EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014XC0626(04)

Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

ĠU C 196, 26.6.2014, p. 20–23 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

26.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 196/20


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(2014/C 196/08)

Din il-pubblikazzjoni tagħti d-dritt li wieħed joġġezzjona għat-talba skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

DOKUMENT UNIKU

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel  (2)

“WESTFÄLISCHER PUMPERNICKEL”

Nru tal-KE: DE-PGI-0005-01095 – 22.2.2013

IĠP ( X ) DPO ( )

1.   Isem

“Westfälischer Pumpernickel”

2.   Stat Membru jew pajjiż terz

Il-Ġermanja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   It-tip ta’ prodott

Il-kategorija 2.4. Ħobż, għaġina, kejkijiet, oġġetti tal-ħelu, gallettini u oġġetti oħra tal-furnar

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem mogħti fil-punt (1)

Deskrizzjoni ġenerali tal-prodott: Ħobż ismar ta’ lewn iswed jew skur ħafna li jkun bla qoxra u jkun magħmul mill-qamħ tas-segala mitħun oħxon. Fil-frak tal-ħobż wieħed jista’ jara biċ-ċar l-istruttura tal-ħbub tas-segala. Il-ħobż huwa ħelu iżda fl-aħħar iħallilek togħma morra tipika ħafna.

Huwa jkun tond jew kwadru. Il-ħidma ma’ xulxin, il-frak mhux niexef, u t-tip ta’ zokkor li jinħoloq minħabba li l-lamtu fis-segala jiddiżintegra matul il-perjodu twil ta’ ħami ta’ dan it-tip ta’ ħobż iwasslu biex il-biċċiet tal-ħobż imqatta’ tat-tip “Westfälischer Pumpernickel” jeħlu ma’ xulxin malajr.

Il-kompożizzjoni: Ħobż ismar li jkun magħmul minn tal-inqas 90 % qamħ tas-segala mitħun oħxon u/jew qamħ ismar tas-segala mitħun oħxon, ilma, melħ, ħmira, u ħobż tat-tip “Westfälischer Pumpernickel” li jkun inħema qabel; u li jista’ jkun fih ukoll ingredjenti oħra li ġejjin miċ-ċereali (bħax-xgħir) jew il-pitravi taz-zokkor (bħal, pereżempju, il-melassa (jew ġulepp) tal-pitravi taz-zokkor jew prodotti pproċessati oħrajn). Mal-ingredjenti ma jistgħu jiżdiedu l-ebda preżervattivi.

Il-karatteristiċi kimiċi/mikrobijoloġiċi

Mil-lat tal-karatteristiċi kimiċi, il-ħobż tat-tip “Westfälischer Pumpernickel” ivarja minn tipi ta’ ħobż ismar oħrajn, minħabba li fih il-lamtu (il-polisakkaridu) jinqasam f’ammonti konsiderevoli ta’ monosakkaridi, disakkaridi u oligosakkaridi peress li jdum ħafna jinħema.

Il-fatt li l-ħobż tat-tip “Westfälischer Pumpernickel” huwa ħobż tas-segala biss diġà jiddistingwih minn ħafna mit-tipi oħra ta’ ħobż. Minħabba f’dan, il-karatteristiċi tiegħu jvarjaw minn ħafna mit-tipi oħra ta’ ħobż. Fil-fatt, fl-għaġina tal-qamħ tas-segala, il-glutina ma tistax tifforma qafas ta’ twaħħil minħabba l-livell tal-pentosani fis-segala (li huwa ta’ 6 sa 8 %, meta mqabbel mal-livell ta’ 2 sa 3 % fil-qamħ). Minħabba f’hekk, l-għaġina tal-qamħ tas-segala jkun fiha inqas gass milli dik tal-qamħ. Dan iwassal biex il-ħobż tas-segala ma jkunx daqshekk ħafif daqs il-ħobż tal-qamħ u biex il-frak tiegħu jkun eħxen. Minħabba dawn il-karatteristiċi partikulari tal-ħami tas-segala, li ħafna drabi wieħed ma jkunx jixtieqhom, il-ħobż magħmul minn taħlita ta’ qamħ u segala huwa iktar popolari u komuni minn dak magħmul mis-segala biss.

