EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CJ0558

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-5 ta’ Lulju 2012.
Michel Bourgès-Maunoury u Marie-Louise Heintz, miżżewġa Bourgès-Maunoury vs Direction des services fiscaux d’Eure-et-Loir.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal de grande instance de Chartres.
Privileġġi u immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej — Eżenzjoni minn taxxi nazzjonali fuq id-dħul imħallas mill-Unjoni — Teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul imħallas mill-Unjoni fil-kalkolu tal-ammont massimu skont it-taxxa solidali fuq il-ġid.
Kawża C-558/10.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:418

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

5 ta’ Lulju 2012 ( *1 )

“Privileġġi u immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej — Eżenzjoni minn taxxi nazzjonali fuq id-dħul imħallas mill-Unjoni — Teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul imħallas mill-Unjoni fil-kalkolu tal-ammont massimu skont it-taxxa solidali fuq il-ġid”

Fil-Kawża C-558/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal de grande instance de Chartres (Franza), permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Novembru 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Novembru 2010, fil-proċedura

Michel Bourges-Maunoury,

Marie-Louise Heintz, miżżewġa Bourges-Maunoury,

vs

Direction des services fiscaux d’Eure-et-Loir,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta, E. Juhász, T. von Danwitz u D. Šváby (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-23 ta’ Novembru 2011,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal M. Bourges-Maunoury u M.L. Heintz, konjuġi Bourges-Maunoury, minn T. Davidian, avukat,

għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u A. Adam, bħala aġenti,

għall-Gvern Belġjan, minn J.-C. Halleux u M. Jacobs, bħala aġenti,

għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn C. Wissels u M. de Ree, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Clotuche-Duvieusart u I. Martínez del Peral kif ukoll minn R. Lyal, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta’ Frar 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej, anness inizjalment mat-Trattat li jistabbilixxi Kunsill Wieħed u Kummissjoni Waħda tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU 1967, 152, p. 13), imbagħad, skont it-Trattat ta’ Amsterdam, mat-Trattat KE (iktar ’il quddiem il-“Protokoll”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn M. Bourges-Maunoury u l-konjuġi tiegħu M.L. Heintz u d-Direction des services fiscaux d’Eure-et-Loir (l-amministrazzjoni tad-Dipartiment tat-Taxxa ta’ Eure-et-Loir), dwar it-teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul imħallas mill-Unjoni Ewropea Komunitarju għall-kalkolu tal-ammont massimu tat-taxxa solidali fuq il-ġid (iktar ’il quddiem l-“ISF”).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 13 tal-Protokoll, fil-verżjoni li kienet fis-seħħ fid-data meta seħħu l-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jipprovdi li:

“L-uffiċjali u impjegati oħra ta’ l-Unjoni għandhom ikunu suġġetti għal taxxa għall-benefiċċju ta’ l-Unjoni fuq salarji, pagi u emolumenti mħallsa lilhom mill-Unjoni, skond il-kundizzjonijiet u l-proċedura stabbilita mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill li jaġixxu permezz ta’ regolamenti skond il-proċedura leġislattiva ordinarja u wara konsultazzjoni ma’ l-istituzzjonijiet konċernati.

Ikunu eżenti minn taxxi nazzjonali fuq salarji, pagi u emolumenti mħallsa mill-Komunitajiet”.

Id-dritt Franċiż

4

L-ISF, li ġiet stabbilita bil-Liġi Nru 88-1149, tat-23 ta’ Diċembru 1988, fuq il-Finanzi għall-1989 (JORF tat-28 ta’ Diċembru 1988, p. 16320), kienet irregolata bid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 885 A sa 885 X tal-Kodiċi Ġenerali tat-Taxxa (iktar ’il quddiem “CGI”), kif kienu japplikaw fiż-żmien tal-fatti tal-kawża prinċipali.

5

L-Artikolu 885 A tas-CGI jipprovdi:

“Huma suġġetti għat-taxxa annwali solidali fuq il-ġid, meta l-valur tal-beni tagħhom ikun ogħla mil-limitu tal-ewwel parti tat-tariffa ffissata fl-Artikolu 885 U:

1o

Il-persuni fiżiċi li għandhom id-domiċilju fiskali tagħhom fi Franza, minħabba l-beni tagħhom li jinsabu fi Franza jew barra minn Franza.

