EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010TN0459

Kawża T-459/10: Rikors ippreżentat fis- 27 ta’ Settembru 2010 — McBride vs Il-Kummissjoni Ewropea

ĠU C 328, 4.12.2010, p. 40–41 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

4.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 328/40


Rikors ippreżentat fis-27 ta’ Settembru 2010 — McBride vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża T-459/10)

()

2010/C 328/68

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Hugh McBride (Downings, l-Irlanda) (rappreżentanti: A. Collins SC, N. Travers, barrister u D. Barry, solicitor)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrent

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2010) 4748, tat-13 ta’ Lulju 2010, innotifikata b’ittra lill-Irlanda, li tiċħad talba għal żieda ta’ kapaċità fir-rigward ta’ bastiment tas-sajd ġdid, il-Heather Jane II, adottata sabiex tissostitwixxi d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/245/KE, tal-4 ta’ April 2003, dwar l-applikazzjonijiet li rċeviet il-Kummissjoni sabiex iżżid l-għanijiet tal-PGM IV bil-għan li jiġu mtejba s-sigurtà, in-navigazzjoni fuq il-baħar, l-iġjene, il-kwalità tal-prodotti u l-kundizzjonjiet tax-xogħol għall-bastimenti ta’ tul ġenerali ta’ iktar minn tnax-il metru (ĠU L 90, p. 48), li ġiet annullata, sa fejn tikkonċerna lir-rikorrent, permezz ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-13 ta’ Ġunju 2006, fil-Kawżi magħquda T-218/03 sa T-240/03, Boyle et vs Il-Kummissjoni (Ġabra P. II-1699); u

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrent jitlob l-annullament, skont l-Artikolu 263 TFUE, tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2010) 4748, tat-13 ta’ Lulju 2010, innotifikata b’ittra lill-Irlanda, li tiċħad talba għal żieda ta’ kapaċità fir-rigward ta’ bastiment tas-sajd ġdid, il-Heather Jane II, adottata sabiex tissostitwixxi d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/245/KE, tal-4 ta’ April 2003, dwar l-applikazzjonijiet li rċeviet il-Kummissjoni sabiex iżżid l-għanijiet tal-PGM IV bil-għan li jiġu mtejba s-sigurtà, in-navigazzjoni fuq il-baħar, l-iġjene, il-kwalità tal-prodotti u l-kundizzjonjiet tax-xogħol għall-bastimenti ta’ tul ġenerali ta’ iktar minn tnax-il metru (ĠU L 90, p. 48), li ġiet annullata, sa fejn tikkonċerna lir-rikorrent, permezz ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-13 ta’ Ġunju 2006, fil-Kawżi magħquda T-218/03 sa T-240/03, Boyle et vs Il-Kummissjoni (Ġabra P. II-1699).

Insostenn tat-talba tiegħu, ir-rikorent jinvoka l-motivi li ġejjin:

 

L-ewwel nett, ir-rikorrent isostni li l-konvenuta aġixxiet mingħajr bażi legali. L-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 97/413/KE, tas-26 ta’ Ġunju 1997, dwar l-għanijiet u r-regoli dettaljati intiżi għar-ristrutturazzjoni tas-settur tas-sajd Komunitarju għall-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 1997 u l-31 ta’ Diċembru 2001, bil-għan li jintlaħaq ekwilibriju sostenibbli bejn ir-riżorsi u l-isfruttament tagħhom (ĠU L 175, p. 27), għadu sal-lum jikkostitwixxi l-bażi legali xierqa tad-deċiżjoni kkontestata, u, konsegwentement il-Kummissjoni ma kellhiex bażi legali sabiex tadotta din id-deċiżjoni allegatament ad hoc.

 

It-tieni nett, ir-rikorrent isostni li l-Kummissjoni kisret rekwiżit proċedurali essenzjali. Ir-rikorrent isostni li abbażi tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 97/413/KE, id-deċiżjoni kkontestata kellha tiġi adottata fl-osservanza tal-proċedura ta’ kumitat ta’ amministrazzjoni u li, billi għażlet li tadotta d-deċiżjoni fuq bażi ad hoc, il-Kummissjoni kisret rekwiżiti proċedurali essenzjali.

 

It-tielet nett, ir-rikorrent isostni li billi interpretat ħażin l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 97/413/KE, il-Kummissjoni aġixxiet lil hinn mill-kompetenzi tagħha, b’mod partikolari meta bbażat ruħha fuq kriterji irrilevanti u meta injorat id-definizzjoni tal-“isforz tas-sajd” li tinsab fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 97/413/KE u fil-leġiżlazzjoni Komunitarja fil-qasam tas-sajd li kienet fis-seħħ meta r-rikorrent ressaq it-talba tiegħu għal tunnellaġġ ta’ sigurtà, f’Diċembru 2001.

 

Barra minn hekk, ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni kkontestata fiha diversi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni tat-talba tiegħu għal tunnellaġġ ta’ sigurtà. Ir-rikorrent b’mod partikolari jsostni li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad it-talba tiegħu abbażi tal-użu, favur Heather Jane II, ta’ kapaċitajiet ta’ sostituzzjoni minn numru ta’ bastimenti iżgħar, li jfisser li meta dan il-bastiment ġie rreġistrat ma kienx hemm żieda fis-segment polivalenti tal-flotta Irlandiża, hija infondata.

 

Fl-aħħar nett, ir-rikorrent jallega li l-Kummissjoni kisret d-dritt għal amministrazzjoni tajba. Huwa jsostni li r-rifjut tal-Kummissjoni li tevalwa l-mertu tat-talba jikkostitwixxi ksur tal-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, tad-dritt tiegħu li t-talba, abbażi tal-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 97/413/KE, tiġi evalwata “b’mod imparzjali u ġust u fi żmien raġonevoli”.


Top