EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013XC0426(02)

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni ppubblikata skont l-Artikolu 27(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 fil-Kawża AT.39740 – Google Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU C 120, 26.4.2013, p. 22–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

26.4.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 120/22


Komunikazzjoni mill-Kummissjoni ppubblikata skont l-Artikolu 27(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 fil-Kawża AT.39740 – Google

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2013/C 120/09

1.   INTRODUZZJONI

1.

Skont l-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 dwar l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni stipulati fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ir-Regolament (KE) Nru 1/2003) (1), il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi – f’każijiet fejn tkun beħsiebha tadotta deċiżjoni li tirrikjedi li jitwaqqaf ksur u li l-impriżi kkonċernati joffru impenji li jissodisfaw it-tħassib espress lilhom mill-Kummissjoni fil-valutazzjoni preliminari tagħha – li tagħmel dawk l-impenji vinkolanti fuq l-impriżi. Deċiżjoni bħal din tista’ tiġi adottata għal perjodu speċifiku u tikkonkludi li ma hemmx aktar raġunijiet għal azzjoni mill-Kummissjoni. Skont l-Artikolu 27(4) tal-istess Regolament, il-Kummissjoni tippubblika taqsira konċiża dwar il-każ u l-kontenut ewlieni tal-impenji. Il-partijiet interessati jistgħu jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fil-limitu ta’ żmien stipulat mill-Kummissjoni.

2.   TAQSIRA TAL-KAŻ

2.

Fit-13 ta’ Marzu 2013, il-Kummissjoni adottat valutazzjoni preliminari skont it-tifsira tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 indirizzata lil Google Inc. (“Google”).

3.

Fil-valutazzjoni preliminari tagħha, il-Kummissjoni kienet tal-fehma li Google timpenja ruħha fil-prattiki kummerċjali li ġejjin li jistgħu jiksru l-Artikolu 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”) u l-Artikolu 54 tal-Ftehim taż-ŻEE.

It-trattament favorevoli, fir-riżultati orizzontali ta’ tiftix fuq il-web ta’ Google, ta’ links (ħoloq) għas-servizzi proprji ta’ tiftix vertikali fuq il-web ta’ Google meta mqabbla ma’ links għal servizzi kompetittivi ta’ riċerka vertikali fuq il-web (“l-ewwel prattika kummerċjali”) (2);

L-użu li għamlet Google mingħajr permess minn kontenut oriġinali minn websajts ta’ partijiet terzi fis-servizzi proprji ta’ tiftix vertikali fuq il-web (“it-tieni prattika kummerċjali”) (3);

Ftehimiet li jobbligaw de jure jew de facto lill-websajts li huma proprjetà ta’ partijiet terzi (li fl-industrija jissejħu “pubblikaturi") li jiksbu mingħand Google il-parti l-kbira mill-ħtiġijiet jew il-ħtiġijiet kollha għar-reklamar tagħhom li jidher waqt it-tiftix onlajn (“it-tielet prattika kummerċjali”); u

Restrizzjonijiet kuntrattwali fuq il-ġestjoni u t-trasferibbiltà ta’ kampanji ta’ reklamar li jidhru waqt it-tiftix onlajn minn pjattaformi ta’ riklamar ta’ tiftix (“ir-raba' prattika kummerċjali”).

3.   IL-KONTENUT PRINĊIPALI TAL-IMPENJI OFFRUTI

4.

Google ma taqbilx li hija impenjata fil-prattiki kummerċjali deskritti hawn fuq, u ma taqbilx mal-analiżi legali fil-valutazzjoni preliminari tal-Kummissjoni. Hija madankollu offriet impenji skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 biex tissodisfa t-tħassib preliminari ta’ kompetizzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-prattiki kummerċjali msemmija hawn fuq.

5.

L-elementi prinċipali tal-impenji huma kif ġej.

6.

