EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015TA1209(09)

Rapport dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura għas-sena finanzjarja 2014, flimkien mar-risposta tal-Aġenzija

ĠU C 409, 9.12.2015, p. 73–80 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

9.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 409/73


RAPPORT

dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura għas-sena finanzjarja 2014, flimkien mar-risposta tal-Aġenzija

(2015/C 409/09)

INTRODUZZJONI

1.

L-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura (minn hawn ’il quddiem “l-Aġenzija”, magħrufa wkoll bħala l-“EACEA”), li tinsab fi Brussell, ġiet stabbilita bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2009/336/KE (1). Il-kompitu tal-Aġenzija huwa l-ġestjoni ta' programmi li jiġu deċiżi mill-Kummissjoni fl-oqsma tal-edukazzjoni, l-awdjoviżiv u l-kultura, inkluż it-twettiq tal-implimentazzjoni dettaljata ta’ proġetti tekniċi (2).

INFORMAZZJONI LI TAPPOĠĠA D-DIKJARAZZJONI TA' ASSIGURAZZJONI

2.

L-approċċ tal-awditjar meħud mill-Qorti jinkludi proċeduri analitiċi tal-awditjar, ittestjar dirett tat-tranżazzjonijiet u valutazzjoni tal-kontrolli ewlenin tas-sistemi ta’ superviżjoni u kontroll tal-Aġenzija. Dan huwa ssupplimentat b’evidenza pprovduta mix-xogħol ta’ awdituri oħrajn (fejn rilevanti) u analiżi tar-rappreżentazzjonijiet tal-maniġment.

DIKJARAZZJONI TA' ASSIGURAZZJONI

3.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-Qorti awditjat:

(a)

il-kontijiet annwali tal-Aġenzija, li jinkludu r-rapporti finanzjarji (3) u r-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit (4) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2014, u

(b)

il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet.

Ir-responsabbiltà tal-maniġment

4.

Il-maniġment huwa responsabbli mit-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet annwali tal-Aġenzija u mil-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi (5):

(a)

Ir-responsabbiltajiet tal-maniġment fir-rigward tal-kontijiet annwali tal-Aġenzija jinkludu t-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ sistema ta’ kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta ta’ rapporti finanzjarji li jkunu ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball; l-għażla u l-applikazzjoni ta’ politiki kontabilistiċi xierqa fuq il-bażi tar-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni (6); it-tħejjija ta’ stimi kontabilistiċi li jkunu raġonevoli fiċ-ċirkustanzi. Id-Direttur japprova l-kontijiet annwali tal-Aġenzija wara li l-uffiċjal tal-kontabbiltà tagħha jkun ħejjiehom fuq il-bażi tal-informazzjoni kollha disponibbli u jkun stabbilixxa nota biex takkumpanja l-kontijiet li fiha huwa jiddikjara, fost l-oħrajn, li għandu aċċertament raġonevoli li dawn jippreżentaw stampa vera u ġusta tal-pożizzjoni finanzjarja tal-Aġenzija fl-aspetti materjali kollha.

(b)

Ir-responsabbiltajiet tal-maniġment fir-rigward tal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi u l-konformità mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba jikkonsistu fit-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ sistema ta’ kontroll intern effettiva u effiċjenti li tinkludi superviżjoni adegwata u miżuri xierqa għall-prevenzjoni ta’ irregolaritajiet u frodi u, jekk meħtieġ, proċedimenti legali għall-irkupru ta’ fondi mħallsa jew użati ħażin.

Ir-responsabbiltà tal-awditur

5.

Ir-responsabbiltà tal-Qorti hija li, fuq il-bażi tal-awditu tagħha, tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (7) b’dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Il-Qorti tmexxi l-awditu tagħha skont l-Istandards Internazzjonali tal-Awditjar u l-Kodiċijiet tal-Etika tal-IFAC u l-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar tal-INTOSAI. Dawn l-istandards jeżiġu li l-Qorti tippjana u twettaq l-awditu biex tikseb aċċertament raġonevoli dwar jekk il-kontijiet annwali tal-Aġenzija jkunux ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati jkunux legali u regolari.

