EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62006TJ0234

Sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (it-Tieni Awla) tad-19 ta' Novembru 2009.
Giampietro Torresan vs l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trademarks u disinni) (UASI).
Trade mark Komunitarja - Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità - Trade mark Komunitarja verbali CANNABIS - Raġuni assoluta għal rifjut - Karattru deskrittiv - Artikolu 7(1)(ċ) u Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li saru Artikolu 7(1)(ċ), u Artikolu 52(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009].
Kawża T-234/06.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2009 II-04185

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2009:448

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla)

19 ta’ Novembru 2009 ( *1 )

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità — Trade mark Komunitarja verbali CANNABIS — Raġuni assoluta għal rifjut — Karattru deskrittiv — Artikolu 7(1)(ċ) u Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li saru l-Artikolu 7(1)(c) u l-Artikolu 52(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009]”

Fil-Kawża T-234/06,

Giampietro Torresan, residenti f’Rothenburg (l-Isvizzera), irrappreżentat minn G. Recher, avukat,

rikorrent,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn P. Bullock u O. Montalto, bħala aġenti,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, hija

Klosterbrauerei Weissenohe GmbH & Co. KG, stabbilita f’Weissenohe (il-Ġermanja), irrappreżentata minn A. Masetti Zannini de Concina, M. Bucarelli u R. Cartella, avukati,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI tad-29 ta’ Ġunju 2006 (Każ R 517/2005-2), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn Klosterbrauerei Weissenohe GmbH & Co. KG u Giampietro Torresan,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tieni Awla),

komposta minn I. Pelikánová, K. Jürimäe u S. Soldevila Fragoso (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-4 ta’ Settembru 2006,

wara li rat ir-risposta tal-UASI ppreżentata fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-27 ta’ Novembru 2006,

wara li rat in-nota tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-26 ta’ Jannar 2007,

wara li rat il-bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti tal-Prim’Istanza,

wara s-seduta tal-5 ta’ Mejju 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Fatti li wasslu għall-kawża

1

Fit-12 ta’ Frar 1999, ir-rikorrent G. Torresan, ippreżenta applikazzjoni għal reġistrazzjoni għal trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146) [issostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)].

2

It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali CANNABIS.

3

Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark jaqgħu taħt il-klassijiet 32, 33 u 42 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u li jikkorrispondu għal kull waħda minn dawn il-klassijiet għad-deskrizzjoni li ġejja:

“birer”, fil-klassi 32;

“inbejjed, spirti, likuri, inbid bil-gass, xampanja”, fil-klassi 33;

“servizzi għall-provvista ta’ ikel u xorb, restoranti, restoranti self-service, każini, ġelateriji, pizzeriji”, fil-klassi 42.

4

Fis-16 ta’ April 2003, it-trade mark Komunitarja CANNABIS ġiet irreġistrata taħt in-numru 1073949.

5

Fis-27 ta’ Ġunju 2003, l-intervenjenti Klosterbrauerei Weissenohe GmbH & Co. KG, ressqet talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark CANNABIS f’dak li jikkonċerna l-prodotti fil-klassijiet 32 u 33, skont l-Artikolu 51(1)(a) u l-Artikolu 7(1)(ċ), (f) u (g) tar-Regolament Nru 40/94 [li saru l-Artikolu 52(1)(a) u l-Artikolu 7(1)(c), (f) u (g) tar-Regolament Nru 207/2009].

6

B’deċiżjoni tad-9 ta’ Marzu 2005, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-UASI ddikjarat invalida r-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja, f’dak li jikkonċerna l-prodotti fil-klassijiet 32 u 33 tal-Ftehim ta’ Nice, billi qieset li t-trade mark CANNABIS kellha karattru deskrittiv, skont l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94.

7

Fid-29 ta’ April 2005, ir-rikorrent ippreżenta appell fejn talab l-annullament ta’ din id-deċiżjoni. B’deċiżjoni tad-29 ta’ Ġunju 2006 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), it-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI ċaħad l-appell. B’mod partikolari, huwa kkunsidra, minn naħa, li t-terminu “kannabis” ifisser, fil-linwaġġ kurrenti, jew pjanta tessili jew sustanza narkotika, u, min-naħa l-oħra, li jindika, għall-konsumatur medju, indikazzjoni ċara u diretta tal-karatteristiċi tal-prodotti fil-klassijiet 32 u 33.