[…].

2o

Il-persuni fiżiċi li ma jkollhomx id-domiċilju fiskali tagħhom fi Franza, minħabba l-beni tagħhom li jinsabu fi Franza.

Ħlief fil-każijiet previsti fl-Artikolu 6(4)(a) u (b), il-koppji miżżewġin huma suġġetti għal taxxa komuni.

Il-kundizzjonijiet għall-issuġġettar għandhom jiġu evalwati fl-1 ta’ Jannar ta’ kull sena.

[…]”

6

L-ISF għandha mekkaniżmu ta’ ammont massimu, deskritt fl-Artikolu 885 V a tas-CGI. L-imsemmi artikolu kien ifformulat skont kif ġej:

“L-[ISF] tal-persuna taxxabbli li jkollha d-domiċilju fiskali tagħha fi Franza titnaqqas bid-differenza bejn, minn naħa, it-total ta’ din it-taxxa u t-taxxi dovuti fi Franza u barra l-pajjiż skont id-dħul u l-introjtu tas-sena ta’ qabel, ikkalkolati qabel l-imputazzjoni tal-krediti tat-taxxa u d-deduzzjonijiet, u, min-naħa l-oħra, 85 % tat-total tad-dħul nett ta’ spejjeż tan-negozju tas-sena ta’ qabel wara tnaqqis biss tad-defiċits kategoriċi li l-imputazzjoni tagħhom hija awtorizzata mill-Artikolu 156 [tal-CGI], kif ukoll tad-dħul eżenti mit-taxxa fuq id-dħul miksub matul l-istess sena fi Franza jew barra Franza u tal-qligħ suġġett għal taxxa minn ras il-għajn. Dan it-tnaqqis ma jistax jaqbeż somma ekwivalenti għal 50 % tal-ammont ta’ kontribuzzjoni li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-Artikolu 885 V jew, jekk ikun ogħla, l-ammont tat-taxxa li jikkorrispondi għal ġid taxxabbli ugwali għall-ammont massimu tat-tielet parti tat-tariffa ffissata fl-Artikolu 885 U.

Il-qligħ kapitali huwa ddeterminat mingħajr ma jitqiesu l-limiti, ir-riduzzjonijiet u l-benefiċċji pprovduti minn dan il-kodiċi.

Għall-finijiet tal-ewwel paragrafu, meta t-taxxa fuq id-dħul tkun ġiet imposta fuq id-dħul ta’ persuni li l-beni tagħhom ma humiex inklużi fil-bażi ta’ stima tat-taxxa solidali fuq il-ġid tal-persuna taxxabbli, din għandha titnaqqas skont il-perċentwal tad-dħul ta’ dawn il-persuni meta mqabbel mad-dħul totali”.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

7

M. Bourges-Maunoury u M-L. Heintz huma ex uffiċjali tal-Unjoni, u huma jirċievu, bħala tali, kumpens għat-tmiem definittiv mis-servizz jew pensjonijiet ta’ rtirar.

8

Peress li M. Bourges-Maunoury u M-L. Heintz huma residenti fi Franza u huma suġġetti għall-ISF, meta ppreżentaw id-dikjarazzjonijiet tal-ISF tagħhom għas-snin 2002 sal-2004, 2006 u 2007, naqsu li jinkludu l-kumpensi u l-pensjonijiet mħallsa lilhom mill-Unjoni flimkien mad-dħul l-ieħor tagħhom għall-kalkolu tal-ammont massimu tal-ISF previst fl-Artikolu 885 V a tas-CGI.

9

Peress li naqsu milli jitolbu l-applikazzjoni tal-ammont massimu tal-ISF għas-sena 2005, fis-7 ta’ Lulju 2006, huma ppreżentaw dikjarazzjoni ta’ rettifika bil-għan li jibbenefikaw minn dan il-limitu mingħajr ma jitqiesu l-emolumenti mħallsa lilhom mill-Unjoni.

10

Peress li din it-talba ġiet miċħuda mill-Direction des services fiscaux d’Eure-et-Loir, fis-27 ta’ Diċembru 2006, M. Bourges-Maunoury u L.M. Heintz adew lit-Tribunal de grande instance de Chartres b’rikors kontra din id-deċiżjoni ta’ rifjut. Skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej, huma talbu wkoll l-assistenza tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropew f’dan ir-rigward, li ngħatatilhom permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Marzu 2007.