6.

L-awditu jinvolvi t-twettiq ta' proċeduri biex tinkiseb evidenza għall-awditjar dwar l-ammonti u d-divulgazzjonijiet fil-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Il-proċeduri magħżula jiddependu fuq il-ġudizzju tal-awditur, li huwa bbażat fuq valutazzjoni tar-riskji ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali tal-kontijiet u ta’ nuqqas ta’ konformità materjali mit-tranżazzjonijiet ta’ bażi mar-rekwiżiti fil-qafas legali tal-Unjoni Ewropea, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Meta jivvaluta dawk ir-riskji, l-awditur iqis kwalunkwe kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet, kif ukoll is-sistemi ta’ superviżjoni u kontroll li jkunu implimentati biex jiġu żgurati l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi, u jfassal proċeduri tal-awditjar li jkunu xierqa skont iċ-ċirkustanzi. L-awditu jinvolvi wkoll l-evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politiki kontabilistiċi, ir-raġonevolezza tal-istimi kontabilistiċi u l-preżentazzjoni kumplessiva tal-kontijiet.

7.

Il-Qorti tqis li l-evidenza għall-awditjar miksuba hija suffiċjenti u xierqa biex tipprovdi bażi għad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tagħha.

Opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

8.

Fl-opinjoni tal-Qorti, il-kontijiet annwali tal-Aġenzija jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta’ Diċembru 2014 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha u l-flussi tal-flus tagħha għas-sena li ntemmet dakinhar, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju tagħha u r-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni.

Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

9.

Fl-opinjoni tal-Qorti, it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2014 huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha.

10.

Il-kummenti li ġejjin ma jixħtux dubju fuq l-opinjonijiet tal-Qorti.

KUMMENTI DWAR IL-ĠESTJONI BAĠITARJA

11.

Il-livell kumplessiv ta’ approprjazzjonijiet impenjati kien għoli f'livell ta' 98 % (97 % fl-2013). Riporti ta' approprjazzjoni impenjati kienu għoljin ukoll għat-Titolu III (appoġġ għall-operazzjonijiet tal-Aġenzija) f'livell ta’ 56 %, jiġifieri EUR 3,2 miljun (8). Dawn huma prinċipalment relatati ma' servizzi tal-IT ordnati fl-2014 li kienu għadhom ma ġewx fatturati sa tmiem is-sena (EUR 1,2 miljun), awditi ta' proġetti li għadhom għaddejjin (EUR 1 miljun) u servizzi ta' komunikazzjoni, pubblikazzjoni u traduzzjoni (EUR 0,9 miljun) relatati ma’ programmi ġodda mmaniġġjati mill-Aġenzija.

SEGWITU GĦALL-KUMMENTI MIS-SNIN PREĊEDENTI

12.

Ħarsa ġenerali lejn l-azzjonijiet korrettivi li ttieħdu b'rispons għall-kummenti tal-Qorti mis-sena preċedenti tingħata fl-Anness I.

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla IV, immexxija mis-Sur Milan Martin CVIKL, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tat-8 ta' Settembru 2015.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

President


(1)  ĠU L 101, 21.4.2009, p. 26.

(2)  L-Anness II jagħti sommarju tal-kompetenzi u l-attivitajiet tal-Aġenzija. Huwa ppreżentat għal skopijiet ta’ informazzjoni.

(3)  Dawn jinkludu l-karta tal-bilanċ u r-rapport tal-prestazzjoni finanzjarja, it-tabella tal-flussi tal-flus, ir-rapport tat-tibdil fl-assi netti u sommarju tal-politiki kontabilistiċi sinifikanti u noti oħra ta’ spjegazzjoni.

(4)  Dawn jinkludu l-kont tar-riżultat baġitarju u l-anness għall-kont tar-riżultat baġitarju.

(5)  L-Artikoli 62 u 68 flimkien mal-Artikoli 53 u 58 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

(6)  Ir-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni huma dderivati mill-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà għas-Settur Pubbliku (IPSAS) maħruġa mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti jew, fejn rilevanti, l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà (IAS)/l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) maħruġa mill-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà.