It-talbiet tal-partijiet

8

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

tikkonferma r-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja CANNABIS għall-klassijiet 32 u 33;

tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

9

L-UASI u l-intervenjenti jitolbu li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

tiċħad ir-rikors bħala infondat;

tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

10

Matul is-seduta, ir-rikorrent iddikjara li kien qiegħed jirrinunzja għad-disa’ talba tiegħu, u ttieħed kont ta’ dan fil-proċess verbali tas-seduta.

Id-dritt

11

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka motiv uniku, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 51(1)(a) u tal-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94. L-intervenjenti tinvoka żewġ motivi, ibbażati, l-ewwel, fuq il-ksur tal-Artikolu 51(1)(a) u tal-Artikolu 7(1)(g) tar-Regolament Nru 40/94 u, it-tieni, fuq il-ksur tal-Artikolu 51(1)(a) u tal-Artikolu 7(1)(f) tal-imsemmi regolament.

Argumenti tal-partijiet

12

Ir-rikorrent isostni li t-trade mark CANNABIS għandha karattru distintiv, minħabba li hija kemm isem komuni kif ukoll trade mark ta’ pura fantażija, mingħajr ebda rabta, lanqas indiretta, mal-birra u x-xorb inġenerali. Bħala isem komuni, it-terminu “kannabis” jikkostitwixxi l-isem xjentifiku ta’ pjanta bil-fjuri, li minnha jiġu estratti ċerti drogi u li minnha jistgħu jinkisbu ċerti sustanzi terapewtiċi. Is-sinjal CANNABIS huwa preżenti fuq is-suq Taljan sa mill-1996 u, mill-1999 bħala trade mark Komunitarja għall-prodotti fil-klassijiet 32 u 33 tal-Ftehim ta’ Nice. Kiseb reputazzjoni elevata fil-kuntest Komunitarju.

13

Ir-rikorrent iqis li t-terminu “kannabis” ma jikkostitwixxix il-mod normali kif jissemmew il-birer jew ix-xarbiet alkoħoliċi fil-klassi 33. Minn naħa, fid-dawl tad-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Marzu 2000, fuq l-approssimazzjoni ta’ liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ tikkettjar, preżentazzjoni u riklamar ta’ oġġetti tal-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 75), u tad-Direttiva tal-Kunsill 88/388, tat-22 ta’ Ġunju 1988, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mat-taħwir għall-użu fl-oġġetti tal-ikel u mal-materjali mis-sors għall-produzzjoni tagħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 9, p. 233), il-kannabis ma kellux jitqies bħala prodott tal-ikel, imma pjuttost bħala sustanza narkotika u psikotropika, li, skont ir-rikorrent, jeskludi kull possibbiltà ta’ użu leċitu fil-kuntest Komunitarju. Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mid-definizzjonijiet li jinsabu f’diversi dizzjunarji, dan it-terminu jirreferi, fl-immaġinazzjoni popolari, għas-sustanza narkotika li tinkiseb mill-pjanta omonima.

14

Ir-rikorrent jirrimarka wkoll li, f’dan il-każ, il-birra CANNABIS hija birra aromatizzata, komposta unikament minn materji primi legali u awtorizzati. Bħala prodotti tal-ikel, il-birra u, b’mod ġenerali, ix-xarbiet alkoħoliċi ma jistax ikun fihom sustanzi pprojbiti, bħad-droga. Għalhekk, il-pubbliku kkonċernat ma jistax jistabbilixxi mill-ewwel u mingħajr l-ebda riflessjoni oħra rabta diretta u konkreta bejn il-prodotti li ġiet irreġistrata t-trade mark għalihom u s-sinjal CANNABIS, kif teżiġi l-ġurisprudneza stabbilita.

