mod iddettalljat ( 77 ), kreditur privat, fid-dawl tal-eventwali telf ta’ żmien marbut ma’ proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju, kien jiddeċiedi favur il-ħlas immedjat ta’ SKK 224.3 miljun u favur rinunzja għall-bqija tad-dejn minflok favur ħlas immedjat mill-attiv tal-falliment.

104.

F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar ukoll li l-kriterju ġurisprudenzjali tal-faċilitajiet ta’ ħlas li l-impriża benefiċjarja ma kinitx “manifestament” kisbet min-naħa ta’ kreditur privat f’kundizzjonijiet paragunabbli, ma għandux jinftiehem bħala kriterju kwantitattiv ( 78 ). Eżattament bil-kontra, huwa biżżejjed li l-imġiba ta’ kreditur privat preżunta fid-deċiżjoni kkontestata (jiġifieri l-fatt li jinsisti fuq proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju) tista’ titqies, f’sitwazzjoni paragunabbli u fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni, bħala iktar possibbli mill-imġiba li finalment kellu l-kreditur pubbliku (jiġifieri r-rinunzja għal 65 % tal-krediti tiegħu fil-kuntest ta’ ftehim). Hawn ma jeżistux eżiġenzi ikbar fir-rigward ta’ probabbiltà ( 79 ).

105.

Fil-qosor, l-ewwel ilment ta’ Frucona espost f’dan it-tieni aggravju huwa għaldaqstant infondat.

2. L-ilment li jirrigwarda l-iżnaturament tal-mezzi ta’ prova

106.

Fl-aħħar nett, għad irid jiġi eżaminat it-tieni ilment imqajjem minn Frucona fil-kuntest tat-tieni aggravju u li jikkonċerna l-kwistjoni tal-iżnaturament tal-mezzi ta’ prova.

a) Ammissibbiltà

107.

L-iżnaturament tal-mezzi ta’ prova huwa, bħala regola, kwistjoni legali li tista’ titqajjem quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod ammissibbli fil-kuntest ta’ appell. Madankollu, skont l-Artikolu 256(1) TFUE, l-Artikolu 51(1) tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Artikolu 112(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta żnaturament tal-provi mill-Qorti Ġenerali jkun allegat, l-appellant għandu jindika b’mod preċiż il-provi li ġew żnaturati minn din il-qorti u juri l-iżbalji ta’ analiżi li, fl-evalwazzjoni tagħha, jwasslu lill-Qorti Ġenerali għal dan l-iżnaturament ( 80 ).

108.

Frucona ma setgħetx tissodisfa dawn ir-rekwiżiti mqajma fl-appell tagħha. Ċertament hija spjegat fit-tul ir-raġunijiet għaliex hija ma kinitx tikkunsidra li l-ispjegazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar il-kost ta’ proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju, tat-tul ta’ tali proċedura, tal-allegata prudenza tal-Kummissjoni waqt l-evalwazzjoni tal-fatti tagħha u tal-allegata importanza tal-bqija tad-dejn wara t-tmien ta’ proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju kienu ġusti. Madankollu, hija ma tagħtix elementi preċiżi dwar il-provi konkreti li l-Qorti Ġenerali żnaturat u fejn jinsab preċiżament l-iżball ta’ evalwazzjoni inkwistjoni. Frucona tillimita ruħha prinċipalment sabiex tallega b’mod globali f’sentenza waħda, jew anki f’nofs sentenza, fit-tmiem ta’ kull parti tal-affermazzjonijiet tagħha dwar it-tieni aggravju li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq “żnaturament manifest” jew fuq “evalwazzjoni manifestament mhux eżatta” tal-“provi eżistenti”.

109.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jien nikkunsidra li l-ilment li jirrigwarda l-iżnaturament tal-mezzi ta’ prova sempliċement ma kienx imqajjem b’mod ammissibbli.

b) Fondatezza

110.

Anki jekk wieħed xtaq jikkunsidra dan l-ilment ammissibbli, huwa jkun, fi kwalunkwe każ, infondat.

