Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022IP0219

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Mejju 2022 dwar il-konsegwenzi soċjali u ekonomiċi tal-gwerra Russa fl-Ukrajna għall-UE – it-tisħiħ tal-kapaċità tal-UE li taġixxi (2022/2653(RSP))

    ĠU C 479, 16.12.2022, p. 75–85 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
    ĠU C 479, 16.12.2022, p. 60–60 (GA)

    16.12.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 479/75


    P9_TA(2022)0219

    Il-konsegwenzi soċjali u ekonomiċi tal-gwerra Russa fl-Ukrajna għall-UE – it-tisħiħ tal-kapaċità tal-UE li taġixxi

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Mejju 2022 dwar il-konsegwenzi soċjali u ekonomiċi tal-gwerra Russa fl-Ukrajna għall-UE – it-tisħiħ tal-kapaċità tal-UE li taġixxi (2022/2653(RSP))

    (2022/C 479/08)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' April 2022 dwar il-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tal-24 u l-25 ta' Marzu 2022, inklużi l-aħħar żviluppi tal-gwerra kontra l-Ukrajna u s-sanzjonijiet tal-UE kontra r-Russja u l-implimentazzjoni tagħhom (1),

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-25 ta' Marzu 2022,

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Marzu 2022 bit-titolu “REPowerEU: Azzjoni Ewropea Konġunta għal enerġija aktar affordabbli, sikura u sostenibbli” (COM(2022)0108).

    wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tas-27 ta' Mejju 2020 dwar l-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet ta' rkupru tal-Ewropa (SWD(2020)0098),

    wara li kkunsidra r-rapport ta' prospettiva ekonomika reġjonali tal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) tat-22 ta' April 2022 bit-titolu “Europe: War Sets Back the European Recovery” (L-Ewropa: Il-Gwerra Timpedixxi l-Irkupru Ewropew),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Marzu 2022 dwar il-ħtieġa ta' pjan ta' azzjoni urġenti tal-UE biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-ikel kemm fl-UE kif ukoll barra mill-UE fid-dawl tal-invażjoni Russa tal-Ukrajna (2),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Mejju 2022 dwar l-impatt tal-gwerra kontra l-Ukrajna fuq in-nisa (3),

    wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta' Diċembru 2020, bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda (4),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Lulju 2021 dwar ir-rieżami tal-qafas leġiżlattiv makroekonomiku għal impatt aħjar fuq l-ekonomija reali tal-Ewropa u trasparenza aħjar tat-teħid ta' deċiżjonijiet u tal-akkontabbiltà demokratika (5),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    A.

    billi r-Russja ilha twettaq gwerra ta' aggressjoni illegali, mhux ipprovokata u mhux iġġustifikata kontra l-Ukrajna mill-24 ta' Frar 2022;

    B.

    billi l-invażjoni Russa tal-Ukrajna hija kriżi umanitarja kbira li qed taffettwa lil miljuni ta' persuni, u din inevitabbilment se tirriżulta f'xokk ekonomiku serju ta' durata u kobor inċerti fl-UE;

    C.

    billi l-aktar konsegwenzi importanti tal-gwerra fl-Ukrajna huma l-ħajjiet mitlufa u l-kriżi umanitarja assoċjata mal-għadd kbir ta' persuni taħt assedju u spostati; billi, skont data mill-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Refuġjati, sal-5 ta' Mejju 2022 kienu ħarbu mill-Ukrajna aktar minn 5,7 miljun persuna, b'aktar minn 85 % minnhom ospitati bħalissa f'pajjiż tal-UE; billi l-piż relatat mal-kriżi umanitarja qed jinġarr fil-biċċa l-kbira mill-Istati Membri li jmissu mal-Ukrajna;

    D.

    billi l-impatti ambjentali kkawżati mill-kunflitt, bħala konsegwenza tal-bumbardamenti, it-tnixxijiet taż-żejt/tal-gass u l-inċidenti f'fabbriki kimiċi u f'impjanti nukleari, huma ta' tħassib kbir għall-popolazzjoni kemm fl-Ukrajna kif ukoll fl-UE; billi l-UE jeħtiġilha tgħin biex tipproteġi l-ambjent mill-ħsara kkawżata mill-gwerra u tirretifika din il-ħsara u tissanzjona r-reati ambjentali, peress li inevitabbilment se jkollhom konsegwenzi fit-tul;

    E.

    billi r-Russja ddeċidiet unilateralment li twaqqaf il-provvista tal-gass lill-Bulgarija u lill-Polonja; billi numru dejjem akbar ta' Stati Membri tal-UE diġà esprimew l-appoġġ tagħhom għall-implimentazzjoni ta' embargo sħiħ fuq l-enerġija tar-Russja biex jevitaw dan ir-rikatt;

    F.

    billi s-sanzjonijiet qed ikollhom effett qawwi fuq l-ekonomija Russa (skont l-FMI: tiċkin tal-PDG tagħha bi 8,5 % u inflazzjoni ta' 21,3 % fl-2022); billi x-xiri Ewropew ta' fjuwils fossili mir-Russja, li għall-kunsinna tagħhom ir-Russja tirċievi EUR 800 miljun kuljum, għadu jipprovdi lir-reġim b'mezzi li jgħinuh jiffinanzja l-gwerra; billi l-Kummissjoni ppreżentat pjan ambizzjuż biex tipprojbixxi l-importazzjoni taż-żejt Russu fi żmien sitt xhur u ta' prodotti raffinati sal-aħħar tas-sena;

    G.

    billi l-kuntest ekonomiku, flimkien mal-effetti tas-sanzjonijiet meħtieġa, se jkollhom impatt serju fuq is-sitwazzjoni soċjali u ekonomika, fost l-oħrajn fuq is-swieq tax-xogħol tal-UE u l-kundizzjonijiet tal-għajxien; billi l-kriżi li tirriżulta mill-gwerra toħloq ir-riskju li jkollha impatt negattiv fuq it-tkabbir u l-impjiegi, inkluż minħabba r-riperkussjonijiet fuq is-swieq finanzjarji, nuqqas ta' enerġija, aktar pressjonijiet fuq il-prezzijiet tal-enerġija, punti ta' konġestjoni persistenti fil-katina tal-provvista u effetti fuq il-fiduċja;

    H.

    billi l-inflazzjoni tal-prezzijiet għall-konsumatur fl-UE laħqet livelli li ilhom ma jidhru f'ħafna pajjiżi mis-sebgħinijiet, fejn laħqet 7,5 % f'April 2022, l-ogħla livell mill-introduzzjoni tal-munita unika, żieda qawwija l-aktar minħabba ż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija fossili; billi dan irriżulta f'żieda fil-prezzijiet agrikoli; billi skont l-aħħar tbassir taż-żona tal-euro tal-BĊE, ir-rata tal-inflazzjoni (HICP) hija mistennija li tonqos minn medja ta' 5,1 % fl-2022 għal 2,1 % fl-2023 u 1,9 % fl-2024;

    I.

    billi ż-żieda fl-inflazzjoni u, b'mod partikolari, iż-żidiet rapidi fil-prezzijiet tal-ikel u tal-enerġija madwar l-UE qed jaffettwaw il-popolazzjonijiet l-aktar vulnerabbli, u qed ikomplu jżidu l-inugwaljanza u jaggravaw il-faqar inġenerali u l-faqar enerġetiku; billi l-pagi mhumiex mistennija li jiżdiedu bl-istess rata tal-inflazzjoni u għalhekk il-ħaddiema qed jitilfu l-kapaċità tal-akkwist u jistgħu jaraw li, fil-ftit xhur li ġejjin, il-kundizzjonijiet tal-għajxien tagħhom se jmorru għall-agħar; billi dan se jeżerċita wkoll pressjoni akbar fuq il-kapaċità tal-politika soċjali, kif ukoll fuq stabbilizzaturi awtomatiċi bħall-iskemi għall-qgħad nazzjonali; billi l-istrument Ewropew għall-appoġġ temporanju biex jittaffew ir-riskji ta' qgħad f'emerġenza adottat mill-Kummissjoni kien suċċess;

