Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016DC0221

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Sitwazzjoni attwali u l-modi possibli 'l quddiem rigward is-sitwazzjoni tan-nuqqas ta' reċiproċità ma' ċerti pajjiżi terzi fil-qasam tal-politika dwar il-viża

    COM/2016/0221 final

    Strasburgu, 12.4.2016

    COM(2016) 221 final

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    Sitwazzjoni attwali u l-modi possibli 'l quddiem rigward is-sitwazzjoni tan-nuqqas ta' reċiproċità ma' ċerti pajjiżi terzi fil-qasam tal-politika dwar il-viża


    I.    Introduzzjoni

    Ir-reċiproċità fl-eżenzjoni mill-viża hija prinċipju ta' politika komuni tal-UE dwar il-viża u objettiv li l-Unjoni għandha ssegwi b’mod proattiv fir-relazzjonijiet tagħha ma’ pajjiżi terzi, b’hekk tikkontribwixxi biex jittejbu l-kredibbiltà u l-konsistenza fir-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni. Dan il-prinċipju jfisser li l-UE, meta tkun qed tiddeċiedi dwar it-tneħħija tar-rekwiżit tal-viża għaċ-ċittadini ta’ pajjiż terz, tikkunsidra jekk dak il-pajjiż terz reċiprokament jagħtix eżenzjoni mill-viża għaċ-ċittadini tal-Istati Membri kollha. F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li r-Renju Unit u l-Irlanda ma jiħdux sehem fl-iżvilupp tal-politika komuni dwar il-viża 1 . Sa mill-2001, ġew stabbiliti mekkaniżmi differenti taħt il-liġi tal-KE/UE b’miżuri li għandhom jittieħdu f’każijiet ta’ nuqqas ta’ reċiproċità. Bl-appoġġ attiv tal-Kummissjoni, il-maġġoranza l-kbira ta’ każijiet ta’ nuqqas ta’ reċiproċità ma’ tmien pajjiżi terzi nnotifikati, ġew solvuti.

    L-aħħar rapport 2 li jevalwa s-sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ reċiproċità ma’ ċerti pajjiżi terzi fil-qasam tal-politika dwar il-viża adottat mill-Kummissjoni f’Novembru li għadda identifika erba’ pajjiżi fejn in-nuqqas ta' reċiproċità kienet għadha tippersisti: Il-Brunei fir-rigward tal-Kroazja; Kanada fir-rigward tal-Bulgarija u r-Rumanija; Il-Ġappun fir-rigward tar-Rumanija; u l-Istati Uniti tal-Amerika (l-Istati Uniti) fir-rigward tal-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, il-Polonja u r-Rumanija. Din il-Komunikazzjoni tqis l-iżviluppi minn Novembru 2015.

    Jekk il-pajjiż terz ikkonċernat ma jkunx neħħa l-ħtieġa tal-viża sat-12 ta’ April 2016, bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001, tal-15 ta’ Marzu 2001 kif emendat mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill permezz tar-Regolament (UE) Nru 1289/2013 tal-11 ta' Diċembru 2013 3 (minn hawn’ il quddiem, ir-Regolament) jobbliga lill-Kummissjoni tadotta att delegat li jissospendi għal 12-il xahar l-eżenzjoni mill-viża għaċ-ċittadini ta’ dak il-pajjiż terz. Ir-Regolament jeħtieġ ukoll li l-Kummissjoni tqis il-konsegwenzi ta’ sospensjoni tal-eżenzjoni tal-viża għar-relazzjonijiet esterni tal-UE u l-Istati Membri tagħha. Bl-istess mod, 21 Stat Membru fil-mument tal-adozzjoni tar-Regolament iddikjara li “l-istituzzjonijiet rilevanti tal-Unjoni huma obbligati li, qabel kwalunkwe proposta jew deċiżjoni, iqisu l-konsegwenzi politiċi negattivi potenzjali li jistgħu jirriżultaw minn tali proposti jew deċiżjonijiet”.

    Sabiex ikun żgurat li jkun hemm involviment sħiħ tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fl-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ reċiproċità u minħabba b'mod partikolari n-natura politika sensittiva tas-sospensjoni tal-eżenzjoni mill-viża, din il-Komunikazzjoni tivvaluta l-konsegwenzi u l-impatti tas-sospensjoni tal-eżenzjoni mill-viża għaċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi kkonċernati.

    II.    Il-mekkaniżmu ta’ reċiproċità attwali stabbilit mir-Regolament

    Il-mekkaniżmu ta’ reċiproċità, miftiehem bħala kompromess mil-leġiżlaturi fl-2013, huwa magħmul minn diversi stadji, li jibdew b’notifika minn Stat Membru f’każ li pajjiż terz mingħajr viża jsostni jew jintroduċi obbligu ta’ viża għaċ-ċittadini ta’ Stat Membru wieħed jew aktar u mill-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali 4 .

    Skont ir-Regolament 5 , immedjatament wara d-data tal-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali, il-Kummissjoni għandha tieħu passi mal-awtoritajiet tal-pajjiż terz kkonċernat, b’mod partikolari fl-oqsma politiċi, ekonomiċi u kummerċjali, sabiex jerġa’ jkun hemm vjaġġar mingħajr viża għaċ-ċittadini tal-Istat Membru kkonċernat. Saru kuntatti mal-pajjiżi terzi kollha notifikati mill-Istati Membri.

