Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021XC0901(01)

    Avviż tal-Kummissjoni Gwida ta’ Implimentazzjoni għall-Protokoll għall-Ftehim CETA bejn il-Kanada, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha dwar l-aċċettazzjoni reċiproka tar-riżultati tal-valutazzjoni tal-konformità 2021/C 351/01

    C/2021/5746

    ĠU C 351, 1.9.2021, p. 1–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    1.9.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 351/1


    AVVIŻ TAL-KUMMISSJONI

    Gwida ta’ Implimentazzjoni għall-Protokoll għall-Ftehim CETA bejn il-Kanada, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha dwar l-aċċettazzjoni reċiproka tar-riżultati tal-valutazzjoni tal-konformità

    (2021/C 351/01)

    Introduzzjoni

    Fil-qasam tal-ostakli tekniċi għall-kummerċ, il-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (“CETA”) bejn l-Unjoni Ewropea (UE) u l-Kanada jipprevedi Protokoll ambizzjuż dwar l-aċċettazzjoni reċiproka tar-riżultati tal-valutazzjoni tal-konformità (“il-Protokoll”). (1)

    Mill-1998, il-Kanada u l-UE rrikonoxxew ir-riżultati tal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità rispettivi tagħhom permezz ta’ Ftehim ta’ Rikonoxximent Reċiproku. (2) Tali kooperazzjoni hija possibbli peress li l-UE u l-Kanada għandhom rekwiżiti ta’ sikurezza u saħħa simili. B’hekk, permezz tal-istabbiliment ta’ ftehim ta’ rikonoxximent reċiproku, il-Partijiet żguraw is-sikurezza u s-saħħa tal-konsumaturi, filwaqt li naqqsu l-kostijiet addizzjonali żejda tan-negozji tagħhom b’aċċettazzjoni reċiproka tar-riżultati tal-valutazzjoni tal-konformità.

    Il-Protokoll, li jissostitwixxi l-ftehim ta’ rikonoxximent reċiproku mill-1998, ikompli jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tas-setturi tal-prodotti koperti u, għall-ewwel darba fi ħdan il-kooperazzjoni ta’ valutazzjoni tal-konformità, jagħmel l-akkreditazzjoni tal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità obbligatorja. B’dan il-mod, il-Protokoll isaħħaħ is-sorveljanza pubblika u jservi ta’ ispirazzjoni għall-kooperazzjoni internazzjonali futura fi ħdan l-attivitajiet ta’ valutazzjoni tal-konformità.

    Dan id-dokument għandu l-għan li jiffaċilita l-implimentazzjoni rapida tal-elementi ewlenin tal-Protokoll. Dan jipprovdi gwida prattika dwar l-azzjonijiet u l-passi li għandhom jittieħdu mill-korpi ta’ akkreditazzjoni tal-UE, mill-Kummissjoni, mill-awtoritajiet ta’ notifika tal-Istati Membri kif ukoll mill-awtoritajiet Kanadiżi.

    Dan id-dokument ta’ gwida ġie abbozzat f’konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Esperti dwar is-Suq Intern għall-grupp ta’ ħidma tal-Prodotti dwar l-akkreditazzjoni u l-valutazzjoni tal-konformità (“grupp ta’ esperti tal-IMP”) f’laqgħat fit-8 ta’ Diċembru 2020 u fl-20 ta’ Jannar 2021.

    Id-dokument jiffoka fuq il-passi li l-UE u l-Istati Membri tagħha jeħtieġ li jieħdu meta l-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità interessati jfittxu rikonoxximent biex iwettqu valutazzjoni tal-konformità skont ir-rekwiżiti leġiżlattivi tal-UE u tal-Kanada għas-suq tal-UE u tal-Kanada, inkluża informazzjoni dwar is-sorveljanza tas-suq u s-salvagwardji. Barra minn hekk, bil-korteżija tal-awtoritajiet Kanadiżi, il-gwida tispjega wkoll kif l-awtoritajiet Kanadiżi se jipproċessaw talbiet previsti tal-UE skont il-Protokoll.

    Gwida għall-Implimentazzjoni Prattika għall-Protokoll CETA dwar il-Valutazzjoni tal-Konformità

    Werrej

    A)

    Il-Kamp ta’ Applikazzjoni tal-Protokoll 3

    B)

    L-akkreditazzjoni, il-ħatra, (in-nuqqas ta’) oġġezzjonijiet u rekwiżiti addizzjonali għar-rikonoxximent tal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità 4
    Ir-rikonoxximent tal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità Kanadiżi 4
    Akkreditazzjoni 5
    Ħatra 6
    Oġġezzjonijiet 6
    Rekwiżiti addizzjonali għar-rikonoxximent: 7
    Il-ħatra u r-rikonoxximent tal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità tal-UE 8

    C)

    Ir-rikonoxximent tal-korpi ta’ akkreditazzjoni tal-Partijiet 8
    Dwar il-proċess għat-talbiet għal rikonoxximent tal-Kunsill tal-Istandards tal-Kanada 10
    Dwar il-proċess għat-talbiet għal rikonoxximent tal-korpi ta’ akkreditazzjoni tal-UE 11

    D)

    Sfidi u rtirar ta’ korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità u korpi ta’ akkreditazzjoni 11
    Sfidi għall-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità 11
    L-irtirar ta’ korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità u l-waqfien tar-rikonoxximenti 12
    L-isfidi u l-waqfien tar-rikonoxximent tal-korpi ta’ akkreditazzjoni 12

    E)

    Is-sorveljanza, l-infurzar u s-salvagwardji tas-suq 13

    F)

    Ftehimiet bilaterali fir-rigward tal-proċess ta’ akkreditazzjoni 14

    G)

    L-aċċettazzjoni tar-riżultati tal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità rikonoxxuti 14

    A)   Il-Kamp ta’ Applikazzjoni tal-Protokoll

    Skont l-Artikolu 2.1, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Protokoll ikopri l-gruppi ta’ prodotti elenkati fl-Anness 1 (3). B’riżultat ta’ dan, il-korpi ta’ akkreditazzjoni tal-UE u, f’xi każijiet, il-Kunsill tal-Istandards tal-Kanada (4) jistgħu jakkreditaw lill-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità Kanadiżi biex jivvalutaw il-konformità fi ħdan il-leġiżlazzjoni armonizzata tal-UE li ġejja:

    Id-Direttiva 2014/53/UE: Tagħmir tar-radju

    Id-Direttiva 2014/30/UE: Kompatibbiltà elettromanjetika

    Id-Direttiva 2009/48/KE: Is-Sikurezza tal-Ġugarelli

    Ir-Regolament (UE) Nru 305/2011: Prodotti tal-kostruzzjoni

    Id-Direttiva 2006/42/KE: Il-makkinarju

    Id-Direttiva 2014/32/UE: Strumenti tal-Kejl

    Id-Direttiva 92/42/KEE: Bojlers tal-ilma sħun

    Id-Direttiva 2014/34/UE: Tagħmir u sistemi protettivi maħsuba għall-użu f’atmosferi potenzjalment splussivi (ATEX)

    Id-Direttiva 2000/14/KE: L-emissjoni tal-ħoss fl-ambjent minn tagħmir għall-użu ta’ barra

    Id-Direttiva 2013/53/UE: Inġenji li jintużaw għar-rikreazzjoni

    Fil-Kanada, il-leġiżlazzjoni li tkopri l-kamp ta’ applikazzjoni li jikkorrispondi mal-leġiżlazzjoni tal-UE elenkata hawn fuq hija aktar kumplessa biex tiġi elenkata, peress li l-leġiżlazzjoni Kanadiża mhijiex ibbażata fuq id-Direttivi iżda magħmula mill-hekk imsejħa “Atti” u “regolamenti”, li t-tnejn fihom rekwiżiti regolatorji obbligatorji. Skont is-settur tal-prodotti, il-gvern nazzjonali jew il-provinċji u t-territorji (“PTs”) huma responsabbli għad-determinazzjoni tar-rekwiżiti regolatorji applikabbli fil-ġuriżdizzjoni tagħhom.

    Bħala tali, għal xi kategoriji ta’ prodotti tal-Anness 1, il-PTs huma responsabbli għad-determinazzjoni tar-rekwiżiti regolatorji għall-provinċja jew it-territorju tagħhom, filwaqt li hemm kategoriji oħra ta’ prodotti ddeterminati mill-gvern nazzjonali u b’hekk applikati fil-PTs kollha.

    Aktar informazzjoni, inklużi l-awtoritajiet federali għal għadd ta’ Atti federali, tista’ tinstab hawnhekk: http://www.ic.gc.ca/eic/site/oca-bc.nsf/eng/ca03084.html

    Barra minn hekk, il-kodiċijiet u l-istandards volontarji spiss jiġu inkorporati b’referenza għall-Atti u r-regolamenti, li jagħmluhom obbligatorji u legalment vinkolanti. F’dan ir-rigward, il-“Kodiċijiet Nazzjonali” tal-Kanada huma żviluppati fil-livell nazzjonali iżda implimentati fil-livell tal-PTs, b’modifiki meqjusa meħtieġa għal skopijiet leġittimi.

    Aktar informazzjoni dwar il-Kodiċijiet Nazzjonali tal-Kanada tista’ tinstab hawnhekk:

    https://nrc.canada.ca/en/certifications-evaluations-standards/codes-canada/codes-development-process/how-national-codes-are-developed

    Aspett importanti ieħor għall-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità Ewropej li joperaw fis-suq Kanadiż huwa li jistabbilixxu u jżommu relazzjoni mal-hekk imsejħa “Awtoritajiet li Għandhom Ġuriżdizzjoni” fil-livell federali jew tal-PTs għal kategorija ta’ prodotti partikolari li fiha tkun qed tintalab l-akkreditazzjoni. Dan ir-rekwiżit jista’, alternattivament, jiġi ssodisfat billi tiġi stabbilita relazzjoni mal-“Korp Konsultattiv tal-Awtorità Regolatorja” rilevanti, li huwa magħmul mill-awtoritajiet regolatorji Kanadiżi applikabbli f’qasam speċifiku.