    J.

    billi skont il-perspettiva ekonomika dinjija tal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) ta' April 2022, it-tkabbir globali huwa mistenni li jonqos minn madwar 6,1 % fl-2021 għal 3,6 % fl-2022 u fl-2023, li huwa 0,8 u 0,2 punti perċentwali aktar baxxi għall-2022 u l-2023 milli previst f'Jannar; billi t-tkabbir fiż-żona tal-euro huwa mistenni li jonqos minn madwar 5,3 % fl-2021 għal 2,8 % fl-2022 u 2,3 % fl-2023;

    K.

    billi skont il-proposta tal-Kummissjoni għal Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi 2022, l-użu mifrux tal-iskemi għaż-żamma tal-impjiegi matul il-pandemija kkontribwixxa għaż-żieda relattivament limitata fil-qgħad fl-2021, minn żieda ta' 6 % fl-2020 għal 0,4 % biss fl-2021 (6);

    L.

    billi l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) isibuha aktar diffiċli jiksbu finanzjament milli l-intrapriżi kbar; billi l-proċeduri amministrattivi jagħmluha partikolarment diffiċli għall-SMEs li jkollhom aċċess għall-fondi pubbliċi; billi kwalunkwe kundizzjoni għall-aċċess tal-SMEs għall-appoġġ finanzjarju għandha għalhekk tqis is-simplifikazzjoni meħtieġa tal-proċeduri;

    M.

    billi l-Ewropa qed tiffaċċja sfidi emerġenti, bħal żieda fl-inugwaljanzi bejn il-ġenerazzjonijiet, tnaqqis fl-opportunitajiet u r-riżorsi soċjali, tas-saħħa, ekonomiċi u ambjentali, disparitajiet territorjali u aċċess inugwali għal servizzi soċjali u tas-saħħa fundamentali, opportunitajiet ta' negozju u impjiegi u infrastruttura soċjali; billi fl-2020, 96,5 miljun persuna fl-UE kienu f'riskju ta' faqar jew ta' esklużjoni soċjali, li huwa l-ekwivalenti ta' 21,9 % tal-popolazzjoni tal-UE; billi l-faqar u l-esklużjoni soċjali naqsu f'dawn l-aħħar għaxar snin; billi huwa meħtieġ aktar tnaqqis; billi t-tnaqqis fl-inugwaljanzi huwa responsabbiltà kondiviża tal-UE u l-Istati Membri; billi għandna nindirizzaw il-kawżi ewlenin tal-iżbilanċi ekonomiċi u soċjali fit-tul;

    N.

    billi fl-2018 madwar 34 miljun ċittadin Ewropew irrapportaw li mhux qed ikunu kapaċi jżommu djarhom sħan b'mod adegwat, u fi stħarriġ li sar fl-2019 madwar l-UE kollha, 6,9 % tal-popolazzjoni tal-Unjoni qalu li ma jistgħux jaffordjaw li jsaħħnu djarhom b'mod suffiċjenti;

    O.

    billi sistemi ta' protezzjoni soċjali robusti huma essenzjali għar-reżiljenza soċjali fi żminijiet ta' kriżi; billi l-konsegwenza soċjali ewlenija fl-Ewropa hija żieda fl-għoli tal-ħajja u fl-affordabbiltà tal-prodotti u tas-servizzi, li jpoġġu f'riskju d-drittijiet tal-bniedem bħall-aċċess għall-ikel, għall-akkomodazzjoni, għall-ħwejjeġ u għall-edukazzjoni, kundizzjonijiet tax-xogħol favorevoli u l-protezzjoni mill-qgħad, u l-aċċess għall-kura medika;

    P.

    billi l-Pjan ta' Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali stabbilixxa mira għall-UE biex tnaqqas in-numru ta' persuni f'riskju ta' faqar jew ta' esklużjoni soċjali b'mill-inqas 15-il miljun u adotta serje ta' proposti sabiex jintlaħaq dan l-għan sal-2030; billi fil-kuntest attwali, minħabba ż-żieda mbassra fil-faqar u l-qgħad fix-xhur li ġejjin, il-kisba tal-mira qed issir aktar diffiċli; billi s-sistemi ta' protezzjoni soċjali qegħdin taħt pressjoni kbira biex itaffu l-impatt soċjali tal-kriżi, jagħtu appoġġ lir-rifuġjati u jiżguraw kundizzjonijiet ta' għajxien deċenti għal kulħadd, kif ukoll aċċess għal servizzi essenzjali ta' kwalità bħas-saħħa, l-edukazzjoni u l-akkomodazzjoni;

    Q.

    billi l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija stmat li l-profitti eċċessivi fl-2022 jammontaw għal EUR 200 biljun (7); billi hija ddikjarat ukoll li l-miżuri fiskali temporanji fuq profitti mhux mistennija jistgħu jsiru disponibbli għad-dħul pubbliku biex jiġu kkumpensati parzjalment il-kontijiet ogħla tal-enerġija; billi l-Kummissjoni pproponiet gwida dwar l-introduzzjoni ta' miżuri tat-taxxa temporanji fuq profitti mhux mistennija f'Marzu 2022 (8);

    R.

    billi l-gwerra Russa fl-Ukrajna wriet id-determinazzjoni, l-unità u s-saħħa tal-UE fid-difiża tal-valuri demokratiċi; billi wriet ukoll il-ħtieġa ta' riformi ekonomiċi, soċjali u istituzzjonali tal-UE biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi globali tal-aggressjoni militari tar-Russja; billi hemm ħtieġa assoluta li jinżammu l-unità u s-solidarjetà li s'issa kienu impressjonanti tal-Unjoni wara l-użu tal-għodod mhux militari disponibbli kollha biex tintemm l-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna u permezz ta' mezzi kollettivi biex jiġu indirizzati l-effetti immedjati fi ħdan l-UE, kif ukoll permezz taż-żamma tal-aġenda leġiżlattiva li għaddejja bil-għan li tittejjeb ir-reżiljenza soċjali, ekonomika u ambjentali tal-Unjoni, minkejja x-xewqa ta' Putin li jaqsamna u li jġib fix-xejn dawn l-isforzi;

    S.

    billi huwa meħtieġ li jiġi żgurat il-funzjonament tal-ekonomija soċjali tas-suq u tas-suq uniku, inkluż fi żminijiet ta' kriżi, biex jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom għall-benefiċċju tal-konsumaturi Ewropej u jikkontribwixxu biex tingħata spinta lill-produttività, lill-kompetittività tan-negozji Ewropej u lill-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità;

    T.

    billi l-Kummissjoni ppreżentat miżuri konkreti biex tagħmel REPowerEU realtà;

    U.

    billi l-UE jeħtiġilha ssir potenza reali fix-xena dinjija bil-kapaċità li taġixxi u tiddeċiedi waħedha, b'mod partikolari fir-rigward tad-difiża, l-enerġija, l-agrikoltura, l-akkwakultura u l-industrija;

    V.

    billi l-aċċess għas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati qed isir ukoll dejjem aktar diffiċli għar-rifuġjati li jaslu fl-UE; billi l-UE impenjat ruħha favur il-promozzjoni, il-protezzjoni u r-rispett tad-dritt ta' kull individwu, u ta' kull mara u tfajla, li jkollhom kontroll sħiħ u jiddeċiedu b'mod liberu u responsabbli dwar kwistjonijiet relatati mas-sesswalità tagħhom u mad-drittijiet sesswali u riproduttivi tagħhom, mingħajr diskriminazzjoni, koerċizzjoni u vjolenza abbażi tal-ġeneru;

    Kunsiderazzjonijiet ġenerali

    1.

    Jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-poplu tal-Ukrajna u jirrikonoxxi li l-gwerra attiva fil-fruntieri immedjati tal-UE għandha konsegwenzi soċjali u ekonomiċi serji għall-Ewropa; huwa kompletament konxju li d-demokrazija u l-libertà ma jistgħux jiġu espressi permezz ta' kwalunkwe ekwivalenti monetarju jew kumdità soċjali; itenni l-kundanna tiegħu bl-aktar mod qawwi possibbli tal-aggressjoni militari illegali, mhux provokata u mhux ġustifikata kontra l-Ukrajna u l-invażjoni tagħha mill-Federazzjoni Russa, kif ukoll l-involviment tal-Belarussja fiha;

    2.

    Jenfasizza li l-aggressjoni militari Russa kontra l-Ukrajna u s-sanzjonijiet ġustifikati tal-UE kontra r-Russja u l-Belarussja qed jaffettwaw l-irkupru ekonomiku ta' wara l-pandemija tal-UE u huma ta' theddida serja għall-istrateġija tagħha ta' rkupru u reżiljenza, kif ukoll għall-integrità tas-suq uniku;

    3.

    Jenfasizza li l-gwerra attwali kontra l-Ukrajna aggravat il-kriżi tal-prezzijiet tal-enerġija diġà qawwija madwar l-Ewropa, u dan qed ikollu effett negattiv dirett fuq il-kapaċità tal-akkwist taċ-ċittadini kollha tal-UE u fuq l-SMEs; ifakkar li l-prezzijiet għoljin tal-gass u tal-elettriku tal-lum jaffettwaw lill-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, għalkemm fi gradi differenti u fi żminijiet differenti, u li ż-żieda f'daqqa attwali fil-prezzijiet tirrikjedi intervent rapidu sabiex jiġu identifikati u evitati l-konsegwenzi soċjoekonomiċi permezz ta' rispons politiku ekonomiku u soċjali koordinat;

    4.

    Jissottolinja l-importanza li jiġu żgurati s-sovranità tal-enerġija u l-indipendenza mill-provvisti Russi u aktar awtonomija strateġika u sigurtà tal-enerġija, billi jiġi ammeljorat u żgurat investiment maġġuri fl-infrastruttura tal-enerġija tal-UE, inkluż fl-interkonnessjonijiet u l-infrastruttura transfruntiera għall-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli, u l-effiċjenza enerġetika;

    5.

    Huwa konvint mill-ħtieġa li jkomplu jissaħħu l-kapaċitajiet ta' solidarjetà tal-Unjoni fi żminijiet ta' kriżi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill ikunu lesti f'każ li l-effetti negattivi tal-kriżi ma jkunux jistgħu jiġu indirizzati b'mod suffiċjenti permezz tal-programmi eżistenti, u jirreaġixxu b'determinazzjoni, unità u ħeffa u f'solidarjetà ma' dawk affettwati minn din il-kriżi severa ġdida, sabiex jgħinu lill-unitajiet domestiċi u lill-kumpaniji, b'mod partikolari l-SMEs; jissottolinja li rispons Ewropew determinat, koordinat u bbażat fuq is-solidarjetà huwa essenzjali biex jiġi limitat it-tixrid tal-kriżi billi jiġu identifikati, prevenuti u mmitigati l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali tagħha, u għalhekk jinżamm l-appoġġ taċ-ċittadini Ewropej għall-azzjonijiet meħuda kontra r-Russja u għall-azzjonijiet l-oħra meħtieġa biex l-Ukreni jiġu appoġġjati fid-difiża tagħhom; jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE jagħtu status ta' kandidat tal-UE lill-Ukrajna, f'konformità mal-Artikolu 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u abbażi tal-mertu;

    6.

    Jenfasizza l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-Ukrajna u għall-poplu Ukren; jenfasizza l-importanza tal-approvazzjoni tal-ħames pakketti ta' sanzjonijiet fuq ir-Russja mill-Kunsill Ewropew u jappella għall-implimentazzjoni rapida u effettiva tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jadottaw b'mod urġenti s-sitt pakkett ta' sanzjonijiet, inkluża projbizzjoni fuq l-importazzjonijiet taż-żejt Russu, kif propost mill-Kummissjoni; itenni l-appell tiegħu għal embargo immedjat u sħiħ fuq l-importazzjonijiet Russi taż-żejt, tal-faħam, tal-fjuwil nukleari u tal-gass, u biex in-Nord Stream 1 u 2 jiġu abbandunati kompletament; jitlob l-adozzjoni urġenti ta' miżuri ta' kontroll tal-ħsara fir-rigward tas-sanzjonijiet sabiex jiġi żgurat li l-ħaddiema u l-unitajiet domestiċi ma jġorrux il-piż ta' dawn id-deċiżjonijiet politiċi;

    7.

    Jappoġġja l-isforzi globali biex tingħata għajnuna lill-Ukrajna, b'mod partikolari permezz tal-G7, u jappella għal serħan mid-dejn għall-Ukrajna; jitlob li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jmexxu l-ħidma fuq Fond Fiduċjarju ta' Solidarjetà għall-Ukrajna u l-istrateġija għall-bini mill-ġdid tal-Ukrajna wara l-gwerra; ifakkar fil-pożizzjoni li ilu jħaddan li l-Parlament jeħtieġlu jkun involut bis-sħiħ fl-istabbiliment u s-superviżjoni tal-fondi fiduċjarji tal-UE u fit-teħid ta' deċiżjonijiet operazzjonali relatati;

    8.

    Jistieden lill-Kunsill jestendi l-lista ta' individwi li huma fil-mira diretta tas-sanzjonijiet tal-UE, inklużi l-oligarki Russi, filwaqt li jqis il-lista ta' 6 000 individwu ppreżentata mill-Fondazzjoni Navalny; jappella għal estensjoni tal-entitajiet tal-media affiljati mar-Russja li joperaw fl-UE ssanzjonati mill-EU, speċifikament l-“aġenzija tal-aħbarijiet” InfoRos affiljata mal-GRU;

    9.

    Jinnota li eks politiċi bħal Esko Aho, Francois Fillon u Wolfgang Schüssel reċentement irriżenjaw mill-pożizzjonijiet tagħhom f'ditti Russi u jitlob bil-qawwa li oħrajn, bħal Karin Kneissl u Gerhard Schröder, jagħmlu l-istess; jistieden ukoll lill-Kunsill jestendi l-lista ta' individwi fil-mira tas-sanzjonijiet tal-UE għall-membri Ewropej tal-bordijiet ta' kumpaniji Russi ewlenin u għal politiċi li jkomplu jirċievu flus Russi;

    Indirizzar tal-kriżi ekonomika u soċjali b'mod koordinat

    10.

    Jinsab konvint li rispons effettiv fuq terminu qasir huwa li jingħata kontribut biex jittaffew il-prezzijiet għoljin tal-enerġija għall-unitajiet domestiċi u n-negozji u li jinżammu l-kapaċità tal-akkwist, is-servizzi pubbliċi u l-impjiegi ta' kwalità, filwaqt li jitkomplew l-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u t-tranżizzjoni ġusta, diġitali u ekoloġika, kif ukoll it-tisħiħ tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali; jitlob it-tisħiħ tas-suq intern tal-enerġija sabiex jiġu eliminati d-dipendenzi tal-UE mingħajr ma jinħolqu oħrajn ġodda;

    11.