    Jekk il-pajjiż terz ikkonċernat ma jkunx neħħa l-ħtieġa tal-viża. il-Kummissjoni għandha, mhux inqas minn sitt xhur mid-data tal-pubblikazzjoni tan-notifikazzjonijiet tal-Istati Membri u mbagħad f'intervalli regolari għal perjodu ta’ mhux aktar minn sitt xhur, jew tadotta att ta' implimentazzjoni li skontu l-eżenzjoni mill-viża għal ċerti kategoriji ta' ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernat tkun sospiża b'mod temporanju għal perjodu ta' mhux aktar minn sitt xhur, jew tippreżenta rapport li jevalwa s-sitwazzjoni u li jsemmi r-raġunijiet għaliex hija ddeċidiet li ma tissospendix l-eżenzjoni mill-viża.

    Il-Kummissjoni tat bidu għal qafas ta’ “laqgħat tripartiti” regolari bejn il-pajjiż terz, l-Istat(i) Membru/i kkonċernat(i) u lill-Kummissjoni. Filwaqt li jitqies l-impenn tal-Istati Membri u pajjiżi terzi f’dawn il-laqgħat, il-probabbiltà ta' konsegwenzi negattivi mis-sospensjoni tal-eżenzjoni mill-viża u mill-fatt li l-ebda wieħed mill-Istati Membri kkonċernati ma talab lill-Kummissjoni biex tadotta miżuri ta’ sospensjoni, il-Kummissjoni ma pproponietx tali miżuri u adottat tliet rapporti 6 fl-ewwel fażi tal-mekkaniżmu.

    Skont l-istadju li jmiss tal-proċedura 7 , jekk il-pajjiż terz ikkonċernat ma jkunx neħħa l-ħtieġa tal-viża fi żmien 24 xahar mid-data tal-pubblikazzjoni tan-notifiki, ir-Regolament jirrikjedi li l-Kummissjoni tadotta att delegat li jissospendi temporanjament għal 12-il xahar, l-eżenzjoni tal-viża għaċ-ċittadini ta’ dak il-pajjiż terz.

    Ir-Regolament jiddefinixxi fid-dettall il-parametri tas-sospensjoni. Huwa ta’ 12-il xahar u għaċ-ċittadini kollha tal-pajjiż terz ikkonċernat 8 . Is-sospensjoni għandha tidħol fis-seħħ fi żmien 90 jum mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-att delegat.

    L-att delegat (jiġifieri s-sospensjoni ta’ eżenzjoni tal-viża) jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkunx ġiet espressa oġġezzjoni jew mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill f’perjodu ta’ erba’ xhur min-notifika jew jekk, qabel jiskadi dan il-perjodu, iż-żewġ istituzzjonijiet ikunu infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex ser joġġezzjonaw. Dan il-perjodu ta’ erba’ xhur se jiġi estiż b’xahrejn jekk jintalab mil-leġiżlatur. Fi kliem ieħor, id-deċiżjoni tkun finalment ittieħdet mill-Parlament Ewropew u/jew mill-Kunsill.

    Ir-Regolament 9 jistipula li l-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jistgħu jirrevokaw fi kwalunkwe ħin id-delega tas-setgħat lill-Kummissjoni. Dan jeħtieġ deċiżjoni meħuda b’maġġoranza assoluta fil-Parlament Ewropew u/jew deċiżjoni meħuda b’maġġoranza kwalifikata fil-Kunsill.

    III.    żviluppi mill-adozzjoni tat-tielet rapport li jevalwa s-sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ reċiproċità ma’ ċerti pajjiżi terzi

    a.Ġappun (Notifikat mir-Rumanija)

    Il-Ġappun uffiċjalment informa lill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tar-Rumanija fis-17 ta’ Diċembru 2015 li l-ivvjaġġar mingħajr viża għaċ-ċittadini Rumeni, inklużi d-detenturi ta’ passaporti temporanji, ġie estiż sal-31 ta’ Diċembru 2018. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tinnota li, sal-31 ta’ Diċembru 2018, l-eżenzjoni sħiħa mill-viża hija żgurata mal-Ġappun.

    b.Il-Brunei (innotifikata mill-Kroazja)

    It-tielet rapport indika li l-Brunei nnotifika lill-Kummissjoni li ċ-ċittadini Kroati, kif ukoll ċittadini minn Liechtenstein, kienu ngħataw eżenzjoni mill-viża għal 90 jum. Madankollu, dawn id-deċiżjonijiet kienu għadhom ma ġewx implimentati fiż-żmien tal-adozzjoni ta’ dan ir-rapport. Minn dakinhar, il-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna talbu bosta drabi lil Brunei biex idaħħal fis-seħħ l-eżenzjoni mill-viża, jaġġorna s-siti elettroniċi rispettivi tiegħu u jinfurma tal-IATA dwar il-bidla. Il-Kummissjoni rċiviet sinjali pożittivi f’dawn il-kuntatti. L-aktar reċenti, fis-6 ta’ April 2016 il-Missjoni tal-Brunei għall-UE għarrfet lill-Kummissjoni bil-miktub li l-eżenzjoni mill-viża se tidħol fis-seħħ fi ftit ġimgħat oħra.

    c.Il-Kanada (innotifikata mill-Bulgarija u r-Rumanija)

    Ir-raba' laqgħa tripartitika saret fis-6 ta’ April 2016. Waqt il-laqgħa, il-Kanada spjegat li l-Awtorizzazzjoni Elettronika tal-Ivvjaġġar (ETA) saret obbligatorja għal vjaġġaturi li ma jkollhomx viża fil-15 ta’ Marzu 2016. Madankollu, sabiex ikun hemm tranżizzjoni mingħajr xkiel, perjodu ta' “klemenza” ġie introdott sad-29 ta’ Settembru 2016.