111.

Huwa minnu li l-appellanti spjegat f’diversi paġni r-raġunijiet għaliex hija kienet tikkunsidra li l-ispjegazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar il-kost ta’ proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju, it-tul ta’ tali proċedura, l-allegata prudenza tal-Kummissjoni waqt l-evalwazzjoni tal-fatti u l-allegata importanza tal-bqija tad-dejn wara t-tmiem ta’ proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju ma kinux konvinċenti.

112.

Issa, dan ma jkunx importanti meta l-kwistjoni tkun ta’ żnaturament tal-mezzi ta’ prova. Fil-fatt, tali żnaturament jeżisti meta, mingħajr ma jintużaw provi ġodda, l-evalwazzjoni tal-provi eżistenti tidher manifestament żbaljata ( 81 ). Fi kliem ieħor, l-evalwazzjoni tal-mezzi ta’ prova mwettqa fis-sentenza appellata għandha tkun sempliċement mhux ġustifikabbli u l-iżball ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-Qorti Ġenerali għandu sempliċement jidher ċar. Jekk il-mezzi ta’ prova pprovduti jistgħu jiġu interpretati b’divesi modi, bħalma ħafna drabi jkun il-każ f’sitwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi, allura l-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata li għażlet minn waħda minnhom jekk ir-rikorrent jew anki l-Qorti Ġenerali nfisha tikkunsidra li tippreferi l-interpretazzjoni l-oħra.

113.

Huwa possibbli li jkun hemm opinjonijiet differenti dwar il-kwistjoni jekk f’dan il-każ, l-affermazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar il-kost ta’ proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju, il-prudenza tal-Kummissjoni fl-evalwazzjoni tal-fatti u l-importanza tad-dejn li jibqa’ wara t-tmiem il-proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju, humiex konvinċenti. Madankollu, il-konklużjonijiet milħuqa mill-Qorti Ġenerali abbażi tal-mezzi ta’ prova disponibbli ma jidhrux manifestament żbaljati.

114.

Dan jgħodd ukoll għall-kwistjoni diskussa fid-dettall fil-kuntest ta’ proċeduri bil-miktub u orali quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri jekk il-Kummissjoni eżaminatx fid-deċiżjoni tagħha t-tul ta’ proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju. Skont il-Qorti Ġenerali, “il-Kummissjoni ma tistax tiġi akkużata li injorat din il-kwistjoni u l-pożizzjoni tar-rikorrenti f’dan ir-rigward” ( 82 ). Frucona tinsisti, bil-kontra, fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata ma tipprovdi xejn dwar is-suġġett tal-kwistjoni tat-tul ta’ proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju u takkuża lill-Qorti Ġenerali li, f’dan ir-rigward, żnaturat l-imsemmija deċiżjoni.

115.

Din l-akkuża hija infondata. Ċertament, huwa minnu li d-deċiżjoni kkontestata ma tindikax espliċitament jekk il-Kummissjoni eżamintax il-kwistjoni tat-tul ta’ proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju u lanqas tal-mod kif ħadet inkunsiderazzjoni din il-kwistjoni waqt l-evalwazzjoni tal-kriterju ta’ kreditur privat. Madankollu, bil-kontra tal-opinjoni ta’ Frucona, wieħed ma jistax jikkonkludi awtomatikament minn dan is-silenzju tad-deċiżjoni kkontestata, li l-Kummissjoni injorat il-problema tat-tul ta’ proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju. Fuq dan il-punt, id-deċiżjoni kkontestata hija miftuħa għal interpretazzjoni. Din hija r-raġuni għaliex ma jistax jitqies manifestament żbaljat il-fatt li l-Qorti Ġenerali — bil-kontra tal-appellanti — tqis li l-Kummissjoni ttrattat din il-problema u mill-perspettiva espressa minn Frucona f’dan ir-rigward. Dan huwa iktar minnu peress li fil-punti 40 u 54 tad-deċiżjoni kkontestata li l-Qorti Ġenerali tagħmel espressament riferiment għalihom ( 83 ), jeżistu elementi ċari li juru li l-Kummissjoni kienet għall-inqas konxja minn din il-problema. Fid-dawl taċ-ċirkustanzi konkreti ta’ dan il-każ ( 84 ), huwa possibbli li l-Kummissjoni ma kinitx tikkunsidra din il-kwistjoni bħala determinanti u rrinunzjat, għal din ir-raġuni, li tesponi fil-motivi tagħha spjegazzjonijiet iktar fid-dettall dwar t-tul ta’ eventwali proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju ( 85 ).