(7)  L-Artikolu 162 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

(8)  Wara ristrutturar tal-baġit tal-Aġenzija, it-Titolu III “appoġġ għall-operazzjonijiet tal-Aġenzija” ġie introdott fl-2014.


ANNESS I

Segwitu għall-kummenti mis-sena preċedenti

Sena

Kumment tal-Qorti

Status tal-azzjoni korrettiva

(Ikkompletata/Għadha għaddejja/Pendenti/M/A)

2013

Il-livell ta’ approprjazzjonijiet impenjati kien għoli f’livell ta’ 97 % kemm għat-Titolu I (nefqa għall-persunal) kif ukoll għat-Titolu II (nefqa amministrattiva). Għalkemm ir-riporti ta’ approprjazzjonijiet impenjati kienu relattivament għoljin għat-Titolu II f’livell ta’ 25 %, dawn huma prinċipalment relatati ma’ servizzi u tagħmir tal-IT ordnati u parzjalment riċevuti fl-2013 li għalihom ma kinux inħarġu fatturi fi tmiem is-sena, kif ukoll għan-natura pluriennali tal-attivitajiet tal-Aġenzija (analiżijiet tal-proġetti minn esperti u awditi tal-proġetti).

M/A


ANNESS II

L-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura (Brussell)

Kompetenzi u attivitajiet

Oqsma ta' kompetenza tal-Unjoni li jidderivaw mit-Trattat

(L-Artikoli 165(1), 166(1), 167(1) u 173(1) tat-TFUE)

Ġbir ta’ informazzjoni

L-Unjoni Ewropea għandha tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ edukazzjoni ta’ kwalità.

L-Unjoni Ewropea għandha timplimenta politika ta’ formazzjoni vokazzjonali.

L-Unjoni Ewropea għandha tikkontribwixxi għall-fjoritura tal-kulturi tal-Istati Membri.

L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jeżistu l-kundizzjonijiet neċessarji għall-kompetittività tal-industrija tal-Unjoni.

Kompetenzi tal-Aġenzija

(Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003; id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (2013/776/UE), li tħassar id-Deċiżjoni 2009/336/KE; id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2013) 9189 kif emendata bid-Deċiżjoni C(2014) 4048)

Għanijiet

Fil-qafas tal-politiki tal-edukazzjoni, il-kultura u l-industrija ttieħdu diversi miżuri għall-promozzjoni tal-edukazzjoni, it-taħriġ vokazzjonali, l-awdjoviżiv, il-kultura, iż-żgħażagħ, l-għajnuna umanitarja u ċ-ċittadinanza attiva fl-Unjoni Ewropea. L-għanijiet prinċipali ta’ dawn il-miżuri huma sabiex isaħħu l-koeżjoni soċjali u sabiex jikkontribwixxu lejn il-kompetittività, lejn it-tkabbir ekonomiku u lejn unjoni dejjem aktar mill-qrib fost il-popli tal-Ewropa.

Dawn il-miżuri jinkludu varjetà ta’ programmi.

L-Aġenzija hija responsabbli mill-ġestjoni ta’ ċerti sezzjonijiet ta’ dawn il-programmi – eż. Erasmus+, Ewropa Kreattiva, L-Ewropa għaċ-Ċittadini u l-inizjattiva EU Aid Volunteers (Korp Volontarju Ewropew ta’ Għajnuna Umanitarja). F’dan ir-rigward, hija timplimenta l-għajnuna tal-Unjoni, ħlief għall-kompiti li jeħtieġu setgħat diskrezzjonali fit-twettiq tal-għażliet politiċi.