    Il-lista tal-Korpi Konsultattivi tal-Awtorità Regolatorja tista’ tinstab hawnhekk:

    https://www.scc.ca/en/accreditation/scc-accreditation-regulatory-authority-advisory-bodies

    Minħabba n-natura tas-sistema Kanadiża, il-Kunsill tal-Istandards tal-Kanada ma jżommx bażi ta’ għarfien ta’ rekwiżiti regolatorji għaċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti. Minflok, meta l-klijent ta’ korp ta’ valutazzjoni tal-konformità jitlob ċertifikazzjoni tal-prodott tiegħu sabiex jissodisfa r-rekwiżiti regolatorji, huwa responsabbli, bl-assistenza tal-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità jew mingħajrha, li jidentifika l-istandard tekniku korrett meħtieġ mill-awtoritajiet Kanadiżi. Għall-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità tal-UE u għall-korpi ta’ akkreditazzjoni, il-kooperazzjoni Ewropea għall-Kunsill tal-Akkreditazzjoni u l-Istandards tal-Grupp ta’ Tmexxija tal-Kanada, deskritt fit-Taqsimiet C u F ta’ dan id-dokument, hija disponibbli biex tassistihom sabiex isibu informazzjoni dwar ir-rekwiżiti regolatorji. Barra minn hekk, il-Kunsill tal-Istandards tal-Kanada jibqa’ disponibbli u joffri assistenza lill-korpi ta’ akkreditazzjoni u lill-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità tal-UE interessati fir-rigward tas-sistema regolatorja fil-Kanada.

    B’mod importanti, fir-rigward tar-rekwiżiti Kanadiżi, il-Kunsill tal-Istandards tal-Kanada jista’ jakkredita lil korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità tal-UE interessati kif jagħmel lill-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità Kanadiżi. L-akkreditazzjoni tal-Kunsill tal-Istandards tal-Kanada hija disponibbli barra mit-termini tal-Protokoll, u għalhekk, xi korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità tal-UE diġà ħadu vantaġġ u huma akkreditati mill-Kunsill tal-Istandards tal-Kanada qabel l-applikazzjoni proviżorja tal-Protokoll. Skont it-termini tal-Protokoll, il-korpi ta’ akkreditazzjoni nazzjonali tal-UE issa se jkunu jistgħu jakkreditaw lill-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità fit-territorju tagħhom għas-setturi tal-prodotti rilevanti biex jiċċertifikaw ir-rekwiżiti Kanadiżi.

    Il-Protokoll jipprevedi li l-UE u l-Kanada se jikkonsultaw bil-għan li jwessgħu l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Protokoll billi jimmodifikaw l-Anness 1. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 2.2 jipprevedi li jenħtieġ li tingħata prijorità lill-gruppi ta’ prodotti elenkati fl-Anness 2.

    L-Anness 2 jipprevedi l-kategoriji ta’ prodotti li ġejjin:

    Apparati mediċi li jinkludu aċċessorji

    Tagħmir ta’ pressjoni, li jinkludi reċipjenti, pajpijiet, aċċessorji u assemblaġġi

    Apparati li jużaw fjuwils gassużi, li jinkludu fittings relatati

    Tagħmir protettiv personali

    Sistemi ferrovjarji, subsistemi u kostitwenti tal-interoperabbiltà

    Tagħmir imqiegħed abbord vapur

    B)   L-akkreditazzjoni, il-ħatra, (in-nuqqas ta’) oġġezzjonijiet u rekwiżiti addizzjonali għar-rikonoxximent tal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità

    Meta mqabbel ma’ ftehimiet tradizzjonali ta’ rikonoxximent reċiproku dwar l-aċċettazzjoni reċiproka tar-riżultati tal-valutazzjoni tal-konformità, il-Protokoll jintroduċi rekwiżit obbligatorju ġdid biex il-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità jiġu akkreditati minn korpi ta’ akkreditazzjoni rikonoxxuti. Billi l-akkreditazzjoni ssir obbligatorja għall-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità Kanadiżi u tal-UE, il-Protokoll isaħħaħ is-sorveljanza pubblika tal-attivitajiet ta’ valutazzjoni tal-konformità bejn il-Kanada u l-UE.

    L-Artikolu 4 tal-Protokoll jipprevedi li korp ta’ valutazzjoni tal-konformità jenħtieġ li jfittex akkreditazzjoni minn korp ta’ akkreditazzjoni fit-territorju tiegħu jekk il-Parti l-oħra tkun irrikonoxxiet dak il-korp ta’ akkreditazzjoni skont l-Artikoli 12 jew 15. Madankollu, meta ma jkun hemm l-ebda korp ta’ akkreditazzjoni rikonoxxut skont l-Artikoli 12 jew 15, il-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità jistgħu jfittxu akkreditazzjoni fit-territorju tal-Parti l-oħra. Għalhekk, l-Artikolu 4 tal-Protokoll jistabbilixxi li l-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità jfittxu akkreditazzjoni fit-territorju tagħhom stess mill-korpi ta’ akkreditazzjoni rikonoxxuti hemmhekk bħala l-“mod preferut”.

    It-taqsimiet li ġejjin ifittxu li l-ewwel jispjegaw il-perkors għar-rikonoxximent għall-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità Kanadiżi u mbagħad it-tieni għall-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità tal-UE. Ir-rikonoxximent tal-korpi ta’ Akkreditazzjoni Kanadiżi u tal-UE huwa spjegat aktar fit-Taqsima C.

    Ir-rikonoxximent tal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità Kanadiżi

    L-Artikolu 3.2 tal-Protokoll jistabbilixxi l-proċedura ta’ rikonoxximent għall-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità Kanadiżi. Ladarba korp ta’ valutazzjoni tal-konformità Kanadiż ikun għadda mill-proċedura prevista fl-Artikoli 3.2(a) jew 3.2(b), il-korp jiġi elenkat fuq is-sit web pubbliku NANDO bin-numru ta’ identifikazzjoni assenjat lilu u b’hekk ikun jista’ jopera fis-suq tal-UE għall-kategoriji ta’ prodotti li għalihom ikun ġie maħtur.

    Il-proċeduri ta’ rikonoxximent fl-Artikoli 3.2(a) u 3.2(b) huma kważi identiċi, fil-fatt, l-ewwel pass biss tal-proċess ta’ akkreditazzjoni jvarja.

    Il-proċeduri jinkludu ħames passi kumulattivi, li huma: i) akkreditazzjoni, ii) ħatra, iii) (nuqqas ta’) oġġezzjonijiet; iv) l-ebda rtirar, u v) konformità kontinwa maż-żmien.

    1)   Akkreditazzjoni:

    Artikolu 3.2(a)

    :

    “(i)

    il-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità jkun akkreditat, minn korp ta’ akkreditazzjoni maħtur minn wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, bħala kompetenti biex jivvaluta l-konformità ma’ dawk ir-regolamenti tekniċi speċifiċi tal-Unjoni Ewropea;”

    Jew:

    l-Artikolu 3.2(b)

    :

    “(i)

    il-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità ta’ parti terza stabbilit fil-Kanada jkun akkreditat, minn korp ta’ akkreditazzjoni li huwa rikonoxxut skont l-Artikoli 12 jew 15, bħala kompetenti biex jivvaluta l-konformità ma’ dawk ir-regolamenti tekniċi speċifiċi tal-Unjoni Ewropea;”

    Skont il-paragrafu fl-Artikolu 3.2(a)(i), il-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità Kanadiżi jistgħu jfittxu akkreditazzjoni mill-korpi ta’ akkreditazzjoni tal-Istati Membri tal-UE.

    Kif spjegat hawn fuq, fil-każ li jkun hemm korp ta’ akkreditazzjoni Kanadiż rikonoxxut skont l-Artikoli 12 jew 15, u l-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità jkollu ċertifikat ta’ akkreditazzjoni minn tali korp, il-proċess ta’ rikonoxximent ikun dak tal-Artikolu 3.2(b), li huwa rifless fl-Artikolu 3.2(b)(i). Għal aktar informazzjoni dwar ir-rikonoxximent tal-korpi ta’ akkreditazzjoni Kanadiżi, jekk jogħġbok ara t-Taqsima C.

    L-Artikolu 4 tal-Protokoll jipprevedi li l-korpi ta’ akkreditazzjoni jenħtieġ li jakkreditaw lill-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità Kanadiżi taħt kundizzjonijiet mhux anqas favorevoli minn dawk applikati għall-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità tal-UE. Għalhekk, il-korpi ta’ akkreditazzjoni tal-UE jenħtieġ li japplikaw l-istess kundizzjonijiet u proċeduri – xejn aktar u xejn inqas – biex jakkreditaw lill-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità Kanadiżi, kif dawn japplikaw għall-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità tal-UE li jkunu qed ifittxu akkreditazzjoni.

    L-Artikolu 5.2 tal-Protokoll jistabbilixxi l-elementi kwalitattivi għall-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità Kanadiżi li għandhom jiġu akkreditati fl-UE. Skont l-Artikolu 5.2(a)-(b), korp ta’ valutazzjoni tal-konformità Kanadiż se jkollu jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu R17 tal-Anness I tad-Deċiżjoni 768/2008/KE u jkollu ċertifikat ta’ akkreditazzjoni.

    Tabella tar-rekwiżiti relatati mal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità (mhux eżawrjenti (5)):

    1

    Korp ta’ valutazzjoni tal-konformità għandu jiġi stabbilit skont il-liġi nazzjonali u għandu jkollu personalità ġuridika.

    2

    Korp ta’ valutazzjoni tal-konformità għandu jkun korp terz indipendenti mill-organizzazzjoni jew mill-prodott li jivvaluta.

    3

    Korp ta’ valutazzjoni tal-konformità, il-maniġment superjuri tiegħu u l-persunal responsabbli għat-twettiq tal-kompiti ta’ valutazzjoni tal-konformità ma għandhomx ikunu d-disinjatur, il-manifattur, il-fornitur, l-installatur, l-akkwirent, is-sid, l-utent jew il-persuna responsabbli mill-manutenzjoni tal-prodotti li huma jivvalutaw, u lanqas ir-rappreżentant awtorizzat ta’ kwalunkwe waħda minn dawk il-partijiet.

