EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014XX0711(01)

Sommarju Eżekuttiv tal-Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 515/97 dwar għajnuna reċiproka bejn l-awtoritajiet amministrattivi tal-Istati Membri u koperazzjoni bejn dawn tal-aħħar u l-Kummissjoni biex ikun assigurat l-applikar korrett tal-liġi dwar materji doganali u agrikoli (It-test sħiħ ta’ din l-Opinjoni jista’ jinstab bl-EN, FR & DE fuq is-sit elettroniku tal-KEPD www.edps.europa.eu)

ĠU C 219, 11.7.2014, p. 8–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

11.7.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 219/8


Sommarju Eżekuttiv tal-Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 515/97 dwar għajnuna reċiproka bejn l-awtoritajiet amministrattivi tal-Istati Membri u koperazzjoni bejn dawn tal-aħħar u l-Kummissjoni biex ikun assigurat l-applikar korrett tal-liġi dwar materji doganali u agrikoli

(It-test sħiħ ta’ din l-Opinjoni jista’ jinstab bl-EN, FR & DE fuq is-sit elettroniku tal-KEPD www.edps.europa.eu)

2014/C 219/11

1.   INTRODUZZJONI

1.1.   Konsultazzjoni tal-KEPD

1.

Fil-25 ta’ Novembru 2013, il-Kummissjoni adottat proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) li jemenda r-Regolament (KE) Nru 515/97 tat-13 ta’ Marzu 1997 dwar għajnuna reċiproka bejn l-awtoritajiet amministrattivi tal-Istati Membri u l-koperazzjoni bejn dawn tal-aħħar u l-Kummissjoni biex ikun assigurat l-applikar korrett tal-liġi dwar materji doganali u agrikoli, kif emendat mir-Regolament 766/2008 fid-9 ta’ Lulju 2008 (2). Il-Proposta ntbagħtet lill-KEPD għall-konsultazzjoni fid-29 ta’ Novembru 2013.

2.

Qabel l-adozzjoni tal-Proposta, il-KEPD ingħata l-possibilità li jipprovdi kummenti informali lill-Kummissjoni. Uħud minn dawn il-kummenti ġew ikkunsidrati. Bħala riżultat, is-salvagwardji għall-protezzjoni tad-dejta fil-Proposta ssaħħu.

1.2.   Sfond u objettivi tal-Proposta

3.

Il-Proposta temenda wieħed mill-istrumenti legali l-aktar importanti għall-azzjoni kontra l-ksur tal-leġiżlazzjoni doganali. Il-ġlieda kontra l-ksur tal-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni tinvolvi skambju estensiv ta’ informazzjoni - inkluż dejta personali - fil-kuntest ta’ koperazzjoni bejn awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri u bejn dawn tal-aħħar u l-Kummissjoni.

4.

L-għan iddikjarat tal-Proposta huwa li tagħmel l-infurzar u l-koperazzjoni f’dan il-qasam tal-liġi tal-UE iktar effettivi. B’rabta mar-rintraċċar tal-oġġetti, hija tintroduċi obbligi ġodda għall-ġarriera tal-informazzjoni biex jissupplixxu lill-Kummissjoni b’informazzjoni fuq movimenti ta’ kontejners (l-hekk imsejħa Container Status Messages - “CSM” – Messaġġi dwar l-Istatus tal-Kontejners); hija timmira wkoll li tissimplifika r-regoli li jorganizzaw d-database ċentrali għal dejta importata, esportata u ta’ tranżitu biex tittejjeb l-analiżi tal-flussi tal-oġġetti.

5.

Il-Proposta tintroduċi wkoll il-possibilità lill-Kummissjoni li tikseb direttament mingħand operaturi mis-settur privat, dokumenti li jappoġġaw dikjarazzjonijiet ta’ importazzjoni u esportazzjoni, bil-għan espliċitu li tħaffef l-investigazzjonijiet tal-OLAF.

6.

Il-Proposta għandha wkoll l-għan iddikjarat li tissimplifika u tarmonizza r-regoli ta’ superviżjoni ta’ protezzjoni tad-dejta applikabbli għad-databases differenti stabbiliti fuq il-bażi tar-Regolament. Hija tintroduċi perjodu ta’ żamma massima għal dejta maħżuna fis-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali (“SID”) (3) u f’databases oħrajn.

7.

Għall-għanijiet ta’ ċarezza, id-databases u d-direttorji koperti mir-Regolament huma dawn li ġejjin:

Id-“direttorju tad-Dejta Ewropea” – Artikolu 18(a);

Id-“direttorju CSM” - Artikoli 18(c), 18(d) u 18(e);

Id-“direttorju tal-importazzjoni, esportazzjoni u tranżitu ” - Artikolu 18(g);

Id-database SID - Artikoli 23 sa 41;

Id-database FIDE - Artikoli 41(a) sa 41(d).

3.   KONKLUŻJONIJIET

66.

Il-KEPD jilqa’ l-modifiki li l-Kummissjoni għamlet fil-Proposta biex ittejjeb il-konformità tagħha mal-leġiżlazzjoni rilevanti għall-protezzjoni tad-dejta. Madankollu, għandu jiġi innutat li l-Proposta tinkludi wkoll xi dgħjufijiet pjuttost serji li jeħtieġ li jiġu eleminati qabel l-adozzjoni finali tagħha.