Il-ħobż tat-tip “Westfälischer Pumpernickel” jibqa’ tajjeb għal żmien twil. Fil-fatt, meta jitgeżwer ġo film tal-plastika, jibqa’ tajjeb għal diversi xhur, filwaqt li meta jinħażen ġol-laned, idum tajjeb anki sa sentejn.

3.3.   Il-materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

Tal-inqas 90 % qamħ tas-segala mitħun oħxon u/jew qamħ ismar tas-segala mitħun oħxon, ilma, melħ, ħmira, u ħobż tat-tip “Westfälischer Pumpernickel” li jkun inħema qabel u li jkun jikkonforma mal-ispeċifikazzjonijiet; u jista’ jkun ukoll ingredjenti oħra li ġejjin miċ-ċereali (bħax-xgħir) jew il-pitravi taz-zokkor (bħal, pereżempju, il-melassa (jew ġulepp) tal-pitravi taz-zokkor jew prodotti pproċessati oħrajn).

3.4.   L-għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss)

3.5.   L-istadji speċifiċi tal-produzzjoni li għandhom jitwettqu fiż-żona ġeografika identifikata

Il-proċess tal-produzzjoni tal-ħobż, mill-għaġna tal-għaġina sal-ħami, irid jitwettaq fiż-żona ġeografika identifikata. Jekk mal-ingredjenti jiżdied il-ħobż tal-oħxon ismar li jkun inħema qabel, dan irid ikun ħobż tat-tip “Westfälischer Pumpernickel” li jkun ġie prodott skont din l-ispeċifikazzjoni fiż-żona ġeografika identifikata. Meta mal-ingredjenti jiżdied il-ħobż tal-oħxon ismar li jkun inħema qabel, il-prodott iżomm tajjeb iktar fit-tul u jkollu togħma iktar qawwija. Dan l-ingredjent irid ikun ġej miż-żona ġeografika identifikata, minħabba li tradizzjonalment il-ħobż tat-tip “Westfälischer Pumpernickel” dejjem sar bl-użu tal-istess tip ta’ ħobż li jkun inħema qabel u l-konsumaturi jħossu li l-furnara jkunu qed iqarrqu bihom jekk, biex jagħmluh, jużaw tip ta’ ħobż ieħor. L-ispjegazzjoni għal dan hija li dan l-ingredjent jiżdied biss biex ma jintremewx il-fdalijiet, li jistgħu jkunu biċċiet tal-ħobż imqatta’, fdalijiet oħrajn li jibqa’ meta jkun qed jiġi prodott il-ħobż tal-oħxon ismar, jew ħobż tal-oħxon ismar li jista’ jiġi kkummerċjalizzat iżda li ma jkunx inbiegħ.

3.6.   Ir-regoli speċifiċi għat-tqattigħ, għall-ħakk, għall-ippakkjar, eċċ.

Jekk il-ħobż tat-tip “Westfälischer Pumpernickel” ikun se jiġi kkummerċjalizzat bħala prodott imqatta’ u ppakkjat minn qabel, irid jitqatta’ u jiġi ppakkjat fl-impriża fejn ikun ġie prodott. Minħabba li l-ħobż tat-tip “Westfälischer Pumpernickel” ikun bla qoxra, malajr jispiċċa impestat bl-organiżmi mikrobijoloġiċi, u pereżempju jimmoffa. Minħabba f’hekk, it-trasport tiegħu mill-impriża fejn ikun ġie prodott għal post ieħor biex jiġi pproċessat aktar tkun tfisser riskju ta’ kontaminazzjoni li mhuwiex aċċettabbli.

3.7.   Ir-regoli speċifiċi għat-tikkettar

4.   Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Iż-żona tal-produzzjoni tifforma parti mir-reġjun Ġermaniż ta’ Nordrhein-Westfalen, u hija ż-żona tal-awtorità reġjonali ta’ Westfalen-Lippe, minbarra d-distrett ta’ Lippe.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

Il-prodott igawdi minn fama tajba, li hija marbuta mal-oriġini tiegħu. Barra minn hekk, bis-saħħa tat-tradizzjoni twila tal-produzzjoni tiegħu f’dan ir-reġjun, li tmur lura sal-1570, il-produtturi lokali għandhom ħiliet partikulari li wkoll iwasslu għall-fama tajba tal-prodott.