    Jisħaq, għal darb' oħra, fuq l-importanza tad-diversifikazzjoni tar-riżorsi tal-enerġija, it-teknoloġiji u r-rotot tal-provvista, filwaqt li jiġu evitati l-effetti ta' intrappolament tal-klijentela, minbarra l-istabbiliment ta' pjan fuq skala kbira għal investiment pubbliku u privat fl-effiċjenza enerġetika, l-enerġija rinnovabbli, u l-investimenti pubbliċi sostenibbli fit-tul fl-indirizzar tat-tibdil fil-klima u l-problema tal-provvista tal-enerġija; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni żżid il-koordinazzjoni tal-ippjanar u l-iffinanzjar tal-effiċjenza enerġetika u l-enerġija rinnovabbli, b'mod partikolari l-idroġenu ekoloġiku; jitlob l-eliminazzjoni gradwali rapida tas-sussidji fuq il-fjuwils fossili;

    12.

    Itenni l-istima tal-Kummissjoni dwar il-ħtieġa ta' investiment annwali addizzjonali fil-medda ta' tliet ċifri ta' biljuni (9) biex jiġu indirizzati l-isfidi u l-opportunitajiet tat-trasformazzjoni diġitali, it-tranżizzjoni ekoloġika u ġusta, u l-irkupru ekonomiku u soċjali; jisħaq, għalhekk, li jrid jiġi stabbilizzat livell ogħla ta' investiment u l-konverġenza 'l fuq fl-UE trid tissaħħaħ għal ħafna snin oħra;

    13.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkundizzjonaw l-investiment pubbliku u l-appoġġ finanzjarju, inkluż l-appoġġ finanzjarju pubbliku għan-negozji mogħti fi ħdan il-flessibilizzazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, għar-rekwiżiti rilevanti marbuta mal-objettivi tal-politika pubblika, b'mod partikolari r-rekwiżiti soċjali, ambjentali u finanzjarji, li għandhom jiġu ssodisfati mill-benefiċjarji sakemm jirċievu l-appoġġ pubbliku, filwaqt li jiżguraw kompetizzjoni ġusta u miftuħa, kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni bejn il-kumpaniji tagħna, u r-rispett għall-prinċipji fundamentali li fuqhom huwa bbażat is-suq uniku tagħna;

    14.

    Jirrikonoxxi li l-mitigazzjoni tal-impatt taż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija fuq unitajiet domestiċi vulnerabbli se tkun kruċjali biex jiġu kkontrollati r-rati tal-faqar; jistieden lill-Istati Membri jkunu effettivi u mmirati fiż-żieda fl-infiq soċjali tagħhom, inkluż l-appoġġ għall-introjtu, biex itaffu l-impatt taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija, speċjalment għall-unitajiet domestiċi b'introjtu baxx, u fil-finanzjament ta' politiki pubbliċi ħalli jżidu l-effiċjenza enerġetika u l-espansjoni tal-enerġija rinnovabbli; jisħaq li t-tkabbir fil-pagi għandu jqis l-inflazzjoni fit-tul u t-tkabbir fil-produttività sabiex tinżamm il-kapaċità tal-akkwist tal-unitajiet domestiċi;

    15.

    Itenni l-appell tal-Kunsill lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposti li jindirizzaw b'mod effettiv il-problema ta' prezzijiet eċċessivi tal-elettriku filwaqt li jippreservaw l-integrità tas-suq uniku; ifakkar fl-għażliet attwali fuq terminu qasir ippreżentati mill-Kummissjoni (appoġġ dirett lill-konsumaturi permezz ta' vawċers, rifużjonijiet tat-taxxa jew permezz ta' “mudell ta' aggregatur/xerrej waħdieni”, għajnuna mill-Istat, tassazzjoni, limiti massimi tal-prezzijiet u miżuri regolatorji bħal kuntratti għal differenzi) sabiex jitnaqqas l-impatt tal-prezzijiet għoljin b'mod straordinarju fuq iċ-ċittadini u n-negozji, filwaqt li jiġi indirizzat l-effett ta' kontaġju fuq is-swieq tal-elettriku; jinsab imħasseb dwar abbużi potenzjali tas-suq; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-impatt tal-prezzijiet tal-gass fuq il-funzjonament tas-suq tal-elettriku, b'mod partikolari r-rwol tal-iffissar tal-prezz tal-gass fil-prezz finali;

    16.

    Huwa mħasseb ħafna dwar il-konsegwenzi tal-gwerra Russa kontra l-Ukrajna fuq is-sistema tal-ikel tal-UE; jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jissaħħaħ l-approċċ tal-UE għas-sigurtà tal-ikel u, fejn meħtieġ, li tiżdied il-kapaċità tal-produzzjoni sostenibbli sabiex titnaqqas id-dipendenza ġenerali tas-sistema tal-ikel tal-UE u tinbena reżiljenza akbar fil-katina tal-provvista tal-ikel; jirrimarka li l-impatt ewlieni fuq is-settur agroalimentari minħabba ż-żieda qawwija fl-ispejjeż tal-produzzjoni, kif deskritt fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-24 ta' Marzu 2022 dwar il-ħtieġa ta' pjan ta' azzjoni urġenti tal-UE biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-ikel kemm fl-UE kif ukoll barra l-UE fid-dawl tal-invażjoni Russa tal-Ukrajna, iwissi li r-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni mħabbra minn ħafna pajjiżi jistgħu jwasslu għal żidiet fil-prezzijiet, jiddestabbilizzaw is-swieq, jikkontribwixxu għall-ġuħ u għal prattiki spekulattivi;

    L-integrazzjoni ta' persuni spostati temporanjament mill-Ukrajna

    17.

    Jisħaq li l-gwerra fl-Ukrajna u ż-żieda sussegwenti fl-għoli tal-ħajja u r-riskju tal-qgħad jistgħu jkomplu jaggravaw is-sitwazzjoni tal-familji, ir-rifuġjati, in-nisa, it-tfal f'riskju ta' faqar u inklużjoni soċjali jew ta' dawk li jeħtieġu aċċess għal kura ta' kwalità jekk miżuri ta' protezzjoni addizzjonali xierqa ma jiġux implimentati; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffukaw l-isforzi tagħhom fuq l-implimentazzjoni tal-Garanzija Ewropea għat-Tfal lejn l-iżgurar tal-aċċess għal servizzi ta' kwalità bla ħlas għat-tfal li jaħarbu mill-Ukrajna fuq l-istess livell tal-pari nazzjonali tagħhom tal-UE fl-Istati Membri ospitanti u jżidu b'mod urġenti l-finanzjament tal-Garanzija Ewropea għat-Tfal b'baġit xieraq;

    18.

    Iqis li l-aċċess għal servizzi sħaħ tal-kura tas-saħħa għal kulħadd, b'mod partikolari għan-nisa u l-bniet li huma vittmi ta' reati tal-gwerra u li huma rifuġjati fl-UE jrid jiġi ggarantit fl-Istati Membri kollha; jistieden lill-Istati Membri jgħinu lin-nisa Ukreni spostati temporanjament biex jiżguraw aċċess universali għal kura tas-saħħa sesswali u riproduttiva ta' kwalità ħielsa minn diskriminazzjoni, koerċizzjoni u abbuż, jindirizzaw il-kwistjoni tar-rimedji legali u jipprevjenu l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem li jaffettwahom; jilqa' t-tħabbira tal-Kummissjoni ta' EUR 1,5 miljun għal proġett iddedikat għall-appoġġ tal-Fond tan-NU għall-Popolazzjoni biex jassisti lin-nisa u l-bniet fl-Ukrajna billi jipprovdi servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva;

    19.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni partikolari lis-sitwazzjoni ta' minorenni mhux akkumpanjati, tfal mifruda u tfal minn ambjenti ta' kura istituzzjonali mill-Ukrajna biex jiżguraw li l-ħtiġijiet immedjati tagħhom jiġu ssodisfati, li jiġu identifikati u traċċati b'mod adegwat u li d-data tinqasam bejn l-Istati Membri bil-għan li jerġgħu jingħaqdu mal-familji tagħhom jew jiġu integrati mill-ġdid aktar tard fis-soċjetà Ukrena, filwaqt li tiġi ggarantita l-protezzjoni tagħhom mill-abbuż jew it-traffikar, b'mod partikolari fil-każ ta' nisa żgħażagħ;

    20.