Funzjonijiet

Li timmaniġġja, matul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja tagħhom, il-proġetti li jimplimentaw il-programmi tal-Unjoni li jiġu fdati lilha u li twettaq il-kontrolli neċessarji għal dan l-effett, billi tadotta d-deċiżjonijiet rilevanti, fejn il-Kummissjoni tkun tatha s-setgħa li tagħmel dan;

li tadotta l-istrumenti tal-implimentazzjoni tal-baġit għad-dħul u l-infiq u li twettaq, fejn il-Kummissjoni tkun tatha s-setgħa li tagħmel dan, l-operazzjonijiet neċessarji għall-ġestjoni tal-programmi tal-Unjoni u, b’mod partikolari, dawk marbuta mal-għoti ta’ sussidji u kuntratti;

li tiġbor, tanalizza u titrasferixxi lill-Kummissjoni t-tagħrif kollu meħtieġ bħala gwida għall-implimentazzjoni tal-programmi tal-Unjoni;

li timplimenta, fil-livell tal-UE, in-netwerk ta’ tagħrif dwar l-edukazzjoni fl-Ewropa (Eurydice) u attivitajiet intenzjonati li jtejbu l-fehim u l-għarfien tal-qasam taż-żgħażagħ permezz tal-ġabra, l-analiżi u t-tixrid ta’ informazzjoni u l-produzzjoni ta’ studji u pubblikazzjonijiet.

Governanza

Kumitat ta' Ġestjoni

Kompożizzjoni

Magħmul minn ħames membri maħtura mill-Kummissjoni Ewropea.

Kompiti

Huwa jadotta l-programm ta’ ħidma annwali tal-Aġenzija wara l-approvazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea. Barra minn hekk, huwa jadotta l-baġit amministrattiv tal-Aġenzija u r-rapport annwali tal-attività tagħha.

Direttur

Maħtur mill-Kummissjoni Ewropea.

Awditu estern

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

Awditu intern

Il-Kapaċità tal-Awditjar Intern.

Is-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni Ewropea (IAS).

Awtorità ta’ kwittanza

Il-Parlament Ewropew, li jaġixxi fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill.

Riżorsi disponibbli għall-Aġenzija fl-2014 (2013)

Baġit

Il-baġit amministrattiv tal-Aġenzija għall-2014 kien ta' EUR 47 (51) miljun (100 % ffinanzjat mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea).

L-Aġenzija mmaniġġjat EUR 693 miljun, li jinkludu EUR 90 miljun ikkuntrattati fuq krediti (850  (1) ) C8 (riport awtomatiku ta’ approprjazzjonijiet impenjati) relatati mal-programmi u l-proġetti ddelegati mill-Kummissjoni lill-Aġenzija Eżekuttiva.

Persunal fil-31 ta' Diċembru 2014

Persunal temporanju: 108 (105) postijiet għal persunal temporanju fit-tabella tal-persunal

Postijiet okkupati: 101 (99)

Persunal kuntrattwali: 350 (348) post għal persunal kuntrattwali

Postijiet okkupati: 336 (336)

Total tal-persunal: 437 (435) post okkupat minn persunal li jwettaq il-kompiti li ġejjin:

Operazzjonali: 358

Amministrattivi: 79

Prodotti u servizzi fl-2014 (2013)

Komunikazzjoni

Madwar 120 membru tal-persunal tal-Aġenzija pparteċipaw f’Jiem Info organizzati minn Aġenziji/Strutturi Nazzjonali u bosta sessjonijiet oħra ta’ informazzjoni fi Brussell, aġġornament tad-database VALOR (2) bir-riżultati tal-proġetti, organizzazzjoni ta’ avvenimenti f’kooperazzjoni mad-Direttorati Ġenerali (DĠ) prinċipali.

Ġew organizzati 12-il laqgħa tal-bidu (kick-off) fi Brussell għal koordinaturi u sħab ġodda tal-proġetti.

Laqgħat ta’ gruppi madwar tema u laqgħat ma' koordinaturi tal-proġetti saru f’postijiet differenti.

Għażliet

Ġew ippubblikati 13-il sejħa għal proposti kif ukoll 4 sejħiet għall-offerti.

Ġestjoni ta’ bejn wieħed u ieħor 10  000 proposta riċevuti.