5.1.   L-ispeċifiċità taż-żona ġeografika

Minbarra n-naħa t’isfel ta’ Westfalen, li flimkien mar-reġjun ta’ Sauerland tifforma parti mir-reġjun tal-għoljiet ċentrali tal-Ġermanja, ir-reġjun ta’ Westfalen jifforma parti min-naħa ta’ fuq tal-Ġermanja. Is-segala hija għalla li titkabbar b’mod tradizzjonali f’dan ir-reġjun, minħabba l-klima marittima li nsibu fih, li hija influwenzata mill-Baħar tat-Tramuntana (u li hija kkaratterizzata minn ħafna xita mqassma fuq ħafna ġranet, minn sjuf li fihom ma tagħmilx daqshekk sħana u minn xtiewi li mhumiex daqshekk qliel). Is-segala u l-qamħ għandhom karatteristiċi differenti tal-ħami. Għalhekk, it-tkabbir mifrux tas-segala fir-reġjun ta’ Westfalen wassal minn kmieni biex jiġu prodotti tipi ta’ ħobż speċjali, fosthom il-ħobż tat-tip “Westfälischer Pumpernickel”.

5.2.   L-ispeċifiċità tal-prodott

Il-ħobż tat-tip “Westfälischer Pumpernickel” għandu storja twila u fama tajba msejsa proprju fuq din l-istorja. Dan il-ħobż għadu jżomm din il-fama tajba ħafna tiegħu saħansitra sal-ġurnata tal-lum. Il-fatt li jeżistu kitbiet bħal dawk imsejħin “Pumpernickel - Das schwarze Brot der Westfalen” (“Il-ħobż tal-oħxon ismar — Il-ħobż l-iswed tar-reġjun ta’ Westfalen”) u “Kulinarische Randgebiete neu entdeckt — Band 1 Pumpernickel” (“Niskopru mill-ġdid ir-reġjuni kulinari periferali — L-ewwel volum — Il-ħobż tal-oħxon ismar”) juri l-fama tajba li għadu jgawdi minnha l-ħobż tat-tip “Westfälischer Pumpernickel” fir-reġjun ta’ Westfalen illum il-ġurnata. Dan jidher ukoll, fost l-oħrajn, mill-fatt li wieħed jista’ jsib il-ħobż tat-tip “Westfälischer Pumpernickel” għall-bejgħ kważi fil-ktajjen kollha tas-supermarkits Ġermaniżi.

Il-karatteristiċi oġġettivi tal-ħobż tat-tip “Westfälischer Pumpernickel” li l-iktar jolqtuk huma l-fatt li dan huwa magħmul biss mis-segala u li, minħabba f’hekk biss, ukoll ivarja minn ħafna mit-tipi l-oħra ta’ ħobż, u l-fatt li dan jinħema għal mill-inqas 16-il siegħa fi fran bil-fwar jew f’forom issiġillati fi fran bil-gradilji. Fil-Ġermanja nsibu ħafna tipi ta’ ħobż differenti, fosthom ħafna tipi ta’ ħobż ta’ lewn iswed. Madankollu, il-ħin twil ħafna ta’ ħami ta’ 16-il siegħa jew iżjed huwa tipiku biss ta’ dan it-tip ta’ ħobż, u ma jeżisti l-ebda tip ta’ ħobż ieħor li jdum jinħema daqshekk. It-temperaturi tal-ħami jattivaw l-enzimi li jkun hemm fil-ħbub, li mbagħad wara jiġu diżattivati, f’xi punt wara l-perjodu ta’ mill-inqas 16-il siegħa ta’ ħami. L-ewwel u qabel kollox huma l-amilożi (il-lamti) li jinsabu fiċ-ċereali li jinqasmu fil-partijiet li jiffurmawhom, jiġifieri fil-monosakkaridi u d-disakkaridi differenti (li huma tipi ta’ zokkor differenti), u li jagħtu lil dan it-tip ta’ ħobż it-togħma tipika tiegħu. Hekk kif ikompli jinħema l-ħobż, iz-zokkor li jkun irriżulta minn dan jispiċċa jsir karamella. Il-lewn skur tal-ħobż jiġi minħabba l-hekk imsejħa “reazzjoni ta’ Maillard”. Minħabba dan il-“qsim” tal-lamtu, ma jkunx hemm biżżejjed lamtu biex il-ħobż isir ġelatina u ma jkunx magħqud flimkien, hekk kif ikun mixtieq fil-każ tat-tipi l-oħra kollha ta’ ħobż. Il-proċessi l-oħra kollha tal-produzzjoni tal-ħobż huma mfasslin b’tali mod li jinibixxu l-enzimi msemmijin hawn fuq. Din it-taħlita tal-attivazzjoni u l-inibizzjoni tal-enzimi li jinsabu fiċ-ċereali stess permezz tal-proċess tal-ħami fuq perjodu daqshekk twil hija unika. Għalhekk, dan huwa proċess tal-produzzjoni kompletament differenti. Il-ħami tal-ħobż tat-tip “Westfälischer Pumpernickel” m’għandu xejn x’jaqsam ma’ kif jinħmew b’mod tradizzjonali t-tipi l-oħra ta’ ħobż ta’ lewn iswed.