15

Ir-rikorrent isostni li t-trade mark CANNABIS ma tistax tiġi kkwalifikata bħala trade mark deskrittiva peress li, fil-verità, is-sinjal CANNABIS jikkostitwixxi terminu evokattiv, intiż sabiex jattira l-attenzjoni tal-konsumaturi, li jista’ joħloq idea ta’ pjaċir, ta’ evażjoni jew ta’ rilassament. Bħala messaġġ “paradossali” u “iperboliku” bl-istess mod ta’ trade marks oħrajn, bħal OPIUM jew COCA-COLA, dawn it-trade marks kollha għandhom jiġu suġġetti għall-istess skala ta’ evalwazzjoni u l-annullament tat-trade mark Komunitarja inkwistjoni abbażi ta’ tali argumenti jikser il-prinċipju ġenerali ta’ trattament ugwali.

16

Ir-rikorrent jikkontesta wkoll id-definizzjoni tal-konsumatur medju li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata, peress li dan ma huwiex konsumatur ta’ narkotiku, li qiegħed ifittex l-istess sensazzjonijiet bħal dawk miksuba mill-konsum tal-kannabis, u lanqas “alkoħoliku abitwali”. Ir-rikorrent jikkunsidra li l-konsumatur medju huwa xi ħadd li jħobb il-birra, li l-livell tiegħu ta’ intelliġenza, ta’ diliġenza u ta’ prudenza, jikkorrispondi għal-livell medju tat-tip ta’ klijentela li l-prodott huwa intiż għaliha. Huwa jsostni wkoll li għandu jiġi mistoqsi jekk konsumatur avżat jaħsibx mill-ewwel waqt li jkun qed jixtri xarba bit-trade mark CANNABIS li dik hija verament kannabis. F’dan il-każ, ir-rikorrent iqis li l-konsumatur medju jikkontrolla fuq it-tikketta l-ingredjenti li jikkomponu l-prodott. Konsegwentement, huwa biss il-konsumatur informat ħażin li jikkunsidra t-terminu “kannabis” bħala indikazzjoni ċara u diretta tal-kwalità tal-prodotti inkwistjoni.

17

Fl-aħħar, ir-rikorrent jikkonkludi li, f’dan il-każ, it-trade mark inkwistjoni ma tistax tiġi kkunsidrata bħala deskrittiva, peress li, minn naħa, ma teżisti l-ebda rabta diretta u attwali bejn din u l-prodotti fil-klassijiet 32 u 33 tal-Ftehim ta’ Nice u li, min-naħa l-oħra, ma jistax jiġi leġittimament meqjus, kif teżiġi l-ġurisprudenza, li tali rabta tkun raġonevolment stabbilita fil-futur. Il-fatt li l-projbizzjoni tal-użu tal-kannabis se tkun probabbilment imwessa’ fil-futur qarib hija biss l-opinjoni personali tal-UASI u ma tistax tiġi kkunsidrata li tirrispondi għall-eżiġenza li, fil-futur, tista’ tiġi raġonevolment stabbilita rabta diretta bejn it-trade mark CANNABIS u l-prodotti inkwistjoni.

18

L-UASI u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti kollha mressqa mir-rikorrent.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

19

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, kif ikkonstata l-Bord tal-Appell fil-punt 22 tad-deċiżjoni kkontestata, it-terminu “kannabis” għandu tliet sinjifikati possibbli. L-ewwel nett, it-terminu “kannabis” jirreferi għal pjanta tessili li l-organizzazzjoni komuni tas-suq tagħha hija rregolata fil-kuntest Komunitarju u li l-produzzjoni tagħha hija suġġetta għal leġiżlazzjoni stretta ħafna fir-rigward tal-kontenut tat-tetrahydrocannabinol (THC), prinċipju attiv tal-kannabis, li ma jistax jaqbeż il-limitu ta’ 0.2% [ara l-Artikolu 5a tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1251/1999, tas-17 Mejju 1999, li jwaqqaf sistema ta’ appoġġ għal produtturi ta’ ċerti prodotti tar-raba’ li jinħarat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3 Vol. 25, p. 322), kif emendat, u l-Artikolu 7b(1) kif ukoll l-Annessi XII u XIII tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2316/1999, tat-22 ta’ Ottubru 1999, li jistabbilixxi regoli ddettaljati dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1251/1999 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 26, p. 362), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 206/2004, tal-5 ta’ Frar 2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 42, p. 379)]. It-tieni nett, it-terminu “kannabis” jirreferi għal sustanza narkotika pprojbita f’numru kunsiderevoli ta’ Stati Membri. It-tielet nett, ifisser sustanza li l-possibbli użu terapewtiku tagħha għadu suġġett ta’ diskussjoni, kif jirriżulta mir-risposta tal-Kummissjoni Ewropea għall-mistoqsija bil-miktub E-0039/02, tat-23 ta’ Jannar 2002 (ĠU L 147 E, p. 232).