    Il-Kanada kkonfermat mill-ġdid l-impenn tagħha li testendi l-ETA għaċ-ċittadini Bulgari u Rumeni li vvjaġġaw b'viża għall-Kanada fl-għaxar snin preċedenti jew li jkunu fil-pussess ta’ viża valida mhux ta’ immigrazzjoni tal-Istati Uniti, ladarba l-ETA tkun stabbli u tiffunzjona bis-sħiħ. Għad m’hemmx data stabbilta għal tali espansjoni s’issa.

    Fil-laqgħa l-Kanada pprovdiet ukoll aġġornament li jirrigwarda r-rata ta' ksur tal-immigrazzjoni u r-rata ta’ rifjut tal-viża, li huma żewġ indikaturi ewlenin għal eżenzjoni mill-viża stipulati fil-qafas ta’ politika tal-viża tal-Kanada. Kemm il-Bulgarija u kemm ir-Rumanija, ir-rata tar-rifjut tal-viża, b’mod partikolari, għadha ferm ogħla mil-livell minimu meħtieġ ta’ 4 % matul l-aħħar 3 snin (il-medja għall-2013–2015 hija madwar 16 % għaż-żewġ pajjiżi). Rigward ir-rata ta' ksur tal-immigrazzjoni — li għalihom il-limitu huwa ta’ 3 % fuq medja ta’ 3 snin — iż-żewġ Stati Membri għandhom prestazzjoni relattivament aħjar (2013–15): Il-Bulgarija: 4,3 %; Ir-Rumanija: 2,5 %. Barra minn hekk, il-Kanada ħabbret li biex tinġabar aktar informazzjoni rigward ċerti oqsma (bħalma huma l-ħruġ ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar u dokumenti oriġinaturi oħra; l-integrazzjoni tar-Rom; il-ġestjoni tal-fruntieri u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni), il-Kanada proponiet li twettaq żjarat ta’ tekniċi/esperti fix-xhur li ġejjin fiż-żewġ Stati Membri. Filwaqt li dan m’għandux jiġi kkunsidrat bħala “ir-rieżami tal-viża” formali, tali missjonijiet ta’ esperti għandhom jgħinu biex tinbena fiduċja u jippermettu esperti Kanadiżi biex jidentifikaw ir-riskji speċifiċi assoċjati ma’ eżenzjoni mill-viża u alternattivi biex itaffu dawk ir-riskji.

    Reċiproċità sħiħa tal-eżenzjoni mill-viża mal-Kanada għadu b'hekk ma ntlaħaqx għal ċittadini Bulgari u Rumeni. Il-Kummissjoni se tkompli tissorvelja l-iżviluppi, b’mod partikolari rigward il-Kanada fl-implimentazzjoni tagħha mill-aktar fis possibbli tal-espansjoni prevista tal-ETA għal ċerti kategoriji ta’ vjaġġaturi, u bħala pass ieħor, fit-twessigħ tal-kamp ta' applikazzjoni tagħha għal xi kategoriji ta’ “riskju baxx”, għal vjaġġaturi li ser jivvjaġġaw għall-ewwel darba.

    d.L-Istati Uniti (innotifikata mill-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, il-Polonja u r-Rumanija)

    Ir-raba' laqgħa tripartitika mal-Istati Uniti saret fit-23 ta' Frar, 2016. L-Istati Uniti enfasizzat l-impenn tagħha għall-espansjoni tal-Programm tal-Istati Uniti tal-Eżenzjoni mill-Viża ladarba l-Istati Membri jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha. L-isforzi meħuda mill-Istati Membri ġew rikonoxxuti mill-Istati Uniti.

    Waqt il-laqgħa, l-Istati Uniti ppreżentat statistika tar-rifjut tal-viża għal 2015: Il-Bulgarija: 17,26 %; Il-Kroazja 5,29 %; Ċipru: 3,53 %; Il-Polonja: 6,37 %; Ir-Rumanija: 11,16 %. L-ebda mill-ħames Stati Membri ma laħqu l-limitu ta’ 3 % meħtieġ skont l-Att tal-Istati Uniti dwar l-Immigrazzjoni u ċ-Ċittadinanza.

    Rigward il-ftehimiet mitluba mill-Istati Uniti fil-qasam tal-infurzar tal-liġi 10 , l-Istati Membri kollha huma fi stadju avvanzat ħafna; kwazi l-ftehimiet kollha ġew iffirmati. Ir-rappurtar ta’ passaporti mitlufa/misruqa tal-Interpol ma kienx meqjus bħala ostaklu. Madankollu, l-Istati Uniti tibda biss iż-żjarat fuq il-post għall-pajjiżi kandidati tal-Programm għall-Eżenzjoni mill-Viża — prerekwiżit qabel id-dħul għall-Programm għall-Eżenzjoni mill-Viża — meta r-rekwiżiti kollha stabbiliti fl-Att dwar l-Immigrazzjoni u ċ-Ċittadinanza ikunu ġew ikkunsidrati bħala sodisfatti mid-Dipartiment tal-Istat u mid-Dipartiment tas-Sigurtà Interna.