116.

Fil-qosor, jien tal-impressjoni li Frucona tixtieq fil-verità twassal lill-Qorti tal-Ġustizzja għal evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-mezzi ta’ prova evalwati mill-Qorti Ġenerali fl-ewwel istanza, taħt il-kopertura ta’ ilment dwar iż-żnaturament. Issa, tali imġiba hija inkompatibbli man-natura tal-appell li fih il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tillimita ruħha, skont l-Artikolu 256(1) TFUE għall-eżami ta’ kwistjonijiet tad-dritt ( 86 ).

117.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ilment rigward l-iżnaturament tal-mezzi ta’ provi mhux biss huwa inammissibbli iżda anki infondat.

3. Riżultat intermedjarju

118.

Fil-qosor, it-tieni aggravju mqajjem minn Frucona għandu jiġi għalhekk miċħud kollu kemm hu.

V – L-ispejjeż

119.

Meta l-appell jinċaħad, kif qed nipproponi li jsir f’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 122 tar-Regoli ta’ Proċedura), b’mod konformi ma’ dak li huwa speċifikat fl-Artikolu 69 flimkien mal-Artikolu 18 tar-Regoli tal-Proċedura.

120.

Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li Frucona tilfet il-kawża, u l-Kummissjoni u St. Nicolaus-trade, bħala l-partijiet l-oħra fil-kawża, it-tnejn talbu għall-ispejjeż, Frucona għandha tiġi ordnata tħallas l-ispejjeż tagħhom.

VI – Konklużjoni

121.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara u tiddeċiedi li:

1)

L-appell huwa miċħud.

2)

Frucona Košice a. s. hija kkundannata għall-ispejjeż.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

( 2 ) Is-soluzzjoni ta’ din il-kawża għandha wkoll tibbaża ruħha fuq il-projbizzjoni tal-għajnuna mill-Istat stabbilita mid-dritt tal-Unjoni kif previst mill-Artikolu 87(1) KE, peress li d-deċiżjoni kkontestata tal-Kummissjoni ġiet adottata fis-7 ta’ Ġunju 2006 u għalhekk qabel it-Trattat ta’ Lisbona.

( 3 ) F’dan ir-rigward hija fundamentali s-sentenza tal-21 ta’ Marzu 1991, L-Italja vs Il-Kummissjoni (C-303/88, Ġabra p. I-1433, punti 20 sa 22); ara, barra minn hekk, is-sentenza reċenti tal-5 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs EDF et (C-124/10 P).

( 4 ) Skont il-kliem tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-konklużjonijiet tiegħu tal-1 ta’ April 2004 fis-sentenza Spanja vs Il-Kummissjoni (C-276/02, Ġabra p. 8091, punt 36).

( 5 ) Sentenza tad-29 ta’ Ġunju 1999, DM Transport (C-256/97, Ġabra p. I-3913, punt 30, iktar ’il quddiem “DMT”).

( 6 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Lulju 2005 (Għajnuna mill-Istat Nru C 25/2005) (ex NN 21/2005), ippubblikata fil-lingwa tal-proċedura fil-ĠU C 233, p. 47, bi traduzzjoni fil-qosor.

( 7 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2007/254/KE tas-7 ta’ Ġunju 2006 dwar l-għajnuna mill-Istat C 25/2005 (ex NN 21/2005) tar-Repubblika Slovakka favur Frucona Košice, a.s., ippubblikata taħt in-numru C(2006) 2082 (ĠU L 112, p. 14).