11

Permezz ta’ sentenza tal-10 ta’ Ottubru 2007, it-Tribunal de grande instance de Chartres ċaħad it-talba ta’ M. Bourges-Maunoury u M-L. Heintz.

12

Permezz ta’ sentenza tas-27 ta’ Novembru 2008, il-Cour d’appel de Versailles annullat din is-sentenza tat-Tribunal de grande instance de Chartres sa fejn ċaħdet l-imsemmija talba għas-sena 2005.

13

Permezz ta’ sentenza tad-19 ta’ Jannar 2010, il-Cour de cassation ċaħdet l-appell ippreżentat mill-amministrazzjoni tat-taxxa Franċiża kontra l-imsemmija sentenza tal-Cour d’appel de Versailles.

14

Sadanittant, permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ Settembru 2008, d-Direction des services fiscaux d’Eure-et-Loire għamlet rettifika tal-ISF li kienet dovuta minn M. Bourges-Maunoury u M-L. Heintz għas-snin 2002 sa 2004, 2006 u 2007, fuq il-bażi li d-dħul li tħallsu lilhom mill-Unjoni għandhom jiġu kkunsidrati fil-kalkolu tal-ammont massimu tal-ISF.

15

Fid-19 ta’ Jannar 2009, d-Direction des services fiscaux d’Eure-et-Loir ħarġet fil-konfront tal-konjuġi Bourges-Maunoury żewġ avviżi ta’ rkupru tal-kontribuzzjoni tal-ISF dovuti għall-imsemmijin snin. L-ilment kontra dawn l-avviżi, ippreżentat minn dawn tal-aħħar fl-4 ta’ Frar 2009, ġie miċħud b’deċiżjoni tal-imsemmija amministrazzjoni tat-18 ta’ Frar 2009.

16

Fis-16 ta’ April 2009 M Bourges-Maunoury u M-L. Heintz ippreżentaw rikors kontra din id-deċiżjoni rigward dan ir-rifjut quddiem it-Tribunal de grande instance de Chartres billi rreferew għaż-żewġ sentenzi msemmijin iktar ’il fuq tal-Cour d’appel de Versailles u l-Cour de cassation. Id-Direction des services fiscaux d’Eure-et-Loir irrispondiet li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jirriżulta li l-eżenzjoni mit-taxxa li jgawdu minnha l-uffiċjali tal-Unjoni ma għandhiex bl-ebda mod twassal li dawn tal-aħħar jiġu kkunsidrati bħala li ma jirċievu ebda dħul.

17

Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-Artikolu 885 V a tas-CGI jista’ twassal biss biex jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul kollu ta’ persuna fiżika, inklużi dawk mill-Unjoni, fil-kuntest tal-kalkolu tal-ammont tat-tnaqqis tal-ISF, b’tali mod li din it-taxxa se tkun iktar għolja meta jittieħed inkunsiderazzjoni, fid-determinazzjoni tal-ammont massimu tagħha, id-dħul nazzjonali u Komunitarji ta’ persuna fiżika.

18

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-Cour de cassation, fis-sentenza tagħha kif imsemmi fil-punt 13 ta’ din is-sentenza, iddeċidiet li l-Artikolu 885 V a tas-CGI għandu l-effett li indirettament ikun ta’ piż fuq id-dħul ta’ oriġini Komunitarja tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

19

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal de grande instance de Chartres peress li għandha xi dubji dwar l-interpretazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Protokoll iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja din id-domanda preliminari:

“It-tieni paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Kapitolu V tal-Protokoll [...] jipprekludi li d-dħul kollu ta’ persuna taxxabbli, inkluż dħul Komunitarju, jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-ammont massimu tat-taxxa solidali fuq il-ġid?”

Fuq id-domanda preliminari

20

Permezz tad-domanda tagħha il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Protokoll għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tieħu inkunsiderazzjoni d-dħul, inklużi pensjonijiet u kumpensi għat-tmien definittiv mis-servizz, imħallsa mill-Unjoni lill-uffiċjali u l-membri tal-persunal tagħha jew lill-ex membri tal-persunal fil-kuntest tal-ammont massimu tat-taxxa bħalma hi l-ISF.