    Il-Kungress tal-Istati Uniti emenda l-leġiżlazzjoni tal-Programm għall-Eżenzjoni mill-Viża fit-18 ta’ Diċembru 2015. Skont id-dispożizzjonijiet il-ġodda, bħala regola ġenerali, mill-21 ta’ Jannar 2016 11 vjaġġaturi minn pajjiżi tal-Programm għall-Eżenzjoni mill-Viża li għandhom ċittadinanza tal-Iraq, l-Iran, is-Sirja jew is-Sudan (jiġifieri ċittadinanza doppja) jew li kienu preżenti f’dawn il-pajjiżi jew fil-Libja, fis-Somalja jew fil-Jemen fi kwalunkwe ħin mill-1 ta’ Marzu 2011 jew wara, huma obbligati japplikaw għal viża u ma jkunux jistgħu jivvjaġġaw aktar b’awtorizzazzjoni elettronika (ESTA) taħt il-Programm għall-Eżenzjoni mill-Viża. Din il-liġi għandha impatt potenzjali fuq l-Istati Membri kollha ammessi għall-Programm għall-Eżenzjoni mill-Viża. L-ebda Stat Membru ammess fil-Program għall-Eżenzjoni mill-Viża ma nnotifika dawn il-bidliet fil-Programm għall-Eżenzjoni mill-Viża lill-Kummissjoni fi żmien 30 jum mill-implimentazzjoni tiegħu skont l-Artikolu 1(4)(a) tar-Regolament. Il-liġi l-ġdida ġabet ukoll bidliet fir-rigward tad-dokumenti tal-ivvjaġġar: mill-1 ta’ April 2016, vjaġġaturi b’passaporti bijometriċi biss huma eliġibbli biex jivjaġġaw mingħajr viża.

    Dawn il-bidliet fil-Programm għall-Eżenzjoni mill-Viża ġabu restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar ġodda għaċ-ċittadini tal-pajjiżi tal-Programm għall-Eżenzjoni mill-Viża. Il-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna wasslu t-tħassib tal-UE dwar il-miżuri ġodda fil-leġiżlazzjoni tal-Istati Uniti f’diversi okkażjonijiet lill-Kungress u lill-Amministrazzjoni tal-Istati Uniti, u ħeġġew lill-Istati Uniti biex timplimenta l-liġi b’mod flessibbli sabiex jiġu limitati l-konsegwenzi negattivi għal vjaġġaturi bona fide tal-UE 12 . Bi tweġiba għal dan it-tħassib u bl-użu tad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni 13 , il-Gvern tal-Istati Uniti ddeċieda li jissospendi l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni, skont il-każ, għal ċerti kategoriji ta’ persuni 14 minbarra l-eżenzjonijiet ipprovduti b’mod espliċitu mill-leġiżlazzjoni (jiġifieri lill-persunal militari u lill-persunal tal-gvern li jivjaġġaw fuq xogħol). Il-formula tal-ESTA ġiet riveduta skont dan u issa tippermetti li l-applikanti li jaħsbu li jaqgħu taħt dawn il-kategoriji jistgħu jipprovdu informazzjoni addizzjonali, u l-awtoritajiet tal-Istati Uniti, skont il-każ, jieħdu deċiżjoni dwar l-eliġibbiltà tagħhom fl-ESTA.

    Ċittadini Bulgari, Kroati, Ċiprijotti, Pollakki u Rumeni jibqgħu soġġetti għar-rekwiżit ta’ viża. Fil-kuntest tal-kisba ta’ reċiproċità sħiħa tal-viża fir-rigward tal-ħames Stati Membri kkonċernati, hija l-fehma antika tal-Kummissjoni li l-għoti ta' eżenzjoni mill-viża għaċ-ċittadini ta' dawn il-ħames pajjiżi mhix se tippreżenta theddida migratorja jew għas-sigurtà akbar għall-Istati Uniti. Għalhekk, il-Kummissjoni se tistieden lill-Istati Uniti biex tikkunsidra, bħala l-ewwel pass immedjat, miżura simili għall-espansjoni bħal dik tal-Kanada tal-ETA għall-vjaġġaturi Bulgari u Rumeni ta' "riskju baxx" — jiġifieri l-eliġibilità għall-ESTA għaċ-ċittadini ta’ dawn il-ħames pajjiżi li jkunu użaw legalment viża għall-Istati Uniti fil-passat pereż. għall-aħħar 10 snin — u, jekk ikun meħtieġ, tagħti bidu għal leġiżlazzjoni f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tistieden lill-Istati Uniti biex tikkunsidra l-inizjattivi leġiżlattivi mressqa, b’mod partikolari "l-Att tal-2015 li jippromwovi l-Ivvjaġġar għall-Ħolqien ta' Impjiegi" 15 .

    B’mod parallel għad-diskussjonijiet dwar ir-reċiproċità sħiħa tal-viża, il-Kummissjoni se tkompli tissorvelja l-implimentazzjoni tal-bidliet fil-Programm għall-Eżenzjoni mill-Viża li jintroduċu aktar restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar għal ċittadini tal-pajjiżi tal-Programm għall-Eżenzjoni mill-Viża u se taħdem mal-Istati Uniti biex ikun żgurat li dawn il-bidliet huma implimentati b’mod li jillimita l-konsegwenzi negattivi għall-vjaġġaturi bona fide tal-UE. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni se tistieden lill-Istati Uniti biex tikkunsidra l-inizjattivi leġiżlattivi mressqa (pereż. l- “Att tal-2016 dwar il-Protezzjoni Ugwali fl-Ivvjaġġar” 16 ) sabiex jittaffew ir-restrizzjonijiet imposti fuq ċittadini li jkollhom ċittadinanza doppja.