20

Għandu jiġi enfasizzat li, skont iż-żewġ studji xjentifiċi ppreżentati mill-UASI, il-kannabis, li għandu wkoll l-isem “qanneb”, huwa użat fil-qasam alimentari taħt forom differenti (żjut, tiżani) u fi preparazzjonijiet differenti (te, għaġina, prodotti tal-ħobż u gallettini, xarbiet bi jew mingħajr alkoħol, eċċ.). Dan huwa kkonfermat mid-dokumentazzjoni prodotta mill-intervenjenti, li tikkonstata l-użu tal-qanneb fil-produzzjoni ta’ ċerti prodotti tal-ikel u ċerti xarbiet. L-analiżi tossikoloġiċi li saru fuq dawn il-prodotti jindikaw li dawn fihom konċentrazzjoni baxxa ħafna ta’ THC, nettament inferjuri għal-limitu ta’ 0.2% imsemmi hawn fuq u li għalhekk ma għandhomx effett psikotropiku.

21

Fl-aħħar, kuntrarjament għall-argumenti tar-rikorrent, mill-Artikolu 4 tad-Direttiva 88/388 jirriżulta li l-użu ta’ ħxejjex aromatiċi li ma jkunx fihom kwantitajiet tossikoloġikament perikolużi ta’ xi element jew sustanza huwa awtorizzat.

22

Dawn il-konstatazzjonijiet jippermettu b’hekk li jiġi stabbilit, kuntrarjament għall-argumenti tar-rikorrent, l-ewwel nett, li t-terminu “kannabis” ma jagħmilx biss referenza għad-drogi u għal ċerti sustanzi terapewtiċi u, t-tieni nett, li l-qanneb huwa legalment użat fil-produzzjoni ta’ prodotti tal-ikel u ta’ xorb. Għalhekk għandu jiġi eżaminat, fid-dawl ta’ dawn il-konstatazzjonijiet, jekk it-trade mark verbali CANNABIS hijiex deskrittiva tal-prodotti għall-klassijiet 32 u 33 tal-Ftehim ta’ Nice, li kienet irreġistrata għalihom.

23

L-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 jipprojbixxi r-reġistrazzjoni bħala trade mark tas-sinjali u tal-indikazzjonijiet li jistgħu jservu fil-kummerċ sabiex “jindikaw ix-xorta, il-kwalità, il-kwantità, l-użu intenzjonat, il-valur, l-oriġini ġeografika jew il-ħin ta’ produzzjoni tal-prodotti jew ta’ meta ngħata s-servizz, jew karatteristiċi oħrajn tal-prodotti jew servizzi”. Dawn is-sinjali deskrittivi ma humiex adatti sabiex jaqdu l-funzjoni ta’ indikatur ta’ oriġini inerenti għat-trade marks [sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-23 ta’ Ottubru 2003, UASI vs Wrigley, C-191/01 P, Ġabra p. I-12447, punt 31; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tat-2 ta’ April 2008, Eurocopter vs UASI (STEADYCONTROL), T-181/07, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 35, u tal-21 ta’ Jannar 2009, Hansgrohe vs UASI (AIRSHOWER), T-307/07, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 22].

24

F’din il-perspettiva, is-sinjali u l-indikazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 huma dawk li jistgħu jservu, f’użu normali mill-perspettiva tal-pubbliku kkonċernat, sabiex jagħtu l-isem, jew direttament jew billi tiġi msemmija waħda mill-karatteristiċi essenzjali tagħhom, lill-prodott jew lis-servizz li għalih intalbet ir-reġistrazzjoni [sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tal-14 ta’ Ġunju 2007, Europig vs UASI (EUROPIG), T-207/06, Ġabra p. II-1961, punt 26; tal-21 ta’ Mejju 2008, Enercon vs UASI (E), T-329/06, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 21, u tal-21 ta’ Jannar 2009, Korsch vs UASI (PharmaCheck), T-296/07, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 30].