    4

    Il-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità u l-persunal tagħhom għandhom iwettqu l-attivitajiet ta’ valutazzjoni tal-konformità bl-ogħla grad ta’ integrità professjonali u l-kompetenza teknika meħtieġa fil-qasam speċifiku u għandhom ikunu ħielsa mill-pressjonijiet u mit-tentazzjonijiet kollha.

    5

    Korp ta’ valutazzjoni tal-konformità għandu jkun kapaċi jwettaq il-kompiti kollha ta’ valutazzjoni tal-konformità assenjati lilu minn [referenza għall-parti rilevanti tal-leġiżlazzjoni tal-UE] u li fir-rigward tagħhom ikun ġie nnotifikat.

    6

    Il-persunal responsabbli biex iwettaq il-kompiti ta’ valutazzjoni tal-konformità għandu jkollu dawn li ġejjin: (a) taħriġ vokazzjonali u tekniku tajjeb; (b) għarfien sodisfaċenti tar-rekwiżiti tal-valutazzjonijiet li jwettaq u awtorità adegwata; (c) għarfien u fehim xierqa tar-rekwiżiti essenzjali, tal-istandards armonizzati applikabbli u tal-[leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE]; (d) il-kapaċità meħtieġa biex ifasslu ċertifikati, rekords u rapporti li juru li jkunu saru l-valutazzjonijiet.

    7

    L-imparzjalità tal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità, tal-maniġment superjuri tagħhom u tal-persunal tal-valutazzjoni għandha tkun garantita.

    8

    Il-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità għandhom joħorġu assigurazzjoni tar-responsabbiltà, sakemm ir-responsabilità ma tiġix pereżunta mill-Istat f’konformità mal-liġi nazzjonali, jew l-Istat Membru nnifsu ma jkunx direttament responsabbli għall-valutazzjoni tal-konformità.

    9

    Il-persunal ta’ korp ta’ valutazzjoni tal-konformità għandu josserva s-segretezza professjonali fir-rigward tal-informazzjoni kollha miksuba fit-twettiq tal-kompiti tiegħu.

    10

    Il-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità għandhom jipparteċipaw fi, jew jiżguraw li l-persunal ta’ valutazzjoni tagħhom ikun mgħarraf bl-attivitajiet ta’ standardizzazzjoni rilevanti u l-attivitajiet tal-grupp ta’ koordinazzjoni tal-korp notifikat stabbilit taħt il-leġiżlazzjoni rilevanti [tal-UE] u japplikaw bħala gwida ġenerali d-deċiżjonijiet amministrattivi u d-dokumenti prodotti bħala riżultat tal-ħidma ta’ dak il-grupp.

    Huwa importanti li wieħed jinnota li dawn ir-rekwiżiti huma kontinwi , jiġifieri anke jekk l-UE tirrikonoxxi korp ta’ valutazzjoni tal-konformità Kanadiż li jista’ jibda jopera fis-suq tal-UE, dan se jkollu jibqa’ jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 5.2. Jekk il-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità ma jissodisfax dawn ir-rekwiżiti wara r-rikonoxximent tiegħu, l-awtoritajiet Kanadiżi għandhom jirtiraw il-ħatra tiegħu f’konformità mal-Artikolu 8 jew l-awtoritajiet tal-Istati Membri jistgħu jikkontestaw il-ħatra tiegħu f’konformità mal-Artikolu 7 tal-Protokoll. Ara dawn il-punti elaborati aktar taħt it-Taqsima D hawn taħt.

    2)   Ħatra:

    “(ii)

    il-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità ta’ parti terza stabbilit fil-Kanada jinħatar mill-Kanada f’konformità mal-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 5;”

    L-Artikolu 5.1 jipprevedi li l-Kanada se titħalla tuża l-għodda ta’ notifika elettronika tal-UE (NANDO) għall-fini tal-ħatra ta’ korp ta’ valutazzjoni tal-konformità. Meta jaħtru korp ta’ valutazzjoni tal-konformità, l-awtoritajiet tal-Kanada se jkollhom jipprovdu l-informazzjoni elenkata fl-Anness 3 tal-Protokoll, li hija:

    “(i)

    il-kamp ta’ applikazzjoni tal-ħatra (li ma jaqbiżx il-kamp ta’ applikazzjoni tal-akkreditazzjoni ta’ dak il-korp);

    (ii)

    iċ-ċertifikat ta’ akkreditazzjoni u l-kamp ta’ applikazzjoni relatat tal-akkreditazzjoni;

    (iii)

    l-indirizz u l-informazzjoni ta’ kuntatt tal-korp;”

    Għalhekk, se jkun meħtieġ li korp ta’ valutazzjoni tal-konformità Kanadiż li għandu jinħatar ikollu fil-pussess tiegħu ċertifikat ta’ akkreditazzjoni.

    Billi taħtar il-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità, l-awtorità rilevanti tiżgura sorveljanza pubblika fuq il-kompetenza tal-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità kandidat.

    Fir-rigward tal-passi konkreti tal-ħatra fin-NANDO, ara wkoll il-paġni 50-72 tal-“Guide To Using: NANDO-INPUT / New Approach Notified and Designated Organisations” tal-21 ta’ Settembru 2017, li jiddeskrivi l-passi tekniċi konkreti għall-awtoritajiet Kanadiżi biex jaħtru korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità Kanadiżi fil-bażi tad-data NANDO.

    3)   Oġġezzjonijiet

    “(iii)

    ma hemm l-ebda oġġezzjoni mhux solvuta skont l-Artikolu 6;”

    L-Artikolu 6 jinvolvi l-possibbiltà li ssir oġġezzjoni għall-ħatra ta’ korp ta’ valutazzjoni tal-konformità Kanadiż fi żmien 30 jum min-notifika/mill-ħatra fin-NANDO.

    Kif inhu l-każ skont id-dritt tal-Unjoni, l-awtoritajiet ta’ notifika jistgħu jqajmu oġġezzjonijiet bħal dawn permezz tal-bażi tad-data NANDO.

    Il-proċedura u l-valutazzjoni għal tali oġġezzjonijiet jenħtieġ li jsiru f’konformità mal-Artikolu 6. Bħala tali, l-awtoritajiet tan-notifika tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri jistgħu joġġezzjonaw jekk il-Kanada tonqos milli tipprovdi l-informazzjoni deskritta fl-Anness 3 jew jekk ikun hemm raġuni biex wieħed jemmen li l-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità Kanadiż ma jissodisfax l-Artikoli 5.2 sa 5.4 tal-Protokoll. F’dan ir-rigward, il-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità maħtur għandu essenzjalment jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu R17 tal-Anness I tad-Deċiżjoni 768/2008/KE, ara l-Artikoli 5.2 u 5.3 tal-Protokoll.

    Skont l-Artikolu 6.2, huwa possibbli wkoll li l-awtortitajiet tan-notifika tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri jfittxu informazzjoni addizzjonali mill-awtoritajiet Kanadiżi fir-rigward tal-issodisfar tal-Artikoli 5.2 sa 5.4 tal-Protokoll ta’ korp ta’ valutazzjoni tal-konformità Kanadiż maħtur. Għal dan il-għan, meta l-awtoritajiet Kanadiżi jwieġbu, il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tan-notifika tal-Istati Membri se jkollhom 30 jum addizzjonali biex jivvalutaw tali informazzjoni u bl-istess mod joġġezzjonaw għall-ħatra tal-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità Kanadiż. Karatteristika għan-NANDO se tkun disponibbli għal dawn l-għanijiet.

    Rekwiżiti addizzjonali għar-rikonoxximent:

    4)

    :

    “(iv)

    il-ħatra magħmula f’konformità mal-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 5 ma tiġix irtirata mill-Kanada;”

    Dawn ir-rekwiżiti ma għandhom bżonn tal-ebda spjegazzjoni, jiġifieri jekk il-Kanada tirtira l-ħatra, il-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità Kanadiż sussegwentement jiġi rtirat mill-bażi tad-data NANDO.

    5)

    :

    “(v)

    wara l-iskadenza tal-perjodu ta’ żmien ta’ 30 jum imsemmi fl-Artikolu 6.1 jew 6.2, il-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità ta’ parti terza stabbilit fil-Kanada jkompli jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha deskritti fl-Artikolu 5.2;”

    Bl-istess mod, kif spjegat hawn fuq, biex jiġu rikonoxxuti u elenkati fin-NANDO, il-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità Kanadiżi jridu jkomplu jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha deskritti fl-Artikolu 5.2.

    Il-ħatra u r-rikonoxximent tal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità tal-UE

    L-Artikolu 3.1 tal-Protokoll jikkonċerna r-rikonoxximent tal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità stabbiliti fl-UE. Il-proċeduri skont l-Artikoli 3.1(a) u 3.1(b) huma differenti b’mod sinifikanti u jvarjaw ukoll mill-proċess ta’ rikonoxximent tal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità Kanadiżi kif spjegat hawn fuq.

    Skont l-Artikolu 3.1(a), korp ta’ valutazzjoni tal-konformità tal-UE akkreditat mill-Kunsill tal-Istandards tal-Kanada għandu jiġi rikonoxxut minnufih bħala kompetenti biex jiċċertifika l-prodotti skont standards tekniċi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-akkreditazzjoni tiegħu, li huma meħtieġa mir-regolaturi fil-ġuriżdizzjonijiet tas-swieq intenzjonati fil-Kanada. Għalhekk, ma hemm l-ebda perjodu ta’ oġġezzjoni, rekwiżiti dwar il-ħatra jew kumulattivi oħra previsti fil-proċedura ta’ rikonoxximent skont l-Artikolu 3.1(a).