    IV.    Valutazzjoni tal-konsegwenzi ta’ sospensjoni tal-eżenzjoni mill-viża

    Skont il-linji gwida tar-Regolamentazzjoni Aħjar 17 , anke fejn għażliet ta’ politika differenti ma humiex disponibbli għall-Kummissjoni (u dan japplika għas-sitwazzjoni attwali), iżda l-impatti identifikabbli b'mod dirett tal-att huma mistennija li jkunu sinifikanti, dawn l-impatti għandhom ikunu spjegati mill-Kummissjoni lil-leġiżlaturi sabiex ikunu jistgħu jieħdu deċiżjoni infurmata bis-sħiħ u bbażata fuq l-evidenza.

    a.Impatt possibbli fuq iċ-ċittadini tal-UE

    L-Istati Uniti fil-laqgħa riċenti tripartitika ħadet il-pożizzjoni li s-sospensjoni tal-eżenzjoni mill-viża għandha twassal biex terġa’ tintroduċi r-rekwiżit tal-viża għaċ-ċittadini tal-Istati Membri kollha 18 . Il-prinċipju tar-reċiproċità huwa stabillit fl-Att dwar l-Immigrazzjoni u ċ-Ċittadinanza tal-Istati Uniti (Sez. 217 (2)(A)) 19 . B’konsegwenza ta’ dan, is-sitwazzjoni x’aktarx mhux se titjieb għall-ħames Stati Membri kkonċernati u tista’ tiggrava għall-Istati Membri kollha li bħalissa qed igawdu minn vjaġġar mingħajr viża lejn l-Istati Uniti.

    Ibbażat fuq l-istatistiċi tal-Organizzazzjoni Dinjija tat-Turiżmu (UNWTO) 20 u d-Dipartiment tal-Kummerċ tal-Istati Uniti 21 , il-Kummissjoni tqis li ċ-ċittadini tal-UE li attwalment qed jibbenefikaw mill-ivjaġġar mingħajr viża għandhom japplikaw (kull sena) għal mill-inqas 8 miljun viżi biex jivvjaġġaw lejn l-Istati Uniti. Meta wieħed iqis li t-tariffa tal-viża hi USD 160 u l-ispejjeż relatati tal-applikazzjoni (li huma madwar USD 200 22 ), dan jammonta għal madwar EUR 2,5 biljun f’termini ta’ spejjeż żejda għaċ-ċittadini/kumpaniji tal-UE 23 .

    Għalkemm il-prinċipju ta’ reċiproċità ma huwiex element fil-qafas ta’ politika tal-viża tal-Kanada, ma jistax jiġi eskluż li l-Kanada twieġeb ukoll għall-possibbiltà ta’ sospensjoni tal-eżenzjoni mill-viża għaċ-ċittadini tagħha b’mod simili. Jekk dak ikun il-każ, il-Kummissjoni tistma li ċittadini tal-UE japplikaw tal-inqas għal 1,5 miljun viża, li jwasslu għal EUR 375 miljun 24 f’termini ta’ spejjeż addizzjonali għalihom/għall-kumpaniji tal-UE 25 .

    b.Il-fattibbiltà tal-ipproċessar ta' viżi fil-każ ta’ sospensjoni tal-eżenzjoni mill-viża

    L-Amerika ta’ Fuq hija l-aktar sors importanti ta’ vjaġġaturi internazzjonali li jaslu fl-UE. Skont l-UNWTO u l-istatistiki mid-Dipartiment tal-Kummerċ Amerikan, il-Kummissjoni tistma li l-konsulati tal-Istati Membri jeħtieġ li jitħejjew biex jipproċessaw madwar 10 miljun applikazzjoni għall-viża kull sena fl-Istati Uniti biss. Għalkemm l-Istati Membri għandhom netwerk konsulari wiesgħa fl-Istati Uniti (madwar 100 konsulent), il-konsulati preżentament jipproċessaw biss madwar 120,000 applikazzjoni għal viża ta’ Schengen kull sena.

    It-twaqqif ta' kooperazzjoni ma’ fornituri esterni tas-servizzi, it-tagħmir u l-persunal għall-konsulati, ix-xiri u/jew il-kiri ta' bini ġdid jirrikjedu sforzi serji u jiswew miljuni ta’ euro. It-tariffa tal-viża (EUR 60/visa, bħala regola ġenerali) tista' ma tkoprix l-ispejjeż operattivi, u wisq anqas l-ispejjeż relatati mal-preparazzjonijiet. Diversi Stati Membri probabbilment ikollhom joħorġu viżi kemm jistgħu fl-Istati Uniti bħalma jagħmlu fil-bqija tad-dinja.

    Fil-każ tal-Kanada, l-Istati Membri jistgħu wkoll jiffaċċjaw sfidi serji, għalkemm fuq skala iżgħar. Fil-preżent madwar 45 konsulat jipproċessa 30,000 applikazzjoni fis-sena, filwaqt li f’każ ta’ sospensjoni tal-eżenzjoni mill-viża, jistgħu jkunu mistennija mill-inqas 2 miljun applikazzjoni .

    Skont ir-Regolament, sospensjoni tal-eżenzjoni mill-viża għandha tidħol fis-seħħ fi żmien f'mhux aktar minn 90 jum mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-att delegat. Dan huwa l-perjodu massimu għal preparazzjonijiet. Dan il-perjodu ta’ żmien jidher insuffiċjenti biex jittieħdu l-passi kollha meħtieġa (inkluża l-kopertura tal-kostijiet) biex tiġi pproċessata ż-żieda enormi fl-applikazzjonijiet tal-viża, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-UE (pereż. l-iskadenzi għall-ħatra, il-ħin għall-ipproċessar). Minbarra n-nuqqas ta’ uffiċji adegwati biex jilqgħu dawk il-ħafna applikanti għall-viża, in-nuqqas ta’ livell neċessarju ta’ kooperazzjoni ma’ fornituri esterni tas-servizzi u ta' numru adegwat ta’ uffiċjali konsulari mħarrġa u persunal lokali, iż-żieda fl-applikazzjonijiet jaffettwa wkoll l-appoġġ tal-IT għall-ipproċessar tal-viżi.