Rigward l-ewwel prattika kummerċjali, Google se tittikketta l-links għas-servizzi proprji tagħha ta’ tiftix vertikali fuq il-web li huma soġġetti għal allokazzjoni favorevoli fir-riżultati ta’ tiftix orizzontali fuq il-web tagħha stess. It-tikketta tinforma lill-utenti li l-links għas-servizzi ta’ tiftix vertikali fuq il-web ta’ Google ġew miżjuda minn Google biex jipprovdu aċċess għas-servizzi ta’ tiftix fuq il-web vertikali, biex l-utenti ma jfixklux il-links tas-servizzi ta' tiftix fuq il-web vertikali ta' Google stess mal-links ta' riżultati ta' tiftix orizzontali fuq il-web. Fejn applikabbli, it-tikketta tinforma wkoll lill-utenti dwar fejn, fir-riżultati ta’ tiftix orizzontali fuq il-web ta’ Google, jistgħu jsibu links għal servizzi alternattivi ta’ tiftix vertikali fuq il-web.

7.

Fejn applikabbli, Google se tiddistingwi wkoll il-links għas-servizzi ta’ tiftix vertikali fuq il-web tagħha stess minn riżultati ta’ tiftix orizzontali oħra fuq il-web, biex l-utenti jkunu konxji min-natura differenti tagħhom.

8.

Fl-aħħar nett, fejn Google tpoġġi għad-dispożizzjoni fir-riżultati ta’ tiftix orizzontali tagħha fuq il-web, links għal servizz ta’ tiftix vertikali fuq il-web ta’ Google, kif deskritt fil-paragrafu (6) hawn fuq, li fihom reklamar ta’ tiftix jew links kummerċjali simili f’aktar minn 5 % tal-każijiet fejn dan is-servizz ta’ tiftix vertikali jinqara mill-utenti taż-ŻEE, Google se tpoġġi għad-dispożizzjoni fuq il-paġna ta’ riżultati ta’ tiftix orizzontali fuq il-web, links għal tliet servizzi kompetituri rilevanti ta’ tiftix vertikali fuq il-web. Google se tippermetti li l-utenti jkunu konxji b’mod ċar dwar il-preżenza ta' dawn it-tliet links rivali. Google se tagħżel dawn it-tliet servizzi kompetituri ta’ tiftix vertikali fuq il-web fuq il-bażi ta’ mekkaniżmi mmirati lejn l-iżgurar tar-rilevanza tagħhom fit-tiftixa.

9.

Rigward it-tieni prattika kummerċjali, Google se toffri lill-websajts ta' partijiet terzi l-esklużjoni fakultattiva msejsa fuq il-web għall-użu tal-kontenut kollu esplorat mis-sit tagħhom fis-servizzi ta' tiftix vertikali fuq il-web ta' Google. Man-notifika ta’ esklużjoni fakultattiva, Google tieqaf tiddisponi l-kontenut inkwistjoni fis-servizzi ta’ tiftix vertikali fuq il-web ta' Google. L-esklużjoni fakultattiva mhix se taffettwa bla bżonn il-klassifikazzjoni tal-websites tal-partijiet terzi fir-riżultati ta’ tiftix orizzontali fuq il-web ta’ Google.

10.

Google se toffri wkoll lis-servizzi ta’ tiftix vertikali eliġibbli fuq il-web li jiffokaw fuq il-provvediment ta’ servizzi ta’ tiftix lokali jew tiftix ta’ prodotti, il-possibbiltà li jimmarkaw ċerti kategoriji ta' informazzjoni b'tali mod li informazzjoni bħal din ma tkunx indiċjata jew użata minn Google.

11.

Fl-aħħar nett, Google se żżomm mekkaniżmi eżistenti għall-pubblikaturi ta’ gazzetti stabbiliti fiż-ŻEE biex ikunu jistgħu jikkontrollaw, fuq paġna web permezz ta’ bażi ta’ paġna web, il-kontenut tagħhom li jidher f’Google News.

12.

L-impenji stipulati fil-paragrafi (6) sa (11) hawn fuq se japplikaw irrispettivament minn jekk jeżistix attwalment servizz ta’ tiftix vertikali fuq il-web ta’ Google jew jekk dan is-servizz huwiex se jiġi introdott fil-perjodu kopert mill-impenji.

13.

