IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 13.9.2017
COM(2017) 493 final
ANNESS
tar-
Rakkomandazzjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill
li tawtorizza l-ftuħ ta' negozjati għal Konvenzjoni li tistabbilixxi qorti multilaterali għas-soluzzjoni tat-tilwim dwar l-investiment
{SWD(2017) 302 final}
{SWD(2017) 303 final}
DOKUMENT MEHMUŻ
Dwar il-proċess tan-negozjati:
1.L-Unjoni Ewropea taħdem biex tiżgura li l-proċess tan-negozjati tal-Konvenzjoni jippermetti lill-pajjiżi kollha interessati u lill-organizzazzjonijiet internazzjonali biex jipparteċipaw b’mod effettiv fin-negozjati u biex jinstab kunsens.
2.Matul in-negozjati l-Unjoni għandha tkun irrappreżentata mill-Kummissjoni. F’konformità mal-prinċipji ta’ kooperazzjoni sinċiera u ta’ unità tar-rappreżentanza esterna kif stabbiliti fit-Trattati, l-Unjoni u l-Istati Membri tal-Unjoni li jipparteċipaw fin-negozjati għandhom jikkoordinaw bis-sħiħ u jaġixxu skont dan matul in-negozjati.
3.In-negozjati għandhom jitmexxew taħt l-awspiċi tal-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi Internazzjonali tal-Kummerċ (United Nations Commission on International Trade law, UNCITRAL). F’każ ta’ votazzjoni, l-Istati Membri li huma Membri tal-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi Internazzjonali tal-Kummerċ għandhom jeżerċitaw id-dritt tal-vot tagħhom skont dawn id-direttivi u skont il-pożizzjonijiet tal-UE maqbula preċedentement.
4.L-Unjoni għandha tagħmel ħilitha biex tiżgura li n-negozjati jsiru b’mod trasparenti, inkluż, fejn possibbli permezz ta’ streaming ta’ awdjo u/jew ta’ vidjo, u li r-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jkollhom l-opportunità li jipparteċipaw fid-diskussjonijiet bħala osservaturi akkreditati.
Dwar il-kontenut tan-negozjati:
5.Il-Konvenzjoni għandha tippermetti lill-Unjoni biex tippreżenta t-tilwimiet li jqumu fi ftehimiet fejn l-Unjoni tkun parti mill-ġuriżdizzjoni tal-qorti multilaterali, jew tkun se ssir parti minnha. Għaldaqstant, l-Unjoni jenħtieġ li tkun f’pożizzjoni li ssir Parti mill-Konvenzjoni, u d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni jenħtieġ li jiġu abbozzati b’mod li jippermettu l-użu effettiv tagħhom mill-Unjoni Ewropea.
6.Il-Konvenzjoni jenħtieġ li tippermetti wkoll lill-Istati Membri tal-Unjoni u lil pajjiżi terzi biex jippreżentaw it-tilwim li jqum fi ftehimiet li huma partijiet fihom jew li jkunu se jsiru partijiet fihom lill-ġuriżdizzjoni tal-qorti multilaterali.
7.Jenħtieġ li l-mekkaniżmu prinċipali tal-Konvenzjoni jkun li l-ġuriżdizzjoni ta’ qorti multilaterali tkun testendi għal ftehim bilaterali meta ż-żewġ Partijiet tal-ftehim ikunu ftiehmu li jippreżentaw it-tilwim li jirriżulta taħt il-ftehim quddiem il-ġuriżdizzjoni ta’ qorti multilaterali. Fil-każ ta’ ftehimiet multilaterali, il-Konvenzjoni jenħtieġ li tippermetti li żewġ Partijiet jew aktar fi ftehim bħal dan jistgħu jaqblu li jippreżentaw it-tilwim li jirriżulta taħt il-ftehim multilaterali quddiem il-ġuriżdizzjoni tal-qorti multilaterali.
8.Il-qorti multilaterali jenħtieġ li tkun magħmula minn tribunal tal-ewwel istanza u tribunal tal-appell. It-tribunal tal-appell jenħtieġ li jkollu l-kompetenza li jirrieżamina d-deċiżjonijiet maħruġa mit-tribunal tal-ewwel istanza minħabba żbalji fil-liġi jew minħabba żbalji ċari fl-evalwazzjoni tal-fatti. It-tribunal tal-appell jenħtieġ li jkollu s-setgħa li jibgħat lura każijiet quddiem it-tribunal tal-ewwel istanza għat-tlestija tal-proċedimenti fid-dawl tas-sejbiet tat-tribunal tal-appell (“rimandar”).