( 8 ) Sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Diċembru 2010, Frucona Košice vs Il-Kummissjoni (T-11/07, Ġabra p. II-5453).

( 9 ) Digriet tal-14 ta’ Diċembru 1995, Hogan vs Il-Qorti tal-Ġustizzja (C-173/95 P, Ġabra p. I-4905, punt 20); tas-17 ta’ Settembru 1996, San Marco Impex vs Il-Kummissjoni (C-19/95 P, Ġabra p.I-4435, punt 37); sentenzi tal-11 ta’ Settembru 2007, Lindorfer vs Il-Kunsill (C-227/04 P, Ġabra p. I-6767, punt 45); tal-14 ta’ Ottubru 2010, Nuova Agricast u Cofra vs Il-Kummissjoni (C-67/09 P, Ġabra p. I-9811, punt 48), u tad-29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni (iktar ’il quddiem “Elf Aquitaine”, C-521/09 P, Ġabra p. I-8947, punt 144).

( 10 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 P, C-208/02 P u C-213/02 P, Ġabra. p. I-5425, punti 94, 97 u 100), u d-digriet tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Ġunju 2011, van Arum vs Il-Parlament (T-454/09 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-ĠabraSP, punt 133).

( 11 ) “Local expertise as to the levels of recovery to be expected under the bankruptcy procedure” (punti 35 sa 41 tal-appell).

( 12 ) “Conclusion in respect of the first plea” (punt 34 tal-appell).

( 13 ) Ara f’dan ir-rigward b’mod partikolari l-punt 212 tas-sentenza appellata.

( 14 ) Sentenzi tal-14 ta’ Mejju 1998, Il-Kunsill vs de Nil u Impens (C-259/96 P, Ġabra p. I-2915, punti 32 u 33); tas-17 ta’ Mejju 2001, IECC vs Il-Kummissjoni (C-449/98 P, Ġabra p. I-3875, punt 70); tat-2 ta’ April 2009, France Télécom vs Il-Kummissjoni (C-202/07 P, Ġabra p. I-2369, punt 29), u tal-14 ta’ Ottubru 2010, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni (C-280/08 P, Ġabra p. I-9555, punt 136).

( 15 ) Ara, fuq dan il-punt, is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2007, Komninou et vs Il-Kummissjoni (C-167/06 P, punt 22).

( 16 ) Ara fuq dan l-argument tal-Qorti Ġenerali b’mod partikolari l-punt 212 tas-sentenza appellata.

( 17 ) Fil-lingwa tal-kawża: “manifestly more generous”.

( 18 ) It-tieni sentenza tal-punt 89 tas-sentenza appellata.

( 19 ) It-tielet sentenza tal-punt 89, u l-punt 92 tas-sentenza appellata.

( 20 ) Ġurisprudenza stabbilita, ara s-sentenzi tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C-280/00, Ġabra. p. I-7747, punti 74 ut 75); tal-1 ta’ Lulju 2008, Chronopost u La Poste vs UFEX et (iktar ’il quddiem “Chronopost”, C-341/06 P u C-342/06 P, Ġabra p. I-4777, punti 121, 122 u 129), u tas-17 ta’ Novembru 2009, Presidente del Consiglio dei Ministri (iktar ’il quddiem “Sardegna”, C-169/08, Ġabra p. I-10821, punt 52).

( 21 ) Ara b’mod partikolari s-sentenzi Sardegna (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20), u EDF (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3); is-sentenzi tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il-Kummissjoni (iktar ’il quddiem “British Aggregates”, C-487/06 P, Ġabra p. I-10515), u tal-21 ta’ Ġunju 2012, BNP Paribas u BNL vs Il-Kummissjoni (iktar ’il quddiem “BNP Paribas”, C-452/10 P).

( 22 ) Sentenza DMT (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 22); ara barra minn hekk is-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1996, SFEI et (C-39/94, Ġabra p. I-3547, punt 60); tad-29 ta’ April 1999, Spanja vs Il-Kummissjoni (C-342/96, Ġabra p. I-2459, punt 41), u EDF (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 78).