    Jenfasizza li l-kriżi tal-COVID-19 uriet il-kontribut kruċjali tal-ħaddiema migranti fl-appoġġ tal-ekonomiji Ewropej; iwissi, madankollu, li ħafna drabi l-ħaddiema migranti jiltaqgħu ma' kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien ħżiena, in-nuqqas ta' protezzjoni soċjali, iċ-ċaħda tal-libertà ta' assoċjazzjoni u d-drittijiet tal-ħaddiema, id-diskriminazzjoni u l-ksenofobija, u jinsab imħasseb dwar il-każijiet irraportati ta' sfruttament ta' ħaddiema ġejjin mill-Ukrajna; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw dawn il-każijiet, u jiżguraw li d-drittijiet tal-ħaddiema Ukreni huwa protetti u li l-integrazzjoni tagħhom titwettaq b'rispett sħiħ għal-liġi, l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni; jemmen li t-trade unions u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili madwar l-UE jeħtieġ li jiġu appoġġjati, anke meta jitwettqu azzjonijiet biex jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet fundamentali tax-xogħol u soċjali tar-rifuġjati, biex il-ħaddiema rifuġjati jiġu organizzati u magħquda f'union u biex jingħataw is-setgħa;

    21.

    Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi wkoll għajnuna finanzjarja lill-Istati Membri li jirrispettaw l-istat tad-dritt għall-akkoljenza u l-integrazzjoni soċjali tar-refuġjati u l-integrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol, inkluż għas-servizzi tal-kura, għall-akkomodazzjoni, għall-ikel, għall-għajnuna materjali, għall-programmi ta' taħriġ u għas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi; jissottolinja l-ħtieġa li jiġu offruti protezzjoni u kura speċjalizzati lill-persuni b'diżabilità li ġejjin mill-Ukrajna; jistieden lill-Istati Membri jappoġġjaw lill-awtoritajiet nazzjonali, iċ-ċentri ta' akkoljenza, edukazzjoni u impjiegi, l-NGOs u l-organizzazzjonijiet tal-karità fl-użu tal-Għodda tal-UE għall-Profili tal-Ħiliet għaċ-Ċittadini ta' Pajjiżi Terzi;

    22.

    Jirrimarka li s-sistemi tas-saħħa mentali tal-Ewropa għandhom jiġu ffinanzjati aħjar u li l-kura tista' tkun ta' sfida għall-aċċess għall-popolazzjoni ġenerali u għandha tittejjeb; jisħaq li hija saħansitra aktar ta' sfida għar-rifuġjati u migranti oħra; iqis li se jkun kruċjali li jiżdied b'mod sinifikanti l-finanzjament għas-servizzi tas-saħħa mentali klinika biex jiġu appoġġjati r-rifuġjati ħalli jkunu jistgħu jgħixu bit-trawma, flimkien ma' approċċi mhux kliniċi fi sħubija mal-iskejjel, mal-organizzazzjonijiet ibbażati fil-komunità u ma' oħrajn;

    Pakkett ġdid ta' reżiljenza għall-Ewropa

    Pakkett ta' Reżiljenza Soċjali għan-nies

    23.

    Jisħaq li huwa mistenni li s-sitwazzjoni ekonomika u soċjali fl-UE tirriskja li tkompli tiddeterjora fix-xhur li ġejjin u se tintensifika minħabba l-kombinazzjoni ta' prezzijiet tal-enerġija saħansitra ogħla u b'hekk nefqa ogħla għat-tisħin, u inflazzjoni ogħla għal prodotti u servizzi oħra; itenni li r-riskji għas-saħħa xorta għandhom jiġu mmonitorjati; iqis li jkun importanti għall-UE li tantiċipa dan u li tistabbilixxi qafas ta' politika u inizjattivi konkreti għall-Istati Membri, li għandhom jkunu mmirati biex jappoġġjaw is-segmenti l-aktar vulnerabbli tal-popolazzjonijiet tagħhom sas-sajf tal-2022; itenni l-appell tal-Kunsill lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni, fid-dawl tal-istaġun tax-xitwa li jmiss, biex jistabbilixxu b'mod urġenti l-mekkaniżmi ta' solidarjetà u kumpens meħtieġa u biex jaħdmu flimkien fuq miżuri komuni;

    24.

    Jitlob pakkett temporanju Ewropew ta' reżiljenza soċjali li jikkoordina sett ta' miżuri u mezzi biex jissaħħu s-sistemi ta' servizzi soċjali u ta' protezzjoni soċjali fl-UE, inklużi l-kontinwazzjoni u r-rifinanzjament ta' SURE sakemm il-konsegwenzi soċjoekonomiċi tal-gwerra jkomplu jkollhom impatt negattiv fuq is-suq tax-xogħol, u faċilità ta' salvataġġ soċjali b'aktar appoġġ pubbliku għal strumenti eżistenti mmirati lejn l-ifqar fis-soċjetà tagħna; jitlob, barra minn hekk, l-adozzjoni rapida tal-Fond Soċjali għall-Klima; jitlob għal tisħiħ tal-investiment f'miżuri klimatiċi soċjali; jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw sospensjoni temporanja tal-iskemi nazzjonali għall-indiċizzazzjoni tal-kera, fejn applikabbli;

    25.

    Jistieden lill-Kummissjoni torganizza segwitu għas-Summit Soċjali ta' Porto li jinkludi l-istituzzjonijiet tal-UE u s-sħab soċjali sabiex jiġu diskussi l-isfidi tas-sitwazzjoni straordinarja li qed inħabbtu wiċċna magħha maż-żieda fl-inflazzjoni u l-konsegwenzi soċjali tagħha, b'mod partikolari fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-għajxien, ridistribuzzjoni ġusta tal-ġid fost gruppi differenti fis-soċjetà u pagi deċenti, u taħdem fuq aġġornament tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali li jiżgura li l-objettivi li ġew stabbiliti jintlaħqu bl-adozzjoni potenzjali ta' proposti addizzjonali, fejn meħtieġa, u/jew mezzi finanzjarji;

    26.

    Jenfasizza li l-Kummissjoni se tippreżenta rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar qafas għal skemi ta' introjtu minimu, bil-għan li tissalvagwardja d-dritt għal ħajja deċenti, teqred il-faqar u tindirizza l-kwistjonijiet tal-adegwatezza u l-kopertura, inkluża klawżola ta' nonrigressjoni, peress li din hija meħtieġa b'mod urġenti; ifakkar li l-Kummissjoni kienet qed tirrakkomanda skemi ta' introjtu minimu fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż u ddikjarat li mhux l-Istati Membri kollha stabbilew l-iskemi tagħhom il fuq mis-soll tal-faqar; jitlob, barra minn hekk, li l-adozzjoni ta' skemi ta' allowances għall-ksib ta' kwalifiki tingħata lin-nies fil-bżonn li jridu jirreġistraw għat-taħriġ vokazzjonali jew għall-edukazzjoni terzjarja, sabiex jiġu koperti l-ispejjeż edukattivi u l-ħtiġijiet essenzjali tagħhom;

    27.