    F’dan ir-rigward, il-komponent ċentrali tas-sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u s-sistema ta’ tqabbil bijometriku tagħha jistgħu jkunu kapaċi jappoġġaw il-piż addizzjonali fuq medda qasira ta’ żmien (sa sena) iżda jkollhom jiġu estiżi malajr. Minbarra l-aspetti ta’ infrastruttura, l-istimi tal-kostijiet ġew stmati internament fl-ordni ta’ mill-inqas EUR 20–25 miljun. Bosta Stati Membri jeħtieġ ukoll li jaġġornaw is-sistemi nazzjonali tagħhom u jżidu l-kapaċità tal-infrastruttura ta’ komunikazzjoni bejn is-sistemi ċentrali u nazzjonali. Fi żmien qasir, minħabba l-għadd akbar ta’ applikazzjonijiet u domandi fil-fruntiera, ħinijiet itwal ta’ rispons huma mistennija (tiftix, tqabbil bijometriku).

    Is-sospensjoni tal-eżenzjoni mill-viża jkollu wkoll impatt kbir fuq il-gwardji tal-fruntieri u infrastruturi fil-fruntieri esterni minħabba ż-żieda ta’ vjaġġaturi, li l-viżi tagħhom ikunu jeħtieġu li jiġu verifikati, inklużi l-marki tas-swaba’ tagħhom. Dan ikun jeħtieġ persunal addizzjonali, organizzazzjoni mill-ġdid/ristrutturar ta’ fluss tax-xogħol u t-titjib tal-infrastruttura, speċjalment f’ajruporti ewlenin, li jistgħu jwasslu għal kostijiet konsiderevoli.

    Anke għall-Brunei, li għalihom il-Kummissjoni tistenna li n-numru ta’ applikazzjonijiet għall-viża minn ċittadini tal-Brunei jkunu ferm baxxi, problemi ta’ implimentazzjoni ma jistgħux jiġu esklużi. Żewġ Stati Membri biss huma preżenti u joħorġu l-viżi fil-pajjiż. Għalhekk Stati Membri oħra jkollhom bżonn li jikkonkludu ftehimiet ta’ rappreżentazzjoni magħhom biex b'hekk l-applikanti tal-viża ma jkollhomx bżonn jivvjaġġaw lejn Singapore u/jew Kuala Lumpur biex japplikaw għal viża. L-immodernizzar tal-konsolati ta’ dawn l-Istati Membri (uffiċċji, persunal, tagħmir tal-IT) jista’ jkun meħtieġ ukoll għal ħruġ ta’ numru limitat ta’ viżi.

    Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni tqis li huwa improbabbli ħafna li l-Istati Membri jkunu kapaċi jipproċessaw l-għadd akbar ta’ applikazzjonijiet għall-viża skont il-Kodiċi tal-Viża, fi żmien 90 jum wara d-dħul fis-seħħ tal-att delegat. Konsegwentement, l-applikanti jistgħu jħabbtu wiċċhom ma’ żmien twil ta’ stennija biex jirċievu appuntamenti u għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet tal-viża tagħhom. Barra minn hekk, fattur importanti ħafna, li jista' jwassal biex l-applikanti jagħżlu destinazzjoni tal-vjaġġ li mhux fl-UE, jista' jkun l-isforz u l-kostijiet addizzjonali relatati mal-ivvjaġġar lejn l-eqreb konsulat/fornitur estern tas-servizz tal-Istat Membru kompetenti biex jippreżenta l-applikazzjoni. Fl-Istati Uniti, pereżempju, il-konsulati huma kkonċentrati fil-Kosta tal-Lvant u f'Kalifornja. F’dan il-kuntest, huwa raġonevoli li wieħed jistenna li s-sospensjoni tal-eżenzjoni mill-viża tirriżulta fi tnaqqis fl-għadd ta’ vjaġġaturi mill-Kanada u l-Istati Uniti (u wkoll mill-Brunei), li jwassal għal telf ekonomiku konsiderevoli għall-UE.

    c.Impatti ekonomiċi

    Minbarra l-impatt fuq iċ-ċittadini tal-UE u d-diffikultajiet ta’ implimentazzjoni, impatti sinifikanti f’medda wiesgħa ta’ oqsma/setturi ta' politika għandhom jiġu kkunsidrati wkoll.

    Fil-qasam tat-turiżmu, il-viżitaturi tal-Amerika ta' Fuq jistgħu faċilment jaqilbu mill-Unjoni Ewropea lejn destinazzjonijiet oħra. Il-prenotazzjonijiet huma ta’ spiss organizzati ftit qabel il-vjaġġ intenzjonat, b'hekk viżitaturi potenzjali x'aktarx li ma jibbukkjawx vjaġġi lejn l-Ewropa minħabba t-tħassib tagħhom li l-viża tista’ ma tinħariġx fil-ħin. Tnaqqis potenzjali ta’ 5 % — meqjusa bħala stima konservattiva — fin-numru ta’ turisti tal-Istati Uniti/Kanadiżi lejn l-UE, jirrappreżentaw telf ta’ EUR 1,8 biljun għall-qasam turistiku tal-UE 26 . Is-sospensjoni tal-eżenzjoni mill-viża ovvjament twassal għal telf importanti għall-industrija tal-avjazzjoni, inkluż għal linji tal-ajru Ewropej ewlenin u għall-ajruporti ewlenin Ewropej. F'termini ta' riżorsi tat-turiżmu, jista' jitqies li l-iktar Stati Membri affetwati, fejn il-maġġoranza tat-telf ekonomiku (u anki l-kostijiet ta' implimentazzjoni) jista' jseħħ, huma Franza, il-Ġermanja, l-Italja, Spanja, il-Greċja u n-Netherlands. Barra minn hekk is-settur tat-turiżmu tal-ħames Stati Membri li ċ-ċittadini tagħhom għad għandhom bżonn ta' viża biex iżuru l-Kanada u/jew l-Istati Uniti, iħossu wkoll l-impatti negattivi. 