( 23 ) Sentenzi Spanja vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, punt 46) u DMT (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punti 24 u 25); ara wkoll is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Lulju 2002, HAMSA vs Il-Kummissjoni (iktar ’il quddiem “HAMSA”, T-152/99, Ġabra p. II-3049, punt 167).

( 24 ) Sentenza DMT (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 30 u d-dispożittiv).

( 25 ) Sentenza DMT (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 25). Ħafna iktar milli lejn id-dispożittiv tas-sentenza DMT, jidher li din il-formulazzjoni tal-motivi torjenta ruħha lejn l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs tal-24 ta’ Settembru 1998 f’din il-kawża: fil-fehma tiegħu, tkun kwistjoni ta’ għajnuna mill-Istat meta l-faċilitajiet ta’ ħlas ikkontestati huma “manifestement iktar liberali” [traduzzjoni mhux uffiċjali] minn dawk li kien jagħti kreditur privat f’ċirkustanzi paragunabbli (punti 34, 37 u 45 tal-konklużjonijiet). Is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali HAMSA (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, point 170) u tat-12 ta’ Settembru 2007, Olympiaki Aeroporia Ypiresies vs Il-Kummissjoni (iktar ’il quddiem “Olympic Airways”, T-68/03, Ġabra p. II-2911, punt 283), imorru fl-istess sens anki jekk huma fformulati b’mod misterjuż bħas-sentenza DMT.

( 26 ) Sentenza DMT (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punti 25 u 30 u d-dispożittiv).

( 27 ) Ara wkoll fuq dan il-punt il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fis-sentenza DMT (iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punti 34, 37 u 45).

( 28 ) Dak li huwa kkunsidrat attwalment bħala l-leġiżlazzjoni ġenerali tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat de minimis huwa r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1998/2006, tal-15 ta’ Diċembru 2006 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat dwar l-għajnuna de minimis (ĠU L 314M, 1.12.2007, p. 654 ). Waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 69/2001, tat-12 ta’ Jannar 2001 dwar it-tħaddim tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE dwar għajnuna de minimis (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 138) kien applikabbli.

( 29 ) Dan huwa wkoll dak li tirrikonoxxi l-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza DMT (iċċitatat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 30 u fid-dispożittiv) permezz tal-formulazzjoni “b’kunsiderazzjoni tal-kobor tal-vantaġġ ekonomiku mogħti hekk” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

( 30 ) Ara fuq dan il-punt b’mod partikolari l-punt 137 tas-sentenza appellata li fiha l-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-ammont previdibbli fi proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju huwa “kważi ugwali” għall-ammont li Frucona ħallset taħt il-arranġament mal-kredituri.

( 31 ) Bħalma jirriżulta mill-punt 137 tas-sentenza appellata, id-dħul minimu mill-proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju stmat fid-deċiżjoni kkontestata (SKK 239 miljun) kien fil-fatt ikkalkolat ħażin. Jekk jiġi kkorreġut l-iżball ta’ kalkolu tal-Kummissjoni, jirriżulta skont il-Qorti Ġenerali, somma ta’ SKK 225.5 miljun. Ara fuq dan is-suġġett il-punti 96 sa 103 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 32 ) Ara fuq dan is-suġġett il-punt 11 u l-punt 22 tas-sentenza appellata.

( 33 ) Sentenza DMT (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 30 u d-dispożittiv).

( 34 ) Ara fuq dan is-suġġett il-konklużjonijet tiegħi tas-26 ta’ Mejju 2011 fis-sentenza Residex Capital IV (sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, C-275/10, Ġabra p. I-13043).

( 35 ) Kif jirriżulta mis-sentenza DMT (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5), huwa wkoll possibbli li l-qrati nazzjonali, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom — jiġifieri l-eżekuzzjoni tal-obbligu ta’ stand-still tal-Artikolu 108(3) TFUE [li kienet it-tielet sentenza tal-Artikolu 88(3) KE] — ikunu obbligati japplikaw il-kriterju ta’ kreditur privat. Għalhekk huma għandhom jimplementaw il-kriterju ta’ kreditur privat bl-istess mod bħall-Kummissjoni.