25

Skont ġurisprudenza stabbilita, is-sinjal huwa deskrittiv jekk jippreżenta mal-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni rabta biżżejjed diretta u konkreta b’mod li tippermetti lill-pubbliku kkonċernat jipperċepixxi mill-ewwel, u mingħajr l-ebda riflessjoni oħra, deskrizzjoni ta’ xi waħda mill-karatteristiċi tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni (sentenza EUROPIG, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27, u STEADYCONTROL, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36).

26

Jaqbel ukoll li jitfakkar li l-evalwazzjoni tal-karattru deskrittiv ta’ sinjal tista’ ssir biss, minn naħa, fil-kuntest ta’ kif jifhmu l-pubbliku kkonċernat u, min-naħa l-oħra, fil-kuntest tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni (sentenza STEADYCONTROL, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38, u sentenza E, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23). Fil-fatt, il-karattru deskrittiv ta’ trade mark jista’ jiġi evalwat fil-kuntest tal-prodotti li għalihom tkun ġiet irreġistrata t-trade mark u fid-dawl tal-perċezzjoni preżunta ta’ konsumatur medju tal-kategorija tal-prodotti inkwistjoni normalment informat u raġonevolment attent u avżat.

27

F’dan il-każ, il-prodotti inkwistjoni huma l-birra, l-inbid, l-ispirti, il-likuri, l-inbejjed bil-gass u x-xampanja. Il-pubbliku rilevanti huwa għalhekk magħmul mill-konsumatur medju ta’ dan it-tip ta’ prodotti.

28

Kuntrarjament għall-affermazzjonijiet tar-rikorrent, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ma identifikax il-konsumatur medju bħala konsumatur ta’ narkotiċi, li jfittex l-istess sensazzjonijiet bħal dawk miksuba mill-konsum tal-kannabis, jew bħala “alkoħoliku abitwali”. L-affermazzjoni li tinsab fl-aħħar tal-punt 27 tad-deċiżjoni kkontestata, fir-rigward tal-impressjoni li jkollhom “dawk li jixtru birra” meta jaraw it-trade mark verbali CANNABIS, taqa’ taħt l-eżami tal-karattru deskrittiv tas-sinjal inkwistjoni f’għajnejn konsumatur tal-birra u mhux taħt id-definizzjoni tal-konsumatur medju.

29

F’dan il-kuntest, għandu jiġi ddeterminat jekk il-konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat, jistax jaħseb, sempliċiment meta jara xarba li għandha bħala trade mark is-sinjal verbali CANNABIS, mingħajr l-ebda element ieħor supplimentari, li t-trade mark inkwistjoni tikkostitwixxi deskrizzjoni tal-karatteristiċi tal-prodotti inkwistjoni.

30

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-punti 27, 29 u 30 tad-deċiżjoni kkontestata, teżisti rabta materjali bejn is-sinjal CANNABIS u ċerti karatteristiċi tal-prodotti msemmija iktar ’il fuq. Fil-fatt, kif jirriżulta mid-dokumentazzjoni prodotta mill-UASI u l-intervenjenti, il-kannabis huwa użat b’mod abitwali fil-produzzjoni ta’ numru ta’ prodotti tal-ikel, fosthom il-birra u ċerti xarbiet. Jirriżulta wkoll mill-istess dokumentazzjoni li ċerti birer magħmula mill-kannabis huma attwalment preżenti fuq is-suq alimentari Ewropew.

31

Barra minn hekk, it-terminu “kannabis” huwa terminu xjentifiku Latin magħruf, minn naħa, f’diversi lingwi tal-Komunità Ewropea, kif jirriżulta mil-punt 24 tad-deċiżjoni kkontestata u li r-rikorrent stess enfasizza dan fir-rikors u, min-naħa l-oħra, mill-pubbliku b’mod ġenerali minħabba fil-preżenza tiegħu fil-mezzi ta’ informazzjoni, li jagħmluh komprensibbli mill-konsumatur immirat fit-territorju kollu Komunitarju (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tad-9 ta’ Marzu 2006, Matratzen Concord, C-421/04, Ġabra p. I-2303, punt 32).