Dan il-proċess uniku jwassal biex il-ħobż ikun ħelu iżda fl-aħħar iħallilek togħma morra tipika, u biex il-frak tiegħu ikun ta’ lewn kannella skur u kważi iswed. Din it-togħma tipika tiegħu, li hija kemm kemm ħelwa u xi kultant naqra qawwija u kemm kemm qarsa, iżda li fl-istess ħin hija naqra aromatika, tikkaratterizza b’mod partikulari ‘l din l-ispeċjalità.

Dawn il-karatteristiċi oġġettivi, li huma tipiċi għal dan ir-reġjun u li ġejjin mill-proċess partikulari tal-produzzjoni, iwasslu wkoll għall-fama tajba li minnha jgawdi dan it-tip ta’ ħobż, li ġejja wkoll mill-ħiliet partikulari tal-furnara tal-post. Wieħed irid ikollu ħafna esperjenza biex jirnexxilu jikkontrolla t-temperatura għal perjodu ta’ ħami ta’ mill-inqas 16-il siegħa - esperjenza li f’dan ir-reġjun inkisbet bis-saħħa tat-tradizzjoni twila ta’ produzzjoni ta’ dan it-tip ta’ ħobż fih. Dan il-ħin twil ta’ ħami huwa tipiku għal dan ir-reġjun. Fih, jekk isir dan it-tip ta’ ħobż, dan jinħema għal perjodi ta’ bejn 12 u 16-il siegħa, għalkemm dan ma jwassalx għall-karatteristiċi speċjali li jiddistingwu l-ħobż tat-tip “Westfälischer Pumpernickel” minn tipi ta’ ħobż oħrajn.

5.3.   Ir-rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO), jew kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħrajn tal-prodott (għall-IĠP)

Il-fama tajba u d-dehra u t-togħma partikulari tal-prodott ġejjin mill-proċess tal-produzzjoni partikulari tiegħu, li ilu marbut maż-żona tal-produzzjoni u li żviluppa fiha permezz tat-tradizzjoni twila ta’ tkabbir tas-segala. Il-ħami tal-ħobż tat-tip “Westfälischer Pumpernickel” għal 16-il siegħa huwa proċess mhux tas-soltu ħafna, li jinfluwenza b’mod konsiderevoli l-karatteristiċi kimiċi u fiżiċi tal-ħobż. Dan il-proċess ta’ produzzjoni tal-ħobż tal-oħxon ismar jintuża kważi esklussivament fir-reġjun ta’ Westfalen, inbeda fih u jintuża l-iktar fih. B’hekk, għall-konsumaturi, dan il-proċess u wkoll il-prodott li joħroġ minnu, jiġifieri l-ħobż tat-tip “Westfälischer Pumpernickel”, huma żewġ affarijiet tipiċi ta’ dan ir-reġjun. Slogan popolari li kien jintuża bħala riklam fuq il-kartolini tal-bliet tar-reġjun ta’ Westfalen madwar l-1900 kien dan li ġej:

“Seht Ihr von fern Westfalen’s Pforte winken (Tista’ tara l-bibien ta’ Westfalen fil-bogħod),

das Land der Pumpernickel und der Schinken? (ir-reġjun tal-ħobż tal-oħxon ismar u tal-perżut?)

Seid froh willkommen Hier auf Eurer Reise (Ejja s’hawn waqt li qed tivvjaġġa u nilqgħuk bil-ferħ),

und esst mit uns des schönen Landes Speise!” (u kul magħna l-ikel bnin ta’ dan ir-reġjun!).

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni

(L-Artikolu 5(7) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (3))

https://register.dpma.de/DPMAregister/geo/detail.pdfdownload/38550


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12. Mibdul bir-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

(3)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 2.


Top