    Wara li jkunu kisbu l-akkreditazzjoni mill-Kunsill tal-Istandards tal-Kanada, l-awtoritajiet Kanadiżi permezz tal-Kunsill tal-Istandards tal-Kanada se jelenkaw il-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità tal-UE fuq is-sit web tal-Kunsill tal-Istandards tal-Kanada. Il-link għal din il-lista se tkun disponibbli wkoll għall-pubbliku fin-NANDO.

    Skont l-Artikolu 3.1(b), jekk korp tal-akkreditazzjoni tal-UE rikonoxxut jakkredita l-korp tal-valutazzjoni tal-konformità tal-UE, allura l-ħames passi kumulattivi spjegati hawn fuq għall-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità Kanadiżi jkunu kważi analogi.

    Bħala tali, minbarra li jfittex akkreditazzjoni minn korp ta’ akkreditazzjoni tal-UE rikonoxxut (l-Artikolu 3.1(b)(i)), il-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità tal-UE se jkollu jinħatar ukoll minn awtorità ta’ notifika ta’ Stat Membru f’konformità mal-Artikolu 5.

    Għall-awtoritajiet ta’ notifika tal-Istati Membri dan jinvolvi l-iżgurar tal-konformità mal-Artikoli 5.1 u 5.5. Bħala tali, l-awtoritajiet ta’ notifika tal-Istati Membri jridu jinkludu l-informazzjoni fl-Anness 3 kif deskritta hawn fuq u jiżguraw li l-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità tal-UE jkun akkreditat minn korp tal-akkreditazzjoni tal-UE rikonoxxut (l-Artikolu 3.1(b)(ii)).

    L-awtoritajiet ta’ notifika tal-Istati Membri għandhom jaħtru korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità tal-UE direttament lill-awtoritajiet Kanadiżi permezz tal-kaxxa postali funzjonali li ġejja: cetainfo@scc.ca. Jekk jogħġbok innota li għall-oqsma tat-telekomunikazzjoni u tal-kompatibbiltà elettromanjetika tapplika proċedura speċifika (6).

    Meta jaħtru l-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità tal-UE, l-awtoritajiet ta’ notifika tal-Istati Membri ma għandhomx jinsew jikkuppjaw u jinfurmaw lill-Kummissjoni permezz tal-kaxxa postali funzjonali li ġejja: GROW-NANDO-ADMINISTRATOR@ec.europa.eu

    Il-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità tal-UE ma jrid ikollu l-ebda oġġezzjoni mhux solvuta mill-awtoritajiet Kanadiżi wara l-perjodu ta’ oġġezzjoni ta’ 30 jum f’konformità mal-Artikolu 6.1 (l-Artikolu 3.1(b)(iii)). Matul il-perjodu ta’ 30 jum, il-Kunsill tal-Istandards tal-Kanada se jikkoopera mal-awtorità regolatorja xierqa fil-Kanada li jkollha ġuriżdizzjoni għas-settur tal-prodotti inkwistjoni u jiffaċilita l-proċessi amministrattivi meħtieġa għar-rikonoxximent fil-Kanada;

    Il-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità tal-UE jkollu jikkonforma mar-rekwiżiti addizzjonali analogi għal dawk li japplikaw għall-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità Kanadiżi kif spjegat hawn fuq (l-Artikoli 3.1(b)(iv)-(v)).

    Mhux aktar tard minn 30 jum wara li jkunu rċevew il-ħatra minn awtorità ta’ notifika ta’ Stat Membru, l-awtoritajiet Kanadiżi se jirrikonoxxu l-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità tal-UE jew f’konformità mal-Artikolu 6 tal-Protokoll jonqsu milli jirrikonoxxu l-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità tal-UE. L-awtoritajiet Kanadiżi jipprovdu t-tweġiba tagħhom direttament lill-awtorità ta’ notifika tal-Istat Membru permezz tal-posta elettronika. Jekk il-Kanada tirrikonoxxi l-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità tal-UE, hija mbagħad telenka l-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità tal-UE fuq is-sit web rilevanti tiegħu.

    Jekk it-tweġiba tkun negattiva, l-awtorità ta’ notifika tal-Istat Membru jenħtieġ li tinforma lill-Kummissjoni permezz tal-kaxxa postali funzjonali li ġejja:

    GROW-NANDO-ADMINISTRATOR@ec.europa.eu

    Jekk it-tweġiba negattiva tqajjem mistoqsijiet ta’ tħassib għall-Istati Membri kollha, il-Kummissjoni torganizza laqgħa tal-grupp ta’ esperti tal-IMP.

    B’mod simili għall-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità Kanadiżi, kif deskritt hawn fuq, l-awtorità ta’ notifika rilevanti tal-Istat Membru li taħtar il-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità tal-UE tiżgura sorveljanza pubblika fuq il-kompetenza tiegħu, irrispettivament minn fejn ikun kiseb iċ-ċertifikat ta’ akkreditazzjoni tiegħu.

    C)   Ir-rikonoxximent tal-korpi ta’ akkreditazzjoni tal-Partijiet

    In-novità tal-Protokoll meta mqabbel ma’ ftehimiet ta’ rikonoxximent reċiproku tradizzjonali, hija li jagħmel l-akkreditazzjoni obbligatorja għar-rikonoxximent tal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità skont il-Protokoll, u b’hekk tissaħħaħ is-sorveljanza pubblika. Minħabba dan, il-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità jew ikollhom ifittxu akkreditazzjoni minn korp ta’ akkreditazzjoni rikonoxxut fit-territorju tagħhom stess jew mill-korpi ta’ akkreditazzjoni tal-Parti l-oħra.

    L-Artikoli 12 u 15 tal-Protokoll jistabbilixxu l-proċedura ta’ rikonoxximent għall-korpi ta’ akkreditazzjoni biex jakkreditaw korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità għas-suq tal-Parti l-oħra. L-Artikolu 15 jistabbilixxi li għar-regolamenti tekniċi relatati mat-tagħmir tat-terminali tat-telekomunikazzjoni, mat-tagħmir tat-teknoloġija tal-informazzjoni, mal-apparat użat għall-komunikazzjoni bir-radju u għall-kompatibbiltà elettromanjetika, mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Protokoll (7), il-Kanada tirrikonoxxi l-korpi nazzjonali kollha ta’ akkreditazzjoni tal-Istati Membri tal-UE u, bl-istess mod, l-UE tirrikonoxxi l-Kunsill tal-Istandards tal-Kanada (SCC).

    Għalhekk, l-SCC diġà huwa rikonoxxut li jakkredita lill-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità Kanadiżi fi ħdan il-kampijiet ta’ applikazzjoni li ġejjin: Id-Direttiva 2014/53/UE dwar it-tagħmir tar-radju u d-Direttiva 2014/30/UE dwar il-kompatibbiltà elettromanjetika. Għal dan il-għan, xi korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità Kanadiżi llum il-ġurnata diġà huma elenkati fin-NANDO u qed joperaw fis-suq tal-UE (8).

    Bl-istess mod, il-korpi ta’ akkreditazzjoni kollha tal-UE diġà jistgħu jakkreditaw il-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità tal-UE għall-Att Kanadiż dwar it-Telekomunikazzjoni, l-Att dwar ir-Radjukomunikazzjoni u r-Regolamenti dwar il-Komunikazzjoni bir-Radju, inklużi r-rekwiżiti tekniċi għall-apparat tar-radju u l-proċeduri dwar l-innovazzjoni, ix-xjenza u l-iżvilupp ekonomiku relatati (9).

    Għas-setturi l-oħrajn kollha tal-prodotti elenkati fl-Anness 1, l-Artikolu 12 tal-Protokoll jistabbilixxi proċedura ta’ rikonoxximent għall-korpi ta’ akkreditazzjoni interessati (10).

    Sabiex ifittxu rikonoxximent tal-korpi ta’ akkreditazzjoni tagħhom, l-awtoritajiet Kanadiżi u tal-UE (11) jistgħu jinnotifikaw lil xulxin skont l-Artikolu 12.2, talba għal rikonoxximent, li jenħtieġ li tinkludi lista eżawrjenti ta’ entrati, b’mod partikolari għal korp ta’ akkreditazzjoni:

    l-isem, l-indirizz u d-dettalji ta’ kuntatt tiegħu;

    evidenza li l-awtorità tiegħu hija derivata mill-gvern;

    jekk jaġixxix fuq bażi mhux kummerċjali u mhux kompetittiva;

    evidenza tal-indipendenza tiegħu mill-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità li huwa jivvaluta u minn pressjonijiet kummerċjali, sabiex jiġi żgurat li ma jseħħ l-ebda kunflitt ta’ interess mal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità;

    evidenza li huwa organizzat u operat sabiex tiġi ssalvagwardjata l-oġġettività u l-imparzjalità tal-attivitajiet tiegħu u l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni li jikseb;

    evidenza li kull deċiżjoni relatata mal-attestazzjoni tal-kompetenza tal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità tittieħed minn persuni kompetenti differenti minn dawk li jkunu wettqu l-valutazzjoni;

    il-kamp ta’ applikazzjoni li għalih jintalab ir-rikonoxximent tiegħu;

    evidenza tal-kompetenza tiegħu li jakkredita lill-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità fil-kamp ta’ applikazzjoni li għalih jintalab ir-rikonoxximent tiegħu, b’referenza għall-istandards, għall-gwidi u għar-rakkomandazzjonijiet internazzjonali applikabbli, u għall-istandards, għar-regolamenti tekniċi u għall-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità Ewropej jew Kanadiżi applikabbli;

    evidenza tal-proċeduri interni tiegħu biex jiġu żgurati ġestjoni effiċjenti u kontrolli interni xierqa, inkluż il-proċeduri fis-seħħ għad-dokumentazzjoni tad-dmirijiet, tar-responsabbiltajiet u l-awtoritajiet tal-persunal li jistgħu jaffettwaw il-kwalità tal-valutazzjoni kif ukoll l-attestazzjoni tal-kompetenza;

    evidenza tal-għadd ta’ persunal kompetenti għad-dispożizzjoni tiegħu, li jenħtieġ li jkun biżżejjed għat-twettiq xieraq tal-kompiti tiegħu, u tal-proċeduri fis-seħħ għall-monitoraġġ tal-prestazzjoni u tal-kompetenza tal-persunal involut fil-proċess ta’ akkreditazzjoni;

    jekk huwiex maħtur jew le għall-kamp ta’ applikazzjoni li għalih jintalab ir-rikonoxximent tiegħu fit-territorju tal-Parti li qed tinnomina;

    evidenza tal-istatus tiegħu bħala firmatarju għall-arranġamenti ta’ rikonoxximent multilaterali tal-Kooperazzjoni Internazzjonali għall-Akkreditazzjoni tal-Laboratorji (“ILAC”) jew tal-Forum Internazzjonali ta’ Akkreditazzjoni (“IAF”) u għal kwalunkwe arranġament ta’ rikonoxximent reġjonali relatat; u

    kwalunkwe informazzjoni oħra li l-Partijiet jistgħu jiddeċiedu li hija meħtieġa.