    Ifakkar li ż-żgħażagħ ġew affettwati b'mod partikolari mill-kriżi tal-COVID-19 f'termini ta' impjieg, edukazzjoni, taħriġ u benesseri mentali; jesprimi tħassib dwar il-fatt li l-konsegwenzi ekonomiċi mill-kriżi attwali li jirriżultaw mill-aggressjoni Russa fl-Ukrajna se jirriskjaw li jħallu ħafna aktar żgħażagħ fl-Ewropa qiegħda, b'konsegwenzi soċjoekonomiċi fit-tul;

    28.

    Ifakkar li d-dritt għal standard ta' għajxien adegwat, inkluża l-akkomodazzjoni, huwa inkluż fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem; iwissi li s-suq tal-akkomodazzjoni fl-Ewropa se jitqiegħed taħt aktar pressjoni u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, għalhekk, jaħdmu biex jiżguraw aċċess għal akkomodazzjoni deċenti u bi prezzijiet raġonevoli għal kulħadd permezz tal-Pjanijiet Nazzjonali ta' Akkomodazzjoni bi Prezzijiet Raġonevoli inklużi fil-Programmi Nazzjonali ta' Riforma; jilqa', f'dan il-kuntest, il-Pjattaforma Ewropea għall-ġlieda kontra l-problema ta' persuni mingħajr dar;

    29.

    Iwissi dwar l-impatt tal-gwerra li għaddejja fuq il-ktajjen tal-provvista globali tal-ikel u l-prezzijiet tal-ikel, u l-konsegwenzi għall-kapaċità tal-akkwist; fid-dawl taż-żieda tal-prezzijiet tal-ikel, jenfasizza ż-żieda fl-allokazzjoni minima adottata lejn miżuri ta' inklużjoni soċjali fl-FSE+ il-ġdid kif ukoll it-3 % aktar minn dik għal miżuri fi ħdan il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jallokaw aktar mill-ammonti minimi meħtieġa f'konformità mal-FSE+;

    Pakkett ta' Għajnuna Ekonomika għan-Negozji

    30.

    Itenni l-appelli tiegħu biex tittieħed azzjoni konġunta tal-UE ħalli jiġu indirizzati l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali tal-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna u tas-sanzjonijiet imposti; jipproponi li jinħoloq Pakkett ta' Għajnuna Ekonomika għan-Negozji, inklużi elementi ekonomiċi, baġitarji u leġiżlattivi, għall-SMEs u l-investiment pubbliku, mingħajr ma jiġu kompromessi l-miri klimatiċi tal-UE għall-2030 u l-2050; jemmen li tali pakkett għandu tal-anqas jinkludi:

    (a)

    li l-Kummissjoni tipprovdi analiżi li tidentifika s-setturi l-aktar affettwati mill-effetti kumulattivi ta' prezzijiet ogħla tal-enerġija u tal-materja prima u l-impatt tal-gwerra, f'konformità mal-objettivi ta' regolamentazzjoni aħjar;

    (b)

    żieda tal-għajnuna għan-negozji f'tali setturi billi tiġi żgurata applikazzjoni flessibbli tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, filwaqt li tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta soġġetta għar-rekwiżiti vinkolanti rilevanti ta' sostenibbiltà integrati fil-mudelli ta' negozju tal-impriżi, bħal projbizzjonijiet fuq sensji kollettivi, żieda fl-effiċjenza enerġetika, użu addizzjonali tal-enerġija rinnovabbli u miri ta' tnaqqis ta' materjal verġni;

    (c)

    l-adozzjoni ta' strateġija ta' diversifikazzjoni biex tiġi żgurata provvista affidabbli ta' komoditajiet u materja prima kritika, bħall-metalli tal-materjali tal-art rari, kif ukoll l-iżgurar ta' ktajjen ta' provvista sostenibbli f'konformità mal-Ftehim ta' Pariġi;

    (d)

    li tiġi żgurata l-indipendenza enerġetika mill-provvisti Russi u aktar awtonomija strateġika, billi jiġi ammeljorat u żgurat investiment maġġuri fl-infrastruttura tal-enerġija tal-UE, inkluż fl-interkonnessjonijiet u l-infrastruttura transfruntiera, il-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli, u l-effiċjenza enerġetika;

    (e)

    żieda fil-livell tal-garanzija tal-UE fil-programm InvestEU biex tingħata spinta lill-investiment b'appoġġ għall-SMEs Ewropej, inkluż għal skopijiet ta' appoġġ kapitali, u l-ħolqien ta' tieqa ddedikata għall-kumpaniji affettwati mill-konsegwenzi tal-gwerra u għal proġetti relatati mal-indipendenza enerġetika u li jaġġoġġjaw il-miri tal-enerġija u tal-klima f'dan il-programm, iffinanzjat minn finanzjament ġdid;

    31.

    Jissottolinja l-konklużjonijiet reċenti tal-Kunsill li jistiednu lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jkomplu jagħmlu l-aħjar użu mis-sett ta' għodod tal-għajnuna mill-Istat, inkluż il-qafas temporanju ġdid ta' għajnuna mill-Istat għall-kriżijiet; jissottolinja n-nuqqas, f'dan ir-rigward, ta' kwalunkwe kundizzjoni ta' sostenibbiltà u soċjali fil-qafas ta' għajnuna mill-Istat ippreżentat mill-Kummissjoni; jinsisti li l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri jiżguraw li l-appoġġ finanzjarju pubbliku pprovdut lill-kumpaniji sabiex jiġu miġġielda l-effetti ekonomiċi tal-pandemija u l-gwerra jiġi pprovdut biss jekk il-finanzjament jintuża għall-benefiċċju tal-impjegati u li l-kumpaniji li jirċevuh ma jagħtux bonusijiet lill-maniġment, ma jevitawx it-taxxa, ma jħallsux dividendi u ma joffrux skemi ta' xiri lura ta' ishma sakemm ikunu qed jirċievu dan l-appoġġ;

    32.

    Jilqa' l-adozzjoni li ġejja mill-Kummissjoni ta' strument ta' emerġenza tas-suq uniku; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tintegra dispożizzjonijiet fil-kuntest ta' qafas leġiżlattiv bħal dan li jistabbilixxu testijiet tal-istress ta' reżiljenza għall-impriżi, bħalma huma t-testijiet tal-istress għall-istituzzjonijiet finanzjarji, li jimmappjaw, jivvalutaw u jipprovdu tweġibiet potenzjali għar-riskji tal-katina tal-provvista tagħhom, inkluż l-esternalitajiet u r-riskji soċjali, ambjentali u politiċi;

    33.

    Ifakkar fl-importanza ta' suq uniku li jiffunzjona tajjeb bħala s-sinsla tal-ekonomija tal-UE; jissottolinja li l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja enfasizzat għadd ta' sfidi għar-reżiljenza tal-UE għad-domanda u l-provvista, li qed jaffettwaw l-industriji tagħha u jifframmentaw is-suq uniku; jitlob lill-Kummissjoni tressaq proposti ġodda biex tħeġġeġ lill-atturi privati jinvestu fl-UE u b'mod partikolari jsaħħu s-suq uniku għas-servizzi, tagħmel progress fl-unjoni tas-swieq kapitali u fl-unjoni bankarja u tagħmel użu minn forom ġodda ta' sħubijiet pubbliċi-privati li fihom l-Istat jassumi riskji limitati ta' finanzjament biex jattira aktar attivitajiet ta' investiment tas-settur privat, bħall-iskemi ta' appoġġ tal-COVID għall-SMEs;

    Tisħiħ tal-kapaċità ta' azzjoni tal-UE

    34.