32

Dawn il-fatti jispjegaw għaliex il-konsumatur medju, meta jara xorb alkoħoliku jew birra bit-trade mark CANNABIS, mill-ewwel jipperċepixxi u mingħajr riflessjoni oħra, deskrizzjoni tal-karatteristiċi tal-prodotti inkwistjoni, b’mod partikolari tal-kannabis, li huwa wieħed mill-ingredjenti li jista’ jintuża bħala ħaxixa aromatika fil-produzzjoni tagħhom.

33

Din il-karatteristika għandha interess għall-konsumatur medju. Kif irrileva l-Bord tal-Appell fil-punt 27 tad-deċiżjoni kkontestata, “dawk li jixtru birra bit-trade mark CANNABIS jixtruha probabbilment għaliex ikunu konvinti bil-preżenza tal-kannabis u jkunu attirati mill-possibbiltà li jiksbu mix-xarba l-istess sensazzjonijiet li jiksbu mill-konsum tal-kannabis taħt forma oħra jew tal-anqas sensazzjonijiet simili”. Għalhekk, il-fatt li l-kannabis ikun wieħed mill-komponenti tal-birra jew tax-xarbiet alkoħoliċi jikkostitwixxi karatteristika determinanti tad-deċiżjoni tal-konsumaturi waqt li jagħmlu x-xiri tagħhom u, għalhekk, hija karatteristika essenzjali tal-prodotti li għalihom ġiet irreġistrata t-trade mark li hija kkunsidrata waqt li ssir l-għażla mill-pubbliku mmirat.

34

L-argument tar-rikorrent, li jgħid li s-sinjal CANNABIS jikkostitwixxi terminu evokatur intiż sabiex jattira l-attenzjoni tal-konsumaturi billi jagħti idea ta’ pjaċir, ta’ evażjoni jew ta’ rilassament, ma jistax jimmina l-impressjoni deskrittiva li s-sinjal jipproduċi fuq dawn. Is-sinjal verbali CANNABIS jikkostitwixxi fih innifsu, għall-konsumaturi, indikazzjoni sempliċi u diretta ta’ wieħed mill-ingredjenti possibbli tal-prodotti li ġiet irreġistrata għalihom it-trade mark. Minħabba f’hekk, is-sinjal verbali CANNABIS imur lil hinn mill-qasam tas-suġġestjoni u jaqa’ taħt il-qasam tad-deskrizzjoni. Għalhekk, l-imsemmi sinjal għandu jiġi kkunsidrat bħala deskrittiv u mhux bħala suġġestiv jew allużiv [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Jannar 2005, Deutsche Post EURO EXPRESS vs UASI (EUROPREMIUM), T-334/03, Ġabra p. II-65, punt 37].

35

Bl-istess mod, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, ma huwiex neċessarju li s-sinjali u l-indikazzjonijiet li jagħmlu t-trade mark ikunu effettivament użati, fil-mument tar-reġistrazzjoni, għal raġunijiet ta’ deskrizzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi bħal dawk li jkunu ġew irreġistrati jew tal-karatteristiċi ta’ dawn il-prodotti jew ta’ dawn is-servizzi. Huwa biżżejjed, kif tindika l-formulazzjoni stess tal-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 li dawn is-sinjali u indikazzjonijiet ikunu jistgħu jintużaw għal tali finjiet [sentenza UASI vs Wrigley, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tal-20 ta’ Novembru 2007, Tegometall International vs UASI — Wuppermann (TEK), T-458/05, Ġabra p. II-4721, punt 88].