( 36 ) Fuq dan is-suġġett, ara għal darba oħra s-sentenza EDF (iċċitata iktar ’il fuq, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 78).

( 37 ) F’dan is-sens, fir-rigward tal-kriterju ta’ investitur privat, ara s-sentenza EDF (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punti 86 u 104).

( 38 ) Sentenza tat-22 ta’ Novembru 2007, Spanja vs Lenzing (C-525/04 P, Ġabra p. I-9947, punt 59).

( 39 ) Fuq dan il-punt, ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mischo tat-8 ta’ Ġunju 2000 fil-kawża Spanja vs Il-Kummissjoni (C-480/98, Ġabra. p. I-8717, punti 35 u 36), u tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-kawża Spanja vs Il-Kummissjoni (C-276/02, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punti 37 sa 39).

( 40 ) Ara fuq dan is-suġġett il-punti 52 sa 56 ta’ dawn il-konklużjonjiet.

( 41 ) Il-proċeduri quddiem il-Kummissjoni għandhom natura ta’ dritt amministrattiv filwaqt li l-proċeduri quddiem il-qrati nazzjonali bbażati fuq it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 88(3) KE [it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 108(3) TFUE] jista’ jkolhom ukoll natura ta’ dritt ċivili. Madankollu, dan ma jagħmel ebda differenza fir-rigward tal-kwistjoni tas-setgħa diskrezzjonali li tqum f’dan il-każ.

( 42 ) Fuq dan il-punt, ara wkoll — b’rabta ma’ proċedura amministrattiva ta’ stħarriġ tal-konċentrazzjonijiet — il-konklużjonijiet tiegħi tat-13 ta’ Diċembru 2007 fil-kawża Bertelsmann u Sony vs Impala (C-413/06 P, Ġabra p I-4951, punti 206 sa 211).

( 43 ) L-aħħar sentenza tal-punt 89 tas-sentenza appellata; fl-istess sens, ara l-punt 92 tal-istess sentenza. Il-Qorti Ġenerali kienet diġà mixja fl-istess direzzjoni fis-sentenza HAMSA (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punt 172), li fiha bbażat ruħha sempliċement fuq il-fatt li kreditur privat kien “jirkupra parti ikbar mill-krediti” [traduzzjoni mhux uffiċjali] f’każ ta’ stralċ tal-impriża inkwistjoni.

( 44 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-kawża Spanja vs Il-Kummissjoni (C-276/02, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 36).

( 45 ) Punt 128 tas-sentenza appellata.

( 46 ) Sentenzi tas-16 ta’ Mejju 2000, France vs Ladbroke Racing u Il-Kummissjoni (C-83/98 P, Ġabra p. I-3271, punt 25); British Aggregates (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punt 111), u BNP Paribas (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punti 100 u 104); ara barra minn hekk is-sentenzi HAMSA (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punt 159) u Olympic Airways (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punt 284).

( 47 ) F’dan is-sens, is-sentenza HAMSA (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punti 165 u 171), li fiha huwa eżaminat jekk il-metodu applikat mill-Kummissjoni jirreżistix għal eżami legali.

( 48 ) F’dan is-sens — fir-rigward tal-kriterju ta’ investitur privat — is-sentenza EDF (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punti 86 u 104); ara barra minn hekk — fir-rigward tal-kriterju ta’ kreditur privat — il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-kawża Spanja vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 37): “teħid inkunsiderazzjoni tal-fatturi kollha”.

( 49 ) Punti 123 sa 129 tas-sentenza appellata; fil-punt 123 ta’ din is-sentenza, isir riferiment espress għall-punti 40 u 54 tad-deċiżjoni kkontestata.

( 50 ) Punt 123 tas-sentenza appellata. Jien eżaminajt fil-punti 114 u 115 hawn taħt il-kwistjoni dwar jekk permezz ta’ din il-konklużjoni, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata.