    Jenfasizza li fir-rispons Ewropew għall-kriżi tal-COVID, iċ-ċittadini Ewropej ħassew li l-UE kienet qed tipproteġihom u tiftaħ prospetti, b'mod partikolari permezz tal-ħolqien tal-programm SURE u n-NextGenerationEU (NGEU); jissottolinja li la l-fond tal-NGEU, il-komponent tiegħu tal-Fond għall-Irkupru u r-Reżiljenza, u lanqas il-flessibbiltà fl-ambitu tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) attwali tal-2021-2027 mhuma biżżejjed biex ikopru bis-sħiħ il-ħtiġijiet finanzjarji ġġenerati mill-gwerra fl-Ukrajna; ifakkar li dawn l-istrumenti la kienu mfassla u lanqas maħsuba f'termini ta' daqs biex jindirizzaw l-isfidi l-ġodda li jirriżultaw mill-aggressjoni u l-invażjoni Russa u fl-istess ħin iżommu l-investimenti fil-programmi u l-politiki tal-UE, inklużi prijoritajiet importanti bħat-tranżizzjonijiet ġusti, ekoloġiċi u diġitali;

    35.

    Jenfasizza l-ħtieġa li jsir użu ottimali mill-opportunitajiet ta' finanzjament eżistenti, mill-flessibbiltà u minn dispożizzjonijiet oħra stabbiliti fir-Regolament dwar il-QFP u fir-Regolament Finanzjarju; huwa madankollu konvint li jeħtieġ li tiġi prevista flessibbiltà addizzjonali fil-baġit tal-UE biex jirrispondi għal ħtiġijiet mhux previsti u urġenti, inkluż l-użu sħiħ mid-diżimpenji; jistieden lill-Kummissjoni twettaq rieżami fil-fond tal-funzjonament tal-QFP attwali u tipproċedi bi proposta leġiżlattiva għal reviżjoni komprensiva tal-QFP mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard mill-ewwel trimestru tal-2023; jistenna li tali reviżjoni tqis l-implikazzjonijiet fit-tul tal-gwerra fl-Ukrajna u l-miżuri ta' emerġenza meħuda;

    36.

    Ifakkar li huwa lest li jimmobilizza l-istrumenti baġitarji kollha disponibbli tal-UE bil-għan li jipprovdi l-appoġġ finanzjarju l-aktar b'saħħtu possibbli lin-nies li qed jaħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna u jwissi li tali mobilizzazzjoni ma għandhiex tkun ta' detriment għall-programmi u l-azzjonijiet eżistenti; jistieden lill-Kummissjoni tidentifika r-riżorsi addizzjonali mhux allokati, b'mod partikolari minn eżerċizzji ta' programmazzjoni preċedenti, li jistgħu jiġu mmobilizzati biex jappoġġjaw lill-Ukrajna u jindirizzaw il-konsegwenzi tal-gwerra;

    37.

    Jilqa' l-pjan deskritt mill-Kummissjoni taħt il-programm il-ġdid tagħha REPowerEU biex l-Ewropa ssir indipendenti mill-fjuwils fossili Russi ferm qabel l-2030, li tibda bil-gass, fid-dawl tal-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja; jistieden lill-Kummissjoni tesplora kif dan il-programm jista' jintuża flimkien mal-Pjanijiet Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza biex jiġu avvanzati l-investimenti fit-tranżizzjoni tal-enerġija, inkluż il-finanzjament ta' proġetti multinazzjonali fil-qasam tas-sigurtà tal-enerġija;

    38.

    Jitlob l-implimentazzjoni rapida tal-Pjanijiet Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza, b’mod partikolari fil-qasam tal-enerġija, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak Ewropew; jemmen bis-sħiħ li dan għandu jżid l-awtonomija strateġika tal-UE;

    39.

    Ifakkar li aktar minn EUR 200 biljun ta' self ma ġewx ikkuntrattati; jitlob, għalhekk, lill-Istati Membri jużaw is-self li għadu ma ntalabx taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza sabiex ikopru l-ispejjeż ekonomiċi u soċjali negattivi li jirriżultaw mill-gwerra, f'konformità mar-Regolament dwar il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza;

    40.

    Jinnota l-konklużjonijiet tal-FMI li l-politika fiskali hija aktar adattata biex tindirizza xokkijiet ġodda mill-politika monetarja u li l-istabbilizzaturi fiskali awtomatiċi għandhom jitħallew joperaw liberament, filwaqt li jiġi allokat, inter alia, infiq addizzjonali għall-appoġġ umanitarju lir-rifuġjati u għat-trasferimenti lejn unitajiet domestiċi b'introjtu baxx u appoġġ immirat lejn ditti vulnerabbli, iżda vijabbli;

    41.

    Jinnota l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-gwida tal-politika fiskali għall-2023 (10) u t-talba tagħha biex tinżamm pożizzjoni fiskali ta' appoġġ filwaqt li tkun lesta tirreaġixxi għas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali li qed tevolvi; jistenna li l-Kummissjoni tressaq sett ta' miżuri ta' politika fiskali biex tirreaġixxi għal xokkijiet ekonomiċi u ż-żieda fil-livelli tal-faqar; jistenna wkoll, f'dan il-kuntest, li l-klawżola liberatorja ġenerali tibqa' attivata sakemm tippersisti l-ġustifikazzjoni sottostanti; iqis li r-ritorn għar-regoli fiskali fiċ-ċirkostanzi attwali jista' jkollu konsegwenzi mhux intenzjonati għall-ekonomija tal-UE u għall-kapaċità tal-Istati Membri li jiffaċċjaw il-kriżi attwali;

    42.

    Jieħu l-opportunità, fost l-isfidi ġeopolitiċi globali li għaddejjin bħalissa, bħall-pandemija tal-COVID-19 u l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja, li jikkunsidra mill-ġdid il-governanza ekonomika tal-UE sabiex iżid ir-reżiljenza tagħha għax-xokkijiet u l-kriżijiet, kif ukoll isaħħaħ id-dimensjoni soċjali u tal-enerġija tagħha; jistieden lill-Kummissjoni biex tagħti ħajja ġdida lir-rispons komprensiv tal-politika ekonomika għall-kriżi attwali sabiex tindirizza b'mod effettiv l-inugwaljanzi ekonomiċi u soċjali fl-isfond ta' ħtiġijiet enormi ta' investiment

    43.

    Jistieden lill-Kummissjoni tniedi rieżami tar-regoli fiskali tal-UE; jinnota li r-rieżami tal-qafas ta' governanza ekonomika jrid iqis il-konsegwenzi tal-pandemija, il-gwerra u l-implikazzjonijiet għat-tranżizzjoni enerġetika;

    44.

    Jitlob l-istabbiliment ta' Fond Ewropew iddedikat ġdid (Fond Awtonomu Strateġiku għall-Ewropa) biex jiffinanzja l-infrastruttura tal-enerġija transfruntiera – filwaqt li jiġu evitati effetti ta' intrappolament fuq il-fjuwils fossili – u l-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika, filwaqt li tissaħħaħ it-triq lejn il-Patt Ekoloġiku Ewropew, kif ukoll iċ-ċibersigurtà, il-kompetittività industrijali, l-ekonomija ċirkolari, is-sigurtà tal-ikel u l-iżvilupp sostenibbli, u b'hekk tiġi żgurata l-awtonomija tal-Ewropa u jiġu protetti servizzi pubbliċi ta' kwalità fid-deċennji li ġejjin; jinsisti li kwalunkwe fond ġdid bħal dan għandu jiġi stabbilit skont il-proċedura u l-funzjoni leġiżlattiva ordinarja u jiġi operat taħt is-sorveljanza sħiħa tal-Parlament Ewropew u jkun ġestit direttament mill-Kummissjoni; jenfasizza li l-ammont globali tiegħu għandu jiġi stabbilit abbażi ta' valutazzjoni ċara tal-lakuni fl-ispejjeż u fl-investiment; jitlob li dan kollu jkun ibbażat fuq it-tagħlimiet meħuda mill-NGEU;

    45.