    Il-Brunei kien sieħeb kostruttiv fil-fora internazzjonali. In-negozjati ta’ Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni raw progress tajjeb. Filwaqt li l-popolazzjoni hija żgħira, il-Brunei hija fost l-aktar pajjiżi sinjuri fid-dinja. L-ekonomija hija miftuħa u tiddependi ħafna fuq il-kummerċ internazzjonali, bil-bilanċ kummerċjali UE-Brunei li jxaqleb bil-qawwa favur l-UE. Is-sospensjoni tal-eżenzjoni tal-viża x’aktarx li jkollha impatt negattiv fuq it-turiżmu u r-rabtiet kummerċjali mal-Brunei ukoll.

    d.Impatti fuq ir-relazzjonijiet esterni

    Rigward ir-relazzjonijiet esterni (inkluż il-kummerċ), l-impatt ikun sostanzjali wkoll. L-2016 hija sena importanti ħafna għar-relazzjonijiet UE-Kanada għax din timmarka l-għeluq tal-40 sena ta’ kooperazzjoni formali tagħna. L-UE hija ħerqana li ssaħħaħ iktar il-kooperazzjoni li diġà hija waħda eċċellenti mal-Kanada, b’mod partikolari fi kwistjonijiet ta’ politika barranija u ta’ sigurtà u permezz ta’ iffirmar mgħaġġel u l-implimentazzjoni ta’ Ftehim ta’ Sħubija Strateġika (SPA) u l-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA). Is-Summit bejn l-UE-Kanada li jmiss fil-ħarifa tal-2016 għandu jimmarka l-bidu ta’ kapitolu ġdid u aktar attiv fir-relazzjonijiet bejn l-UE-Kanada bl-iffirmar taż-żewġ ftehimiet. Is-sospensjoni temporanja tal-eżenzjoni mill-viża għal ċittadini tal-Kanada jista’ jkollu impatt negattiv ħafna fuq il-klima globali pożittiva ta’ kooperazzjoni u tista’ tpoġġi f’riskju l-finalizzazzjoni bla intoppi ta’ dawn il-ftehimiet importanti.

    Il-profondità u l-firxa ta’ din is-sħubija strateġika bejn l-UE u l-Istati Uniti hija unika. Din imxiet ’il quddiem għal aktar minn sitt deċennji, mibnija fuq pedament sod ta’ valuri komuni. Flimkien, l-UE u l-Istati Uniti għandhom l-akbar relazzjoni bilaterali ta’ kummerċ u ta' investiment fid-dinja u l-proċess ta’ negozjar għal Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment (TTIP) laħaq stadju kruċjali li jista' jkun mfixxkel minħabba s-sospensjoni temporanja tal-eżenzjoni mill-viża. Kuljum, l-UE u l-Istati Uniti jaħdmu flimkien biex jibnu dinja aktar sigura, demokratika u għanja. Il-kooperazzjoni fil-Qasam tal-Ġustizzja u l-Intern, l-iżgurar tas-sigurtà taċ-ċittadini filwaqt li tiġi ffaċilitata il-mobbiltà, minn dejjem kienu prijorità ewlenija fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku. B’mod ġenerali, wieħed jistenna li s-sospensjoni taffettwa ħażin il-kooperazzjoni trans-Atlantika li hija kruċjali għall-benessri u s-sigurtà tal-persuni fuq iż-żewġ kontinenti, fi żmien meta huwa importanti aktar minn qatt qabel li nintensifikaw l-isforzi komuni tagħna.

    L-impatt fuq ir-relazzjonijiet esterni tagħna ma’ żewġ sħab strateġiċi f’sena, meta ftehimiet importanti fil-qasam kummerċjali jinsabu fi stadju kruċjali jew għandhom jiġu ffinalizzati, għalhekk ikun sostanzjali.

    V.    konklużjoni

    Il-Kummissjoni tilqa’ il-kisba ta’ reċiproċità sħiħa fl-eżenzjoni mill-viża mal-Ġappun.

    Il-Kummissjoni tinnota li r-reċiproċità sħiħa fl-eżenzjoni mill-visa għadha ma ntlaħqitx mal-Brunei iżda abbażi ta' kuntatti reċenti, il-Kummissjoni tistenna li din se tintlaħaq bin-notifika uffiċjali sal-aħħar ta’ April 2016.

    Fir-rigward tal-Kanada u tal-Istati Uniti, il-Kummissjoni tinnota li r-reċiproċità sħiħa tal-viża għadha ma ntlaħqitx. Għalhekk il-Kummissjoni se tinsisti għal reċiproċità sħiħa tal-viża ma’ dawn iż-żewġ pajjiżi. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Kanada u lill-Istati Uniti biex juru l-impenn tagħhom permezz tal-introduzzjoni ta’ miżuri tanġibbli biex tintlaħaq ir-reċiproċità sħiħa dwar il-viża għal kull wieħed mitt-28 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea.

    Fir-rigward tal-mekkaniżmu ta’ reċiproċità attwali, il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sabiex b’mod urġenti jniedu diskussjonijiet u biex jieħdu pożizzjoni dwar l-aħjar triq ’il quddiem, fid-dawl tal-valutazzjoni pprovduta minn din il-Komunikazzjoni. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill huma mistiedna jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar il-pożizzjonijiet rispettivi tagħhom sa mhux aktar tard mit-12 ta’ Lulju 2016.

    (1)

    Għalhekk f’din il-Komunikazzjoni “Stati Membri”, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom jinftiehmu li huma l-Istati Membri kollha tal-UE — minbarra r-Renju Unit u l-Irlanda — kif ukoll pajjiżi assoċjati max-Schengen (l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera).