( 51 ) Sentenzi tad-29 ta’ Frar 1996, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni (C-56/93, Ġabra p. I-723, punt 11); tat-2 ta’ Settembru 2010, Il-Kummissjoni vs Scott (C-290/07 P, Ġabra p. I-7763, punt 64), u Spanja vs Lenzing (iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 38, punt 56); ara wkoll is-sentenzi HAMSA (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punt 127) u Olympic Airways (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punt 285).

( 52 ) Sentenzi Chronopost (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 143) u Il-Kummissjoni vs Scott (iċċitata iktar ’il fuq in-nota ta’ qiegħ il-paġna 51, punt 66, l-aħħar sentenza).

( 53 ) Digriet tal-25 ta’ April 2002, DSG Dradenauer Stahlgesellschaft vs Il-Kummissjoni (C-323/00 P, Ġabra p. I-3919, punt 43), u s-sentenzi Spanja vs Lenzing (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 38, punt 57, l-aħħar sentenza) u Il-Kummissjoni vs Scott (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 51, punt 66, l-ewwel sentenza).

( 54 ) Ara l-punti 123 sa 129 tas-sentenza appellata u b’mod partikolari l-punt 129.

( 55 ) Ara fuq dan is-suġġett il-punti 123 sa 127 tas-sentenza appellata.

( 56 ) Il-Kummissjoni enfasizzat ripetutament, b’mod partikolari, matul is-seduta li f’dan il-każ, it-tul tal-proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju ma kienx ikollu rwol partikolarment iktar importanti għat-teħid ta’ deċiżjoni ta’ kreditur privat. Dan ġie ferm ikkontestat minn Frucona.

( 57 ) Ara f’dan ir-rigward il-punti 124 sa 126 tas-sentenza appellata.

( 58 ) Ara f’dan ir-rigward b’mod partikolari l-punti 128 u 137 tas-sentenza appellata.

( 59 ) Ara f’dan ir-rigward il-konklużjonijiet tiegħi tas-17 ta’ Settembru 2009 fil-kawża Il-Kummissjoni vs Alrosa (C-441/07 P, Ġabra p. I-5949, punt 84).

( 60 ) Punti 134 sa 137 tas-sentenza appellata.

( 61 ) Punti 123 sa 129 tas-sentenza appellata.

( 62 ) Punti 116 sa 120, 128, 137 u 185 sa 190 tas-sentenza appellata.

( 63 ) Punti 113 u 121 tas-sentenza appellata.

( 64 ) Fil-lingwa tal-proċedura: “Further or alternatively”.

( 65 ) Ara iktar ’il fuq il-punti 26 u 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 66 ) Sentenzi tas-27 ta’ Jannar 2000, DIR International Film et vs Il-Kummissjoni (iktar ’il quddiem “DIR”, C-164/98 P, Ġabra p. I-447, punti 38 u 49); tal-1 ta’ Ġunju 2006, P&O European Ferries (Vizcaya) u Diputación Foral de Vizcaya vs Il-Kummissjoni (C-442/03 P u C-471/03 P, Ġabra. p. I-4845, punti 60 u 67), u British Aggregates (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punt 141).

( 67 ) Sentenzi tat-22 ta’ Mejju 1990, Il-Parlament vs Il-Kunsill (C-70/88, Ġabra p. I-2041, punt 22), u tas-6 ta’ Mejju 2008, Il-Parlament vs Il-Kunsill (C-133/06, Ġabra p. I-3189, punt 57); fl-istess sens, is-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-539/09, Ġabra p. I-11235, punt 56).

( 68 ) Fuq dan il-punt, ara għal darba oħra, il-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 66.

( 69 ) Fl-istess sens, ara s-sentenzi tat-2 ta’ April 2009, Bouygues u Bouygues Télécom vs Il-Kummissjoni (C-431/07 P, Ġabra p. I-2665, punt 68), u tad-19 ta’ Lulju 2012, Alliance One International et vs Il-Kummissjoni et (C-628/10 P u C-14/ P, punti 121 u 122).