67.

Il-KEPD jixtieq jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tieħu approċċ iktar komprensiv għal leġiżlazzjoni dwar l-assistenza reċiproka fil-qasam doganali biex iġġibha konformi mal-bidliet li seħħew permezz tat-Trattat ta’ Lisbona, jiġifieri billi tiddeċiedi li telimina l-bażi doppja Regolament/Deċiżjoni u tissostittwixxiha bi strument wieħed ibbażat esklussivament fuq it-TFUE, biex tiggarantixxi ċertezza legali u reġim mingħajr skossi għall-protezzjoni tad-dejta.

68.

Għar-raġunijiet imressqa hawn fuq, il-KEPD fi kwalunkwe każ jirrakkomanda:

l-introduzzjoni ta’ mudell ġdid għas-superviżjoni tad-databases kollha li jinvolvu l-ipproċessar ta’ dejta personali stabbiliti fuq il-bażi tar-Regolament u l-Proposta (jiġifieri, SID - inkluż FIDE -, id-direttorju tad-Dejta Ewropea, u d-direttorju dwar l-importazzjoni, l-esportazzjoni u t-tranżitu). Dan il-mudell ikun ibbażat fuq superviżjoni kkordinata li għandha struttura bi tliet saffi: Awtoritajiet għall-Protezzjoni tad-Dejta fuq livell nazzjonali, il-KEPD fuq livell ċentrali u kordinazzjoni bejn it-tnejn;

il-ħatra tal-KEPD bħala s-segretarjat tal-kordinazzjoni tas-superviżjoni kemm skont id-Deċiżjoni kif ukoll ir-Regolament;

l-introduzzjoni ta’ dispożizzjoni ġenerali fit-test tal-Proposta biex jiġi ċċarat ir-Regolament 45/2001 li japplika għall-ipproċessar tad-dejta personali mwettaq mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u biex liġijiet nazzjonali li jimplimentaw id-Direttiva 95/46/KE ikunu applikabbli għall-ipproċessar imwettaq mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri varji;

is-sostituzzjoni ta’ dispożizzjonijiet frammentati varji b’dispożizzjonijiet uniformi li jispeċifikaw għal kull database (i) ir-rwol tal-Kummissjoni bħala kontrollur tad-dejta jew possibbilment kontrollur tad-dejta konġunt flimkien mal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali rilevanti; (ii) jekk meħtieġ għall-għanijiet ta’ ċarezza, l-irwol superviżorju tal-KEPD fejn il-Kummissjoni hija l-kontrollur, kuntrarju għal każijiet fejn l-ipproċessar huwa taħt is-superviżjoni ta’ awtoritajiet nazzjonali għall-protezzjoni tad-dejta; (iii) il-miżuri tekniċi li għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-ipproċessar (possibbilment, il-miżuri speċifiċi jistgħu jiddaħħlu f’att delegat biex ikun żgurat aġġornar iktar flessibbli); u (iv) il-ħtieġa għal iċċekkjar minn qabel mill-KEPD skont l-Artikolu 27 tar-Regolament 45/2001;

li l-perjodi ġodda ta’ żamma li ġew introdotti jiġu kkunsidrati mill-ġdid fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni tal-ħtieġa tat-tul għal kull każ speċifiku; barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet dwar l-anonimizzazzjoni tad-dejta għandhom jiġu mmodifikati biex jeħtieġu t-tħassir ta’ dejta;

fir-rigward tad-database tas-CSM, il-Proposta għandha tindika lista eżawrenti ta’ dejta li għandha tiddaħħal. Inkella, it-test tal-Proposta għandu jipprojbixxi espliċitament li dejta personali tiddaħħal f’din id-database.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Marzu 2014.

Peter HUSTINX

Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data


(1)  COM(2013)796 finali. Minn hawn 'il quddiem: “il-Proposta”.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 515/97 tat-13 ta’ Marzu 1997 dwar għajnuna reċiproka bejn l-awtoritajiet amministrattivi tal-Istati Membri u l-koperazzjoni bejn dawn tal-aħħar u l-Kummissjoni biex ikun assigurat l-applikar korrett tal-liġi dwar materji doganali u agrikoli, kif emendat mir-Regolament 766/2008 fid-9 ta’ Lulju 2008 (ĠU L 82, 22.3.1997, p. 1). Minn hawn 'il quddiem: “ir- Regolament”.

(3)  L-għan tas-SID huwa li tassisti lil awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-Kummissjoni (“imsieħba tas-SID”) fil-prevenzjoni, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ operazzjonijiet li jiksru d-dispożizzjonijiet doganali u agrikoli. Għal dan il-għan, tippermetti msieħba fis-SID li sabiex itellgħu twissijiet fis-sistema li jitolbu lil msieħba SID oħra biex jieħdu ċerti azzjonijiet, b’mod iktar speċifiku: li jaraw u jirrapportaw, sorveljanza diskreta, iċċekkjar speċifiku u analiżi operattiva. Dawn it-twissijiet jistgħu jkunu relatati għal komoditajiet, mezzi tat-trasport, negozji u persuni.


Top