Rigward it-tielet prattika kummerċjali, Google timpenja ruħha li ma tinkludix aktar fil-ftehimiet tagħha ma’ pubblikaturi dispożizzjonijet jew timponi obbligi mhux miktuba li jkunu jirrikjedu, de jure jew de facto, li l-pubblikaturi jakkwistaw il-ħtiġijiet tagħhom rigward reklamar li jidher waqt tiftix onlajn esklussivament minn Google f'dak li għandu x'jaqsam ma' mistoqsijiet minn utenti fiż-ŻEE.

14.

Rigward ir-raba’ prattika kummerċjali, Google se tieqaf milli timponi kwalunkwe obbligazzjoni miktuba jew mhux miktuba (inklużi fl-AdWords it-termini u l-kundizzjonijiet API) li jżommu lil dawk li jirreklamaw mill-portabbiltà jew mill-ġestjoni ta’ kampanji ta’ reklamar li jidher waqt it-tiftix madwar l-AdWords ta’ Google u s-servizzi ta’ reklamar mhux tal-Google.

15.

It-tul ta' żmien ta' dawn l-impenji se jkun ta' ħames snin u tliet xhur mid-data li fiha Google tirċievi notifika formali tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003. Google se taħtar ukoll fiduċjarju li għandu jissorvelja l-konformità tagħha mal-impenji.

16.

L-impenji offruti huma ppubblikati fit-totalità tagħhom bl-Ingliż fuq il-websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni fuq:

http://ec.europa.eu/competition/index_en.html

4.   STEDINA GĦALL-KUMMENTI

17.

Il-Kummissjoni beħsiebha tadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 li tivvinkola fuq Google l-impenji miġbura fil-qosor hawn fuq u ppubblikati fuq l-Internet, fuq il-websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni.

18.

Skont l-Artikolu 27(4) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet terzi biex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-impenji. Dawn l-osservazzjonijiet għandhom jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn xahar wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Il-partijiet interessati huma wkoll mitluba jippreżentaw verżjoni mhux kunfidenzjali tal-kummenti tagħhom, li fiha kull informazzjoni li jistqarru li hija sigriet professjonali u informazzjoni kunfidenzjali oħra għandha titħassar u tinbidel kif mitlub b'taqsira mhux kunfidenzjali jew bil-kliem “sigrieti professjonali” jew “kunfidenzjali”.

19.

Ir-risposti u l-kummenti għandhom preferibbilment ikunu motivati u għandhom jistabbilixxu l-fatti rilevanti. Jekk tidentifika problema ma’ kwalunkwe parti mill-impenji proposti, il-Kummissjoni tistiednek ukoll biex tissuġġerixxi soluzzjoni possibbli.

20.

L-osservazzjonijiet jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni bin-numru ta’ referenza AT.39740 – Google bil-posta elettronika (COMP-GOOGLE-CASES@ec.europa.eu), bil-faks (+32 22950128) jew bil-posta normali, fl-indirizz li ġej:

European Commission

Directorate-General for Competition

Antitrust Registry

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1. B’effett mill-1 ta’ Diċembru 2009, l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat tal-KE saru l-Artikoli 101 u 102 rispettivament, tat-TFUE Iż-żewġ settijiet ta’ dispożizzjonijiet huma identiċi fil-kontenut. Għall-finijiet ta’ dan l-avviż, ir-referenzi għall-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE għandhom jinftiehmu bħala referenzi għall-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat tal-KE fejn applikabbli.

(2)  Is-servizzi vertikali ta’ riċerka fuq il-web huma servizzi bbażati fuq il-web li minħabba t-tfassil tagħhom huma limitati għal kategoriji speċifiċi ta’ informazzjoni definiti minn qabel fuq il-web. Servizzi orizzontali ta’ riċerka fuq il-web huma servizzi bbażati fuq il-web li jippermettu lill-utenti jfittxu l-informazzjoni kollha fuq il-web, tkun xi tkun in-natura tal-informazzjoni.

(3)  Il-valutazzjoni preliminari ma kkunsidratx ir-relazzjoni bejn l-użu ta’ Google ta’ kontenut oriġinali minn websajts ta’ partijiet terzi u l-liġi dwar il-proprjetà intellettwali.


Top