    L-Artikolu 12.3 tal-Protokoll jipprevedi soluzzjonijiet meta l-partijiet jirrikonoxxu li jistgħu jeżistu differenzi bejn l-istandards, ir-regolamenti tekniċi u l-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità rispettivi tagħhom. F’dan ir-rigward, il-Kunsill tal-Istandards tal-Kanada u l-assoċjazzjoni tal-Kooperazzjoni Ewropea għall-Akkreditazzjoni (EA) ikkonkludew ftehim bilaterali ta’ kooperazzjoni f’konformità mal-Artikolu 12.3. Ara t-Taqsima F għal aktar informazzjoni.

    Skont il-ftehim bilaterali ta’ kooperazzjoni ffirmat mill-Kunsill tal-Istandards tal-Kanada u l-Kooperazzjoni Ewropea għall-Akkreditazzjoni (EA), talba għal rikonoxximent għandha tkun ibbażata fuq rakkomandazzjoni mill-“EA – il-Kunsill tal-Istandards tal-Grupp ta’ Tmexxija tal-Kanada”. Dan ġie stabbilit fl-2018 biex jivvaluta l-kompetenza tal-Kunsill tal-Istandards tal-Kanada u tal-korpi ta’ akkreditazzjoni tal-UE biex jakkredita l-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità għas-swieq tal-Kanada u tal-UE (12).

    Ladarba tasal talba għal notifika ta’ rikonoxximent, il-Kanada u l-UE jkollhom 60 jum biex jirrispondu bil-miktub u jipprovdu l-informazzjoni mitluba fl-Artikolu 12.5 tal-Protokoll. Din it-tweġiba bil-miktub tista’ tinforma lill-Parti l-oħra b’dan li ġej:

    li hija tirrikonoxxi lill-korp ta’ akkreditazzjoni kompetenti biex jakkredita lill-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità għall-kamp ta’ applikazzjoni propost (l-Artikolu 12.5(a));

    li huma meħtieġa emendi jew bidliet leġiżlattivi u regolatorji biex il-korp ta’ akkreditazzjoni jiġi rikonoxxut (l-Artikolu 12.5(b));

    dik l-informazzjoni speċifika meħtieġa skont l-Artikolu 12.2 tal-Protokoll hija nieqsa (l-Artikolu 12.5(c));

    li tirrifjuta li tirrikonoxxi l-korp ta’ akkreditazzjoni għall-kamp ta’ applikazzjoni propost u r-raġunijiet għal tali rifjut (l-Artikolu 12.5(d)).

    Barra minn hekk, f’konformità mal-Artikolu 12.6, l-UE u l-Kanada għandhom jippubblikaw l-ismijiet tal-korpi ta’ akkreditazzjoni li huma jirrikonoxxu, u għal kull korp ta’ akkreditazzjoni, il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolamenti tekniċi li għalihom jirrikonoxxuhom. L-UE se tuża n-NANDO għal dawn il-finijiet, filwaqt li l-Kanada se tippubblika l-lista ta’ korpi tal-akkreditazzjoni tal-UE rikonoxxuti fuq is-sit web tal-Kunsill tal-Istandards tal-Kanada.

    Dwar il-proċess għat-talbiet għal rikonoxximent tal-Kunsill tal-Istandards tal-Kanada

    Sabiex it-talbiet għal notifika ta’ rikonoxximent jiġu ġestiti b’mod adegwat fi żmien l-iskadenza ta’ 60 jum prevista fl-Artikolu 12.5, se tiġi żviluppata karatteristika ġdida fil-bażi tad-data NANDO, li se tagħmilha possibbli għall-awtoritajiet Kanadiżi li jinnotifikaw it-talba tagħhom għar-rikonoxximent tal-korp ta’ akkreditazzjoni, inkluża l-informazzjoni kollha mitluba kif elenkata fl-Artikolu 12.2 permezz ta’ din il-bażi tad-data. Jekk ma titqajjem l-ebda oġġezzjoni fi żmien 60 jum mill-wasla tan-notifika rilevanti, l-awtoritajiet Kanadiżi jirċievu tweġiba bil-miktub li tirrikonoxxi l-kompetenza tal-korp ta’ akkreditazzjoni li jakkredita l-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità għall-kamp ta’ applikazzjoni propost (l-Artikolu 12.5(a)).

    Il-Kummissjoni se tikkoordina mal-EA dwar il-proċess li jwassal għat-talba għar-rikonoxximent u se tinforma lill-Istati Membri dwar il-valutazzjoni tat-talba għal rikonoxximent tal-EA, li hija ppreċeduta mill-ħidma tal-EA u tal-Kumitat ta’ Tmexxija tal-Kunsill tal-Istandards tal-Kanada. Għal aktar informazzjoni ara t-Taqsimiet C u F ta’ dan id-dokument. Jekk ikun meħtieġ, il-Kummissjoni se torganizza laqgħa tal-grupp ta’ esperti tal-IMP.

    Jekk Stat Membru jkun irid iqajjem oġġezzjonijiet irrispettivament mis-sejbiet tal-EA, ikun jista’ jagħmel dan permezz tal-awtorità ta’ notifika tiegħu. L-oġġezzjonijiet jistgħu jiġu kodifikati direttament fil-bażi tad-data NANDO, billi tiġi mehmuża dikjarazzjoni, li tinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni. Meta jagħmel dan, l-Istat Membru għandu jagħti r-raġunijiet għall-oġġezzjonijiet tiegħu u huwa mitlub jiddikjara l-kundizzjonijiet li taħthom jista’, fil-fehma tiegħu, jingħata r-rikonoxximent.

    Mal-wasla ta’ tali oġġezzjoni ta’ Stat Membru individwali u jekk jitqies meħtieġ, is-servizzi tal-Kummissjoni jorganizzaw minnufih laqgħa tal-grupp ta’ esperti tal-IMP biex jiddiskutu t-tħassib tal-Istat Membru rilevanti. Sabiex jikkonformaw mal-iskadenza ta’ 60 jum, l-Istati Membri se jkunu jistgħu jissottomettu oġġezzjonijiet biss sa 40 jum wara li jirċievu t-talba għal notifika ta’ rikonoxximent sottomessa mill-awtoritajiet Kanadiżi.

    Mal-iskadenza ta’ 60 jum, jekk l-oġġezzjonijiet jibqgħu, imbagħad tinħoloq funzjoni awtomatizzata fin-NANDO bħala tweġiba bil-miktub lill-awtoritajiet Kanadiżi, li ddaħħal id-dikjarazzjoni mill-Istati Membri li joġġezzjonaw, u tipprovdi l-informazzjoni mitluba fl-Artikolu 12.5(b), (c) u/ jew (d). Il-Kummissjoni se tmexxi d-djalogu sussegwenti mal-awtoritajiet Kanadiżi.

    Dwar il-proċess għat-talbiet għal rikonoxximent tal-korpi ta’ akkreditazzjoni tal-UE

    Il-korpi ta’ akkreditazzjoni tal-UE interessati li jfittxu rikonoxximent fil-Kanada jenħtieġ li jinfurmaw lill-EA u lill-Kummissjoni kif xieraq. Kwalunkwe talba għal notifika għal rikonoxximent għall-korpi ta’ akkreditazzjoni tal-UE ssegwi rakkomandazzjoni pożittiva mill-EA – il-Grupp ta’ Tmexxija tal-Kunsill tal-Istandards tal-Kanada. Jekk jogħġbok ara t-Taqsima F għal aktar informazzjoni.

    Il-Kummissjoni tissottometti f’isem l-UE t-talba għal notifika ta’ rikonoxximent lill-Kanada permezz tan-NANDO, li tinforma awtomatikament lill-Istati Membri permezz ta’ twissija bil-posta elettronika.

    It-talba għal notifika ta’ rikonoxximent u l-informazzjoni ta’ akkumpanjament jiġu ppreżentati lill-awtoritajiet Kanadiżi f’konformità mal-Artikolu 12 tal-Protokoll. L-awtoritajiet Kanadiżi jkollhom 60 jum biex jipprovdu tweġiba bil-miktub għat-talba ta’ rikonoxximent.

    L-awtoritajiet Kanadiżi, li jkollhom aċċess għan-NANDO u li jkunu rċevew in-notifika għar-rikonoxximent, iwieġbu f’konformità mal-Artikolu 12.5 tal-Protokoll permezz tal-posta elettronika fuq il-kaxxa postali funzjonali li ġejja: GROW-NANDO-ADMINISTRATOR@ec.europa.eu

    Ladarba s-servizzi tal-Kummissjoni jkunu rċevew it-tweġiba, huma jibagħtu t-tweġiba tagħhom lill-Istat Membru rilevanti u lill-korp ta’ akkreditazzjoni tal-UE kkonċernat u jinfurmaw lill-EA u lill-Istati Membri l-oħra. Barra minn hekk, jekk l-awtoritajiet Kanadiżi jirrifjutaw it-talba għal notifika jew jirrikjedu emendi jew bidliet leġiżlattivi u regolatorji jew ifittxu informazzjoni speċifika addizzjonali, is-servizzi tal-Kummissjoni jistgħu jorganizzaw laqgħa tal-grupp ta’ esperti tal-IMP biex jiddiskutu d-deċiżjoni ta’ rifjut jew it-talba għal informazzjoni addizzjonali.