9.L-indipendenza tal-Qorti jenħtieġ li tkun garantita. Il-membri tal-qorti (kemm tat-tribunal tal-ewwel istanza u tat-tribunal tal-appell) jenħtieġ li jkunu suġġetti għal rekwiżiti stretti dwar il-kwalifiki u l-imparzjalità tagħhom. Fil-Konvenzjoni jenħtieġ li jiġu previsti regoli dwar l-etika u l-mekkaniżmi ta’ kontestazzjoni. Il-membri tal-qorti jenħtieġ li jirċievu rimunerazzjoni permanenti. Huma jenħtieġ li jinħatru għal perjodu ta’ żmien fiss, twil u li ma jiġġeddidx, u jgawdu s-sigurtà tal-kariga, kif ukoll jingħataw il-garanziji kollha meħtieġa biex ikunu indipendenti. Il-membri jenħtieġ li jinħatru permezz ta’ proċess trasparenti u oġġettiv.
10.Il-Konvenzjoni jenħtieġ li tinkludi l-flessibilitajiet meħtieġa sabiex tkun tista’ tadatta ruħha għal sħubija li qed tevolvi, kif ukoll għall-evoluzzjonijiet possibbli fin-natura tal-ftehimiet li jistgħu jiġu ppreżentati quddiem il-ġuriżdizzjoni tal-qorti. Il-Konvenzjoni jenħtieġ li ma teskludix il-possibilità għall-qorti li sserraħ fuq l-appoġġ segretarjali ta’ organizzazzjoni internazzjonali eżistenti, u lanqas li tiġi integrata fl-istruttura ta’ xi organizzazzjoni bħal din fi stadju aktar tard.
11.Il-proċedimenti quddiem qorti multilaterali jenħtieġ li jitwettqu b’mod trasparenti, inkluż il-possibbiltà li jiġu ppreżentati interventi minn partijiet terzi li jkunu simili jew li jużaw ir-regoli u l-istandards previsti fir-Regoli UNCITRAL dwar it-Trasparenza għall-arbitraġġ ta’ bejn l-investituri u l-Istat ibbażat fuq it-trattati.
12.Id-deċiżjonijiet tal-qorti multilaterali jenħtieġ li jkollhom għall-benefiċċju tagħhom sistema ta’ eżekuzzjoni internazzjonali effettiva.
13.Objettiv wieħed tan-negozjati jenħtieġ li jkun li l-qorti multilaterali taħdem b’mod kosteffiċjenti biex jiġi żgurat li tkun aċċessibbli għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju kif ukoll għall-persuni fiżiċi. L-ispejjeż fissi tal-qorti, inklużi l-ispejjeż ta’ remunerazzjoni tal-membri tagħha u l-ispejjeż ta’ appoġġ amministrattiv u segretarjali fil-prinċipju jenħtieġ li jitħallsu mill-Partijiet Kontraenti tal-Konvenzjoni li twaqqaf il-Qorti multilaterali. It-tqassim ta’ dawn l-ispejjeż fost il-Partijiet Kontraenti jenħtieġ li jiġi deċiż fuq bażi ekwa li tista’ tieħu inkonsiderazzjoni fatturi bħalma huma l-livell ta’ żvilupp ekonomiku tal-Partijiet, l-għadd ta’ ftehimiet koperti għal kull Parti, il-volum rispettiv tal-flussi jew tal-istokks ta’ investiment internazzjonali tal-partijiet.
14.L-Unjoni għandha taħdem sabiex tiżgura li l-appoġġ jista’ jkun disponibbli sabiex jiġi żgurat li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw u dawk l-anqas żviluppati jkunu jistgħu joperaw b’mod effettiv fis-sistema għas-soluzzjoni tat-tilwim dwar l-investiment. Inizjattiva bħal din tista’ tifforma parti mill-proċess li jistabbilixxi qorti tal-investiment multilaterali jew tista’ titwettaq separatament.
15.Il-Konvenzjoni li tistabbilixxi Qorti multilaterali jenħtieġ li tkun miftuħa għall-firma u għall-adeżjoni ta’ kull pajjiż u organizzazzjoni reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika interessati li jkunu parti minn ftehim ta’ investiment. Għandha tippermetti d-dħul fis-seħħ bikri hekk kif l-għadd minimu ta’ strumenti ta’ ratifika jkunu ġew iddepożitati.