21

Fir-rigward tal-prinċipji li l-applikazzjoni tagħhom se tippermetti li tingħata risposta għad-domanda magħmula, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat fis-sentenza tagħha tas-16 ta’ Diċembru 1960, Humblet vs L-Istat Belġjan, (C-6/60, Ġabra p. 1125, p. 1156 u 1157), li hija biss l-eżenzjoni ta’ remunerazzjonijiet imħallsa mill-Unjoni minn kwalunkwe taxxa nazzjonali tippermetti lill-istituzzjonijiet ta’ din tal-aħħar biex effettivament jeżerċitaw il-poter esklużiv tagħhom li jiddeterminaw l-ammont attwali ta’ dħul tal-uffiċjali tagħhom u li tali poter ikun eskluż jekk l-Istati Membri jżommu d-dritt li jintaxxaw dak id-dħul skont is-sistema tat-taxxa tagħhom stess. Għalhekk, ġie kkonstat li t-Trattati ħadu r-remunerazzjonijiet imħallsa lill-uffiċjali tal-Unjoni għas-sovranità fiskali tal-Istati Membri u li l-imsemmi poter esklużiv tagħha li tistabbilixxi l-ammont effettiv ta’ dħul tal-uffiċjali tagħha huwa essenzjali mhux biss biex tissaħħaħ l-indipendenza tal-kuntesti amministrattivi tal-Unjoni fir-rigward tal-poteri nazzjonali, iżda wkoll biex jiżguraw trattament ugwali tal-uffiċjali ta’ nazzjonalitajiet differenti.

22

Il-protokoll jipprovdi għal distinzjoni netta bejn, fuq naħa waħda, id-dħul ta’ oriġini nazzjonali suġġett għad-dominju tal-amministrazzjonijiet tat-taxxa nazzjonali ta’ Stati Membri u, min-naħa l-oħra, id-dħul imħallas mill-Unjoni lill-uffiċjali jew il-membri tal-persunal tagħha, li huma esklużivament suġġetti għad-dritt ta’ din tal-aħħar fir-rigward tan-natura potenzjalment taxxabbli tagħhom. Dan it-tqassim tal-kompetenzi fiskali rispettivi tal-Istati Membri u tal-Unjoni għandu jeskludi kull taxxa mhux biss diretta, iżda wkoll indiretta, mill-Istati Membri, dħul imħallas mill-Unjoni u mhux suġġett għall-ġurisdizzjoni ta’ dawn tal-aħħar (sentenzi Humblet vs L-Istat Belġjan, iċċitata aktar ’il fuq, p. 1158; tal-24 ta’ Frar 1988, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, 260/86, Ġabra p. 955, punt 10, tat-22 ta’ Marzu 1990, Tither, C-333/88, Ġabra p. I-1133, punt 12, u tal-14 ta’ Ottubru 1999, Vander Zwalmen u Massart, C-229/98, Ġabra p. I-7113, punt 21).

23

Kif jirriżulta mill-punt 2(a) tad-dispożittiv tas-sentenza Humblet vs L-Istat Belġjan, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 13 tal-Protokoll jipprekludi lill-Istati Membri milli jistabbilixxu b’responsabbiltà ta’ uffiċjal jew ta’ membru tal-persunal tal-Unjoni ta’ xi taxxa li hija attribwibbli, kollha jew parti minnha, fid-dħul imħallsa mill-Unjoni.

24

F’dan il-każ, is-sitwazzjoni hija analoga għal dik li tat lok għas-sentenza Humblet vs L-Istat Belġjan, iċċitata iktar ’il fuq, peress li l-dħul imħallas mill-Unjoni lill-uffiċjali jew lill-membri tal-persunal tagħha jkun ukoll intaxxati indirettament (ara s-sentenza Humblet vs L-Istat Belġjan, iċċitata iktar ’il fuq, p. 1159).