    D)   Sfidi u rtirar ta’ korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità u korpi ta’ akkreditazzjoni

    Wara r-rikonoxximent ta’ korp ta’ valutazzjoni tal-konformità, huwa possibbli li tiġi kkontestata l-kompetenza tiegħu jew li tiġi rtirata l-ħatra tiegħu f’konformità mal-Artikoli 7 u 8 tal-Protokoll. Barra minn hekk, l-Artikoli 13 u 14 tal-Protokoll jikkonċernaw il-waqfien jew l-oġġezzjoni tar-rikonoxximent ta’ korp ta’ akkreditazzjoni Kanadiż rikonoxxut.

    Sfidi għall-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità

    L-Artikolu 7 tal-Protokoll jikkonċerna l-oġġezzjonijiet u jistabbilixxi l-proċedura ta’ oġġezzjoni, inkluż fl-Artikolu 7.5, biex il-Partijiet ma jibqgħux jirrikonoxxu korp ta’ valutazzjoni tal-konformità kkonċernat.

    L-Artikolu 7.1 jipprevedi li l-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità jistgħu jiġu kkontestati jekk l-awtoritajiet rilevanti jonqsu milli jieħdu azzjoni bħala riżultat tal-proċedura tal-ilmenti prevista fl-Artikolu 11.3 tal-Protokoll (ara t-Taqsima E hawn taħt għal aktar informazzjoni dwar l-Artikolu 11.3 tal-Protokoll). Barra minn hekk, il-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità jistgħu jiġu kkontestati jekk ikun hemm raġunijiet biex wieħed jemmen li r-riżultati tal-attivitajiet ta’ valutazzjoni tal-konformità ta’ tali korpi ma jipprovdux biżżejjed assigurazzjonijiet li l-prodotti vvalutati huma konformi mal-leġiżlazzjoni rilevanti.

    L-awtoritajiet ta’ notifika tal-Istati Membri jistgħu jissottomettu l-oġġezzjonijiet tagħhom direttament permezz tan-NANDO, u b’hekk jinfurmaw lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni. Wara 15-il jum, jekk ma jkun hemm l-ebda reazzjoni mill-Kummissjoni jew minn Stati Membri oħra, funzjoni awtomatizzata fin-NANDO tibgħat minnufih l-oġġezzjoni lill-awtoritajiet Kanadiżi. Dan il-proċess jippermetti t-trasparenza bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet ta’ notifika ta’ Stat Membru ieħor u jiżgura segwitu rilevanti fil-bażi tad-data ta’ NANDO, jiġifieri jekk hemmx bżonn li tittieħed azzjoni bħala riżultat tal-proċess ta’ oġġezzjoni.

    Qabel ma jinnotifikaw oġġezzjoni lill-awtoritajiet Kanadiżi f’konformità mal-Artikolu 7.2, is-servizzi tal-Kummissjoni jgħinu fil-verifika tar-rekwiżiti fl-Artikoli 7.1 u 7.2 f’kooperazzjoni mal-Istat Membru kkonċernat.

    Wara li jkunu nnotifikaw l-oġġezzjoni lill-awtoritajiet Kanadiżi, għal finijiet ta’ koordinazzjoni, is-servizzi tal-Kummissjoni jippermettu d-djalogu previst fl-Artikolu 7.4 tal-Protokoll bejn l-awtoritajiet Kanadiżi u l-awtorità ta’ notifika li tkun issottomettiet l-oġġezzjoni.

    Jekk Stat Membru kkonċernat ikun jixtieq jieħu miżuri f’konformità mal-Artikolu 7.3 tal-Protokoll, huwa għandu jinforma lis-servizzi tal-Kummissjoni, sabiex ikun jista’ jiġi stabbilit approċċ ikkoordinat bejn l-Istati Membri kollha.

    Bl-istess mod, is-servizzi tal-Kummissjoni jmexxu kwalunkwe azzjoni prevista skont l-Artikolu 7.5 tal-Protokoll, f’koordinazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet ta’ notifika tal-Istati Membri. F’dan ir-rigward, is-servizzi tal-Kummissjoni għandhom l-intenzjoni li jużaw il-grupp ta’ esperti tal-IMP bħala l-forum għal kwalunkwe diskussjoni relatata mal-Artikolu 7.5.

    L-awtoritajiet Kanadiżi jippreżentaw l-oġġezzjonijiet tagħhom lill-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità tal-UE lill-Kummissjoni, li sussegwentement tikkomunika tali oġġezzjoni lill-awtorità ta’ notifika tal-Istat Membru kkonċernat, lill-EA u lill-korp ta’ akkreditazzjoni tal-UE jekk ikun rilevanti. Jekk ikun meħtieġ u jekk ikun ta’ interess għal Stati Membri oħrajn, il-Kummissjoni torganizza laqgħa tal-grupp ta’ esperti tal-IMP.

    L-irtirar ta’ korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità u l-waqfien tar-rikonoxximenti

    L-Artikolu 8 tal-Protokoll jikkonċerna l-irtirar u jistabbilixxi meta l-Partijiet għandhom jirtiraw jew jimmodifikaw il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ ħatra preċedenti ta’ korp ta’ valutazzjoni tal-konformità. Pereżempju, il-Partijiet għandhom jirtiraw il-ħatra tal-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità jekk il-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità ma jibqax jissodisfa r-rekwiżiti fl-Artikolu 5.2 tal-Protokoll.

    L-awtoritajiet ta’ notifika tal-Istati Membri, li jeħtieġ li jirtiraw jew jimmodifikaw il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ korp tal-valutazzjoni tal-konformità tal-UE maħtur qabel, jistgħu jagħmlu dan direttament lill-awtoritajiet Kanadiżi permezz tal-kaxxa postali funzjonali li ġejja: cetainfo@scc.ca

    L-awtorità ta’ notifika tal-Istat Membru għandha tinkludi lis-servizzi tal-Kummissjoni f’tali komunikazzjoni permezz tal-kaxxa postali funzjonali li ġejja:

    GROW-NANDO-ADMINISTRATOR@ec.europa.eu

    Il-Kanada titlob l-irtirar jew timmodifika l-kamp ta’ applikazzjoni tal-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità maħtur tagħha direttament permezz tan-NANDO.

    Barra minn hekk, l-Artikolu 8.5 tal-Protokoll jittratta ħames xenarji, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7.5, fejn il-Partijiet jistgħu jieqfu minnufih milli jirrikonoxxu korp ta’ valutazzjoni tal-konformità li jkun inħatar qabel. Pereżempju, jekk l-akkreditazzjoni ta’ korp ta’ valutazzjoni tal-konformità tintemm u l-awtoritajiet Kanadiżi ma jirrevokawx il-ħatra tiegħu jew ma jissottomettux ċertifikat ġdid ta’ akkreditazzjoni, il-Kummissjoni u l-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri f’konformità mal-Artikolu 8.5 tal-Protokoll, u ma jibqgħux jirrikonoxxu l-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità li l-kompetenza tiegħu tkun qed tiġi ddubitata. L-Istati Membri li jkollhom l-intenzjoni li ma jibqgħux jirrikonoxxu korp ta’ valutazzjoni tal-konformità Kanadiż għandhom jinformaw lill-Kummissjoni, li tista’ tneħħi l-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità kkonċernat mil-lista ta’ korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità rikonoxxuti fin-NANDO u tinforma lill-awtoritajiet Kanadiżi kif xieraq.

    L-isfidi u l-waqfien tar-rikonoxximent tal-korpi ta’ akkreditazzjoni

    L-Artikoli 13 u 14 tal-Protokoll jipprevedu l-possibbiltà li ma jibqax jiġi rikonoxxut korp ta’ akkreditazzjoni jew li r-rikonoxximent tiegħu ma jibqax jiġi kkontestat.

    L-Artikolu 13 jistabbilixxi li jekk il-korp ta’ akkreditazzjoni ma jibqax firmatarju ta’ arranġament multilaterali jew reġjonali msemmi fis-subparagrafu (l) tal-Artikolu 12.2 jew ta’ arranġament ta’ kooperazzjoni deskritt fl-Artikolu 12.3, il-Parti li tirrikonoxxi tista’ tieqaf tirrikonoxxi tali korp ta’ akkreditazzjoni.

    L-Artikolu 14 jistabbilixxi l-proċedura biex jiġi kkontestat ir-rikonoxximent ta’ korp ta’ akkreditazzjoni wara r-rikonoxximent tiegħu.

    Jekk Stat Membru jkun irid jikkontesta r-rikonoxximent tal-korp ta’ akkreditazzjoni Kanadiż, huwa għandu jinforma lis-servizzi tal-Kummissjoni, lill-EA, u lill-Istati Membri l-oħrajn permezz tal-posta elettronika u jiġġustifika b’mod oġġettiv u motivat ir-raġunijiet sottostanti għat-talba tiegħu.

    Il-proċess ta’ kontestazzjoni jew ta’ waqfien tar-rikonoxximent tal-Kunsill tal-Istandards tal-Kanada, kif ukoll il-proċess li għandu l-għan li jsolvi oġġezzjoni, għandu jiddependi ħafna fuq il-ħidma mwettqa mill-EA u mill-Kunsill tal-Istandards tal-Kanada, kif previst fl-Artikolu 14.2 tal-Protokoll. Għalhekk, l-EA se żżomm lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri infurmati kif xieraq dwar kwalunkwe żvilupp, li jista’ jwassal għal oġġezzjoni jew iwaqqaf ir-rikonoxximent tal-Kunsill tal-Istandards tal-Kanada u tal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità rikonoxxuti fuq dik il-bażi.

    Meta s-servizzi tal-Kummissjoni jirċievu tali informazzjoni, din minnufih torganizza laqgħa tal-grupp ta’ esperti tal-IMP biex jiddiskutu kif tipproċedi.