36

F’dan il-każ, huwa biss it-terminu “kannabis” użat bħala trade mark li jista’ jiġi ġġudikat bħala deskrittiv jekk jirreferi, attwalment jew potenzjalment, għal waħda mill-karatteristiċi tal-prodott, jiġifieri wieħed mill-ingredjenti li jistgħu jintużaw fil-produzzjoni tax-xarbiet inkwistjoni. Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, it-terminu “kannabis” jippreżenta potenzjalment rabta ma’ waħda mill-karatteristiċi tal-prodotti inkwistjoni jekk huwa raġonevoli li jiġi previst li, fil-futur, tali rabta tista’ tinħoloq [ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tal-14 ta’ Ġunju 2001, Telefon & Buch vs UASI (UNIVERSALTELEFONBUCH u UNIVERSALKOMMUNIKATIONSVERZEICHNIS), T-357/99 u T-358/99, Ġabra p. II-1705, punti 29 u 30, u AIRSHOWER, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30]. Fid-dawl tal-offerta tax-xarbiet li fihom il-qanneb li jeżistu diġà fis-suq, hemm lok li jiġi kkunsidrat li s-sinjal CANNABIS jista’ jindika minn issa ’l quddiem wieħed mill-ingredjenti użati għall-produzzjoni tal-prodotti li għalihom ġiet irreġistrata t-trade mark.

37

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-fatt li terminu għandu diversi tifsiriet ma għandu l-ebda importanza sabiex jiġi stabbilit l-karattru deskrittiv tiegħu. B’hekk, kuntrarjament għall-argumenti tar-rikorrent, il-fatt li t-terminu “kannabis” jista’ jkollu tliet tifsiriet differenti ma jista’ jkollu l-ebda rwol fir-rigward tad-determinazzjoni tal-karattru deskrittiv tiegħu. Huwa biżżejjed li jeżisti rapport dirett u konkret bejn wieħed biss minn dawn it-tifsiriet u l-prodotti inkwistjoni, kif hija s-sitwazzjoni f’dan il-każ, sabiex l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 ikun applikabbli [sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-12 ta’ Frar 2004, Campina Melkunie, C-265/00, Ġabra p. I-1699, punt 38, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tas-7 ta’ Ġunju 2005, Münchener Rückversicherungs-Gesellschaft va UASI (MunichFinancialServices), T-316/03, Ġabra p. II-1951, punt 33].

38

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li s-sinjal CANNABIS jirreferi għall-pjanta tal-kannabis, magħrufa mal-pubbliku minħabba fil-preżenza tagħha fil-mezzi ta’ informazzjoni, li hija preżenti fil-proċess tal-produzzjoni ta’ ċerti prodotti tal-ikel u ċerti xarbiet. Il-konsumatur medju għalhekk mill-ewwel jistabbilixxi u mingħajr l-ebda riflessjoni rabta bejn is-sinjal inkwistjoni u l-karatteristiċi tal-prodotti li għalihom ġiet irreġistrata t-trade mark, li jagħmel dan is-sinjal deskrittiv.

39

Din il-konklużjoni ma tistax tiġi invalidata mill-argumenti l-oħra mressqa mir-rikorrent. L-ewwel nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrent ibbażat fuq il-fatt li għandha tiġi applikata l-istess skala ta’ evalwazzjoni għat-trade mark CANNABIS u għal ċerti trade marks irreġistrati oħra, dan għandu jiġi miċħud bħala infondat. Fil-fatt, huwa biss sa fejn ir-rabta eżistenti bejn is-sinjal inkwistjoni u l-prodotti jew servizzi msemmija tkun diretta u konkreta li l-Artikolu 51(1)(a) u l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 tostakola l-validità tat-trade marks l-oħra msemmija iktar ’il fuq u li l-invokazzjoni ta’ tali rabta tista’ twassal għall-annullament tagħhom [ara, f’dan is-sens, sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tal-10 ta’ Ottubru 2006, PTV vs UASI (map&guide), T-302/03, Ġabra p. II-4039, punt 50].

40

It-tieni nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrent ibbażat fuq il-fatt li, fid-dawl tal-prassi deċiżjonali tal-UASI, il-Bord tal-Appell kiser il-prinċipju ġenerali tat-trattament ugwali, dan għandu wkoll jiġi miċħud bħala infondat. Il-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appell għandha tiġi evalwata biss abbażi tar-Regolament Nru 40/94 u mhux abbażi tal-prassi deċiżjonali tal-UASI [sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tal-21 ta’ April 2004, Concept vs UASI (ECA), T-127/02, Ġabra p. II-1113, punt 71, u tad-19 ta’ Mejju 2009, Euro-Information vs UASI (CYBERCREDIT, CYBERGESTION, CYBERGUICHET, CYBERBOURSE u CYBERHOME), T-211/06, T-213/06, T-245/06, T-155/07 u T-178/07, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 44]. Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ trattament ugwali ma jistax jiġi invokat fl-illegalità, għaliex ħadd ma jista’ jinvoka favur tiegħu, illegalità li tkun saret favur ħaddieħor [sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tas-27 ta’ Frar 2002, Streamserve vs UASI (STREAMSERVE), T-106/00, Ġabra p. II-723, punt 67, u tat-30 ta’ Novembru 2006, Camper vs UASI — JC (BROTHERS by CAMPER), T-43/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 93 sa 95].