25

Fil-fatt, fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi kkonstatat li t-teħid inkunsiderazzjoni l-ammont ta’ dħul imħallas mill-Unjoni fil-kalkolu tal-ammont massimu ta’ 85% tad-dħul totali, kif ipprovdut fl-Artikolu 885 V a tas-CGI, iżid id-dħul totali tal-kontribwent u, għalhekk, l-ammont massimu ta’ tassazzjoni skont l-ISF, li jammonta għal żieda fir-rata finali ta’ tassazzjoni għad-detriment tal-uffiċjal jew membru tal-persunal tal-Unjoni, kif kien ġie wkoll rrilevat mill-Cour d’appel de Versailles fis-sentenza tagħha tas-27 ta’ Novembru 2008 imsemmija fil-punt 12 iktar ’il fuq.

26

Konsegwentement, l-applikazzjoni tal-Artikolu 885 V a tas-CGI twassal biex tqiegħed fir-responsabbiltà tal-kontribwenti tassazzjoni li jkollha l-effett li tkun ta’ piż indirett fuq id-dħul tagħhom imħallas lilhom mill-Unjoni, kif ikkonstatat il-Cour de cassation fis-sentenza tagħha msemmija fil-punt 13 iktar ’il fuq.

27

Iċ-ċirkustanza, invokata mill-Direction des services fiscaux d’Eure-et-Loir fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li d-dħul imħallas mill-Unjoni jittieħed inkunsiderazzjoni mhux skont il-bażi fiskali, iżda biss fil-kuntest tal-mekkaniżmu ta’ ammont massimu tal-ISF, ma għandux in-natura li jippreġudika din l-analiżi.

28

Fil-fatt, il-fatt li tinġabar taxxa nazzjonali, bħall-ISF, filwaqt li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, biex jiġi ddeterminat l-ammont finali, id-dħul imħallas mill-Unjoni li huwa eżenti minn taxxi nazzjonali huma ekwivalenti għat-tassazzjoni indiretta fuq dan id-dħul, bi ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Protokoll.

29

Bl-istess mod, il-fatt li l-mekkaniżmu ta’ ammont massimu tal-ISF jillimita l-effett konfiskatorju tiegħu u biex jinftiehmu l-kapaċitajiet kontributtivi reali tal-kontribwent ma għandux in-natura li jippermetti tassazzjoni indiretta, bi ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Protokoll, tad-dħul imħallas mill-Unjoni u lill-uffiċjali jew il-membri tal-persunal tagħha.

30

Fl-interess taċ-ċertezza legali, għandu jiġi kkonstatat li, peress li d-dħul imħallas mill-Unjoni u suġġett għal taxxi tagħha, ma jistgħux jiġu applikati la direttament u lanqas indirettament minn Stat Membru u li huma eżenti mis-sovranità fiskali tal-Istati Membri, il-persuna li tirċievi dak id-dħul hija wkoll eżenti minn kwalunkwe obbligu li tiddikjara l-ammont tagħhom lill-awtoritajiet ta’ Stat Membru.

31

Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li huwa permess li Stat Membru li jipprovdi mekkaniżmu ta’ ammont massimu ta’ taxxa bħall-ISF sakemm, madankollu, tali mekkaniżmu jirrispetta d-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-Artikolu 13 tal-Protokoll.

32

Għaldaqstant, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Protokoll għandu jiġi interpretat bħala li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tieħu inkunsiderazzjoni d-dħul, inklużi l-pensjonijiet u l-kumpensi għal terminazzjoni definittiva mis-servizz, imħallsa mill-Unjoni lill-uffiċjali u l-membri tal-persunal tagħha, jew lill-ex uffiċjali tagħha u lill-ex membri tal-persunal taghħa, fil-kuntest tal-ammont massimu tat-taxxa bħall-ISF.

Fuq l-ispejjeż

33

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

It-tieni paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej, anness inizjalment mat-Trattat li jistabbilixxi Kunsill Wieħed u Kummissjoni Waħda tal-Komunitajiet Ewropej imbagħad, skont it-Trattat ta’ Amsterdam, għat-Trattat KE, għandu jiġi interpretat bħala li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tieħu inkunsiderazzjoni d-dħul, inklużi l-pensjonijiet u l kumpensi għal terminazzjoni definittiva mis-servizz, imħallsa mill Unjoni lill-uffiċjali u lill-membri tal-persunal tagħha, jew lill-ex uffiċjali u lill-ex membri tal-persunal tagħha, fil-kuntest tal-ammont massimu ta’ taxxa bħat-taxxa solidali fuq il-ġid.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Top