    (2)

    C(2015) 7455 finali tal-5.11.2015.

    (3)

    Ir-Regolament (UE) Nru 1289/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 tal-15 ta' Marzu 2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn dik il-ħtieġa ĠU L 347 ta' 11.12.2013, p. 74

    (4)

    Il-Kummissjoni ppubblikat in-notifiki ta’ nuqqas ta’ reċiproċità fit-12 ta’ April 2014 (ĠU C 111, 12.4.2014, p. 1. Ħames Stati Membri (il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, il-Polonja u r-Rumanija) innotifikaw każijiet ta’ nuqqas ta’ reċiproċità fir-rigward ta' ħames pajjiżi: L-Awstralja, il-Brunei Darussalam, il-Kanada, il-Ġappun u l-Istati Uniti tal-Amerika.

    (5)

    Artikolu 1(4)(b).

    (6)

    C(2014) 7218 finali tal-10.10.2014, C(2015) 2575 finali tat-22.4.2015 u C(2015) 7455 finali tal-5.11.2015

    (7)

    Irregolata mill-Artikolu 1(4)(f) tar-Regolament.

    (8)

    L-Artikolu 4 tar-Regolament, li jippermetti lill-Istati Membri biex jeżentaw mir-rekwiżit tal-viża lil ċerti kategoriji ta’ persuni bħal dawk li għandhom passaport diplomatiku, membri tal-ekwipaġġ ċivili tal-ajru u tal-baħar xorta japplika.

    (9)

    L-artikolu 4b(3).

    (10)

    Ftehim dwar l-iskambju ta' informazzjoni għall-finijiet ta' analiżi dwar terroristi magħrufa jew suspettati Il-ftehim dwar it-titjib tal-kooperazzjoni fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità serja.

    (11)

    Vjaġġaturi lejn il-Libja, is-Somalja u l-Jemen jista' jkollhom l-ESTA revokata fil-port tad-dħul filwaqt li xorta jitħallew jidħlu fl-Istati Uniti. Minn April 'l quddiem, informazzjoni dwar vjaġġi preċedenti lejn dawn il-pajjiżi se jiġu inklużi fil-kwestjonarju tal-ESTA. Ċittadini b’ċittadinanza doppja tal-Programm għall-Eżenzjoni mill-Viża ta’ pajjiżi li għandhom iċ-ċittadinanza tal-Libja, tas-Somalja u tal-Jemen għadhom attwalment eliġibbli biex jivjaġġaw bl-ESTA.

    (12)

    Pereż. l-artiklu iffirmat mill-Kap tad-Delegazzjoni tal-UE f’Washington u l-Ambaxxaturi tal-Istati Membri kollha tal-UE għall-Istati Uniti kien ippubblikat fil-Blog tal-Kungress ta' The Hill fl-14 ta’ Diċembru 2015 (http://thehill.com/blogs/congress-blog/foreign-policy/262999-what-the-visa-waiver-program-means-to-europe).

    (13)

      http://www.state.gov/r/pa/prs/ps/2016/01/251577.htm

    (14)

    Rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali, NGOs umanitarji li jivvjaġġaw fuq dover uffiċjali, ġurnalisti u ċerti gruppi ta’ nies fin-negozju.

    (15)

      https://www.congress.gov/bill/114th-congress/house-bill/1401  

    (16)

      https://www.congress.gov/bill/114th-congress/house-bill/4380/text  

    (17)

    http://ec.europa.eu/smart-regulation/guidelines/tool_5_en.htm

    (18)

    Ara n-nota 1 ta' qiegħ il-paġna.

    (19)

      https://www.uscis.gov/iframe/ilink/docView/SLB/HTML/SLB/0-0-0-1/0-0-0-29/0-0-0-4391.html .

    (20)

    http://www.e-unwto.org/toc/unwtotfb/current

    (21)

    http://travel.trade.gov/outreachpages/inbound.general_information.inbound_overview.asp

    (22)

    Dokument 6 tar-Regola Finali tal-ESTA, p. 32289 (disponibbli fuq: https://www.gpo.gov/fdsys/pkg/FR-2015-06-08/pdf/2015-13919.pdf ).

    (23)

    B’paragun, vjaġġaturi li jivvjaġġaw mingħajr viża lejn l-Istati Uniti bħalissa jħallsu USD 14 għall-ESTA (valida għal sentejn).

    (24)

    Meta titqies it-tariffa tal-viża ta' CAD 100 u jekk wieħed jassumi li l-ammont tal-ispejjeż indiretti jistgħu jiġu kkunsidrati bħala simili għal dawk tal-applikazzjonijiet għal viża tal-Istati Uniti.

    (25)

    Apparagun, il-vjaġġaturi li jivvjaġġaw mingħajr viża lejn il-Kanada bħalissa jħallsu CAD 7 għall-ETA (valida għal ħames snin).

    (26)

    Din l-istima hija bbażata fuq stħarriġ tal-2013 dwar l-impatt potenzjali tal-faċilitazzjonijiet tal-viża f'sitt iswieq ewlenin oħra fil-mira. Skont dan l-istħarriġ, l-aġenti tal-ivvjaġġar stmaw li kieku jbigħu tal-inqas 20 % aktar vjaġġi li kieku l-ivjaġġar lejn iż-żona ta' Schengen kien mingħajr viża. Il-ħtieġa ta' viża mingħand iċ-ċittadini tal-Kanada/tal-Istati Uniti se jkollha effett bil-kuntrarju, imma fuq skala iżgħar.

    ( http://ec.europa.eu/growth/tools-databases/newsroom/cf/itemdetail.cfm?item_id=7005&lang=en )

    Top