Għażla ta’ bejn wieħed u ieħor 4  000 proġett u 550 Erasmus Charters for Higher Education (Karti dwar l-Erasmus għall-Edukazzjoni Għolja).

Żjarat ta’ monitoraġġ

Ġew organizzati aktar minn 386 missjoni ta' monitoraġġ (fuq il-post jew fi Brussell) ma’ parteċipanti tal-proġetti għall-monitoraġġ ta' 440 proġett.

Miżuri ta’ simplifikazzjoni

L-użu ta’ formoli elettroniċi ġie estiż biex ikopri aktar azzjonijiet, jiġifieri 86 % tal-applikazzjonijiet kollha.

L-ikkuntrattar simplifikat ġie estiż (deċiżjonijiet minflok ftehimiet ta’ għotjiet) għal xi azzjonijiet.

Il-metodu ta’ kalkolu tas-somma sħiħa ġie rfinat u applikat għal aktar azzjonijiet.

Sar użu akbar minn sessjonijiet ta’ informazzjoni remoti mogħtija minn esperti u minn evalwazzjoni remota tal-proġetti għall-evalwazzjoni ta’ azzjonijiet.

Tfasslu ċertifikati tal-awditjar biex ir-rappurtar finanzjarju jiġi ssimplifikat u dawn se jibdew jintużaw gradwalment.

Ġie ffinalizzat pakkett ta’ informazzjoni finanzjarja għat-titjib ta' gwida għall-benefiċjarji u dan sar disponibbli.

Kooperazzjoni mad-Direttorati Ġenerali (DĠ) prinċipali

Organizzazzjoni ta’ tliet laqgħat tal-Kumitat ta’ Ġestjoni u ta' erba' proċeduri bil-miktub għall-adozzjoni ta' deċiżjonijiet ulterjuri.

Laqgħat perjodiċi ta’ koordinazzjoni mad-Diretturi Operazzjonali tad-DĠ prinċipali dwar il-programmi ddelegati (tliet/erba' laqgħat kull sena).

Assistenza lid-DĠ prinċipali fit-tħejjija tal-ġenerazzjoni ta' programmi li jmiss.

Għoti ta' informazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta' programmi lill-Kummissjoni fuq talba.

Kollaborazzjoni mill-qrib mad-DĠ prinċipali fit-tnedija tal-programmi l-ġodda għall-2014-2020.

Appoġġ tal-politika

Ġestjoni kontinwa tan-netwerk Eurydice għall-appoġġ tal-politika fil-qasam tal-edukazzjoni; din ġiet estiża wkoll għall-qasam taż-żgħażagħ.

Bosta rapporti prodotti mill-unità Eurydice.

Awditi

Matul is-sena 2014 ġew implimentati r-riżultati ta' 115-il awditu.

Kuntratti u proġetti:

Ġew iffirmati 6  664 kuntratt u ngħalqu 4  972 proġett.

Mandat

Il-mandat tal-Aġenzija ġie estiż fl-2014 biex tkun tista' timmaniġġja programmi ġodda. Ġiet adotta estensjoni ġdida mill-Kummissjoni biex l-Aġenzija tkun tista' timmaniġġja fondi taħt l-Intestatura 4.


(1)  Li magħhom għandhom jiżdiedu EUR 11-il miljun li jkopru impenji li saru fuq krediti C4 (dħul assenjat intern riportat) u fuq krediti PO/RO (dħul assenjat estern ieħor riportat)

(2)  Pjattaforma elettronika għat-tixrid u l-isfruttament ta’ riżultati ta’ proġetti appoġġati minn programmi mmaniġġjati mill-Kummissjoni Ewropea fl-oqsma tal-edukazzjoni, it-taħriġ, il-kultura, iż-żgħażagħ u ċ-ċittadinanza.

Sors: Anness ipprovdut mill-Aġenzija.


IT-TWEĠIBIET TAL-AĠENZIJA

11.

L-Aġenzija tieħu nota tal-kummenti tal-Qorti. L-Aġenzija se tkompli bl-isforzi stabbiliti tagħha biex tikkontrolla u tkompli tnaqqas ir-rata tar-riport.


Top