    Bl-istess mod, jekk il-Kanada jkollha l-ħsieb li ma tibqax tirrikonoxxi jew tikkontesta korp ta’ akkreditazzjoni tal-UE u kwalunkwe korp ta’ valutazzjoni tal-konformità rikonoxxut fuq dik il-bażi, hija tinforma lill-Kummissjoni, li tinforma u tikkomunika minnufih mal-EA u mal-Istat Membru rispettiv, mal-korp ta’ akkreditazzjoni tal-UE u, kif xieraq, sussegwentement, torganizza laqgħa tal-grupp ta’ esperti tal-IMP.

    E)   Is-sorveljanza, l-infurzar u s-salvagwardji tas-suq

    L-Artikolu 11 tal-Protokoll jipprovdi kif l-awtoritajiet tas-sorveljanza jew tal-infurzar tas-suq għandhom jivverifikaw il-konformità għall-prodotti vvalutati minn korp ta’ valutazzjoni tal-konformità rikonoxxut u stabbilit fit-territorju tal-ieħor u liema miżuri ta’ infurzar u ta’ salvagwardja jistgħu jieħdu f’dan ir-rigward.

    Skont l-Artikolu 11.1, il-verifika tal-konformità ta’ prodott mal-leġiżlazzjoni rilevanti għandha titwettaq f’kundizzjonijiet mhux anqas favorevoli minn dawk imwettqa fir-rigward ta’ prodotti vvalutati mill-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità fit-territorju tagħhom stess.

    L-Artikolu 11.2 tal-Protokoll jipprevedi li l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jadottaw jew iżommu miżuri kontra prodott, bħall-irtirar tal-prodott mis-suq, jekk it-tqegħid jew l-użu tal-prodott fis-suq ikun jista’ jikkomprometti l-ilħuq ta’ objettiv leġittimu. Skont l-Artikolu 1 tal-Protokoll, l-objettivi leġittimi huma dawk elenkati fl-Artikolu 2.2 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Ostakli Tekniċi għall-Kummerċ, pereżempju l-protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza tal-bniedem jew tal-ambjent. Il-miżura/i meħuda kontra prodott partikolari se jkollha/jkollhom tkun/ikunu konsistenti mas-CETA u mal-Protokoll b’mod speċifiku. F’dan ir-rigward, minbarra l-irtirar tal-prodott mis-suq, huma elenkati b’mod espliċitu xi eżempji oħrajn ta’ miżuri xierqa fl-Artikolu 11.2 tal-Protokoll. Dawn huma miżuri li jipprojbixxu t-tqegħid jew l-użu tal-prodott jew li qed jillimitaw il-moviment tiegħu fis-suq.

    Importanti jitqies li, jekk awtorità tas-sorveljanza jew tal-infurzar tas-suq ta’ Stat Membru tkun tixtieq tadotta jew iżżomm miżuri kontra prodott partikolari, li jkunu ġew ivvalutati minn korp ta’ valutazzjoni tal-konformità maħtur mill-awtoritajiet Kanadiżi skont il-Protokoll, hija għandha tinforma lill-awtoritajiet Kanadiżi minnufih permezz tal-kaxxa postali funzjonali li ġejja: cetainfo@scc.ca

    Meta jiktbu lill-awtoritajiet Kanadiżi, l-Istati Membri dejjem għandhom jinkludu lill-Kummissjoni bil-kaxxa postali funzjonali li ġejja:

    GROW-NANDO-ADMINISTRATOR@ec.europa.eu

    Jekk l-awtoritajiet Kanadiżi jitolbu dan, l-awtorità tal-Istat Membru, li tkun diġà ssottomettiet il-komunikazzjoni lis-servizzi tal-Kummissjoni, tista’ tintalab tipprovdi raġunijiet għall-adozzjoni jew għaż-żamma ta’ dawn il-miżuri. Għall-finijiet ta’ koordinazzjoni, is-servizzi tal-Kummissjoni jikkomunikaw id-djalogu previst bejn l-awtoritajiet tal-Istat(i) Membru/i kkonċernat(i) u l-Kanada.

    Barra minn hekk, l-Artikoli 11.3 u 11.4 tal-Protokoll jipprevedu l-possibbiltà li l-awtoritajiet tal-Istati Membri u l-korpi ta’ akkreditazzjoni tal-UE jissottomettu lment bil-miktub lill-Kanada jekk ikun hemm evidenza li l-prodotti vvalutati minn korp ta’ valutazzjoni tal-konformità Kanadiż ma jikkonformawx mal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-UE li għaliha jkun rikonoxxut. Tali lment bil-miktub għandu jkun appoġġat b’evidenza, pereżempju billi jiġu ssottolinjati miżuri preċedenti meħuda skont l-Artikolu 11.2 tal-Protokoll. Fl-aħħar mill-aħħar, ilment fl-ambitu tal-Artikolu 11.3 jista’ jintuża biex tiġi kkontestata l-ħatra tal-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità kkonċernat skont l-Artikolu 7, ara t-Taqsima D ta’ hawn fuq.

    L-awtoritajiet tal-Istati Membri jew il-korpi ta’ akkreditazzjoni tal-UE li jkunu jixtiequ jagħmlu lment bil-miktub, għandhom jinfurmaw u jitolbu lis-servizzi tal-Kummissjoni biex jissottomettu tali lment f’isimhom. Kwalunkwe lment bil-miktub bħal dan għandu jiġi sottomess lis-servizzi tal-Kummissjoni permezz tal-kaxxa postali funzjonali li ġejja: GROW-NANDO-ADMINISTRATOR@ec.europa.eu

    Is-servizzi tal-Kummissjoni se jimmonitorjaw u se javvanzaw l-ilment mal-awtoritajiet Kanadiżi f’koordinazzjoni mill-qrib mal-awtorità tal-Istat Membru, mal-EA, u mal-korp ta’ akkreditazzjoni tal-UE kkonċernat kif ukoll se jinfurmaw lill-awtoritajiet tal-Istati Membri l-oħrajn u lill-korpi ta’ akkreditazzjoni tal-UE dwar l-ilment.

    Bl-istess mod, il-Kummissjoni se tkun f’kuntatt mal-Istat Membru kkonċernat u mal-korp ta’ akkreditazzjoni tal-UE, jekk il-Kanada tieħu miżuri skont l-Artikolu 11.2 tal-Protokoll jew tressaq ilment bil-miktub skont l-Artikoli 11.3 jew 11.4 tal-Protokoll. Għal tali finijiet, is-servizzi tal-Kummissjoni se jużaw il-grupp ta’ esperti tal-IMP bħala l-forum rilevanti biex jiddiskutu kwalunkwe kwistjoni relatata mal-Artikolu 11 tal-Protokoll, għalkemm jistgħu jikkonsultaw lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq tal-Istati Membri kif xieraq permezz tan-Network tal-Unjoni għall-Konformità tal-Prodotti.

    F)   Ftehimiet bilaterali fir-rigward tal-proċess ta’ akkreditazzjoni

    L-Artikolu 12.3 tal-Protokoll jipprevedi l-possibbiltà ta’ arranġament ta’ kooperazzjoni bejn is-sistemi ta’ akkreditazzjoni Ewropej u Kanadiżi jew fin-nuqqas ta’ tali arranġament, bejn il-korp ta’ akkreditazzjoni nnominat u korp ta’ akkreditazzjoni rikonoxxut bħala kompetenti mill-Parti li tirrikonoxxi. Dan l-arranġament jenħtieġ li jiżgura li l-korp ta’ akkreditazzjoni nnominat ikun kompetenti biex jakkredita korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità bħala kompetenti biex jivvalutaw il-konformità mar-regolamenti rilevanti tal-awtorità rikonoxxuta. Għal dawn il-finijiet, fl-10 ta’ Ġunju 2016 (13), l-assoċjazzjoni tal-Kooperazzjoni Ewropea għall-Akkreditazzjoni (EA) u l-Kunsill tal-Istandards tal-Kanada (SCC) iffirmaw ftehim ta’ kooperazzjoni bilaterali biex jistabbilixxu l-kundizzjonijiet u l-proċeduri f’termini ta’ appoġġ tekniku mmirati lejn ir-rikonoxximent reċiproku tal-korpi ta’ akkreditazzjoni u tal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità akkreditati li joperaw fl-UE u fil-Kanada.

    Fit-18 ta’ Ġunju 2018, l-EA u l-SCC stabbilew qafas mudell għar-rikonoxximent reċiproku tal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità u tal-korpi ta’ akkreditazzjoni tal-UE u tal-Kanada (14). Il-qafas jistabbilixxi Grupp ta’ Tmexxija konġunt bejn l-EA u l-SCC, li jissorvelja l-proċess ta’ rikonoxximent u jiżgura l-kompetenza tal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità u tal-korpi ta’ akkreditazzjoni għas-swieq tal-UE u tal-Kanada. Għalhekk, il-Grupp ta’ Tmexxija jamministra l-proċessi li jwasslu għar-rikonoxximent reċiproku għal kull kategorija ta’ prodotti bejn l-SCC u l-EA, inklużi:

    Lista ta’ kategoriji ta’ prodotti u rekwiżiti relatati li għalihom ir-rikonoxximent ikun ġie stabbilit fil-livell ta’ akkreditazzjoni nazzjonali.

    Lista ta’ korpi ta’ akkreditazzjoni rikonoxxuti bil-kamp ta’ applikazzjoni tar-rikonoxximent tagħhom.

    L-aġġornament, kif meħtieġ, tad-dokumentazzjoni u tal-formoli relatati li għandhom jintużaw għall-proċessi ta’ rikonoxximent.

    Iż-żamma tal-munita regolatorja u l-involviment mal-awtoritajiet regolatorji.

    Filwaqt li jaġixxu bħala punt ċentrali ta’ kuntatt għal mistoqsijiet dwar l-implimentazzjoni tal-Protokoll u l-proċessi ta’ rikonoxximent reċiproku fl-applikazzjoni tal-Protokoll.