( 70 ) Ara b’mod partikolari l-punti 149 sa 151 u 168 tas-sentenza appellata.

( 71 ) Punt 137 tas-sentenza appellata.

( 72 ) Sentenzi DIR (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 66, punt 42) u British Airways (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punt 142).

( 73 ) Ara fuq dan is-suġġett il-punti 92 sa 94 iktar ’il fuq ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 74 ) Fid-9 ta’ Lulju 2004, il-jum meta l-awtoritajiet fiskali lokali approvaw il-proposta ta’ arranġament mal-kredituri ta’ Frucona, SKK 1.2 miljun kienu jikkorrispondu għal EUR 30 079 (ir-rata ta’ skambju skont ĠU 2004, C 178, p. 1). Fis-17 ta’ Diċembru 2004, il-jum meta Frucona ħallset l-ammont tad-dazji tas-sisa miftiehma fil-ftehim lill-awtoritajiet fiskali lokali, SKK 1.2 miljun kienu jikkorrispondu għal EUR 31 061 (ir-rata ta’ skambju skont ĠU 2004, C 313, p. 1).

( 75 ) Punt 137 tas-sentenza appellata.

( 76 ) Ara fuq dan is-suġġett b’mod partikolari l-punt 60 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 77 ) Punti 124 sa 128 tas-sentenza appellata.

( 78 ) Ara iktar ’il fuq il-punti 48 sa 51 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 79 ) Ara iktar ’il fuq il-punti 61 u 62 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 80 ) Sentenzi tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (C-204/00 P, C-205/00 P, C-211/00 P, C-213/00 P, C-217/00 P et C-219/00 P, Ġabra p. I-123, punti 50 u 159); tas-17 ta’ Ġunju 2010, Lafarge vs Il-Kummissjoni (C-413/08 P, Ġabra p. I-5361, punt 16), u tad-9 ta’ Ġunju 2011, Comitato “Venezia vuole vivere”et vs Il-Kummissjoni (iktar ’il quddiem “Venezia vuole vivere”, C-71/09 P, Ġabra p. I-4727, punt 152).

( 81 ) Sentenzi tat-18 ta’ Jannar 2007, PKK u KNK vs Il-Kunsill (C-229/05, Ġabra p. I-439, punt 37); tat-22 ta’ Novembru 2007, Sniace vs Il-Kummissjoni (C-260/05 P, Ġabra p. I-10005, punt 37), u “Venezia vuole vivere” (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 80, punt 153).

( 82 ) Punt 123 tas-sentenza appellata.

( 83 ) Ara għal darba oħra l-punt 123 tas-sentenza appellata.

( 84 ) Dawn iċ-ċirkustanzi ġew deskritti iktar fid-dettall fil-punti 124 sa 128 tas-sentenza appellata. Matul il-proċedura quddiem il-Qroti tal-Ġustizzja huma kienu wkoll is-suġġett ta’ diskussjoni intensiva u kontroversjali ħafna.

( 85 ) Il-Kummissjoni forsi bbażat ruħha f’dan il-kuntest — bi żball jew ġustament — fuq il-ġurisprudenza li tipprovdi li, fil-motivazzjonijiet ta’ dawn id-deċiżjonijiet, hija ma għandhiex obbligu tieħu pożizzjoni fuq l-elementi li huma manifestament barra irrilevanti, nieqsa minn tifsira jew ta’ importanza sekondarja (sentenzi Chronopost, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 89; Elf Aquitaine, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 154, u tal-10 ta Lulju 2008, Bertelsmann u Sony vs Impala, iktar ’il quddiem “Impala”, C-413/06 P, Ġabra p. I-4951, punt 167).

( 86 ) Sentenzi tal-15 ta’ Marzu 2007, British Airways vs Il-Kummissjoni (C-95/04 P, Ġabra p. I-2331, punt 137); tad-29 ta’ Marzu 2011, ThyssenKrupp Nirosta vs Il-Kummissjoni (C-352/09 P, Ġabra p. I-2359, punt 180); Impala (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 85, punt 29), u Elf Aquitaine (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 68).

Top