    Jenfasizza li, b'mod parallel, huma meħtieġa riżorsi proprji ġodda addizzjonali tal-UE biex tal-anqas ikopru l-ispejjeż ta' ripagament tal-NGEU (kapital u imgħax) u biex jiżguraw finanzjament sostenibbli tal-baġit tal-UE fuq bażi fit-tul sabiex jiġi evitat li l-prijoritajiet il-ġodda tal-UE jiġu ffinanzjati għad-detriment tal-programmi u l-politiki eżistenti tal-UE; huwa determinat li jimmonitorja mill-qrib l-implimentazzjoni tal-pjan direzzjonali miftiehem u legalment vinkolanti dwar ir-riżorsi proprji minn Diċembru 2020; iħeġġeġ lill-Kunsill iħaffef in-negozjati dwar l-ewwel basket ta' riżorsi proprji tal-UE, li jinkludi dħul mill-Mekkaniżmu ta' Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntiera, l-Iskema għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet u sehem mill-profitti tal-akbar kumpaniji multinazzjonali u l-aktar profittabbli bil-ħsieb li jintlaħaq ftehim qabel it-tlestija tal-proċedura baġitarja tal-2023; itenni t-talba tiegħu għall-introduzzjoni tat-tieni basket ta' riżorsi proprji ġodda mingħajr aktar dewmien, inkluża Taxxa fuq it-Tranżazzjonijiet Finanzjarji, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta proposta qabel Diċembru 2023; jenfasizza l-ħtieġa li tittieħed azzjoni ulterjuri jekk ir-riżorsi proprji ġodda proposti ma jiġux adottati jew ma jiġġenerawx il-livell antiċipat ta' dħul għall-baġit tal-UE; jirrimarka l-importanza, f'dan il-kuntest, tad-Djalogu Regolari dwar ir-Riżorsi Proprji bejn it-tliet istituzzjonijiet;

    46.

    Jenfasizza li, kif enfasizzat mill-Kunsill Ewropew, it-tassazzjoni temporanja jew l-interventi regolatorji fuq profitti mhux mistennija jistgħu jkunu sors ta' finanzjament pubbliku nazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkoordinaw it-tfassil ta' skemi ta' tassazzjoni tal-profitt mhux mistenni jew miżuri regolatorji oħra sabiex jużawhom biex itaffu l-konsegwenzi soċjali u ekonomiċi tal-gwerra fl-Ukrajna għall-UE;

    47.

    Jenfasizza l-urġenza tal-implimentazzjoni rapida tal-ftehim tal-Pilastru 2 tal-OECD dwar tassazzjoni effettiva minima, minbarra l-implimentazzjoni tal-Pilastru 1, iċċentrat fuq distribuzzjoni aktar ġusta tal-profitti u fuq id-drittijiet tat-tassazzjoni fost il-pajjiżi fir-rigward tal-akbar kumpaniji multinazzjonali, inklużi dawk fis-settur diġitali (11);

    48.

    Itenni l-urġenza li jiġu miġġielda l-evażjoni tat-taxxa, l-evitar tat-taxxa u l-ippjanar aggressiv tat-taxxa permezz ta' riformi ulterjuri, inkluż dik tal-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta dwar it-Tassazzjoni tal-Intrapriżi, f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament; jistieden lill-Kunsill jilħaq ftehim dwar il-proposti tal-Kummissjoni għal reviżjoni tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija (12) u għal direttiva li tistabbilixxi regoli biex jiġi evitat l-użu ħażin ta' entitajiet fittizji għal skopijiet ta' taxxa (13) wara l-opinjoni tal-Parlament dwar dan;

    49.

    Jilqa' l-istudju ta' fattibbiltà mitlub mill-Kummissjoni għal reġistru tal-assi tal-UE bħala riżultat ta' talba speċifika mill-Parlament; jinnota li mekkaniżmu bħal dan jista' jipprovdi lill-awtoritajiet pubbliċi b'aċċess f'waqtu għall-informazzjoni dwar is-sjieda ta' assi u oġġetti ta' valur għoli madwar l-UE u b'hekk irażżan b'mod effettiv l-isforzi biex jiġu evitati sanzjonijiet finanzjarji mmirati, u jiġu miġġielda l-ħasil tal-flus u l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa; iqis, barra minn hekk, li l-Kummissjoni titlob li l-ġurisdizzjonijiet barra mill-UE jiżvelaw informazzjoni dwar is-sjieda tal-assi ta' individwi u entitajiet sanzjonati fil-ġurisdizzjonijiet tagħhom;

    50.

    Itenni t-talba tiegħu li jintuża l-qafas tan-negozjati dwar il-pakkett leġiżlattiv dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu biex jingħalqu l-lakuni eżistenti li jippermettu li l-istrutturi tas-sjieda benefiċjarja jiġu oskurati, u biex jiġi żgurat li l-assi rilevanti kollha miżmuma mill-oligarki Russi elenkati fl-UE jiġu kkonfiskati f'konformità mal-qafas legali tal-UE; jirrikonoxxi l-ħidma tat-Task Force tal-Kummissjoni dwar l-Iffriżar u l-Konfiska f'dan il-kuntest;

    o

    o o

    51.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

    (1)  Testi adottati, P9_TA(2022)0121.

    (2)  Testi adottati, P9_TA(2022)0099.

    (3)  Testi adottati, P9_TA(2022)0206.

    (4)  ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 28.

    (5)  ĠU C 99, 1.3.2022, p. 191.

    (6)  Proposta tal-Kummissjoni tal-24 ta' Novembru 2021 għal Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi 2022 (COM(2021)0743).

    (7)  https://www.iea.org/reports/a-10-point-plan-to-reduce-the-european-unions-reliance-on-russian-natural-gas

    (8)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Marzu 2022 bit-titolu “REPowerEU: Azzjoni Ewropea Konġunta għal enerġija aktar affordabbli, sikura u sostenibbli” (COM(2022)0108).

    (9)  Dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tas-27 ta' Mejju 2020 dwar l-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet ta' rkupru tal-Ewropa (SWD(2020)0098), p 16ff.

    (10)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Marzu 2022 dwar gwida għall-politika fiskali għall-2023 (COM(2022)0085).

    (11)  Ara t-tweġiba mogħtija mill-Kummissarju Gentiloni fil-15 ta' Frar 2022 bi tweġiba għall-Mistoqsija bil-Miktub E-005563/2021 dwar id-dħul mit-taxxa tal-Istati Membri u l-UE wara l-ftehim tal-OECD.

    (12)  Proposta tal-Kummissjoni għal direttiva tal-Kunsill tal-14 ta' Lulju 2021 li tirriforma l-istruttura tal-Unjoni dwar tassazzjoni fuq prodotti tal-enerġija u l-elettriku (COM(2021)0563).

    (13)  Proposta tal-Kummissjoni għal direttiva tal-Kunsill tat-22 ta' Diċembru 2021 li tistabbilixxi regoli għall-prevenzjoni tal-użu ħażin ta' entitajiet fittizji għal finijiet ta' taxxa (COM(2021)0565).


    Top