41

Fl-aħħar, it-tielet nett, fir-rigward tal-affermazzjoni tar-rikorrent dwar ir-reputazzjoni tat-trade mark CANNABIS, din għandha tiġi miċħuda bħala irrilevanti. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, ir-reputazzjoni tas-sinjal ma għandha l-ebda rwol sabiex jiġi ddeterminat jekk is-sinjal inkwistjoni huwiex deskrittiv. Skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 207/2009), hija biss il-kisba ulterjuri tal-karattru distintiv minħabba fl-użu tas-sinjal inkwistjoni li tevita l-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, li ma huwiex hekk f’dan il-każ.

42

Ladarba inkisbet ir-rabta deskrittiva bejn is-sinjal inkwistjoni u l-prodotti msemmija, għandu jiġi eżaminat jekk l-imsemmija trade mark fihiex elementi oħrajn li jistgħu jagħmluha distintiva (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-20 ta’ Settembru 2001, Procter & Gamble vs UASI, C-383/99 P, Ġabra p. I-6251, punt 39). F’dan il-każ, kif diġà ġie kkonstatat, din hija sempliċi trade mark verbali. Konsegwentement, l-ebda element ieħor flimkien mat-trade mark CANNABIS ma jista’ jikkontesta l-karattru deskrittiv tagħha.

43

Din il-konklużjoni lanqas ma tista’ tiġi kkontestata bl-argument tar-rikorrent li jikkonċerna n-nuqqas ta’ ingredjenti illeċiti fil-birer u fix-xarbiet alkoħoliċi li għalihom it-trade mark inkwistjoni kienet ġiet irreġistrata. Fil-verità, dan l-argument huwa paradossali fir-raġunament tar-rikorrent. Fil-fatt, kif enfasizzat l-intervenjenti, jew ix-xarbiet inkwistjoni fihom jew jista’ jkun fihom il-qanneb u għalhekk it-trade mark CANNABIS hija deskrittiva, jew dawn ix-xarbiet ma jistax ikun fihom il-qanneb, u, fil-fatt, ma fihomx, u t-trade mark CANNABIS tista’ għalhekk tiġi kkunsidrata bħala qarrieqa jekk hija twassal għal qerq effettiv jew għal riskju biżżejjed gravi ta’ qerq bil-konsumatur (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-30 ta’ Marzu 2006, Emanuel, C-259/04, Ġabra p. I-3089, punt 47). F’dan ir-rigward, jaqbel li jiġi stabbilit li l-konsumatur intiż ikun imwassal sabiex jemmen li l-prodotti li għalihom it-trade mark ġiet irreġistrata għandhom karatteristika li fil-verità ma għandhomx, filwaqt li jittieħed kont tal-fatt li, f’dan il-każ, il-konsumatur jista’ jikkontrolla fuq it-tikketta liema huma l-ingredjenti użati fil-produzzjoni tal-imsemmija xarbiet.

44

Minn dan jirriżulta li, billi ċaħad l-appell mill-imsemmija deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni minħabba l-karattru deskrittiv tat-trade mark CANNABIS, il-Bord tal-Appell ma kisirx l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94.

45

Għalhekk, l-uniku motiv invokat mir-rikorrent ma jistax jintlaqa’.

46

Ir-rikors għandu għalhekk jiġi miċħud, mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġu eżaminati l-motivi invokati mill-intervenjenti.

Fuq l-ispejjeż

47

Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrent tilef, hemm lok li jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż, skont it-talbiet tal-UASI u tal-intervenjenti f’dan is-sens.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

G. Torresan huwa kkundannat għall-ispejjeż.

 

Pelikánová

Jürimäe

Soldevila Fragoso

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-19 ta’ Novembru 2009.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

Top