    Barra minn hekk, fin-nuqqas tar-rikonoxximent tal-korp ta’ akkreditazzjoni Kanadiż skont l-Artikolu 12, l-SCC jista’ jfittex li jikkonkludi ftehimiet ta’ kooperazzjoni bilaterali mal-korpi ta’ akkreditazzjoni tal-Istati Membri tal-UE biex jiffaċilita l-akkreditazzjoni tal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità Kanadiżi permezz ta’ korpi ta’ akkreditazzjoni tal-UE. Tali ftehimiet ta’ kooperazzjoni bilaterali jistgħu jiffaċilitaw l-applikazzjoni tal-Artikolu 4 tal-Protokoll. Tipikament, tali ftehim jista’ jinkludi l-iżgurar ta’ kontrolli fuq is-sit mill-SCC u mill-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni tal-UE fit-territorji tagħhom stess u miżuri oħrajn li jistgħu jnaqqsu b’mod proporzjonali l-ispejjeż tal-akkreditazzjoni filwaqt li tiġi żgurata l-konformità mar-rekwiżiti rilevanti tal-UE u tal-Kanada.

    Għalkemm il-konklużjoni ta’ tali ftehimiet ma hijiex obbligu jew prerekwiżit previst fil-Protokoll, dawn jistgħu jiffaċilitaw aktar l-implimentazzjoni tal-Protokoll sakemm jiġi rikonoxxut il-korp ta’ akkreditazzjoni Kanadiż għal setturi tal-prodotti speċifiċi.

    G)   L-aċċettazzjoni tar-riżultati tal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità rikonoxxuti

    L-Artikoli 9 u 10 tal-Protokoll jipprevedu li l-UE għandha tirrikonoxxi r-riżultati tal-attivitajiet ta’ valutazzjoni tal-konformità mwettqa mill-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità rikonoxxuti skont l-Artikolu 3 (ara t-Taqsima B) u minn korpi interni akkreditati stabbiliti fil-Kanada taħt kundizzjonijiet mhux anqas favorevoli minn dawk applikati għal korpi bħal dawn fl-UE. Min-naħa l-oħra, jekk korp ta’ valutazzjoni tal-konformità ma jkunx baqa’ jiġi rikonoxxut, l-awtoritajiet tal-Istati Membri jistgħu wkoll jieqfu jirrikonoxxu l-attivitajiet ta’ valutazzjoni tal-konformità tiegħu u r-riżultati sussegwenti.

    L-Artikolu 9.2 jispeċifika li tali rifjut jista’ jibda mid-data meta l-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità ma jibqax jiġi rikonoxxut jew jekk ikun hemm raġunijiet biex wieħed jemmen li tali nuqqas ta’ kompetenza li jwassal għall-irtirar tar-rikonoxximent seħħ qabel dik id-data, imbagħad dan għandu jsir qabel id-data tal-waqfien. Jekk ma jkun hemm l-ebda raġuni biex wieħed jemmen li n-nuqqas ta’ kompetenza seħħ qabel id-data tal-waqfien, l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jaċċettaw ir-riżultati tal-attivitajiet rilevanti ta’ valutazzjoni tal-konformità sad-data tal-waqfien.

    Fir-rigward ta’ korpi interni akkreditati, skont l-Artikolu 10.1 tal-Protokoll, huma biss dawk il-korpi interni akkreditati minn korp ta’ akkreditazzjoni tal-UE jew inkella mill-Kunsill tal-Istandards tal-Kanada li għandhom jingħataw it-trattament xejn anqas favorevoli.


    (1)  Is-CETA ilu jiġi applikat b’mod proviżorju mill-2017, inkluż il-Protokoll. Ara d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/38 tat-28 ta’ Ottubru 2016 dwar l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn il-Kanada, minn naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (ĠU L 11, 14.1.2017, p. 1080).

    (2)  ĠU L 280, 16.10.1998, p. 1, ĠU L 278, 16.10.2002, p. 19.

    (3)  Għall-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE, il-Protokoll jispeċifika li l-gruppi ta’ prodotti jiddependu mill-fatt li l-UE tirrikonoxxi korpi mhux governattivi għall-fini tal-valutazzjoni tal-konformità tal-merkanzija mal-leġiżlazzjoni armonizzata tal-UE. Bħalissa, tali rekwiżit li jiġu rikonoxxuti biss korpi mhux governattivi ma għandu l-ebda implikazzjoni għall-gruppi ta’ prodotti elenkati fl-Anness 1.

    (4)  Bħalissa, skont l-Artikolu 15 tal-Protokoll, il-Kunsill tal-Istandards tal-Kanada jista’ jakkredita lill-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità Kanadiżi għad-Direttiva 2014/53/UE: Tagħmir tar-Radju u d-Direttiva 2014/30/UE: Kompatibbiltà elettromanjetika, madankollu, għall-bqija tal-leġiżlazzjoni tal-UE elenkata, il-Kunsill tal-Istandards tal-Kanada se jkollu jiġi rikonoxxut skont l-Artikolu 12 tal-Protokoll, jekk jogħġbok ara aktar taħt it-Taqsima C.

    (5)  Jekk jogħġbok innota li r-rekwiżiti ma humiex murija b’mod sħiħ u għalhekk għal-lista eżawrjenti ta’ rekwiżiti, jekk jogħġbok ara direttament l-Artikolu R17 tal-Anness I tad-Deċiżjoni 768/2008/KE.

    (6)  Jekk is-CAB ikun qed iħares lejn it-Tagħmir tal-Ittestjar għall-RSS-102, ma jkun hemm l-ebda rikonoxximent involut u l-laboratorju sempliċiment irid jirreġistra billi jsegwi l-passi ta’ hawn taħt:

     

    Jekk is-CAB ikun qed iħares lejn it-tagħmir ta’ ċertifikazzjoni, jeħtieġ li jiġu segwiti l-proċeduri CB-01 u CB-02.

     

    In-numri tal-kumpaniji jistgħu jinkisbu billi jinħoloq kont tal-web ġdid permezz tas-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Ispettru.

    1.

    Ikklikkja fuq “Register a new Web Account for a new or existing Licensee or Certification/Registration clients or Broadcaster”.

    2.

    Taħt il-lista Equipment Certification and Registration, agħżel “New Applicant” jew “New Agent Applicant” u mbagħad ikklikkja fuq il-buttuna “Next”.

    3.

    Imla l-“Web User Information”, l-“Applicant Information” u l-“Certification Letter Contact”.

    4.

    Irrieżamina l-informazzjoni u mbagħad issottometti t-talba tiegħek.

     

    Jekk diġà għandek kont tal-web, tista’ titlob numri ta’ kumpaniji addizzjonali.

    1.

    Illoggja fil-kont tiegħek

    2.

    agħżel “list my application”

    3.

    ikklikkja fuq “Add Client”, li tinsab fuq il-lemin ta’ ismek fin-naħa ta’ fuq tal-paġna.

    4.

    Agħżel “New Applicant” u mbagħad il-buttuna “Next”.

    5.

    Imla l-informazzjoni tal-kumpanija u mbagħad ikklikkja fuq il-buttuna “Next”.

    6.

    Irrevedi l-informazzjoni u mbagħad issottometti t-talba tiegħek.

    (7)  Is-CETA ilu jiġi applikat b’mod proviżorju mill-2017, inkluż il-Protokoll. Ara n-Nota f’qiegħ il-paġna 1.

    (8)  Lista sħiħa tal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità Kanadiżi li bħalissa huma rikonoxxuti tista’ tinstab hawnhekk: https://ec.europa.eu/growth/tools-databases/nando/index.cfm?fuseaction=country.notifiedbody&cou_id=124

    (9)  L-atti jistgħu jinstabu permezz tal-iperlinks li ġejjin: L-Att dwar it-Telekomunikazzjoni, l-Att dwar ir-Radjukomunikazzjoni u r-Regolamenti dwar ir-Radjukomunikazzjoni. Għal lista sħiħa tar-rekwiżiti tekniċi rilevanti għall-apparat tar-radju u l-proċeduri dwar l-innovazzjoni, ix-xjenza u l-iżvilupp ekonomiku relatati, jekk jogħġbok ikkuntattja lill-Kunsill tal-Istandards tal-Kanada.

    (10)  Jekk jogħġbok innota li fit-18 ta’ Frar 2021, il-Kunsill tal-Istandards tal-Kanada ġie rikonoxxut li jakkredita l-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità għat-tagħmir, għall-magni, għall-apparat, għall-apparati, għall-komponenti ta’ kontroll, għas-sistemi ta’ protezzjoni, għall-apparati ta’ sikurezza, għall-apparati ta’ kontroll u għall-apparati ta’ regolamentazzjoni, u sistemi ta’ strumentazzjoni u prevenzjoni u detezzjoni relatati għall-użu f’ambjenti potenzjalment splussivi (tagħmir ATEX). Ara s-sit web li ġej għal lista sħiħa ta’ setturi, fejn il-Kunsill tal-Istandards tal-Kanada huwa rikonoxxut: https://ec.europa.eu/growth/tools-databases/nando/index.cfm?fuseaction=ab.detail&ab_id=243324

    (11)  Jekk jogħġbok ara s-subintestatura ta’ hawn taħt “Dwar il-proċess għat-talbiet għal rikonoxximent tal-korpi ta’ akkreditazzjoni tal-UE” għall-proċedura rilevanti u għall-awtoritajiet tal-UE involuti.

    (12)  Mudell/qafas għar-rikonoxximent reċiproku tal-korpi ta’ akkreditazzjoni tal-Kanada u tal-UE ġie miftiehem mill-EA u mill-Kunsill tal-Istandards tal-Kanada fit-18 ta’ Ġunju 2018. Sib aktar informazzjoni fit-Taqsima F.

    (13)  Aktar informazzjoni tista’ tinstab online fil-fuljett mehmuż imħejji mill-assoċjazzjoni tal-Kooperazzjoni Ewropea għall-Akkreditazzjoni: https://european-accreditation.org/wp-content/uploads/2018/10/ceta-agreementand-conformity-assessment-accreditation-a-tool-to-enhance-tradebetween-the-european-union-and-canada.pdf

    (14)  Mudell/Qafas għar-Rikonoxximent Reċiproku – Protokoll CA, CETA, EA, il-Kunsill tal-Istandards tal-Kanada, it-18 ta’ Ġunju 2018.


    Top